EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0684

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Novembru 2018.
Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften eV vs Tetsuji Shimizu.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali mħallas – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-telf ta’ leave annwali mhux meħud u tal-kumpens finanzjarju għal tali leave, meta ma tkunx saret talba għal leave mill-ħaddiem qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2) – Invokabbiltà fil-kuntest ta’ tilwima bejn persuni privati.
Kawża C-684/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:874

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Dritt għal-leave annwali mħallas – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-telf ta’ leave annwali mhux meħud u tal-kumpens finanzjarju għal tali leave, meta ma tkunx saret talba għal leave mill-ħaddiem qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Article 31(2) – Invokabbiltà fil-kuntest ta’ tilwima bejn persuni privati”

Fil-Kawża C‑684/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften eV

vs

Tetsuji Shimizu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, J.‑C. Bonichot, A. Prechal (Relatur), M. Vilaras, T. von Danwitz, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský, E. Levits, L. Bay Larsen u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften eV, minn J. Röckl, Rechtsanwalt,

għal T. Shimizu, minn N. Zimmermann, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn E. Sebestyén u Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u T. S. Bohr, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften eV (iktar ’il quddiem “Max-Planck”) u Tetsuji Shimizu, wieħed mill-ex impjegati tagħha, dwar ir-rifjut ta’ Max-Planck li tħallsu kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Ir-raba’ premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat‑23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197) kienet tistabbilixxi:

“Billi l-Karta Komunitarja tad-drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata mill-Kapijiet ta’ l-Istat jew tal-Gvern tal‑11‑il Stat Membru, fil-laqgħa tagħhom tal-Kunsill Ewropew, miżmuma fis-Strasburgu fid‑9 ta’ Diċembru 1989 tiddikjara, partikolarment […] fil-[punt] 8 […]:

‘[…]

8.

Kull ħaddiem fil-Komunità Ewropea għandu jkollu dritt għal perjodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u għall-leave annwali mħallas, li d-dewmien tiegħu ikun armonizzat progressivament permezz ta’ prattiċi nazzjonali.

[…]’”

4

Kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, id-Direttiva 2003/88, li ħassret id-Direttiva 93/104, ikkodifikat id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar.

5

Skont il-premessi 4 sa 6 tad-Direttiva 2003/88:

“(4)

It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.

(5)

Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan. Il-kunċett ta’ ‘serħan’ għandu jkun espress f’unitajiet ta’ ħin, i.e. f’jiem, f’sigħat u/jew frazzjonijiet tagħhom. Il-ħaddiema tal-[Unjoni] għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa, u waqfien adekwati. […]

(6)

Akkont għandu jittieħed tal-prinċipji ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inklużi dawk relatati max-xogħol ta’ bil-lejl.”

6

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li jirriproduċi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/104 b’termini identiċi, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali mħallas għall-anqas għal erba’ ġimgħat bi qbil mal-kundizzjonijiet tal-intitolament għal, u l-għotja ta’, dan il-leave stipulat mil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika.

2.   Il-perjodu minimu tal-leave annwali mħallas ma’ jistax ikun mibdul b’benefiċċju in lieu, sakemm ir-relazzjoni tax-xogħol ma tkunx terminata.”

7

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tagħha. Madankollu, ma hija permessa ebda deroga fir-rigward tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

Id-dritt Ġermaniż

8

L-Artikolu 7 tal-Bundesurlaubsgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Leave) tat‑8 ta’ Jannar 1963 (BGB1. 1963, p. 2), fil-verżjoni tagħha tas‑7 ta’ Mejju 2002 (BGBl. 2002 I, p. 1529) (iktar ’il quddiem il-“BUrlG”), jipprevedi:

“(1)   Fl-istabbiliment taż-żmien tal-leave, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni x-xewqat tal-ħaddiema fir-rigward tal-leave, sakemm din il-kunsiderazzjoni ma tmurx kontra l-interessi primarji tal-impriża jew ix-xewqat ta’ ħaddiema oħra li minħabba raġunijiet soċjali jistħoqqilhom li jingħataw prijorità. Il-leave għandu jingħata meta jitolbu l-ħaddiem wara miżura ta’ kura preventiva jew ta’ riaġġustament.

[…]

(3)   Il-leave għandu jingħata u jittieħed matul is-sena kalendarja kurrenti. Trasferiment tal-leave għas-sena kalendarja sussegwenti huwa permess biss jekk dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi marbutin mal-impriża jew mal-ħaddiem innifsu. […]

(4)   Jekk, minħabba t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, il-leave ma jistax jingħata totalment jew parzjalment, ikun hemm lok li jingħata kumpens.”

9

It-Tarifvertrag für den öffentlichen Dienst (il-Ftehim Kollettiv Applikabbli għas-Servizz Pubbliku) jinkludi l-Artikolu 26, intitolat “Leave ta’ mistrieħ”, li, fis-subartikolu 1 tiegħu, jiddisponi:

“[…] Il-leave tal-mistrieħ għandu jingħata matul is-sena kalendarja kurrenti; […]

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

T. Shimizu kien impjegat ta’ Max-Planck, skont diversi kuntratti għal żmien determinat, mill‑1 ta’ Awwissu 2001 sal‑31 ta’ Diċembru 2013. Ir-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-partijiet kienet irregolata bid-dispożizzjonijiet tal-BUrlG u tal-Ftehim Kollettiv Applikabbli għas-Servizz Pubbliku.

11

Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Ottubru 2013, Max-Planck stiednet lil T. Shimizu sabiex jieħu l-leave tiegħu qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, madankollu mingħajr ma imponietlu li jieħu ġranet tal-leave ffissati minnha. T. Shimizu ħa jumejn leave, rispettivament fil‑15 ta’ Novembru u fit‑2 ta’ Diċembru 2013.

12

Wara li, permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2013, T. Shimizu talab inutilment mingħand Max-Planck il-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 11979 ekwivalenti għal 51 jum ta’ leave annwali mhux meħud dovut għas-snin 2012 u 2013, huwa ppreżenta rikors fejn talab li Max-Planck tiġi ordnata tħallas l-imsemmija somma.

13

Wara li dan ir-rikors intlaqa’ kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, Max-Planck adixxiet lill-qorti tar-rinviju, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Federali Industrijali, il-Ġermanja), b’rikors għal reviżjoni.

14

Din il-qorti tesponi li d-drittijiet għal-leave annwali mħallas inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntilfu, bis-saħħa tal-Artikolu 7(3) tal-BUrlG, peress li dan il-leave ma kienx ittieħed matul is-sena li fiha dan kien ingħata. Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(3) tal-BUrlG, il-leave tal-ħaddiem li ma ttiħidx matul is-sena li fiha dan kien ingħata jintilef, bħala prinċipju, sa tmiem dik is-sena, ħlief meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ rrimandar imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Għalhekk, meta l-ħaddiem ma kienx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu matul is-sena li fiha dan kien ingħata, huwa jitlef id-drittijiet għal-leave annwali mħallas fl-aħħar ta’ dik is-sena. Minħabba t-telf tal-imsemmija drittijiet, dawn ma jistgħux iktar jiġu ttrasformati fi dritt għal kumpens bis-saħħa tal-Artikolu 7(4) tal-BUrlG. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk, minkejja li titressaq talba għal-leave tal-ħaddiem f’waqtha quddiem il-persuna li timpjegah, din tal-aħħar kienet ċaħaditu milli jieħu l-imsemmi leave. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7 tal-BUrlG ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li timpjega għandha tobbliga lill-ħaddiem li jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu.

15

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha l-effetti deskritti fil-punt preċedenti hijiex konformi jew le mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, filwaqt li min-naħa tagħha, id-duttrina hija maqsuma f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-persuna li timpjega hijiex obbligata, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li tiffissa unilateralment id-data tal-leave ta’ mistrieħ jew jekk is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, (C‑118/13, EU:C:2014:1755), għandhiex tiġi interpretata fis-sens li d-dritt għal-leave annwali mħallas jista’ jintilef fi tmiem is-sena ta’ referenza jew il-perijodu ta’ rrimandar, anki jekk il-ħaddiem kien f’pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt.

16

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tesponi li Max-Planck hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt privat li għalkemm hija ffinanzjata fil-maġġor parti minn fondi pubbliċi, din madankollu ma tgawdix minn setgħat eżorbitanti meta mqabbla mar-regoli applikabbli bejn il-persuni privati, b’tali mod li għandha titqies bħala persuna privata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippreċiża jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jew l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx effett dirett eventwali fir-relazzjonijiet bejn il-persuni privati.

17

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/88/KE] jew l-Artikolu 31(2) tal-[Karta] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 7 tal-[BUrlG], li tipprevedi, inkwantu modalità ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave tal-mistrieħ, li l-ħaddiem għandu japplika għal-leave billi jindika l-preferenzi tiegħu fir-rigward tad-dati li huwa jixtieq jieħu għal dan il-leave, sabiex ma jitlifx id-dritt għal leave tiegħu fit-tmiem il-perijodu ta’ referenza mingħajr ebda kumpens, u li għalhekk ma tobbligax il-persuna li timpjega li tispeċifika unilateralment u b’mod vinkolanti għall-ħaddiem id-dati tal-leave matul il-perijodu ta’ referenza?

2.

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

L-istess japplika meta ż-żewġ partijiet fir-relazzjoni ta’ xogħol kienu persuni privati?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

18

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li b’applikazzjoni tagħha, jekk il-ħaddiem ma jkunx talab li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul il-perijodu ta’ referenza rilevanti, dan il-ħaddiem jitlef, fit-tmiem ta’ dan il-perijodu, il-ġranet ta’ leave annwali mħallas miksuba bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjonijiet għall-imsemmi perijodu, kif ukoll, korrelattivament, id-dritt tiegħu għall-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal dan il-leave annwali mhux meħud f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg.

19

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu jitqies li huwa prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari, li minnu ma tistax issir deroga u li l-implimentazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista’ ssir biss fil-limiti espressament stipulati fid-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Barra minn hekk, id-dritt għal-leave annwali mħallas għandu, fil-kwalità tiegħu ta’ prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, mhux biss importanza partikolari, iżda huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li għandha, skont l-Artikolu 6(1) TUE, l-istess saħħa legali bħat-Trattati (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn, C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-kawża prinċipali tittratta rifjut ta’ ħlas ta’ kumpens għal leave annwali mħallas mhux meħud fid-data tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg li kienet teżisti bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta r-relazzjoni ta’ impjieg intemmet, it-teħid effettiv tal-leave annwali mħallas li għalih il-ħaddiem kellu dritt ma għadux possibbli. Sabiex jiġi evitat li, minħabba din l-impossibbiltà, kull tgawdija mill-ħaddiem ta’ dan id-dritt, anki taħt forma ta’ flus, tkun eskluża, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li l-ħaddiem għandu dritt għal kumpens finanzjarju għall-ġranet ta’ leave annwali mhux meħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jistabbilixxi ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dik relatata mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ntemmet (sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li, meta tintemm ir-relazzjoni ta’ impjieg, l-ebda kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas mhux meħud ma jitħallas lill-ħaddiem li ma setax jieħu l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat qabel it-tmiem ta’ din ir-relazzjoni ta’ impjieg, b’mod partikolari minħabba li kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew il-perijodu ta’ rrimandar kollu jew parti minnu (sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 62; tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 31, kif ukoll tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 65).

25

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal-leave annwali mħallas u, għaldaqstant, dak għal kumpens finanzjarju skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, jistgħu jintilfu minħabba l-mewt tal-ħaddiem. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari enfasizzat li, jekk l-obbligu tal- ħlas ta’ tali kumpens kellu jintilef minħabba t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg minħabba l-mewt tal-ħaddiem, din iċ-ċirkustanza jkollha l-konsegwenza li okkorrenza aċċidentali twassal retroattivament għat-telf totali tad-dritt għal-leave annwali mħallas stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C:2014:1755, punti 252630).

26

Fil-fatt, it-telf tad-dritt miksub ta’ ħaddiem għal-leave annwali mħallas jew għad-dritt tiegħu korrelattiv għall-ħlas ta’ kumpens għal leave mhux meħud f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, mingħajr ma l-persuna kkonċernata effettivament kellha l-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt għal-leave annwali mħallas, jippreġudika s-sustanza stess ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 32).

27

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, ir-rifjut ta’ min kien jimpjega lil T. Shimizu li jħallsu kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg huwa bbażat fuq dispożizzjoni legali nazzjonali li skontha d-dritt għall-imsemmi leave jintilef, bħala prinċipju, mhux bħala konsegwenza tat-tmiem tal-imsemmija relazzjoni ta’ impjieg bħala tali, iżda minħabba l-fatt li l-ħaddiem ma talabx, matul din ir-relazzjoni ta’ impjieg, li jieħu l-imsemmi leave matul il-perijodu ta’ referenza relatat ma’ din ir-relazzjoni.

28

Għalhekk, id-domanda magħmula f’dan il-każ hija essenzjalment dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, T. Shimizu kienx intitolat, fid-data li fiha r-relazzjoni ta’ impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntemmet, li l-leave annwali mħallas isirlu kumpens finanzjarju minħabba t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg.

29

L-imsemmija domanda għalhekk tirrigwarda, l-ewwel nett, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix li ż-żamma tad-dritt għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem perijodu ta’ referenza tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikun talab li jeżerċita dan id-dritt matul l-imsemmi perijodu u li t-telf tiegħu jiġi ddikjarat f’każ ta’ assenza ta’ tali talba, mingħajr ma l-persuna li timpjega tkun obbligata tiffissa unilateralment u b’mod vinkolanti d-data tal-leave matul dan il-perijodu għall-ħaddiem.

30

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ma jistax jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 22 sa 25 ta’ din is-sentenza li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li kkawżaw l-assenza tal-ħaddiem li jieħu l-leave annwali mħallas, id-dritt għal-leave annwali msemmi fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu u, f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, id-dritt għall-kumpens li jista’ jissostitwixxih, konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, għandhom xorta jkomplu jibbenefikaw lill-imsemmi ħaddiem.

31

It-tieni nett, għalkemm, ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fundamentali tal-ħaddiem għal-leave annwali mħallas stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jingħata interpretazzjoni restrittiva b’detriment għad-drittijiet li l-ħaddiem jikseb minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Bollacke, C‑118/13, EU:C:2014:1755, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata), madankollu, huwa importanti wkoll li jitfakkar li l-ħlas tal-leave previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwa intiż sabiex jippermetti lill-ħaddiem jieħu effettivament il-leave li għalih huwa intitolat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 49).

32

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-leave annwali, stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, għandu, minn naħa, l-għan li jippermetti lill-ħaddiem li jistrieħ mit-twettiq tal-kompiti li huwa għandu obbligu jwettaq skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għan li dan igawdi perijodu ta’ rilassament u ta’ rikreazzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Barra minn hekk, billi jipprevedi li l-perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas ma jistax jiġi ssostitwit b’kumpens finanzjarju, ħlief f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 huwa intiż ukoll sabiex jiżgura li l-ħaddiem ikun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bl-intenzjoni ta’ protezzjoni effikaċi tas-sigurtà tiegħu u tas-saħħa tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

It-tielet nett, kif jirriżulta mill-istess kliem tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, fil-leġiżlazzjoni interna tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, billi jippreċiżaw iċ-ċirkustanzi konkreti li fihom il-ħaddiema jistgħu jagħmlu użu mill-imsemmi dritt (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas espressament mogħti minn din id-direttiva, li tinkludi wkoll it-telf tal-imsemmi dritt fl-aħħar ta’ perijodu ta’ referenza jew ta’ perijodu ta’ rrimandar, sakemm, madankollu, il-ħaddiem li tilef id-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas kellu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt mogħti lilu mill-imsemmija direttiva (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 43).

36

Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 7(1) u 3 tal-BUrlG, li tipprevedi li, meta jiġu ddeterminati d-dati tal-leave, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni x-xewqat tal-ħaddiema f’dan ir-rigward, sakemm ma hemmx raġunijiet imperattivi marbuta mal-interessi tal-impriża jew max-xewqat ta’ ħaddiema oħra li minħabba raġunijiet soċjali jistħoqqilhom li jingħataw prijorità, jew li l-leave għandu bħala regola ġenerali jittieħed matul is-sena ta’ referenza, taqa’ fil-qasam tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt preċedenti.

37

Leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip tagħmel parti mir-regoli u mill-proċeduri tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-iffissar tal-leave tal-ħaddiema, filwaqt li jitqiesu l-interessi differenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda, C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 22).

38

Madankollu, u kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, huwa importanti li jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta’ tali regoli nazzjonali ma tkunx tista’ ġġib magħha t-telf tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas miksuba mill-ħaddiem, minkejja li dan ma kellux effettivament il-possibbiltà li jeżerċita dawn id-drittijiet.

39

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza ġew interpretati fis-sens li l-fatt li ħaddiem ma talabx sabiex jibbenefika mil-leave annwali mħallas tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza rilevanti għandu, bħala prinċipju, il-konsegwenza li dan il-ħaddiem jitlef id-drittijiet tiegħu għall-imsemmi leave fi tmiem l-imsemmi perijodu u, korrelattivament, id-dritt tiegħu għal kumpens għal dan il-leave mhux meħud f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg.

40

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali telf awtomatiku tad-dritt għal-leave annwali mħallas, li ma huwiex suġġett għal verifika minn qabel li l-ħaddiem kien effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt, jinjora l-limiti, imfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, imposti b’mod imperattiv fuq l-Istati Membri meta dawn jippreċiżaw il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-imsemmi dritt.

41

Fil-fatt, il-ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala l-parti dgħajfa fir-relazzjoni ta’ impjieg, b’tali mod li huwa neċessarju li tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega tgawdi mill-fakultà li timponi fuqu restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ dgħufija, tali ħaddiem jista’ jiġi skoraġġut milli jinvoka espliċitament id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah, b’mod partikolari meta t-talba għal dawn tista’ tesponih għal miżuri meħuda minn din tal-aħħar ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni ta’ impjieg għad-detriment ta’ dan il-ħaddiem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punti 8081 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Barra minn hekk, l-inċentivi li dak li jkun jirrinunzja l-leave ta’ mistrieħ jew li jinkoraġġixxi lill-ħaddiema li jirrinunzjah huma inkompatibbli mal-għanijiet tad-dritt għal-leave annwali mħallas, kif imfakkra fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza u huma relatati, b’mod partikolari, man-neċessità li jkun żgurat li l-ħaddiem jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bl-intenzjoni ta’ protezzjoni effikaċi tas-sigurtà tiegħu u tas-saħħa tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C‑124/05, EU:C:2006:244, punt 32). Għalhekk, kull prattika jew ommissjoni, min-naħa tal-persuna li timpjega, li jkollha l-effett potenzjali li tiskoraġġixxi t-teħid tal-leave annwali minn ħaddiem, hija wkoll inkompatibbli mal-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa importanti li tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-oneru li jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal-leave annwali mħallas jintefa’ kompletament fuq il-ħaddiem, filwaqt li l-persuna li timpjega tkun, għalhekk, offruta l-possibbiltà li teżonera ruħha mill-obbligi tagħha stess, bil-pretest li talba għal-leave annwali mħallas ma tkunx tressqet mill-ħaddiem.

44

Għalkemm għandu jiġi ppreċiżat, bħala risposta għal din il-kwistjoni relatata, f’dan ir-rigward, mal-ewwel domanda, li l-osservanza tal-obbligu, fir-rigward tal-persuna li timpjega, li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma tistax tiġi interpretata bħala li ġġiegħel lil din tal-aħħar li timponi fuq il-ħaddiema tagħha li jeżerċitaw effettivament id-dritt tagħhom għal-leave annwali mħallas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 43), xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija persuna li timpjega għandha, min-naħa l-oħra, tiżgura li l-ħaddiem ikun f’pożizzjoni li jeżerċita tali dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 63).

45

Għal dan l-għan, u kif l-Avukat Ġenerali rrileva wkoll fil-punti 41 sa 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-persuna li timpjega hija obbligata, partikolarment fid-dawl tan-natura imperattiva tad-dritt għal-leave annwali mħallas u sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li tiżgura b’mod konkret u trasparenti li l-ħaddiem ikun effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu, billi tinċentivah, formalment, fejn meħtieġ, li jagħmel dan, filwaqt li tinformah, b’mod preċiż u fi żmien xieraq, sabiex tiżgura li l-imsemmi leave jkun għadu jista’ jiżgura l-mistrieħ u r-rilassament li huwa mistenni li jikkontribwixxi lill-persuna kkonċernata, li, jekk din ma tiħdux, dan il-leave jintilef fi tmiem il-perijodu ta’ referenza jew il-perijodu ta’ rrimandar awtorizzat.

46

Barra minn hekk, l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward jaqa’ fuq il-persuna li timpjega (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 68). Jekk din ma tkunx tista’ turi li tat prova ta’ kull diliġenza meħtieġa li l-ħaddiem ikun effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas li għalih huwa kellu dritt, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-telf tad-dritt għall-imsemmi leave fit-tmiem tal-perijodu ta’ referenza jew ta’ rrimandar awtorizzat u, f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, l-assenza korrelattiva ta’ ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud, jiksru, rispettivament, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88.

47

Min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija persuna li timpjega tkun tista’ tipproduċi l-prova tagħha f’dan ir-rigward, b’tali mod li jidher li huwa deliberatament u b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom li l-ħaddiem naqas milli jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu wara li kien f’pożizzjoni li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal dan, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludux it-telf ta’ dan id-dritt jew, f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, l-assenza korrelattiva ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud.

48

Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 u 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, kull interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li hija ta’ natura li tinkoraġġixxi lill-ħaddiem li deliberatament ma jiħux il-leave annwali mħallas tiegħu matul il-perijodi ta’ referenza jew ta’ rrimandar awtorizzat applikabbli, sabiex jawmenta r-remunerazzjoni tiegħu fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, hija, kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, inkompatibbli mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu bl-introduzzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas.

49

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Għalhekk, peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/88, l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandu jiġi applikat fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 43).

51

F’dan ir-rigward, qabelxejn, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 31(2) tal-Karta jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi d-“dritt” ta’ kull ħaddiem għal “perjodu annwali ta’ leave imħallas”.

52

Sussegwentement, skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 31 tal-Karta, li, b’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha, l-Artikolu 31(2) tal-Karta jibbaża ruħu fuq id-Direttiva 93/104 kif ukoll fuq l-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961 u riveduta fi Strasbourg fit‑3 ta’ Mejju 1996, u fuq il-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew miżmuma fi Strasbourg fid‑9 ta’ Diċembru 1989 (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 27).

53

Issa, kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-Direttiva 2003/88, din id-direttiva kkodifikat id-Direttiva 93/104 u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li jirrigwarda d-dritt għal-leave annwali mħallas jirriproduċi b’mod identiku l-kliem tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/104 (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 28).

54

F’dan il-kuntest, fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li jistgħu jsiru limitazzjonijiet għad-dritt fundamentali għal-leave annwali mħallas stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta biss skont il-kundizzjonijiet stretti previsti fl-Artikolu 52(1) tagħha u, b’mod partikolari, skont il-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw mill-prinċipju li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, li jistabbilixxi li dritt għal-leave annwali mħallas miksub ma jintilifx mal-iskadenza tal-perijodu ta’ referenza u/jew ta’ perijodu ta’ rrimandar stabbilit mid-dritt nazzjonali meta l-ħaddiem ma kienx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 56).

55

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li kemm l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll, f’dak li jikkonċerna s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, l-Artikolu 31(2) ta’ din għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’applikazzjoni tagħha, il-fatt li ħaddiem ma talabx li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas, miksub abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet, matul il-perijodu ta’ referenza, għandu l-konsegwenza awtomatika, mingħajr, għalhekk, verifika minn qabel li dan il-ħaddiem kien effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt, li l-imsemmi ħaddiem jitlef il-benefiċċju tal-imsemmi dritt u, korrelattivament, tad-dritt tiegħu għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg.

56

Min-naħa l-oħra, meta l-ħaddiem ikun naqas milli jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu deliberatament u b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom, wara li kien f’pożizzjoni li jeżerċita effettivament id-dritt tiegħu għal dan, l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta ma jipprekludux it-telf ta’ dan id-dritt jew, f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, l-assenza korrelattiva ta’ kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud, mingħajr ma l-persuna li timpjega tkun obbligata li ġġiegħel lil dan il-ħaddiem jeżerċita effettivament l-imsemmi dritt.

57

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta.

58

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fil-fatt, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli fid-dawl tat-test u tal-iskop tad-direttiva inkwistjoni, sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u, b’hekk, jikkonformaw ruħhom mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Hekk kif iddeċidiet ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ tali interpretazzjoni konformi jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tikkunsidra li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 7273 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li b’applikazzjoni tagħha, jekk il-ħaddiem ma jkunx talab li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul il-perijodu ta’ referenza rilevanti, dan il-ħaddiem jitlef, fit-tmiem ta’ dan il-perijodu, awtomatikament u mingħajr verifika minn qabel dwar jekk dan kienx effettivament imqiegħed fil-pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt mill-persuna li timpjegah, b’mod partikolari b’informazzjoni adegwata min-naħa ta’ din tal-aħħar, il-ġranet ta’ leave annwali mħallas miksuba bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjonijiet fl-imsemmi perijodu, kif ukoll, korrelattivament, id-dritt tiegħu għall-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal dan il-leave annwali mhux meħud f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnha, jekk tistax tasal għal interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li hija ta’ natura li tiżgura l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq it-tieni domanda

62

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta jkun impossibbli li tinterpreta leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod li tiżgura l-konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li għandhom il-konsegwenza li tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha, fil-kuntest ta’ kawża bejn il-ħaddiem u l-persuna li kienet timpjegah li tkun persuna privata, titħalla mhux applikata mill-qorti nazzjonali, u li l-imsemmi ħaddiem għandu jingħata, min-naħa ta’ din il-persuna li impjegatu, kumpens finanzjarju għal-leave annwali miksub skont dawn l-istess dispożizzjonijiet u li ma kienx meħud fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg.

63

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-effett dirett eventwali li għandu jiġi rrikonoxxut fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi, il-persuni privati jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, meta l-individwi huma f’pożizzjoni li jipprevalixxu ruħhom minn direttiva fil-konfront tal-Istat, huma jistgħu jagħmlu dan, tkun xi tkun il-kwalità li fiha dan tal-aħħar jaġixxi, jiġifieri bħala persuna li timpjega jew bħala awtorità pubblika. Fi kwalunkwe każ minnhom, fil-fatt għandu jiġi evitat li l-Istat ikun jista’ jieħu vantaġġ mill-ksur tiegħu tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li dispożizzjonijiet inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati mill-individwi mhux biss fil-konfront ta’ Stat Membru u tal-korpi kollha tal-amministrazzjoni tiegħu, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, imma wkoll kontra organi jew entitajiet li huma suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew li ngħataw il-kompitu minn Stat Membru li jwettqu missjoni ta’ interess pubbliku u li, għal dan l-għan, għandhom setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli għar-relazzjonijiet bejn persuni privati (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju biss, li, barra minn hekk, għandha l-informazzjoni utli f’dan ir-rigward, li għandha tagħmel il-verifiki meħtieġa f’dan ir-rigward. Issa, l-imsemmija qorti qieset, kif jirriżulta mill-punt 16 ta’ din is-sentenza, li Max-Planck kellha titqies bħala persuna privata.

66

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, direttiva ma tistax, fiha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ persuna privata u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra tagħha. Fil-fatt, jekk l-invokabbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva mhux trasposta jew trasposta b’mod inkorrett, tiġi estiża għall-qasam tar-relazzjonijiet bejn il-persuni privati, dan iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-Unjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi b’effett immedjat obbligi fuq il-persuni privati, meta fil-fatt l-Unjoni għandha din il-kompetenza biss fejn ingħatat is-setgħa li tadotta regolamenti (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Għaldaqstant, anki dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonali ta’ direttiva intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet jew timponi obbligi fuq persuni privati ma tistax tiġi applikata bħala tali fil-kuntest ta’ tilwima esklużivament bejn persuni privati (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88 jissodisfa l-kriterji ta’ inkundizzjonalità u ta’ preċiżjoni suffiċjenti sabiex jibbenefika minn effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-istess jum, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, punti 71 sa 73), l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu invokati f’tilwima bejn persuni privati sabiex jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-dritt għal-leave annwali mħallas u sabiex ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 48).

69

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, dispożizzjoni li ġiet stabbilita, fil-punti 49 sa 55 ta’ din is-sentenza, sabiex tkun intiża sabiex tapplika għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali u li għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar, qabelxejn, li d-dritt għal-leave annwali mħallas jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt soċjali tal-Unjoni.

70

Dan il-prinċipju jsib is-sors tiegħu kemm fi strumenti żviluppati mill-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni, bħall-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, barra minn hekk prevista fl-Artikolu 151 TFUE, u kemm fi strumenti internazzjonali li magħhom l-Istati Membri kkooperaw jew li għalihom aderixxew. Fost dawn tal-aħħar hemm il-Karta Soċjali Ewropea, li l-Istati Membri kollha huma partijiet għaliha billi aderixxew magħha fil-verżjoni oriġinali tagħha, fil-verżjoni riveduta tagħha jew fiż-żewġ verżjonijiet tagħha, imsemmija wkoll fl-Artikolu 151 TFUE. Ta’ min isemmi wkoll il-Konvenzjoni Nru 132 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal‑24 ta’ Ġunju 1970 dwar il-leave annwali mħallas (riveduta) li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punti 37 u 38 tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18), tiddikjara l-prinċipji tal-imsemmija organizzazzjoni li l-premessa 6 tad-Direttiva 2003/88 tippreċiża li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

71

F’dan ir-rigward, ir-raba’ premessa tad-Direttiva 93/104 tfakkar, b’mod partikolari, li l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tiddikjara, fil-paragrafu 8 tagħha, li kull ħaddiem tal-Unjoni għandu d-dritt, b’mod partikolari, għal-leave annwali mħallas, li t-tul tiegħu għandu jiġi approssimat fil-futur, konformement mal-prattiċi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 39).

72

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/104 u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għalhekk ma stabbilixxewx minnhom innifishom id-dritt għal-leave annwali mħallas, li għandu s-sors tiegħu f’diversi strumenti internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 75), u li għandu, bħala prinċipju essenzjali tad-dritt soċjali tal-Unjoni, natura imperattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson‑Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punti 4868), peress li l-imsemmi prinċipju essenzjali jinkludi d-dritt għal-leave annwali “mħallas” bħala tali u, inerenti għall-ewwel wieħed, dak għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mhux meħud fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg (ara s-sentenza tal-istess jum, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, punt 83).

73

Billi, f’termini imperattivi, “kull ħaddiem” għandu d-“dritt” għal “perjodu annwali ta’ leave imħallas”, mingħajr referenza partikolari f’dan ir-rigward, bħal, pereżempju, għall-Artikolu 27 tal-Karta li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2), għall-“każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”, l-Artikolu 31(2) tal-Karta jirrifletti prinċipju essenzjali tad-dritt soċjali tal-Unjoni li minnu jista’ jkun hemm deroga biss b’konformità mal-kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u, b’mod partikolari, skont il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal-leave annwali mħallas.

74

Id-dritt għal perijodu ta’ leave annwali mħallas, stabbilit għal kull ħaddiem fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandu, għalhekk, fir-rigward tal-eżistenza tiegħu stess, natura kemm imperattiva kif ukoll inkundizzjonali, peress li din tal-aħħar fil-fatt ma għandhiex tiġi kkonkretizzata b’dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, li huma biss meħtieġa sabiex jippreċiżaw it-tul eżatt tal-leave annwali mħallas u, fejn xieraq, ċerti kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjoni hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tagħti lill-ħaddiema dritt invokabbli bħala tali, f’tilwima kontra l-persuna li timpjegahom f’sitwazzjoni koperta mid-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 76).

75

L-Artikolu 31(2) tal-Karta għandu, għaldaqstant, b’mod partikolari, il-konsegwenza, f’dak li jikkonċerna s-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li l-qorti nazzjonali għandha ma tapplikax leġiżlazzjoni li tikser il-prinċipju, imfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li jistabbilixxix li ħaddiem ma jistax jiċċaħħad minn dritt miksub għal leave annwali mħallas fl-iskadenza tal-perijodu ta’ referenza u/jew ta’ perijodu ta’ rrimandar stabbilit mid-dritt nazzjonali meta l-ħaddiem ma kienx f’pożizzjoni li jieħu l-leave tiegħu, jew, korrelattivament, mill-benefiċċju ta’ kumpens finanzjarju li jissostwixxih fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg, bħala dritt inerenti għal dan id-dritt għal-leave annwali “mħallas”. Bis-saħħa ta’ din l-istess dispożizzjoni, lanqas ma huwa possibbli għall-persuni li jimpjegaw li jinvokaw l-eżistenza ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jevitaw il-ħlas tal-imsemmi kumpens li għandhom iħallsu b’osservanza tad-dritt fundamentali ggarantit mill-imsemmija dispożizzjoni.

76

Fir-rigward tal-effett użat mill-Artikolu 31(2) tal-Karta fir-rigward ta’ persuna li timpjega li hija persuna privata, hemm lok li jiġi rrilevat li, jekk l-Artikolu 51(1) tal-Karta jispeċifika li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif ukoll għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-imsemmi Artikolu 51(1), min-naħa l-oħra, ma jindirizzax il-punt dwar jekk dawn il-persuni privati jistgħux, fejn xieraq, ikunu direttament suġġetti għall-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmija Karta u ma jistax, għaldaqstant, jiġi interpretat fis-sens li sistematikament jeskludi tali eventwalità.

77

Qabelxejn, u kif l-Avukat Ġenerali fakkar fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:337), il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju huma, primarjament, intiżi għall-Istati Membri, ma huwiex ta’ natura li jeskludi li dawn jistgħu japplikaw fir-relazzjonijiet bejn persuni privati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 77).

78

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, diġà aċċettat li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tikkonferixxi lill-persuni privati dritt invokabbli bħala tali f’tilwima kontra persuna privata oħra (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 76), mingħajr, għaldaqstant, xkiel mill-Artikolu 51(1) tal-Karta.

79

Fl-aħħar nett, u fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt, għal kull ħaddiem, għal perijodi ta’ leave annwali mħallas jimplika, min-natura tiegħu stess, obbligu korrispondenti min-naħa tal-persuna li timpjegah, jiġifieri dak tal-għoti ta’ tali perijodi jew ta’ kumpens għal-leave annwali mħallas mhux meħud fi tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg.

80

Fil-każ li jkun impossibbli li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’tali mod li tiżgura l-konformità mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika li tirriżulta mill-imsemmija dispożizzjoni u li tiggarantixxi l-effett sħiħ tagħha billi, jekk ikun hemm bżonn, ma tapplikax l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 79).

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li, meta jkun impossibbli li tinterpreta leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod li tiżgura l-konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-qorti nazzjonali adita b’kawża bejn ħaddiem u l-persuna li kienet timpjegah li tkun persuna privata għandha ma tapplikax l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali u tiżgura li, jekk din il-persuna li impjegatu ma tkunx tista’ turi li tat prova ta’ kull diliġenza meħtieġa li l-ħaddiem ikun effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas li għalih huwa kellu dritt bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmi ħaddiem la jista’ jiġi mċaħħad mid-drittijiet miksuba għal dan il-leave annwali mħallas u lanqas, korrelattivament, u f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, ma jista’ jiġi mċaħħad minn kumpens finanzjarju għal-leave mhux meħud li huwa dovut, f’dan il-każ, direttament mill-persuna kkonċernata li impjegatu.

Fuq l-ispejjeż

82

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, jekk il-ħaddiem ma jkunx talab li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul il-perijodu ta’ referenza rilevanti, dan il-ħaddiem jitlef, fit-tmiem ta’ dan il-perijodu, awtomatikament u mingħajr verifika minn qabel dwar jekk dan kienx effettivament imqiegħed fil-pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt mill-persuna li timpjegah, b’mod partikolari b’informazzjoni adegwata min-naħa ta’ din tal-aħħar, il-ġranet ta’ leave annwali mħallas miksuba bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjonijiet fl-imsemmi perijodu, kif ukoll, korrelattivament, id-dritt tiegħu għall-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal dan il-leave annwali mhux meħud f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnha, jekk tistax tasal għal interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li hija ta’ natura li tiżgura l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni.

 

2)

Meta jkun impossibbli li tinterpreta leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod li tiżgura l-konformità ta’ din mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-qorti nazzjonali adita b’kawża bejn ħaddiem u l-persuna li kienet timpjegah li tkun persuna privata għandha ma tapplikax l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali u tiżgura li, jekk din il-persuna li impjegatu ma tkunx tista’ turi li tat prova ta’ kull diliġenza meħtieġa li l-ħaddiem ikun effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas li għalih huwa kellu dritt bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmi ħaddiem la jista’ jiġi mċaħħad mid-drittijiet miksuba għal dan il-leave annwali mħallas u lanqas, korrelattivament, u f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, ma jista’ jiġi mċaħħad minn kumpens finanzjarju għal-leave mhux meħud li huwa dovut, f’dan il-każ, direttament mill-persuna kkonċernata li impjegatu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.

Top