EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0618

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Settembru 2018.
Rafal Prefeta vs Secretary of State for Work and Pensions.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Upper Tribunal.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 45 TFUE – Att ta’ Adeżjoni tal-2003 – Kapitolu 2 tal-Anness XII – Possibbiltà għal Stat Membru li jidderoga mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 u mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38/KE – Ċittadin Pollakk li ma wettaqx perijodu ta’ tnax-il xahar ta’ xogħol irreġistrat fl-Istat Membru ospitanti.
Kawża C-618/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:719

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 45 TFUE – Att ta’ Adeżjoni tal-2003 – Kapitolu 2 tal-Anness XII – Possibbiltà għal Stat Membru li jidderoga mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 u mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38/KE – Ċittadin Pollakk li ma wettaqx perijodu ta’ tnax-il xahar ta’ xogħol irreġistrat fl-Istat Membru ospitanti”

Fil-Kawża C‑618/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Appelli Amministrattivi), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura

Rafal Prefeta

vs

Secretary of State for Work and Pensions

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, E. Levits, A. Borg Barthet u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal R. Prefeta, minn J. Power, solicitor, T. Royston, barrister, u R. Drabble, QC,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Fadoju u C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn K. Apps u D. Blundell, barristers,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Anness XII tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, rettifika fil-ĠU 2007, L 60, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-2003”), tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Rafal Prefeta u s-Secretary of State for Work and Pensions (il-Ministru għax-Xogħol u għall-Pensjonijiet, ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti allowance komplementari u ta’ sostenn għall-impjieg marbuta mad-dħul.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

L-Att ta’ Adeżjoni tal-2003

3

L-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tar-Repubblika tal-Polonja, u jipprevedi aġġustamenti għat-trattati.

4

It-tieni u l-ħames inċiż tal-Artikolu 1 ta’ dan l-att jipprovdu:

“Għall-iskopijiet ta’ dan l-Att:

[…]

il-frażi ‘Stati Membri attwali’ tfisser ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika Awstrijaka, ir-Repubblika tal-Il-Portugall, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq;

[…]

il-frażi ‘Stati Membri l-ġodda’ tfisser ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja;

[…]”

5

Ir-raba’ parti tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 tinkludi d-dispożizzjonijiet temporanji applikabbli għall-Istati Membri l-ġodda. L-Artikolu 24 tal-imsemmi att, li jinsab f’din il-parti, jipprovdi:

“Il-miżuri mniżżla fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII u XIV ta’ dan l-Att għandhom japplikaw fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dawk l-Annessi.”

6

L-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 huwa intitolat “Il-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 24 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni: il-Polonja”. Fil-paragrafi 1, 2, 5 u 9 tiegħu, il-Kapitolu 2 ta’ dan l-anness, liema kapitolu jikkonċerna l-moviment liberu tal-persuni, jipprovdi kif ġej:

“1.   Fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà li jiġu provduti servizzi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ispostament temporanju ta’ ħaddiema kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva Nru. 96/71/KE (tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66)), bejn il-Polonja fuq naħa, u l-Belġju, r-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit fuq in-naħa l-oħra, l-Artikolu [45] u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu [56] [TFUE] għandhom japplikaw fl-intier tagħhom biss skond id-dispożizzjonijiet transitorji stipulati fil-paragrafi 2 sa 14.

2.   B’deroga mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament [tal-Kunsill (KEE)] Nru. 1612/68 [tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 5, Vol. 1, p. 15)] u sa l-aħħar tal-perijodu ta’ sentejn wara d-data ta’ l-adeżjoni, l-Istati Membri attwali ser japplikaw miżuri nazzjonali, jew dawk li joħorġu minn xi ftehim bilaterali, biex jirregolaw l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom minn ċittadini Pollakki. L-Istati Membri attwali jistgħu jkomplu japplikaw dawn il-miżuri sa l-aħħar tal-perijodu ta’ ħames snin wara d-data ta’ l-adeżjoni.

Ċittadini Pollakki li jkunu jaħdmu skond il-liġi f’xi Stat Membru attwali fid-data ta’ l-adeżjoni u li kienu tħallew jidħlu fis-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ 12-il xahar jew aktar għandhom igawdu aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru iżda mhux għas-suq tax-xogħol ta’ Stati Membri oħra li japplikaw xi miżuri nazzjonali.

Ċittadini Pollakki li tħallew jidħlu fis-suq tax-xoghol ta’ xi Stat Membru attwali wara l-adeżjoni għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ 12-il xahar jew aktar għandhom ukoll igawdu l-istess drittijiet. Iċ-ċittadini Pollakki msemmija fit-tieni u fit-tielet sub-paragrafi ta’ hawn qabel jiefqu milli jgawdu d-drittijiet li hemm f’dawk is-sub-paragrafi jekk minn jeddhom jitilqu mis-suq tax-xoghol ta’ l-Istat Membru attwali in kwistjoni.

[Ċittadini Pollakki li jkunu jaħdmu skond il-liġi f’xi Stat Membru attwali fid-data ta’ l-adeżjoni, jew matul xi perijodu li fih ikunu applikati miżuri nazzjonali, u li kienu tħallew jidħlu fis-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru għal perijodu ta’ inqas minn tnax il xahar ma għandhomx igawdu dawn id-drittijiet] [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]

5.   Stat Membru li jżomm fis-seħħmiżuri nazzjonali jew miżuri li joħorġu minn xi ftehim bilaterali fl-aħħar tal-perijodu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 2 jista’, f’każ ta’ taqlib serju jew ta’ theddida ta’ taqlib serju fis-suq tax-xogħol tiegħu u wara li javża lill-Kummissjoni, ikompli japplika dawn il-miżuri sa l-aħħar tal-perijodu ta’ seba’ snin wara d-data ta’ l-adeżjoni. Fin-nuqqas ta’ dan l-avviż, l-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament [Nru 1612/68] għandhom japplikaw.

9.   Sakemm ċerti disposizzjonijiet tad-Direttiva [tal-Kunsill] 68/360/KEE [tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27)] ma jistgħux jiġu mifruda minn dawk tar-Regolament [Nru 1612/68] li l-applikazzjoni tagħhom hija ddifferita konformement mal-paragrafi 2 sa 5 u 7 u 8, il-Polonja u l-Istati Membri attwali jistgħu jidderogaw minn dawk id-disposizzjonijiet sakemm ikun meħtieġ għall-applikazzjoni tal-paragrafi 2 sa 5 u 7 u 8.”

Ir-Regolament Nru 492/2011

7

Il-Kapitolu I tar-Regolament Nru 492/2011 huwa intitolat “L-impjieg, l-ugwaljanza fit-trattament u l-familji tal-ħaddiema”.

8

Taħt it-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Eliġibbiltà għall-impjieg”, l-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprojbixxu, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi, kif ukoll il-prattiċi amministrattivi ta’ Stat Membru li jillimitaw jew jissuġġettaw għal kundizzjonijiet mhux previsti għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru t-talba u l-offerta tal-impjieg, l-eliġibbiltà għall-impjieg u l-eżerċizzju tiegħu miċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra.

9

Taħt it-Taqsima 2 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament”, l-Artikolu 7 ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.”

10

L-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprovdi:

“Ir-Regolament [Nru 1612/68] huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.”

Id-Direttiva 2004/38

11

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur” jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; […]

[…]

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

a)

il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

b)

il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti;

ċ)

il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

d)

il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta’ l-istatus ta’ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.”

[…]

12

L-Artikolu 38 tal-istess direttiva, intitolat “Abrogazzjonijiet” fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu jipprovdi:

“2.   Id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandhom jitħassru b’effett mit-30 ta’ April 2006.

3.   Ir-referenzi li jsiru għad-disposizzjonijiet u għad-Direttivi mħassra għandhom jitqiesu bħala li qed isiru għal din id-Direttiva.”

Id-dritt tar-Renju Unit

13

Skont l-Accession (Immigration and Worker Registration) Regulations 2004/1219, (ir-Regolament 2004/1219 fuq l-Adeżjoni (Immigrazzjoni u Reġistrazzjoni tal-Ħaddiema)), kif emendat bl-Immigration (European Economic Area) Regulations 2006/1003 (ir-Regolament 2006/1003 fuq l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea), iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2006”), adottat għall-finijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38, l-applikazzjoni, għar-Renju Unit, tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema ġiet iddifferita f’dak li jikkonċerna ċ-ċittadini ta’ tmienja mill-għaxar Stat Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, fosthom ir-Repubblika tal-Polonja. Dawn il-miżuri derogatorji, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, baqgħu fis-seħħ sat-30 ta’ April 2011.

14

Ir-Regolament 2004/1219 fuq l-Adeżjoni (Immigrazzjoni u Reġistrazzjoni tal-Ħaddiema), kif emendat bir-Regolament tal-2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2004”), kien jipprevedi sistema ta’ reġistrazzjoni (Accession State Worker Registration Scheme (sistema ta’ reġistrazzjoni għall-ħaddiema tal-Istati Membri aderenti)) applikabbli għaċ-ċittadini ta’ dawn it-tmien Stati aderenti li ħadmu fir-Renju Unit matul il-perijodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2011.

15

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħaddiem ta’ Stat aderenti suġġett għar-reġistrazzjoni”, kien jipprovdi:

“(1)   Bla ħsara għall-paragrafi segwenti ta’ dan l-artikolu, ‘ħaddiem ta’ Stat aderenti suġġett għar-reġistrazzjoni’ huwa ċittadin ta’ Stat aderenti kkonċernat, li ħadem fir-Renju Unit fil-perijodu ta’ adeżjoni.

[…]

(4)   Ċittadin ta’ Stat aderenti kkonċernat, li ħadem legalment fir-Renju Unit għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax-il xahar li jkun, kollu jew in parti, wara t-30 ta’ April 2004, ma jibqax ħaddiem ta’ Stat aderenti suġġett għar-reġistrazzjoni fi tmiem dan il-perijodu ta’ tnax-il xahar.

[…]

(8)   Għall-iskopijiet tal-paragrafi 3 u 4, persuna titqies li tkun ħadmet fir-Renju Unit għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax-il xahar jekk hija tkun ħadmet legalment fir-Renju Unit fil-bidu u fit-tmiem ta’ dan il-perijodu u jekk it-total tal-perijodu intermedju li matulu hija ma tkunx ħadmet legalment fir-Renju Unit ma jeċċedix 30 jum.

[…]”

16

L-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament kien jipprevedi li:

“Ċittadin ta’ Stat aderenti kkonċernat, li jkollu l-istatus ta’ ħaddiem ta’ Stat aderenti obbligat li jirreġistra ruħu jekk huwa jibda jaħdem fir-Renju Unit, ma għandux id-dritt li jirrisjedi fir-Renju Unit fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li tfittex impjieg sabiex tibda tfittex xogħol hemmhekk.”

17

L-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament tal-2004 kien jipprovdi:

“(3)   bla ħsara għall-paragrafu 4, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal‑2006 ma huwiex applikabbli għal ħaddiem ta’ Stat aderenti, suġġett għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni, li ma jibqax jaħdem.

(4)   meta ħaddiem ta’ Stat aderenti, suġġett għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni, ma jibqax jaħdem għal persuna li timpjega awtorizzata fiċ-ċirkustanzi li jissemmew fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-2006 matul il-perijodu ta’ xahar b’effett mid-data li fiha beda jaħdem, dan l-artikolu japplika għal dan il-ħaddiem matul il-kumplament ta’ dan il-perijodu ta’ xahar.”

18

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-2006, dwar l-ipoteżijiet li fihom ċittadin ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jista’ jibbenefika mid-dritt ta’ residenza estiż fit-territorju tar-Renju Unit, kien jipprovdi, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali:

“1)   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-regolament, il-frażi ‘persuna eliġibbli’ tinkludi kull ċittadin taż-ŻEE stabbilit fir-Renju Unit bħala:

[…];

b)

impjegat;

[…]”

19

L-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament, li kien jippreċiża l-kundizzjonijiet li kellha tissodisfa persuna li tkun waqfet mix-xogħol sabiex iżżomm il-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tal-istess artikolu, kien jipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 7A(4), persuna li ma tibqax taħdem ma tispiċċax milli titqies bħala ħaddiem għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(b) jekk

a)

hija tkun affettwata minn inkapaċità temporanja għax-xogħol riżultanti minn mard jew inċident;

b)

hija tkun f’sitwazzjoni ta’ qagħad involontarju debitament ikkonstatat wara li kienet impjegata fir-Renju Unit, bil-kundizzjoni li tkun irreġistrata bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg mad-dipartiment tal-impjiegi kompetenti u li hija

i)

ġiet impjegata għal sena jew iktar qabel ma sabet ruħha bla xogħol;

ii)

ma tkunx qiegħda għal iktar minn sitt xhur; jew

iii)

tista’ tressaq prova li hija qiegħda tfittex impjieg fir-Renju Unit u għandha possibbiltà reali li tiġi impjegata;

[…]”

20

L-Artikolu 7A(4) tar-Regolament tal-2006 kien jipprovdi:

“L-Artikolu 6(2) huwa applikabbli għal ħaddiem ta’ Stat aderenti jekk

a)

huwa kien persuna li għaliha l-Artikolu 5(4) tar-[Regolament tal-2004] kien applikabbli fit-30 ta’ April 2011; jew

b)

huwa kien affettwat minn inkapaċità għax-xogħol, sab ruħu qiegħed jew waqaf milli jaħdem, skont il-każ, wara l-1 ta’ Mejju 2011.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

R. Prefeta, ċittadin Pollakk, daħal fir-Renju Unit matul is-sena 2008 u ħadem hemmhekk mis-7 ta’ Lulju 2009 sal-11 ta’ Marzu 2011, data li fiha l-impjieg tiegħu ġie fi tmiemu minħabba korriment li seħħ barra x-xogħol tiegħu.

22

Sa minn meta wasal fir-Renju Unit, R. Prefeta kien jaqa’ taħt l-istatus ta’ “ħaddiem ta’ Stat aderenti suġġett għar-reġistrazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-2004. Madankollu, peress li kiseb ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala ħaddiem biss fil-5 ta’ Jannar 2011, R. Prefeta eżerċita attività ta’ xogħol irreġistrat matul perijodu totali ta’ xahrejn u sitt ijiem biss.

23

Wara l-11 ta’ Marzu 2011, filwaqt li kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad involontarju debitament ikkonstatat, R. Prefeta rreġistra ruħu bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg, mad-dipartiment nazzjonali kompetenti. Huwa bbenefika, bħala tali, minn benefiċċji tal-qgħad mill-20 ta’ Marzu 2011.

24

Fl-20 ta’ Ottubru 2011, R. Prefeta ressaq quddiem il-Ministru talba sabiex jibbenefika mill-allowance komplementari u ta’ sostenn għall-impjieg marbuta mad-dħul.

25

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din l-allowance, li hija maħsuba għal kategoriji ta’ persuni li l-kapaċità tagħhom għax-xogħol hi limitata minħabba l-qagħda fiżika jew mentali tagħhom, tista’ tingħata biss lill-ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) u tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-2006, u mhux għal dawk li qed ifittxu impjieg.

26

Il-Ministru għalhekk ċaħad it-talba ta’ R. Prefeta billi kkunsidra li dan ma kienx wera li kien ħadem, qabel ma tilef l-impjieg tiegħu, għal perijodu mhux interrott ta’ tnax-il xahar jew iktar waqt li kien irreġistrat skont ir-Regolament tal-2004, li kien jippermettilu li jżomm l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) u tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-2006.

27

R. Prefeta ressaq rikors kontra d-deċiżjoni tal-Ministru qudiem il-First‑tier Tribunal (Social Entitlement Chamber). (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Benefiċċji Soċjali)), ir-Renju Unit). Peress li din il-qorti ċaħdet ir-rikors tiegħu, R. Prefeta appella quddiem l-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Appelli Amministrattivi), ir-Renju Unit).

28

Fl-appell tiegħu, R. Prefeta essenzjalment isostni li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-2004 kien iżomm liċ-ċittadini tal-Istati aderenti kkonċernati, li ma ħadmux fir-Renju Unit b’ċertifikat ta’ reġistrazzjoni matul perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax-il xahar, milli jżommu l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 u milli, b’hekk, jibbenefikaw mill-ugwaljanza fit-trattament imsemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Issa, skont R. Prefeta, leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għal dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet ma setgħetx tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, peress li dan ma jippermettix derogi mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

29

Il-Ministru jsostni, għall-kuntrarju, li r-Regolament tal-2004 kien kompatibbli mal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. F’dan ir-rigward, jinnota li l-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-imsemmi Att ta’ Adeżjoni jipprevedi li ċ-ċittadini Pollakki li jaħdmu legalment matul perijodu li fih ikunu applikati miżuri nazzjonali, u li kienu ammessi fis-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru għal perijodu ta’ inqas minn tnax-il xahar ma għandhomx igawdu d-drittijiet li jgawdu minnhom il-ħaddiema skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Upper Tribunal (Administrative Appeals Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tal-Appelli Amministrattivi)), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Anness XII [tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003] kien jawtorizza lill-Istati Membri jeskludu lil ċittadini Pollakki mill-benefiċċji tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 492/2011] u tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva [2004/38] meta l-ħaddiem, minkejja li kien ikkonforma ruħu tardivament mar-rekwiżit nazzjonali li l-impjieg tiegħu jkun irreġistrat, ma kienx għadu ħadem għal perijodu ta’ tnax-il xahar irreġistrat mingħajr interruzzjoni?

2)

Jekk ir-risposta tkun negattiva, ħaddiem ta’ nazzjonalità Pollakka fiċ-ċirkustanzi tal-ewwel domanda, jista’ jinvoka l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva [2004/38] li jikkonċerna ż-żamma tal-istatus ta’ ħaddiem?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

31

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, matul il-perijodu tranżitorju previst minnu, kien jawtorizza lir-Renju Unit jeskludi mill-benefiċċju tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 ċittadin Pollakk li ma jissodisfax il-kundizzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li wieħed ikun eżerċita attività ta’ xogħol irreġistrata fit-territorju tiegħu għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax-il xahar.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-Kapitolu 2(1) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jipprovdi li l-Artikolu 39 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE (li saru, rispettivament, l-Artikolu 45 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE) japplikaw bis-sħiħ biss suġġett għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fil-paragrafi 2 sa 14 ta’ dan l-istess kapitolu, fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jinvolvu moviment temporanju ta’ ħaddiema bejn il-Polonja u l-Istati Membri attwali. Dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji essenzjalment jipprevedu derogi mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68, kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 68/360.

33

Ċertament, il-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 la jirreferi għad-Direttiva 2004/38 u lanqas għar-Regolament Nru 492/2011, peress li dawn it-testi ġew adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-istess att ta’ adeżjoni. Madankollu, mill-kliem stess tal-Artikolu 38(3) ta’ din id-direttiva u tal-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li r-riferimenti magħmula għar-Regolament Nru 1612/68 u għad-Direttiva 68/360, imħassra minn dawn iż-żewġ atti, għandhom jitqiesu bħala riferimenti għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2004/38 u tar-Regolament Nru 492/2011 rispettivament.

34

B’hekk, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kienx jawtorizza lir-Renju Unit sabiex, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li jistipula li l-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru għandu jibbenefika, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali, tippreżupponi li persuna fis-sitwazzjoni ta’ R. Prefeta, li tkun waqfet teżerċita attività bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha, tista’ madankollu żżomm l-istatus tagħha ta’ ħaddiem abbażi tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38.

35

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-Kapitolu 2(9) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, huwa biss jekk ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ma jkunux jistgħu jiġu disassoċjati minn dawk tar-Regolament Nru 492/2011 li l-applikazzjoni tagħhom hija ddifferita skont il-paragrafi 2 sa 5, 7 u 8 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII ta’ dan l-Att ta’ Adeżjoni, li l-Polonja u l-Istati Membri attwali jistgħu jidderogaw minn dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, sa fejn hu meħtieġ għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi.

36

Għalhekk huwa importanti li jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 jistax jiġi disassoċjat mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 492/2011 li l-applikazzjoni tagħhom ġiet għaldaqstant iddifferita.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-possibbiltà għal ċittadin tal-Unjoni, li temporanjament waqaf jeżerċita attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, li jżomm l-istatus ta’ ħaddiem fuq il-bażi tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll id-dritt ta’ residenza korrispondenti, skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, tibbaża ruħha fuq il-premessa li dan iċ-ċittadin għandu jkun disponibbli u kapaċi jintegra mill-ġdid is-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti fi żmien raġonevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Saint Prix, C‑507/12, EU:C:2014:2007, punti 38 sa 41).

38

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li ntlaqat minn inkapaċità temporanja għax-xogħol riżultanti minn marda jew inċident, sitwazzjoni li timplika li l-imsemmi ċittadin ikun jista’ jeżerċita mill-ġdid attività bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha ladarba dik l-inkapaċità temporanja għax-xogħol tasal fi tmiemha. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(3)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva jeżiġi li ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv jirreġistra bħala persuna li qed tfittex impjieg mad-dipartiment tal-impjieg kompetenti, filwaqt li l-Artikolu 7(3)(d) tal-imsemmija direttiva jobbligah jieħu, taħt kundizzjonijiet determinati, taħriġ professjonali.

39

L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 għalhekk jirrigwarda sitwazzjonijiet fejn l-integrazzjoni mill-ġdid taċ-ċittadin tal-Unjoni fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti hija possibbli fi żmien raġonevoli. Konsegwentement, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi disassoċjat minn dik tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 492/2011 li jirregolaw l-aċċess għall-impjieg ta’ ċittadin ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri l-Artikoli 1 sa 6 tal-imsemmi regolament.

40

It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat jekk hijiex neċessarja deroga mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 għall-applikazzjoni tad-derogi previsti mid-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fil-paragrafi 2 sa 5, 7 u 8 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fil-Kapitolu 2 tal-Anness XII ta’ dan l-Att ta’ Adeżjoni għandhom l-għan li jiġi evitat li, wara l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Unjoni, ma jkunx hemm taqlib fis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri l-antiki minħabba l-wasla immedjata ta’ għadd kbir ta’ ħaddiema li jkunu ċittadini tal-imsemmija Stati ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Vicoplus et, C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan il-każ, kif jenfasizzaw il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-Regolament tal-2004 ġie adottat minn dan l-Istat Membru skont id-derogi previsti mid-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fil-paragrafi 2 u 9 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

43

Issa, l-ewwel subparagrafu tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII ta’ dan l-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi, essenzjalment, li, b’deroga mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 492/2011 u matul il-perijodu tranżitorju wara d-data tal-adeżjoni, l-Istati Membri attwali għandhom japplikaw miżuri li jirregolaw l-aċċess taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol tagħhom.

44

Huwa għalhekk fuq din il-bażi li l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-2004 introduċa, fl-ordinament ġuridiku Britanniku, l-istatus ta’ “ħaddiem ta’ Stat aderenti suġġett għar-reġistrazzjoni” fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati aderenti li jaħdmu fir-Renju Unit matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Kien previst mill-imsemmi regolament li l-ħaddiema kkonċernati ma jibqgħux koperti minn dak l-istatus ladarba jkunu wettqu tnax-il xahar mingħajr interruzzjoni ta’ attività tax-xogħol irreġistrata fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, fejn din l-attività għandha titwettaq kompletament jew parzjalment wara t-30 ta’ April 2004.

45

Għall-perijodu li matulu ċittadin ta’ Stat aderenti kkonċernat kien jaqa’ taħt l-imsemmi status, huwa kellu jikseb ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tax-xogħol tiegħu mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma kienx jibbenefika mid-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti lil ċittadin ta’ Stat Membru li jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor sabiex jaħdem hemmhekk. B’mod partikolari, l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament tal-2004 kienu jillimitaw id-dritt ta’ ċittadin ta’ Stat aderenti li jirrisjedi fir-Renju Unit bħala persuna li qed tfittex impjieg sabiex ifittex impjieg hemmhekk, kif ukoll il-possibbiltà għalih li jżomm il-kwalità ta’ ħaddiem u d-dritt ta’ residenza korrispondenti meta ma jibqax jeżerċita attività bħala persuna impjegata jew persuna li taħdem għal rasha.

46

Hekk kif osservat, essenzjalment, il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-deroga mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38, introdotta mir-Renju Unit, kienet għaldaqstant neċessarja sabiex tagħti l-effett sħiħ lill-miżuri adottati minn dak l-Istat Membru b’applikazzjoni tad-derogi previsti mid-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fil-paragrafi 2 u 9 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

47

Fil-fatt, li kieku ħaddiem ta’ Stat aderenti li waqaf jeżerċita attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, mingħajr ma jkun ikkompleta tnax-il xahar mingħajr interruzzjoni ta’ attività tax-xogħol irreġistrata fir-Renju Unit, seta’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva biex iżomm l-istatus ta’ ħaddiem kif ukoll id-dritt ta’ residenza korrispondenti skont l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva, ir-Renju Unit ma kienx ikun jista’ jagħti effett sħiħ lil dawk il-miżuri ta’ deroga, li b’mod partikolari kellhom l-għan li jirrestrinġu d-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat aderenti ekonomikament inattivi li jirrisjedu fit-territorju tiegħu sabiex ifittxu impjieg hemmhekk.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-paragrafi 2 u 9 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kien jawtorizza lir-Renju Unit jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

49

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-fatt li, f’dan il-każ, qabel ma waqaf jeżerċita l-attività tiegħu, R. Prefeta kien ħadem fir-Renju Unit matul il-perijodu bejn is-7 ta’ Lulju 2009 u l-11 ta’ Marzu 2011, jiġifieri għal perijodu ta’ madwar għoxrin xahar.

50

Fil-fatt, kif jirrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 sa 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, mit-tielet subparagrafu tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jirriżulta li ċ-ċittadini Pollakki għandhom jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex jevadu l-miżuri derogatorji adottati abbażi ta’ dan it-test, jiġifieri, minn naħa, it-twettiq ta’ perijodu ta’ xogħol mingħajr interruzzjoni ta’ tnax-il xahar u, min-naħa l-oħra, l-ammissjoni fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru kkonċernat.

51

Fir-rigward ta’ din it-tieni kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament tal-2004 kien jissuġġetta l-ammissjoni fis-suq tax-xogħol għall-kisba ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

52

Issa, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li R. Prefeta kiseb iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tax-xogħol tiegħu mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tar-Renju Unit biss fil-5 ta’ Jannar 2011, b’mod li għandu jiġi kkunsidrat li ġie ammess fis-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru għal perijodu totali ta’ xahrejn u sitt ijiem biss, jiġifieri inqas mit-tnax-il xahar meħtieġa mit-tielet subparagrafu tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li R. Prefeta ma setax jibbenefika mill-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 sabiex iżomm l-istatus ta’ ħaddiem wara li waqaf jeżerċita xogħlu, huwa lanqas ma kien f’pożizzjoni li jinvoka l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, għaliex dan tal-aħħar jikkonċerna ċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jibbenefikaw mill-imsemmi status (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven, C‑213/05, EU:C:2007:438, punt 16, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2013, N., C‑46/12, EU:C:2013:97, punti 4849).

54

Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk il-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kienx jawtorizza lir-Renju Unit jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

55

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, matul il-perijodu tranżitorju previst minnu, kien jawtorizza lir-Renju Unit jeskludi mill-benefiċċju tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 ċittadin Pollakk, bħal R. Prefeta, li ma ssodisfax il-kundizzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jkun eżerċita attività ta’ xogħol irreġistrata fit-territorju tiegħu għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax-il xahar.

Fuq it-tieni domanda

56

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, matul il-perijodu tranżitorju previst minnu, kien jawtorizza lir-Renju Unit jeskludi mill-benefiċċju tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, ċittadin Pollakk, bħal Rafal Prefeta, li ma ssodisfax il-kundizzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jkun eżerċita attività ta’ xogħol irreġistrata fit-territorju tiegħu għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tnax-il xahar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top