Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0543

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fil-11 ta’ April 2019.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Miżuri intiżi sabiex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja – Direttiva 2014/61/UE – Assenza ta’ traspożizzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum – Kalkolu tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità.
    Kawża C-543/17.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:322

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fil‑11 ta’ April 2019 ( 1 )

    Kawża C‑543/17

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Renju tal-Belġju

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Direttiva 2014/61/UE – Spiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja – Artikolu 260(3) TFUE – Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva – Sanzjonijiet pekunjarji – Talba għal kundanna ta’ ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum”

    I. Introduzzjoni

    1.

    F’din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja “tikkonstata li billi ma adottax, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja [ ( 2 )], jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva” ( 3 ).

    2.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja “tikkundanna lir-Renju tal-Belġju, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 54 639.36 per diem mid-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża odjerna għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61/UE” ( 4 ).

    3.

    Dan ir-rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu għalhekk żewġ aspetti li jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ ksur klassiku li jikkonsisti f’nuqqas ta’ traspożizzjoni (parzjali) ta’ direttiva u, it-tieni nett, il-kwistjoni ta’ sanzjoni pekunjarja ( 5 ) skont l-Artikolu 260(3) TFUE. L-ewwel aspett tal-proċedura ma joħloqx problemi ġuridiċi u, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet fil-proċedura ( 6 ). Min-naħa l-oħra, il-problema ġuridika mqajma mit-tieni aspett hija diskussa bejn, il-Kummissjoni, minn naħa, u r-Renju tal-Belġju u l-Istati Membri intervenjenti, min-naħa l-oħra ( 7 ).

    4.

    L-Artikolu 260(3) TFUE ġie introdott mit-Trattat ta’ Lisbona. Huwa jipprevedi mekkaniżmu li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjoni pekunjarja fuq Stat Membru sa mill-ewwel kundanna għal nuqqas ta’ notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva.

    5.

    Sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rċeviet għadd kbir ta’ kawżi fejn il-Kummissjoni talbet l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. Madankollu, dawn kollha ġew riżolti, sa issa, qabel l-għoti tas-sentenza bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni, li wassal sabiex din tal-aħħar tirrinunzja għall-atti, xi drabi fl-aħħar minuta ( 8 ).

    6.

    Għalhekk, din il-kawża tista’ tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dik id-dispożizzjoni ( 9 ).

    7.

    L-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE tqajjem mistoqsijiet fundamentali dwar l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. L-għan ewlieni tiegħi, sabiex ma ngħidx it-tħassib ewlieni tiegħi f’din il-kawża, huwa li ngħarraf lill-Qorti tal-Ġustizzja li kwalunkwe interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandha tmur lil hinn mill-verità ovvja li traspożizzjoni rapida, sħiħa u korretta tad-direttivi hija essenzjali għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    8.

    Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/61, intitolat “Traspożizzjoni” ( 10 ):

    “L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Jannar 2016. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

    Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Lulju 2016.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif isiru tali referenzi għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.”

    III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

    A.   Il-proċedura prekontenzjuża

    9.

    Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/61, l-Istati Membri kellhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2016 u kellhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

    10.

    Peress li sa dik id-data l-ebda miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ma ġiet ikkomunikata lilha, fit-23 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Belġju.

    11.

    Peress li t-tweġiba tar-Renju tal-Belġju indikat li, fil-11 ta’ Lulju 2016, il-miżuri ta’ traspożizzjoni kienu qed jitħejjew, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru fit-30 ta’ Settembru 2016 u stednitu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn minn meta jirċeviha.

    12.

    Wara li ngħata proroga tat-terminu għat-tweġiba tiegħu, ir-Renju tal-Belġju wieġeb għall-opinjoni motivata bl-ittri tal-21 ta’ Frar u tat-28 ta’ Marzu 2017, fejn informa lill-Kummissjoni li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 kienet għaddejja. Dawn l-ittri kienu akkumpanjati minn abbozz ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni u l-verżjoni kkonsolidata tal-ordonnance du 3 juillet 2008 relative aux chantiers de voirie de la Région de Bruxelles Capitale (id-Digriet tat-3 ta’ Lulju 2008 dwar Xogħlijiet fit-Toroq fir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, il-Belġju).

    13.

    Billi qieset li kien hemm nuqqas kemm ta’ traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2014/61 kif ukoll ta’ komunikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva b’mod sħiħ u li għalhekk ir-Renju tal-Belġju kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors fit-13 ta’ Lulju 2017.

    B.   Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    14.

    Permezz tar-rikors tagħha, ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni kkritikat lir-Renju tal-Belġju, minn naħa, talli ma adottax il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/61 u, min-naħa l-oħra, talli fi kwalunkwe każ ma nnotifikahiex dwarhom.

    15.

    Fir-risposta tiegħu, ir-Renju tal-Belġju rrefera għall-progress li sar fit-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/61, fejn indika li l-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet ġew trasposti fid-dritt Belġjan, skont it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istat Federali, ir-reġjuni u l-komunitajiet, u li ttieħdu jew għadhom għaddejjin il-miżuri meħtieġa għal dawk li għadhom ma ġewx trasposti.

    16.

    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li, minkejja l-progress sinjifikattiv li sar fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61 mir-Renju tal-Belġju mill-preżentata tar-rikors, kien għadu jeħtieġ li jiġu adottati miżuri addizzjonali sabiex din tiġi trasposta b’mod sħiħ. Barra minn hekk, din il-ħtieġa hija rrikonoxxuta mill-awtoritajiet Belġjani stess. B’riżultat ta’ dan, u għalkemm naqqset l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum li tixtieq li r-Renju tal-Belġju jiġi kkundannat iħallas, il-Kummissjoni żammet it-talbiet tagħha.

    17.

    Fil-5 ta’ Frar 2018, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Awstrija ngħataw permess sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Belġju. Fil-21 ta’ Novembru 2018, ir-Rumanija ngħatat permess sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Belġju.

    18.

    Il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta li nżammet fit-22 ta’ Jannar 2019, l-istess bħall-Gvern Ġermaniż, Estonjan, Spanjol, Franċiż, Taljan, Ungeriż, Awstrijak u Rumen.

    IV. Analiżi

    19.

    Ser neżamina qabelxejn il-kwistjoni tan-nuqqasijiet li bihom huwa akkużat ir-Renju tal-Belġju skont l-Artikolu 258 TFUE (Taqsima A) qabel ma niffoka fuq il-kwistjoni iktar diffiċli tas-sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(3) TFUE (Taqsima B).

    A.   Dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE

    20.

    Il-Kummissjoni tilmenta li r-Renju tal-Belġju naqas milli jittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/61 fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Jannar 2016, id-data prevista fl-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva għall-adozzjoni u għall-pubblikazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din id-direttiva u naqas milli jinnotifika d-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni.

    21.

    Ir-Renju tal-Belġju ma jikkontestax din il-kritika.

    22.

    Għaldaqstant ninsabu fil-preżenza ta’ “nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mhux ikkontestat”: ir-Renju tal-Belġju ma ttrasponiex id-Direttiva 2014/61 sat-terminu mogħti u lanqas ma għarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni kif mitlub mill-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva.

    23.

    Sabiex jiġi stabbilit nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi skont direttiva, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas trid tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ( 11 ).

    24.

    Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, billi ma adottax, fit-terminu previst, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/61/KE jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

    B.   Fuq is-sanzjoni pekunjarja skont l-Artikolu 260(3) TFUE

    25.

    Il-kwistjoni prinċipali f’din il-kawża tikkonċerna bla dubju l-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, jiġifieri kif tapplika din id-dispożizzjoni f’din il-kawża.

    1. Fuq id-Direttiva

    26.

    Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, “[d]irettiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali”. Dan l-istrument speċifiku għas-sistema legali tal-Unjoni jikkostitwixxi l-istrument għall-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali.

    27.

    Id-Direttiva hija eżempju eċċellenti ta’ kif is-sistemi legali nazzjonali huma interkonnessi mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għalhekk, traspożizzjoni korretta hija ta’ importanza kbira kemm għall-effett ulti tad-Direttiva kif ukoll għall-applikazzjoni uniformi tagħha madwar l-Unjoni.

    28.

    Il-proċedura leġiżlattiva f’żewġ stadji tad-direttivi timplika sforz ta’ kontroll kunsiderevoli. Peress li d-direttivi jridu jiġu trasposti mill-Istati Membri, mhux biss huma sors ta’ diverġenzi, iżda wkoll sors ta’ żbalji ( 12 ). L-esperjenza sa issa wriet li t-tieni stadju ma jistax jitqies bħala ħaġa fatta u li t-traspożizzjoni mill-Istati Membri ħafna drabi tiġi żgurata aħjar permezz ta’ kontroll sistematiku mill-Kummissjoni. B’riżultat ta’ dan, il-prattiki ta’ traspożizzjoni huma suġġetti għal monitoraġġ kontinwu u evalwazzjoni statistika mill-Kummissjoni.

    29.

    Fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ direttivi fid-dritt nazzjonali, tradizzjonalment hemm tliet tipi ewlenin ta’ ksur. L-ewwel wieħed jikkonċerna n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni (Stat Membru ma jkunx innotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva lill-Kummissjoni fit-termini mogħtija), it-tieni wieħed jikkonċerna n-nuqqas ta’ konformità (il-miżuri ta’ traspożizzjoni meħuda minn Stat Membru ma jkunux konformi mar-rekwiżiti ta’ direttivi tal-Unjoni) u, fl-aħħar nett, it-tielet wieħed jikkonċerna l-applikazzjoni ħażina jew l-applikazzjoni inkorretta (id-direttiva, għalkemm formalment trasposta, ma tkunx ġiet applikata b’mod korrett jew ma tkunx ġiet applikata totalment mill-awtoritajiet nazzjonali).

    30.

    Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni nnifisha tapplika din il-kategorizzazzjoni ( 13 ).

    31.

    Sabiex taqdi dmirijietha bħala gwardjan tat-Trattati u sabiex tivverifika jekk Stat Membru ttrasponiex korrettament id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva fid-dritt nazzjonali, il-Kummissjoni għandha għalhekk tiġi informata dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni meħuda mill-Istati Membri ( 14 ).

    32.

    L-Istati Membri spiss jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ traspożizzjoni tad-direttivi u t-traspożizzjoni ħażina tad-direttivi hija waħda mill-iktar każijiet frekwenti u serji ta’ applikazzjoni ħażina tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri ( 15 ).

    33.

    Id-direttivi issa jimponu l-obbligu li jsir riferiment għad-direttiva fl-att nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Bħala riżultat ta’ dan l-obbligu indipendenti ta’ riferiment, miżuri ta’ traspożizzjoni jsiru neċessarji anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali diġà tkun tissodisfa, fis-sustanza, ir-rekwiżiti tad-direttiva. Sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tat-traspożizzjoni, id-direttivi spiss jimponu fuq l-Istati Membri, anki qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-obbligu li jinnotifikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni meħuda ( 16 ). Barra minn hekk, sabiex tiffaċilita l-kontroll tat-traspożizzjoni, il-Kummissjoni titlob regolarment lill-Istati Membri sabiex jipprovdulha tabella ta’ korrelazzjoni li turi kif kull dispożizzjoni ta’ direttiva partikolari għandha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali ( 17 ).

    34.

    It-Trattat ta’ Lisbona żied il-proċedura prevista fl-Artikolu 260(3) TFUE mal-istrumenti li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha għall-finijiet ta’ tali kontroll.

    2. Fuq l-iskop tal-Artikolu 260(3) TFUE

    35.

    Sabiex wieħed jifhem sewwa l-loġika tal-Artikolu 260(3) TFUE, jidhirli utli li nieħdu pass lura u nqiegħdu din id-dispożizzjoni fil-kuntest storiku u sistematiku tagħha.

    36.

    Għal dan il-għan, nixtieq nindirizza, b’mod konċiż, l-iskop kontroversjali ta’ din id-dispożizzjoni.

    37.

    Tressqu żewġ argumenti f’dan ir-rigward. Minn naħa, dak li jgħid li l-mekkaniżmu stabbilit minn din id-dispożizzjoni huwa maħsub sabiex jippenalizza direttament in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. Dan l-argument huwa sostnut, b’mod partikolari, mill-Kummissjoni ( 18 ), minn parti mid-duttrina ( 19 ) kif ukoll, b’mod impliċitu, mill-Avukati Ġenerali Wathelet ( 20 ) u Tanchev ( 21 ). Skont dan l-approċċ, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni fit-terminu previst minn direttiva jista’, bħala tali, jagħti lok għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji. L-obbligu ta’ ħlas jista’ jidħol fis-seħħ immedjatament, jiġifieri mid-data tal-għoti tas-sentenza, jew f’data sussegwenti stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

    38.

    Min-naħa l-oħra, l-argument oppost jgħid li l-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 260(3) TFUE huwa intiż sabiex jippenalizza n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li Stat Membru naqas mill-obbligu tiegħu li jinnotifika miżuri ta’ traspożizzjoni ( 22 ). Skont dan l-approċċ, sanzjoni pekunjarja imposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 23 ) tidħol fis-seħħ biss f’data sussegwenti, peress li r-raġuni għas-sanzjoni pekunjarja hija preċiżament in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza. Tabilħaqq, dan l-approċċ jargumenta li r-ratio legis tal-Artikolu 260(3) TFUE huwa li sanzjonijiet jistgħu jiġu imposti fuq Stat Membru immedjatament, jiġifieri fid-data tas-sentenza dwar il-ksur, jekk il-ksur ikun manifest, li jfisser li l-konstatazzjoni tiegħu ma toħloq l-ebda problema. Huwa biss f’tali sitwazzjoni li huwa ġġustifikat li titħaffef il-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE u li l-kwistjoni ma jkollhiex tiġi rreferuta għal darba oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    39.

    Nifhem li mal-ewwel daqqa t’għajn, l-ewwel approċċ jista’ jidher iktar attraenti mit-tieni wieħed. Dan huwa, fi kwalunkwe każ, approċċ intuwittiv għal kull min ikun jaf sewwa r-rekord ta’ traspożizzjoni tad-direttivi mill-Istati Membri, biex ma ngħidx iffrustrat bih. Madankollu, minħabba r-raġunijiet li ser nagħti hawn isfel, ninsab konvint li t-tieni approċċ huwa t-tajjeb.

    a) Il-formulazzjoni

    40.

    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE tipprovdi l-ewwel indikazzjonijiet.

    41.

    Infakkar li, skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, “[j]ekk il-Qorti ssib li hemm ksur ta’ liġi tista’ timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali fuq l-Istat Membru kkonċernat, li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni. L-obbligu tal-ħlas għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti fis-sentenza tagħha”. Din il-formulazzjoni timplika, fil-fehma tiegħi, b’mod loġiku li l-obbligu ta’ ħlas jinħoloq neċessarjament f’data sussegwenti għal meta tingħata s-sentenza. Min-naħa l-oħra, ma tistax tiġi eskluża interpretazzjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE li tgħid li l-obbligu ta’ ħlas jista’ jikkoinċidi mal-għoti tas-sentenza. Anki jekk inqis din it-tieni interpretazzjoni iktar improbabbli minn dik tal-ewwel, huwa ċar li l-formulazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE ma hijiex nieqsa minn ambigwità u ma jistax jingħad li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tipprovdi, mingħajr ebda dubju, it-tweġiba għall-mistoqsija tagħna.

    b) L-istruttura

    42.

    Mil-lat sistematiku, ma hijiex koinċidenza li d-dispożizzjoni inkwistjoni tinsab fl-artikolu li jirrigwarda l-eżekuzzjoni u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-Artikolu 260 TFUE, u mhux fil-proċedura regolari għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri l-Artikolu 258 TFUE.

    43.

    Il-proċedura tar-rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija r-rimedju klassiku “ċentralizzat” sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri ( 24 ). Għal dan il-għan, l-Artikolu 258 TFUE jippermetti lill-Kummissjoni tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea wara proċedura prekontenzjuża li ma rnexxietx ( 25 ), filwaqt li l-Artikolu 259 TFUE – li rarament jiġi applikat – jipprovdi proċedura simili ( 26 ) għal (kwalunkwe) Stat Membru ieħor ( 27 ).

    44.

    L-Artikolu 260 TFUE jistabbilixxi l-effetti u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija abbażi tal-Artikoli 258 u 259 TFUE ( 28 ).

    45.

    Għal dan il-għan, l-Artikolu 260(1) TFUE, jipprovdi li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    46.

    Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 258 u 259 TFUE u tal-Artikolu 260(1) TFUE huma identiċi għal dawk li jinsabu fit-Trattat ta’ Ruma tal-1957 ( 29 ).

    47.

    L-Artikolu 260(2) TFUE, introdott mit-Trattat ta’ Maastricht, jittratta l-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji fil-każ li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ħa l-miżuri sabiex jeżegwixxi sentenza ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 30 ). Din il-proċedura msejħa “nuqqas fuq nuqqas” hija għalhekk it-tieni pass fis-sens li sseħħ biss wara li tkun ingħatat l-ewwel sentenza ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    48.

    L-Artikolu 260(3) TFUE introdott mit-Trattat ta’ Lisbona u li sal-lum għadu ma kienx is-suġġett ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 31 ) jipprovdi li meta l-Kummissjoni tressaq każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE fuq il-bażi li l-Istat Membru kkonċernat ikun naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu li jikkomunika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont il-proċedura leġiżlattiva, din tista’, meta jidhirlha xieraq, tispeċifika l-ammont ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità li għandu jħallas l-Istat Membru kkonċernat u li hija tqis xieraq fiċ-ċirkustanzi. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tista’ timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità fuq l-Istat Membru kkonċernat, li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni. L-obbligu tal-ħlas għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

    49.

    L-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni fl-Artikolu 260 TFUE li ma tirregolax l-eżekuzzjoni ta’ sentenza iżda obbligu li jista’ jiġi segwit permezz tal-Artikolu 258 TFUE tmur kontra kwalunkwe loġika sistematika. L-Artikolu 260(3) TFUE jista’ għalhekk jikkonċerna biss in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    c) Ix-xogħol preparatorju

    50.

    L-oriġini tal-Artikolu 260(3) TFUE tikkorrobora l-approċċ li qiegħed nipproponi ( 32 ). Fil-fatt, iċ-ċirku ta’ diskussjoni stabbilit fil-qafas tal-Konvenzjoni Ewropea ( 33 ) huwa l-oriġini tad-dispożizzjoni kif inhi fformulata fl-Artikolu 260(3) TFUE. Ir-rapport finali tagħha jinkludi proposti ( 34 ) li jgħidu li kien xieraq li “il-Kummissjoni tingħata l-possibbiltà li tirreferi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm (fl-istess proċedura) rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu [258 TFUE] kif ukoll talba sabiex tiġi imposta sanzjoni. Jekk, fuq talba tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja timponi s-sanzjoni fl-istess sentenza ta’ kundanna, tali sanzjoni tapplika wara ċertu terminu, mid-data tal-għoti tas-sentenza ( 35 ), jekk l-Istat konvenut ma jkunx ikkonforma ruħu mas-sentenza […] Tali miżura tissimplifika u tħaffef il-proċedura b’mod partikolari għal sanzjonijiet li jirrigwardaw każijiet ta’ ‘nuqqas ta’ komunikazzjoni’ ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni ( 36 )” ( 37 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali] Dawn il-proposti ġew irrepetuti kważi kelma b’kelma mill-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea ( 38 ) dwar l-abbozz tad-dispożizzjoni l-ġdida ( 39 ): “[…] Il-paragrafu 3 (il-ġdid) huwa r-riżultat ta’ suġġeriment magħmul mill-Kummissjoni liċ-ċirku ta’ diskussjoni. Huwa jagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tiftaħ kemm (fl-istess proċedura) rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu [258 TFUE] kif ukoll talba sabiex timponi sanzjoni. Jekk, fuq talba tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja timponi s-sanzjoni fl-istess sentenza ta’ kundanna, tali sanzjoni tapplika wara ċertu terminu, mid-data tal-għoti tas-sentenza, jekk l-Istat konvenut ma jkunx ikkonforma mas-sentenza […] Tali miżura tissimplifika u tħaffef il-proċedura għal penali b’mod konsiderevoli f’każijiet ta’ ‘nuqqas ta’ komunikazzjoni’ ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni. […] ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    51.

    Fil-fehma tiegħi, dawn il-kwotazzjonijiet jindikaw b’mod ċar li l-awturi tal-Artikolu 260(3) TFUE kellhom l-intenzjoni li joħolqu proċedura għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza.

    52.

    F’dan ir-rigward, nagħti iktar importanza lill-intenzjoni ta’ min fassal it-Trattat FUE, li hija ċara għalija, pjuttost milli lill-interpretazzjoni mressqa mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. Fil-fatt, huwa diffiċli għalija f’dan il-każ li niffavorixxi att ta’ liġi mhux vinkolanti, adottat minn parti għal din il-proċedura, iktar milli x-xogħol preparatorju, imfassal, kif wieħed ma għandux jinsa, f’Konvenzjoni bla preċedent dwar il-futur tal-Ewropa ( 40 ).

    d) In-natura tas-sanzjonijiet pekunjarji

    53.

    Għandi kumment iktar fundamentali dwar l-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE. Sa fejn naf jien, is-sanzjonijiet pekunjarji fil-kuntest tal-proċedura ta’ ksur qatt ma kienu ta’ natura punittiva b’mod li jissanzjonaw in-nuqqas ta’ konformità mad-dritt sostantiv tal-Unjoni.

    54.

    F’dan ir-rigward, il-ksur fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 260(2) TFUE “ma jibqax limitat għall-ksur sottostanti tal-obbligi tat-Trattat taħt l-Artikolu [258 TFUE] (iktar ’il quddiem il-‘ksur inizjali’), iżda jifforma ‘ksur kumpless’ li mhux biss ikopri l-ksur inizjali iżda wkoll il-ksur tal-obbligu speċifiku ta’ konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, liema obbligu jirriżulta mill-Artikolu [260(1) TFUE]” ( 41 ).

    55.

    Minn perspettiva usa’, il-loġika ta’ dan il-ksur doppju hija bbażata fuq il-fatt li l-Unjoni hija Unjoni tad-dritt ( 42 ) li fiha l-ħtieġa li jitqiesu u li jiġu eżegwiti s-sentenzi hija ta’ importanza kbira.

    56.

    Kieku kellu jiġi aċċettat li n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni jikkostitwixxu bħala tali r-raġuni għas-sanzjonijiet pekunjarji, dan imur kontra din il-loġika ta’ ksur doppju. Sitwazzjoni bħal din, għalhekk, tippreżenta ċerta inkonsistenza, peress li l-ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni sikwit ikun ta’ natura ferm inqas gravi minn ksur ieħor tad-dritt tal-Unjoni.

    e) Eżitu

    57.

    L-Artikolu 260(3) TFUE għalhekk jipprevedi l-possibbiltà ta’ sanzjonijiet pekunjarji fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa għal sitwazzjonijiet fejn ikun ċar li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu. L-għan ewlieni ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi evitat kontenzjuż mhux meħtieġ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma jkunu jistgħu jiġu imposti s-sanzjonijiet. L-għan ta’ din il-proċedura huwa li tiġi evitata sensiela oħra ta’ proċeduri għall-każijiet sempliċi ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u għall-aħjar allokazzjoni ta’ riżorsi. Dan l-objettiv jintlaħaq b’mod preċiż bis-saħħa tal-Artikolu 260(3) TFUE billi jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjonijiet mill-ewwel fażi tal-proċedura u tistabbilixxi li tali sanzjonijiet jidħlu fis-seħħ awtomatikament f’data sussegwenti, jekk is-sentenza mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 258 TFUE ma tiġix eżegwita ( 43 ).

    3. Fuq il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 260(3) TFUE

    a) L-obbligu li jiġu kkomunikati miżuri ta’ traspożizzjoni

    58.

    Issa li l-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE huwa stabbilit, ser neżamina l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

    59.

    Għalhekk jeħtieġ li jiġi interpretat il-kliem “l-obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva”. Xi jfisser eżattament dan il-kliem li, mal-ewwel daqqa t’għajn, ma jidhirx li huwa ambigwu?

    60.

    Tista’ ssir distinzjoni bejn tliet perspettivi.

    61.

    Skont l-ewwel perspettiva, imressqa b’mod partikolari mill-Gvern Belġjan, sostnut f’dan ir-rigward mill-Gvernijiet li intervjenew insostenn tar-Renju tal-Belġju, dan il-kliem huwa maħsub biss sabiex ikopri s-sitwazzjoni li fiha Stat Membru ma jkun ħa l-ebda azzjoni sabiex jittrasponi direttiva fid-dritt nazzjonali u għalhekk naqas milli jieħu, fit-terminu mogħti, miżuri sabiex jittrasponi d-direttiva u milli jikkomunikahom lill-Kummissjoni.

    62.

    Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, issostni t-tieni perspettiva li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika kemm fl-assenza totali tat-traspożizzjoni u tal-komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, kif ukoll fil-każ ta’ traspożizzjoni u komunikazzjoni parzjali ta’ dawn il-miżuri.

    63.

    L-Avukati Ġenerali Wathelet ( 44 ) u Tanchev ( 45 ) iressqu t-tielet perspettiva, jiġifieri li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika għal tliet sitwazzjonijiet, jiġifieri dawk li jirrigwardaw in-nuqqas totali ta’ komunikazzjoni, il-komunikazzjoni ta’ miżuri li jikkostitwixxu traspożizzjoni inkompleta u l-komunikazzjoni ta’ miżuri li jikkostitwixxu traspożizzjoni inkorretta tad-direttiva.

    64.

    Id-duttrina hija maqsuma wkoll f’dan ir-rigward ( 46 ).

    65.

    Nistqarr li l-ebda wieħed mill-argumenti proposti ma jikkonvinċini.

    66.

    L-ewwel nett, għandi dubji serji dwar it-tieni u t-tielet argument. Dawn jagħtu interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 260(3) TFUE u ma jqisux biżżejjed, fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni, l-istruttura tat-Trattat, il-ġenesi u l-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

    67.

    Fil-fehma tiegħi, dawn l-approċċi ftit li xejn huma prattiċi, peress li jirrikjedu eżami ddettaljat ta’ jekk direttiva ġietx trasposta jew le mill-Istat Membru kkonċernat, li jmur kontra l-għanijiet ta’ effikaċja u ta’ ħeffa tal-proċedura.

    68.

    Fil-fatt, nifhem l-Artikolu 260(3) TFUE mhux bħala li jippreżenta l-kundizzjoni materjali tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva iżda li jinkludi l-kundizzjoni proċedurali ( 47 ) tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni.

    69.

    L-avveniment li jagħti lok għall-impożizzjoni tal-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità jew ta’ somma f’daqqa huwa l-ksur mill-Istat Membru kkonċernat tal-obbligu ta’ notifika. L-obbligu li għalih jirreferi l-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex dak tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni iżda dak tan-notifika tagħhom ( 48 ). Dan ma jfissirx li l-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ traspożizzjoni ma humiex relatati fis-sens li l-obbligu ta’ komunikazzjoni jimplimenta l-obbligu ta’ traspożizzjoni ( 49 ). Iżda dan ma jbiddilx il-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 260(3) TFUE, li ma tirreferix għall-miżuri ta’ traspożizzjoni bħala tali iżda għall-komunikazzjoni tagħhom.

    70.

    Għalhekk, huwa meħtieġ li wieħed jifhem il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE fis-sens li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi limitu ċar għall-ambitu tas-setgħa tal-Kummissjoni li titlob il-ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja.

    71.

    Is-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru, minħabba li ma jkun ħa ebda miżura ta’ traspożizzjoni, ma jinnotifikax lill-Kummissjoni b’xi miżura ta’ traspożizzjoni fit-terminu mogħti huma simili għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 260(2) TFUE. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet ( 50 ), is-sitwazzjoni legali hija, bħala prinċipju, ċara. Ma hemm l-ebda inċertezza legali u, għalhekk, ma hemmx bżonn li tinkiseb (l-ewwel) sentenza ta’ kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tat-traspożizzjoni parzjali, imperfetta jew inkorretta ma hijiex kwistjoni faċli, anzi pjuttost bil-kontra ( 51 ).

    72.

    F’dan il-kuntest, naqbel mal-opinjoni li “ma hemmx lok li ssir din id-differenza bejn in-natura (in)kompleta jew (in)korretta ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva” ( 52 ).

    73.

    Li wieħed jipprova jaqta’ linja bejn it-traspożizzjoni inkompleta u t-traspożizzjoni inkorretta mhux biss jikkomplika l-affarijiet iżda jista’ jqarraq ( 53 ). Dan għaliex traspożizzjoni inkompleta hija wkoll, b’definizzjoni, traspożizzjoni inkorretta ( 54 ). Barra minn hekk, traspożizzjoni inkorretta tkun dovuta ħafna drabi għan-nuqqas ta’ miżuri nazzjonali li jimplimentaw jew jirriflettu ċerti partijiet minn direttiva. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ traspożizzjoni inkorretta, partijiet xi ftit jew wisq importanti tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu jiġu identifikati bħala nieqsa fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rilevanti.

    74.

    Argument ewlieni ta’ dawk li jsostnu l-idea li l-Artikolu 260(3) TFUE jinkludi mhux biss in-nuqqas totali ta’ komunikazzjoni, iżda wkoll in-nuqqas parzjali ta’ komunikazzjoni, jew inkella t-traspożizzjoni ħażina ta’ direttiva, huwa dak tal-effettività: hija biss l-iktar interpretazzjoni wiesgħa possibbli tal-Artikolu 260(3) TFUE li tista’ tiżgura li din id-dispożizzjoni tkun mezz verament effettiv li jiżgura t-traspożizzjoni tad-direttivi mill-Istati Membri fit-termini mogħtija fid-direttivi.

    75.

    Argument bħal dan kien ikun konvinċenti biss, jekk dan huwa possibbli, li kieku kien ibbażat fuq il-premessa li l-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex intiż sabiex jissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-effettività ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jirnexxu.

    76.

    Il-Kummissjoni tqis ukoll li “[m]eta Stat Membru jkun ipprovda l-ispjegazzjonijiet kollha neċessarji dwar il-mod kif huwa jaħseb li jkun ittraspona d-direttiva kollha, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li l-Istat Membru ma jkunx naqas li jwettaq l-obbligu tiegħu li jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni u għaldaqstant, l-Artikolu 260(3) [TFUE] ma jkunx applikabbli” ( 55 ).

    77.

    Minkejja li ma rridx inqajjem dubji dwar is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, xorta waħda ninnota li l-Kummissjoni qed titħalla tiġi ggwidata mill-kunsiderazzjonijiet suġġettivi tal-Istati Membri. Madankollu, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 258 TFUE ( 56 ) u dik fl-Artikolu 260 TFUE ( 57 ) huma bbażati fuq il-konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ Stat Membru tal-obbligi tiegħu.

    78.

    Għaldaqstant, ma narax kif din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li effettivament tintroduċi kriterju suġġettiv intiż li jirriforma l-proċedura tal-Artikolu 260 TFUE, tista’ tirnexxi ( 58 ). Barra minn hekk, sabiex wieħed isegwi l-loġika tal-Kummissjoni tkun teħtieġ analiżi ddettaljata tal-kwistjoni sostantiva dwar jekk direttiva ġietx trasposta jew le.

    79.

    Jifdal l-argument li jgħid li l-Artikolu 260(3) TFUE jirreferi biss għas-sitwazzjonijiet fejn Stat Membru ma jieħu ebda azzjoni.

    80.

    Tali argument, għalkemm ma jinkludix is-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jikkomunika lill-Kummissjoni, bħala “miżuri ta’ traspożizzjoni”, miżuri li ma humiex relatati mad-direttiva li għandha tiġi trasposta ( 59 ), ma jikkonvinċinix. Fil-fatt, tali “komunikazzjoni simulata” tikkostitwixxi nuqqas ta’ komunikazzjoni. Fejn, prima facie u mingħajr eżami sostantiv, ikun jidher li l-miżuri ma humiex relatati mad-direttiva, ma huwiex raġonevoli li wieħed jirreferi għal miżuri ta’ traspożizzjoni skont l-Artikolu 260(3) TFUE ( 60 ). Jekk jirriżulta, qabelxejn, li l-miżuri kkomunikati bl-ebda mod ma jikkostitwixxu traspożizzjoni, dan ikun nuqqas ta’ komunikazzjoni.

    81.

    Għalhekk, sitwazzjoni fejn “huwa ovvju” li l-informazzjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni kkomunikati lill-Kummissjoni ma għandha l-ebda rabta mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva tista’ tiġi kklassifikata bħala sitwazzjoni ta’ “nuqqas ta’ komunikazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE ( 61 ).

    b) Applikazzjoni għal dan il-każ

    82.

    Il-kwistjoni issa hija jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 260(3) TFUE humiex issodisfatti f’dan il-każ, jiġifieri, jekk din id-dispożizzjoni tapplikax f’din il-kawża ratione materiae.

    83.

    Fil-fehma tiegħi le.

    84.

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja “tikkundanna lir-Renju tal-Belġju, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 54 639.36 per diem mid-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża odjerna għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/61/UE” ( 62 ).

    85.

    Dan l-ammont tnaqqas gradwalment matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li r-Renju tal-Belġju ttraspona gradwalment id-direttiva.

    86.

    Id-data ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja hija d-data li fiha l-fatti jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 260(2) TFUE ( 63 ), li fil-fehma tiegħi tista’ tiġi trasposta bis-sħiħ għall-Artikolu 260(3) TFUE ( 64 ).

    87.

    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-fatt li hija tqis li n-nuqqasijiet ta’ traspożizzjoni jippersistu biss għar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali u jikkonċernaw biss ċerti dispożizzjonijiet, jiġifieri d-definizzjonijiet li jidhru fl-Artikolu 2(7) ( 65 ), (8) ( 66 ), (9) ( 67 ) u (11) ( 68 ), fl-Artikolu 4(5) ( 69 ) u fl-Artikolu 8 ( 70 ) tad-Direttiva 2014/61. Fid-dawl ta’ dan il-progress, il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas għal “1” il-fattur ta’ gravità u qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 6 071.04.

    88.

    Ir-Renju tal-Belġju ma jikkontestax in-nuqqasijiet fit-traspożizzjoni kkritikati.

    89.

    Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju kkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ traspożizzjoni diġà implimentati. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li dan il-gvern “naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni” tad-Direttiva 2014/61.

    90.

    Abbażi tal-kriterji li għadni kif żviluppajt u sa fejn dan l-Istat Membru kkomunika progressivament lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ traspożizzjoni, ir-Renju tal-Belġju ma jistax jitqies li naqas mill-obbligu tiegħu ta’ komunikazzjoni.

    91.

    Għalhekk, it-talba tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 260(3) TFUE ma tistax tirnexxi.

    4. Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

    92.

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 6 071.04.

    93.

    Għalkemm ma narax il-ħtieġa li niddeċiedi dwar il-kalkolu eżatt tal-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li jien tal-fehma li l-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, nixtieq nagħmel żewġ rimarki ġenerali fil-qosor dwar is-sanzjonijiet pekunjarji, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li l-Artikolu 260(3) TFUE huwa applikabbli f’dan il-każ.

    94.

    L-għan tas-sanzjonijiet pekunjarji huwa li l-Istat Membru jinġieb f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u li jiġi evitat iktar ksur ( 71 ). Dawn is-sanzjonijiet ma għandhomx għan morali iżda pragmatiku.

    95.

    Għandu jiġi osservat mill-bidu nett li, ġeneralment ( 72 ), il-prinċipji żviluppati fil-kuntest tal-Artikolu 260(2) TFUE japplikaw ukoll għall-Artikolu 260(3) TFUE ( 73 ). F’dan ir-rigward, iż-żewġ rimarki tiegħi huma dawn.

    96.

    L-ewwel nett, peress li l-Artikolu 260(3) TFUE, bl-istess mod tal-Artikolu 260(2) TFUE, għandu l-għan li jissanzjona n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-istess metodu ta’ kalkolu tas-sanzjonijiet pekunjarji fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ paragrafi ( 74 ). Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja la ma hija marbuta bil-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni ( 75 ) u lanqas fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tagħha ( 76 ).

    97.

    It-tieni nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 260(2) TFUE, li tikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax timponi sanzjoni pekunjarja li ma tkunx intalbet mill-Kummissjoni, tistax tiġi trasposta għall-Artikolu 260(3) TFUE ( 77 ).

    98.

    Fil-fehma tiegħi le.

    99.

    Fil-fatt, b’differenza mill-Artikolu 260(2) TFUE, l-Artikolu 260(3) TFUE huwa msaħħaħ b’żieda importanti: din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiddikjara li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkundanna lil Stat Membru jħallas sanzjoni pekunjarja “li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni” ( 78 ). Għalkemm l-Artikolu 260(3) TFUE ma jsemmix l-għażla tas-sanzjoni pekunjarja li għandha tiġi imposta iżda biss l-ammont tagħha ( 79 ), din il-formulazzjoni għandha effett fuq l-għażla tas-sanzjoni pekunjarja. Sabiex nispjega l-punt tiegħi: il-Kummissjoni qiegħda titlob l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 6 071.04. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li timponi wkoll somma f’daqqa minbarra l-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, kif tista’ ma taqbiżx “l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni”? Billi tnaqqas il-pagamenti ta’ penalità? Peress li huma pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, li l-ammont finali tagħhom imħallas mill-Istat Membru jiddependi mit-tul (kontinwazzjoni) tal-ksur minn (wara) id-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, x’inhu l-limitu ta’ dan l-ammont? Huwa impossibbli li jiġi ddeterminat.

    100.

    Għalhekk nifhem il-kliem “li ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat mill-Kummissjoni” fis-sens li l-Artikolu 260(3) TFUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja s-setgħa li timponi sanzjonijiet pekunjarji, bi projbizzjoni ġenerali fuq l-impożizzjoni ta’ sanzjoni iktar qawwija ( 80 ).

    V. Fuq l-ispejjeż

    101.

    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Peress li l-Kummissjoni u r-Renju tal-Belġju tilfu rispettivament fuq talba, għandu jiġi deċiż li dawn għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

    102.

    Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż, Estonjan, Irlandiż, Spanjol, Franċiż, Taljan, Litwan, Ungeriż, Awstrijak u Rumen għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

    VI. Konklużjoni

    103.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    Billi naqas milli jadotta, fit-terminu previst, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikax dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.

    2)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

    3)

    Il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju tal-Belġju għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

    4)

    Il-Gvern Ġermaniż, Estonjan, Irlandiż, Spanjol, Franċiż, Taljan, Litwan, Ungeriż, Awstrijak u Rumen għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU 2014, L 155, p. 1.

    ( 3 ) Ara l-punt 85 tar-rikors tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2017.

    ( 4 ) Ara l-punt 85 tar-rikors tal-Kummissjoni.

    ( 5 ) Il-kliem “sanzjoni pekunjarja” huwa t-terminu ġeneriku għall-kliem “somma f’daqqa” u “pagamenti ta’ penalità”.

    ( 6 ) L-ebda wieħed mill-Istati Membri intervenjenti ma jikkontesta r-rikors tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

    ( 7 ) Bl-istess mod bħal fid-duttrina, kif ser insemmi hawn taħt.

    ( 8 ) Madankollu, żewġ Avukati Ġenerali diġà tkellmu dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑320/13, EU:C:2014:2441) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE - Kreditu ipotekarju) (C‑569/17, EU:C:2019:271, punt 71). Il-Kummissjoni rrinunzjat għall-atti fl-ewwel kawża, filwaqt li t-tieni kawża għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 9 ) F’dan ir-rigward, ninnota li għalkemm l-Avukat Ġenerali Wathelet seta’ jinnota, ġustament, in-nuqqas ta’ interess tal-Istati Membri fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE (ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑320/13, EU:C:2014:2441, nota ta’ qiegħ il-paġna 3), tali konstatazzjoni ma tistax issir f’din il-kawża, peress li għaxar Stati Membri intervjenew insostenn tar-Renju tal-Belġju.

    ( 10 ) Fid-dawl tal-fatt li ma hemm l-ebda nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-kontenut tad-Direttiva 2014/61, ma hemmx għalfejn wieħed jikkwota d-dispożizzjonijiet materjali.

    ( 11 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑498/17, EU:C:2019:243, punti 2930); tat-18 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir-Rumanija (C‑301/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:846, punti 4243), u tat-23 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑314/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:887, punti 2829). Id-duttrina ttenni din il-konstatazzjoni, ara, b’mod partikolari, Schermers, H.G., Waelbroeck, D., Judicial Protection in the European Union, is-sitt edizzjoni, Kluwer Law International, The Hague/Londra/New York, 2001, § 1256; Pechstein, M., f’M. Pechstein, C. Nowak, U. Häde (ed.), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, Band IV, Mohr Siebeck, Tübingen, 2017, Artikel 258 AEUV, punt 42, kif ukoll Streinz, R., f’R. Streinz (ed.), EUV/AEUV (Kommentar), it-tielet edizzjoni, C.H. Beck, Munich, 2018, Artikel 258 AEUV, punt 34. Ta’ min jinnota madankollu li, fid-dispożittivi tas-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha t-tendenza tirreferi fil-qosor ħafna għall-kunċett “fit-terminu previst”, mingħajr ma tispeċifika jekk huwiex dak previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-direttiva jew dak previst mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata.

    ( 12 ) Ara Haltern, U., Europarecht, Dogmatik im Kontext, Band I, it-tielet edizzjoni, Mohr Siebeck, Tübingen, 2017, punt 872.

    ( 13 ) Ara, b’mod partikolari, ir-rapport mill-Kummissjoni: Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Rapport Annwali 2016, 6 ta’ Lulju 2017 (COM(2017) 370 final), Punt III, p. 18.

    ( 14 ) Fil-fehma tiegħi, din hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 260(3) TFUE jagħmel enfasi partikolari fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. Ser niġi lura għal dan il-punt hawn taħt, fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tal-Artikolu 260(3) TFUE.

    ( 15 ) Ara wkoll Ruffert, M., f’Chr. Calliess, M. Ruffert, (editur), EUV/AEUV, il-ħames edizzjoni., C.H. Beck, Munich, 2016, Artikel 288 AEUV, punt 46.

    ( 16 ) Fi kwalunkwe każ, l-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw, fuq talba, il-miżuri ta’ traspożizzjoni minn dejjem jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 4(3) TUE.

    ( 17 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 3.3 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ Direttivi li jolqtu s-suq intern (ĠU 2005, L 98, p. 47), u l-punt 3(f) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku (ĠU 2009, L 176, p. 17). Tabella bħal din tkun takkumpanja wkoll kull abbozz ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni, meta dan jintbagħat lill-Parlament jew lill-Gvern tal-Istat Membru sabiex jiffaċilita d-dibattiti u tkun mehmuża man-notifika ta’ din il-miżura lill-Kummissjoni.

    ( 18 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE (ĠU 2011, C 12, p. 1), punti 6 u 7.

    ( 19 ) Ara Wennerås, P., “Making effective use of Article 260 TFEU”, f’J. András, D. Kochenov, The enforcement of EU law and values, OUP, Oxford, 2017, p. 79 sa 98, b’mod partikolari p. 79; Kilbey, I., “The Interpretation of Article 260 TFEU (ex 228 EC)”, European Law Review, 2010, p. 370 sa 386, b’mod partikolari p. 383 u 384; Pechstein, M., f’M. Pechstein, C. Nowak, U. Häde (editur), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, Band IV, Mohr Siebeck, Tübingen, 2017, Artikel 260 AEUV, punt 18, kif ukoll Wunderlich, N., dans H. von der Groeben, J. Schwarze, A. Hatje (editur), Europäisches Unionsrecht (Kommentar), is-seba’ edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2015, Artikel 260 AEUV, punt 31.

    ( 20 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑320/13, EU:C:2014:2441, punti 114 et seq.).

    ( 21 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE - Kreditu ipotekarju) (C‑569/17, EU:C:2019:271, punti 67 et seq.).

    ( 22 ) Ara, in extenso, Wahl, N., Prete, L., “Between certainty, severity and proportionality: some reflections on the nature and functioning of Article 260(3) TFEU”, European Law Reporter, 2014, p. 170 sa 189, b’mod partikolari p. 175 sa 177. Ara wkoll Van Rijn, Th., “Les Sanctions Pécuniaires de l’Article 260 TFUE: 5 ans après le Traité de Lisbonne”, Cahiers de droit européen, 2016, p. 557 sa 589, b’mod partikolari p. 588, kif ukoll Klamert, M., “Die Durchsetzung finanzieller Sanktionen gegenüber den Mitgliedstaaten”, Europarecht, 2018, p. 159 sa 174, b’mod partikolari p. 162.

    ( 23 ) In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwarda, inter alia, in-nuqqas ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni.

    ( 24 ) Min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni “deċentralizzata” quddiem il-qrati nazzjonali bħala qrati ordinarji tad-dritt tal-Unjoni ssir fuq bażi ta’ kuljum permezz tal-interazzjoni bejn il-prinċipji dderivati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi, l-interpretazzjoni skont id-direttivi u l-azzjoni għad-danni tal-Istat.

    ( 25 ) Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE jirriżulta li din il-proċedura prekontenzjuża tikkonsisti, mill-inqas, fil-ħruġ ta’ żewġ dokumenti mill-Kummissjoni: ittra ta’ intimazzjoni (“wara li tagħti lill-Istat interessat l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu”) u opinjoni motivata.

    ( 26 ) Naturalment, l-għan tal-Artikolu 259 TFUE huwa differenti minn dak tal-Artikolu 258 TFUE peress li Stat Membru ieħor ma huwiex gwardjan tat-Trattati bħalma hija l-Kummissjoni.

    ( 27 ) Madankollu, il-proċedura prekontenzjuża hija xi ftit differenti minn dik tal-Artikolu 259 TFUE. F’dak li jirrigwarda d-differenzi bejn dawn iż-żewġ proċeduri, ara Wunderlich, N., f’H. von der Groeben, J. Schwarze, A. Hatje (editur), Europäisches Unisrecht (Kommentar), is-seba’ edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2015, Artikel 259 AEV, punti 8 sa 12.

    ( 28 ) Ara Ehricke, U., f’R. Streinz (editur), EUV/AEUV, it-tielet edizzjoni, C.H. Beck, Munich, 2017, Artikel 260 AEUV, punt 1.

    ( 29 ) Minbarra l-bidla, f’dawn it-tliet artikoli, tat-termini “dan it-Trattat” bi “Trattati” u ż-żieda tal-kliem “ta’ l-Unjoni Ewropea” wara l-kliem “Qorti tal-Ġustizzja”.

    ( 30 ) Skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jekk tqis li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ħa l-miżuri meħtieġa mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tista’ għalhekk tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja wara li tkun ippermettiet lil dak l-Istat Membru jissottometti l-kummenti tiegħu. Hija għandha tindika l-ammont tas-somma f’daqqa jew tal-pagamenti ta’ penalità li għandu jħallas l-Istat Membru kkonċernat u li hija tqis xieraq fiċ-ċirkustanzi. Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ikkonforma ruħu mas-sentenza tagħha, din tista’ timponi fuqu ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità.

    ( 31 ) Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 32 ) Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE - Kreditu ipotekarju) (C‑569/17, EU:C:2019:271, punt 59), li fiha, għal raġunijiet oħra, huwa wasal għal konklużjoni differenti minn dik li qiegħed nipproponi f’dan il-każ.

    ( 33 ) Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Futur tal-Ewropa, stabbilita permezz tad-Dikjarazzjoni ta’ Laeken (adottata fl-15 ta’ Diċembru 2001).

    ( 34 ) Kwotazzjoni, inklużi n-noti f’qiegħ il-paġna 35 u 36. L-unika bidla hija n-numerazzjoni tagħhom.

    ( 35 ) Skont xi wħud, l-ammont tas-sanzjoni (pagamenti ta’ penalità) għandu, f’dan il-każ, jiġi kkalkulat b’tali mod li l-pagamenti ta’ penalità jidħlu fis-seħħ b’mod retroattiv mid-data tal-għoti tas-sentenza.

    ( 36 ) Fil-prattika, issir distinzjoni bejn każijiet ta’ “nuqqas ta’ komunikazzjoni” – jiġifieri meta l-Istat Membru ma jkunx ħa miżuri ta’ traspożizzjoni – u każijiet ta’ traspożizzjoni inkorretta – jiġifieri meta l-miżuri ta’ traspożizzjoni meħuda mill-Istat Membru ma jkunux, fil-fehma tal-Kummissjoni, konformi mad-Direttiva. Il-mekkaniżmu propost ma japplikax għat-tieni xenarju.

    ( 37 ) Ara r-rapport finali taċ-Ċirku ta’ Diskussjoni dwar il-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippubblikat mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea fi Brussell fil-25 ta’ Marzu 2003, CONV 636/03, punt 28, disponibbli fuq: http://www.europarl.europa.eu/meetdocs_all/committees/conv/20030403/03c_en.pdf.

    ( 38 ) Ara l-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea, Artikoli dwar il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Ewwel Istanza, ippubblikat mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea fi Brussel fit-12 ta’ Mejju 2003, CONV 734/03, p. 16, disponibbli fuq: http://www.europarl.europa.eu/meetdocs_all/committees/conv/20030520/734000en.pdf.

    ( 39 ) It-test ta’ din id-dispożizzjoni l-ġdida tal-Artikolu 228(3) li sar l-Artikolu III-367 tal-abbozz tat-Trattat Kostituzzjonali tal-Konvenzjoni, li sar l-Artikolu III-362 tat-Trattat Kostituzzjonali tal-KIG, li sar l-Artikolu 260 TFUE f’Lisbona, kien jaqra hekk: “Fejn il-Kummissjoni tirreferi każ lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 226 fejn tqis li l-Istat ikkonċernat naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu liġi qafas, hija tista’, fejn jidhrilha li jkun xieraq, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex timponi, fl-istess azzjoni, il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata tali nuqqas. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni, il-ħlas inkwistjoni għandu jidħol fis-seħħ fit-terminu mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    ( 40 ) Opinjoni oħra ngħatat f’dan ir-rigward minn Gáspár-Szilági, S., “What constitutes ‘Failure to Notify’ National Measures?”, European Public Law, 2013, p. 281 sa 294, b’mod partikolari p. 285, li jgħid li x-xogħol preparatorju jservi biss sabiex iżid il-konfużjoni dwar l-Artikolu 260(3) TFUE u jmur kontra l-prattika tal-Kummissjoni.

    ( 41 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑197/98, EU:C:1999:597, punt 19). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑95/12, EU:C:2013:333, nota ta’ qiegħ il-paġna 50).

    ( 42 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 31).

    ( 43 ) F’dan ir-rigward, naqbel mal-approċċ ta’ Prete, L., Infringement Proceedings in EU Law, Wolters Kluwer, Alphen-sur-le-Rhin, 2017, p. 266 sa 270, b’mod partikolari p. 270.

    ( 44 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑320/13, EU:C:2014:2441, punt 145).

    ( 45 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE - Kreditu ipotekarju) (C‑569/17, EU:C:2019:271, punt 71).

    ( 46 ) Ara, b’mod partikolari, Everling, U., “Rechtsschutz in der Europäischen Union nach dem Vertrag von Lissabon”, Europarecht, 2009, Beiheft 1, p. 71 sa 86; Wahl, N., Prete, L., op. cit.; Blanc, D., “Les procédures du recours en manquement, le traité, le juge et le gardien: entre unité et diversité en vue d’un renforcement de l’Union de droit”, f’St. Mahieu (editur), Contentieux de l’Union européenne: questions choisies, Larcier, 2014, p. 429 sa 461; Wennerås, P., “Making Effective Use of Article 260 TFEU”, f’J. András, D. Kochenov, The Enforcement of EU Law and Values, OUP, Oxford, 2017, p. 79 sa 98; Radivojević, Z., Raičević, N., “Financial sanctions against Member States for infringement of EU law”, Procedural aspects of EU law, Osijek 2017, p. 171 sa 191.

    ( 47 ) Jew formali.

    ( 48 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Simon, D., “Sanctions pécuniaires”, Revue Europe, Marzu 2011, p. 15.

    ( 49 ) Din il-konnessjoni hija enfasizzata, b’mod partikolari, mill-Avukat Ġenerali Tanchev fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE - Kreditu ipotekarju) (C‑569/17, EU:C:2019:271, punt 48).

    ( 50 ) Jiġifieri l-Artikolu 260(2) u (3) TFUE.

    ( 51 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Thiele, A., “Das Rechtsschutzsystem nach dem Vertrag von Lissabon — (K)ein Schritt nach vorn?”, Europarecht, 2010, p. 30 sa 51, b’mod partikolari p. 35.

    ( 52 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑320/13, EU:C:2014:2441, punti 125 sa 139). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE - Kreditu ipotekarju) (C‑569/17, EU:C:2019:271, punt 70).

    ( 53 ) Id-duttrina enfasizzat ukoll id-diffikultà li tinqata’ linja bejn traspożizzjoni inkorretta u traspożizzjoni inkompleta: ara Wennerås, P., “Sanctions against Member States under Article 260 TFEU: alive, but not kicking?”, Common Market Law Review, vol. 49, 2012, p. 145 sa 176, b’mod partikolari p. 167.

    ( 54 ) Ara wkoll Prete, L., op. cit., p. 273.

    ( 55 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE (ĠU 2011, C 12, p. 1), punt 19. Enfasi miżjuda minni.

    ( 56 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑333/99, EU:C:2001:73, punt 33).

    ( 57 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 44).

    ( 58 ) F’dan ir-rigward, infakkar il-kliem għaqli tal-Avukat Ġenerali Roemer li afferma bis-sħiħ fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Franza (7/71, EU:C:1971:107, p. 1035) li, fil-proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, “ma hijiex kwistjoni ta’ ħtija jew morali, iżda sempliċement il-kjarifika tal-pożizzjoni legali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    ( 59 ) Huwa preċiżament fuq dan il-punt li l-kritika dwar interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 260(3) TFUE hija kkonċentrata. Ara, bħala eżempju, Materne, T., La procédure en manquement d’État, Larcier, Brussell 2012, p. 43, u Van der Jeught, St., “L’action en manquement “renforcée”: sanctions pécuniaires en cas de non-transposition des directives européennes”, Journal de droit européen, 2011, p. 68 sa 70, b’mod partikolari p. 69.

    ( 60 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Maśnicki, J., “Postępowanie z tytułu braku notyfikacji środków implementujących dyrektywy w świetle opinii rzecznika generalnego w sprawie C‑320/13”, Europejski Przegląd Sądowy, vol. 4, 2015, p. 16 sa 23, b’mod partikolari p. 20.

    ( 61 ) Din il-konstatazzjoni għandha tippermetti li jiġi evitat li Stat Membru jissodisfa l-obbligu ta’ komunikazzjoni billi jikkomunika miżuri nazzjonali li ma humiex relatati mad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva. Ara wkoll, f’dan is-sens, Van Rijn, Th., op. cit., p. 585.

    ( 62 ) Ara l-punt 85 tar-rikors tal-Kummissjoni.

    ( 63 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 31); tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑119/04, EU:C:2006:489, punt 33); tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑533/11, EU:C:2013:659, punti 6474).

    ( 64 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑320/13, EU:C:2014:2441, punt 63).

    ( 65 ) “Infrastruttura fiżika fil-bini”.

    ( 66 ) “Infrastruttura fiżika diġà installata fil-bini għal broadband b’veloċità għolja”.

    ( 67 ) “Xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni”.

    ( 68 ) “Punt ta’ aċċess”.

    ( 69 ) Li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-operaturi tan-netwerk iwieġbu għal talbiet raġonevoli għal stħarriġ fuq il-post ta’ elementi speċifiċi tal-infrastruttura fiżika tagħhom.

    ( 70 ) Li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-binjiet kollha li jkunu għadhom kif inbnew u l-bini li jkunu qegħdin isirulu xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni jkunu mgħammra b’infrastruttura fiżika adattata b’veloċità għolja u b’punt ta’ aċċess.

    ( 71 ) Ara wkoll, Sikora, A., Sankcje finansowe w razie niewykonania wyroków Trybunału Sprawiedliwości Unii Europejskiej, Wolters Kluwer, Varsavja, 2011, p. 91.

    ( 72 ) Kif ser nuri hawn taħt, waħda mill-eċċezzjonijiet tista’ tikkonċerna dan il-każ.

    ( 73 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Peers, S., “Sanctions for Infringement of EU Law after the Treaty of Lisbon”, European Law Review, vol. 18, 2012, p. 33 sa 64, b’mod partikolari p. 45.

    ( 74 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑320/13, EU:C:2014:2441, punti 146 et seq.) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE - Kreditu ipotekarju) (C‑569/17, EU:C:2019:271, punt 73).

    ( 75 ) Huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li f’kull kawża tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, is-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu imposti: ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 115).

    ( 76 ) Il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, il-linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mibdija mill-Kummissjoni; ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑270/11, EU:C:2013:339, punt 41).

    ( 77 ) Huwa magħruf sew li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-opportunità li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja u l-għażla tas-sanzjoni l-iktar adatta fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami jistgħu jiġu evalwati biss fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li trid tingħata skont l-Artikolu 260(2) TFUE u għaldaqstant jaqgħu barra mill-isfera politika; ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C-304/02, EU:C:2005:444, punti 90 u 91.)

    ( 78 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 79 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (Artikolu 260(3) TFUE - Kreditu ipotekarju) (C‑569/17, EU:C:2019:271, punt 77).

    ( 80 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Prete, L., op. cit., p. 282, u Półtorak, N., f’D. Kornobis-Romanowska, J. Łacny, W. Andrzej (ed.), Traktat o funkcjonowaniu Unii Europejskiej. Komentarz. Tom III, Wolters Kluwer, Varsavja, 2012, Art. 223-358, punt 260.7.

    Top