EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0184

Kawża C-184/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Greċja) fl-1 ta’ April 2016 – Ovidiu-Mihaita Petrea vs Ypourgos Esoterikon kai Dioikitikis Anasygrotisis

ĠU C 211, 13.6.2016, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 211/33


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Greċja) fl-1 ta’ April 2016 – Ovidiu-Mihaita Petrea vs Ypourgos Esoterikon kai Dioikitikis Anasygrotisis

(Kawża C-184/16)

(2016/C 211/43)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Ovidiu-Mihaita Petrea

Konvenut: Ypourgos Esoterikon kai Dioikitikis Anasygrotisis

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 27 u 32 tad-Direttiva 2004/38/KE (1), interpretati fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE – b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba – għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma awtorizzati r-revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni preċedentement maħruġ, skont l-Artikolu 8(1) tad-Digriet Presidenzjali Nru 106/2007, lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, kif ukoll l-adozzjoni mill-Istat ospitanti, fil-konfront ta’ dan l-individwu, ta’ miżura ta’ ritorn, fil-każ fejn, minkejja l-fatt li kien ġie rreġistrat fir-reġistru nazzjonali tal-barranin mhux mixtieqa meta kienet ittieħdet kontrih miżura ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, l-individwu reġa’ daħal fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni u beda attività kummerċjali mingħajr ma segwa l-proċedura – prevista fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38/KE – li tikkonsisti fit-talba għat-tneħħija tal-ordni ta’ tkeċċija, meta din l-ordni ta’ tkeċċija kienet imposta għal raġuni awtonoma ta’ ordni pubbliku li tiġġustifika r-revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti: dan il-każ huwa identiku għal każ ta’ residenza irregolari ta’ ċittadin ta’ Stat Membru fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, fatt li jippermetti l-adozzjoni – skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115/KE (2) – ta’ deċiżjoni ta’ ritorn mill-awtorità kompetenti għar-revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, minkejja l-fatt li, minn naħa, bħal ma huwa komunament ammess, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma jikkostitwixxix permess ta’ residenza validu fil-pajjiż u, min-naħa l-oħra, biss iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2008/115/KE?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din l-istess domanda: meta l-awtoritajiet nazzjonali, li jkunu qegħdin jaġixxu fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tal-Istat Membru ospitanti jirrevokaw għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, ċertifikat li ma jikkostitwixxix permess ta’ residenza validu fil-pajjiż, u jimponu simultanjament fuq dan l-individwu miżura ta’ ritorn, hemm lok li jitqies li, skont klassifikazzjoni ġuridika korretta, dan huwa att amministrattiv wieħed u uniku ta’ tneħħija amministrattiva skont l-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38/KE suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jistabbilixxu proċedura potenzjalment esklużiva ta’ tneħħija amministrattiva ta’ ċittadini tal-Unjoni mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi preċedenti: il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi prassi ġurisprudenzjali nazzjonali li tipprojbixxi lill-awtoritajiet amministrattivi u, sussegwentement, lill-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni aditi bit-tilwima, milli jeżaminaw – fil-kuntest tar-revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni jew fil-kuntest tal-adozzjoni mill-Istat Membru ospitanti ta’ miżura ta’ tneħħija mmotivata mill-eżistenza ta’ ordni ta’ tkeċċija fil-konfront taċ-ċittadin tal-Istat Membru l-ieħor – sa fejn ġew osservati l-garanziji proċedurali tal-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija,

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti: l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38/KE inissel fir-rigward tal-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Istat Membru l-obbligu li jinnotifikaw liċ-ċittadin ikkonċernat ta’ Stat Membru ieħor, fil-każijiet kollha u irrispettivament minn jekk il-persuna kkonċernata titlobx dan jew le, id-deċiżjoni tat-tneħħija tiegħu f’lingwa li huwa jifhem, sabiex huwa jkun jista’ jeżerċita b’mod effikaċi d-drittijiet proċedurali mogħtija mill-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva?


(1)  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5. Vol. 5, p. 46).

(2)  Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).


Top