This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016TN0631
Case T-631/16: Action brought on 2 September 2016 — Remag Metallhandel and Jaschinsky v Commission
Kawża T-631/16: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2016 – Remag Metallhandel u Jaschinsky vs Il-Kummissjoni
Kawża T-631/16: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2016 – Remag Metallhandel u Jaschinsky vs Il-Kummissjoni
ĠU C 392, 24.10.2016, p. 47–48
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 392/47 |
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2016 – Remag Metallhandel u Jaschinsky vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-631/16)
(2016/C 392/62)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Remag Metallhandel GmbH (Steyr, l-Awstrija) u Werner Jaschinsky (St. Ulrich bei Steyr, l-Awstrija)(rappreżentant: M. Lux, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Fid-dawl tat-talba insistenti tal-OLAF li l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jirkupraw id-dazji antidumping għall-kunsinni kollha ta’ metall tas-silikon esportati mit-Tajwan lejn l-UE skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 398/2004, tat-2 ta’ Marzu 2004, li jimponi dazju definit kontra d-dumping fuq l-importazzjoni tas-silikon li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 50, p. 40) u skont ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 467/2010, tal-25 ta’ Mejju 2010, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tas-silikon li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet tas-silikon kkonsenjat mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk iddikjarat li joriġina fir-Repubblika tal-Korea kemm jekk le (ĠU L 131), minkejja li l-OLAF ma pproduċa l-ebda prova jew ipproduċa biss provi insuffiċjenti li s-silkon importat mit-Tajwan minn Remag kien joriġina miċ-Ċina, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tordna li l-konvenuta għandha tikkumpensa lir-rikorrenti skont it-talbiet mressqa fir-rikors u li tħallashom l-interessi moratorji annwali bir-rata ta’ 8 %, u |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1. |
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq iċ-ċirkustanza li, billi talab lill-Istati Membri jirkupraw id-dazji anti-dumping qabel ma kien ġie kkonfermat mill-investigazzjoni l-oriġini tal-prodotti bil-għan li titwaqqaf il-preskrizzjoni tad-dazji allegatament dovuti, l-OLAF ta istruzzjoni lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u inċithom sabiex jiksru l-Artikoli 220(1) u 221(1) tal-Kodiċi Doganali Komunitarju (KDK). |
2. |
It-tieni motiv huwa bbażat fuq iċ-ċirkustanza li, billi fit-talba tiegħu ta’ rkupru ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trasbord tas-silikon miċ-Ċina ma kienx prova li s-silikon kien joriġina miċ-Ċina, l-OLAF kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-obbligu li jibbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq elementi stabbiliti. |
3. |
It-tielet motiv huwa bbażat fuq iċ-ċirkustanza li, billi sostna li l-esportazzjonjiet kollha tas-silikon mit-Tajwan kienu jikkonċernaw prodotti li joriġinaw miċ-Ċina, l-OLAF kiser l-oneru tal-prova tal-oriġini mhux preferenzjali. |
4. |
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq iċ-ċirkustanza li, billi sostna li t-trasformazzjoni mwettqa fit-Tajwan ma kinitx suffiċjenti sabiex tagħti oriġini Tajwaniża mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-użu tas-silkon ittrasformat, l-OLAF kiser ir-regoli tal-oriġini kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
5. |
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. |