EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0193

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fil-25 ta’ Lulju 2018.
Cresco Investigation GmbH vs Markus Achatzi.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 21 – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(2)(a) – Diskriminazzjoni diretta minħabba r-reliġjon – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil ċerti ħaddiema jum wieħed ta’ leave fil-Ġimgħa l-Kbira – Ġustifikazzjoni – Artikolu 2(5) – Artikolu 7(1) – Obbligi tal-persuni li jimpjegaw privati u tal-qrati nazzjonali li jirriżultaw minn inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva 2000/78.
Kawża C-193/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:614

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil-25 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

Kawża C‑193/17

Cresco Investigation GmbH

vs

Markus Achatzi

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Regolament nazzjonali li jagħti ċerti drittijiet lil grupp limitat ta’ ħaddiema — Komparabbiltà — Diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ reliġjon — Ġustifikazzjoni — Azzjoni pożittiva — Applikazzjoni orizzontali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Effett dirett orizzontali tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Obbligi tal-persuni li jimpjegaw u tal-imħallfin nazzjonali f’każ ta’ inkompatibbiltà tal-liġi nazzjonali mal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78/KE

I. Introduzzjoni

1.

Skont il-liġi Awstrijaka, il-Ġimgħa l-Kbira hija btala pubblika (imħallsa) għal membri ta’ erba’ knejjes biss. Jekk, madankollu, il-membri ta’ dawn il-knejjes jaħdmu f’dan il-jum, huma effettivament intitolati għal paga doppja. Markus Achatzi (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) huwa impjegat minn Cresco Investigations GmbH (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”). Ir-rikorrent ma jappartjeni għall-ebda waħda minn dawn l-erba’ knejjes. Konsegwentement huwa ma rċeviex btala mħallsa u lanqas ma tħallas doppju peress li ħadem il-Ġimgħa l-Kbira fl-2015.

2.

Ir-rikorrent fittex lill-konvenuta għall-ħlas addizzjonali li huwa jemmen li kellu jirċievi talli ħadem il-Ġimgħa l-Kbira, billi argumenta li r-regola nazzjonali tiddiskrimina fuq bażi ta’ reliġjon u twemmin fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħlas. Huwa f’dan il-kuntest li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) essenzjalment tistaqsi jekk, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex diskriminatorja, u jekk dan huwa l-każ, liema tkun il-konsegwenza ta’ tali konstatazzjoni matul il-perijodu qabel ma l-leġiżlatura nazzjonali adottat reġim legali ġdid u nondiskriminatorju: l-impjegati kollha għandhom jibbenefikaw mid-drittijiet tal-btala tal-Ġimgħa l-Kbira u l-paga addizzjonali (imħallsa mill-persuna li timpjega) jew l-ebda wieħed minnhom ma għandu jirċievi tali benefiċċju?

3.

Fid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tinvoka “l-Artikolu 21 tal-Karta (moqrija) flimkien” mad-Direttiva 2000/78?KE ( 2 ). Ċertu paralleliżmu tal-kontenut u l-applikazzjoni de facto ta’ dispożizzjoni tal-Karta u l-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti li tagħti espressjoni lil dik id-dispożizzjoni tal-Karta ċertament ma huwiex xi ħaġa ġdida fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Meta wieħed jittratta l-kwistjoni ta’ kompatibbiltà astratta ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali mal-Karta u direttiva tal-Unjoni, ( 3 ) il-kwistjoni ta’ x’inhu eżattament applikat għall-każ inkwistjoni tista’ tkun ta’ importanza sekondarja. Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna li tkun speċifika dwar il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe inkompatibbiltà bħal din għal tip ta’ relazzjoni legali (orizzontali) speċifika, li min-naħa tagħha teħtieġ l-ispeċifiċità dwar ma’ x’hiex tali regola nazzjonali bħal din tkun inkompatibbli eżattament f’tali tip ta’ relazzjoni.

II. Qafas legali

A. Id-dritt tal-Unjoni

1.   Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

4.

L-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprovdi li: “Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.”

5.

L-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprovdi li: “Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

2.   Direttiva 2000/78

6.

L-Artikoli 1, 2 u 7 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdu kif ġej:

“Artikolu 1

Skop

L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Artikolu 2

Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni

1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni ndiretta meta fejn disposizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief

[…]

5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]

Artikolu 7

Azzjoni pożittiva u miżuri speċifiċi

1.   Bi skop li tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika, il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jikkonserva jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaggi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

[…]”

B. Id-dritt nazzjonali

7.

L-Artikolu 7(2) tal-Bundesgesetz über die wöchentliche Ruhezeit und die Arbeitsruhe an Feiertagen (Arbeitsruhegesetz), BGBl. Nr. 144/1983, kif emendata (il-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel) tat-3 ta’ Frar 1983 telenka 13-il btajjel pubbliċi nazzjonali, applikabbli għall-impjegati kollha. L-Artikolu 7(3) jipprovdi li l-Ġimgħa l-Kbira hija wkoll btala pubblika għall-membri tal-Knejjes Evanġelistiċi tat-Twemmin Awgustan u Elevetiku, tal-Knisja Kattolika Qadima u tal-Knisja Evanġelista Metodista.

8.

L-Artikolu 9 tal-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel jipprovdi essenzjalment li ħaddiem li ma jaħdimx f’xi btala pubblika jibqa’ intitolat li jirċievi salarju sħiħ għal dik il-ġurnata (l-Artikolu 9(1)) u jekk jaħdem, jitħallas doppju (Artikolu 9(5)).

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

9.

Kull min jaħdem fi kwalunkwe waħda mit-13-il jum ta’ btala mħallsa fl-Awstrija jirċievi b’żieda mas-salarju normali tiegħu ħlas għall-btala addizzjonali tal-istess ammont (iktar ’il quddiem, il-“kumpens”), bir-riżultat prattiku li jitħallas doppju talli jaħdem f’dawn il-jiem. Madankollu, peress li l-Ġimgħa l-Kbira hija btala pubblika mħallsa għall-membri ta’ erba’ knejjes biss, dawk il-membri biss huma intitolati għal btala pubblika mħallsa nhar il-Ġimgħa l-Kbira jew li jirċievu kumpens b’żieda mas-salarju normali tagħhom jekk jaħdmu f’dan il-jum.

10.

Ir-rikorrent huwa impjegat mill-konvenuta. Huwa ma jappartjeni għal ebda waħda mill-erba’ knejjes. Konsegwentement, huwa ma rċeviex btala pubblika mħallsa jew kumpens mill-konvenuta talli ħadem fil-Ġimgħa l-Kbira, fit-3 ta’ April 2015.

11.

Permezz tal-azzjoni tiegħu, ir-rikorrent qed jitlob ħlas gross ta’ EUR 109.09 flimkien mal-interessi. Ir-regola statutorja li taħtha l-Ġimgħa l-Kbira hija btala pubblika biss għall-membri tal-erba’ knejjes flimkien ma’ kumpens fil-każ li fil-fatt jaħdmu f’dan il-jum tagħti lok, fil-fehma tiegħu, għal diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon u twemmin fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-paga.

12.

Il-konvenuta tikkontesta din il-pożizzjoni u ssostni li l-azzjoni għandha tiġi miċħuda b’ordni korrispondenti għall-ispejjeż. Hija ssostni li l-ebda diskriminazzjoni ma hija involuta.

13.

Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba fuq il-bażi li r-regola tal-Ġimgħa l-Kbira kienet tikkostitwixxi trattament differenzjat oġġettivament iġġustifikat għal sitwazzjonijiet li ma kinux simili.

14.

Il-qorti tal-appell laqgħet l-appell tar-rikorrent u varjat is-sentenza oriġinali b’tali mod li laqgħet t-talba tar-rikorrent. Hija bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq is-suppożizzjoni li r-regoli nazzjonali li jipprovdu għal differenzi fit-trattament fir-rigward tal-Ġimgħa l-Kbira jiksru l-Artikolu 21 tal-Karta, li huwa direttament applikabbli. Hija kkonstatat li kien hemm diskriminazzjoni diretta tal-impjegati inkwistjoni fuq il-bażi tar-reliġjon, li ma hijiex iġġustifikata. Il-Ġimgħa l-Kbira, bħala btala pubblika, ma tistax għalhekk tkun ristretta għal gruppi speċifiċi ta’ impjegati, bir-riżultat li r-rikorrent, li kien ħadem il-Ġimgħa l-Kbira, fit-3 ta’ April 2015, kien intitolat ukoll għal kumpens.

15.

L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) issa trid tiddeċiedi dwar l-appell fuq punt ta’ liġi mressaq mill-konvenuta kontra d-deċiżjoni mogħtija fl-appell u li biha l-konvenuta tfittex li tirripristina s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza li ċaħdet l-azzjoni. Dik il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali flimkien mal-Artikolu 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ tilwima bejn ħaddiem u persuna li timpjega fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol irregolata mid-dritt privat, huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-Ġimgħa l-Kbira hija wkoll btala pubblika b’perijodu ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni ta’ mill-inqas 24 siegħa biss għall-membri tal-knejjes Evanġelisti tat-twemmin Awgustan u Elevetiku, tal-Knisja Kattolika Qadima u tal-Knisja Evanġelista Metodista u li abbażi tagħha l-ħaddiem [li jappartjeni għal waħda minn dawn il-knejjes] li jaħdem minkejja l-perijodu ta’ mistrieħ marbut mal-btala pubblika għandu dritt, minbarra għar-remunerazzjoni ta’ xogħol mhux imwettaq minħabba l-btala pubblika, ukoll għar-remunerazzjoni li tikkorrispondi max-xogħol imwettaq, filwaqt li ħaddiema l-oħra, li ma jagħmlux parti minn dawn il-knejjes, ma għandhomx tali dritt?

(2)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali flimkien mal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tippreġudikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali esposta fl-ewwel domanda, li tagħti drittijiet biss lil grupp relattivament limitat – meta mqabbel mal-popolazzjoni kollha u mal-appartenenza tal-maġġoranza għall-Knisja Kattolika Rumana – ta’ membri ta’ knejjes (oħra), għaliex hija miżura li, f’soċjetà demokratika, hija meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn, b’mod partikolari l-libertà li tiġi pprattikata reliġjon?

(3)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlazzjoni nazzjonali esposta fl-ewwel domanda tikkostitwixxi miżura pożittiva u speċifika favur il-membri tal-knejjes imsemmija fl-ewwel domanda sabiex tiggarantilhom ugwaljanza sħiħa fil-ħajja professjonali, tipprevjeni jew tikkumpensa l-iżvantaġġi marbuta mar-reliġjon lil dawn il-membri, jekk din il-leġiżlazzjoni tagħtihom l-istess dritt li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom matul il-ħin tax-xogħol fi btala pubblika importanti għal din ir-reliġjon bħad-dritt li għandhom il-maġġoranza tal-ħaddiema bis-saħħa ta’ dispożizzjoni nazzjonali oħra, minħabba li l-ġranet ta’ festa tar-reliġjon li hija osservata mill-maġġoranza tal-ħaddiema huma b’mod ġenerali ġranet liberi?

(4)

Fil-każ li jiġi deċiż li hemm diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78/KE:

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali flimkien mal-Artikolu 1, mal-Artikolu 2(2)(a) kif ukoll mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna privata li timpjega għandha, sakemm il-leġiżlatur ma jkunx għadu stabbilixxa sitwazzjoni legali nondiskriminatorja, tagħti lill-ħaddiema kollha, id-drittijiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira li ġew esposti fl-ewwel domanda, irrispettivament mill-appartenenza reliġjuża tagħhom, jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija għandha tibqa’ kompletament mhux applikata, b’tali mod li d-drittijiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira li ġew esposti fl-ewwel domanda ma għandhom jingħataw lill-ebda ħaddiem?”

16.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati mir-rikorrent u mill-konvenuta, mill-Gvern Awstrijak, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ikkonċernati għamlu wkoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tal-10 ta’ April 2018.

IV. Evalwazzjoni

A. Introduzzjoni

17.

Inqis li l-għotja ta’ btala pubblika mħallsa nhar il-Ġimgħa l-Kbira lill-membri tal-erba’ knejjes biss, flimkien ma’ kumpens f’każ li dawn il-persuni jaħdmu dan il-jum, tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ reliġjon fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, u diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 (l-ewwel domanda ppreżentata mill-qorti tar-rinviju, indirizzata fit-Taqsima C iktar ’il quddiem). Ma jidhirx li hemm xi ġustifikazzjoni valida għal din id-diskriminazzjoni (it-tieni domanda, Taqsima D). Lanqas ma jidher li huwa possibbli li dan it-trattament jiġi kkwalifikat bħala “azzjoni pożittiva” (it-tielet domanda, Taqsima E).

18.

Fl-opinjoni tiegħi, il-kwistjoni iktar kumplessa f’dan il-każ hija liema huma l-effetti legali ta’ din il-konstatazzjoni (astratta) ta’ diskriminazzjoni, li saret fuq il-bażi ta’ direttiva (li ma għandhiex effett dirett orizzontali bejn individwi privati) u dispożizzjoni tal-Karta, f’tilwima bejn individwi privati. Il-prinċipju ta’ supremazija jeħtieġ li r-regola nazzjonali tiġi mwarrba. Madankollu, jista’ wkoll jiġi dedott minn dan il-prinċipju jew mill-Artikolu 21(1) tal-Karta li potenzjalment għandu effett dirett orizzontali li persuna li timpjega (taħt id-dritt privat) hija obbligata, skont id-dritt tal-Unjoni, li tħallas kumpens lil kull min jaħdem nhar il-Ġimgħa l-Kbira, irrispettivament mill-konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom, minbarra s-salarju normali tagħhom? Fl-opinjoni tiegħi, ma jistax. Id-dritt tal-Unjoni xorta jeħtieġ li l-impjegat ikollu rimedju effettiv, li jista’ jinkludi l-possibbiltà ta’ azzjoni għad-danni kontra l-Istat Membru (ir-raba’ domanda, Taqsima F iktar ’il quddiem).

19.

Qabel ma neżamina d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fl-ordni indikat, ser nindirizza l-kwistjoni ġurisdizzjonali mqajma mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Pollakk fir-rigward tal-Artikolu 17 TFUE.

B. Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

20.

Fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tiegħu, il-Gvern Pollakk sostna li r-regoli dwar il-btala pubblika tal-Ġimgħa l-Kbira f’dan il-każ huma regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-erba’ knejjes u l-Istat Awstrijak. Bħala tali, dawn jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “l-istatus taħt id-dritt nazzjonali tal-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi” imsemmija fl-Artikolu 17(1) TFUE. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Waqt is-seduta orali, il-Gvern Taljan ippreżenta argument simili fir-rigward tal-Artikolu 17 TFUE. Huwa kkonkluda li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi li sarulha billi tikkonferma l-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar l-għoti ta’ btala pubblika jew kumpens lil gruppi reliġjużi partikolari.

21.

Nikkunsidra li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

22.

Fis-sentenza tal-kawża Egenberger, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 17 TFUE jesprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni mill-Istati Membri tar-rapporti tagħhom mal-knejjes u mal-assoċjazzjonijiet jew mal-komunitajiet reliġjużi” ( 4 ). Fil-konklużjonijiet tiegħu fl-istess kawża, l-Avukat Ġenerali Tanchev żied ukoll li r-rekwiżit tan-newtralità ma jimplikax li r-relazzjonijiet bejn il-knisja u l-Istat huma kompletament protetti minn kwalunkwe reviżjoni tal-konformità mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni (jew id-dritt tal-Unjoni b’mod iktar ġenerali) “ikunu x’ikunu ċ-ċirkustanzi” ( 5 ). Fis-sentenza Egerberger, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkonfermat espliċitament li “[l-Artikolu 17 TFUE] ma huwiex ta’ natura li jeżenta l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv” ( 6 ).

23.

B’mod iktar ġenerali, ġie ssuġġerit mill-Avukati Ġenerali fis-sentenzi tal-kawżi Achbita u Egenberger li l-Artikolu 17 tat-TFUE “jikkomplementa u jagħti effett speċifiku lill-Artikolu 4(2) TUE”. Minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar “waħedha ma jistax jiġi konkluż li ċerti materji jew oqsma ta’ attività jkunu eliminati kompletament mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78” ( 7 ).

24.

Bl-istess mod, fis-sentenza Concregación de Escuelas Pías de Betania, ( 8 ) l-Artikolu 17(1) TFUE bl-ebda mod ma kien jidher li jipprekludi l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għad-dħul tal-knejjes. Il-kwistjoni tal-Artikolu 17(1) TFUE lanqas biss ġiet diskussa fis-sentenza, ( 9 ) anki jekk is-sustanza tal-każ jista’, minn perspettiva partikolari, jinftiehem bħala li jikkonċerna relazzjonijiet finanzjarji bejn knisja u Stat jew li għandu implikazzjonijiet kunsiderevoli għall-istatus finanzjarju tal-knejjes.

25.

L-istampa li toħroġ minn din il-ġurisprudenza tidher pjuttost ċara: l-Artikolu 17(1) TFUE jikkonferma n-newtralità tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-istatus tal-knejjes u jeħtieġ li dan l-istatus ma jiġix ippreġudikat. Fil-fehma tiegħi, l-Unjoni Ewropea tiddikjara lilha nfisha kompletament newtrali, tassew anjostika, fir-rigward tal-arranġamenti tal-Istat Membru mal-Knisja fis-sens strett: pereżempju jekk Stat Membru jiddefinixxix ruħu bħala strettament newtrali reliġjożament, jew jekk Stat Membru fil-fatt għandux Knisja tal-Istat. Dikjarazzjoni ta’ newtralità bħal din hija dikjarazzjoni ta’ prinċipju importanti. Lil hinn minn din l-interpretazzjoni iktar ristretta, din tista’ sservi wkoll bħala għodda ta’ interpretazzjoni, applikabbli b’mod trażversali, kif fil-fatt huwa l-każ fir-rigward ta’ valuri u interessi oħra koperti mit-Titolu II tal-Ewwel Parti tat-TFUE (intitolat għal dik il-kwistjoni bħala “Dispożizzjonijiet ta’ Applikazzjoni Ġenerali”) f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni: fejn il-fatturi l-oħra kollha huma ugwali, interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li timmassimizza l-valuri jew l-interessi riflessi f’dawn id-dispożizzjonijiet għandha tkun iffavorita.

26.

Madankollu, lil hinn minn dawn iż-żewġ dimensjonijiet, l-Artikolu 17(1) TFUE ma jistax jinftiehem, fl-opinjoni tiegħi, li għandu l-konsegwenza li kwalunkwe regola nazzjonali li għandha x’taqsam mat-trattament tal-Istat ma’, jew l-istatus ta’, knejjes sempliċement jaqgħu barra mill-ambitu tad-dritt tal-Unjoni. B’mod simili għall-fatt li l-eżenzjonijiet mit-taxxa ma jaqgħux barra mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat bis-saħħa tal-fatt biss li dawn jikkonċernaw knisja jew l-inbid ma jaqax barra mir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija sempliċement minħabba li huwa nbid sagramentali li għandu jintuża għal għanijiet liturġiċi. Fi kliem sempliċi, “ir-rispett għall-istatus ta’” ma jistax jinqara bħala “eżenzjoni ġenerali” għal kwalunkwe kwistjoni li tmiss ma’ knisja jew komunità reliġjuża.

27.

Għaldaqstant, ma narax kif regola li timponi fuq il-persuni li jimpjegaw kollha (tkun xi tkun il-fidi jew l-assenza ta’ fidi tagħhom) obbligu li jagħtu btala mħallsa lil impjegati li huma membri tal-erba’ knejjes (jew kumpens lil dawk il-membri li jaħdmu dak il-jum) tista’ tkun bis-saħħa tal-Artikolu 17(1) tat-TFUE għalkollox protetta minn stħarriġ fid-dawl tal-Karta jew tad-Direttiva 2000/78.

28.

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) TFUE hija sostnuta wkoll mill-fatt li l-Artikolu 17(2) TFUE jestendi garanzija analoga ta’ newtralità fir-rigward tal-istatus ta’ organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali. Peress li l-Unjoni Ewropea fl-Artikolu 17(2) TFUE, timpenja ruħha li turi “rispett ugwali” għall-istatus ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, allura kwalunkwe “eżenzjoni” mogħtija b’mod ipotetiku lil knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi ssir immedjatament applikabbli għal kwalunkwe organizzazzjonijiet filosofiċi (fil-biċċa l-kbira mhux iddefiniti u mħollija f’idejn il-liġi tal-Istati Membri). L-Artikolu 17(2) TFUE għalhekk jenfasizza wkoll il-fatt li, kjarament, l-intenzjoni ma setgħetx tkun li tneħħi kwalunkwe negozjar, dirett jew indirett, bejn l-Istati Membri u organizzazzjonijiet bħal dawn mill-ambitu tad-dritt tal-Unjoni.

29.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-argumenti tal-Gvern Taljan u tal-Gvern Pollakk li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula jew li s-suġġett ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea.

C. Fuq l-ewwel domanda

30.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 21(1) tal-Karta u l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludux regola ta’ dritt nazzjonali li tagħti btala mħallsa nhar il-Ġimgħa l-Kbira lill-membri tal-erba’ knejjes biss u kumpens f’każ li membru jaħdem f’dan il-jum.

31.

Inqis li din ir-regola tikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

32.

B’mod ġenerali, teżisti diskriminazzjoni diretta meta persuna (i) tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli, (ii) minn persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli, (iii) fuq bażi ta’ kategorija protetta (f’dan il-każ reliġjon), (iv) mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva possibbli għal tali differenza fit-trattament ( 10 ).

33.

Il-kwistjoni tal-ġustifikazzjonijiet potenzjali taħt (iv) hija s-suġġett tat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju (Taqsima D iktar ’il quddiem).

34.

Fir-rigward ta’ (i) u (iii), huwa ċar, fil-fehma tiegħi, li f’dan il-każ hemm trattament inqas favorevoli fuq il-bażi tar-reliġjon. Dan it-trattament inqas favorevoli jikkonsisti f’impjegati, li ma humiex membri tal-erba’ knejjes, li jirċievu paga normali jew “waħda” għal xogħol fil-Ġimgħa l-Kbira, filwaqt li membri tal-erba’ knejjes effettivament jirċievu paga doppja. Għalkemm nifhem li, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma huwiex qiegħed jikkontendi dan, iċ-ċaħda ta’ btala mħallsa għall-Ġimgħa l-Kbira lil xi persuna li ma hijiex membru ta’ xi waħda mill-erba’ knejjes hija wkoll trattament inqas favorevoli fuq il-bażi ta’ reliġjon. ( 11 )

35.

L-aħħar element tal-analiżi tad-diskriminazzjoni, jiġifieri l-komparabbiltà, hija l-kwistjoni iktar kumplessa f’dan il-każ. Din teħtieġ kjarifika doppja. L-ewwel nett, min qed jitqabbel: persuni individwali jew gruppi ta’ persuni (2)? It-tieni nett, liema huma, għalhekk, il-karatteristiċi rilevanti tal-paragun? F’liema livell ta’ estrazzjoni għandu jsir it-tqabbil (3)?

36.

Qabel ma jiġu indirizzati dawn il-punti fil-fond, hemm bżonn ta’ xi kjarifiki preliminari dwar il-parametri tal-analiżi.

1.   Il-parametri tal-analiżi: it-tip ta’ stħarriġ, il-liġi applikabbli, u n-natura eżatta tal-benefiċċju kkonċernat

37.

L-ewwel nett, l-ewwel u r-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju għandhom żewġ livelli. L-ewwel livell jikkonċerna l-evalwazzjoni astratta tal-kompatibbiltà, fejn il-qorti tar-rinviju titlob stħarriġ tal-kompatibbiltà ta’ regola ta’ dritt nazzjonali mal-Artikolu 21(1) tal-Karta flimkien mal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. It-tieni livell, imsemmi mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha u li ġie artikolat kompletament fir-raba’ domanda, huwa l-fatt li l-kawża prinċipali tinvolvi litigazzjoni bejn partijiet privati. Xi tkun, għalhekk, il-konsegwenza attwali f’dan it-tip ta’ relazzjoni ta’ kwalunkwe konstatazzjoni potenzjali li d-dritt ta’ Stat Membru, kif deskritt fid-deċiżjoni għar-rinviju, huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni?

38.

F’dawn il-konklużjonijiet, qiegħed nittratta dawn iż-żewġ livelli separatament. Il-fatt li dawn huma tabilħaqq marbuta ma’ xulxin kien il-kawża ta’ xi konfużjoni fil-kawża preżenti, kemm fil-livell tar-rimedji kif ukoll fid-diskussjoni tal-komparabbiltà. Għalhekk, it-tweġiba ssuġġerita tiegħi għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, li tinsab f’din it-taqsima, hija waħda ġenerali, ikkonċernata biss bi stħarriġ (astratt) tal-kompatibbiltà tar-regoli. Il-konsegwenzi ta’ konstatazzjoni potenzjali bħal din fir-rigward tal-każ speċifiku u individwali huma diskussi fir-raba’ domanda (Taqsima F).

39.

It-tieni nett, marbut ma’ dak il-punt hija l-kwistjoni tal-liġi applikabbli. Meta ġiet mistoqsija jekk dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali hijiex prekluża mill-Artikolu 21(1) tal-Karta u mill-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat fil-passat il-kompatibbiltà sostantiva ma’ dik id-dispożizzjoni tad-direttiva u effettivament estendiet l-istess analiżi għall-Artikolu 21(1) tal-Karta ( 12 ). Fil-fatt, għall-kwistjoni ta’ stħarriġ astratt tal-kompatibbiltà, iż-żewġ sorsi tad-dritt tal-Unjoni huma kjarament applikabbli ( 13 ). Għal dawn ir-raġunijiet, it-tnejn li huma se jitqiesu b’mod parallel fir-risposti għall-ewwel sat-tielet domandi tal-qorti tar-rinviju. B’kuntrast, is-sitwazzjoni ssir xi ftit iktar kumplessa fil-kuntest tar-risposta għar-raba’ domanda.

40.

It-tielet nett, l-analiżi tad-diskriminazzjoni għandha titwettaq “fid-dawl tal-benefiċċju kkonċernat” ( 14 ). F’dan il-każ, “benefiċċji” differenti jingħataw lill-membri tal-erba’ knejjes (u huma miżmuma minn dawk li ma jappartjenux għal dak il-grupp), jiġifieri (a) btala mħallsa u (b) kumpens fil-każ li membru jaħdem f’dan il-jum.

41.

Inqis li, sabiex din il-kawża tiġi deċiża, huwa meħtieġ biss li hawnhekk tiġi indirizzata speċifikament l-allegata natura diskriminatorja tal-kumpens. Fil-fatt, mid-deskrizzjoni tal-fatti fit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża prinċipali quddiem il-qrati nazzjonali jirriżulta li r-rikorrent ma huwiex qiegħed jitlob btala mħallsa għal nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Pjuttost huwa qiegħed jitlob l-kumpens talli ħadem f’dan il-jum.

42.

Għalhekk, it-trattament inqas favorevoli ( 15 ) li sar ilment dwaru u li fir-rigward tiegħu għandha ssir l-analiżi tad-diskriminazzjoni huwa speċifikament in-nuqqas ta’ ħlas tal-kumpens. Huwa wkoll f’dan is-sens li nifhem l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, li tirreferi speċifikament għall-Artikoli 7(3) u 9(5) tal-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel flimkien (li jipprovdu paga doppja għal dawk l-impjegati li jaħdmu fi btala pubblika), u mhux għall-Artikoli 7(3) u 9(1) tal-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel (li jipprovdu d-dritt għall-ħlas anki jekk wieħed ma jaħdimx fi btala pubblika).

43.

Nifhem li dawn id-dispożizzjonijiet kollha huma konnessi fid-dritt nazzjonali. Ladarba jum ikun ġie ddikjarat btala pubblika skont id-dritt nazzjonali, ir-reġim kollu għall-btajjel pubbliċi jsir applikabbli, inkluż kemm id-dritt li jsir ħlas għal dak il-jum anki jekk wieħed ma jaħdimx dan il-jum, kif ukoll id-dritt għal ħlas doppju jekk wieħed jaħdem f’dan il-jum (il-kumpens). Madankollu, dan huwa preċiżament parti mill-problema: jekk ċerti benefiċċji jew intitolamenti ġew miġbura flimkien bl-operat tad-dritt nazzjonali, bl-istess ġustifikazzjoni, ikun pjuttost diffiċli li wara dawn jiġu sseparati u li ma jiġux osservati l-konsegwenzi kollha li d-dritt nazzjonali rabat mal-operazzjoni tagħhom.

44.

Għal raġunijiet ta’ kompletezza, ser niġi lura għall-kwistjoni tal-btata mħallsa fl-aħħar ta’ din it-taqsima ( 16 ).

2.   Lil min tqabbel: individwi jew gruppi?

45.

Ir-rikorrent, il-konvenuta, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni kollha pproponew b’mod effettiv li jqabblu l-istess gruppi, jiġifieri (i) membri tal-erba’ knejjes, u (ii) ir-rikorrent bħala xi ħadd li ma huwiex membru ta’ xi waħda mill-erba’ knejjes.

46.

Madankollu, lil hinn minn dan il-ftehim bażiku bdew jitfaċċaw differenzi. B’mod partikolari, intwerew opinjonijiet diverġenti dwar jekk għandux ikun ir-rikorrent individwali bħala individwu jew ir-rikorrent bħala li jirrappreżenta grupp li għandu jitqabbel.

47.

Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni l-ewwel tqabbel ir-rikorrent mal-membri tal-erba’ knejjes. Tkompli biex tqabbel gruppi ipotetiċi ta’ ħaddiema oħra fl-Awstrija mal-membri tal-erba’ knejjes, u tiddikjara li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali twassalx għal diskriminazzjoni f’dawk il-każijiet. Partijiet oħra jestendu wkoll il-paragun lil hinn mir-rikorrent. Pereżempju, il-konvenut iqabbel membri tal-erba’ knejjes mal-“maġġoranza” tal-impjegati li jistgħu jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom (jekk ikollhom waħda) fil-btala pubbliċi diġà mogħtija.

48.

Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-għoti ta’ btala mħallsa lill-membri tal-erba’ knejjes ma kienx jinvolvi diskriminazzjoni kontra r-rikorrent, li l-Kummissjoni assumiet li kien atejist. Minbarra dikjarazzjoni fis-sens li ma kienx membru ta’ xi waħda mill-erba’ knejjes, it-twemmin tar-rikorrent qatt ma kien ikkonfermat b’mod espliċitu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

49.

Ir-raġunament tal-Kummissjoni jenfasizza punt interessanti. Il-Kummissjoni titbiegħed minn stħarriġ tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju u tħares lejn il-każ speċifiku tar-rikorrent. Fit-twettiq ta’ dan, jgħin li jiġi enfasizzat il-punt issuġġerit qabel: ( 17 ) il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ miżura diskriminatorja prekluża mid-dritt tal-Unjoni (li hija s-suġġett tal-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju u suġġetta għal stħarriġ ġenerali astratt tal-kompatibbiltà) hija kwistjoni li aħjar tinżamm separata mill-konsegwenzi ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni leġiżlattiva fil-każ individwali (li hija s-suġġett tar-raba’ domanda) ( 18 ).

50.

Din il-loġika ssib appoġġ sistemiku f’każijiet fejn din il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tevalwa każijiet ta’ diskriminazzjoni leġiżlattiva. Il-ġurisprudenza tiddistingwi bejn “diskriminazzjoni li tirriżulta direttament minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew ftehimiet kollettivi tax-xogħol” u diskriminazzjoni minn persuna li timpjega “fl-istess stabbiliment”. Fi kliem ieħor, diskriminazzjoni li toriġina, min-naħa waħda, mil-leġiżlatura u, min-naħa l-oħra, mill-persuna li timpjega ( 19 ).

51.

Fil-każ preżenti, l-allegata diskriminazzjoni toriġina minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tevalwa l-kompatibbiltà ta’ tali dispożizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni. F’din it-tip ta’ sitwazzjoni l-paragun imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja effettivament juża, bħala punt tat-tluq għall-analiżi tagħha, gruppi definiti fil-leġiżlazzjoni. Il-fatt li r-rikorrent individwali huwa membru ta’ grupp ta’ dan it-tip huwa ovvjament rilevanti għall-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-gruppi li ser jitqabblu. Is-sitwazzjoni individwali ta’ rikorrent bħal dan tista’ turi wkoll it-tħaddim effettiv tar-regoli ġenerali evalwati fil-każijiet individwali. Madankollu, jibqa’ l-fatt li dawk li se jitqabblu fi stħarriġ astratt bħal dan f’każ ta’ diskriminazzjoni leġiżlattiva u dawk li jifformaw il-qafas għall-analiżi ta’ komparabbiltà huma gruppi ta’ persuni, mhux individwi.

52.

Dan kien, pereżempju, il-każ fis-sentenzi Mangold u Kückükdeveci dwar diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ( 20 ). Ir-rikorrenti f’dawk il-kawżi allegaw li kienu ġew iddiskriminati minħabba l-età tagħhom. Il-liġi nazzjonali tax-xogħol ippermettiet lin-nies fil-gruppi ta’ età tagħhom jirċievu inqas protezzjoni minn dik mogħtija lil gruppi ta’ etajiet oħra. Il-persuni li jimpjegawhom kienu applikaw dawk l-istandards iktar baxxi għar-rikorrenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali leġiżlazzjoni nazzjonali kienet diskriminatorja u prekluża mid-dritt tal-Unjoni. Waqt li għamlet dan, hija ma qabblitx is-sitwazzjoni ta’ kull wieħed mir-rikorrenti ma’ dik tal-kollegi tagħhom. Pjuttost, it-tqabbil fil-prattika sar bejn it-trattament tal-grupp ta’ etajiet inqas iffavoriti u l-gruppi ta’ età iktar iffavoriti (fi kliem ieħor, gruppi ddefiniti b’mod astratt fil-leġiżlazzjoni kkontestata) ( 21 ).

53.

L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi jenfasizza l-fatt li l-analiżi legali hija kjarament fin-natura ta’ stħarriġ ta’ kompatibbiltà astratt u ġenerali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, iktar milli investigazzjoni dwar diskriminazzjoni speċifikament mill-konvenuta individwali li timpjega bejn ir-rikorrent u l-kollegi tiegħu ( 22 ).

54.

Fil-fehma tiegħi, huwa importanti li dawn il-punti jinżammu f’moħħna f’din il-kawża. Dan għaliex, minbarra l-kwistjoni tal-kompatibbiltà, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod speċifiku fir-raba’ domanda tagħha dwar kif tirrimedja d-diskriminazzjoni f’termini speċifiċi u prattiċi. Din id-domanda ser tpoġġi fiċ-ċentru tax-xena l-kwistjoni tas-“sors” tad-diskriminazzjoni kif ukoll il-korp li “huwa responsabbli għall-inugwaljanza u li jista’ jerġa’ jġib trattament ugwali” ( 23 ).

3.   Liema gruppi: il-karatteristiċi meħuda bħala bażi għat-tqabbil?

55.

Kif innotat, il-parti l-kbira tal-partijiet interessati li għamlu s-sottomissjonijiet staqsew jekk ir-rikorrent kienx qiegħed f’sitwazzjoni simili għal membri tal-erba’ knejjes. Madankollu, dan il-paragun sar b’riferiment għal karatteristiċi differenti, f’relazzjoni ma’ punt ta’ paragun differenti. Din id-differenzjazzjoni min-naħa tagħha tiġġenera sett differenti ta’ gruppi komparabbli.

56.

Ġeneralment, il-partijiet ipproponew tliet alternattivi, skont il-livell magħżul ta’ estrazzjoni:

(i)

impjegati li għalihom il-Ġimgħa l-Kbira hija l-iktar festa reliġjuża importanti tas-sena (iktar ’il quddiem il-“komparatur dejjaq”, essenzjalment il-pożizzjoni tal-Gvern Awstrijak u l-konvenut). Meta applikat dan il-komparatur dejjaq, u fuq il-bażi tas-sottomissjonijiet tar-rikorrent fis-seduta, ir-rikorrent ma kienx ikun f’sitwazzjoni simili għall-membri tal-erba’ knejjes. Dan jipprekludi kwalunkwe paragun u jfisser li ma hemm l-ebda diskriminazzjoni;

(ii)

impjegati li għalihom hemm festa (reliġjuża) ‘partikolarment speċjali’ li ma tikkoinċidix ma’ btala pubblika oħra diġà rrikonoxxuta skont id-dritt nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“komparatur intermedju”, essenzjalment il-pożizzjoni tal-Kummissjoni). Fuq il-bażi ta’ dan il-komparatur, ma huwiex ċar jekk ir-rikorrent ikunx f’sitwazzjoni simili għall-membri tal-erba’ knejjes, minħabba li t-twemmin reliġjuż tiegħu ma huwiex magħruf. Fl-aħħar mill-aħħar din tkun kwistjoni ta’ fatt għall-qorti tar-rinviju;

(iii)

impjegati li jaħdmu nhar il-Ġimgħa l-Kbira li qed jiġu ddifferenzjati minn impjegati oħra fuq il-bażi tar-reliġjon fir-rigward tar-remunerazzjoni għal dik il-ġurnata (iktar ’il quddiem il-“komparatur wiesa’”, essenzjalment il-pożizzjoni tar-rikorrent f’din il-kawża). Fuq il-bażi ta’ dan il-komparatur, ir-rikorrent ikun f’sitwazzjoni simili għall-membri tal-erba’ knejjes li jaħdmu nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Fil-prinċipju, dan jimplika li hemm diskriminazzjoni.

57.

Qabel ma niddiskuti l-komparatur xieraq f’din il-kawża, għandu jiġi indirizzat punt usa’. Fil-mistoqsijiet bil-miktub tagħha lill-partijiet f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet jekk kienx possibbli bħala prinċipju li l-komparabbiltà tiġi miċħuda espliċitament fuq il-bażi ta’ raġuni ssuspettata speċifikament elenkata fl-Artikolu 21(1) tal-Karta u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 (f’dan il-każ, ir-reliġjon).

58.

F’każijiet li jinvolvu differenza fit-trattament marbuta direttament mal-bażi ssuspettata nnifisha, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement tassumi l-preżenza ta’ diskriminazzjoni ( 24 ). Jekk jitqiesu, il-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment taqta’ fil-qasir l-argumenti dwar l-assenza ta’ komparabbiltà f’dawn il-kuntesti ( 25 ).

59.

Madankollu, ma nikkunsidrax li huwa possibbli li jiġi kkonfermat b’mod astratt li differenza fit-trattament ibbażata fuq bażi ssuspettata għandha f’kull każ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni diretta ( 26 ). Il-possibbiltà li kategorija ssuspettata tista’ nnifisha sservi sabiex tiċħad il-komparabbiltà ma tistax tiġi eskluża għalkollox ( 27 ).

60.

Jiena nissuspetta li, bħal f’ħafna każi oħra, ix-xitan ser ikun fil-livell tad-dettall li fih il-bażi għad-differenzjazzjoni ser tiġi fformulata. Il-bażi ssuspettata hija dejjem astratta (pereżempju, l-ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-reliġjon). Madankollu, ir-regoli li jistabbilixxu qafas ta’ komparabbiltà f’każijiet individwali huma inevitabbilment iktar iddettaljati, ħafna drabi jġorru interessi u kunsiderazzjonijiet oħra (bħal regoli dwar btajjel pubbliċi u remunerazzjoni). Għalhekk, f’termini prattiċi, ser ikun pjuttost rari li kemm il-bażi ssuspettata kif ukoll il-qafas ta’ komparabbiltà jkunu fformulati eżattament fl-istess livell ta’ estrazzjoni u bl-istess ambitu.

61.

Minkejja dan, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tikkonferma b’mod ċar li meta l-kategorija ssuspettata tiġi invokata b’tali mod, id-dawl aħmar metaforiku jibda jteptep. Konklużjoni ta’ assenza ta’ komparabbiltà hija eċċezzjonali. Sakemm ma jkunx hemm każ ċar u konvinċenti li l-gruppi inkwistjoni huma tant fundamentalment differenti, b’mod li titneħħa kull ħtieġa għal diskussjoni dwar in-neċessità jew il-proporzjonalità tal-miżura, id-differenzi fit-trattament għandhom jiġu ttrattati fil-livell ta’ “ġustifikazzjonijiet”, mhux “(nuqqas ta’) komparabbiltà”.

62.

Dik il-koinċidenza bejn il-kwistjoni tal-komparabbiltà u l-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni, li tagħmel il-qafas attwali għall-analiżi tad-diskriminazzjoni internament tranżittiva, hija wkoll viżibbli f’din il-kawża. L-analiżi tad-diskriminazzjoni hija formalment maqsuma fi stadji differenti: investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet komparabbli; differenza fit-trattament ta’ dawn il-gruppi; u jekk tinstab li hemm diskriminazzjoni (differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet komparabbli), investigazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet. Madankollu, dawn l-istadji kollha jinvolvu mistoqsijiet simili dwar l-estent u r-rilevanza tad-differenzi fis-sitwazzjoni u t-trattament. Jekk id-differenzi fis-sitwazzjoni jitqiesu li huma sinjifikattivi biżżejjed (filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu n-natura u l-firxa tad-differenza fit-trattament fil-prattika), ma jkun hemm l-ebda paragun. Jekk, min-naħa l-oħra, id-differenzi fis-sitwazzjoni ma humiex meqjusa sinjifikattivi biżżejjed (konklużjoni li hija iktar faċli li tintlaħaq jekk id-differenza fit-trattament ma tidhirx xi ftit “’il fuq mill-quċċata”), allura hemm komparabbiltà u trattament differenti u l-analiżi tgħaddi għall-ġustifikazzjonijiet. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet, il-kwistjoni hija essenzjalment dwar jekk, minkejja li jkunu f’sitwazzjonijiet legalment komparabbli, differenzi fit-trattament jirriflettux adegwatament u b’mod ġust id-differenzi fattwali f’dawk is-sitwazzjonijiet.

63.

Filwaqt li nżomm dan f’moħħi, ser indur issa għall-komparatur xieraq f’din il-kawża.

4.   Komparatur xieraq f’din il-kawża

64.

Skont ġurisprudenza stabbilita, “ir-rekwiżit tan-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-fatturi kollha li jikkaratterizzaw dawn is-sitwazzjonijiet” ( 28 ). Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ta’ dan il-paragun għandha titwettaq fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ( 29 ).

65.

F’dan il-każ, il-Gvern Awstrijak iddikjara li l-Ġimgħa l-Kbira hija l-iktar ġurnata reliġjuża importanti għall-membri tal-erba’ knejjes. L-għan tar-regoli nazzjonali inkwistjoni huwa li jippermetti lil dawn il-persuni jipparteċipaw f’festi reliġjużi dakinhar, u b’hekk tiġi rrispettata l-libertà reliġjuża tagħhom.

66.

Il-ġurisprudenza teżiġi wkoll li l-analiżi tal-komparabbiltà ma titwettaqx b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku “fid-dawl tal-benefiċċju kkonċernat” ( 30 ).

67.

Kif diġà ntqal, ( 31 ) il-benefiċċju kkonċernat f’din il-kawża ma huwiex il-btala tal-Ġimgħa l-Kbira, iżda l-kumpens. Fid-dawl ta’ dan il-benefiċċju, nikkunsidra li l-komparatur wiesa’ huwa l-iktar wieħed korrett.

68.

Bħala riżultat tal-benefiċċju ta’ kumpens, grupp magħżul ta’ individwi li jaħdmu fil-Ġimgħa l-Kbira jitħallas doppju speċifikament minħabba r-reliġjon tagħhom. Persuni oħra li jaħdmu f’dan il-jum jitħallsu l-paga normali minkejja l-fatt li jistgħu jkunu qed jagħmlu eżattament l-istess xogħol. Ma hemm l-ebda fattur distintiv rilevanti bejn dawk il-gruppi fid-dawl ta’ dan il-benefiċċju. Livelli ta’ remunerazzjoni u fidi ma humiex konnessi fil-prinċipju.

69.

Fil-fehma tiegħi din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-għan iddikjarat tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipproteġi l-libertà tar-reliġjon u l-qima. Jiena sempliċement ma narax kif il-ħlas doppju ta’ grupp ta’ impjegati speċifiku u reliġjuż għal jum partikolari għandu xi ħaġa x’taqsam ma’ dan l-għan. Fil-fatt, jista’ jiġi argumentat - ċertament mhux mingħajr ftit ta’ ċiniżmu - li d-dritt għal ħlas doppju għall-membri tal-erba’ knejjes li jaħdmu nhar il-Ġimgħa l-Kbira jikkostitwixxi inċentiv ekonomiku sabiex dan il-jum ma jintużax sabiex issir qima.

70.

Jista’ jingħad bi tweġiba li membri tal-erba’ knejjes li jaħdmu nhar il-Ġimgħa l-Kbira huma, fil-fatt, f’sitwazzjoni differenti minħabba li huma partikolarment affettwati meta jaħdmu f’dan il-jum. F’dan ir-rigward, nifhem li hemm xi setturi speċifiċi fejn il-persuna li timpjega tista’ titlob anki membri tal-erba’ knejjes sabiex jaħdmu nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Madankollu, kif ġie nnotat iktar ’il fuq, il-kwistjoni rilevanti f’din il-kawża, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija dwar jekk is-sitwazzjonijiet humiex paragunabbli meta jitqies l-għan tad-dritt nazzjonali (li, nifhem li qed jipproteġi l-libertà tar-reliġjon, mhux kumpens għal nuqqas perċepit li jsir dan) u l-benefiċċji speċifiċi. Barra minn hekk, infakkar ukoll li l-Artikolu 9(5) tal-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel jipprevedi kumpens għal dawk li jaħdmu f’festi pubbliċi, irrispettivament minn jekk il-festa pubblika tingħatax għal raġunijiet reliġjużi.

71.

Għar-raġunijiet premessi, nikkunsidra li, fid-dawl tal-benefiċċju ta’ kumpens u b’kunsiderazzjoni tal-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, l-impjegati kollha li jaħdmu nhar il-Ġimgħa l-Kbira li qed jiġu ddifferenzjati fuq il-bażi tar-reliġjon fir-rigward tar-remunerazzjoni għal dik il-ġurnata huma komparabbli.

72.

Nixtieq inżid xi kummenti oħra dwar il-kwistjoni tal-komparabbiltà.

73.

L-ewwel nett, biex inkun ċar, jien ovvjament ma niddubitax mill-importanza partikolari tal-Ġimgħa l-Kbira għall-membri tal-erba’ knejjes. F’dan l-element speċifiku, dawn il-membri jistgħu jiġu kjarament distinti minn individwi li għalihom il-Ġimgħa l-Kbira ma għandhiex sinjifikat bħal dan. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din il-karatteristika għandha rilevanza differenti għal tipi differenti ta’ miżuri: l-għoti ta’ ħin liberu dakinhar; l-għoti tal-jum bħala jum liberu, iżda li jitnaqqas mil-leave annwali; l-għoti ta’ jum liberu mħallas; u li xi ħadd jitħallas iktar f’dan il-jum. F’din il-kawża, il-benefiċċju inkwistjoni huwa l-benefiċċju ta’ kumpens. Fid-dawl ta’ dan il-benefiċċju, il-membri tal-erba’ knejjes li jaħdmu nhar il-Ġimgħa l-Kbira jistgħu ma jkunux f’sitwazzjoni identika għal impjegati oħra, iżda r-rilevanza tar-reliġjon tagħhom ċertament ma hijiex tali li tagħmel is-sitwazzjoni tagħhom inkomparabbli ( 32 ).

74.

It-tieni nett, l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà fid-dritt tal-Unjoni tieħu bħala punt tat-tluq l-għanijiet ta’, u l-kategoriji stabbiliti fid-dritt nazzjonali. Madankollu, dawk l-għanijiet u l-kategoriji ma jistgħux fihom infushom ikunu deċiżivi u jikkontrollaw. Kif argumentajt band’oħra, ( 33 ) kieku kien mod ieħor u l-kwistjoni tal-komparabbiltà kienet predeterminata b’mod intellettwali mill-kategoriji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, allura l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tiddefinixxi hija stess is-sett ta’ paraguni possibbli mill-kamp tal-applikazzjoni tagħha. Tali evalwazzjoni hija ddestinata li ssir ċirkulari, mingħajr, fil-fatt, il-possibbiltà ta’ stħarriġ.

75.

Fil-każ preżenti, il-piż fl-analiżi tal-komparabbiltà tal-għanijiet u l-kategoriji stabbiliti fid-dritt nazzjonali huwa, fil-fehma tiegħi, imnaqqas ħafna b’mod partikolari minħabba d-dissonanza bejn l-għan iddikjarat li jiġi protett id-dritt ta’ qima fil-Ġimgħa l-Kbira u l-kumpens ekonomiku miżjud minħabba x-xogħol f’dan il-jum.

76.

It-tielet nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-każ hija x’aktarx speċifikament iddisinjata. Hija tistabbilixxi miri u tiddefinixxi kategoriji li jindikaw individwi li jappartjenu għal gruppi Kristjani speċifiċi (u, apparentement pjuttost żgħar fil-popolazzjoni totali Awstrijaka) ( 34 ). Dan fih innifsu huwa kawża ta’ kawtela. Madankollu, jekk wieħed jassumi li dawn il-karatteristiċi partikolari ħafna huma tabilħaqq ta’ tali rilevanza u sinjifikat li jagħmlu s-sitwazzjonijiet tal-membri tal-erba’ knejjes inkomparabbli, dan ikun jimplika li membri ta’ gruppi reliġjużi oħra x’aktarx ukoll ikollhom karatteristiċi rilevanti li jiddistingwixxuhom minn l-oħrajn kollha.

77.

Id-diskriminazzjoni tikkonsisti mhux biss fit-trattament tal-istess sitwazzjonijiet b’mod differenti, iżda wkoll fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet oġġettivament differenti bl-istess mod. Jekk il-membri tal-erba’ knejjes huma meqjusa li għandhom karatteristiċi ta’ distinzjoni rilevanti, għandha, fil-prinċipju, tingħata kunsiderazzjoni individwali lil kull reliġjon sabiex jiġi ddeterminat kif il-membri ta’ dik ir-reliġjon għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti f’termini ta’ btajjel u kumpensi addizzjonali (imħallsa) ( 35 ). Madankollu dan sempliċement ma huwiex l-approċċ meħud mill-Istat Awstrijak. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tal-Gvern Awstrijak ġie kkonfermat li hemm ftehim kollettiv li jagħti btala lil membri tal-fidi Lhudija f’Yom Kippur, li apparentement huwa applikabbli biss għal xi setturi tal-ekonomija nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, dik hija l-unika reliġjon oħra identifikata għal tali trattament ( 36 ).

78.

Ir-raġuni tal-aħħar hija fl-aħħar mill-aħħar ukoll argument ieħor għal xiex il-“komparatur dejjaq”, kif issuġġerit mill-Gvern Awstrijak u l-konvenuta, ma jistax jiġi sostnut. Anki jekk jiġi aċċettat il-fatt li l-membri tal-erba’ knejjes biss għandhom ħtieġa oġġettiva li jqimu nhar il-Ġimgħa l-Kbira, li tagħmilha impossibbli li dawn jiġu kkomparati ma’ xi gruppi reliġjużi oħra (għaliex ħadd minnhom preżumibbilment ma jkollu l-istess bżonn li jqim f’dan il-jum speċifiku), u injorat il-fatt li l-kumpens pjuttost jiskoraġġixxi iktar milli jinkoraġġixxi din l-osservanza, il-kwistjoni ta’ selettività tal-miżura toħroġ b’mod ċar u timbotta l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni livell ’il fuq. Xi ngħidu għal gruppi jew komunitajiet reliġjużi oħra li għandhom ukoll festi reliġjużi kbar li ma humiex riflessi fil-lista tal-festi pubbliċi li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel?

79.

Jekk insegwu l-loġika ta’ (in)komparabbiltà fl-implikazzjonijiet sħaħ tagħha, l-ebda wieħed minn dawn il-gruppi ma jista’ jitqabbel ma’ xi ħadd ieħor, minħabba li għandhom ħtieġa oġġettiva li jiċċelebraw festi reliġjużi differenti. Dan jimplika wkoll li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jipprovdi għal festi pubbliċi (preżumibbilment ukoll ta’ tul differenti?) għal xi wħud biss, filwaqt li jipprojbixxihom lil oħrajn, potenzjalment flimkien ma’ livelli differenti ta’ paga?

80.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-konklużjoni tiegħi hija li l-applikazzjoni kkombinata ta’ dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 9(5) tal-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel twassal sabiex ir-rikorrent jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minn membri tal-erba’ knejjes li jaħdmu fil-Ġimgħa l-Kbira li jitħallsu d-doppju meta jaħdmu f’jum il-Ġimgħa l-Kbira. Id-differenza sottostanti fit-trattament hija direttament marbuta mar-reliġjon ( 37 ).

81.

Fil-fehma tiegħi, huwa irrilevanti li l-kliem tal-Artikolu 9(5) tal-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel fil-fatt huwa apparentement newtrali, peress li jirriżulta b’mod ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari li d-dritt għal kumpens skont din id-dispożizzjoni huwa kkawżat mill-Artikolu 7(3) tagħha. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma hijiex newtrali, iżda espliċitament tagħmel distinzjonijiet ibbażati fuq ir-reliġjon. Id-differenza fit-trattament li tirriżulta tikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 21(1) tal-Karta u diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

5.   Il-benefiċċju tal-btala mħallsa

82.

L-analiżi premessa tiffoka fuq il-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni fid-dawl tal-benefiċċju ta’ kumpens. Fit-taqsima ta’ qabel ta’ dawn il-konklużjonijiet, fittixt li nispjega għalfejn huwa dan il-benefiċċju, li fl-aħħar mill-aħħar huwa dak li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu jitqies għall-iskop ta’ komparabbiltà. Għal finijiet ta’ kompletezza, ser nindirizza fil-qosor il-benefiċċju tal-btala mħallsa u kif l-attenzjoni partikolari potenzjali fuq dan il-benefiċċju tbiddel il-qafas ta’ komparabbiltà.

83.

Diġà indikajt li l-importanza tal-Ġimgħa l-Kbira għall-membri tal-erba’ knejjes ħadet piż differenti fil-kuntest tal-analiżi tal-komparabbiltà jekk tiġi applikata għal benefiċċji differenti ( 38 ). L-għoti ta’ ħin liberu (mhux imħallas) għal dan il-jum huwa b’mod ċar iktar konsistenti mal-għan iddikjarat li tiġi protetta l-libertà tar-reliġjon milli mal-kumpens. Ir-rekwiżit li jitħallsu impjegati li huma assenti fil-Ġimgħa l-Kbira għall-finijiet ta’ qima imur xi ftit lil hinn mill-għan preċiż espost mill-Gvern Awstrijak, iżda forsi jibqa’ marbut ma’ dan l-għan oriġinali ħafna iktar milli l-kumpens ( 39 ).

84.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni sabiex nikkonkludi li jekk dan kien jikkonċerna biss il-benefiċċju ta’ btala mħallsa, hemm ġustifikazzjonijiet fondati biex wieħed jirrikorri għall-komparatur intermedju, kif effettivament irrakkomandat il-Kummissjoni.

85.

Madankollu, jibqa’ l-fatt li, għal darb’oħra, dak li hu mitlub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma huwiex li l-Ġimgħa l-Kbira tkun btala mħallsa. Lanqas li għandu jkun hemm jum speċjali ieħor irrikonoxxut li jaqa’ taħt l-istess reġim, u b’hekk jakkomoda t-twemmin reliġjuż speċifiku u differenti tiegħu. Dak li qed jintalab huwa l-kumpens sabiex jaħdem fil-Ġimgħa l-Kbira, u b’hekk ineħħi d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon fir-remunerazzjoni.

86.

Għalhekk, filwaqt li nibqa’ kompletament konxju tal-għan ġenerali tal-miżura, kif ukoll il-fatt li l-btala mħallsa u l-kumpens huma essenzjalment żewġ naħat tal-istess munita, il-komparatur intermedju, kif issuġġerit mill-Kummissjoni, ( 40 ) ma jistax ikun determinanti għall-għanijiet tal-każ preżenti. Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq fir-rigward tal-kumpens, ( 41 ) inqis li l-użu tal-komparatur dejjaq kif sostnut mill-Gvern Awstrijak u l-konvenuta huwa f’kull każ eskluż ukoll fir-rigward tal-benefiċċju tal-btala mħallsa.

6.   Konklużjoni dwar l-ewwel domanda

87.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju kif ġej:

L-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, flimkien mal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78/KE, għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu regola nazzjonali li taħthom il-Ġmgħa l-Kbira hija btala, b’perijodu ta’ mistrieħ mhux interrott ta’ mill-inqas 24 siegħa, biss għal membri tal-Knejjes Evanġelistiċi tat-Twemmin Awgustan u Elevetiku, tal-Knisja Kattolika Qadima u tal-Knisja Evanġelista Metodista, u jekk impjegat li jappartjeni għal waħda minn dawnk il-knejjes jaħdem, minkejja li dan il-jum ikun btala, huwa wkoll, minbarra l-intitolament għal ħlas għax-xogħol li ma jeħtieġx li jsir bħala riżultat tal-jum ta’ btala, intitolat għal ħlas għax-xogħol li fil-fatt sar, filwaqt li impjegati oħra, li ma humiex membri ta’ dawn il-knejjes, ma għandhom l-ebda intitolament bħal dan.

D. It-tieni domanda

88.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-miżuri favur il-membri tal-erba’ knejjes, sa fejn huma kkunsidrati bħala diskriminatorji, jistgħux jiġu ġġustifikati skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

89.

Fl-opinjoni tiegħi ma jistgħux.

90.

Bħala rimarka preliminari, sa fejn taħt l-ewwel domanda ġie konkluż li l-miżuri inkwistjoni huma preklużi mill-Artikolu 21(1) tal-Karta flimkien mal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, kwalunkwe ġustifikazzjoni għandha tiġi evalwata skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta u l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva rispettivament. Apparti mill-element formali li dispożizzjoni ta’ direttiva ma tistax tipprovdi għal deroga minn dispożizzjoni tal-Karta, jibqa’ l-fatt li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma fformulati f’termini kemxejn differenti.

91.

Madankollu, għall-finijiet tal-kawża preżenti, l-analiżi sostantiva taħt iż-żewġ dispożizzjonijiet hija simili. Taħt iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-ġustifikazzjoni invokata hija l-“protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor”. Barra minn hekk, bħala eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 42 ) u huma suġġetti għal test ta’ proporzjonalità ( 43 ).

92.

B’mod partikolari, hemm tliet raġunijiet li jwassluni sabiex nikkonkludu li l-għoti tal-benefiċċju ta’ kumpens ma jistax jiġi ġġustifikat taħt l-Artikolu 52(1) tal-Karta jew l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva.

93.

L-ewwel nett, ma huwiex immedjatament ovvju li l-“protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor” tkopri l-offerta ta’ kumpens fil-każ ta’ restrizzjonijiet għal dawn il-libertajiet. Jidhirli li dan ma jikkostitwixxix protezzjoni iżda kumpens għan-nuqqas ta’ protezzjoni.

94.

Madankollu, sa fejn jista’ jkun kopert fil-prinċipju, id-dispożizzjonijiet jirreferu speċifikament għall-“protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor”. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(5) apparentement ġie mdaħħal fid-Direttiva fl-aħħar minuta fuq insistenza tar-Renju Unit, ( 44 ) u l-provi jissuġġerixxu li d-dispożizzjoni kienet maħsuba sabiex tħares lill-pubbliku ġenerali mill-imġiba ħażina ħafna ta’ ċerti gruppi ( 45 ).

95.

L-interpretazzjoni tiegħi ta’ tali dispożizzjoni timxi fuq linji simili: tippermetti deroga f’isem id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, mifhuma b’mod orizzontali u trażversali, jiġifieri, id-drittijiet u l-libertajiet tal-kumplament tas-soċjetà inġenerali. Dan isegwi l-istruttura loġika ta’ deroga: piż jew żvantaġġ impost fuq grupp speċifiku jista’ jkun leġittimament sostnut minn dan il-grupp jekk ikun meħtieġ u proporzjonat għall-interess ġenerali tal-pubbliku ġenerali. F’dak l-istadju, jista’ jseħħ ċertu bilanċ bejn l-(interess) speċifiku (żvantaġġ) u dak ġenerali.

96.

Jekk nimxu mal-loġika li “l-oħrajn” fil-“protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn” huma fil-fatt il-membri tal-grupp li għalih il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tagħti xi vantaġġi, inkunu qed naqilbu din il-loġika rasha ’l isfel. L-argument kollu jsir ċirkolari u kwalunkwe reġim speċifiku jkun iġġustifikat mis-sempliċi fatt tal-eżistenza tiegħu.

97.

It-tieni nett, in-natura selettiva tal-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 9(5) tal-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel hija fi kwalunkwe każ problematika mill-perspettiva tal-proporzjonalità, b’mod partikolari l-ewwel dimensjoni tagħha. Għalkemm l-għan iddikjarat tal-miżuri huwa l-ħarsien tal-libertà reliġjuża, dawn japplikaw biss għal gruppi partikolari. Ma hemm l-ebda riferiment għal minoranzi oħra. Niftakar li fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali diskriminatorja l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-konsistenza tal-miżura fir-rigward tal-għan iddikjarat. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li “leġiżlazzjoni tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk tkun verament intiża li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku, u li eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta’ liġi jistgħu, f’ċerti każijiet, jippreġudikaw il-koerenza tagħha” ( 46 ). Filwaqt li huwa korrett li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali f’dan il-każ ma jinkludux eċċezzjonijiet li jeskludu ċerti gruppi, l-effett prattiku ta’ tfassil ristrett ħafna tal-ambitu tad-dritt huwa l-istess. Dan jeskludi l-membri kollha għajr dawk tal-erba’ knejjes.

98.

Il-problema ta’ selettività ma hijiex solvuta bl-għoti ta’ ħin liberu għal raġunijiet reliġjużi permezz ta’ regoli oħra. F’dan ir-rigward, huwa korrett li fl-Awstrija hemm, pereżempju, ftehim kollettiv li jagħti btala f’Yom Kippour lil membri tal-fidi Lhudija, kif ukoll dmir ta’ premura tal-persuni li jimpjegaw vis-à-vis l-impjegati tagħhom ( 47 ).

99.

Madankollu, fir-rigward tal-ftehim kollettiv, ġie kkonfermat fit-tweġibiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li dan ma japplikax għas-setturi kollha, u għal darb’oħra japplika biss għal membri ta’ grupp reliġjuż speċifiku. Fir-rigward tad-dmir ta’ premura, fil-fehma tiegħi d-dritt ta’ impjegat li jitlob proattivament li jingħata xi sigħat liberi għall-finijiet ta’ qima reliġjuża sempliċement ma jistax jiġi mqabbel ma’ dritt għal festa pubblika mħallsa inkluża f’leġiżlazzjoni nazzjonali jew ftehim kollettiv. Bħala punt iktar ġenerali, anki meta l-ħin liberu għall-finijiet ta’ qima jista’ jinkiseb fuq talba u suġġett għall-approvazzjoni mill-persuna li timpjega għal membri ta’ reliġjonijiet oħra, ma hemm l-ebda dritt awtomatiku ġenerali għal kumpens finanzjarju fejn il-ħin liberu mix-xogħol ma jkunx ittieħed.

100.

It-tielet nett, ma hemm l-ebda konnessjoni ovvja bejn il-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon u d-dritt għal kumpens jekk wieħed jaħdem fil-Ġimgħa l-Kbira. Għall-istess raġunijiet, inqis li l-għoti ta’ kumpens għall-membri tal-erba’ knejjes li jaħdmu fil-Ġimgħa l-Kbira, anki jekk ikun applikat b’mod selettiv, huwa sproporzjonat fis-sens li mhux veru li jintlaħqu l-għanijiet ta’ libertà reliġjuża skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta u l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78. Għal darb’oħra, huwa diffiċli li wieħed jifhem kif il-ħlas doppju tal-pagi għax wieħed ma qiemx fil-Ġimgħa l-Kbira huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi protetta l-libertà (mogħtija wkoll selettivament) tar-reliġjon u l-qima.

101.

Finalment, ninnota li, filwaqt li l-kunsiderazzjonijiet ta’ iktar ’il fuq jiffokaw fuq l-kumpens, ir-raġunament fil-punti 97 u 98 fir-rigward tas-selettività tal-miżura fid-dawl tal-benefiċċju tal-btala mħallsa japplika wkoll u jipprekludi ġustifikazzjoni tan-natura diskriminatorja ta’ dan il-benefiċċju.

102.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju kif ġej:

F’ċirkustanzi bħal dawn tal-kawża ineżami, leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kumpens tat-tip imsemmi fl-ewwel domanda biss lill-membri ta’ ċerti knejjes li jaħdmu nhar il-Ġimgħa l-Kbira ma tikkostitwixxix miżura li f’soċjetà demokratika hija meħtieġa sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

E. It-tielet domanda

103.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk miżuri favur il-membri tal-erba’ knejjes jaqgħux taħt il-kunċett ta’ azzjoni pożittiva skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 21(1) tal-Karta.

104.

Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex il-każ.

105.

Bħala rimarka preliminari, ninnota li r-relazzjoni preċiża bejn l-Artikolu 21(1) tal-Karta u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78 ma hijiex ċara mal-ewwel. B’mod partikolari, id-dibattitu dwar jekk azzjoni pożittiva hijiex deroga (temporanja) mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jew jekk hijiex fil-fatt komponent inerenti ta’ viżjoni verament sostantiva tal-ugwaljanza għadu ’l bogħod mit-tmiem tiegħu. Madankollu, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma nikkunsidrax li huwa meħtieġ li jiġu eżaminati kwistjonijiet profondi bħal dawn.

106.

Fil-kuntest tal-każ preżenti, il-Gvern Awstrijak qal li l-miżuri jistgħu jiġu interpretati bħala li jaqgħu taħt kunċett ta’ azzjoni pożittiva fis-sens li ġew adottati biex jikkumpensaw għal trattament inqas favorevoli fil-passat. Skont is-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak, membri tal-erba’ knejjes, b’differenza mill-maġġoranza Kattolika, ma kellhomx id-dritt għal jum liberu sabiex jiċċelebraw il-festa reliġjuża l-iktar importanti tagħhom tas-sena u kienu sofrew din is-sitwazzjoni għal ħafna snin qabel ma din intalbet u ngħatat fis-snin ħamsin.

107.

Huwa veru li “azzjoni pożittiva” ma għandhiex definizzjoni ċara fil-leġiżlazzjoni jew il-ġurisprudenza. Għalhekk, ma hemm l-ebda limitazzjoni prima facie fir-rigward ta’ dak li jista’ jaqa’ taħt dan il-kunċett, kemm sostantivament kif ukoll temporanjament. Fuq dan il-livell, jista’ jkun tabilħaqq issuġġerit li l-intenzjoni li “tikkumpensa għal żvantaġġi marbut ma’ kwalunkwe raġuni msemmija fl-Artikolu 1” tista’ tinkludi wkoll ix-xewqa li tikkumpensa għal (anki sekli ta’) persekuzzjoni reliġjuża passata.

108.

Minkejja dan, nammetti li minn sempliċement perspettiva kronoloġika, jidher pjuttost dubjuż jekk miżura adottata fis-snin ħamsin kinitx tassew maħsuba bħala “azzjoni pożittiva” fis-sens ta’ kunċett ħafna iktar kontemporanju, li deher l-ewwel darba, ċertament fi ħdan id-dritt tal-Unjoni, biss għexieren ta’ snin wara. Tali għerf bikri jtendi lejn il-mirakoluż.

109.

Madankollu, minkejja n-nuqqas ta’ speċifiċità definittiva u l-kronoloġija, hemm żewġ raġunijiet konvinċenti għaliex nikkunsidra li l-kumpens ma jistax fi kwalunkwe każ jikkostitwixxi “azzjoni pożittiva”.

110.

L-ewwel nett, il-miżura tolqot grupp speċifiku ħafna, u b’hekk terġa’ tiftaħ il-kwistjoni diġà diskussa dwar is-selettività u d-diskriminazzjoni tat-tieni livell ( 48 ). Il-miżuri ma ġewx adottati sabiex jiżguraw l-ugwaljanza sħiħa tal-gruppi kollha li kienu żvantaġġati b’mod ġenerali fil-passat jew, b’mod iktar speċifiku, li ma għandhomx btala għal festa importanti, b’differenza mill-maġġoranza Kattolika.

111.

It-tieni nett, kull miżura li allegatament taqa’ fl-ambitu ta’ azzjoni pożittiva trid fi kwalunkwe każ tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan ġie kkonfermat dan l-aħħar bħala kwistjoni ġenerali fir-rigward ta’ miżuri li jirrestrinġu l-libertajiet reliġjużi evalwati fid-dawl tal-Karta u d-Direttiva 2000/78 ( 49 ). Għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ azzjoni pożittiva fil-kuntest tad-dritt sekondarju ma tippreżentax l-analiżi f’termini ta’ proporzjonalità, huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja tiskrutina miżuri sabiex tistabbilixxi jekk humiex meħtieġa sabiex jinnewtralizzaw żvantaġġi pperċepiti ( 50 ). Għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fir-rigward tat-tieni domanda, ( 51 ) nikkunsidra li l-miżuri rilevanti tad-dritt nazzjonali ma jistgħux fi kwalunkwe każ jitqiesu li huma proporzjonati u għalhekk ma jistgħux jaqgħu fil-kunċett ta’ azzjoni pożittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78.

112.

Finalment, ninnota li, filwaqt li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti jiffokaw mill-ġdid fuq il-kumpens, ir-raġunament fil-punti 97, 98 u 101 fir-rigward tas-selettività tal-miżura fid-dawl tal-benefiċċju tal-btala imħallsa japplika wkoll u jipprekludi it-trattament ta’ dan il-benefiċċju bħala “azzjoni pożittiva”.

113.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju tingħata risposta kif ġej:

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kumpens tat-tip imsemmi fl-ewwel domanda ma tikkostitwixxix azzjoni pożittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78.

F. Ir-raba’ domanda

114.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju effettivament tistaqsi kif il-ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni għandu jiġi rrimedjat, b’mod iktar speċifiku meta dan iseħħ f’relazzjoni bejn partijiet privati? Qabel ma nindirizza l-kwistjoni dwar jekk is-soluzzjoni għandhiex tiċħad il-btala u l-kumpens għal kulħadd jew testendihom għal kulħadd, id-domanda preliminari, li parzjalment tbassar dik ir-risposta, hija dwar x’għandu jiġi applikat f’tali relazzjoni orizzontali u b’liema konsegwenzi.

115.

Numru ta’ prinċipji li diġà jinsabu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdu xi gwida.

116.

L-ewwel nett, direttiva ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra individwu (bħal persuna li timpjega tas-settur privat) ( 52 ). F’każijiet bħal dawn, bħala prinċipju, ir-rimedju tal-vittma jieħu l-forma ta’ azzjoni għad-danni kontra l-Istat. ( 53 )

117.

It-tieni nett, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon li tinsab fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tista’, tal-inqas f’xi każijiet, tiġi invokata “flimkien” mad-Direttiva 2000/78 kontra individwu, bil-konsegwenza li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex tapprova kwalunkwe leġiżlazzjoni li tinstab li hija inkompatibbli ma’ din il-projbizzjoni. F’dan is-sens, il-kombinazzjoni tal-Artikolu 21(1) tal-Karta mad-Direttiva tagħti lok għal dritt li wieħed ma jsostnix diskriminazzjoni li jista’ jiġi invokat direttament quddiem il-qrati nazzjonali, anki f’kuntest orizzontali. Madankollu, huwa importanti li jkun ċar li dawn huma l-konsegwenzi tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, u mhux l-effett dirett tiegħu (Taqsima 1 iktar ’i1 quddiem).

118.

It-tielet nett, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 21(1) tal-Karta ma għandux “effett dirett orizzontali” fis-sens li joħloq fih innifsu obbligu ddefinit għal persuna li timpjega privata li għandu jiġi inforzat minn qrati nazzjonali direttament kontra din il-persuna li timpjega, fejn, bħal f’din il-kawża, id-diskriminazzjoni toriġina fid-dritt nazzjonali (Taqsima 2). Madankollu, il-vittma għandu jkollu l-possibbiltà li jġib azzjoni għad-danni kontra l-Istat sabiex tali diskriminazzjoni tiġi rrimedjata (Taqsima 3).

1.   Is-supremazija

a)   Direttivi jingħaqdu ma’ dispożizzjonijiet tal-Karta

119.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkumpensat ir-rifjut li jingħata effett dirett orizzontali lid-direttivi msemmija iktar ’il fuq b’diversi modi. Ħafna drabi dan kien permezz tad-dmir ta’ interpretazzjoni konformi ( 54 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-obbligu madankollu ma jobbligax lill-qorti tar-rinviju tinterpreta d-dritt nazzjonali “contra legem”. F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju indikat b’mod ċar li interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali ma hijiex possibbli.

120.

Quddiem dawn il-limitazzjonijiet fuq interpretazzjoni konformi, il-Qorti tal-Ġustizzja “għaqdet” il-qari tagħha tal-prinċipji ġenerali tad-dritt ( 55 ) jew tal-Karta ( 56 ) mad-Direttiva 2000/78 sabiex tikkonkludi li individwu jista’ joqgħod fuq dak li huwa fil-prattika l-kontenut sostantiv ta’ direttiva f’tilwima ma’ parti privata oħra sabiex id-dritt nazzjonali kunfliġġenti jiġi mwarrab.

121.

Fis-sentenzi Mangold, Kückükdeveci u DI ( 57 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti kienu inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva. Hija kompliet billi kkonfermat li d-dritt tal-Unjoni “jipprekludi” (bir-riżultat li l-qorti tar-rinviju għandha “ma tapplikax”, “twarrab” jew “tonqos milli tapplika”) tali dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali sa fejn dawn huma f’kunflitt mal-prinċipju ġenerali. Għalhekk, il-qrati nazzjonali kellhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali “b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod konformi ma’ din id-direttiva jew, jekk tali interpretazzjoni konformi tkun impossibbli, li tħalli, jekk meħtieġ, mhux applikata kull dispożizzjoni ta’ dan id-dritt nazzjonali, li tmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età” ( 58 ). Il-kontenut rilevanti tad-Direttiva b’hekk ġie effettivament importat fil-prinċipju ġenerali qabel ma dan il-prinċipju “mlaħħam” ġie applikat f’tilwima privata sabiex tikkonkludi fir-rigward tal-inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali.

122.

Fis-sentenza Egerberger, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni tan-nondiskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ reliġjon jew twemmin fl-Artikolu 21(1) tal-Karta “hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tikkonferixxi lill-individwi dritt invokabbli bħala tali f’tilwima bejniethom f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni” ( 59 ). Fl-applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni, il-qorti tar-rinviju “għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-bilanċ stabbilit bejn dawn l-interessi mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2000/78, sabiex jiġu ddeterminati l-obbligi li jirriżultaw mill-Karta” ( 60 ). Fi kliem ieħor, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttiva ġie effettivament meqjus bħala impliċitu fl-Artikolu 21 tal-Karta. Il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura l-effettività sħiħa ta’ din id-dispożizzjoni billi “tħalli mhux applikati, jekk ikun meħtieġ, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja” ( 61 ). L-istess raġunament ġie applikat mutatis mutandis għall-Artikolu 47 tal-Karta.

123.

Fil-kawża AMS ( 62 ), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu rrikonoxxiet limiti għal din it-tip ta’ importazzjoni tal-kontenut tad-direttivi fi prinċipji ġenerali u dispożizzjonijiet tal-Karta għall-finijiet ta’ applikazzjoni f’sitwazzjonijiet orizzontali. Dik il-kawża kienet tikkonċerna d-Direttiva 2002/14/KE, li kienet teħtieġ rappreżentanza tal-impjegati f’impriżi ta’ ’l fuq minn 50 impjegat ( 63 ). L-Artikolu 3(1) stabbilixxa l-livell minimu ta’ “50 impjegat”, u sa fejn huwa hawnhekk rilevanti, il-kawża bażikament kienet tikkonċerna d-definizzjoni ta’ “impjegat” għal dawk l-iskopijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li d-dispożizzjoni nazzjonali rilevanti kienet inkompatibbli mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, għaliex eskludiet ċerti tipi ta’ impjegati mill-kalkolu tan-numru ta’ impjegati.

124.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi sostniet li “l-fatti tal-kawża prinċipali huma differenti minn dawk li wasslu għas-sentenza Kücükdeveci […] sa fejn il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni minħabba l-età, inkwistjoni f’din l-aħħar kawża, stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, huwa biżżejjed, waħdu, biex jagħti lill-individwi dritt suġġettiv invokabbli bħala tali” ( 64 ). Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 27 tal-Karta “[…] ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jikkonferixxi lill-individwi dritt invokabbli bħala tali” ( 65 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament qieset li r-regola fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14 kienet wisq iddettaljata sabiex titqies li hija inerenti għad-dispożizzjoni rilevanti tal-Karta.

b)   Effetti legali skont il-ġurisprudenza eżistenti

125.

Huwa ċar li, wara s-sentenza fil-kawża Egenberger, l-Artikolu 21(1) tal-Karta jista’ jiġi “invokat” flimkien mad-Direttiva 2000/78, fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi, kemm bħala għodda għal interpretazzjoni konformi kif ukoll, iktar importanti, bħala kriterju għall-kontestazzjoni tal-validità tad-dritt tal-Unjoni u l-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali (fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni). B’hekk, dan jista’ jiġi invokat minn individwi kontra individwi oħra sabiex “jipprekludu” jew jitolbu lill-qorti nazzjonali “tannulla”, “tħalli mhux applikata” jew “tirrifjuta li tapplika” dispożizzjoni kunfliġġenti tad-dritt nazzjonali.

126.

Is-sentenza fil-kawża Egenberger għalhekk tikkonferma s-supremazija tad-dritt primarju tal-Unjoni fil-forma tal-Artikolu 21(1) tal-Karta fil-kuntest speċifiku ta’ tilwima orizzontali, fejn l-istrument tad-dritt sekondarju huwa direttiva, u interpretazzjoni konformi ma hijiex possibbli.

127.

Madankollu, is-sentenza fil-kawża Egenberger ma tidħolx fid-dettall dwar il-konsegwenzi ulterjuri tad-dipendenza f’każijiet bħal dawn. B’mod partikolari, ma hemm xejn f’dik is-sentenza (jew f’xi waħda mis-sentenzi l-oħra ċċitati fit-taqsima preċedenti), li tikkonferma li l-Artikolu 21(1) tal-Karta għandu “effett dirett orizzontali” fis-sens li, minnu nnifsu, jista’ jikkostitwixxi sors liberu ta’ drittijiet li jiġġeneraw l-obbligi korrispettivi fuq individwu ieħor f’tilwima ta’ dritt privat. La dik is-sentenza u lanqas xi waħda mis-sentenzi l-oħra msemmija ma jwasslu għall-konklużjoni li d-dipendenza fuq l-Artikolu 21(1) u l-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà neċessarjament iwasslu għal rimedju partikolari.

128.

Min-naħa l-oħra, din il-ġurisprudenza ttenni l-formula ġenerali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali għandha tipprovdi “l-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u […] tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet” (billi ma tapplikax id-dritt nazzjonali inkompatibbli) ( 66 ) jew tipprovdi li l-qorti nazzjonali għandha “tiżgura r-rispett tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni” ( 67 ) jew li individwu ma jistax jiġi mċaħħad mill-benefiċċju ta’ interpretazzjoni li tipprekludi r-regola nazzjonali kkontestata ( 68 ).

129.

Fil-qosor, issa huwa stabbilit b’mod ċar li stħarriġ astratt tal-kompatibbiltà fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, moqri flimkien mad-Direttiva 2000/78, kif imwettaq bħala risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tista’ twassal għal annullament tad-dritt nazzjonali inkompatibbli. Din hija l-konsegwenza tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li tista’ sseħħ ukoll fil-kuntest ta’ tilwima bejn partijiet privati.

130.

Għal raġunijiet stabbiliti fit-taqsima li jmiss, is-suġġeriment tiegħi lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa li jkun għaqli li tibqa’ żżomm ma’ dak l-approċċ. Meta tiġi mistoqsija espliċitament dwar il-konsegwenzi prattiċi speċifiċi għall-partijiet, jekk id-dritt nazzjonali tabilħaqq jiġi mwarrab, is-suġġeriment ulterjuri tiegħi jkun li, minflok ma tqis l-effett dirett orizzontali tad-dispożizzjonijiet tal-Karta (2), hija għandha pjuttost tiffoka fuq il-kwistjoni tar-rimedji (3).

2.   “Effett dirett orizzontali”

131.

Dikjarazzjoni li l-Artikolu 21(1) tal-Karta għandu effett dirett orizzontali tkun tfisser li individwi jistgħu jistabbilixxu, direttament fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-eżistenza ta’ dritt u obbligu korrelattiv min-naħa tal-parti privata (mhux statali) l-oħra, irrispettivament mill-eżistenza u/jew riferiment għall-kontenut ta’ dritt sekondarju. F’dan is-sens, regola b’effett dirett hija, fiha nnifisha, suffiċjentement ċara, preċiża u inkundizzjonata li tkun ġustizzjabbli f’relazzjoni orizzontali.

132.

Għandi diffikultà sabiex nara d-dispożizzjoni tal-Artikolu 21(1) tal-Karta fil-kuntest tal-kawża preżenti bħala li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti (a), kif ukoll, f’dan ir-rigward, numru ta’ dispożizzjonijiet tal-Karta b’mod ġenerali (b). Madankollu u għal darb’oħra, dan ma jipprekludix li d-dispożizzjonijiet tal-Karta fil-fatt ikunu applikabbli u rilevanti ħafna f’każijiet bħal dan ineżami, għalkemm b’mod differenti (c).

a)   Effett dirett orizzontali tal-Artikolu 21(1) tal-Karta

133.

Fuq ċertu livell, ċertament jista’ jiġi ssuġġerit li r-regola li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-reliġjon hija, f’dak il-livell ta’ estrazzjoni, fil-fatt suffiċjentement ċara, preċiża u inkundizzjonata. Ma għandu jkun hemm, b’mod inkundizzjonat u ċar, ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-reliġjon.

134.

Madankollu, jekk wieħed iqis dan il-livell ta’ estrazzjoni, essenzjalment, kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun direttament effettiva. Huwa għalhekk li t-test tradizzjonali ta’ effett dirett huwa ta’ natura differenti: il-kontenut tar-regola speċifika huwa suffiċjentement ċar u preċiż sabiex ikun ġustizzjabbli fil-kuntest ta’ każ speċifiku?

135.

Il-kawża ineżami hija eżempju tajjeb tal-kumplessità ta’ din id-domanda u għaliex ma hemm l-ebda regola “ċara, preċiża u inkundizzjonata” li tagħti risposta. Dan ikun dritt għal (u obbligu li jingħata) jum ta’ btala mħallsa li joħroġ mill-Artikolu 21(1) tal-Karta? Din il-btala tkun fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira jew jum speċifiku ieħor? Jew talba tista’ ssir biss għall-flus, fil-forma ta’ dritt għal paga addizzjonali jew indennizz jew kumpens jew danni (b’obbligu korrispondenti għal tali provvista fuq il-persuna li timpjega)?

136.

Fil-fehma tiegħi, ir-redazzjoni skjetta tal-Artikolu 21(1) tal-Karta ma tistax tiġi interpretata bħala li tinkludi fiha tweġibiet għal tali mistoqsijiet. Madankollu, l-imħallef nazzjonali “li ma japplikax” id-dispożizzjoni illegali tad-dritt nazzjonali inevitabbilment jaffaċċjahom, bħal f’dan il-każ.

137.

Nirrikonoxxi minnufih li “ċar, preċiż u inkundizzjonat” ma jimplikax li kull aspett tad-dritt huwa stabbilit b’mod espliċitu bil-quddiem fil-leġiżlazzjoni. Xenarju bħal dan sempliċement ma huwiex realistiku. Madankollu, dak li jitħalla mhux deċiż għandu tal-inqas ikun ġustizzjabbli ( 69 ). Fil-fehma tiegħi, in-natura stess tad-dritt inkwistjoni (btala fil-Ġimgħa l-Kbira, jum indefinit ta’ btala mħallsa, kumpens jekk il-jum ta’ btala inkwistjoni ma jitteħidx) ma hijiex xi ħaġa li hija f’dan is-sens ġustizzjabbli.

138.

B’mod iktar fundamentali, ma nikkunsidrax li l-kwistjoni hawnhekk hija waħda ta’ “effett dirett orizzontali” tal-Karta (flimkien ma’ direttiva). Għal darb’oħra, f’ċertu livell ta’ estrazzjoni, jista’ jkun hemm rekwiżit “ċar, preċiż u inkundizzjonat” ta’ nondiskriminazzjoni fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, iżda ebda rekwiżit prattiku “ċar, preċiż u inkundizzjonat” ma jirriżulta minnu. Fil-fehma tiegħi, ir-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju ma għandhiex tiġi indirizzata f’termini ta’ effett dirett orizzontali. L-effett dirett orizzontali fis-sens deskritt iktar ’il fuq – li jwassal għal drittijiet speċifiċi (għal flus, għal benefiċċji, eċċ.) u obbligi korrispondenti – hu evidentement assenti.

b)   Effett dirett orizzontali tal-Karta b’mod iktar ġenerali

139.

Meta wieħed iħares lil hinn mill-kuntest speċifiku tal-kawża preżenti u l-applikazzjoni tat-test tradizzjonali ta’ “effett dirett” għall-Artikolu 21(1) tal-Karta, hemm argumenti oħra ta’ prinċipju dwar għaliex l-effett dirett orizzontali tad-dispożizzjonijiet tal-Karta jkun problematiku.

140.

L-ewwel nett, skont l-Artikolu 51(1), b’mod simili ħafna għad-direttivi taħt l-Artikolu 288 TFUE, il-Karta sempliċement ma hijiex indirizzata lill-individwi iżda lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni. Jista’ jiġi ssuġġerit li dan l-argument (testwali) ma huwiex qawwi ħafna, billi fil-fatt diġà hemm effetti orizzontali sinjifikattivi tal-Karta li ġew stabbiliti fid-dettall iktar ’il fuq ( 70 ). Madankollu, hemm differenza kwalitattiva kunsiderevoli bejn, min-naħa waħda, li wieħed jiddikjara li dikjarazzjoni ta’ drittijiet tista’ tintuża għall-istħarriġ tal-kompatibbiltà u t-twarrib potenzjali ta’ leġiżlazzjoni kunfliġġenti, kif ukoll li tista’ tkun is-sors ta’ interpretazzjoni konformi li tilħaq sitwazzjonijiet orizzontali wkoll u, min-naħa l-oħra, li wieħed jagħmel id-dispożizzjonijiet ta’ tali dikjarazzjoni ta’ drittijiet is-sors ta’ obbligi diretti għal partijiet privati, irrispettivament minn u/jew fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet statutorji. Dan huwa wkoll għaliex, fil-fehma tiegħi, f’numru ta’ sistemi legali, id-dikjarazzjoni nazzjonali ta’ drittijiet twettaq eżattament dawn iż-żewġ funzjonijiet, forsi anki flimkien mal-istipular ta’ obbligi pożittivi li l-Istat għandu jassumi. Madankollu, anki jekk wieħed jasal għal relazzjonijiet ta’ dritt privata b’dawn il-modi, id-drittijiet fundamentali xorta ma jkunux mogħnija, b’mod pjuttost għaqli, b’applikabbiltà diretta orizzontali.

141.

It-tieni nett, ir-raġuni għal tali restrizzjoni ċertament ma hijiex l-assenza tax-xewqa li d-drittijiet fundamentali jiġu protetti b’mod effettiv. Hija pjuttost il-ħtieġa ta’ prevedibbiltà, ċertezza legali, u, fuq il-livell kostituzzjonali, is-separazzjoni tal-poteri. Id-dikjarazzjonijiet ta’ drittijiet għandhom it-tendenza li jkunu pjuttost astratti u għalhekk vagi, kif inhija l-Karta. Huma ġeneralment jeħtieġu leġiżlazzjoni ulterjuri sabiex jingħatalhom kontenut ġustizzjabbli. L-għoti lil dawn id-dispożizzjonijiet ta’ effett dirett orizzontali fihom u minnhom innifishom, għad-drittijiet u l-obbligi ta’ individwi privati, jiftaħ il-bieb għal forom estremi ta’ kreattività ġudizzjarja ( 71 ).

142.

It-tielet nett, peress li l-kontenut tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-Karta ma humiex ċari, tista’ tkun tentazzjoni li jitfittxu tweġibiet fil-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti. Meta tevalwa l-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tal-Karta (il-prinċipju ta’ supremazija), il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali “fid-dawl ta’” jew “flimkien ma’” leġiżlazzjoni sekondarja ( 72 ). Jidher li hemm ġurisprudenza dejjem tikber tal-Qorti tal-Ġustizzja li effettivament timporta l-kontenut (ta’ spiss soffistikat) tad-direttivi f’dispożizzjonijiet tal-Karta qabel ma tapplika dawk id-dispożizzjonijiet tal-Karta orizzontalment ( 73 ).

143.

Ma hemmx dubju li xi kultant, il-konsultazzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja hija tabilħaqq kruċjali sabiex jiġi aċċertat x’jista’ jkun il-kontenut (aċċettabbli) ta’ dritt jew prinċipju ġenerali fi żmien partikolari ( 74 ). Madankollu, hemm differenza bejn stħarriġ komparattiv kritiku ta’ (numru ta’) sorsi ta’ dritt sekondarju, sabiex jiġi konkluż x’tista’ tkun tendenza ġenerali, u t-“trażlitterazzjoni” effettivament mhux kritika u diretta tal-kontenut ta’ direttiva f’dispożizzjoni tal-Karta.

144.

Il-problemi kostituzzjonali kif ukoll prattiċi tal-aħħar approċċ huma numerużi ( 75 ). L-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tal-Karta għandu fil-fatt jiddependi fuq jekk u liema leġiżlazzjoni sekondarja ġiet adottata f’żona partikolari? B’hekk, l-eżistenza (jew in-nuqqas ta’ eżistenza) tal-effett dirett tal-Karta tiġi deċiża b’mod indirett mil-leġiżlatura tal-Unjoni? Għandha l-Karta tkun, b’xi mod, “iddekostituzzjonalizzata”? Minflok ma tipprovdi l-kriterju għall-istħarriġ tad-dritt sekondarju, għandu dan jiġi ddeterminat u ddominat minnha? Jekk le, jew ċertament jekk mhux dejjem, allura meta għandu jkun hekk u meta le?

145.

Fl-aħħar nett, hija din il-problema ta’ prevedibbiltà u ċertezza legali, flimkien, nammetti, ma’ togħma distinta ta’ qbiż tal-limiti proprji imposti, li twassalni għall-aħħar punt: jekk tassew dan kellu jkun l-approċċ futur tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ forsi jkun rakkomandabbli li terġa’ tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-effett dirett orizzontali tad-direttivi. Il-persistenza li d-direttivi jiġu mċaħħda b’mod formali mill-effett dirett orizzontali filwaqt li jsir sforz kbir sabiex jiġi żgurat li din ir-restrizzjoni ma jkollha l-ebda konsegwenzi prattiċi, bħalma hija l-importazzjoni tal-kontenut ta’ direttiva f’dispożizzjoni tal-Karta, tidher dejjem iktar dubjuża.

c)   L-ebda effett dirett orizzontali, iżda xorta effetti (sinjifikattivi)

146.

L-assenza ta’ effett dirett orizzontali tal-Artikolu 21(1) (u, f’dan ir-rigward, dispożizzjonijiet oħra) tal-Karta ma tfissirx li dawn ma għandhomx effetti orizzontali. Pjuttost bil-kuntrarju. Iżda dawn huma ta’ natura differenti. Fir-rigward tad-dritt nazzjonali, il-Karta sservi: (i) bħala għodda interpretattiva għall-interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali; (ii) bħala kriterju għall-kompatibbiltà tar-regoli tal-Unjoni u nazzjonali, bil-konsegwenza possibbli li fejn ir-regoli nazzjonali (applikati fil-kuntest li fih l-Istat Membru jaġixxi fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni) ikunu inkompatibbli mal-Karta, dawn għandhom jiġu mwarrba mill-imħallef nazzjonali, anki f’tilwim bejn individwi privati. Madankollu, din il-konsegwenza tal-aħħar hija waħda ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, u mhux ta’ effett dirett orizzontali tad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Obbligi awtonomi ġodda ma jistgħux jinħolqu biss fuq il-bażi tal-Karta għal partijiet privati.

147.

Ċertament, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dritt nazzjonali inkompatibbli ma jistax fih innifsu jipprovdi protezzjoni immedjata lill-partijiet. Dan huwa ċar fil-kawża preżenti. In-nuqqas ta’ applikazzjoni tfisser it-tneħħija tad-dispożizzjonijiet illegali tad-dritt nazzjonali. Sakemm ma jitteħidx approċċ pjuttost singulari, biex ma ngħidx ikkumplikat u perikoluż, fir-rigward tal-kunċett ta’ “nuqqas ta’ applikazzjoni” (li jinvolvi, pereżempju, it-tneħħija selettiva ta’ kliem partikolari fid-dispożizzjoni li ma hijiex konformi), ( 76 ) in-nuqqas ta’ applikazzjoni jew l-annullament tad-dispożizzjoni li ma hijiex konformi fil-kawża ineżami jinvolvi l-annullament tal-Artikolu 7(3) kollu tal-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel. Dan ikun ifisser li mill-mument ta’ dik id-dikjarazzjoni ġudizzjarja ta’ inkompatibbiltà, ħadd ma jkollu btala nhar il-Ġimgħa l-Kbira.

148.

Approċċ alternattiv huwa li jiġi kkunsidrat li hemm dritt direttament u orizzontalment effettiv li wieħed ikun ħieles minn diskriminazzjoni u li, inerenti għal dan id-dritt hemm id-dritt li wieħed ikollu l-istess drittijiet u benefiċċji bħall-grupp ivvantaġġjat (illivellar ’il fuq) jew li wieħed jara lil kollegi tiegħu ttrattati ugwalment ħażin (illivellar ’l isfel). Dan huwa ċertament implikat fir-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju. Madankollu, jekk wieħed jassumi li s-soluzzjoni ta’ llivellar ’il fuq tiġi adottata – nerġa’ lura għal dan il-punt hawn taħt – din xorta ma twieġeb ebda waħda mid-domandi premessi dwar in-natura u l-ambitu tad-drittijiet konċernati.

149.

Minflok, fil-fehma tiegħi, id-domanda għandha tinftiehem bħala li tfittex kjarifika dwar ir-rimedji preċiżi li għandhom ikunu disponibbli f’każijiet bħal dak preżenti, b’mod kuntrarju għal sett sfuġġenti ta’ drittijiet speċifiċi (għal btajjel, kumpensi, etc.). Dan l-approċċ jinsab, tabilħaqq, diġà fil-ġurisprudenza ta’ Mangold, Kükükdeveci, DI u Egenberger, li kollha kkonfermaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi u l-eżistenza ta’ dritt għal rimedju effettiv (mhux l-“effett dirett orizzontali” tal-Karta). Madankollu, il-konċentrazzjoni fil-kawża ineżami fuq x’inhuma l-konsegwenzi prattiċi tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tfisser li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun ċara dwar din id-distinzjoni. Ser indur issa għal din il-kwistjoni.

3.   Rimedji

150.

L-Artikolu 21(1) tal-Karta ma jagħtix lok għal sett speċifiku ta’ drittijiet/obbligi korrispondenti għall-persuna li timpjega u l-impjegat. Madankollu, hija r-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali, b’mod partikolari, li jipprovdu l-protezzjoni legali li l-individwi joħorġu mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u li jiżguraw li dawn ir-regoli jkunu kompletament effettivi ( 77 ). Rimedju għad-diskriminazzjoni għandu jkun disponibbli, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 78 ).

151.

Fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni dwar dan is-suġġett, hija s-sistema ġuridika nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qrati u t-tribunali li għandhom ġurisdizzjoni u tistabbilixxi r-regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw azzjonijiet għas-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni. L-Istati Membri, madankollu, huma responsabbli sabiex jiżguraw li dawn id-drittijiet jkunu protetti b’mod effettiv f’kull każ ( 79 ) u, meta jagħmlu dan, jirrispettaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività ( 80 ).

152.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi gwida dwar x’jimplika d-dritt għal rimedju effettiv f’każ bħal dan ineżami. Hemm żewġ kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tassisti lill-qorti tar-rinviju. Dawn huma, l-ewwel waħda, dwar jekk ir-rimedju jikkonsistix f’illivellar ’il fuq jew ’l isfel (a), u t-tieni waħda, dwar kontra min għandu r-rimedju jitfittex (b).

153.

Jidhirli li, f’każijiet bħal dan ineżami: fejn hemm tilwima bejn partijiet privati, u fejn is-sors tad-diskriminazzjoni jinsab f’leġiżlazzjoni nazzjonali u huwa stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 21(1) tal-Karta (fi stħarriġ astratta bħal dak fl-ewwel domanda, flimkien mad-Direttiva 2000/78), id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix rimedju pprovdut kontra l-persuna li timpjega. Madankollu, d-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li l-vittma tkun tista’ tressaq azzjoni għad-danni kontra l-Istat biex tirrimedja l-ksur.

154.

Qabel ma nidħol f’dawn il-punti f’iktar dettall, se nittratta l-kwistjoni ta’ “llivellar ’il fuq” u “llivellar ’l isfel”.

a)   Illivellar ’il fuq u llivellar ’l isfel

155.

Ir-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju tipprevedi żewġ soluzzjonijiet għall-problema tad-diskriminazzjoni f’dan il-każ: illivellar ’il fuq jew illivellar ’l isfel.

156.

Nixtieq niċċara li nifhem li l-domanda tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna il-“perijodu interim” biss, jiġifieri, iż-żmien wara li tkun saret id-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà, iżda qabel ma l-leġiżlatura nazzjonali tipprovdi għal reġim ġdid. Għal dan il-perjodu, il-kwistjoni ta’ llivellar ’il fuq jew ’l isfel hija tabilħaqq miftuħa.

157.

Min-naħa l-oħra, l-istess kwistjoni ma tinħoloqx għall-passat, jiġifieri għas-snin preċedenti fejn l-kumpens ingħata biss lill-grupp magħżul, iżda mhux lill-oħrajn, u dawk il-perijodi ta’ żmien għadhom ma humiex preskritti taħt ir-regoli tad-dritt nazzjonali. Għal dawk il-perijodi, l-uniku mod kif tiġi rrimedjata d-diskriminazzjoni tal-passat hija, f’termini prattiċi, tabilħaqq b’sempliċi “llivellar ’il fuq”. Il-grupp ipprivileġġat ma jistax jitneħħewlu il-vantaġġi tiegħu retrospettivament, minħabba aspettattivi leġittimi, jew pjuttost drittijiet li diġà ġew akkwistati. Għalhekk, l-uniku mod reali sabiex tiġi rrimedjata diskriminazzjoni għal dak il-perijodu huwa billi jingħata l-istess benefiċċju lil kulħadd (iżda suġġett għall-mistoqsija indirizzata fit-taqsima li ġejja dwar min jista’ jintalab iħallas u għaliex).

158.

Filwaqt li għalhekk se ndur issa għall-perijodu interim biss, ninnota, fir-rigward ta’ dan il-perijodu, li l-Kummissjoni ssuġġerixxiet li r-risposta xierqa tkun dik ta’ llivellar ’il fuq. B’sostenn għal dan l-argument, kemm r-rikorrent kif ukoll il-Kummissjoni ċċitaw ġurisprudenza li tinkludi s-sentenzi fil-kawżi Milkova, Specht u Landtová ( 81 ).

159.

Huwa ċertament korrett li f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet l-osservazzjoni wiesgħa li “meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata, sistema li, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, tibqa’ l-unika sistema ta’ referenza valida” ( 82 ).

160.

L-implikazzjoni hija li, meta l-qorti tar-rinviju tkun affaċċjata b’diskriminazzjoni li toriġina mil-leġiżlazzjoni, il-konsegwenza inevitabbli li titwarrab id-dispożizzjoni kunfliġġenti tad-dritt nazzjonali hija tabilħaqq “illivellar ’il fuq”, sakemm tiġi adottata leġiżlazzjoni nondiskriminatorja (li potenzjalment tista’ tillivella ’l isfel) ( 83 ).

161.

F’dan ir-rigward, nagħmel is-segwenti osservazzjonijiet.

162.

L-ewwel nett, is-supremazija, inkluża s-supremazija tal-Karta, teħtieġ li d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni tiġi annullata. Dan ifisser li d-dispożizzjoni li ma hijiex konformi hija effettivament mistennija li tegħeb mis-sistema legali nazzjonali f’sitwazzjonijiet fejn din tkun f’kunflitt mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk loġikament, dak li għeb ma jista’ sussegwentement jiġi applikat għal ħadd. Madankollu, b’mod kemxejn mirakoluż, l-istess dispożizzjoni li tneħħiet meta applikabbli għal xi wħud issir immedjatament applikabbli mill-ġdid għal kulħadd. Dan il-paradoss, li huwa implikat mis-soluzzjoni ta’ llivellar ’il fuq, għandu jiġi rrikonoxxut qabel ma jkun jista’ jiġi indirizzat.

163.

It-tieni nett, bħala propożizzjoni wiesgħa, is-soluzzjoni ta’ llivellar ’il fuq bħala rimedju interim default (b’kuntrast ma’ dritt li għandu effett dirett orizzontali) tidher li hija l-aħjar għażla, b’mod partikolari mil-lat tal-aspettattivi leġittimi tal-grupp iffavorit. Imma x-xitan jerġa’ jinsab fid-dettall (jew tal-inqas fl-applikazzjoni prattika). Il-każijiet l-iktar kumplessi jinvolvu benefiċċji mhux pekunjarji. F’din il-kawża, il-Kummissjoni sostniet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li l-Artikolu 7(3) tal-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel jista’ jiddiskrimina billi jagħti l-Ġimgħa l-Kbira bħala jum liberu lil xi gruppi reliġjużi iżda mhux lil oħrajn. Madankollu, is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni ma kinitx li testendi l-Ġimgħa l-Kbira bħala btala pubblika għal kulħadd. Minflok, il-Kummissjoni pproponiet kitba ġudizzjarja mill-ġdid tad-dispożizzjoni li testendi għall-impjegati kollha l-benefiċċju ta’ jum liberu mħallas sabiex jiġi ċċelebrat avveniment reliġjuż “partikolarment importanti” li għandu jiġi nnominat minn kull impjegat individwali. L-espressjoni “illivellar ’il fuq” tinstema’ tajjeb (tal-inqas bl-Ingliż) iżda taħbi kumplessità potenzjalment sinjifikattiva, anki arbitrarjetà, fl-applikazzjoni prattika tagħha, mhux differenti minn dik li diġà ltqajna magħha fir-rigward tal-kwistjoni ta’ effett dirett orizzontali.

164.

It-tielet nett, hemm diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn ġie mwarrab varjant tal-prinċipju ta’ “llivellar ’il fuq”. Madankollu, kull wieħed minn dawn il-każijiet għandu karatteristiċi distintivi. Tnejn huma ta’ importanza partikolari, jiġifieri, is-sors tad-diskriminazzjoni u l-identità tal-konvenut.

165.

F’dan ir-rigward, ninnota li fil-każijiet kollha ċċitati mill-partijiet sabiex jappoġġaw is-soluzzjoni ta’ llivellar ’il fuq ( 84 ) is-sors tad-diskriminazzjoni kien id-dritt nazzjonali u l-konvenut kien l-Istat (u t-tilwima dwar flus ( 85 )). Din hija, fil-fehma tiegħi, l-iktar konfigurazzjoni sempliċi possibbli (u tabilħaqq l-iktar komuni fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja) ( 86 ). Fl-aħħar nett, l-Istat Membru għandu jħallas il-kont għal diskriminazzjoni leġiżlattiva. Dan huwa r-riżultat ċar tal-kawża Francovich u s-suċċessuri tagħha. Ir-responsabbiltà tal-Istat għandha fil-prinċipju tipprovdi xibka ta’ sigurtà.

166.

Hemm ukoll każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-prinċipju ta’ llivellar ’il fuq fil-kuntest ta’ litigazzjoni bejn partijiet privati. Madankollu, dan sar f’numru limitat ta’ każijiet relatati ma’ diskriminazzjoni fir-rigward ta’ pensjonijiet ( 87 ) jew pagi ( 88 ) ġeneralment attribwibbli lill-persuna li timpjega (li ma toriġinax fil-leġiżlazzjoni). Fil-kuntest ta’ tilwim privat li jinvolvi allegata diskriminazzjoni, minflok ma tipproponi llivellar ’il fuq bħala soluzzjoni ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost ffokat fuq ir-rekwiżit ġenerali li tipprovdi rimedji u sanzjonijiet effettivi ( 89 ).

167.

Ir-raba’ nett, raġunijiet addizzjonali speċifiċi oħra assenti, bħad-dinjità tal-bniedem jew l-aspettattivi leġittimi, li jimpedixxu llivellar ’l isfel għall-perijodu interim fil-kuntest ta’ każ individwali, ma narax argument ta’ prinċipju għal xiex b’mod sistematiku u fil-każijiet kollha ta’ diskriminazzjoni, illivellar ’l isfel ikun per se eskluż. Dan huwa iktar u iktar il-każ f’każijiet fejn il-benefiċċju mogħti lill-grupp iffavorit ma huwiex repetittiv jew, fejn huwa repetittiv, ma hemm l-ebda relazzjoni ta’ dipendenza maħluqa (bħal, pereżempju, benefiċċji tas-sigurtà soċjali rikorrenti).

168.

Dwar il-każ ineżami, liema tkun ir-raġuni speċifika (addizzjonali) sabiex tingħeleb b’mod effettiv il-konklużjoni li d-dispożizzjoni li ma hijiex konformi għandha “titwarrab” u tiġi ssostitwita bil-konklużjoni li l-ambitu personali tagħha għandu jiġi estiż b’50 darba? ( 90 )

169.

Il-ġenerożità tal-proklamazzjoni li kulħadd għandu jkun aħjar hija forsi personalment sodisfaċenti iżda mhux legalment adegwata, mingħajr ma titqies is-sostenibbiltà ekonomika. ( 91 ) Nixtieq nenfasizza li l-argumenti ekonomiċi ma huma, ovvjament, l-ebda ġustifikazzjoni għad-diskriminazzjoni. Madankollu, dan waħdu ma jipprovdix ġustifikazzjoni pożittiva għall-illivellar ’il fuq.

170.

Il-ħarsien tal-libertà reliġjuża tal-membri tal-erba’ knejjes hija wkoll inkonklużiva. F’dan ir-rigward, ninnota li l-Artikolu 8 tal-Liġi jimponi dmir ta’ premura fuq il-persuni li jimpjegaw, li jeżiġi minnhom effettivament li jakkomodaw b’mod raġonevoli l-ħtiġijiet tal-impjegati tagħhom sabiex iqimu. Għaliex, jekk dan ikun biżżejjed għal reliġjonijiet minoritarji oħra fl-Awstrija għall-festi reliġjużi speċjali tagħhom, dan ma jkunx għall-membri tal-erba’ knejjes? Bil-maqlub, ma huwiex ċar kif “illivellar ’il fuq”, forsi billi l-impjegati Awstrijaċi kollha jitħallsu doppju jew jingħatalhom jum liberu nhar il-Ġimgħa l-Kbira, b’xi mod iwassal għal-libertà tar-reliġjon.

171.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li ma huwiex possibbli f’din il-kawża li sempliċement tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju billi jiġi kkonfermat li l-“illivellar ’il fuq” huwa l-unika direzzjoni tajba li għandha tiġi segwita. Dan huwa approċċ li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fil-kuntest ta’ azzjonijiet kontra l-Istat prinċipalment b’rabta mal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, u li ġeneralment ma jistax jiġi ttrasferit għal tilwim orizzontali. Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi preżenti din tkun tikkostitwixxi risposta wisq simplistika li taħbi ċerti kumplessitajiet li għandhom importanza prattika kbira. Minflok, inqis li l-punt ta’ riferiment f’din il-kawża għandu jkun il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rimedji effettivi.

b)   Rimedji effettivi (u l-identità tal-konvenut)

172.

Għalkemm l-Artikolu 21(1) tal-Karta ma għandux effett dirett orizzontali, id-dispożizzjoni nazzjonali problematika għandha titwarrab (l-ewwel domanda). Il-kwistjoni tal-illivellar ’il fuq jew ’l isfel ġiet indirizzata iktar ’il fuq. F’din it-taqsima tal-għeluq, se ngħaddi għall-mistoqsija ta’ min għandu jipprovdi rimedju. Essenzjalment, hemm żewġ għażliet: (i) il-persuna li timpjega (li mbagħad tista’ ddur kontra l-Istat), jew (ii) l-Istat (li għandu jitħarrek direttament mill-impjegat). Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba korretta hija din tal-aħħar: l-Istat.

i) Rimedji kontra l-persuna li timpjega

173.

Id-dritt għal rimedju effettiv f’każijiet bħal dan ineżami, fejn min jagħmel it-talba huwa vittma ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali diskriminatorja applikata minn persuna li timpjega, jeżiġi li l-impjegat għandu jkollu rimedju kontra dik il-persuna li timpjega?

174.

L-Avukat Ġenerali Cruz Villalón espliċitament iffavorixxa din l-għażla fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża AMS. Huwa qies li kien “raġonevoli li r-responsabbiltà tal-kawża għad-danni taqa’ fuq dik il-persuna li bbenefikat mill-aġir illegali u mhux fuq il-persuna li għandha dritt li rriżulta mill-konkretizzazzjoni tal-kontenut tal-‘prinċipju’” ( 92 ). Il-persuna li timpjega li tinżamm responsabbli tista’ mbagħad taġixxi kontra l-Istat.

175.

Sakemm m’iniex żbaljat, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma indirizzat dan il-punt direttament. Madankollu, is-sentenza fil-kawża DI tista’ tinqara bħala li timponi tali rekwiżit ( 93 ).

176.

Approċċ bħal dan jista’ fil-fatt ikun iġġustifikat mill-effettività (tal-protezzjoni tal-impjegat). Jista’ jkun irħas u iktar mgħaġġel (u inqas intimidanti) li l-impjegat ifittex lil persuna li timpjegah iktar milli lill-Istat. Moralment, l-impjegat huwa ppreġudikat mil-liġi diskriminatorja u jistħoqqlu l-protezzjoni. X’aktarx ikun hemm, kif innotat mill-imgħallem Avukat Ġenerali Cruz Villalón, benefiċċju illegali miksub mill-persuna li timpjega bħala riżultat tad-diskriminazzjoni li għandu jiġi paċut. B’mod ġenerali, il-persuna li timpjega x’aktarx tkun f’pożizzjoni ta’ poter relattiv.

177.

Għalhekk, l-argumenti favur li jiġi ddikjarat li għal diskriminazzjoni f’kundizzjonijiet tax-xogħol, dejjem għandu jkun hemm rimedju dirett kontra l-persuna li timpjega, essenzjalment għandhom tendenza li jduru madwar tliet elementi: sors, ħtija u benefiċċju, potenzjalment flimkien mal-argument ta’ saħħa u inugwaljanza (inerenti).

178.

Fuq livell ġenerali, dawn l-argumenti huma ċertament validi għal ċertu tip ta’ diskriminazzjoni: dik attribwibbli, tal-inqas parzjalment, għal ċerta persuna li timpjega. Madankollu, dawn jiltaqgħu ma’ numru ta’ diffikultajiet loġiċi f’każ bħal dan ineżami, fejn hemm tilwima bejn partijiet privati li jallegaw diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon, li tirriżulta direttament mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

179.

L-ewwel nett, is-sors tal-ksur f’dan il-każ hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ma kienx hemm diskrezzjoni ġenwina jew deċiżjoni indipendenti mill-persuna li timpjega. Hija sempliċement applikat leġiżlazzjoni nazzjonali vinkolanti. Sitwazzjoni bħal din hija pjuttost differenti minn dawk li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ħtieġet li jiġi pprovdut rimedju kontra l-persuna li timpjega, fejn is-sors tad-diskriminazzjoni oriġina mid-deċiżjonijiet tal-persuna li timpjega stess ( 94 ).

180.

Dan jingħaqad, fit-tieni lok, mal-element ta’ ħtija. X’kien it-tort li għalih għandha tħallas il-persuna li timpjega? L-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali valida? F’każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat allegata diskriminazzjoni minn persuni li jimpjegaw, li tikser id-dritt tal-Unjoni, hija spiss iddikjarat li s-sanzjoni imposta għal ksur għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva ( 95 ). Sakemm il-persuni li jimpjegaw ma jkunux mistennija li jaġixxu bħala pulizija kostituzzjonali, bi dmir pożittiv li jsibu u jikkontestaw b’mod attiv id-dritt nazzjonali li huma jikkunsidraw li jista’ jkun f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet tal-Karta, il-bażi loġika ta’ dissważjoni jew deterrent tegħeb. Jew huwa t-tort ibbażat fuq il-fatt li l-persuna li timpjega li ma kkontestatx il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 21(1) tal-Karta u d-Direttiva 2000/78? Għalhekk, f’termini prattiċi, persuna li timpjega hija mistennija tantiċipa dak li joħroġ wara li jgħaddu diversi snin ta’ proċedura bl-involviment tal-Qorti Suprema ta’ Stat Membru, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja u ħafna avukati u mħallfin oħra wara li jkunu taw l-input tagħhom f’ħafna stadji differenti.

181.

It-tielet nett, ma nistax nara kif persuna li timpjega tibbenefika mill-fatt li jkollha tħallas lil ċerti impjegati tagħha d-doppju, jew anki li tkun obbligata tagħtihom btala mħallsa nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Sakemm, fuq qari dibattibbli ħafna, il-fatt li wieħed jastjeni milli jħallas lit-98 % tal-ħaddiema l-oħra l-istess ma jkunx ikklassifikat bħala “benefiċċju” illegali miksub b’qerq mill-persuni li jimpjegaw, nara biss piżijiet imposti fuq il-persuna li timpjega.

182.

Ir-raba’ nett, hemm l-argument ta’ dgħufija relattiva. Dan l-argument, b’kuntrast mat-tlieta l-oħra, għandu tal-inqas xi bażi. Jista’ wkoll jitqies li jaqbeż il-kunsiderazzjonijiet l-oħra kollha: minħabba l-inugwaljanza inerenti f’relazzjoni tax-xogħol, għandha dejjem tkun il-persuna li timpjega li tintalab tħallas il-kont, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi.

183.

Dan l-argument jaħbi għażla ideoloġika profonda dwar l-allokazzjoni tar-riskji u l-ispejjeż ( 96 ). Barra minn hekk, huwa forsi tajjeb li nassumu li mhux il-persuni li jimpjegaw kollha fl-Awstrija, jew x’imkien ieħor fl-Unjoni Ewropea, huma korporazzjonijiet multinazzjonali proverbjalment bla wiċċ. Ħafna kumpaniji huma mmexxija minn individwi waħedhom jew għadd żgħir ta’ persuni. Għaliex għandhom dawn iġorru l-ispiża ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali difettuża?

184.

Madankollu, ċertament huwa veru li dawn il-kwistjonijiet isiru irrilevanti meta, essenzjalment, il-persuna li timpjega tintalab tħallas il-kont sempliċement minħabba li tkun persuna li timpjega. Dan huwa argument assjomatiku imma wkoll wieħed li, nissuġġerixxi, ma jimmeritax li jiġi indiskriminatament segwit.

185.

Fid-dawl tar-raġunijiet premessi kkunsidrati flimkien, ma nqisx li d-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li jkun hemm rimedju kontra l-persuna li timpjega f’każijiet bħal dan ineżami, fejn il-persuna li timpjega tkun aġixxiet skont id-dritt nazzjonali iżda fejn dan id-dritt nazzjonali jitqies li jmur kontra l-Artikolu 21(1) tal-Karta (moqri flimkien mad-Direttiva 2000/78). Biex inkun ċar, din il-konklużjoni tapplika għal tilwim bejn partijiet privati, mhux fejn il-konvenut huwa l-Istat (li jaġixxi bħala persuna li timpjega). Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix rimedju anki kontra persuni li jimpjegaw privati f’każ li xi rimedji bħal dawn ikunu disponibbli bħala kwistjoni ta’ dritt nazzjonali.

ii) Azzjoni għad-danni kontra l-Istat

186.

Hemm differenza li hija rrikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bejn diskriminazzjoni li għandha s-sors oriġinali tagħha l-leġiżlatura (bħal fil-kawża prinċipali) u dik li toriġina mill-persuna li timpjega ( 97 ). Sabiex wieħed jispira ruħu mill-argumenti konvinċenti tal-Kummissjoni fil-kawża Dekker: ( 98 )“Huwa raġonevoli li wieħed jistaqsi fiċ-ċirkustanzi jekk il-persuna li timpjega tistax leġittimament tkun mistennija jew li tinjora kompletament il-leġiżlazzjoni nazzjonali diskriminatorja jew li tikkontestaha quddiem il-qrati minħabba inkompatibbiltà mad-Direttiva jew mal-liġi dwar it-trattament ugwali [fil-kawża Dekker] tal-irġiel u n-nisa. Madankollu, l-eżitu ta’ dawn il-proċeduri jkun ferm inċert; fi kwalunkwe każ, talba ta’ dan it-tip tkun ekwivalenti għal impożizzjoni fuq il-persuna li timpjega ta’ obbligu li l-Istat għandu jassumi.” [traduzzjoni libera]

187.

Hemm raġunijiet oħra għal xiex ma jkunx xieraq li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi rimedju kontra l-persuna li timpjega privata f’dawn iċ-ċirkustanzi, u għal xiex il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha fil-prattika tieħu l-forma ta’ azzjoni għad-danni kontra l-Istat. Ħafna minn dawn huma r-riflessjoni tal-argumenti diġà msemmija fit-taqsima preċedenti.

188.

L-ewwel nett, hemm l-argument morali sempliċi, diġà esplorat taħt l-intestaturi tas-sors u tat-tort fit-taqsima preċedenti. L-attur primarju responsabbli għad-diskriminazzjoni huwa l-Istat. Jekk kollox jibqa’ l-istess, mhux ċar għal xiex l-ispiża għal dan it-tort għandha titħallas fl-ewwel lok mill-persuni li jimpjegaw.

189.

L-argument morali huwa konformi ma’ dak strutturali. Jekk, bħala konsegwenza tal-prinċipju ta’ supremazija u ta’ stħarriġ astratt tal-kompatibbiltà, id-dispożizzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi hija mwarrba, kemm it-tort u kif ukoll il-vojt leġiżlattiv li jirriżultaw huma attribwibbli b’mod ċar lill-Istat Membru.

190.

It-tieni nett, li żżomm lil persuni li jimpjegaw individwalment responsabbli fl-ewwel lok ma għandux l-effett ta’ deterrent għalihom ( 99 ) u jista’ saħansitra jnaqqas l-effett dissważiv fir-rigward tal-parti ġenwinament responsabbli: l-Istat. Bidla leġiżlattiva teħtieġ pressjoni fuq l-Istat.

191.

It-tielet nett, fejn impjegati jistgħu jiksbu sodisfazzjoni billi jħarrku lill-persuna li timpjegahom talli applikat il-liġi u l-persuni li jimpjegaw min-naħa tagħhom iħarrku lill-Istat, ikun hemm duplikazzjoni tal-litigazzjoni. Għalhekk, meta l-persuna ppreġudikata taġixxi direttament kontra l-parti responsabbli għal nuqqas, u mhux kontra intermedjarju li ma għandux ħtija, jiġi evitat stadju ta’ litigazzjoni.

192.

Ir-raba’ nett, fil-kuntest ta’ tilwima privata fejn interpretazzjoni konformi ta’ direttiva ma hijiex possibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement ċaħdet il-possibbiltà li individwu jinvoka d-direttiva kontra individwu ieħor. Għandu jkun hemm rimedju, li iżda jinsab fil-forma ta’ azzjoni għad-danni kontra l-Istat ( 100 ). Ma huwiex ċar għal xiex fil-prinċipju dan ma għandux jibqa’ l-każ fejn id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma invokati b’mod parallel. B’dan il-mod, l-istruttura tar-rimedji għal relazzjonijiet (orizzontali) tad-dritt privat meta jiġu invokati sorsi tad-dritt tal-Unjoni li ma humiex mogħnija b’effett dirett orizzontali għandha tkun koerenti.

193.

Il-ħames u l-aħħar nett, hemm element ieħor ta’ koerenza ġenerali li jitkellem favur l-approċċ dwar ir-rimedji li huma sostnuti hawnhekk. Dan jerġa’ jirrelata mal-qafas ta’ paragun. Issuġġerejt li f’każijiet ta’ stħarriġ astratt tal-kompatibbiltà, il-qafas ta’ paragun huwa wieħed ta’ gruppi ( 101 ). Dan huwa kompletament konformi mal-fatt li s-sors tad-differenzjar huwa l-leġiżlazzjoni nazzjonali, mhux kwalunkwe deċiżjoni tal-persuna li timpjega. Għal din ir-raġuni, l-identità tal-impjegati l-oħra tal-persuna li timpjega (Investigazzjoni Cresco) ma kinitx kruċjali, u lanqas jekk meta mqabbel magħhom, ir-rikorrent ġiex ittrattat b’mod differenti.

194.

Din il-mistoqsija, madankollu, issir pjuttost importanti, u d-diskussjoni konnessa dwar il-komparabbiltà terġa’ tinfetaħ għalkollox, jekk ir-rikorrent kellu jintalab jaġixxi kontra l-persuna li timpjegah bil-pretensjoni li din iddiskriminat kontrieh ( 102 ). Jekk wieħed jassumi li l-persuna li timpjega individwali ma għandhiex membri tal-erba’ knejjes fil-forza tax-xogħol tagħha, ( 103 ) naturalment id-difiża loġika tkun li din ma ddiskriminatx kontra xi ħadd, għax ittrattat l-impjegati kollha tagħha eżattament l-istess. Kif tista’ mbagħad tali persuna li timpjega tinżamm responsabbli għal diskriminazzjoni li għaliha kienet kompletament impossibbli li twettaq?

195.

L-aħħar żewġ punti jerġgħu jenfasizzaw il-ħtieġa għal konsistenza loġika fi kwalunkwe approċċ li eventwalment tieħu l-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri fuq żewġ livelli: l-ewwel nett, f’din il-kawża (it-tip ta’ stħarriġ jirrigwarda qafas ta’ komparabbiltà li min-naħa tiegħu għandu impatt fuq ir-rimedji) u, it-tieni nett, orizzontalment f’termini ta’ rimedji disponibbli għall-ksur ta’ ċerti sorsi tad-dritt tal-Unjoni.

196.

Għar-raġunijiet spjegati f’din it-taqsima u t-taqsimiet preċedenti, jiena tal-fehma li individwi jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 21(1) tal-Karta (flimkien mal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78) sabiex id-dispożizzjonijiet inkompatibbli tad-dritt nazzjonali jiġu annullati. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li l-ispejjeż tan-nuqqas tal-Istat li jiżgura l-konformità tad-dritt nazzjonali mal-Karta jinġarru fl-ewwel lok mill-persuni li jimpjegaw privati li japplikaw dan id-dritt nazzjonali.

4.   Konklużjoni fuq ir-raba’ domanda

197.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju tkun kif ġej:

F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża ineżami li jinvolvu proċeduri bejn partijiet privati:

sakemm il-leġiżlatur ma jkunx ħoloq sitwazzjoni legali nondiskriminatorja, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kkonstatati li ma kinux konformi mal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, flimkien mal-Artikolu 1, 2(2)(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78/KE ma għandhomx jiġu applikati;

l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, flimkien mal-Artikolu 1, l-Artikolu 2(2)(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, ma jistax minnu nnifsu jimponi obbligi fuq il-persuna li timpjega;

parti leża bħala riżultat ta’ tali applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ madankollu tinvoka s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Frankovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428) sabiex tikseb, jekk xieraq, kumpens għat-telf sostnut.

V. Konklużjoni

198.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), kif ġej:

(1)

L-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali li skontha l-Ġimgħa l-Kbira hija btala, b’perijodu ta’ mistrieħ mhux interrott ta’ mill-inqas 24 siegħa, biss għall-membri tal-Knejjes Evanġelistiċi tat-Twemmin Awgustan u Elevetiku, il-Knisja Kattolika Qadima u l-Knisja Evanġelista Metodista, u jekk impjegat li jappartjeni għal waħda minn dawn il-knejjes jaħdem, minkejja li dan il-jum ikun btala, huwa għandu wkoll, minbarra d-dritt ta’ ħlas għax-xogħol li ma jeħtieġx li jitwettaq bħala riżultat tal-jum li jkun btala, dritt ta’ ħlas għax-xogħol fil-fatt imwettaq, filwaqt li impjegati oħra, li ma humiex membri ta’ dawn il-knejjes, ma għandhom ebda dritt bħal dan.

(2)

F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża ineżami, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kumpens tat-tip imsemmi fl-ewwel domanda biss lill-membri ta’ ċerti knejjes li jaħdmu nhar il-Ġimgħa l-Kbira ma tikkostitwixxix miżura li f’soċjetà demokratika hija meħtieġa sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

(3)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kumpens tat-tip imsemmi fl-ewwel domanda ma tikkostitwixxix azzjoni pożittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78.

(4)

F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża ineżami li jinvolvu proċeduri bejn partijiet privati:

sakemm il-leġiżlatur ma jkunx ħoloq sitwazzjoni legali nondiskriminatorja, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kkonstatati li ma kinux konformi mal-Artikolu 21(1) tal-Karta (tad-Drittijiet Fundamentali), flimkien mal-Artikoli 1, l-Artikolu 2(2)(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78/KE ma għandhomx jiġu applikati;

l-Artikolu 21(1) tal-Karta (tad-Drittijiet Fundamentali), flimkien mal-Artikoli 1, l-Artikolu 2(2)(a) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, ma jistax minnu nnifsu jimponi obbligi fuq il-persuna li timpjega;

parti leża bħala riżultat ta’ tali applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ madankollu tinvoka s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428) sabiex tikseb, jekk xieraq, kumpens għat-telf sostnut.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 3 ) Fir-rigward ta’ jekk dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali b’karatteristiċi partikolari, b’mod ġenerali u essenzjalment irrispettivament min-natura tar-relazzjoni legali li fiha ġiet applikata fil-livell nazzjonali, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni - reċentement, ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia (C-143/16, EU:C:2017:566)

( 4 ) Sentenza tas-17 ta’ April 2018 (C-414/16, EU:C:2018:257, punt 58).

( 5 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev f’Egenberger (C-414/16, EU:C:2017:851, punt 93, ara wkoll il-punt 88).

( 6 ) Sentenza tas-17 ta’ April 2018 (C-414/16, EU:C:2018:257, punt 58).

( 7 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’G4S Secure Solutions (C-157/15, EU:C:2016:382, punt 32); Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev f’Egenberger (C-414/16, EU:C:2017:851, punt 95).

( 8 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C-74/16, EU:C:2017:496).

( 9 ) Madankollu, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’dik il-kawża (C-74/16, EU:C:2017:135, punti 29 sa 33).

( 10 ) Reċentement ġeneralment, ara pereżempju, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries (C-190/16, EU:C:2017:513, punti 29 sa 31), u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C-267/12, EU:C:2013:823, punt 31), naturalment bid-differenza li, fil-kuntest tal-Karta, kwalunkwe ġustifikazzjoni bħal din għandha tkun konformi mal-Artikolu 52(1) tagħha, filwaqt li fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78, din għandha tkun konformi mal-Artikolu 2(5).

( 11 ) Se niddiskuti d-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ benefiċċji iktar ’l isfel fil-punti 40 sa 44 u fil-punti 82 sa 86.

( 12 ) Reċentement, pereżempju, sentenza tad-19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia (C-143/16, EU:C:2017:566, punti 16 sa 1847).

( 13 ) F’iktar dettall ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Abercrombie & Fitch Italia (C-143/16, EU:C:2017:235, punti 20 sa 36).

( 14 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia (C-143/16, EU:C:2017:566, punt 25). Ara wkoll is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C-432/14, EU:C:2015:643, punt 32).

( 15 ) Fis-sens tal-istadju (i) tat-test tad-diskriminazzjoni spjegat iktar ’il fuq fil-punt 32.

( 16 ) Iktar ’l isfel fil-punti 82 sa 86.

( 17 ) Iktar ’il fuq, il-punti 37 u 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, Feryn fejn is-sors tad-diskriminazzjoni kienet il-politika tal-persuna li timpjega kontra l-immigranti, u tqies li ma kienx meħtieġ li tiġi identifikata vittma sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, (C‑54/07, EU:C:2008:397, punt 40)).

( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56, punt 40), u tas-17 ta’ Settembru 2002, Lawrence et (C-320/00, EU:C:2002:498, punt 17).

( 20 ) Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, EU:C:2005:709), u tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C-555/07, EU:C:2010:21).

( 21 ) Kemm fil-kawża Mangold kif ukoll fil-kawża Kücükdeveci (u f’dan il-każ), ir-rikorrent kien membru tal-grupp żvantaġġat. Għal approċċ simili, iżda b’inqas ċertezza dwar jekk il-miżura inkwistjoni hijiex (biss) favorevoli, jew (biss) għad-detriment, ta’ grupp partikolari, ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia (C-143/16, EU:C:2017:566).

( 22 ) Dan jikkuntrasta mal-approċċ f’każijiet fejn id-diskriminazzjoni toriġina mill-persuna li timpjega u f’ħafna każijiet hemm il-ħtieġa li jiġu identifikati gruppi speċifiċi ta’ kollegi li jirċievu trattament favorevoli għall-iskopijiet ta’ kwalunkwe paragun. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Lawrence et (C-320/00, EU:C:2002:498); u tat-13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C-256/01, EU:C: 2004:18).

( 23 ) Sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Lawrence et (C-320/00, EU:C:2002:498, punti 1718), u tat-13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C-256/01, EU:C:2004:18, punti 4546). Din id-distinzjoni għandha impatt ċar fuq il-kwistjoni ta’ rimedji disponibbli, diskuss fid-dettall iktar ’l isfel fil-punti 172 sa 196.

( 24 ) Sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C-177/88, EU:C:1990:383, punti 1217); tat-8 ta’ Novembru 1990, Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund (C-179/88, EU:C:1990:384, punt 13); tas-27 ta’ Frar 2003, Busch (C-320/01, EU:C:2003:114, punt 39); u tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C-267/06, EU:C:2008:179, punt 72). Dan huwa kjarament il-każ fejn it-trattament differenti huwa bbażat b’mod espliċitu fuq il-bażi ssuspettata (pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries (C-190/16, EU:C:2017:513, punti 32 sa 34)). Madankollu, sempliċi riferiment minn miżura għal bażi ssuspettata ma hijiex fiha nnifisha suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm diskriminazzjoni diretta (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C-188/15, EU:C:2017:204, punt 32) u tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C-157/15, EU:C:2017:203, punt 30)). Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet approċċ simili fejn il-bażi ssuspettata tikkostitwixxi l-motivazzjoni wara d-differenza fit-trattament (ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgarija (C-83/14, EU:C:2015:480, punt 91) jew fil-prattika jaffettwa biss grupp li jista’ jiġi identifikat fuq il-bażi ssuspettata (pereżempju s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C-116/06, EU:C:2007:536, punt 55)).

( 25 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia (C-143/16, EU:C:2017:566, punti 25 sa 28). Madankollu, ara bħala eżempju fejn il-komparabbiltà ġiet miċħuda, sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C-432/14, EU:C:2015:643).

( 26 ) Ara, għal perspettiva differenti, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Bressol et (C-73/08, EU:C:2009:396, punt 55).

( 27 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C-432/14, EU:C:2015:643, punt 40).

( 28 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C-432/14, EU:C:2015:643, punt 31).

( 29 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C 432/14, EU:C:2015:643, punt 33).

( 30 ) Sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C-267/06, EU:C:2008:179, punt 42); tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 42); tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 33); u tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C-432/14, EU:C:2015:643, punt 32).

( 31 ) Iktar ’il fuq, punti 40 sa 43.

( 32 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia (C-143/16, EU:C:2017:566, punt 25).

( 33 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża MB (C-451/16, EU:C:2017:937, punt 47).

( 34 ) Kien spjegat fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tal-Gvern Awstrijak li storikament il-membri tal-erba’ knejjes kienu minoranza fl-Awstrija li, b’differenza mill-maġġoranza Kattolika, ma kellhomx btala pubblika fil-ġurnata reliġjuża l-iktar importanti tagħhom. Fiż-żmien li l-Artikolu 7(3) iddaħħal fil-liġi, jista’ jkun li l-membri tal-erba’ knejjes kienu jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-popolazzjoni mhux Kattolika. Madankollu, kif ikkonfermat fit-talba għal deċiżjoni preliminari, dawn ma jirrappreżentawx il-popolazzjoni kollha mhux Kattolika fl-Awstrija, li tinkludi twemmin ieħor.

( 35 ) Ara, għal eżempju ta’ trattament ta’ sitwazzjonijiet bl-istess mod li jista’ madanakollu jiġi ddifferenzjat għal raġunijiet reliġjużi, sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Awla Manja) tas-6 ta’ April 2000, Thlimmenos vs Il-Greċja (CE:ECHR:2000:0406JUD003436997).

( 36 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C-432/14, EU:C:2015:643, punt 38). F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset il-komparabbiltà ta’ “żgħażagħ” li jattendu l-università jew l-iskola u ħaddiema oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-gruppi ma kinux komparabbli. B’hekk hija qieset l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda żammet b’mod ċar il-koerenza tal-argument u t-trattament ta’ gruppi oħra.

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża G4S Secure Solutions (C-157/15, EU:C:2016:382, punt 43).

( 38 ) Iktar ’il fuq, punti 40 sa 43 u 73.

( 39 ) Speċifikament għal dawk l-impjegati li għalihom huwa finanzjarjament diffiċli li jieħdu ġurnata addizzjonali ta’ leave mhux imħallas.

( 40 ) Għalhekk, mingħajr ma nidħlu fil-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tal-komparatur intermedju li jkunu jeħtieġu li jiġu indirizzati, u li ċertament ma humiex ċari: x’jikkwalifika bħala jum “speċjali”? Hemm limitu legali ta’ importanza spiritwali jew reliġjuża? Liema reliġjonijiet għandhom jikkwalifikaw u tabilħaqq il-punt huwa trasferibbli għal sistemi ta’ twemmin oħra li għandhom ħafna ġranet ta’ importanza kbira? Xi ngħidu, pereżempju, għall-atejisti li għandhom ukoll ġranet ta’ importanza kbira għalihom? Il-Kattoliċi għandhom jiġu mċaħħda minn ġurnata żejda minħabba li għal raġunijiet storiċi numru ta’ ġranet speċjali tagħhom huma diġà koperti mit-13-il jum pubbliku l-ieħor? Barra minn hekk, waqt is-smigħ orali, ġiet diskussa wkoll is-sensittività li wieħed jintalab jiżvela d-dettalji tat-twemmin (reliġjuż) tiegħu lill-persuna li timpjegah – konsegwenza loġika tal-applikazzjoni tal-komparatur intermedju.

( 41 ) Iktar ’il fuq, punti 76 sa 79.

( 42 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C-447/09, EU:C:2011:573, punti 5556), u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C-267/12, EU:C:2013:823, punt 46).

( 43 ) Ara l-kliem tal-Artikolu 21(1) tal-Karta u l-premessa 23 tad-Direttiva. Ara wkoll is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries (C-190/16, EU:C:2017:513, punt 44).

( 44 ) Ara pereżempju Ellis, E., u Watson, P., EU Anti-Discrimination Law, it-tieni edizzjoni, Oxford EU law library, 2012, it-tieni edizzjoni, p. 403.

( 45 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Bugnaoui u ADDH (C-188/15, EU:C:2016:553, nota ta’ qiegħ il-paġna 99).

( 46 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries (C-190/16, EU:C:2017:513, punt 48).

( 47 ) Inkluż fl-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel.

( 48 ) Bl-istess mod għall-punti 76 sa 79 u l-punti 97 sa 98 iktar ’il fuq.

( 49 ) Sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 68).

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, Marschall (C-409/95, EU:C:1997:533, punt 31).

( 51 ) Iktar ’il fuq, il-punt 100.

( 52 ) Sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C-91/92, EU:C:1994:292, punt 20); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, EU:C:2004:584, punt 108); u tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C-555/07, EU:C:2010:21, punt 46).

( 53 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, EU:C:1991:428). Fil-kuntest tal-Artikolu 21(1) tal-Karta, moqri flimkien mad-Direttiva 2000/78, ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 50).

( 54 ) Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, EU:C:2004:584), u tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C-414/16, EU:C:2018:257).

( 55 ) Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, EU:C:2005:709), u tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C-555/07, EU:C:2010:21).

( 56 ) Sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C-414/16, EU:C:2018:257).

( 57 ) Sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, EU:C:2005:709, punti 77 u 78); tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C-555/07, EU:C:2010:21, punti 4351); u tad-19 ta’ April 2016, DI (C-441/14, EU:C:2016:278, punti 2735).

( 58 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI (C-441/14, EU:C:2016:278, punt 43).

( 59 ) Sentenzi tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C-414/16, EU:C:2018:257, punt 76).

( 60 ) Sentenzi tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C-414/16, EU:C:2018:257, punt 81).

( 61 ) Sentenzi tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C-414/16, EU:C:2018:257, punt 79).

( 62 ) Sentenza tal-1 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2).

( 63 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU 2002, L 80, p. 29).

( 64 ) Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C-176/12, EU:C:2014:2, punt 47). Enfasi miżjuda.

( 65 ) Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C-176/12, EU:C:2014:2, punt 49).

( 66 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI (C-441/14, EU:C:2016:278, punt 29 jew 35).

( 67 ) Sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C-555/07, EU:C:2010:21, punt 56), u tad-19 ta’ April 2016, DI (C-441/14, EU:C:2016:278, punti 35 sa 37).

( 68 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI (C-441/14, EU:C:2016:278, punt 41).

( 69 ) B’mod li jippermetti wkoll regoli mfassla f’livell pjuttost astratt (bħar-regola li l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ reviżjoni li jikkontestaw il-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet mogħtija fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Istima tal-Impatt Ambjentali (Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248)) ma għandhomx ikunu għaljin b’mod projbittiv), iżda kjarament ċirkoskritti fl-ambitu u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, kif ukoll ir-riżultati prattiċi li għandhom jinkisbu, mill-istruttura tal-istrument tad-dritt sekondarju li jagħmlu parti minnu, biex ikunu effettivi direttament – ara l-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża Klohn (C‑167/17, EU:C:2018:387, punti 33 sa 55).

( 70 ) Punti 125 sa 129 fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 71 ) Dan huwa wkoll għaliex, lura fl-1929, Hans Kelsen, li ħafna drabi huwa invokat bħala “missier” il-ġustizzja kostituzzjonali moderna, iżda li x’aktarx kien ikun sorpriż ħafna li kieku ra l-ambitu attwali tagħha, xtaq jeskludi l-applikabbiltà diretta tal-“überpositiver Normen”, li fihom inkluda wkoll id-drittijiet fundamentali, filwaqt li wissa li dan jagħti lil kull qorti kostituzzjonali monopolju ta’ poter effettiv fi ħdan l-istrutturi Statali - Kelsen, H., Wesen und Entwicklung der Staatsgerichtsbaarkeit. Veröffentlichungen der Vereinigung der Deutschen Staatsrechtslehrer, Heft 5. Berlin und Leipzig, de Gruyter & Co., 1929, p. 69 sa 70.

( 72 ) Sentenza tas-17 ta’ April 2018, Egenberger (C-414/16, EU:C:2018:257), diskussa f’dan il-kuntest iktar ’il fuq fil-punt 122. Ara wkoll sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kükückdeveci (C-555/07, EU:C:2010:21) dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq bażi ta’ età “kif espressa” fid-Direttiva 2000/78.

( 73 ) Aktar reċenti, pereżempju, mill-kollega mgħallem tiegħi l-Avukat Ġenerali Bot li ppropona lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex timporta fl-Artikolu 31(2) tal-Karta l-kontenut rilevanti tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381). Din il-konklużjoni kienet iġġustifikata b’riferiment għan-noti ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaw il-Karta, li skonthom l-Artikolu 31(2) kien “ibbażat fuq id-Direttiva 93/104/KE” (ikkodifikata mid-Direttiva 2003/88) – ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawżi magħquda Bauer u Broßonn (C-569/16 u C-570/16, EU:C:2018:337, fil-punt 86).

( 74 ) Għal eżempju ta’ analiżi bir-reqqa u bbilanċjata, ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Audiolux et (C-101/08, EU:C:2009:626).

( 75 ) Għal diskussjoni ddettaljata dwar dan is-suġġett ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Dominguez (C-282/10, EU:C:2011:559).

( 76 ) L-Artikolu 7(3) tal-Liġi dwar il-Mistrieħ u l-Btajjel bħalissa jaqra: “Il-Ġimgħa l-Kbira hija wkoll btala għall-membri tal-Knejjes Evanġelistiċi tat-Twemmin Awgustan u Elevetiku, il-Knisja Kattolika Qadima u l-Knisja Evanġelista Metodista.” Li teżerċita ‘esklużjoni’ fil-livell ta’ kliem individwali ta’ din id-dispożizzjoni jista’ pereżempju jammonta għal tħassir tal-għan tas-sentenza, jiġifieri, ir-riferiment għall-membri tal-erba’ knejjes (li jfisser li kulħadd ikollu btala jew indennizz nhar il-Ġimgħa l-Kbira) jew tneħħi għalkollox ir-riferimenti għall-membri tal-erba’ knejjes u l-Ġimgħa l-Kbira (fis-sens li hemm btala pubblika b’data indeterminata ‑ fil-prattika l-proposta tal-Kummissjoni). Madankollu, jista’ jkun li xorta għad hemm differenza bejn it-twarrib fil-ġenb ta’ liġi nazzjonali offensiva u logħba ġudizzjarja ta’ Scrabble, li tippermetti l-ħolqien ta’ kwalunkwe regola sempliċiment billi tgħaqqad kliem magħżul meħud mil-leġiżlazzjoni eżistenti.

( 77 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, EU:C:2004:584, punt 111). Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, EU:C:2008:223, punt 42).

( 78 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, EU:C:2007:163, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 79 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1985, Bozzetti (179/84, EU:C:1985:306, punt 17); tat-18 ta’ Jannar 1996, SEIM (C-446/93, EU:C:1996:10, punt 32); u tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C-54/96, EU:C:1997:413, punt 40).

( 80 ) Ara, b’mod partikolari, sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5); tas-16 ta’ Diċembru 1976, Comet (45/76, EU:C:1976:191, punti 13 sa 16); tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C-312/93, EU:C:1995:437, punt 12); tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, EU:C:2007:163, punt 43) u tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C-222/05 sa C 225/05, EU:C:2007:318, punt 28).

( 81 ) Sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2011, Landtová (C-399/09, EU:C:2011: 415); tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005); u tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova (C-406/15, EU:C:2017:198).

( 82 ) Sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2011, Landtová (C‑399/09, EU:C:2011: 415, punt 51); tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 95); u tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova (C-406/15, EU:C:2017:198, punt 67). Enfasi tiegħi.

( 83 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1999:60).

( 84 ) Iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 81.

( 85 ) Il-benefiċċju funġibbli per eċċellenza, mhux bħal, pereżempju, id-dritt għal btala jew id-dritt li wieħed ikun impjegat.

( 86 ) Sentenzi oħra li jirrepetu l-“varjant Landtová; Specht; Milkova” tal-prinċipju ta’ llivellar ’il fuq jinvolvi wkoll l-Istat bħala l-konvenut - ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero (C-442/00, EU:C:2002:752, punt 42); tal-21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et (C-231/06 sa C-233/06, EU:C:2007:373, punt 39); tat-28 ta’ Jannar 2015, Starjakob (C-417/13, EU:C:2015:38, punt 46); u tal-14 ta’ Marzu 2018, Stollwitzer (C-482/16, EU:C:2018:180, punt 30). Ara wkoll varjanti bi kliem iktar ristrett dwar, pereżempju, id-diskriminazzjoni fir-rigward tal-paga, sentenzi tas-7 ta’ Frar 1991, Nimz (C-184/89, EU:C:1991:50, punt 18); u tas-17 ta’ April 1997, Evrenopoulos (C-147/95, EU:C:1997:201, punt 42). Id-diskriminazzjoni li tirriżulta minn ftehimiet kollettivi hija wkoll komuni u effettivament assimilata mad-diskriminazzjoni leġiżlattiva u l-Qorti tal-Ġustizzja tuża varjazzjoni iktar miftuħa tal-prinċipju ta’ llivellar ’il fuq - ara pereżempju sentenza tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-BaEUr (C-187/00, EU:C:2003:168, punt 72).

( 87 ) Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1994, van den Akker (C-28/93, EU:C:1994:351); tat-28 ta’ Settembru 1994, Coloroll Pension Trustees (C-200/91, EU:C:1994:348), u tat-28 ta’ Settembru 1994, Avdel Systems (C-408/92, EU:C:1994:349) li kienu wkoll teknikament jirrigwardaw skema tal-pensjoni mhux tal-Istat iżda kienet pensjoni “kkuntrattata” fis-sens li l-kontribuzzjonijiet għaliha ħadu post il-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjoni tal-Istat.

( 88 ) Sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56).

( 89 ) Sentenzi tal-10 ta’ April 1984, Harz (79/83, EU:C:1984:155), u tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C-177/88, EU:C:1990:383).

( 90 ) Ninnota li fis-sottomissjonijiet orali tagħha l-Kummissjoni kienet favur l-estensjoni tal-btala tal-Ġimgħa l-Kbira/kumpens li jgawdu l-membri tal-erba’ knejjes (madwar 2% tal-popolazzjoni) għall-ħaddiema Awstrijaċi kollha, u li jsir l-istess għal Yom Kippur.

( 91 ) Fis-seduta, l-ispiża sabiex il-kumpens għall-Ġimgħa l-Kbira jiġi estiż għall-impjegati kollha kienet stmata fl-ammont ta’ EUR 600 miljun per annum (preżumibbilment ammont simili japplika fil-każ ta’ Yom Kippur).

( 92 ) Konklużjonijiet fil-kawża Association de médiation sociale (C-176/12, EU:C:2013:491, punt 79).

( 93 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2016 (C-441/14, EU:C:2016:278, punt 42).

( 94 ) Pereżempju, fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C-177/88, EU:C:1990:383), l-applikazzjoni għax-xogħol tar-rikorrenti ġiet miċħuda għax kienet tliet xhur tqila. L-istat tagħha kien madankollu kklassifikat taħt il-liġi nazzjonali bħala “mard”. Peress li l-persuna li timpjega prospettiva kienet kompletament konxja mill-“mard” tagħha, kieku impjegatha, kien ikollha tiffinanzja l-leave tal-maternità tagħha mingħajr l-assistenza mill-Istat, xi ħaġa li ma xtaqitx tagħmel. Għalhekk, kien hemm diżinċentiv finanzjarju (sinjifikattiv), fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għat-tħaddim ta’ nisa tqal. Madankollu, kien ċar ukoll li d-deċiżjoni finali dwar kif u jekk għandhiex tiġi applikata din il-leġiżlazzjoni nazzjonali diskriminatorja fil-każ individwali kienet tal-persuna li timpjega.

( 95 ) Sentenza tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (C-14/83, EU:C:1984:153). Fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jeħtieġ l-eżistenza fid-dritt nazzjonali ta’ azzjoni ta’ danni kontra partijiet privati għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, hija insistiet fuq il-miri kumpensatorji u dissważivi ta’ tali rimedju. Ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 27).

( 96 ) Ma jistax jiġi preżunt li kwalunkwe, kull jew saħansitra l-biċċa l-kbira tal-persuni li jimpjegaw iressqu talba għad-danni b’suċċess kontra l-Istat. Għalhekk, huwa ġust li wieħed jagħraf li l-għażla dwar min għandu jkun il-konvenut f’kawża bħal dik preżenti tfisser, fir-realtà, deċiżjoni dwar min se jsostni l-ispejjeż.

( 97 ) Iktar ’il fuq, il-punti 50 sa 52.

( 98 ) Kif imqassar fir-rapport għas-smigħ. Ara Ward, A., Judicial Review and the Rights of Private Parties in EU Law, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2007, p. 57.

( 99 ) Iktar ’il fuq il-punt 180.

( 100 ) Sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 45), u tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 50).

( 101 ) Iktar ’il fuq, punti 45 sa 54.

( 102 ) Nissuspetta li dan l-element ikkontribwixxa parzjalment għall-konfużjoni dwar il-kwistjoni tal-komparabbiltà (iktar ’il fuq, il-punti 46 sa 48).

( 103 ) Li statistikament jidher li x’aktarx huwa l-każ, mhux biss għall-Cresco Investigation, iżda wkoll għal numru ta’ persuni li jimpjegaw Awstrijaċi oħra. Ġie kkonfermat li l-membri tal-erba’ knejjes jirrappreżentaw madwar 2% tal-forza tax-xogħol Awstrijaka.

Top