This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CN0421
Case C-421/16: Request for a preliminary ruling from the Conseil d’État (France) lodged on 28 July 2016 — Ministre des finances et des comptes publics v Marc Lassus
Kawża C-421/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-28 ta’ Lulju 2016 – Ministre des finances et des comptes publics vs Marc Lassus
Kawża C-421/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-28 ta’ Lulju 2016 – Ministre des finances et des comptes publics vs Marc Lassus
ĠU C 392, 24.10.2016, p. 9–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 392/9 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-28 ta’ Lulju 2016 – Ministre des finances et des comptes publics vs Marc Lassus
(Kawża C-421/16)
(2016/C 392/12)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Ministre des finances et des comptes publics
Konvenut: Marc Lassus
Domandi preliminari
1) |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 90/434/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990 (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu, fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, mekkaniżmu ta’ differiment tat-taxxa li, b’deroga mir-regola li l-fatt li jiġġenera t-tassazzjoni ta’ qligħ kapitali jseħħ fis-sena li fih isir dan il-qligħ, qligħ kapitali fuq l-iskambju huwa kkonstatat u mħallas mat-tranżazzjoni ta’ skambju ta’ titoli u huwa intaxxat fis-sena li fih iseħħ l-avveniment li jtemm id-differiment tat-taxxa, li jista’ jkun b’mod partikolari t-trasferiment ta’ titoli riċevuti fil-mument tal-iskambju? |
2) |
Anki jekk jiġi preżunt li huwa taxxabbli, qligħ kapitali fuq l-iskambju jista’ jiġi intaxxat mill-Istat li għandu s-setgħa li jintaxxa fil-mument tat-tranżazzjoni ta’ skambju, minkejja li t-trasferiment tat-titoli riċevuti fl-okkażjoni ta’ dan l-iskambju taqa’ taħt il-kompetenza fiskali ta’ Stat Membru ieħor? |
3) |
Fil-każ li r-risposta għad-domandi preċedenti tkun li d-Direttiva ma tipprekludix li l-qligħ kapitali li jirriżulta minn skambju ta’ titoli huwa intaxxat fil-mument tat-trasferiment ulterjuri tat-titoli riċevuti fil-mument tal-iskambju, inkluż meta ż-żewġ tranżazzjonijiet ma jaqgħux taħt il-kompetenza fiskali tal-istess Stat Membru, jista’ l-Istat Membru li fih il-qligħ kapitali fuq l-iskambju ġie ddifferit jintaxxa l-qligħ kapitali ddifferit fil-mument ta’ dan it-trasferiment, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali dwar it-taxxa doppja applikabbli, irrispettivament mir-riżultat tat-trasferiment meta dan ir-riżultat huwa wieħed ta’ telf? Din id-domanda hija magħmula kemm fir-rigward tad-Direttiva tat-23 ta’ Lulju 1990 kif ukoll fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantit mill-Artikolu 43 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, meta persuna taxxabbli residenti għall-finijiet tat-taxxa fi Franza fil-mument tat-tranżazzjoni ta’ skambju u fil-mument tat-tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ titoli tkun tista’ tibbenefika, fiċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 4 ta’ din id-deċiżjoni, minn kreditu ta’ taxxa fuq it-telf li jirriżulta mit-trasferiment. |
4) |
Fil-każ li r-risposta għad-domanda 3 tkun li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf fuq it-trasferiment tat-titoli riċevuti fil-mument tal-iskambju, l-Istat Membru fejn sar il-qligħ kapitali fuq l-iskambju għandu jnaqqas dan it-telf li jirriżulta mit-trasferiment mill-qligħ kapitali jew għandu, peress li t-trasferiment ma jaqax taħt il-kompetenza fiskali tiegħu, jirrinunzja milli jintaxxa l-qligħ kapitali fuq l-iskambju? |
5) |
Fil-każ li r-risposta għad-domanda 4 tkun li hemm lok li t-telf li jirriżulta mit-trasferiment għandu jitnaqqas mill-qligħ kapitali fuq l-iskambju, liema prezz għandu jinżamm għall-akkwist tat-titoli ttrasferiti sabiex jiġi kkalkolat dan it-telf li jirriżulta mit-trasferiment? B’mod partikolari, hemm lok li jintuża bħala l-prezz tal-akkwist għal kull unità għat-titoli ttrasferiti l-valur totali tat-titoli fil-kumpannija riċevuti fl-iskambju, hekk kif indikat fid-dikjarazzjoni ta’ qligħ kapitali, diviż bin-numru ta’ dawn it-titoli riċevuti fil-mument tal-iskambju, jew għandu jintuża prezz tal-akkwist medju ponderat, li jinkludi wkoll tranżazzjonijiet li jseħħu wara l-iskambju, bħal akkwisti oħra ulterjuri jew distribuzzjoni b’xejn ta’ titoli tal-istess kumpannija? |
(1) Direttiva tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142).