EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0042

Kawża C-42/16: Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2016 – Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika tal-Finlandja

ĠU C 118, 4.4.2016, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 118/12


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2016 – Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika tal-Finlandja

(Kawża C-42/16)

(2016/C 118/15)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Hottiaux u I. Koskinen)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Finlandja

Talbiet

tikkonstata li, billi ħarġet duplikati ta’ liċenzji tas-sewqan li l-perijodu ta’ validità amministrattiva tagħhom jiskadi fit-18 ta’ Jannar 2033, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1 u taħt l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2006/126/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan, u li, billi ma aderixxietx man-netwerk tal-liċenzji tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(5)(d) ta’ din l-istess direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Finlandja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Wieħed mill-għanijiet prinċipali tad-Direttiva 2006/126/KE huwa li ssaħħaħ il-livell ta’ sigurtà tal-liċenzji tas-sewqan. It-termini previsti f’din id-direttiva jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ dan l-għan u għall-użu tal-metodi l-iktar riċenti sabiex tiġi evitata l-falsifikazzjoni tal-liċenzji tas-sewqan u sabiex l-għanijiet fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq imfittxija mid-direttiva jintlaħqu. Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/123/KE, il-liċenzja tas-sewqan nazzjonali għandha tiġi introdotta bbażata fuq il-mudell Komunitarju li jinsab fl-Anness I. L-Artikolu 7(1) tad-direttiva jiddefinixxi r-rekwiżiti applikabbli għal-liċenzji tas-sewqan u l-Artikolu 7(2) jistabbilixxi l-perijodu ta’ validità amministrattiva tal-liċenzji maħruġa mid-19 ta’ Jannar 2013. Fil-Finlandja, il-perijodu ta’ validità amministrattiva tad-duplikati tal-liċenzji maħruġa wara d-19 ta’ Jannar 2013 jista’ jkun itwal minn dak awtorizzat mill-Artikolu 7(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2006/126/KE.

Skont l-Artikolu 7(5)(d) tad-Direttiva 2006/126/KE, l-Istati Membri għandu jużaw in-netwerk tal-liċenzji tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea minn meta dan isir operattiv. Dan in-netwerk tal-liċenzja tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea (RESPER) inħoloq u sar operattiv fid-19 ta’ Jannar 2013. Peress li l-Finlandja ma aderixxietx man-netwerk tal-liċenzji tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea (RESPER), huwa impossibbli għaliha li tivverifika fin-netwerk jekk il-kriterji ta’ għoti ta’ liċenzja humiex issodisfatti. L-Istati Membri l-oħra ma jistgħux jivverifikaw, b’kollaborazzjoni mal-Finlandja, l-osservanza tal-kriterji ta’ għoti ta’ liċenzja, u lanqas ma jistgħu jiskambjaw data mal-Finlandja. Għaldaqstant, għadu impossibbli li jsir skambju tad-data mal-Finlandja permezz tan-netwerk Ewropew kif jipprevedi l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/126/KE.


(1)  ĠU L 403, p. 18.


Top