This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CC0389
Opinion of Advocate General Wathelet delivered on 4 October 2018.#Proceedings brought by „Paysera LT“ UAB.#Request for a preliminary ruling from the Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.#Reference for a preliminary ruling — Taking up of the business of electronic money institutions — Directive 2009/110/EC — Article 5(2) and (3) — Rules on own funds — Own funds required for the pursuit of activities linked to the issuance of electronic money — Definition of ‘activity linked to the issuance of electronic money’ — Issuance, for the benefit of the seller, of electronic money at par value of the funds received.#Case C-389/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fl-4 ta’ Ottubru 2018.
Kawża mressqa minn „Paysera LT“ UAB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aċċess għall-attività tal-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi – Direttiva 2009/110/KE – Artikolu 5(2) u (3) – Regoli fil-qasam ta’ fondi proprji – Fondi proprji meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi – Kunċett ta’ ‘attività marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi’ – Ħruġ tal-flus elettroniċi favur il-bejjiegħ bil-valur nominali tal-fondi rċevuti.
Kawża C-389/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fl-4 ta’ Ottubru 2018.
Kawża mressqa minn „Paysera LT“ UAB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aċċess għall-attività tal-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi – Direttiva 2009/110/KE – Artikolu 5(2) u (3) – Regoli fil-qasam ta’ fondi proprji – Fondi proprji meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi – Kunċett ta’ ‘attività marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi’ – Ħruġ tal-flus elettroniċi favur il-bejjiegħ bil-valur nominali tal-fondi rċevuti.
Kawża C-389/17.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:817
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fl-4 ta’ Ottubru 2018 ( 1 )
Kawża C-389/17
“Paysera LT” UAB, li qabel kienet “EVP International” UAB
fil-preżenza ta’ :
Lietuvos bankas
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Litwanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stabbilimenti ta’ flus elettroniċi – Direttiva 2009/110/KE – Regoli fil-qasam ta’ fondi proprji – Fondi meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi – Kunċett ta’ ‘attività marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi’ – Ħruġ tal-flus elettroniċi favur il-bejjiegħ bil-valur nominali tal-fondi riċevuti”
|
1. |
Il-flus elettroniċi huma flus foloz, jew flus imitattivi? ( 2 ) |
|
2. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ippreżentat mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Litwanja), jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2009/110/KE ( 3 ). Huwa ġie ppreżentat fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Paysera LT” UAB, qabel “EVP International” UAB (iktar ’il quddiem “Paysera”) u Lietuvos bankas (Bank [Ċentrali] tal-Litwanja), fir-rigward tal-metodi ta’ kalkolu tal-fondi proprji li għandhom japplikaw għal ċerti tranżazzjonijiet ta’ ħlas u tal-klassifikazzjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet bħala servizzi ta’ ħlas “marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi”. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-Direttiva DME II
|
3. |
Skont il-premessa 11 tad-Direttiva DME II: “Hemm bżonn ta’ reġim ta’ kapital inizjali magħqud ma’ wieħed ta’ kapital kurrenti sabiex ikun żgurat livell xieraq ta’ ħarsien tal-konsumatur u l-operat sod u prudenti tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi. Minħabba l-ispeċifiċità tal-flus elettroniċi, għandu jsir provvediment għal metodu addizzjonali għall-kalkolu ta’ kapital kurrenti. Għandha tinżamm diskrezzjoni superviżorja sħiħa sabiex ikun żgurat li l-istess riskji jkunu ttrattati bl-istess mod għall-fornituri kollha tas-servizzi tal-ħlas u li jinżamm il-metodu ta’ kalkolu li jinkludi s-sitwazzjoni speċifika tan-negozju ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi partikulari. Barra minn hekk, għandu jsir provvediment biex l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jkunu meħtieġa jżommu l-fondi tad-detenturi tal-flus elettroniċi mifruda minn fondi tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi għal skopijiet ta’ negozju ieħor. Istituzzjonijiet tal-ħlas elettroniku għandhom ukoll ikunu suġġetti għal rekwiżiti effettivi kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu”. |
|
4. |
Skont il-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva DME II, intitolat “Definizzjonijiet”, il-flus elettroniċi huma “valur monetarju maħżun elettronikament, anke b’mod manjetiku, kif rappreżentat minn pretensjoni fuq l-emittent li tinħareġ malli jiġu rċevuti l-fondi għall-iskop ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas kif definiti fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE u li huwa aċċettat minn persuna ġuridika għajr l-emittent tal-flus elettroniċi”. |
|
5. |
L-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva DME II, intitolat “Fondi proprji”, jipprovdi: “2. Fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) li mhumiex marbuta mal-ħruġ tal-flus elettroniċi, ir-rekwiżiti dwar il-fondi proprji ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandhom ikunu kkalkulati skont wieħed minn tliet metodi (A, B jew C) stipulati fl-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2007/64/KE. Il-metodu x-xieraq għandu jiġi determinat mill-awtoritajiet kompetenti konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għall-attività tal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, ir-rekwiżit dwar il-fondi proprji ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandhom ikunu kkalkulati skont il-Metodu D stipulat fil-paragrafu 3. L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi dejjem għandu jkollhom fondi proprji li jkunu mill-inqas ugwali għas-somma ta’ rekwiżiti msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, jew daqshom. 3. Metodu D: Il-fondi proprji ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għall-attività ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi għandhom jammontaw għal mill-anqas 2 % tal-medja ta’ flus elettroniċi pendenti”. |
|
6. |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva DME II, intitolat “Attivitajiet” jipprovdi fil-paragrafu 1(a) tiegħu: “1. Apparti mill-ħruġ tal-flus elettroniċi, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jkunu intitolati jidħlu għal kwalunkwe waħda mill-attivitajiet li ġejjin:
|
|
7. |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva DME II, intitolat “Ħruġ u rimborżabbiltà” jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-emittenti ta’ flus elettroniċi jemettu l-flus elettroniċi bil-parità kontabbli bħalma jkun hemm fuq l-irċevuta tal-fondi. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tad-detentur tal-flus elettroniċi, l-emittenti tal-flus elettroniċi jirrimborżaw, f’kull ħin u bil-parità kontabbli, il-valur monetarju tal-flus elettroniċi miżmuma”. |
1. Id-Direttiva 2007/64/KE
|
8. |
Il-punti 3 u 5 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE ( 4 ), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi wkoll il-kunċetti ta’ “servizzi ta’ ħlas” u ta’ “tranżazzjoni ta’ ħlas”:
[…]
|
|
9. |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva DSP, intitolat “Il-kalkolu tal-fondi proprji”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Minkejja r-rekwiżiti ta’ kapital inizjali stabbiliti fl-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet tal-ħlas dejjem ikollhom fondi proprji kkalkolati skond wieħed minn dawn it-tliet metodi, kif determinat mill-awtoritajiet kompetenti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali: Metodu A Il-fondi proprji ta’ l-istituzzjoni tal-ħlas għandhom jammontaw għal mill-inqas 10 % ta’ l-ispejjeż ġenerali fissi tagħha tas-sena preċedenti. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġġustaw dik il-ħtieġa fil-każ ta’ bidla materjali fin-negozju ta’ l-istituzzjoni tal-ħlas mis-sena preċedenti ’l hawn. Fejn istituzzjoni tal-ħlas ma tkunx għadha temmet sena sħiħa ta’ negozju fid-data tal-kalkolu, il-ħtieġa għandha tkun li l-fondi tagħha jammontaw għal mill-inqas 10 % ta’ l-ispejjeż ġenerali fissi korrispondenti kif previst fil-pjan tan-negozju, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jirrikjedux aġġustament għal dak il-pjan. Metodu B Il-fondi proprji ta’ l-istituzzjoni tal-ħlas għandhom jammontaw għal mill-inqas is-somma ta’ l-elementi li ġejjin multiplikati b’fattur ta’ skalar k, stabbilit fil-paragrafu 2, fejn il-volum tal-ħlas (payment volume – PV) jirrappreżenta parti waħda minn tnax ta’ l-ammont totali tat-transazzjonjiet ta’ ħlas mwettqa mill-istituzzjoni tal-ħlas fis-sena preċedenti:
flimkien ma’
flimkien ma’
flimkien ma’
flimkien ma’
Metodu Ċ Il-fondi proprji ta’ l-istituzzjoni tal-ħlas għandhom jammontaw għal mill-inqas l-indikatur rilevanti kif definit fil-punt (a),suġġett għall-fattur multiplikatur stabbilit fil-punt (b) kif ukoll għall-fattur ta' skalar k stabbilit fil-paragrafu 2.
2. Il-fattur ta’ scalar k li għandu jintuża fil-Metodi B u Ċ fuq għandu jkun:
|
|
10. |
L-Anness tad-Direttiva DSP intitolat “Servizzi ta’ ħlas (It-tielet punt ta’ l-Artikolu 4)”, jistabbilixxi l-lista ta’ attivitajiet meqjusa bħala tali: “1. Servizzi li jippermettu li flus kontanti jiġu mqiegħda f’kont tal-ħlas kif ukoll l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim ta’ kont tal-ħlas. 2. Servizzi li jippermettu ġbid ta’ flus kontanti minn kont tal-ħlas kif ukoll l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim ta’ kont tal-ħlas. 3. Eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas, inkluż trasferiment ta’ fondi fuq kont tal-ħlas mal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ieħor:
4. Eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas fejn il-fondi huma koperti minn linja ta’ kreditu għal utent ta’ servizzi ta’ ħlas:
5. Il-ħruġ u/jew il-kisba ta’ strumenti tal-ħlas. 6. Rimessa ta’ flus. 7. Eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas fejn il-kunsens ta’ min iħallas għall-eżekuzzjoni ta’ transazzjoni ta’ ħlas jingħata permezz ta’ kwalunkwe apparat tat-telekomunikazzjoni, diġitali jew ta’ l-IT u l-ħlas isir lill-operatur tat-telekomunikazzjoni, sistema jew operatur tan-network ta’ l-IT, li jaġixxi biss bħala intermedjarju bejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornitur tal-merkanzija jew is-servizzi”. |
II. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
11. |
Paysera hija kumpannija Litwana li għandha liċenzji għall-operat ta’ stabbiliment ta’ flus elettroniċi u ta’ stabbiliment ta’ ħlas mogħtija mill-Bank tal-Litwanja, li jagħtuha d-dritt għall-ħruġ ta’ flus elettroniċi u għall-provvista ta’ servizzi marbuta mal-ħruġ ta’ dawn il-flus, kif ukoll ta’ servizzi ta’ ħlas oħra. |
|
12. |
Wara spezzjoni tal-attività tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mwettqa mill-Bord ta’ Sorveljanza tal-Bank tal-Litwanja, ġie kkonstatat, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li din ir-rikorrenti ma kinitx osservat il-metodi ta’ kalkolu tal-fondi proprji, peress li l-Bank tal-Litwanja qies li s-servizzi inkwistjoni ma kinux marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi. |
|
13. |
Fil-fatt, is-servizzi marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi huma suġġetti għal obbligi ta’ żamma ta’ fondi proprji kkalkolati skont il-Metodu D, stabbilit fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva DME II, li jeżiġi li dawn l-istabbilimenti jkollhom kapital permanenti inqas minn dak rikjest għal dawk li jipprovdu servizzi ta’ ħlas mhux marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi u li għalihom ir-rekwiżiti dwar fondi proprji huma kkalkolati skont il-Metodi A, B u Ċ, stabbiliti fl-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva DSP. |
|
14. |
B’mod partikolari, il-Bord ta’ Sorveljanza rrifjuta li jirrikonoxxi bħala servizzi ta’ ħlas marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi l-attivitajiet li ġejjin imwettqa mir-rikorrenti:
|
|
15. |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk dawn iż-żewġ servizzi għandhomx jiġu kklassifikati bħala servizzi marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi jew bħala servizzi mhux marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi. |
|
16. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 5(2) moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(a) tad-[Direttiva DME II], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, huma meqjusa bħala servizzi ta’ ħlas marbuta (jew mhux marbuta) mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
17. |
Ebda waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ma qieset li kien neċessarju li tippreżenta osservazzjonijiet f’din il-proċedura. Il-Gvern Litwan, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fis-27 ta’ Ġunju 2018. |
IV. Analiżi
A. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet
|
18. |
Fl-ewwel lok, il-Gvern Litwan iqis, għall-kuntrarju tal-qorti tar-rinviju, li l-kunċett ta’ “ħruġ ta’ flus elettroniċi” ma jistax jinkludi l-ħruġ u r-rimbors effettiv tal-flus elettroniċi. |
|
19. |
L-attività ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi għandha titqies biss bħala l-iskambju ta’ forma nominali ta’ valur monetarju bit-trasferiment ta’ dan il-valur fuq mezz elettroniku sabiex il-persuni, billi jaċċettaw il-flus elettroniċi maħruġa mill-istabbiliment ta’ flus elettroniċi bħala forma ta’ ħlas, ikunu jistgħu jwettqu tranżazzjonijiet bejniethom permezz ta’ dan il-valur. Barra minn hekk, ladarba d-detentur ta’ flus elettroniċi jirrimborsa l-flus elettroniċi li huwa għandu għall-valur monetarju nominali, huwa ma jkunx jista’ jwettaq iktar it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas fi flus elettroniċi b’dan il-valur monetarju. |
|
20. |
Fit-tieni lok, dwar il-kunċett ta’ servizzi ta’ ħlas marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, il-Gvern Litwan isostni li l-applikazzjoni ta’ metodi differenti ta’ kalkolu tal-fondi proprji għandha l-effett li r-rekwiżit ta’ kapital permanenti ta’ stabbilimenti ta’ flus elettroniċi li jipprovdu servizzi ta’ ħlas mhux marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi huwa ikbar minn dak tal-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi li ma jipprovdux servizzi ta’ ħlas mhux marbuta mal-ħruġ ta’ tali flus. |
|
21. |
Il-kriterju prinċipali sabiex jiġi evalwat jekk servizzi ta’ ħlas partikolari għandhomx jitqiesu li huma marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi huwa l-estensjoni tar-riskju potenzjali f’kull każ konkret. Dan huwa kkonfermat mill-proposta tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2008 ( 5 ), li tinkludi b’mod partikolari modifika tar-rekwiżiti fil-qasam tal-kapital permanenti fil-proposta ta’ direttiva ġdida, b’metodi ġodda ta’ kalkolu bbażati fuq in-natura tal-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi u n-natura tar-riskju. |
|
22. |
Ir-rekwiżiti l-iktar rigorużi fil-qasam tal-kalkolu tal-kapital huma għalhekk imposti fuq l-istabbilimenti li jipprovdu servizzi ta’ ħlas mhux marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, peress li dawn iwettqu firxa iktar wiesgħa ta’ servizzi ta’ ħlas. |
|
23. |
Il-Gvern Litwan ifakkar, l-ewwel nett, li kienet l-adozzjoni tad-Direttiva DME II li ppermettiet lill-istabbilimenti ta’ kummerċ elettroniku jiżviluppaw l-attività tagħhom sabiex jipprovdu, minbarra servizzi marbuta strettament mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, servizzi ta’ ħlas elenkati fl-Anness tad-Direttiva DSP, u b’mod partikolari, l-għoti ta’ ċerti krediti. |
|
24. |
It-tieni nett, jekk jiġu pprovduti servizzi ta’ ħlas mhux marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, ir-riskju eventwali jkopri mhux biss id-detenturi ta’ flus elettroniċi, iżda wkoll lit-terzi persuni li ma jipparteċipawx fis-sistema (iċ-ċirku ta’ dawn it-terzi persuni jista’ jkun wiesa’ ħafna u indefinit) u li għalhekk ma kkonkludewx kuntratt ma’ stabbiliment ta’ flus elettroniċi – u konsegwentement, id-difiża tal-interessi tagħhom hija iktar limitata. |
|
25. |
Skont il-Gvern Litwan, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex servizz jitqies li huwa marbut mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi: i) il-flus elettroniċi għandhom jinħarġu fil-mument tas-servizz; u ii) is-servizz għandu jitwettaq bejn parteċipanti fis-sistema ta’ flus elettroniċi. |
|
26. |
Dwar ir-relazzjoni bejn is-servizz I u l-ħruġ ta’ flus elettroniċi, il-Gvern Litwan jiddikjara li ma hemmx dubju dwar il-fatt li qabel ma jibda jitwettaq is-servizz I, il-flus elettroniċi għandhom ikunu diġà nħarġu u huwa jqis li s-servizz I jikkorrispondi għal trasferiment ta’ kreditu kif previst fil-punt 3 tat-tielet inċiż tal-Anness tad-Direttiva DSP. |
|
27. |
Sabiex jitwettqu t-trasferimenti ta’ krediti lejn il-kontijiet bankarji, il-klijenti ta’ stabbilimenti ta’ kreditu ma jaċċettawx flus elettroniċi, iżda fondi, li jinġabru ladarba l-flus elettroniċi jiġu kkonvertiti għall-valur monetarju nominali tagħhom. Għalhekk, is-servizz I huwa tranżazzjoni li permezz tagħha l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi (l-emittenti) jittrasferixxi, fuq talba tad-detentur ta’ flus elettroniċi, il-flus elettroniċi, wara li jkun ikkonvertihom għall-valur monetarju nominali tagħhom, fil-kont ta’ terzi fi stabbiliment ta’ kreditu. |
|
28. |
Għalhekk, it-tranżazzjoni ta’ ħlas titwettaq bejn id-detentur tal-flus elettroniċi u terz. Dan huwa għalhekk ħlas “li joħroġ”. Tali ħlas ma jistax jitqies li huwa marbut mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi ħlief jekk isir bejn żewġ parteċipanti fis-sistema ta’ flus elettroniċi. |
|
29. |
Il-Gvern Litwan jenfasizza wkoll li s-servizz I ma huwiex marbut jew meqjus bħala identiku għal rimbors tal-flus elettroniċi. Fil-fatt, skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva DME II, rimbors ta’ flus elettroniċi huwa biss il-ħlas lura lid-detentur ta’ flus elettroniċi ta’ riżorsi monetarji bil-valur nominali. |
|
30. |
Barra minn hekk, din id-definizzjoni hija koerenti mal-għanijiet tad-Direttiva DME II, stabbiliti fil-preambolu tagħha, intiżi sabiex jippreżervaw u jsaħħu l-fiduċja tad-detenturi ta’ flus elettroniċi li fi kwalunkwe mument jistgħu jirkuprawhom bil-valur nominali tagħhom. |
|
31. |
Fil-każ tas-servizz I, il-flus elettroniċi ma jistgħux jitħallsu lura lid-detentur ta’ flus elettroniċi bil-valur nominali tagħhom. L-għan tad-detentur ta’ flus elettroniċi huwa li jwettaq il-ħlasijiet u r-regolamenti fir-rigward ta’ beni u servizzi. Il-mod u l-forma tar-rimbors tal-flus għandhom, barra minn hekk, importanza determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk servizz partikolari għandux jitqies bħala rimbors tal-flus elettroniċi jew servizz ta’ ħlas mhux marbut mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi. |
|
32. |
Dwar ir-relazzjoni bejn is-servizz II u l-ħruġ ta’ flus elettroniċi, il-Gvern Litwan ifakkar li dan huwa pprovdut kif ġej: 1) fuq ordni tal-bejjiegħ, ix-xerrej iħallas għall-beni jew għas-servizzi permezz ta’ trasferiment ta’ fondi fil-kont bankarju tal-applikant u 2) ladarba jiġu riċevuti l-fondi, l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi joħroġ mill-ewwel il-flus elettroniċi li huwa jittrasferixxi fil-kont ta’ flus elettroniċi tan-negozjant. |
|
33. |
Għalhekk, fl-ewwel lok, ma huwiex ikkontestat li, waqt is-servizz II, il-fondi riċevuti min-naħa tal-klijent jiġu kkonvertiti fi flus elettroniċi u kkreditati lill-kont tad-detentur ta’ flus elettroniċi. Madankollu, il-ħlas innifsu jitwettaq bil-valur nominali u mhux fi flus elettroniċi. It-tranżazzjoni ta’ ħlas titqies kompluta meta l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi jirċievi l-fondi fil-kont tiegħu fi stabbiliment ta’ kreditu. Il-flus elettroniċi jinħarġu biss wara. Dan il-ħruġ sussegwenti tal-flus elettroniċi huwa biss ir-riżultat tal-fatt li kuntratt korrispondenti huwa konkluż bejn il-fornitur tal-beni u/jew il-fornitur ta’ servizzi, minn naħa, u l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi, min-naħa l-oħra. Is-servizz II lanqas ma jissodisfa t-tieni kriterju stabbilit mill-Gvern Litwan, peress li dan jitwettaq bejn terz u detentur ta’ flus elettroniċi. |
|
34. |
Fit-tieni lok, dan il-każ jirrigwarda ħlas “li jidħol” fis-sistema ta’ flus elettroniċi u mhux ħlas “imwettaq” fi ħdan din is-sistema, bejn il-parteċipanti tagħha. |
|
35. |
Għalhekk, is-servizz II lanqas ma jista’ jitqies bħala servizz marbut mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi. |
|
36. |
Il-Gvern Pollakk iqis, qabelxejn, li l-espressjoni “servizzi ta’ ħlas li ma humiex marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi” għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi għas-servizzi ta’ ħlas, iċċitati fid-Direttiva DSP u pprovduti minn stabbiliment partikolari, mingħajr ħruġ ta’ flus elettroniċi, għat-twettiq ta’ dawn is-servizzi ta’ ħlas. Għall-kuntrarju, is-servizzi ta’ ħlas marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi huma s-servizzi ta’ ħlas imwettqa bi ħruġ ta’ flus elettroniċi minn stabbiliment ta’ flus elettroniċi partikolari. |
|
37. |
Għaldaqstant, stabbiliment ta’ flus elettroniċi li jeżerċita l-attività ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi u ta’ provvista ta’ servizzi ta’ ħlas marbuta ma’ dan il-ħruġ għandu jżomm il-fondi proprji tiegħu, tal-inqas fil-livell ikkalkolat skont il-Metodu D, previst mid-Direttiva DME II. |
|
38. |
Madankollu, jekk dan l-istabbiliment jipprovdi wkoll servizzi ta’ ħlas oħra, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ħlasijiet fi flus skritturali, il-livelli minimi ta’ fondi proprji meħtieġa għandhom għalhekk jiġu kkalkolati skont il-Metodi A, B jew Ċ, stabbiliti fl-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva DSP. |
|
39. |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva DME II li jiddefinixxi l-flus elettroniċi. |
|
40. |
L-ewwel nett, il-flus elettroniċi ma jistgħux jiġu assimilati mal-flus skritturali u ma jistgħux jiġu assoċjati magħhom. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jikkostitwixxu entrata kontabbli fil-kotba tal-istabbiliment ta’ ħlas jew tal-bank fil-kont bankarju tal-klijent, li tindika l-eżistenza ta’ obbligu tal-istabbiliment ta’ ħlas li jħallas (jirrimborsa) somma ta’ flus partikolari. Il-ħlas imwettaq fi flus skritturali u għalhekk permezz tal-intervent ta’ stabbilimenti ta’ ħlas jew ta’ bank, ma jikkostitwixxix de jure l-provvista ta’ servizz monetarju miftiehem bħala trasferiment ta’ kontroll fuq il-flus kontanti, iżda biss trasferiment tal-pretensjoni tal-ħlas ta’ ammont partikolari fi flus kontanti u tar-regolament marbut miegħu, flimkien mas-sostituzzjoni tad-debitur, jekk il-pagatur u d-destinatarju tal-ħlas joperaw flimkien ma’ stabbilimenti ta’ ħlas jew banek oħra. |
|
41. |
It-tieni nett, il-flus elettroniċi, għall-kuntrarju tal-flus skritturali, ma humiex entrata kontabbli li tesprimi l-obbligu ta’ ħlas fi flus kontanti, iżda valur monetarju maħruġ u miżmum f’forma elettronika, inkluż manjetika, marbut mal-obbligu ta’ xiri sistematiku, mingħand id-detentur tagħhom, mill-emittenti. Għalhekk, dawn jikkonsistu fi trasferiment tal-kontroll fuq valuri monetarji bejn il-pagatur u d-destinatarju tal-ħlas. |
|
42. |
Il-flus elettroniċi huma għalhekk simili għal flus kontanti, li jiffunzjonaw ukoll permezz ta’ trasferiment ta’ kontroll. Id-differenza tinsab fin-natura intanġibbli ta’ dawn il-flus u fl-assenza ta’ obbligu ġenerali li jiġu aċċettati. |
|
43. |
Il-valur monetarju jinħareġ inkambju għal flus kontanti jew għal flus skritturali u jwassal għal obbligu ta’ trasferiment tal-valur monetarju. It-trasferiment iseħħ permezz tal-ħlas, fi flus kontanti jew f’valur skritturali, korrispondenti għall-valur tal-flus elettroniċi maħruġa inkambju għar-rimbors tal-valur monetarju maħruġ. Wara l-ħruġ ta’ flus elettroniċi, l-emittenti (l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi) effettivament ibigħ il-valur monetarju, jiġifieri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tax-xerrej, inkambju għal ħlas ta’ ċerta somma ta’ flus u jintrabat, fl-istess ħin, li jixtri dawn il-valuri monetarji mingħand kull wieħed mid-detenturi tagħhom. |
|
44. |
Il-flus elettroniċi jinħarġu għalhekk bil-għan li jitwettqu tranżazzjonijiet ta’ ħlas. Għaldaqstant, il-valuri monetarji maħruġa għall-finijiet oħra jew il-valuri monetarji li permezz tagħhom ma huwiex possibbli li jitwettqu tranżazzjonijiet ta’ ħlas, ma jistgħux jitqiesu bħala flus elettroniċi. Barra minn hekk, il-flus elettroniċi għandhom jiġu aċċettati minn tal-inqas minn żewġ persuni għajr l-emittent. |
|
45. |
Għalhekk, jekk il-preżunzjoni ta’ servizz ta’ ħlas partikolari tippresupponi li t-tranżazzjonijiet ta’ ħlas kollha jitwettqu permezz tal-flus skritturali maħluqa wara x-xiri ta’ flus elettroniċi, dan jimplika li s-servizz inkwistjoni ma jistax jitqies bħala servizz marbut mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi. |
|
46. |
Għalhekk, ma jistgħux jitqiesu bħala servizzi marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, is-servizzi li huma implimentati permezz tal-użu tal-flus skritturali ġġenerati wara konverżjoni preliminari ta’ flus elettroniċi fi flus bankarji, bil-għan li l-flus skritturali jerġgħu jidhru fuq kont bankarju tad-destinatarju tal-ħlas. Għal raġunijiet simili, lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala servizzi marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi s-servizzi ta’ ħlas li jikkonsistu fl-aċċettazzjoni ta’ ħlas fi flus skritturali, segwiti mill-konverżjoni tal-fondi riċevuti fi flus elettroniċi. |
|
47. |
Konsegwentement, is-servizzi pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhomx natura ta’ servizzi ta’ ħlas marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi peress li dawn jiġu eżegwiti permezz tal-użu ta’ flus skritturali. |
|
48. |
Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li għandu jiġi evalwat, każ b’każ, jekk is-servizzi ta’ ħlas inkwistjoni humiex servizzi indipendenti jew anċillari. |
|
49. |
Is-servizz I jirrigwarda tranżazzjoni ta’ ħlas li permezz tagħha, fuq ordni tad-detentur tal-flus elettroniċi, l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi jirrimborsa l-fondi bil-valur nominali tagħhom u jittrasferixxihom fil-kont bankarju ta’ terz, kif ikkonfermat mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva DME II. |
|
50. |
Is-servizz II jirrigwarda servizz ta’ ħlas li permezz tiegħu, fuq ordni tal-bejjiegħ, ix-xerrej tal-beni u/jew tas-servizzi jittrasferixxi fondi fir-rigward ta’ dawn il-beni u/jew servizzi lill-istabbiliment ta’ flus elettroniċi li, wara li jirċievi dawn il-fondi, joħroġ il-flus elettroniċi favur il-bejjiegħ bil-valur nominali tal-fondi riċevuti. |
|
51. |
Il-Kummissjoni tqis li l-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas, kemm jekk din tkun marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, kemm jekk le, għandha tiġi evalwata mill-perspettiva tal-istabbiliment ta’ flus elettroniċi. Fil-kuntest tas-servizz II, l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi jirċievi mingħand ix-xerrej ta’ beni u/jew servizzi fondi favur id-detentur ta’ flus elettroniċi u joħroġhom mill-ġdid fi flus elettroniċi. Dan is-servizz huwa għalhekk neċessarju sabiex jippermetti l-ħruġ ta’ flus elettroniċi. Ma huwiex servizz indipendenti. |
|
52. |
Għalhekk, is-servizzi I u II għandhom jitqiesu bħala servizzi ta’ ħlas marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi. |
B. Evalwazzjoni
1. Osservazzjonijiet preliminari
|
53. |
Bħala introduzzjoni, ser nagħti numru ta’ eżempji magħrufa ta’ flus elettroniċi, bħal Proton fil-Belġju, miniCASH fil-Lussemburgu, Moneo fi Franza jew Geldkarte fil-Ġermanja (kollha fuq mezz ta’ karta) iżda wkoll PayPal fuq livell mondjali (il-flus jinżammu biss fuq netwerk, sa fejn il-materjal huwa “informatiku” jew virtwali) – filwaqt li l-bitcoin ma hijiex flus elettroniċi ( 6 ). |
|
54. |
L-għan tad-domanda preliminari huwa l-interpretazzjoni tal-espressjoni “attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) [tad-Direttiva DME II] li mhumiex marbuta mal-ħruġ tal-flus elettroniċi”, użata fl-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva. |
|
55. |
Il-kawża inkwistjoni tqajjem għalhekk il-kwistjoni dwar jekk abbażi ta’ din id-dispożizzjoni: (i) tranżazzjoni ta’ ħlas li permezz tagħha, fuq talba tad-detentur ta’ flus elettroniċi lill-istabbiliment ta’ flus elettroniċi, il-flus elettroniċi (ammonti li għandhom jiġu rrimborsati) jiġu ttrasferiti bil-valur nominali tagħhom fil-kont bankarju ta’ terz; u (ii) tranżazzjoni ta’ ħlas li permezz tagħha, fuq ordni tal-bejjiegħ, ix-xerrej ta’ beni u/jew ta’ servizzi jittrasferixxi, fir-rigward ta’ beni u/jew servizzi mixtrija, fondi lill-istabbiliment ta’ flus elettroniċi (emittenti ta’ flus elettroniċi) li wara li jirċievi tali fondi, joħroġ il-flus elettroniċi favur il-bejjiegħ (detentur ta’ dawn il-flus) bil-valur nominali tal-fondi riċevuti, għandhiex titqies bħala attività “marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi”. |
|
56. |
Ir-riskji huma kbar ħafna peress li, skont jekk il-provvista tkunx marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi mill-istabbiliment inkwistjoni jew le, ir-rekwiżiti fil-qasam ta’ fondi proprji jvarjaw, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva DME II. |
|
57. |
Għalhekk, l-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi li għandhom attivitajiet ta’ servizzi marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi għandhom jikkalkolaw il-fondi proprji tagħhom skont il-Metodu D ( 7 ), filwaqt li għal dawk li jeżerċitaw attivitajiet li ma humiex marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi r-rekwiżiti tagħhom fil-qasam ta’ fondi proprji huma kkalkolati skont il-Metodi A, B u Ċ ( 8 ), li jimponu rekwiżiti fil-qasam ta’ fondi proprji iktar rigorużi mill-Metodu D. |
2. It-test tad-Direttiva DME II
|
58. |
Id-domandi tal-qorti tar-rinviju huma marbuta mal-fatt li l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva DME II ma jiddefinixxux ( 9 )“l-attivitajiet [...] li ma humiex marbuta mal-ħruġ tal-flus elettroniċi” (Artikolu 5(2)) u lanqas l-“attivitajiet marbuta” f’dan ir-rigward, u lanqas “is-servizzi ta’ ħlas” [Artikolu 6(1)(a)] li jistgħu jipprovdu l-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi, u l-aħħar dispożizzjoni tirreferi biss għal lista li tinsab fl-Anness tad-Direttiva DSP ( 10 ). |
|
59. |
Ninnota biss li t-test jitkellem dwar attivitajiet “marbuta” jew le, li jidhirli li jeskludi l-argument tal-Gvern Litwan li, sabiex jaqgħu taħt l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva DME II, it-tranżazzjonijiet inkwistjoni għandhom jiġu “integrati” totalment fis-sistema ta’ flus elettroniċi. |
|
60. |
Hemm artikoli oħra tad-Direttiva DME II li jistħoqqilhom analiżi. |
|
61. |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva DME II, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (kif ukoll il-portata leġiżlattiva tagħha) jipprovdi li dan l-att tal-Unjoni jistabbilixxi “r-regoli dwar [il]-ħruġ tal-flus elettroniċi”. L-Artikolu 11(1) ta’ din l-istess direttiva, li jinsab fit-Titolu III intitolat “Emessjoni u rimborżabbiltà ta’ flus elettroniċi”, jeżiġi l-ħruġ ta’ flus elettroniċi bil-valur nominali malli jirċievu l-fondi. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva jeżiġi r-rimbors tal-flus elettroniċi bil-valur nominali fi kwalunkwe mument fuq talba tad-detentur ta’ dawn il-flus. |
|
62. |
Sabiex dawn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 jitqiegħdu fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva DME II, jiena tal-fehma li l-qorti tar-rinviju kienet korretta li taħseb li “l-ħruġ ta’ flus elettroniċi” fis-sens tal-imsemmija direttiva jinkludi, fost oħrajn, il-ħruġ ta’ dawn il-flus u r-rimbors tagħhom. |
|
63. |
Fil-fatt, wieħed jista’ jqis ukoll li l-għan tal-flus elettroniċi (li jista’ jiġi dedott mid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva DME II, jiġifieri li jitwettqu tranżazzjonijiet ta’ ħlas) ma jfissirx li huma biss it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ flus elettroniċi li huma marbuta mas-servizzi ta’ ħlas marbuta mal-ħruġ ikkonċernat ta’ flus elettroniċi. Huwa evidenti li l-ħruġ ta’ dawn il-flus u r-rimbors tagħhom normalment iseħħu fil-forma ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas magħmula minn fondi oħra ( 11 ). |
|
64. |
Naħseb (bħall-Kummissjoni) li mill-kunċett ta’ flus elettroniċi ddefinit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva DME II li jirreferi għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas iddefiniti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva DSP ( 12 ), jirriżulta wkoll li s-servizzi ta’ ħlas marbuta mal-flus elettroniċi jinkludu s-servizzi marbuta mhux biss mal-ħruġ, iżda wkoll mar-rimbors tal-flus elettroniċi. |
|
65. |
Il-Gvern Litwan isostni li l-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva DME II jagħmel distinzjoni ċara bejn il-ħruġ u r-rimbors u għalhekk ma jistgħux jitqiesu li huma marbuta. |
|
66. |
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. |
|
67. |
Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li ċertament, il-ħruġ u r-rimbors huma tabilħaqq żewġ atti distinti u għalhekk huma rregolati mill-Artikolu 11(1) u(2) tad-Direttiva DME II rispettivament. Madankollu, huwa ċar li l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li madankollu dawn ikunu strettament marbuta. |
|
68. |
L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva DME II jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li […] l-emittenti tal-flus elettroniċi jirrimborżaw, f’kull ħin […] il-valur monetarju tal-flus elettroniċi miżmuma”. Għalhekk, id-dritt li jiġu rrimborsati jinħoloq awtomatikament u huwa inkundizzjonat. Għalhekk, dan ma huwiex att awtonomu. |
|
69. |
Isegwi li sabiex ikun “marbut”, is-servizz ta’ ħlas inkwistjoni għandu jkun indispensabbli għall-ħruġ jew għar-rimbors ta’ flus elettroniċi. |
|
70. |
Jiena naqbel mal-Kummissjoni li mid-Direttiva DME II jirriżulta li s-servizzi ta’ ħlas – marbuta jew le – jistgħu jiġu pprovduti lil hinn mis-sistema ta’ flus elettroniċi. |
|
71. |
Huwa normali li kemm il-ħruġ kif ukoll ir-rimbors tal-flus elettroniċi jkollhom dejjem ċerta rabta ma’ kont bankarju klassiku. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Litwan, f’dan ir-rigward huwa għalhekk irrilevanti jekk il-persuna titlifx il-possibbiltà li tħallas fi flus elettroniċi. |
|
72. |
Għalhekk, il-ħruġ tal-flus elettroniċi u r-rimbors tagħhom huma atti separati, iżda mhux awtonomi. |
|
73. |
Fil-fatt, il-kunċett ta’ “rimborsabbiltà” għandu jinftiehem bħala l-possibbiltà, għall-konsumatur, li jirkupra l-flus elettroniċi tiegħu fi kwalunkwe mument permezz ta’ trasferiment ta’ kreditu jew fi flus kontanti ( 13 ). |
|
74. |
Fi kliem ieħor, il-ħruġ ta’ flus elettroniċi jikkostitwixxi biss parti mill-proċess, bil-parti l-oħra tikkorrispondi għar-rimbors ta’ dawn il-flus ( 14 ). |
|
75. |
Din id-duwalità hija spjegata sew minn P. Storrer li jikteb (b’mod partikolari fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva DME II fid-dritt Franċiż) li “[l]-unitajiet ta’ flus elettroniċi huma msejħa unitajiet ta’ valur, u kull waħda tikkostitwixxi kreditu inkorporat f’titolu […] il-kunċett ta’ kreditu fuq l-emittent huwa karatteristika tal-flus elettroniċi u jippermetti li ssir distinzjoni mill-flus skritturali inseparabbli mir-repożitorju tagħhom, il-kont […] [huwa sempliċement] żewġ aspetti tal-istess titolu [ta’] kreditu – il-pretensjoni għal flus elettroniċi għandha żewġ aspetti, u tiddependi minn jekk tikkonċernax id-detentur: pretensjoni għal rimbors […], jew l-aċċettant: pretensjoni għal konverżjoni […] Naħseb […] li l-flus elettroniċi huma rimborsabbli min-natura, rimbors barra minn hekk suġġett għal sistema dettaljata li tikkostitwixxi aspett essenzjali tad-dritt kuntrattwali tal-flus elettroniċi […] [J]idhirli li l-flus elettroniċi huma pjuttost rimborsabbli min-natura milli skont is-sistema tagħhom. Din ir-rimborsabbiltà żżid kriterju supplimentari għall-identifikazzjoni ta’ prodott ta’ flus elettroniċi iktar milli hija konsegwenza tal-klassifikazzjoni tiegħu” ( 15 ). |
|
76. |
Nerġa’ nirreferi għall-Artikolu 11(2) tad-Direttiva DME II, li jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-emittenti ta’ flus elettroniċi jirrimborsaw, fuq talba tad-detentur ta’ flus elettroniċi, fi kwulunkwe mument u bil-valur nominali, il-valur monetarju tal-flus elettroniċi miżmuma (regola analoga hija imposta għall-ħruġ ta’ dawn il-flus permezz tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu). Barra minn hekk, il-ħruġ ta’ flus elettroniċi li r-rimbors tagħhom jitwettaq permezz ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas minn fondi oħra (pereżempju titwettaq tranżazzjoni permezz ta’ karta tal-ħlas jew tranżazzjoni frekwenti ta’ trasferimenti ta’ krediti). |
|
77. |
Għalhekk, is-servizzi ta’ ħlas “li ma humiex [marbuta] mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi” imsemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva DME II għandhom jinkludu wkoll is-servizzi ta’ ħlas mhux marbuta mar-rimbors tal-flus elettroniċi. |
|
78. |
Sa fejn is-servizzi ta’ ħlas marbuta mal-ħruġ (jew mar-rimbors) ta’ flus elettroniċi ma humiex iddefiniti mod ieħor fid-Direttiva DME II, naħseb (bħall-Kummissjoni) li hemm lok li jitqiesu bħala servizzi ta’ ħlas “marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi” (Artikolu 5(2) tad-Direttiva DME II) is-servizzi kollha ta’ ħlas li huma neċessarji sabiex jippermettu l-ħruġ jew ir-rimbors tal-flus elettroniċi. Fi kliem ieħor, dawn is-servizzi għandu jkollhom natura sussidjarja fil-ħruġ ta’ flus elettroniċi. |
|
79. |
Għalhekk, għandu jiġi evalwat każ b’każ jekk is-servizzi ta’ ħlas ikkunsidrati humiex servizzi indipendenti jew sussidjarji. Jekk is-servizz ta’ ħlas huwa pprovdut bil-għan li jippermetti l-ħruġ jew ir-rimbors tal-flus elettroniċi, dan is-servizz għandu jitqies bħala marbut miegħu. |
3. Applikazzjoni għaż-żewġ tranżazzjonijiet imsemmija f’din il-kawża
|
80. |
L-ewwel każ imqajjem fid-domanda preliminari jirrigwarda tranżazzjoni ta’ ħlas li permezz tagħha, fuq ordni tad-detentur tal-flus elettroniċi, l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi jirrimborsa l-fondi bil-valur nominali tagħhom u jittrasferixxihom b’dan il-valur fil-kont bankarju ta’ terz. |
|
81. |
It-trasferiment ta’ fondi minn rimbors imwettaq minn stabbiliment ta’ flus elettroniċi huwa strettament marbut mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, li bħalma diġà indikajt, għandu jinkludi wkoll ir-rimbors. |
|
82. |
Madankollu, it-trasferiment ta’ dawn il-fondi rrimborsati għandu jifforma parti minn tranżazzjoni waħda u unika imwettqa mill-istabbiliment ta’ flus elettroniċi. Fl-eventwalità li t-trasferiment ta’ fondi rrimborsati fuq kont bankarju ieħor ma jkunx l-għan ta’ tranżazzjoni waħda u unika, l-imsemmi trasferiment għandu jitqies bħala servizz ta’ ħlas indipendenti. |
|
83. |
Skont l-Artikolu 7(1) tad-Diretttiva DME II, l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi għandu jissalvagwardja, skont l-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva DSP, il-fondi li huwa jirċievi inkambju għall-flus elettroniċi maħruġa. |
|
84. |
Jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li dan ifisser li l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi għandu l-obbligu ( 16 ) li jissalvagwardja dawn il-fondi korrispondenti sal-livell ta’ ammonti ta’ flus elettroniċi ddepożitati fil-kontijiet tal-istabbiliment. Min-naħa l-oħra, ma jeżistix obbligu simili għas-salvagwardja tal-fondi ladarba l-flus elettroniċi jiġu rrimborsati. Din ir-regola tista’ tkun ibbażata fuq il-fatt li t-trasferiment ta’ fondi għandu jseħħ immedjatament wara li l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi jirrimborsa l-fondi lid-detentur tal-flus elettroniċi. Jekk il-fondi rrimborsati jinżammu għal żmien itwal mill-istabbiliment ta’ flus elettroniċi, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva DME II jipprovdi li r-rekwiżiti fil-qasam ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva DSP japplikaw. Isegwi li l-fondi għandhom jiġu ssalvagwardjati sabiex ikun jista’ jiġi pprovdut servizz ta’ ħlas indipendenti skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva DSP. |
|
85. |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju hija korretta meta tikkonkludi fid-digriet tar-rinviju li, sa fejn il-ħruġ tal-flus elettroniċi jinkludi wkoll ir-rimbors tal-flus previst fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva DME II, is-servizz ta’ ħlas ikkonċernat (servizz I) għandu jitqies bħala tranżazzjoni ta’ ħlas “marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi” fis-sens tal-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-direttiva, meta l-fondi rrimborsati jiġu ttrasferiti fuq talba tad-detentur tal-flus elettroniċi fil-kont bankarju ta’ terz. |
|
86. |
It-tieni każ imqajjem mill-qorti tar-rinviju jirrigwarda s-servizz ta’ ħlas li permezz tiegħu, fuq ordni tal-bejjiegħ, ix-xerrej ta’ beni u/jew servizzi (il-pagatur) jittrasferixxi fondi fir-rigward ta’ dawn il-beni u/jew servizzi lill-istabbiliment ta’ flus elettroniċi (emittent ta’ flus elettroniċi), li wara li jirċievi dawn il-fondi, joħroġ il-flus elettroniċi favur il-bejjiegħ (detentur tal-flus elettroniċi) bil-valur nominali tal-fondi riċevuti. |
|
87. |
Kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, il-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas, kemm jekk dawn huma marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, kemm jekk le, għandha titqies mill-perspettiva tal-istabbiliment ta’ flus elettroniċi. |
|
88. |
Fil-każ inkwistjoni, l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi jirċievi fondi tax-xerrej ta’ beni jew servizzi u jittrasferixxihom lill-bejjiegħ billi joħroġ il-flus elettroniċi. F’dan il-każ, is-servizz ta’ ħlas li fil-kuntest tiegħu l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi jirċievi fondi u joħroġ il-flus elettroniċi huwa neċessarju sabiex jippermetti l-ħruġ innifsu ta’ flus elettroniċi; għalhekk ma huwiex servizz indipendenti. |
|
89. |
Għaldaqstant, naqbel ukoll mal-qorti tar-rinviju dwar il-fatt li huwa irrilevanti li x-xerrej ta’ beni u/jew ta’ servizzi (il-pagatur) jittrasferixxi (iħallas) il-fondi lir-rikorrenti (l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi), mhux sabiex joħroġ il-flus elettroniċi, iżda sabiex iħallas għal beni u/jew servizzi. Dawn ix-xerrejja (il-pagaturi) iwettqu l-ħlas ikkonċernat lir-rikorrenti fir-rigward ta’ beni u/jew servizzi mixtrija fuq ordni tal-operatur (klijent tar-rikorrenti) u dan tal-aħħar ikun ikkonkluda kuntratt mar-rikorrenti, li wara li jirċievi l-fondi kkonċernati min-naħa tax-xerrejja, joħroġ immedjatament il-flus elettroniċi, bil-valur nominali tal-fondi riċevuti. Konsegwentement, l-għan tax-xerrejja ma jipprekludix l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn it-tranżazzjoni ta’ ħlas u l-ħruġ ta’ flus elettroniċi. |
|
90. |
Għalhekk, jiena tal-opinjoni li t-tieni servizz ta’ ħlas ikkonċernat (servizz II) għandu jitqies ukoll bħala attività “marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi”. |
V. Konklużjoni
|
91. |
Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Litwanja): L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jitqiesu bħala servizzi ta’ ħlas marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, is-servizzi ta’ ħlas:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Anki jekk din l-aħħar espressjoni hija assoċjata l-iktar mal-bitcoin (Storrer, P., Droit de la monnaie électronique, RB-Edizzjoni, Pariġi 2014, p. 23). Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU 2009, L 263, p. 7 iktar ’il quddiem id-“Direttiva DME II”).
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1; u rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5, iktar ’il quddiem id-Direttiva DSP”).
( 5 ) Proposta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE [KUM(2008)627 finali].
( 6 ) Dan minkejja li numru kbir ta’ persuni jaħsbu (b’mod żbaljat) li dan huwa l-każ. Dawn huma pjuttost flus virtwali, li “lanqas ma jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ mezz ta’ ħlas fis-sens tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, u b’mod iktar partikolari taħt id-definizzjoni tal-flus elettroniċi, peress li l-bitcoin ma tinħariġx fuq […] riċezzjoni ta’ fondi. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-flus elettroniċi, il-bitcoin ma hijiex akkumpanjata minn garanzija legali ta’ rimbors f’kull waqt bil-valur nominali” (Bank ta’ Franza, Les dangers liés au développement des monnaies virtuelles : l’exemple du bitcoin, Focus Nru 10, 5 ta’ Diċembru 2013).
( 7 ) Stabbilit fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva DME II.
( 8 ) Stabbilit fl-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva DSP.
( 9 ) Dan lanqas ma kien il-każ fid-direttiva preċedenti [Direttiva 2000/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenti tal-kummerċ ta’ istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 343)]. Ara pereżempju, Vereecken, M., “Monnaie électronique: commentaire des directives européennes”, Euredia, Nru 1, 2004, p. 43-79, li nżid, li ta’ spiss għadu rilevanti wkoll għad-dispożizzjoni tad-Direttiva (il-ġdida) DME II.
( 10 ) Għandu jiġi enfasizzat li minkejja li dan l-anness jippreċiża l-attivitajiet li jistgħu jeżerċitaw l-emittenti ta’ flus elettroniċi, huwa ma jipprovdi xejn dwar jekk dawn l-attivitajiet humiex marbuta jew le mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi.
( 11 ) Ara l-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva DME II.
( 12 ) It-tranżazzjonijiet ta’ ħlas huma ddefiniti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva DSP bħala “att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas”.
( 13 ) Ara l-Artikolu 5 tal-proposta tal-Kummissjoni [COM(2008) 627 finali], iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 14 ) Ara fir-rigward tal-prinċipju ta’ rimborsabbiltà, b’mod partikolari, Poullet, C., u Vuitton, R., “La remboursabilité de la monnaie électronique”, Bulletin du Cercle François Laurent, Nru 3, 2004, p. 93-147.
( 15 ) Ara Storrer, P., Droit de la monnaie électronique, RB Edizzjoni, Pariġi, 2014, p. 61 sa 65. Ara wkoll, Lasserre Capdeville, J., “Le droit régissant le paiement par monnaie électronique en France”, Revue Lamy Droit des affaires, Nru 73, Lulju-Awwissu 2012, p. 93-97. Għall-Awstrija, ara Gerhartinger, H., Elektronisches Geld im österreichischen Bank- und Privatrecht, Bank Verlag Wien, Köln, 2010. Ara wkoll, Bulearcă, A., “Electronic Money, Means of Payment in Domestic and International Economic Exchanges. Statutory Changes at EU and EEA Level”, f’Sararu, C.-S., (Ed.), Studies of Business Law – Recent Developments and Perspectives, Peter Lang, Frankfurt am Main, 2013, p. 195-210, li jindirizza wkoll it-traspożizzjoni tad-Direttiva DME II fir-Rumanija.
( 16 ) Meta japplika l-metodi previsti fl-Artikolu 9(1)(a), (b) jew (c) tad-Direttiva DSP.