 
                Ez a dokumentum az EUR-Lex webhelyről származik.
Dokumentum 62016TJ0883
Judgment of the General Court (First Chamber, Extended Composition) of 10 September 2019.#Republic of Poland v European Commission.#Internal market in natural gas — Directive 2009/73/EC — Commission Decision approving the variation of the conditions for the exemption from EU requirements of the rules governing the operation of the OPAL pipeline in regard to third party access and tariff regulation — Article 36(1) of Directive 2009/73 — Principle of energy solidarity.#Case T-883/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal-10 ta’ Settembru 2019.
Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova r-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni mir-regoli tal-Unjoni dwar l-isfruttament tal-pipeline tal-gass OPAL li jikkonċernaw l-aċċess għal terzi u r-regolamentazzjoni tariffarja – Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73 – Prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika.
Kawża T-883/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal-10 ta’ Settembru 2019.
Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova r-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni mir-regoli tal-Unjoni dwar l-isfruttament tal-pipeline tal-gass OPAL li jikkonċernaw l-aċċess għal terzi u r-regolamentazzjoni tariffarja – Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73 – Prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika.
Kawża T-883/16.
Európai esetjogi azonosító: ECLI:EU:T:2019:567
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)
10 ta’ Settembru 2019 ( *1 )
“Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova r-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni mir-regoli tal-Unjoni dwar l-isfruttament tal-pipeline tal-gass OPAL li jikkonċernaw l-aċċess għal terzi u r-regolamentazzjoni tariffarja – Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73 – Prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika”
Fil-Kawża T‑883/16 R,
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, K. Rudzińska u M. Kawnik, bħala aġenti,
rikorrenti,
sostnuta minn
Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn I. Kucina, G. Bambāne u V. Soņeca, bħala aġenti,
u minn
Ir-Repubblika tal-Litwanja, inizjalment irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas, R. Dzikovič u R. Krasuckaitė, sussegwentement minn Dzikovič, bħala aġenti,
intervenjenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u K. Herrmann, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn T. Henze u R. Kanitz, sussegwentement minn Kanitz, bħala aġenti,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6950 finali, tat-28 ta’ Ottubru 2016, dwar ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL, mogħtija mid-Direttiva 2003/55/KE, għar-regoli relatati mal-aċċess minn terzi u mar-regolamentazzjoni tariffarja,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),
komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, V. Valančius, P. Nihoul, J. Svenningsen u U. Öberg, Imħallfin,
Reġistratur: F. Oller, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ April 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
I. Il-kuntest ġuridiku
| 1 | Id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2 p. 230), ġiet imħassra u ssostitwita mid-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94). | 
| 2 | L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73, li huwa identiku għall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55, għandu l-kontenut li ġej: “L-aċċess għal partijiet terzi 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti, għall-klijenti kollha eliġibbli, inklużi l-impriżi ta’ provvista, sistema ta’ aċċess ta’ terzi għan-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni kif ukoll l-installazzjonijiet ta’ GNL. Din is-sistema, ibbażata fuq tariffi ppubblikati, għandha tiġi applikata oġġettivament u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tan-netwerk. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ konformement mal-Artikolu 41 minn awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 39(1) u li dawk it-tariffi — u l-metodoloġiji, fejn il-metodoloġiji biss ikunu approvati — jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom. 2. L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom ikollhom aċċess għan-network ta’ operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni oħrajn, jekk dan ikun meħtieġ għall-fini tat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom inkluż f’relazzjoni ma’ trasmissjoni transkonfinali. 3. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jipprevjenu l-konklużjoni ta’ appalti fit-tul sa fejn dawn iħarsu r-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.” | 
| 3 | L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, li ssostitwixxa l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55, jaqra kif ġej: “Infrastruttura ġdida 1. Infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass, jiġifieri interkonnetturi, faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ LNG jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati, għal perijodu definit ta’ żmien, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 32, 33 u 34, u l-Artikoli 41(6), (8) u (10) taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin: 
 
 
 
 
 […] 3. L-awtorità regolatorja [nazzjonali] tista’, fejn ikun il-każ, tiddeċiedi dwar l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. […] 6. Eżenzjoni tista’ tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha tal-infrastruttura l-ġdida, jew tal-infrastruttura eżistenti b’kapaċità miżjuda b’mod sinifikanti. Meta tittieħed deċiżjoni li tingħata eżenzjoni, għandu jitqies, fuq bażi ta’ kull każ individwalment, għall-ħtieġa li jiġu imposti l-kondizzjonijiet rigward id-durata tal-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-infrastruttura. Meta tittieħed deċiżjoni rigward dawk il-kondizzjonijiet, għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-kapaċità żejda li għandha tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, il-medda ta’ żmien prevista għall-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali. […] 8. L-awtorità regolatorja għandha tibgħat lill-Kummissjoni minnufih kopja ta’ kull talba għal eżenzjoni. Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien, mill-awtorità kompetenti lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-inforazzjoni tista’ tingħata lill-Kummmissjoni fil-forma aggregata, li tippermetti lill-Kummissjoni li tilħaq deċiżjoni fuq bażi tajba. B’mod partikolari, l-informazzjoni għandu jkun fiha: 
 
 
 
 
 9. Fi żmien xahrejn mill-jum tar-riċezzjoni tan-notifika, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni li tesiġi li l-awtorità regolatorja temenda jew tirtira d-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Dak il-perijodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż b’perijodu addizzjonali ta’ xahrejn fejn il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni addizzjonali. Dak il-perijodu addizzjonali għandu jibda l-għada tar-riċezzjoni tal-informazzjoni kompleta. Il-perijodu inizjali ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż ukoll bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-awtorità regolatorja. […] L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex temenda jew tirtira d-deċiżjoni ta’ eżenzjoni fi żmien xahar, u għandha tinforma lill-Kummissjoni kif ikun meħtieġ. […]” | 
| 4 | L-Artikolu 28a(1) tal-Gesetz über die Elektrizitäts- und Gasversorgung (Energiewirtschaftsgesetz – EnWG) (il-Liġi Ġermaniża dwar il-Provvista ta’ Elettriku u ta’ Gass) tas-7 ta’ Lulju 2005 (BGBl. 2005 I, p. 1970, 3621, iktar ’il quddiem l-“EnWG”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-każ, jippermetti lill-Bundesnetzagentur (il‑BNetzA, l-Aġenzija Federali tan-Netwerks, il-Ġermanja), b’mod partikolari, li teżenta minn dispożizzjonijiet dwar l-aċċess minn terzi l-interkonnessjonijiet bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Stati oħra. Il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28a tal-EnWG jikkorrispondu, essenzjalment, ma’ dawk tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73. | 
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża
| 5 | Fit-13 ta’ Marzu 2009, il-BNetzA, l-awtorità regolatorja nazzjonali Ġermaniża, ikkomunikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej żewġ deċiżjonijiet tal-25 ta’ Frar 2009, li jeskludu l-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali tal-proġett ta’ pipeline Ostseepipeline-Anbindungsleitung (OPAL) mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ aċċess tat-terzi previsti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55 u tar-regoli tariffarji previsti mill-Artikolu 25(2) sa (4) tagħha. Il-pipeline OPAL huwa l-parti li tgħaddi mill-art, fil-Punent, tal-pipeline ta’ Nord Stream 1, li l-punt ta’ dħul tiegħu jinsab qrib il-lokalità ta’ Lubmin, qrib Greifswald, fil-Ġermanja, u l-punt ta’ ħruġ fil-lokalità ta’ Brandov, fir-Repubblika Ċeka. Iż-żewġ deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw is-sehem miżmum rispettivament miż-żewġ proprjetarji tal-pipeline OPAL. | 
| 6 | Fil-fatt, il-pipeline OPAL huwa miżmum minn WIGA Transport Beteiligungs-GmbH, Co. (iktar ’il quddiem “WIGA”, qabel W Beteiligungs-GmbH, Co. KG, preċedentement Wingas GmbH u Co. KG) li għandha sehem ta’ 80 % tal-imsemmi pipeline, u E.ON Ruhrgas AG, li għandha sehem ta’ 20 %. WIGA hija kkontrollata konġuntament minn OAO Gazprom u BASF SE. Il-kumpannija li topera l-parti tal-pipeline OPAL li tappartjeni lil WIGA hija OPAL Gastransport GmbH (iktar ’il quddiem l-“OGT”). | 
| 7 | Permezz tad-Deċiżjoni C(2009) 4694 finali (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni inizjali”) tat-12 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni talbet lill-BNetzA, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2003/55 (li sar l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2009/73), temenda d-deċiżjonijiet tagħha tal-25 ta’ Frar 2009, billi żżid fihom il-kundizzjonijiet li ġejjin: 
 
 | 
| 8 | Fis-7 ta’ Lulju 2009, il-BNetzA emendat id-deċiżjonijiet tagħha tal-25 ta’ Frar 2009 billi adattathom għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq previsti mid-Deċiżjoni inizjali. Id-deroga mir-regoli ngħatat mill-BNetzA għal perijodu ta’ 22 sena. | 
| 9 | Il-pipeline OPAL daħal fis-servizz fit-13 ta’ Lulju 2011 u għandu kapaċità ta’ madwar 36.5 biljun m3 fis-sena fuq il-parti tat-Tramuntana, bejn Greifswald u l-punt ta’ dħul ta’ Groß-Köris fin-Nofsinhar ta’ Berlin (il-Ġermanja). Min-naħa l-oħra, il-parti tan-Nofsinhar tal-pipeline OPAL, bejn Groß-Köris u l-punt ta’ ħruġ fi Brandov, għandha kapaċità ta’ 32 biljun m3 fis-sena. Id-differenza ta’ 4.5 biljuni kienet intiża li tinbiegħ fiż-żona tal-kummerċ Gaspool, li tinkludi t-Tramuntana u l-Lvant tal-Ġermanja. | 
| 10 | Bis-saħħa tad-Deċiżjoni inizjali u tad-deċiżjonijiet tal-BNetzA tal-25 ta’ Frar 2009, kif emendati bid-deċiżjonijiet tagħha tas-7 ta’ Lulju 2009, il-kapaċitajiet tal-pipeline tal-gass OPAL ġew totalment eżentati mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-aċċess irregolat tat-terzi u dwar ir-regoli tariffarji abbażi tad-Direttiva 2003/55. | 
| 11 | Fil-konfigurazzjoni teknika attwali, il-gass naturali ma jistax jiġi pprovdut fil-punt ta’ dħul tal-pipeline tal-gass qrib Greifswald ħlief permezz tal-pipeline tal-gass Nord Stream 1, użat mill-grupp Gazprom sabiex jittrasporta l-gass ta’ provenjenza minn depożiti Russi. Peress li Gazprom ma implimentatx il-programm ta’ trasferiment ta’ gass imsemmi fid-Deċiżjoni inizjali, il-50 % mhux irriżervati tal-kapaċità ta’ dan il-pipeline tal-gass qatt ma ntużaw, b’mod li 50 % biss tal-kapaċità ta’ trasport tal-pipeline tal-gass OPAL intużaw. | 
| 12 | Fit-12 ta’ April 2013, OGT, OAO Gazprom u Gazprom Eksport LLC talbu formalment lill-BNetzA temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-deroga mogħtija fl-2009. | 
| 13 | Fit-13 ta’ Mejju 2016, il-BNetzA kkomunikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, bl-intenzjoni tagħha, wara t-talba ppreżentata minn OGT, OAO Gazprom u Gazprom Eksport, li temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-deroga mogħtija fl-2009 dwar il-parti tal-pipeline OPAL operata minn OGT, billi kkonkludiet ma’ din tal-aħħar kuntratt taħt id-dritt pubbliku, li jikkostitwixxi, taħt id-dritt Ġermaniż, deċiżjoni amministrattiva. | 
| 14 | Essenzjalment, l-emenda prevista mill-BNetzA kienet tikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-limitazzjoni tal-kapaċitajiet li jistgħu jiġu rriżervati minn impriżi dominanti, imposta b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni inizjali (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), bl-obbligu, għal OGT, li toffri mill-inqas 50 % tal-kapaċità operata minnha, jiġifieri, 15864532 kWh/h (madwar 12.3 biljun m3 fis-sena) fil-kuntest ta’ rkant, li minnhom 14064532 kWh/h (madwar 10.98 biljun m3 fis-sena) fil-forma ta’ kapaċitajiet magħluqa dinamikament attribwibbli (feste dynamisch zuordenbare Kapazitäten, DZK) u 1800000 kWh/h (madwar 1.38 biljun m3 fis-sena) fil-forma ta’ kapaċitajiet magħluqa dinamikament attribwibbli (feste frei zuordenbare Kapazitäten, FZK) fil-punt tal-ħruġ ta’ Brandov. Fil-każ fejn, matul sentejn konsekuttivi, it-talba għal kapaċitajiet FZK kellha taqbeż l-offerta inizjali ta’ 1800000 kWh/h, OGT kienet marbuta, taħt ċerti kundizzjonijiet, li żżid l-offerta ta’ tali kapaċitajiet sa limitu ta’ 3600000 kWh/h (madwar 2.8 biljun m3 fis-sena). | 
| 15 | Fit-28 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni adottat, fuq il-bażi tal-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2009/73, id-Deċiżjoni C(2016) 6950 finali, dwar ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL, mogħtija bis-saħħa tad-Direttiva 2003/55, għar-regoli relatati mal-aċċess minn terzi u għar-regolamentazzjoni tariffarja (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni kkontestata”), li hija indirizzata lill-BNetzA. Il-proċedura prevista fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 tikkorrispondi ma’ dik tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55, li kkostitwixxiet il-bażi legali tad-Deċiżjoni inizjali. Id-Deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-Kummissjoni fit-3 ta’ Jannar 2017. | 
| 16 | Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabel kollox irrilevat, fil-premessi 18 sa 21 tagħha, li, minkejja li l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 ma pprevediex dispożizzjoni li tirrigwarda speċifikament il-possibbiltà li tiġi emendata deroga, bħal dik li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni inizjali, awtorizzata skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt amministrattiv kien jirriżulta li deċiżjonijiet li kellhom effett fit-tul setgħu jkunu suġġetti għal eżami mill-ġdid. Għalhekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ paralleliżmu tar-rekwiżiti formali u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, il-Kummissjoni qieset li f’dan il-każ kien xieraq li jiġi eżaminat l-abbozz ta’ emenda tad-deroga inizjali, kif sottomess mill-BNetzA, fid-dawl tal-proċedura prevista fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 għall-installazzjonijiet ġodda. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi li kellhom isegwu tali emenda, hija qieset li, fl-assenza ta’ klawżoli speċifiċi ta’ eżami mill-ġdid, il-bidliet magħmula fil-portata ta’ deroga mogħtija preċedentement jew fil-kundizzjonijiet li jirregolaw din id-deroga kellhom ikunu ġġustifikati u li, f’dan ir-rigward, żviluppi fattwali ġodda li seħħew wara d-Deċiżjoni inizjali ta’ eżenzjoni setgħu jikkostitwixxu raġuni valida sabiex isir eżami mill-ġdid tad-Deċiżjoni inizjali. | 
| 17 | Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, approvat il-modifiki tas-sistema derogatorja, previsti mill-BNetzA, bla ħsara għal ċerti emendi, jiġifieri, b’mod partikolari: 
 
 
 | 
| 18 | Fit-28 ta’ Novembru 2016, il-BNetzA emendat l-eżenzjoni mogħtija permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2009 fir-rigward tal-porzjon tal-pipeline tal-gass OPAL operat minn OGT, konformement mad-Deċiżjoni kkontestata, billi kkonkludiet ma’ din tal-aħħar kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku, li jikkostitwixxi, taħt id-dritt Ġermaniż, deċiżjoni amministrattiva. | 
III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
| 19 | Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet din il-kawża. | 
| 20 | B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet talba għal miżuri provviżorji, li ġiet miċħuda b’digriet tal-21 ta’ Lulju 2017, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T‑883/16 R, EU:T:2017:542). L-ispejjeż ġew irriżervati. | 
| 21 | Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fid-19 ta’ Jannar, fl-20 u fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li tintervjeni f’din il-proċedura, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, filwaqt li r-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Litwanja talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja. Peress li l-partijiet prinċipali ma qajmux oġġezzjonijiet, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn it-talbiet għal intervent. | 
| 22 | Ir-risposta ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Marzu 2017. | 
| 23 | Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Marzu 2017, ir-Repubblika tal-Polonja, wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, li seħħet fit-3 ta’ Jannar 2017, ippreżentat nota komplementari għar-rikors u qajmet motiv supplimentari. | 
| 24 | Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota tar-Repubblika tal-Polonja tat-13 ta’ Marzu 2017. | 
| 25 | Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fit-2 ta’ Ġunju u fil-31 ta’ Awwissu 2017. | 
| 26 | Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2017, ir-Repubblika tal-Polonja talbet, konformement mal-Artikolu 28(1) u (5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li l-kawża tintbagħat quddiem l-Awla Manja jew, tal-inqas, quddiem awla sedenti b’ħames Imħallfin. Fis-16 ta’ Frar 2018, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tipproponix li l-kawża tintbagħat quddiem l-Awla Manja u ħadet nota tal-fatt li, bis-saħħa tal-Artikolu 28(5) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kawża kienet assenjata lill-Ewwel Awla Estiża. | 
| 27 | Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-Repubblika tal-Polonja u lill-Kummissjoni jipproduċu ċerti dokumenti u jwieġbu għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub. Ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni osservaw dawn it-talbiet. | 
| 28 | It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2018. | 
| 29 | Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha: 
 
 | 
| 30 | Ir-Repubblika tal-Latvja titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha: 
 
 | 
| 31 | Ir-Repubblika tal-Litwanja titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-Deċiżjoni kkontestata. | 
| 32 | Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha: 
 
 
 | 
IV. Id-dritt
A. Fuq l-ammissibbiltà tan-nota tar-Repubblika tal-Polonja tat-13 ta’ Marzu 2017
| 33 | Ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat ir-rikors tagħha fis-16 ta’ Diċembru 2016, abbażi biss tal-istqarrija għall-istampa dwar id-Deċiżjoni kkontestata, ippubblikata mill-Kummissjoni fil-jum tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fit-28 ta’ Ottubru 2016. Id-Deċiżjoni kkontestata, min-naħa tagħha, ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Jannar 2017 fis-sit internet tal-Kummissjoni. | 
| 34 | Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li kien biss wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata fis-sit internet tal-Kummissjoni li hija setgħet tieħu konjizzjoni tal-kontenut preċiż tal-imsemmija deċiżjoni. B’hekk, kien wara li eżaminat id-Deċiżjoni kkontestata, kif ippubblikata, li hija ppreżentat, fit-13 ta’ Marzu 2017, “suppliment relatat mar-rikors” (iktar ’il quddiem in-“nota komplementari”), li fiha hija, minn naħa, ippreżentat argumenti supplimentari insostenn tal-ewwel motiv tagħha u, min-naħa l-oħra, qajmet motiv supplimentari. | 
| 35 | Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tan-nota komplementari. L-ewwel nett, hija ssostni li, permezz tar-rikors ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja eżawriet id-dritt ta’ rikors tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE billi bdiet id-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ibbażat fuq id-data li fiha tieħu konjizzjoni tal-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata u ma setgħetx tibbenefika minn terminu ġdid għall-preżentata ta’ rikors minħabba l-pubblikazzjoni ulterjuri tad-Deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-possibbiltà li “tissupplimenta” rikors ma hijiex prevista fir-Regoli tal-Proċedura, peress li motivi ġodda bbażati fuq fatti li sussegwentement jidhru jistgħu jitqajmu fir-replika, skont l-Artikolu 84(2) tar-Regoli tal-Proċedura. It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li n-nota komplementari, li tinvoka terminu ġdid għall-preżentata ta’ rikors, hija forma ta’ “rikors supplimentari”, inammissibbli minħabba lis alibi pendens, peress li, b’mod partikolari, il-preżentata tar-rikors, fis-16 ta’ Diċembru 2016, ippermettiet lir-Repubblika tal-Polonja tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż dik tal-miżuri provviżorji. | 
| 36 | Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-kawżi previsti f’dan l-artikolu għandhom jitressqu f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, mill-komunikazzjoni tiegħu lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata li fiha r-rikorrent ikun ħa konjizzjoni tiegħu. | 
| 37 | Għaldaqstant, f’dan il-każ, peress li d-Deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Jannar 2017, kien minn din id-data li beda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Konformement mal-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dan it-terminu għandu jiżdied darba b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza. Konsegwentement, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors f’din il-kawża skada fit-13 ta’ Marzu 2017. | 
| 38 | B’hekk, in-nota komplementari, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Marzu 2017, tressqet fl-aħħar jum tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu. Konsegwentement, hemm lok li tiġi ddikjarata ammissibbli. | 
| 39 | Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni. | 
| 40 | L-ewwel nett, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni li r-Repubblika tal-Polonja eżawriet id-dritt ta’ rikors tagħha billi bdiet id-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors fuq il-bażi tad-data li fiha ħadet konjizzjoni tal-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata. | 
| 41 | Fil-fatt, minn naħa, hija ġurisprudenza stabbilita li t-termini għall-preżentata ta’ rikors huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti, peress li ġew stabbiliti sabiex jiżguraw iċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u sabiex jevitaw kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 1997,Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, T‑121/96 u T‑151/96, EU:T:1997:132, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li, fil-każ fejn ir-rikorrent jippreżenta rikors qabel ma t-terminu jkun beda jiddekorri, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jsegwix li t-terminu stabbilit minn dan l-aħħar artikolu, minħabba f’hekk, jinbidel. Konsegwentement, f’dan il-każ, it-terminu għall-preżentata tar-rikors ma bediex jiddekorri fid-data tal-preżentata tar-rikors, iżda, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fid-data tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, PPG u SNF vs ECHA, C‑626/11 P, EU:C:2013:595, punti 38 u 39). | 
| 42 | Min-naħa l-oħra, id-data ta’ pubblikazzjoni ta’ stqarrija għall-istampa eventwali li tikkonstata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies li tibda d-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. B’mod partikolari, minn tali stqarrija għall-istampa li tinkludi biss sunt qasir tad-deċiżjoni inkwistjoni, ma jistax jiġi preżunt li l-qari tagħha jiswa bħala “konjizzjoni” tad-Deċiżjoni kkontestata fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. | 
| 43 | It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà li tiġi ppreżentata nota komplementari għar-rikors wara l-preżentata tiegħu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, peress li l-Unjoni Ewropea hija komunità ta’ dritt li fiha l-istituzzjonijiet huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat, il-modalitajiet proċedurali applikabbli għar-rikorsi li l-qorti tal-Unjoni tiġi adita bihom għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, b’tali mod li dawn il-modalitajiet ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-għan li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 45). | 
| 44 | Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux espressament il-possibbiltà li tiġi ppreżentata nota komplementari għar-rikors wara li jiġi ppreżentat l-imsemmi rikors ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeskludi tali possibbiltà, sakemm din in-nota komplementari għar-rikors tkun ġiet ippreżentata qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. | 
| 45 | Bl-istess mod, minkejja li l-Artikolu 84(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fil-preżenza ta’ fatt ġdid li jkun ġie żvelat matul il-proċedura, motivi ġodda jew argumenti għandhom jitqajmu waqt it-tieni skambju ta’ noti, ma jirriżultax minn din id-dispożizzjoni li, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors u qabel ma tiġi ppreżentata replika, ir-rikorrenti tipproduċi att separat sabiex tippreżenta l-motivi u l-argumenti tagħha dwar id-deċiżjoni kkontestata li tkun ġiet ippubblikata wara l-preżentata tar-rikors tagħha, dan l-att separat ikun inammissibbli. | 
| 46 | F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tirrispondi għall-motivi u għall-argumenti mqajma mir-Repubblika tal-Polonja fin-nota komplementari tagħha. Wara stedina tal-Qorti Ġenerali, hija ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota komplementari fid-9 ta’ Ġunju 2017. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li n-nota addizzjonali tiġi ddikjarata ammissibbli ma jippreġudikax il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tirrispondi għall-motivi u għall-argumenti tar-rikorrenti f’dan il-każ. | 
| 47 | Fid-dawl ta’ dak li ntqal, in-nota komplementari għar-rikors ippreżentata mir-Repubblika tal-Polonja fit-13 ta’ Marzu 2017, għaldaqstant qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, għandha tiġi ddikjarata ammissibbli. | 
B. Fuq il-mertu
| 48 | Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka sitt motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, moqri flimkien mal-Artikolu 194(1)(b) TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ solidarjetà; it-tieni, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73; it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(b) tad-Direttiva 2009/73; ir-raba’, fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(a) u (e) tad-Direttiva 2009/73; il-ħames, fuq il-ksur tal-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom hija parti l-Unjoni; u, is-sitta, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. | 
| 49 | Qabel kollox għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv. | 
1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, moqri flimkien mal-Artikolu 194(1)(b) TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ solidarjetà
| 50 | Fil-premessi 49 sa 53 tad-Deċiżjoni kkontestata, wara li fakkret li, fid-Deċiżjoni inizjali, hija waslet għall-konklużjoni li l-pipeline OPAL kien ser itejjeb is-sigurtà tal-provvista, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-modifiki tas-sistema operattiva proposti mill-BNetzA setgħux iwasslu għal evalwazzjoni differenti. Hija waslet għall-konklużjoni li dan ma kienx il-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-kapaċità addizzjonali li tista’ effettivament tintuża fuq il-pipeline Nord Stream 1, wara ż-żieda fil-kapaċità effettivament użata tal-pipeline OPAL, ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġu ssostitwiti b’mod sħiħ il-kwantitajiet ta’ gass li kienu jgħaddu sa dak iż-żmien permezz tal-pipelines Braterstwo u Yamal. | 
| 51 | Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika tal-Litwanja, issostni li d-Deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ sigurtà enerġetika kif ukoll il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika u għalhekk tmur kontra l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, moqri flimkien mal-Artikolu 194(1)(b) TFUE. Fil-fehma tagħha, l-għoti ta’ deroga ġdida dwar il-pipeline OPAL jhedded is-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-Unjoni, b’mod partikolari fl-Ewropa Ċentrali. B’mod partikolari, it-tnaqqis tat-trasport tal-gass permezz tal-pipelines Yamal u Braterstwo jista’ jwassal għal tnaqqis fis-sigurtà enerġetika tal-Polonja u jxekkel b’mod kunsiderevoli d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista tal-gass. | 
a) Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73
| 52 | Ir-Repubblika tal-Polonja tfakkar li, skont l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, deroga leġiżlattiva ma tistax tingħata favur infrastruttura tal-gass ġdida ħlief jekk l-investiment fl-infrastruttura kkonċernata jtejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-gass, kriterju li għandu, fil-fehma tagħha, jiġi interpretat b’mod koerenti fid-dawl tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (ĠU 2010, L 295, p. 1), u fid-dawl tal-għan prinċipali tal-politika enerġetika tal-Unjoni, imsemmi fl-Artikolu 194(1) TFUE, jiġifieri, li tiġi ggarantita s-sigurtà enerġetika tal-Unjoni fl-intier tagħha u tal-Istati Membri tagħha individwalment. | 
| 53 | Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tikkontesta dawn l-argumenti. | 
| 54 | Skont l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, “[l]-infrastrutturi ewlenin ġodda tal-gass, jiġifieri l-interkonnessjonijiet, jistgħu, fuq talba, jibbenefikaw għal perijodu determinat ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet [b’mod partikolari fuq l-aċċess tat-terzi], fil-kundizzjonijiet li ġejjin: a) l-investiment għandu jtejjeb il-kompetizzjoni fil-fornitura tal-gass u jtejjeb is-sigurtà tal-fornitura”. | 
| 55 | Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li dan il-kriterju huwa applikabbli f’dan il-każ għar-raġuni li d-Deċiżjoni kkontestata tagħti deroga ġdida għall-aċċess ta’ terzi. | 
| 56 | Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma approvatx l-introduzzjoni ta’ deroga ġdida, iżda l-emenda ta’ deroga eżistenti. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, bis-saħħa tad-deċiżjonijiet tal-25 ta’ Frar 2009 tal-BNetzA, kif emendati bid-deċiżjonijiet tas-7 ta’ Lulju 2009 (ara l-punti 5 u 8 iktar ’il fuq), il-kapaċitajiet ta’ trasport transkonfinali tal-pipeline OPAL kienu diġà jibbenefikaw minn deroga fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ aċċess tat-terzi previsti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55 u tar-regoli tariffarji previsti mill-Artikolu 25(2) sa (4) tagħha. Kif ġie espost fil-punti 14 u 16 iktar ’il fuq, is-sistema proposta fit-13 ta’ Mejju 2016 mill-BNetzA, kif emendata skont id-Deċiżjoni kkontestata, kienet iżżomm, bħala prinċipju, din id-deroga, u emendat il-kundizzjonijiet marbuta magħha. | 
| 57 | Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan il-kuntest, li, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, id-Deċiżjoni kkontestata ma tbiddilx id-Deċiżjoni inizjali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 36(3) tad-Direttiva 2009/73, hija l-awtorità regolatorja nazzjonali li tiddeċiedi dwar id-deroga msemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu. Għalhekk, hija l-BNetzA li ħadet id-deċiżjoni ta’ deroga tal-2009 (ara l-punti 5 u 8 iktar ’il fuq) u li, fl-2016, bidlet il-kundizzjonijiet ta’ din id-deroga, meta kkonkludiet kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku ma’ OGT (ara l-punt 18 iktar ’il fuq). Fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni sempliċement eżerċitat is-setgħa ta’ stħarriġ mogħtija lilha mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2003/55 u sussegwentement mill-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2009/73, billi talbet lill-BNetzA tagħmel tibdil fid-deċiżjonijiet tagħha. Id-Deċiżjoni inizjali u d-Deċiżjoni kkontestata għalhekk kienu jikkostitwixxu żewġ deċiżjonijiet indipendenti li kull waħda minnhom ippronunzjat ruħha dwar miżura prevista mill-awtoritajiet Ġermaniżi, jiġifieri, minn naħa, id-deċiżjonijiet tal-BNetzA tal-25 ta’ Frar 2009 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, il-kuntratt taħt id-dritt pubbliku kkomunikat fit-13 ta’ Mejju 2016 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), li jikkostitwixxu deċiżjoni amministrattiva. | 
| 58 | Fir-rigward tal-kriterju dwar it-titjib tas-sigurtà tal-provvista, mill-kliem tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li ma hijiex id-deroga mitluba iżda l-investiment li għandu jissodisfa dan il-kriterju — jiġifieri, f’dan il-każ, il-kostruzzjoni tal-pipeline OPAL. Konsegwentement, kien fil-mument tad-Deċiżjoni inizjali li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiżgura li l-investiment prospettat kien jissodisfa dan il-kriterju. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li teżamina l-imsemmi kriterju fil-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata, li kien sempliċement qed japprova bidla fil-kundizzjonijiet li magħhom kienet marbuta d-deroga. Fil-fatt, peress li ebda investiment ġdid ma kien prospettat f’dan l-istadju u t-tibdil tal-kundizzjonijiet tal-operat, propost mill-BNetzA, ma kienx ser ibiddel il-pipeline tal-gass OPAL bħala infrastruttura, din il-kwistjoni fl-2016 ma setgħetx tirċievi risposta oħra ħlief fl-2009. | 
| 59 | Issa, il-fatt li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet eżami mhux meħtieġ mil-leġiżlazzjoni applikabbli ma jistax iwassal lill-qorti tal-Unjoni tistħarreġ din id-deċiżjoni, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiemha, fid-dawl ta’ kriterju mhux previst mil-liġi. | 
| 60 | Għaldaqstant, l-ewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. | 
b) Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 194(1) TFUE
| 61 | Fir-rigward tal-Artikolu 194(1) TFUE, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika tal-Litwanja, tenfasizza li l-prinċipju ta’ solidarjetà li jissemma fih huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-politika enerġetika. Fil-fehma tagħha, dan il-prinċipju jobbliga kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jimplimentaw il-politika enerġetika tal-Unjoni fi spirtu ta’ solidarjetà. B’mod partikolari, il-miżuri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jikkompromettu s-sigurtà enerġetika ta’ ċerti reġjuni jew ta’ ċerti Stati Membri, inkluża s-sigurtà tal-provvista tal-gass tagħhom, imorru kontra l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika. | 
| 62 | Ir-Repubblika tal-Polonja tesponi li d-Deċiżjoni kkontestata tippermetti lil Gazprom u lill-entitajiet tal-grupp Gazprom jerġgħu jindirizzaw fis-suq tal-Unjoni volumi supplimentari ta’ gass billi jużaw b’mod sħiħ il-kapaċitajiet tal-pipeline Nord Stream 1. Fid-dawl tal-assenza ta’ tkabbir notevoli fid-domanda ta’ gass naturali fl-Ewropa ċentrali, dan ikollu biss bħala konsegwenza possibbli influwenza fuq il-kundizzjonijiet ta’ provvista u ta’ użu tas-servizzi ta’ trasport fuq il-pipelines tal-gass kompetituri ta’ OPAL, jiġifieri l-pipelines Braterstwo u Yamal, taħt forma ta’ tnaqqis jew saħansitra ta’ interruzzjoni kompleta tat-trasport tal-gass permezz ta’ dawn iż-żewġ pipelines. | 
| 63 | L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tibża’ li tali limitazzjoni jew interruzzjoni tat-trasport mill-pipeline Braterstwo jkollha l-effett li tirrendi impossibbli ż-żamma tal-provvista fit-territorju tal-Polonja permezz ta’ dan il-pipeline mill-Ukraina, fatt li jwassal għal impossibbiltà li tiġi ggarantita l-kontinwità tal-provvista lill-klijenti fit-territorju tal-Polonja, bil-konsegwenzi li ġejjin, li apparentement ma ġewx eżaminati mill-Kummissjoni: 
 
 
 | 
| 64 | It-tieni nett, fid-dawl tat-tmiem fl-2020 tal-kuntratt ta’ trasport ta’ gass permezz tal-pipeline Yamal lejn l-Ewropa tal-Punent, segwit mit-tmiem fl-2022 tal-kuntratt ta’ provvista ta’ gass lejn il-Polonja permezz ta’ dan l-istess pipeline, ir-Repubblika tal-Polonja tibża’ li jkun hemm riskju ta’ tnaqqis jew anki ta’ interruzzjoni kompleta tal-provvista ta’ gass permezz tal-pipeline Yamal, li jkollha effetti negattivi fuq: 
 
 
 | 
| 65 | Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. B’mod partikolari, hija ssostni li s-solidarjetà enerġetika hija kunċett politiku li jinsab fil-komunikazzjonijiet u fid-dokumenti tagħha, filwaqt li d-Deċiżjoni kkontestata kellha tissodisfa l-kriterji legali stabbiliti fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73. Fil-fehma tagħha, essenzjalment, il-prinċipju ta’ solidarjetà bejn Stati Membri, stabbilit fl-Artikolu 194(1) TFUE, minn naħa, huwa indirizzat lil-leġiżlatur u mhux lill-amministrazzjoni li tapplika l-leġiżlazzjoni u, min-naħa l-oħra, jikkonċerna biss is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi ta’ provvista jew ta’ funzjonament tas-suq intern tal-gass, filwaqt li d-Direttiva 2009/73 tistabbilixxi l-prinċipji dwar il-funzjonament normali ta’ dan is-suq. Fi kwalunkwe każ, il-kriterju ta’ titjib fis-sigurtà tal-provvista, stabbilit fl-Artikolu 36(1) tal-imsemmija direttiva, li hija eżaminat fid-Deċiżjoni kkontestata, jista’ jitqies li jieħu inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ solidarjetà enerġetika. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-pipeline Nord Stream 1 huwa proġett irrikonoxxut ta’ interess komuni li jikkostitwixxi t-twettiq ta’ proġett prijoritarju ta’ interess komuni Ewropew previst mid-Deċiżjoni 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, li tistabbilixxi linji gwida dwar in-netwerks trans‑Ewropej u li tħassar id-Deċiżjoni 96/391/KE u d-Deċiżjoni 1229/2003/KE (ĠU 2006, L 262, p. 1), u li l-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata tista’ tippermetti li jiżdied l-użu ta’ tali infrastruttura huwa konformi mal-interessi komuni u Ewropej. | 
| 66 | Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta li l-bidla fis-sistema operattiva tal-pipeline OPAL, approvata mid-Deċiżjoni kkontestata, tista’ tippreġudika s-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant b’mod ġenerali jew b’mod partikolari tal-Polonja. | 
1) Fuq il-portata tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika
| 67 | L-Artikolu 194(1) TFUE jgħid hekk: “Fil-kuntest ta’ l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b’ kont meħud tal-ħtieġa ta’ preservazzjoni u titjib ta’ l-ambjent, il-politika ta’ l-Unjoni fil-qasam ta’ l-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri: tassigura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija; tassigura s-sigurtà tal-provvista ta’ l-energija fl-Unjoni; 
 tippromwovi l-interkonnessjoni ta’ netwerks ta’ l-enerġija.” | 
| 68 | Din id-dispożizzjoni, li ġiet introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona, daħħlet fit-Trattat FUE bażi legali espressa għall-politika tal-Unjoni fil-qasam enerġetiku li qabel kienet tistrieħ, b’mod partikolari, fuq dak li kien l-Artikolu 95 KE, relatat mat-twettiq tas-suq intern (li sar l-Artikolu 114 TFUE). | 
| 69 | L-“[i]spirtu ta’ solidarjetà” msemmi fl-Artikolu 194(1) TFUE huwa l-espressjoni speċifika, f’dan il-qasam, tal-prinċipju ġenerali ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, imsemmi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 2 TUE, fl-Artikolu 3(3) TUE u fl-Artikolu 24(2) u (3) TUE, kif ukoll fl-Artikolu 122(1) TFUE u fl-Artikolu 222 TFUE. Dan il-prinċipju huwa l-fundament tas-sistema kollha tal-Unjoni, konformement mal-impenn stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 1969, Il-Kummissjoni vs Franza, 6/69 u 11/69, mhux ippubblikata, EU:C:1969:68, punt 16). | 
| 70 | Fir-rigward tal-kontenut tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ solidarjetà jinkludi drittijiet u obbligi kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri. Minn naħa, l-Unjoni hija marbuta b’obbligu ta’ solidarjetà fir-rigward tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligu ta’ solidarjetà bejniethom u fir-rigward tal-interess komuni tal-Unjoni u tal-politiki mwettqa minnha. | 
| 71 | Fil-kuntest tal-politika fil-qasam enerġetiku, din timplika, b’mod partikolari, obbligi ta’ assistenza reċiproka fil-każ fejn, wara pereżempju katastrofi naturali jew atti ta’ terroriżmu, Stat Membru jkun jinsab f’sitwazzjoni kritika jew fi stat ta’ emerġenza, fir-rigward tal-provvista tiegħu tal-gass. Madankollu, kontra dak li ssostni l-Kummissjoni, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma jistax jiġi llimitat għal sitwazzjonijiet straordinarji bħal dawn, li jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni — kompetenza implimentata, fid-dritt derivat, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 994/2010 (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2017, dwar miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali u li jħassar ir-Regolament Nru 994/2010 (ĠU 2017, L 280, p. 1)). | 
| 72 | Għall-kuntrarju, il-prinċipju ta’ solidarjetà jinvolvi wkoll obbligu ġenerali, min-naħa tal-Unjoni u tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-partijiet l-oħra. | 
| 73 | Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-politika tal-Unjoni fil-qasam enerġetiku, dan jimplika li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu kollu tagħhom, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom taħt din il-politika, li jevitaw li jieħdu miżuri li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni u tal-Istati Membri l-oħra, fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, tal-vijabbiltà ekonomika u politika tagħha u tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista jew tal-provvista, u dan sabiex jassumu l-interdipendenza u s-solidarjetà tagħhom fil-fatt. | 
| 74 | Fil-kuntest tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73, dawn il-kunsiderazzjonijiet jimmanifestaw ruħhom, b’mod partikolari, fil-kunċetti ta’ “funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass naturali” u ta’ “funzjonament effettiv tas-sistema regolata li l-infrastruttura hija mqabbda magħha”, stabbiliti fl-inċiż (e) tal-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr madankollu ma huma limitati għalihom. | 
| 75 | F’dan ir-rigward, hekk kif fakkar il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 4 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ April 2013, dwar il-linji gwida għall-infrastrutturi tal-enerġija trans-Ewropej, u li tħassar id-Deċiżjoni 1364/2006/KE u li temenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU 2013, L 115, p. 39), il-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 enfasizza l-ħtieġa li jiġu mmodernizzati u żviluppati l-infrastrutturi tal-enerġija tal-Ewropa u li jiġu konnessi n-netwerks lil hinn mill-fruntieri, sabiex jirrendi effettiva s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, li jiġu pprovduti mezzi ta’ provvista jew ta’ tranżitu u sorsi enerġetiċi rinnovabbli u li jiġu żviluppati sorsi enerġetiċi li jiġġeddu flimkien mas-sorsi enerġetiċi tradizzjonali. Saret enfasi li ebda Stat Membru ma għandu jibqa’ iżolat min-netwerks Ewropej tal-gass u tal-elettriku wara l-2015, jew li jara s-sigurtà enerġetika tiegħu tiġi pperikolata minħabba nuqqas ta’ konnessjonijiet xierqa. | 
| 76 | Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument, imressaq mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li, essenzjalment, billi ammetta li l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73 jimplimenta l-prinċipju ta’ solidarjetà stabbilit fl-Artikolu 194(1) TFUE, il-Kummissjoni debitament ħadet inkunsiderazzjoni dan il-prinċipju bis-sempliċi fatt li eżaminat il-kriterji previsti fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73. | 
| 77 | B’dan, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma jfissirx li l-politika tal-Unjoni fil-qasam enerġetiku ma għandha fl-ebda każ ikollha effetti negattivi għall-interessi partikolari ta’ Stat Membru fil-qasam enerġetiku. Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-imsemmija politika, l-interessi kemm tal-Unjoni kif ukoll tad-diversi Stati Membri u jibbilanċjaw dawn l-interessi fil-każ ta’ kunflitti. | 
| 78 | Fid-dawl ta’ din il-portata tal-prinċipju ta’ solidarjetà, hija l-Kummissjoni, fil-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata, li għandha tevalwa jekk il-bidla fis-sistema operattiva tal-pipeline OPAL, proposta mill-awtorità regolatorja Ġermaniża, setgħetx taffettwa l-interessi fil-qasam enerġetiku ta’ Stati Membri oħra u, fl-affermattiv, li dawn l-interessi jiġu bbilanċjati mal-interess li l-imsemmija bidla tfisser għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u, jekk ikun il-każ, l-Unjoni. | 
2) Fuq il-kwistjoni jekk id-Deċiżjoni kkontestata tiksirx il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika
| 79 | Għandu jiġi kkonstatat li l-eżami msemmi fil-punt 78 iktar ’il fuq huwa nieqes fid-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mhux biss il-prinċipju ta’ solidarjetà ma huwiex imsemmi fid-Deċiżjoni kkontestata, iżda din ma turix li l-Kummissjoni, fil-fatt, wettqet eżami ta’ dan il-prinċipju. | 
| 80 | Huwa minnu li, fil-punt 4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata (premessi 48 sa 53), il-Kummissjoni għamlet osservazzjonijiet dwar il-kriterju ta’ titjib fis-sigurtà tal-provvista. B’hekk, wara riferiment għall-eżami ta’ dan il-kriterju mwettaq fil-kuntest tad-Deċiżjoni inizjali, fejn hija kienet ikkonkludiet li dan il-kriterju kien issodisfatt, hija kkonstatat li l-proposta li ġiet ippreżentata lilha mill-BNetzA ma kinitx tbiddel din il-konklużjoni. | 
| 81 | Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li kemm l-eżami li jinsab fid-Deċiżjoni inizjali kif ukoll l-eżami komplementari fid-Deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw biss l-effett tat-tħaddim u taż-żieda tal-kapaċità effettivament użata tal-pipeline OPAL fuq is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni b’mod ġenerali. B’hekk, il-Kummissjoni esponiet b’mod partikolari, fil-punt 4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, minn naħa, li d-disponibbiltà ta’ kapaċitajiet addizzjonali ta’ trasport mal-fruntiera Ġermano-Ċeka kienet ta’ benefiċċju għar-reġjuni kollha aċċessibbli minn dan il-post minn infrastrutturi eżistenti jew futuri u, min-naħa l-oħra, li l-kapaċità supplimentari ma kinitx tippermetti s-sostituzzjoni sħiħa ta’ mezzi oħra ta’ tranżitu. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ma wettqitx eżami tal-effetti tal-bidla fis-sistema operattiva tal-pipeline OPAL fuq is-sigurtà tal-provvista tal-Polonja. | 
| 82 | It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-aspetti iktar wiesgħa tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma humiex indirizzati fid-Deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, ma jidhirx li l-Kummissjoni eżaminat x’setgħu jkunu l-konsegwenzi, fi żmien medju, b’mod partikolari għall-politika fil-qasam enerġetiku tar-Repubblika tal-Polonja, tat-trasferiment lejn it-triq ta’ tranżitu Nord Stream 1/OPAL ta’ parti mill-volumi ta’ gass naturali ttrasportati mill-pipelines Yamal u Braterstwo, u lanqas li hija bbilanċjat dawn l-effetti maż-żieda fis-sigurtà ta’ provvista fuq livell tal-Unjoni, ikkonstatata minnha. | 
| 83 | F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, kif ifformulat fl-Artikolu 194(1) TFUE. | 
| 84 | Konsegwentement, l-ewwel motiv imqajjem mir-Repubblika tal-Polonja għandu jintlaqa’ sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur ta’ dan il-prinċipju. | 
| 85 | Jirriżulta minn dak li ntqal li r-rikors għandu jintlaqa’ u li d-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. | 
2. Fuq il-motivi l-oħrajn
| 86 | Peress li d-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata abbażi tal-ewwel motiv, ma hemmx iktar lok li l-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra mqajma mir-Repubblika tal-Polonja. | 
V. Fuq l-ispejjeż
| 87 | Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż skont it-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja. | 
| 88 | Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu f’kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. | 
| Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: | 
| 
 | 
| 
 | 
| 
 | 
| Pelikánová Valančius Nihoul Svenningsen Öberg Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Settembru 2019. Firem | 
Werrej
| I. Il-kuntest ġuridiku | |
| II. Il-fatti li wasslu għall-kawża | |
| III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet | |
| IV. Id-dritt | |
| A. Fuq l-ammissibbiltà tan-nota tar-Repubblika tal-Polonja tat-13 ta’ Marzu 2017 | |
| B. Fuq il-mertu | |
| 1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, moqri flimkien mal-Artikolu 194(1)(b) TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ solidarjetà | |
| a) Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73 | |
| b) Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 194(1) TFUE | |
| 1) Fuq il-portata tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika | |
| 2) Fuq il-kwistjoni jekk id-Deċiżjoni kkontestata tiksirx il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika | |
| 2. Fuq il-motivi l-oħrajn | |
| V. Fuq l-ispejjeż | 
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.