Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0142

    Kawża T-142/16: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2016 – Dröge et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 211, 13.6.2016, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 211/55


    Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2016 – Dröge et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-142/16)

    (2016/C 211/69)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Katharina Dröge (Berlin, il-Ġermanja), Britta Haßelmann (Berlin) u Anton Hofreiter (Berlin) (rappreżentant: Professor W. Cremer)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla, u sussidjarjament tiddikajara bħala kontra d-dritt tal-Unjoni, id-dikjarazzjoni ta’ volontà mhux ippubblikata u espressa oralment mill-konvenuta intiża għall-konklużjoni ta’ trattat vinkolanti għall-partijiet kontraenti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ aċċess għad-dokument tan-negozjar dwar il-partenarjat transatlantiku ta’ kummerċ u ta’ investiment (id-dokumenti msejħa TTIP) sa fejn huwa strettament ipprojbit għall-membri tal-parlamenti tal-Istati Membri li jiġu akkumpanjati minn kollaboraturi (li jkunu għaddew mill-kontrolli ta’ sigurtà) inklużi kollaboraturi tal-grupp politiku waqt il-konsultazzjoni tad-dokumenti fis-swali tal-qari TTIP imħejja għal dan il-għan (ara, għas-sistema ta’ aċċess l-Anness III tad-dokument tal-Kunsill Nru 14029/15);

    tannulla d-deċiżjoni preliminari tal-konvenuta mhux ippubblikata (espressa oralment) intiża għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ volontà ċċitata iktar ’il fuq dwar l-awtorizzazzjoni tal-ftehim (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni”) sa fejn skont din id-deċiżjoni huwa strettament ipprojbit lill-membri tal-parlamenti tal-Istati Membri li jiġu akkumpanjati minn kollaboraturi (li jkunu għaddew minn kontrolli ta’ sigurità) inklużi kollaboraturi tal-grupp politiku waqt il-konsultazzjoni tad-dokumenti fis-swali tal-qari TTIP imħejja għal dan il-għan;

    tannulla d-deċiżjoni (orali) tal-konvenuta marbuta mal-konklużjoni tat-trattat jew ftehim politiku mhux vinkolanti mal-Istati Uniti tal-Amerka fir-rigward tas-sistema ta’ aċċess TTIP u tiddefinixxi din is-sistema bħala vinkolanti fid-dritt tal-Unjoni sa fejn huwa strettament ipprojbit lill-membri tal-parlamenti tal-Istati Membri li jiġu akkumpanjati minn kollaboraturi (li jkunu għaddew minn kontrolli ta’ sigurtà) inklużi kollaboraturi tal-grupp politiku waqt il-konsultazzjoni tad-dokumenti fis-swali tal-qari TTIP imħejja għal dan il-għan.

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) TUE moqrija mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE.

    Ir-rikorrenti jaffermaw li t-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) TUE tistabbilixxi prinċipju legali oġġettiv vinkolanti għall-Unjoni u għall-istituzzjonijiet tagħha li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom bl-iktar mod miftuħ possibbli. Dan il-prinċipju tal-aħjar użu msaħħaħ bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE u intiż għall-ikbar trasparenza possibbli tal-azzjoni tal-Unjoni jista’ ċertament jitwarrab jekk fil-każ konkret dan seta’ jiġi kkontestat minn motiv ġustifikattiv fil-forma ta’ għan leġittimu tad-dritt tal-Unjoni u li r-restrizzjoni kienet xierqa, neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan inkwistjoni. Sa fejn jikkonċerna l-possibbiltà rrifjutata lill-membri parlamentari nazzjonali li jiġu akkumpanjati minn kollaboraturi tal-grupp politiku li jkunu għaddew minn kontrolli ta’ sigurità waqt l-aċċess għad-dokumenti TTIP, tali motivi ma jeżistux.

    Minbarra dan, ma jistax jiġi ġġustifikat li ċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux ikollhom aċċess għad-dokumenti TTIP hekk kif ġew ippreżentati fis-swali tal-qari.

    Hemm ksur sussegwenti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(3) TUE peress li l-mandat ta’ negozjar tat-TTIP riċevut mill-konvenuta jestendi għal persuni suġġetti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(1) TFUE moqri mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE għall-motivi ċċitati fl-ewwel motiv.


    Top