Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0187

    Kawża C-187/16: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

    ĠU C 191, 30.5.2016, p. 22–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 191/22


    Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

    (Kawża C-187/16)

    (2016/C 191/27)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Tokár, B.-R. Killmann, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

    Talbiet

    1.

    tiddikjara li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 u 56 TFUE jew taħt l-Artikolu 4 flimkien mal-Artikoli 11 sa 37 tad-Direttiva 92/50/KEE (1) kif ukoll l-Artikoli 14, 20 u 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18/KE (2),

    li tat direttament kuntratti għal servizzi għall-produzzjoni ta’ dokumenti partikolari bħal passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti ta’ identità, permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar, liċenzji tas-sewqan fil-forma ta’ kard bankarja u ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-forma ta’ kard bankarja, taħt jew ogħla mil-livell applikabbli għad-Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE fil-perijodu qabel u wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE lil Österreichische Staatsdruckerei GmbH, u

    iżżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tal-liġi federali dwar ir-riorganizzazzjoni tar-relazzjonijiet tal-Österreichische Staatsdruckerei, li jobbligaw lill-awtoritajiet kontraenti li jagħtu dawn il-kuntratti għal servizzi esklużivament lil Österreichische Staatsdruckerei GmbH;

    2.

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

    Österreichische Staatsdruckerei GmbH hija impriża pubblika.

    Id-dritt Awstrijak jirrikjedi li l-produzzjoni tad-dokumenti kollha li jeħtieġu l-osservanza tal-kunfidenzjalità jew l-osservanza ta’ regoli relatati mas-sigurtà tingħata esklużivament lil Österreichische Staatsdruckerei GmbH.

    L-awtoritajiet kontraenti Awstrijaċi kienu għalhekk taw il-kuntratti għal servizzi għall-produzzjoni ta’ passaporti biċ-ċipp, passaporti ta’ emerġenza, permessi ta’ residenza, karti ta’ identità, liċenzji tas-sewqan fil-forma ta’ kard bankarja, ċertifikati ta’ reġistrazzjoni fil-forma ta’ kard bankarja u permessi għal wirjiet ta’ logħob tan-nar lil Österreichische Staatsdruckerei GmbH.

    L-awtoritajiet kontraenti Awstrijaċi madankollu kienu obbligati li jagħtu l-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti lil impriżi li kienu ntagħżlu fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ għoti li kienu jikkonformaw kemm mar-rekwiżiti tad-Direttiva 92/50/KEE u tad-Direttiva 2004/18/KE jew kienu ġew irreklamati suffiċjentement lill-pubbliku skont it-TFUE.

    B’dan il-mod, billi l-awtoritajiet kontraenti Awstrijaċi taw il-produzzjoni ta’ dawn il-kuntratti lil Österreichische Staatsdruckerei GmbH mingħajr ma implementaw proċeduri ta’ għoti, u abbażi tad-dritt nazzjonali kienu obbligati li jagħtu l-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti esklużivament lil Österreichische Staatsdruckerei GmbH, l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni.


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).

    (2)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).


    Top