Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0585

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Lulju 2018.
    Serin Alheto vs Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 12 – Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat – Persuni rreġistrati mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) – Eżistenza ta’ ‘l-ewwel pajjiż ta’ ażil’, għal refuġjat tal-Palestina, fiż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA – Proċeduri komuni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Eżami sħiħ u ex nunc – Portata tas-setgħat tal-qorti tal-ewwel istanza – Eżami mill-qorti tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali – Eżami tar-raġunijiet tal-inammissibbiltà.
    Kawża C-585/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:584

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 12 – Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat – Persuni rreġistrati mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) – Eżistenza ta’ ‘l-ewwel pajjiż ta’ ażil’, għal refuġjat tal-Palestina, fiż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA – Proċeduri komuni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Eżami sħiħ u ex nunc – Portata tas-setgħat tal-qorti tal-ewwel istanza – Eżami mill-qorti tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali – Eżami tar-raġunijiet tal-inammissibbiltà”

    Fil-Kawża C‑585/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura

    Serin Alheto

    vs

    Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Rosas, J. Malenovský u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u M. Vilaras, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Jannar 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal S. Alheto, minn P. Zhelev, V. Nilsen, G. Voynov, G. Toshev, M. Andreeva u I. Savova, advokati,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ungeriż, minn G. Tornyai, Z. Fehér, G. Koós u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, C. Georgieva-Kecsmar u I. Zaloguin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Mejju 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), kif ukoll tal-Artikolu 35 u tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Serin Alheto u ż-zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite (l-Assistent Direttur tal-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“DAB”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn S. Alheto.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    Il-Konvenzjoni ta’ Genève

    3

    Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954. Din ġiet ikkompletata u emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjat, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li fir-rigward tiegħu daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

    4

    L-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, fid-definizzjoni li huwa jagħti tal-kelma “refuġjat”, jagħmel riferiment b’mod partikolari għar-riskju ta’ persekuzzjoni.

    5

    L-Artikolu 1(D) ta’ din il-konvenzjoni jistipula:

    “Din il-Konvenzjoni ma għandhiex tapplika għal persuni li attwalment igawdu minn protezzjoni jew assistenza minn organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti oħra minbarra l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni u l-Assistenza tar-Refuġjati.

    Meta din il-protezzjoni jew assistenza tieqaf għal kwalunkwe raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun ġiet deċiża definittivament, konformement mar-riżoluzzjonijiet relatati adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom jibbenefikaw mid-drittijiet kollha li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    L-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA)

    6

    Ir-Riżoluzzjoni Nru 302(IV) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑8 ta’ Diċembru 1949 dwar l-assistenza għar-refuġjati Palestinjani waqqfet l-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (United Nations Relief and Works Agency for Palestine Refugees in the Near East (UNRWA)). Din għandha l-għan li sservi l-benesseri u l-iżvilupp uman tar-refuġjati Palestinjani.

    7

    L-UNRWA topera fl-Istrixxa ta’ Gaża, fix-Xatt tal-Punent, fil-Ġordan, fil-Libanu u fis-Sirja.

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2011/95

    8

    Id-Direttiva 2011/95 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE, li jistipula:

    “Għall-finijiet tal-[iżvilupp ta’ politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement], il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar sistema komuni Ewropea ta’ asil li tinkludi: a) status uniformi ta’ asil għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha; b) status uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, mingħajr ma jiksbu asil Ewropew, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali”.

    9

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’punti (e) u (g);

    […]

    (c)

    ‘Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra’ tfisser il-Konvenzjoni tat‑28 ta’ Lulju 1951 relatata mal-Istatus tar-Refuġjati magħmula f’Ġinevra, kif emendata bill-Protokoll ta’ New York tal‑31 ta’ Jannar 1967;

    (d)

    ‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

    (e)

    ‘status ta’ refuġjat’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

    (f)

    ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

    (g)

    “status ta’ protezzjoni sussidjarja” ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;

    […]”

    10

    Skont l-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva:

    “L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

    (a)

    il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

    (b)

    id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

    (c)

    il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

    (d)

    jekk l-attivitajiet tal-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawk l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż;

    (e)

    jekk l-applikant ikun mistenni b’mod raġonevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza.”

    11

    L-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva jistipula:

    “Biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jista’ jiġi bbażat fuq każijiet li jkunu seħħew mindu l-applikant ikun telaq mill-pajjiż tal-oriġini”.

    12

    L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Atturi ta’ protezzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

    “1.   Protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju tista’ tiġi pprovduta biss minn:

    (a)

    l-Istat; jew

    (b)

    partijiet jew organizzazzjonijiet, inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat,

    sakemm dawn iridu u jistgħu joffru protezzjoni skont il-paragrafu 2.

    2.   Protezzjoni kontra persekuzzjoni jew dannu serju trid tkun effettiva u ta’ natura mhux temporanja. Tali protezzjoni hija ġeneralment ipprovduta meta l-atturi msemmija skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni jew il-konsegwenzi ta’ dannu serju, fost ħwejjeġ oħra billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, il-prosekuzzjoni u l-kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew dannu serju, u meta l-applikant ikollu aċċess għal din il-protezzjoni.”

    13

    L-Artikoli 9 u 10 ta’ din id-direttiva, li jinsabu fil-Kapitolu III tagħha, intitolat “Kwalifika Biex Wieħed Ikun Refuġjat”, jistipulaw l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-applikant kienx jew jistax ikun suġġett għal persekuzzjoni.

    14

    L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, li jinsab ukoll f’dan il-Kapitolu III, huwa intitolat “Esklużjoni” u jipprovdi:

    “1.   Persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat, jekk:

    (a)

    hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li tirrigwarda l-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti apparti l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawk il-persuni għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva;

    […]”

    15

    L-Artikolu 15 tal-istess direttiva jinsab fil-Kapitolu V tagħha, intitolat “Kwalifika Biex Persuna Tkun Eliġibbli Għal Protezzjoni Sussidjarja”. Huwa jistipula dan li ġej:

    “Dannu serju jikkonsisti minn:

    (a)

    piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

    (b)

    tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ oriġini; jew

    (c)

    theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

    16

    L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/95, li jinsab ukoll f’dan il-Kapitolu V, jiddefinixxi s-sitwazzjonijiet li fihom huwa eskluż il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja.

    17

    L-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, intitolat “Protezzjoni minn refoulement”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement bi qbil mal-obbligi internazzjonali tagħhom.”

    18

    Il-Kapitolu IX tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet Finali”, jinkludi l-Artikoli 38 sa 42 tagħha. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39(1) ta’ din tal-aħħar jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 1, 2, 4, 7, 8, 9, 10, 11, 16, 19, 20, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34, u 35 sa 21 ta’ Diċembru 2013. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet”.

    19

    Skont l-Artikolu 40 tal-istess direttiva:

    “Id-Direttiva [tal-Kunsill] 2004/83/KE [tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96)], hi mħassra għall-Istati Membri marbutin b’din id-Direttiva bis-seħħ minn 21 ta’ Diċembru 2013, […]

    Għall-Istati Memebri marbutin b’din id-Direttiva, referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva, […]”

    20

    L-Artikolu 41 tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi:

    “Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikoli 1, 2, 4, 7, 8, 9, 10, 11, 16, 19, 20, 22, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34 u 35 għandhom japplikaw minn 22 ta’ Diċembru 2013.”

    21

    Il-formulazzjoni tal-Artikoli 12 u 15 tad-Direttiva 2011/95 tikkorrispondi ma’ dik tal-Artikoli 12 u 15 tad-Direttiva 2004/83.

    Id-Direttiva 2013/32

    22

    Id-Direttiva 2013/32 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 78(2)(d) TFUE, li jipprevedi l-istabbiliment ta’ proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus uniformi ta’ ażil jew ta’ protezzjoni sussidjarja.

    23

    Il-premessi 4, 13, 16, 18 u 22 ta’ din id-direttiva jistipulaw:

    “(4)

    […] [S]istema Ewropea Komuni tal-Asil għandha tinkludi, fi żmien qasir, standards komuni għal proċeduri ġusti u effiċjenti tal-asil fl-Istati Membri u, fi żmien twil, regoli tal-Unjoni li jwasslu għal proċedura komuni tal-asil fl-Unjoni.

    […]

    (13)

    L-approssimazzjoni tar-regoli dwar il-proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandha tgħin biex tillimita l-movimenti sekondarji tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, fejn dawn il-movimenti jkunu kkawżati mid-differenzi fl-oqsfa legali, u biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti għall-applikazzjoni tad-Direttiva [2011/95] fl-Istati Membri.

    […]

    (16)

    Huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali jittieħdu abbażi tal-fatti u, fl-istadju ta’ prima istanza, minn awtoritajiet li l-persunal tagħhom ikollu l-informazzjoni adegwata jew ikun irċieva t-taħriġ meħtieġ fil-qasam ta’ kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali.

    […]

    (18)

    Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

    […]

    (22)

    Huwa wkoll fl-interess ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti biex jiżguraw fl-ewwel istanza rikonoxximent korrett tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali. Għal dak l-għan, l-applikanti għandhom jiġu pprovduti, fl-ewwel istanza u mingħajr ħlas, b’informazzjoni legali u proċedurali, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom. Id-dispożizzjoni ta’ tali informazzjoni għandha inter alia tippermetti l-applikanti biex jifhmu aħjar il-proċedura, u b’hekk tgħinhom jikkonformaw mal-obbligi rilevanti. […]”

    24

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal- protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva [2011/95].”

    25

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    (f)

    ‘awtorità determinanti’ tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall- protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet;

    […]”

    26

    Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2013/32:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta’ applikazzjonijiet skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali awtorità tkun ipprovduta b’mezzi xierqa, inkluż biżżejjed persunal kompetenti, biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva.

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-awtorità determinanti jkun mistħarreġ b’mod xieraq. […] Il-persuni li jintervistaw lill-applikanti skont din id-Direttiva għandu jkollhom ukoll tagħrif ġenerali miksub ta’ problemi li jistgħu jaffettwaw b’mod ħażin il-kapaċità tal-applikant li jiġi intervistat, bħal indikazzjonijiet li l-applikant seta’ ġie ttorturat fil-passat.

    […]”

    27

    L-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jistipula:

    “Meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità [responsabbli] għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja.”

    28

    Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva:

    “1.   Fir-rigward tal-proċeduri provduti fil-Kapitolu III, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha jgawdu l-garanziji li gejjin:

    (a)

    għandhom jiġu informati f’ilsien li huma jifhmu jew raġonevolment huma mistennija jifhmu tal-proċedura li jkollha tiġi segwita u tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom matul il-proċedura u l-konsegwenzi eventwali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tagħhom u ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet. Għandhom jiġu informati dwar il-perjodu ta’ żmien, il-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, sabiex jissodisfaw l-obbligu tal-preżentazzjoni tal-elementi imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [2011/95], kif ukoll il-konsegwenzi ta’ irtirar espliċitu jew impliċitu tal-applikazzjoni Dik l-informazzjoni għandha tingħatalhom fil-ħin sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet garantiti f’din id-Direttiva u jikkonformaw mal-obbligi deskritti fl-Artikolu 13;

    (b)

    għandhom jirċievu s-servizzi ta’ interpretu sabiex jippreżentaw il-każ tagħhom quddiem l-awtoritajiet kompetenti meta dan ikun meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw bħala meħtieġ l-għoti ta’ dawn is-servizzi għall-inqas meta l-applikant huwa intervistat kif imsemmi fl-Artikoli 14 sa 17 u 34 u meta ma tkunx tista’ tiġi żgurata komunikazzjoni adegwata mingħajr dawn is-servizzi. […]

    […]”

    29

    L-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

    “L-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti bl-għan li jistabbilixxu l-identità tagħhom u elementi oħra li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 4 (2) tad-Direttiva [2011/95]. […]”

    30

    L-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jistipula:

    “L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

    […]

    (b)

    pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għall-applikant, taħt l-Artikolu 35;

    (c)

    pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, taħt l-Artikolu 38;

    […]”

    31

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) ta’ din id-direttiva:

    “L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti biex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar l-applikazzjoni tar-raġunijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 33 fiċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom iwettqu intervista personali dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni. […]”

    32

    L-Artikolu 35 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “Pajjiż jista’ jkun kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għal applikant partikolari jekk:

    (a)

    huwa kien ġie rikonoxxut f’dak il-pajjiż bħala rifuġjat u huwa għadu jista’ jirrikorri għal dik il-protezzjoni, jew

    (b)

    huwa jgawdi, diversament, protezzjoni suffiċjenti f’dak il-pajjiż, inkluż il-benefiċċju mill-prinċipju ta’ non-refoulement,

    sakemm huwa jerġa’ jitħalla jidħol f’dak il-pajjiż.

    Fl-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partikolari ta’ applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont tal-Artikolu 38(1). L-applikant għandu jitħalla jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partiklari tiegħu.”

    33

    Skont l-Artikolu 36(1) tal-istess direttiva:

    “Pajjiż terz indikat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu konformement ma’ din id-Direttiva jista’, wara eżami individwali tal-applikazzjoni, ikun ikkunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu għal applikant partikolari biss jekk:

    (a)

    l-applikant ikollu/ikollha ċ-ċittadinanza ta’ dak il-pajjiż; jew

    (b)

    l-applikant ikun/tkun persuna apolida u kien/kienet, preċedentement, abitwalment residenti f’dak il-pajjiż;

    u ma ppreżenta/ppreżentat l-ebda raġuni serja sabiex il-pajjiż ma jiġix ikkunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu/tagħha fis-sens tal-kwalifika tiegħu/tagħha bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].”

    34

    L-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 jistipula:

    “1.   L-Istati Membi jistgħu japplikaw il-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu biss fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li persuna li tkun qiegħda tfittex protezzjoni internazzjonali tiġi trattata skont il-prinċipji li ġejjin fil-pajjiż terz kkonċernat:

    (a)

    il-ħajja u l-libertà ma jkunux mhedda minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, is-sħubija f’xi grupp soċjali jew l-opinjoni politika;

    (b)

    ma hemmx riskju ta’ ħsara serja kif definit fid-Direttiva [2011/95];

    (c)

    jiġi rispettat il-prinċipju ta’ non-refoulement skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra;

    (d)

    tkun rispettata l-projbizzjoni tal-espulsjoni ta’ persuna, bi ksur tad-dritt tal-libertà mit-tortura u minn trattament krudili, inuman jew degradanti kif stabbilit fid-dritt internazzjonali; kif ukoll

    (e)

    tkun teżisti l-possibbiltà li ssir talba għall-istatus ta’ rifuġjat u, jekk jinstab li l-persuna konċernata tkun rifuġjat, li din tirċievi protezzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

    2.   L-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għandha tkun suġġetta għal regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inklużi:

    (a)

    regoli li jirrikjedu konnessjoni bejn l-applikant u l-pajjiż terz ikkonċernat li abbażi tagħha jkun raġonevoli li dik il-persuna tmur f’dak il-pajjiż;

    […]”

    35

    Skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

    (a)

    deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

    (i)

    li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

    (ii)

    li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2);

    […]

    3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

    […]”.

    36

    L-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 30, mal-Artikolu 31(1), (2) u (6) sa (9), mal-Artikoli 32 sa 46, mal-Artikoli 49 u 50 u mal-Anness I l-iktar tard mill‑20 ta’ Lulju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.”

    37

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 ta’ din id-direttiva:

    “L-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl- Artikolu 51(1) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati u fir-rigward ta’ proċeduri għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali li jkunu mibdija wara l‑20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni. L-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015 u l-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat mibdija qabel dik id-data għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi taħt id-Direttiva [tal-Kunsill] 2005/85/KE [tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2005, L 326, p. 13)].”

    38

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi:

    “Id-Direttiva [2005/85] tiġi mħassra għal dawk l-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva bis-seħħ mill‑21 ta’ Lulju 2015 […]”.

    39

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2013/32 jistipula:

    “Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

    40

    Peress li l-pubblikazzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 54 seħħet fid‑29 ta’ Ġunju 2013, id-Direttiva 2013/32 daħlet fis-seħħ fid‑19 ta’ Lulju 2013.

    41

    L-Artikoli 33, 35 u 38 kif ukoll l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jikkorrispondu mal-Artikoli 25, 26 u 27, kif ukoll mal-Artikolu 39(1), rispettivament, tad-Direttiva 2005/85. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 34 u l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jistipulaw regoli li ma kinux jinsabu fid-Direttiva 2005/85.

    Id-dritt Bulgaru

    42

    Fil-Bulgarija, l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali huwa rregolat biż-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (il-Liġi dwar l-Ażil u r-Refuġjati, iktar ’il quddiem iż-“ZUB”). Għall-finijiet tat-traspożizzjoni fid-dritt Bulgaru tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32, iż-ZUB ġiet emendata b’liġijiet li daħlu fis-seħħ fix-xhur ta’ Ottubru 2015 u ta’ Diċembru 2015, rispettivament.

    43

    L-Artikoli 8 u 9 taż-ZUB essenzjalment jieħdu l-kriterji stipulati fl-Artikoli 9, 10 u 15 tad-Direttiva 2011/95.

    44

    L-Artikolu 12(1) taż-ZUB jipprovdi:

    “L-istatus ta’ refuġjat ma jingħatax lil persuna barranija:

    […]

    4.   li tibbenefika mill-protezzjoni jew mill-assistenza minn organi jew istituzzjonijiet oħra tan-Nazzjonijiet Uniti minbarra l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati; meta din il-protezzjoni jew l-għajnuna ma tkunx waqfet, u s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna ma tkunx ġiet stabbilita, konformement mar-riżoluzzjoni rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti, din il-persuna tista’ tibbenefika mid-dritt sħiħ tal-Konvenzjoni [ta’ Genève]”;

    […]”

    45

    Iż-ZUB, fil-verżjoni tiegħu qabel it-traspożizzjoni fid-dritt Bulgaru tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32 (iktar ’il quddiem iż-“ZUB qabel ġie emendat”), kien jistipula, fl-Artikolu 12(1) tiegħu:

    “L-istatus ta’ refuġjat ma jingħatax lil persuna barranija:

    […]

    4.   li tibbenefika mill-protezzjoni jew mill-assistenza minn organi jew istituzzjonijiet oħrajn tan-Nazzjonijiet Uniti minbarra l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u din il-protezzjoni jew din l-assistenza ma tkunx waqfet u s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna ma tkunx ġiet stabbilita konformement mar-riżoluzzjoni rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti;

    […]”

    46

    L-Artikolu 13(2) taż-ZUB jipprevedi:

    “Il-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali ma għandhiex tinfetaħ jew għandha tingħalaq jekk il-persuna barranija:

    […]

    2.   tgawdi minn status ta’ refuġjat mogħti minn Stat terz jew li tgawdi minn protezzjoni effettiva oħra li tinkludi l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement u li tkun għadha tgawdi minnu, bil-kundizzjoni li tiġi ammessa mill-ġdid f’dan l-Istat;

    3.   tkun ġejja minn Stat terz sigur, bil-kundizzjoni li tkun tista’ terġa’ tiġi ammessa f’dan l-Istat”.

    47

    Iż-ZUB, fil-verżjoni tiegħu qabel it-traspożizzjoni fid-dritt Bulgaru tad-Direttiva 2011/95 u 2013/32, kien jipprovdi, fl-Artikolu 13(2) tiegħu:

    “Il-proċedura ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus umanitarju ma għandhiex tinfetaħ jew għandha tiġi sospiża meta r-refuġjat ikollu:

    […]

    2.   status ta’ refuġjat mogħti minn pajjiż terz sigur, bil-kundizzjoni li jiġi ammess mill-ġdid f’dan il-pajjiż”.

    48

    Skont l-Artikolu 75(2) taż-ZUB:

    “[…] Waqt l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġu evalwati l-fatti […] kollha rilevanti għas-sitwazzjoni personali tal-applikant […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    49

    Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li S. Alheto, li twieldet fid‑29 ta’ Novembru 1972 f’Gaża, għandha passaport maħruġ mill-Awtorità Palestinjana u hija rreġistrata mal-UNRWA.

    50

    Fil‑15 ta’ Lulju 2014, S. Alheto telqet mill-Istrixxa ta’ Gaża permezz ta’ mini moħbija li jgħaqqdu lil din it-territorju mal-Eġittu. Minn dan il-pajjiż, hija marret il-Ġordan b’dgħajsa.

    51

    Fis‑7 ta’ Awwissu 2014, is-servizz konsulari tar-Repubblika tal-Bulgarija fil-Ġordan ħareġ lil S. Alheto viża turistika għal vjaġġ fil-Bulgarija, li l-validità tagħha kienet tiskadi fl‑1 ta’ Settembru 2014.

    52

    Fl‑10 ta’ Awwissu 2014, S. Alheto daħlet il-Bulgarija permezz ta’ titjira minn Amman lejn Varna. Fit‑28 ta’ Awwissu 2014, it-terminu tal-validità tal-imsemmija viża ġie estiż sas‑17 ta’ Novembru 2014.

    53

    Fil‑11 ta’ Novembru 2014, S. Alheto ppreżentat mad-DAB applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li hija rrepetiet fil‑25 ta’ Novembru 2014. Insostenn ta’ din l-applikazzjoni, hija argumentat li ritorn lejn l-Istrixxa ta’ Gaża kien jesponiha għal theddida serja għal ħajjitha, peress li hemmhekk hija setgħet issofri minn torturi u persekuzzjonijiet.

    54

    Din it-theddida hija marbuta mal-fatt li hija teżerċita attività soċjali intiża li tinforma lin-nisa dwar id-drittijiet tagħhom u li din l-attività ma hijiex aċċettata mill-Hamas, organizzazzjoni li tikkontrolla l-Istrixxa ta’ Gaża.

    55

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-eżistenza ta’ kunflitti armati bejn il-Hamas u l-Iżrael, teżisti sitwazzjoni ta’ vjolenza fl-Istrixxa ta’ Gaża.

    56

    Bejn ix-xhur ta’ Diċembru 2014 u ta’ Marzu 2015, id-DAB għamlet diversi intervisti personali ma’ S. Alheto.

    57

    Fit‑12 ta’ Mejju 2015, l-assistent direttur tad-DAB ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn S. Alheto, abbażi tal-Artikolu 75 taż-ZUB, moqri flimkien mal-Artikoli 8 u 9 tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), għar-raġuni li l-affermazzjonijiet ta’ S. Alheto ma kinux kredibbli.

    58

    L-assistent direttur tad-DAB b’mod partikolari spjega li, filwaqt li kien iġġustifikat li wieħed ikollu xi dubji dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Istrixxa ta’ Gaża, is-sempliċi fatt li S. Alheto hija mara li tinforma lil nisa oħrajn residenti fl-Istrixxa ta’ Gaża dwar id-drittijiet tagħhom ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 8 taż-ZUB jew ta’ theddida gravi fis-sens tal-Artikolu 9 tagħha. F’dan ir-rigward, rapport internazzjonali mfassal matul is-sena 2014 juri li, fl-Istrixxa ta’ Gaża, pulizija nisa jipparteċipaw f’attivitajiet importanti bħall-ġlieda kontra d-droga, il-prosekuzzjonijiet kriminali u s-sorveljanza tal-moviment ħieles. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tantx huwa konċepibbli li l-attività ta’ S. Alheto tesponiha għal theddid gravi u individwali.

    59

    L-assistent direttur tad-DAB żied li S. Alheto lanqas ma kienet kostretta tapplika għal protezzjoni internazzjonali minħabba sitwazzjoni ta’ vjolenza kkawżata minn kunflitt armat.

    60

    S. Alheto ppreżentat rikors quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofia, il-Bulgarija) għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Hija spjegat li ċerti elementi invokati matul l-intervisti individwali ma kinux ġew eżaminati, bi ksur tal-Artikolu 75 taż-ZUB, u li l-elementi li kienu ġew eżaminati kienu s-suġġett, fir-rigward tagħhom, ta’ evalwazzjoni żbaljata, bi ksur tal-Artikoli 8 u 9 taż-ZUB.

    61

    Dik il-qorti tqis li d-DAB kellha, bħala prinċipju, teżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn S. Alheto abbażi tal-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB u mhux abbażi tal-Artikoli 8 u 9 tagħha. Id-deċiżjoni kkontestata, għaldaqstant, la hija konformi maż-ZUB u lanqas mar-regoli korrispondenti tad-Direttiva 2011/95, b’mod partikolari mal-Artikolu 12(1)(a) tagħha.

    62

    Madankollu, l-imsemmija qorti tosserva li l-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB ma jittrasponix b’mod korrett l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, fatt li jikkomplika l-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    63

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-obbligu li jiġi żgurat rimedju effettiv, u b’mod partikolari tar-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc, stipulat fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, hemm lok tiġi ddeterminata, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 18, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-portata tal-ġurisdizzjoni prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi deċiż jekk, fil-kuntest ta’ tali eżami sħiħ u ex nunc, il-qorti tistax tinkorpora fl-evalwazzjoni tagħha elementi, inklużi raġunijiet tal-inammissibbiltà, li ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

    64

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, b’mod partikolari, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna rreġistrata mal-UNRWA li ħarbet mill-Istrixxa ta’ Gaża u qagħdet il-Ġordan qabel ivvjaġġat lejn l-Unjoni għandhiex titqies li hija suffiċjentement protetta fil-Ġordan, b’mod illi l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha ppreżentata fl-Unjoni għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

    65

    Fl-aħħar nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk, wara l-annullament ta’ deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-qorti tistax, jew saħansitra għandhiex, tadotta hija stess deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni.

    66

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Mill-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32 u mal-Artikolu 78(2)(a) tat-[TFUE], jirriżulta li:

    a)

    dan l-artikolu jippermetti li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn persuna mingħajr Stat, ta’ oriġini Palestinjana, irreġistrata bħala refuġjat mal-[UNRWA] u li fil-perijodu ta’ qabel ġiet ippreżentata din l-applikazzjoni kienet dejjem residenti fiż-żona fejn topera din l-aġenzija (l-Istrippa ta’ Gaza), tiġi eżaminata bħala applikazzjoni skont l-Artikolu 1(A) tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], minflok bħala applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont it-tieni [subparagrafu] tal-Artikolu 1(D) tal-istess konvenzjoni, u dan taħt il-kundizzjoni li l-kompetenza għall-eżami tal-applikazzjoni tiġi preżunta abbażi ta’ raġunijiet oħra għajr raġunijiet karitattevoli jew umanitarji u li l-eżami tal-applikazzjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95?

    b)

    dan l-artikolu jippermetti li tali applikazzjoni ma tiġix eżaminata fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 u li, għaldaqstant, ma tiġix applikata l-interpretazzjoni mogħtija lil din id-dispożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja?

    2)

    L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 5 tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-[ZUB] li, fil-verżjoni applikabbli, ma tipprevedix espliċitament klawżola ta’ inklużjoni fir-rigward tal-refuġjati Palestinjani u li ma tipprevedix il-kundizzjoni li teħtieġ li l-għajnuna tkun waqfet, tkun xi tkun ir-raġuni, u fis-sens li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 huwa dispożizzjoni inkundizzjonata u preċiża biżżejjed sabiex ikollha, għalhekk, effett dirett u sabiex ikollha tiġi applikata anki jekk ma tkunx ġiet invokata espliċitament mill-persuna li tkun ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, f’sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni jkollha tiġi eżaminata bħala applikazzjoni taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(d) tal-Konvenzjoni ta’ Genève?

    3)

    Mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni ta’ rifjut li tingħata protezzjoni internazzjonali, meħuda konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, u fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, dan l-artikolu jippermetti li l-qorti tal-ewwel istanza teżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala applikazzjoni taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(d) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u twettaq evalwazzjoni konformement mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, f’sitwazzjoni fejn din l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet ippreżentata minn persuna mingħajr Stat, ta’ oriġini Palestinjana, irreġistrata bħala refuġjat mal-UNRWA u li fil-perijodu ta’ qabel ġiet ippreżentata din l-applikazzjoni kienet dejjem residenti fiż-żona fejn topera din l-aġenzija (l-istrippa ta’ Gaza), u f’sitwazzjoni fejn din l-applikazzjoni ma kinitx eżaminata fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-deċiżjoni ta’ rifjut li tingħata protezzjoni internazzjonali?

    4)

    Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, dwar id-dritt għal rimedju effettiv fil-kuntest tar-rekwiżit ta’ ‘[…] eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi’, interpretati flimkien mal-Artikoli 33, 34 u [t-tieni paragrafu tal-Artikolu] 35 tal-imsemmija direttiva u mal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2011/95, ikkunsidrati flimkien mal-Artikoli 18, 19 u 47 tal-[Karta], jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu dan li ġej fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni ta’ rifjut li tingħata protezzjoni internazzjonali meħuda konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32:

    a)

    li l-qorti tal-ewwel istanza tagħti deċiżjoni għall-ewwel darba dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal protezzjoni internazzjonali u dwar il-kwistjoni tar-ripatrijazzjoni tal-persuna mingħajr Stat fil-pajjiż fejn kienet tirrisjedi qabel ippreżentat l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u dan wara li tkun obbligat lill-awtorità kompetenti tipproduċi l-provi neċessarji għal dan il-għan u wara li tkun tat lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni, jew

    b)

    li, minħabba ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, il-qorti tal-ewwel istanza jkollha tannulla d-deċiżjoni u tobbliga lill-awtorità kompetenti tieħu deċiżjoni ġdida dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali filwaqt li tosserva l-indikazzjonijiet mogħtija fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-liġi, b’mod partikolari billi twettaq intervista dwar l-ammissibbiltà, prevista fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/32 u billi tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk huwiex possibbli li l-persuna mingħajr Stat tintbagħat fil-pajjiż fejn kienet tirrisjedi qabel ippreżentat l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali?

    c)

    li l-qorti tal-ewwel istanza twettaq evalwazzjoni dwar in-natura ta’ Stat mingħajr perikolu fir-rigward tal-pajjiż fejn il-persuna kienet tirrisjedi, fil-mument tal-fażi orali tal-proċedura, jew fil-mument li fih tingħata d-deċiżjoni, f’sitwazzjoni fejn ikunu seħħew bidliet kunsiderevoli li jimmiltaw favur deċiżjoni favorevoli għall-persuna kkonċernata?

    5)

    L-għajnuna mogħtija mill-UNRWA għandha titqies li hija protezzjoni fis-sens tal-Artikolu 35(1)(b) tad-Direttiva 2013/32 fil-pajjiż ikkonċernat miż-żona fejn topera l-aġenzija jekk dan l-Istat josserva l-prinċipju ta’ non-refoulement fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève fil-konfront tal-persuni li jibbenefikaw mill-għajnuna ta’ din l-aġenzija?

    6)

    Mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], jirriżulta li d-dritt għal rimedju effettiv fil-kuntest previst, jiġifieri, ‘fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]’, jirriżulta li, fil-każ ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni li teżmina fil-mertu l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li tirrifjuta li tagħti tali protezzjoni, il-qorti tal-ewwel istanza hija meħtieġa tieħu deċiżjoni:

    a)

    li jkollha s-saħħa ta’ res judicata mhux biss fir-rigward tal-kwistjoni tal-legalità tar-rifjut li tingħata protezzjoni iżda wkoll fir-rigward tal-kwistjoni tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-persuna li tkun ippreżentat l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali konformement mad-Direttiva 2011/95, u dan anki f’sitwazzjoni fejn, konformement mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, il-protezzjoni internazzjonali tingħata biss permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva;

    b)

    dwar il-ħtieġa li tingħata protezzjoni internazzjonali billi twettaq eżami adegwat tal-applikazzjoni, irrispettivament mill-ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali mwettaq mill-awtorità kompetenti fl-eżami ta’ din l-applikazzjoni?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Kunsiderazzjonijiet preliminari

    67

    Peress li l-applikabbiltà ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32 li jirrigwardaw it-tielet sas-sitt domanda ma hijiex ċara u kienet is-suġġett ta’ dibattitu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom, preliminarjament, jingħataw xi preċiżjonijiet dwar dan is-suġġett.

    68

    Huwa stabbilit li din id-direttiva ssostitwixxiet id-Direttiva 2005/85 b’effett mill‑21 ta’ Lulju 2015, jiġifieri wara d-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    69

    F’dan il-kuntest, hemm lok jiġi rrilevat, minn naħa, li t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 tistipula li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015 għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2005/85.

    70

    Min-naħa l-oħra, l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 tippermetti l-applikazzjoni, għall-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015, ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw ir-regoli introdotti minn din id-direttiva. Fil-fatt, skont din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-imsemmija dispożizzjonijiet “fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati […] wara l‑20 ta’ Lulju 2015 jew f’data iktar kmieni.”

    71

    Mill-eżami tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2013/32, b’mod partikolari minn paragun tal-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-Ewwel Qari (UE) Nru 7/2013 bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, adottata fis‑6 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, C 179 E, p. 27), mal-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Standards Minimi għal Proċeduri fl-Istati Membri għall-Għoti u l-Irtirar tal-Protezzjoni Internazzjonali fl-Istati Membri (COM(2009) 554 final), jirriżulta li l-kliem “jew f’data aktar kmieni” ġew miżjuda matul il-proċess leġiżlattiv.

    72

    Konsegwentement, minkejja t-tensjoni li teżisti bejn l-ewwel u t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32, mill-imsemmi xogħol preparatorju jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-Istati Membri li xtaqu, li japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħhom li jimplimentaw din id-direttiva, b’effett immedjat, għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015.

    73

    Xorta jibqa’ l-fatt li, minkejja li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 awtorizza lill-Istati Membri japplikaw b’mod immedjat l-imsemmija dispożizzjonijiet għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015, huwa ma rabathomx li jagħmlu dan. Peress li din id-dispożizzjoni toffri, permezz tal-użu tal-kliem “mibdija wara l‑20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni”, diversi possibbiltajiet ta’ applikazzjoni ratione temporis, sabiex il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi jkunu osservati fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu għaldaqstant protetti mill-arbitrarjetà u jkollhom dritt għal rimedju effettiv fil-kuntest tal-proċeduri ta’ għoti jew ta’ rtirar tal-protezzjoni internazzjonali, kull Stat Membru marbut b’ din id-direttiva għandu jitratta, b’mod partikolari fuq il-livell tal-applikazzjoni ratione temporis tar-regola ta’ eżami sħiħ u ex nunc, b’mod preveżibbli u uniformi l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali kollha li huma ppreżentati fl-istess perijodu fit-territorju tiegħu.

    74

    Bi tweġiba għal talba għal kjarifika dwar dan is-suġġett, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li r-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc, stipulat fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, li kellu, skont l-Artikolu 51(1) ta’ din id-direttiva, jiġi implimentat sal‑20 ta’ Lulju 2015 l-iktar tard, ilu jeżisti fil-Bulgarija sa mill‑1 ta’ Marzu 2007, b’mod li l-leġiżlatur Bulgaru ma qiesx neċessarju li jieħu, matul it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, miżuri ta’ implimentazzjoni tal-imsemmi Artikolu 46(3).

    75

    F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti ċċitat diversi dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ rikorsi amministrattivi u pprovdiet informazzjoni fuq il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħha.

    76

    Fid-dawl ta’ din ir-risposta, jidher li t-tielet, ir-raba’ u s-sitt domanda, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, huma rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

    77

    Fil-fatt, jistgħu jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva mhux biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-għan espress tagħhom huwa li jittrasponu dik id-direttiva, iżda wkoll, sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjonijiet nazzjonali preeżistenti li jistgħu jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha fid-dritt intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso, C‑81/05, EU:C:2006:529, punt 29, kif ukoll tat‑23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 35).

    78

    F’dan il-każ, filwaqt li huwa minnu li l-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/32 fid-dritt Bulgaru daħlet fis-seħħ biss fix-xahar ta’ Diċembru 2015, jiġifieri wara l-preżentazzjoni, minn S. Alheto, tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha fl-Unjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mit-tweġiba tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifika jirriżulta madankollu li d-dritt Bulgaru jinkludi, sa mis-sena 2007, dispożizzjonijiet li jipprevedu rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc applikabbli għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

    79

    Minn din l-istess tweġiba jirriżulta li, skont il-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet tqiesu mill-awtoritajiet nazzjonali bħala li jistgħu jiżguraw it-traspożizzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 fid-dritt intern.

    80

    F’dawn il-kundizzjonijiet, u peress li d-Direttiva 2013/32 kienet diġà fis-seħħ meta saret il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva li hija mitluba mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tielet, ir-raba’ u s-sitt domanda għandha titqies bħala neċessarja għal din tal-aħħar sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punti 3740).

    81

    Fir-rigward tal-ħames domanda, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, li, flimkien mal-Artikolu 33(2)(b) ta’ din id-direttiva, jawtorizza lill-Istati Membri jiddikjaraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli meta l-applikant huwa suffiċjentement protett f’pajjiż terz, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din ir-raġuni tal-inammissibbiltà ma kinitx għadha ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Billi madankollu titlaq mill-premessa li tipprovdi li d-dispożizzjoni nazzjonali li sadanittant ittrasponiet l-imsemmija raġuni ta’ inammissibbiltà hija madankollu applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, liema premessa huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju biss li tivverifika l-fondatezza tagħha, dik il-qorti tistaqsi jekk tistax, fil-kuntest ta’ eżami sħiħ u ex nunc kif previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, tevalwa l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl ta’ tali raġuni ta’ inammissibbiltà u, fl-affermattiv, x’inhi l-portata ta’ tali raġuni ta’ inammissibbiltà.

    Fuq l-ewwel domanda

    82

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn persuna rreġistrata mal-UNRWA jeħtieġx eżami tal-kwistjoni dwar jekk din il-persuna tibbenefikax minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva mingħand dan l-organu.

    83

    Bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda qiegħda ssir minħabba l-fatt li l-assistent direttur tad-DAB ma eżaminax speċifikament, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni jew l-assistenza li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tgawdi minnha mingħand l-UNRWA fiż-żona ta’ operazzjoni ta’ dan l-organu kinitx waqfet, filwaqt li, li kieku din iċ-ċirkustanza ġiet stabbilita, ir-rikorrenti kienet tkun tista’ tibbenefika, fil-Bulgarija, mill-istatus ta’ refuġjat konformement mal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève u mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.

    84

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma tfakkar fil-punti 6 u 7 ta’ din is-sentenza, li l-UNRWA hija organu tan-Nazzjonijiet Uniti li twaqqaf sabiex jipproteġi u jassisti, fl-Istrixxa ta’ Gaża, fix-Xatt tal-Punent, fil-Ġordan, fil-Libanu u fis-Sirja, il-Palestinjani fil-kwalità tagħhom ta’ “refuġjati Palestinjani”. Minn dan isegwi li persuna, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li hija rreġistrata mal-UNRWA, tista’ tibbenefika minn protezzjoni u minn assistenza ta’ dan l-organu bl-għan li jservi l-benesseri tiegħu bħala refuġjat.

    85

    Minħabba dan l-istatus speċifiku ta’ refuġjat stabbilit fl-imsemmija territorji fil-Lvant Qarib għall-Palestinjani, il-persuni rreġistrati mal-UNRWA huma, bħala prinċipju, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, li tikkorrispondi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, esklużi mill-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni. Dan ingħad, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, li jikkorrispondi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenjoni ta’ Genève, jirriżulta li, meta l-applikant għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni ma jkunx għadu jgawdi mill-protezzjoni jew mill-assistenza tal-UNRWA, din l-esklużjoni ma tibqax tapplika.

    86

    Bħalma speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 tapplika meta jirriżulta, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali tal-elementi rilevanti kollha, li l-Palestinjan ikkonċernat jinsab fi stat personali ta’ nuqqas serju ta’ sigurtà u li l-UNRWA, li ntalbet l-assistenza tagħha mill-parti kkonċernata, tinsab f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li tiżguralu kundizzjonijiet ta’ ħajja konformi mal-missjoni tagħha, u dan il-Palestinjan ikollu għalhekk, minħabba ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tiegħu, jitlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA. F’dan il-każ, l-imsemmi Palestinjan jista’, għall-inqas sakemm jaqa’ taħt wieħed mir-raġunijiet ta’ esklużjoni stipulati fl-Artikolu 12(1)(b), fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, igawdi minnha ipso facto mingħajr ma jkollu neċessarjament juri biża’ bir-raġun li jiġi ppersegwitat, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-istess direttiva, sa meta jkun jista’ jirritorna lejn it-territorju fejn kellu r-residenza abitwali tiegħu (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et, C‑364/11, EU:C:2012:826, punti 49 sa 51, 58 sa 65, 75 sa 7781).

    87

    Mill-elementi mfakkra iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jistipula, minn naħa, raġuni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat u, min-naħa l-oħra, raġuni għat-twaqqif tal-applikazzjoni tal-imsemmija raġuni ta’ esklużjoni, u kemm waħda kif ukoll l-oħra tista’ tkun deċiżiva sabiex jiġi evalwat jekk il-Palestinjan ikkonċernat jistax ikollu l-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni. Bħalma rrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-regoli stipulati f’din id-dispożizzjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu għaldaqstant lex specialis. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din is-sistema għandhom jiġu applikati għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn persuna rreġistrata mal-UNRWA, sakemm din l-applikazzjoni ma tkunx ġiet miċħuda qabel abbażi ta’ raġuni ta’ esklużjoni oħra jew raġuni ta’ inammissibbiltà.

    88

    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, peress li din ġiet adottata abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 78(2)(a) TFUE u hija intiża għaldaqstant, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi sistema uniformi ta’ ażil, l-awtoritajiet kollha li huma kompetenti fl-Unjoni sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali għandhom japplikaw, meta l-applikant huwa persuna rreġistrata mal-UNRWA, id-dispożizzjonijiet li jittrasponu r-regoli stipulati fl-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva.

    89

    L-imsemmija dispożizzjonijiet huma applikabbli wkoll meta, bħal f’dan il-każ, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tinkludi, minbarra talba għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, talba għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, fl-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-awtorità kompetenti għandha tiddetermina qabelxejn jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Konsegwentement, il-fatt li r-regoli stipulati fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 ma japplikawx għall-parti tal-applikazzjoni dwar l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja, ma jeżentax lill-awtorità kompetenti mill-obbligu tagħha li tapplika qabelxejn id-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-imsemmija regoli, sabiex tivverifika jekk l-istatus ta’ refuġjat għandux jingħata.

    90

    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn persuna rreġistrata mal-UNRWA jeħtieġ eżami tal-kwistjoni dwar jekk din il-persuna tibbenefikax minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva mingħand dan l-organu, sakemm din l-applikazzjoni ma tkunx ġiet miċħuda qabel abbażi ta’ raġuni ta’ inammissibbiltà jew ta’ raġuni ta’ esklużjoni oħra differenti minn dik stipulata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.

    Fuq it-tieni domanda

    91

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix jew li tittrasponi b’mod skorrett ir-raġuni għall-waqfien tal-applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat li tinsab f’din id-dispożizzjoni ta’ din id-direttiva.

    92

    Bħalma ġie espost fil-punti 85 sa 87 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jinkludi, minn naħa, raġuni ta’ esklużjoni, li tipprovdi li kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li jgawdi minn protezzjoni jew minn assistenza ta’ organu jew ta’ istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għajr il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, huwa eskluż mill-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, raġuni għall-waqfien tal-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni ta’ esklużjoni, li tipprovdi li, meta l-imsemmija protezzjoni jew assistenza tieqaf mingħajr il-pożizzjoni ta’ dan iċ-ċittadin jew ta’ din il-persuna mingħajr stat tkun ġiet deċiża b’mod definittiv konformement mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti, l-imsemmi ċittadin jew persuna mingħajr Stat tkun tista’ ipso facto tgawdi minn din id-direttiva għall-finijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni.

    93

    Bħalma ġie rrilevat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, il-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 tikkorrispondi ma’ dik tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83.

    94

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li la tittrasponi din ir-raġuni ta’ esklużjoni u lanqas din ir-raġuni għall-waqfien tal-applikazzjoni tagħha.

    95

    Issa, f’dan il-każ, il-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB, fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2011/95, ma kienx jipprevedi tali raġuni għall-waqfien tal-applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni. Il-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB, fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, fir-rigward tiegħu, ittraspona it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, iżda juża, b’mod żbaljat, l-espressjoni “ma tkunx waqfet” minflok l-espressjoni “tkun waqfet”. Il-qorti tar-rinviju tqis li, f’tali ċirkustanzi, huwa diffiċli, jew saħansitra impossibbli, li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jiġu interpretati b’mod konformi mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.

    96

    Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju tal-possibbiltajiet previsti mid-dritt Bulgaru li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jiġu interpretati b’mod li jkun konformi mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 jew mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jipprekludu tali dispożizzjonijiet nazzjonali, peress li dawn jinkludu traspożizzjoni skorretta ta’ dawn id-direttivi.

    97

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandhomx effett dirett u jistgħux jiġu applikati anki jekk l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma għamilx riferiment espress għaliha.

    98

    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat, meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod skorrett (sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 33; tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 31, u tas‑7 ta’ Lulju 2016, Ambisig, C‑46/15, EU:C:2016:530, punt 16).

    99

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jissodisfaw dawn il-kriterji, għaliex dawn jistabbilixxu regola li l-kontenut tagħha huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwu u applikata mill-qorti. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu barra minn hekk li, fis-sitwazzjoni li huma jkopru, l-applikant ikkonċernat jista’ “ipso facto” jipprevalixxi ruħu mid-direttiva.

    100

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li S. Alheto targumenta, insostenn tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha, li, minkejja r-reġistrazzjoni tagħha mal-UNRWA, huwa biss l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni li jkun ta’ natura li jipproteġiha b’mod effettiv kontra t-theddid li hija esposta għalih. Minn dan isegwi li, minkejja li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali la għamlet riferiment espress għat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u lanqas għat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, xejn ma jżomm lill-qorti tar-rinviju milli tagħti deċiżjoni dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet.

    101

    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix jew li tittrasponi b’mod skorrett ir-raġuni għall-waqfien tal-applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat li huma jinkludu;

    għandhom effett dirett, u

    jistgħu jiġu applikati minkejja li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma għamilx riferiment espress għaliha.

    Fuq it-tielet domanda

    102

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru adita fl-ewwel istanza b’rikors kontra deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi, bħall-applikabbiltà tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għas-sitwazzjoni tal-applikant, li ma ġewx eżaminati mill-organu li ħa d-deċiżjoni.

    103

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li d-Direttiva 2013/32 twettaq distinzjoni bejn l-“awtorità determinanti”, li din tiddefinixxi fl-Artikolu 2(f) tagħha bħala “kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall- protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet”, minn naħa, u l-“qorti jew tribunal”, imsemmija fl-Artikolu 46 tagħha, min-naħa l-oħra. Il-proċedura quddiem l-awtorità responsabbli hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ Prima Istanza”, filwaqt li l-proċedura quddiem il-qorti ssegwi r-regoli stipulati fil-Kapitolu V tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċeduri tal-Appelli” u kkostitwit minn dan l-Artikolu 46.

    104

    Peress li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jirrigwarda, skont il-formulazzjoni tiegħu, “ta’ mill-inqas [il-]proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza”, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni pprovduta iktar ’il quddiem tapplika, mill-inqas, għal kwalunkwe qorti li hija adita bl-ewwel rikors kontra deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità determinanti ddeċidiet fl-ewwel lok fuq tali applikazzjoni. Bħalma jirriżulta mill-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, dan japplika wkoll meta din l-awtorità tkun ta’ natura semiġudizzjarja.

    105

    Hemm lok jitfakkar, sussegwentement, li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jispeċifika l-portata tad-dritt għar-rimedju effettiv li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandu, bħalma jipprevedi l-Artikolu 46(1) ta’ din id-direttiva, ikollhom kontra d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tagħhom.

    106

    B’dan il-mod, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jistipula li, sabiex ikunu konformi mal-Artikolu 46(1) tagħha, l-Istati Membri marbuta b’din id-direttiva għandhom jiżguraw li l-qorti li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija kkontestata magħha twettaq “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]”.

    107

    Fl-assenza ta’ riferiment għal-liġijiet tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2013/32, espost fil-premessa 4 tagħha, dan il-kliem għandu jiġi interpretat u applikat b’mod uniformi. Bħalma tenfasizza, barra minn hekk, il-premessa 13 ta’ din id-direttiva, l-approssimazzjoni tar-regoli proċedurali magħmula minnha għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95 u li tillimita b’dan il-mod il-movimenti tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri.

    108

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata tal-imsemmi kliem għandha tiġi ddeterminata konformement mas-sens abitwali tiegħu, billi jittieħed kunsiderazzjoni tal-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2014, Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 27; tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 29, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 73).

    109

    F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li din tfittex l-għan ġenerali li tistabbilixxi standards ta’ proċeduri komuni, id-Direttiva 2013/32 hija intiża, b’mod partikolari, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 18 tagħha, li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jsir “malajr kemm jista’ jkun […], mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut”.

    110

    F’din il-perspettiva, f’dak li jirrigwarda l-kliem “għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi”, hemm lok, sabiex ma titneħħilhomx it-tifsira normali tagħhom, li jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, li jadattaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li t-trattament tar-rikorsi msemmija jinkludi eżami, mill-qorti, tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jippermettulha twettaq evalwazzjoni aġġornata tal-każ inkwistjoni.

    111

    F’dan ir-rigward, l-espressjoni “ex nunc” tenfasizza l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ punti ġodda li jirriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors.

    112

    Tali evalwazzjoni tippermetti, fil-fatt, li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi pproċessata b’mod eżawrjenti mingħajr il-ħtieġa li l-fajl jintbagħat lura lill-awtorità determinanti. Is-setgħa li għaldaqstant għandha l-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni tal-punti ġodda li din l-awtorità ma tkunx tat deċiżjoni dwarhom tidħol fl-għan tad-Direttiva 2013/32, kif imfakkar fil-punt 109 ta’ din is-sentenza.

    113

    Min-naħa tiegħu, l-aġġettiv “sħiħ” li jinsab fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jikkonferma li l-qorti hija obbligata teżamina kemm il-punti li l-awtorità determinanti ħadet jew setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni minn din l-awtorità.

    114

    Barra minn hekk, peress li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, ir-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc jimplika li l-qorti adita bir-rikors għandha tisma’ lill-applikant, sakemm hija ma tqisx li tista’ twettaq l-eżami abbażi biss tal-informazzjoni fil-fajl, li tinkludi, skont il-każ, ir-rapport jew it-traskrizzjoni tal-intervista personali quddiem l-imsemmija awtorità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punti 3144). Fil-każ ta’ punti ġodda li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ rikors, il-qorti hija obbligata, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta, li toffri lill-applikant il-possibbiltà li jesprimi lilu nnifsu meta dawn il-punti jistgħu jaffettwawh b’mod sfavorevoli.

    115

    Fir-rigward tal-kliem “fejn applikabbli”, li jinsab fis-sentenza “inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]”, dawn jenfasizzaw, bħalma esponiet il-Kummissjoni matul is-seduta, il-fatt li l-eżami sħiħ u ex nunc li għandha twettaq il-qorti ma għandux neċessarjament jirrigwarda l-eżami fil-mertu tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali u li għaldaqstant jista’ jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan, skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32.

    116

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li mill-premessi 16 u 22, mill-Artikolu 4, kif ukoll mill-istruttura tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn organu amministrattiv jew semiġudizzjarju pprovdut b’riżorsi speċifiċi u b’persunal speċjalizzat fil-qasam huwa fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti minn din id-direttiva. Għaldaqstant, id-dritt li l-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jirrikonoxxi lill-applikant li jikseb eżami sħiħ u ex nunc quddiem qorti ma jistax inaqqas l-obbligu għal dan l-applikant li jikkoopera ma’ dan l-organu, kif irregolat mill-Artikoli 12 u 13 tal-imsemmija direttiva.

    117

    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jikkostitwixxi punt ta’ natura ġuridika rilevanti li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina fil-kwalità tagħha ta’ qorti tal-ewwel istanza, billi tinkludi, fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-elementi eventwali li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    118

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru adita fl-ewwel istanza b’rikors kontra deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija obbligata teżamina kemm il-punti ta’ fatt u ta’ liġi, kif ukoll l-applikabbiltà tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għas-sitwazzjoni tal-applikant, li l-organu li ħa din id-deċiżjoni ħa jew seta’ jieħu inkunsiderazzjoni, kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

    Fuq ir-raba’ domanda

    119

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikoli 18, 19 u 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura ġuridika jirrigwarda wkoll ir-raġunijiet tal-inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva u, fl-affermattiv, jekk, fil-każ ta’ eżami ta’ tali raġuni ta’ inammissibbiltà mill-qorti minkejja li din ir-raġuni ma ġietx eżaminata mill-awtorità determinanti, il-proċess għandu jintbagħat lura lil din l-awtorità sabiex tkun tista’ twettaq l-intervista tal-ammissibbiltà prevista fl-Artikolu 34 tal-imsemmija direttiva.

    120

    Bħalma ġie rrilevat fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, l-eżami sħiħ u ex nunc tar-rikors jista’ jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan. Konformement mal-għan tad-Direttiva 2013/32 li tistabbilixxi sistema li fiha, għall-inqas, il-qorti adita fl-ewwel istanza b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti twettaq eżami sħiħ u aġġornat, dik il-qorti tista’ b’mod partikolari tasal li tikkonstata li l-applikant igawdi minn protezzjoni suffiċjenti f’pajjiż terz, b’mod illi ma jibqax utli li jiġi eżaminat il-bżonn ta’ protezzjoni fl-Unjoni, u l-applikazzjoni għaldaqstant tkun, għal din ir-raġuni, “inammissibbli”.

    121

    F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet kumulattivi li l-applikazzjoni ta’ tali raġuni ta’ inammissibbiltà hija suġġetta għalihom, bħal dawk imsemmija, fir-rigward tar-raġuni dwar l-ewwel pajjiż ta’ ażil, fl-Artikolu 35 tal-imsemmija direttiva, jew, fir-rigward tar-raġuni dwar il-pajjiż terz bla periklu, fl-Artikolu 38 tal-istess direttiva, l-imsemmija qorti għandha teżamina sew jekk kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hijiex issodisfatta billi, skont il-każ, tistieden lill-awtorità determinanti sabiex tipproduċi kwalunkwe dokumentazzjoni u kwalunkwe fatt li jista’ jkun rilevanti.

    122

    F’dan il-każ, mill-formulazzjoni tar-raba’ domanda u mill-ispjegazzjonijiet relatati magħha jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ssemmi, skont il-każ, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil”, iddefinit fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, jew tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu”, iddefinit fl-Artikolu 38 ta’ din id-direttiva, li jagħmel riferiment għalih it-tieni paragrafu tal-Artikolu 35 tagħha, jew anki l-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini bla perikolu”, iddefinit fl-Artikolu 36(1) tal-istess direttiva, liema kunċett tal-aħħar huwa msemmi fil-punt (c) ta’ din ir-raba’ domanda.

    123

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini bla perikolu”, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett, bħala tali, ma huwiex fost wieħed mir-raġunijiet tal-inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32. Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi eżaminat iktar fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

    124

    Min-naħa l-oħra, sa fejn il-qorti tar-rinviju taħseb li tapplika l-kunċett tal-“ewwel pajjiż ta’ ażil” jew dak ta’ “pajjiż terz bla perikolu”, hija għandha twettaq l-eżami msemmi fil-punt 121 ta’ din is-sentenza u tiżgura, qabel tieħu deċiżjoni, li l-applikant kellu l-possibbiltà li jesponi personalment il-perspettiva tiegħu fuq l-applikabbiltà tar-raġuni ta’ inammissibbiltà għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu.

    125

    Filwaqt li d-dritt tal-applikant għal smigħ xieraq dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni tiegħu qabel tittieħed deċiżjoni dwar dan is-suġġett huwa ggarantit, fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-awtorità determinanti, mill-intervista personali prevista fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/32, dan id-dritt jirriżulta, matul il-proċedura ta’ rikors imsemmija fl-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva, mill-Artikolu 47 tal-Karta u jiġi eżerċitat għaldaqstant, jekk meħtieġ, permezz ta’ smigħ tal-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punti 37 sa 44).

    126

    Hemm lok jitqies, f’dan ir-rigward, li, fil-każ li r-raġuni ta’ inammissibbiltà eżaminata mill-qorti adita bir-rikors ġiet eżaminata wkoll mill-awtorità determinanti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, dik il-qorti tista’ tibbaża ruħha fuq ir-rapport tal-intervista personali magħmula mill-imsemmija awtorità, mingħajr ma twettaq smigħ tal-applikant, sakemm hija ma tqisux neċessarju.

    127

    Jekk, min-naħa l-oħra, l-awtorità determinanti ma eżaminatx din ir-raġuni ta’ inammissibbiltà u, konsegwentement, ma wettqitx l-intervista personali msemmija fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/32, huwa l-kompitu tal-qorti, fil-każ li din tqis li tali raġuni kien imissha ġiet eżaminata minn din l-awtorità jew għandha tiġi eżaminata issa minħabba li qamu elementi ġodda, li tipproċedi għal tali smigħ.

    128

    Bħalma huwa previst fl-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva 2013/32 għall-intervisti personali mwettqa mill-awtorità determinanti, l-applikant għandu, jekk ikun hemm bżonn, matul is-smigħ tiegħu mill-qorti, jibbenefika mis-servizzi ta’ interpretu sabiex jippreżenta l-argumenti tiegħu.

    129

    F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, il-punt, imqajjem mill-qorti tar-rinviju, dwar jekk ir-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura ġuridika għandux jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikoli 18 u 19 tal-Karta, huwa biżżejjed jiġi osservat li, filwaqt li d-drittijiet fundamentali ggarantiti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jirrigwardaw id-dritt għall-ażil u l-protezzjoni fil-każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni, rispettivament, għandhom jiġu rrispettati fl-implimentazzjoni ta’ tali rekwiżit, fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda preliminari, ma hemmx informazzjoni speċifika addizzjonali fir-rigward tal-portata tal-imsemmi rekwiżit.

    130

    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura ġuridika jista’ jirrigwarda wkoll ir-raġunijiet għal inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva, meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan, u li, fil-każ li l-qorti adita bir-rikors tkun tixtieq teżamina raġuni ta’ inammissibbiltà li ma ġietx eżaminata mill-awtorità determinanti, hija għandha twettaq smigħ tal-applikant sabiex tippermettilu jesponi personalment, f’lingwa li jifhem, il-perspettiva tiegħu dwar l-applikabbiltà tal-imsemmija raġuni għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu.

    Fuq il-ħames domanda

    131

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna rreġistrata mal-UNRWA għandha, jekk hija tgawdi minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva ta’ dan l-organu f’pajjiż terz li ma huwiex it-territorju li hija tgħix fih abitwalment iżda li jagħmel parti miż-żona ta’ operazzjoni tal-imsemmi organu, titqies li tgawdi minn protezzjoni suffiċjenti f’dan il-pajjiż terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    132

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda qiegħda ssir minħabba l-fatt li S. Alheto, matul il-kunflitt armat, fix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu 2014, bejn l-Istat ta’ Iżrael u l-Hamas, telqet mill-Istrixxa ta’ Gaża sabiex tikseb sigurtà fil-Ġordan, pajjiż fejn hija għexet u li minnu marret il-Bulgarija.

    133

    Il-Ġordan jagħmel parti miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA. Konsegwentement, u mingħajr ma huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina n-natura tal-mandat li jaqa’ fuq dan l-organu u lanqas il-kapaċitajiet tiegħu li jissodisfah, ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmi organu jista’, fil-Ġordan, joffri lil persuna rreġistrata miegħu kundizzjonijiet ta’ ħajja konformi mal-missjoni tiegħu wara li din il-persuna ħarbet mill-Istrixxa ta’ Gaża.

    134

    Għaldaqstant, fis-sitwazzjoni li persuna li tkun telqet miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA u ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni tgawdi fl-imsemmija żona minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva tal-UNRWA, li tippermettilha tirrisjedi hemmhekk f’sigurtà, f’kundizzjonijiet tal-ħajja dinjitużi u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju ta’ ripatrijazzjoni lejn it-territorju tar-residenza abitwali tagħha sakemm ma tkunx tista’ tirritorna hemmhekk f’sigurtà, din il-persuna ma tistax titqies mill-awtorità kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni bħala li hija obbligata, minħabba ċirkustanzi indipendenti mill-volontà tagħha, li titlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA. L-imsemmija persuna għandha, f’dan il-każ, tiġi eskluża mill-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni, konformement mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, kif interpretat mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 86 ta’ din is-sentenza.

    135

    F’dan il-każ, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali tal-punti rilevanti kollha, jekk il-każ ta’ S. Alheto jaqax taħt din l-ipoteżi.

    136

    Fl-affermattiv, din is-sitwazzjoni tista’ twassal, barra minn hekk, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet sussegwenti, għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sa fejn din tirrigwarda l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja.

    137

    Fil-fatt, l-Artikolu 33(2)(b) tad-Direttiva 2013/32 jippermetti lill-Istati Membri jqisu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li hija, fit-totalità tagħha, inammissibbli meta pajjiż li ma huwiex Stat Membru jitqies bħala l-ewwel pajjiż ta’ ażil tal-applikant, fis-sens tal-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva.

    138

    F’dan ir-rigward, skont il-kliem stess tal-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, pajjiż jista’ jitqies bħala li huwa l-ewwel pajjiż ta’ ażil ta’ applikant partikolari jekk dan ingħata l-kwalità ta’ refuġjat f’dan il-pajjiż u għadu jista’ jipprevalixxi ruħu minn din il-protezzjoni, jew jekk igawdi, f’aspetti oħrajn, minn protezzjoni suffiċjenti f’dan il-pajjiż, inkluż mill-benefiċċju tal-prinċipju ta’ non-refoulement, bil-kundizzjoni li jerġa’ jiddaħħal f’dan il-pajjiż.

    139

    Il-persuni rreġistrati mal-UNRWA għandhom, bħalma tfakkar fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, l-istatus ta’ “refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib”. Konsegwentement, huma ma jibbenefikawx minn status ta’ refuġjat speċifikament marbut mar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan u għaldaqstant ma jistgħux jaqgħu, bis-sempliċi fatt ta’ din ir-reġistrazzjoni u tal-protezzjoni jew tal-assistenza li tingħatalhom minn dan l-organu, taħt il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32.

    140

    Min-naħa l-oħra, Palestinjan irreġistrat mal-UNRWA li telaq mill-post ta’ residenza abitwali tiegħu fl-Istrixxa ta’ Gaża lejn il-Ġordan, qabel mar fi Stat Membru u hemmhekk ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandu jitqies li jgawdi, f’aspetti oħrajn, minn protezzjoni suffiċjenti f’dan il-pajjiż terz, inkluż mill-benefiċċju tal-prinċipju ta’ non-refoulement, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, sakemm, l-ewwel nett, ikun hemm il-garanzija li jista’ jerġa’ jidħol f’dak il-pajjiż, it-tieni nett, li hemmhekk jibbenefika minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva tal-UNRWA, li hija rrikonoxxuta, jew anki ssorveljata, mill-imsemmi pajjiż terz, u, it-tielet nett, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollhom iċ-ċertezza li huwa jista’ jissoġġorna f’dan l-istess pajjiż terz f’sigurtà u f’kundizzjonijiet tal-ħajja dinjitużi sakemm ir-riskji sostnuti fl-Istrixxa ta’ Gaża jagħmlu dan neċessarju.

    141

    Fil-fatt, f’dan il-każ, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, fil-kwalità tiegħu ta’ Stat indipendenti li t-territorju tiegħu huwa distint minn dak tar-residenza abitwali tal-parti kkonċernata, jikkostitwixxi, bl-impenn tiegħu li jerġa’ jdaħħal lill-parti kkonċernata, permezz tar-rikonoxximent tiegħu tal-protezzjoni jew tal-assistenza effettiva pprovduta mill-UNRWA, fit-territorju tiegħu u permezz tal-aderenza tiegħu għall-prinċipju ta’ non-refoulement, Stat li jagħti l-protezzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, u jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32 sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

    142

    Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa, jekk ikun il-każ wara li tordna lid-DAB tipproduċi kwalunkwe dokument u kwalunkwe fatt rilevanti, jekk il-kundizzjonijiet kollha deskritti fil-punt 140 ta’ din is-sentenza humiex issodisfatti f’dan il-każ.

    143

    Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna rreġistrata mal-UNRWA għandha, jekk hija tibbenefika minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva ta’ dan l-organu f’pajjiż terz li ma jikkorrispondix mat-territorju li fih hija tirrisjedi abitwalment iżda li jagħmel parti miż-żona ta’ operazzjoni tal-imsemmi organu, titqies li tgawdi minn protezzjoni suffiċjenti f’dan il-pajjiż terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dan:

    jimpenja ruħu li jerġa’ jdaħħal lill-parti kkonċernata wara li din tkun telqet mit-territorju tiegħu sabiex tapplika għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, u

    jirrikonoxxi l-imsemmija protezzjoni jew assistenza tal-UNRWA u jaderixxi għall-prinċipju ta’ non-refoulement, li jippermetti b’dan il-mod lill-parti kkonċernata li tissoġġorna fit-territorju tiegħu f’sigurtà, f’kundizzjonijiet tal-ħajja dinjitużi u sakemm ir-riskji sostnuti fit-territorju tar-residenza abitwali tiegħu jagħmlu dan neċessarju.

    Fuq is-sitt domanda

    144

    Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita fl-ewwel istanza b’rikors kontra deċiżjoni li tirrigwarda applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha, fil-każ li hija tannulla din id-deċiżjoni, tagħti deċiżjoni hija stess fuq din l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi tilqagħha jew tiċħadha.

    145

    F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jirrigwarda biss l-“eżami” tar-rikors u għaldaqstant ma jirrigwardax l-annullament potenzjali tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

    146

    Għaldaqstant, billi adotta d-Direttiva 2013/32, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jintroduċi regola komuni li tipprovdi li l-organu semiġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva kellu jitlef il-kompetenza tiegħu wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali tiegħu dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jipprevedu li l-fajl għandu, wara tali annullament, jintbagħat lura lil dan l-organu sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjoni ġdida.

    147

    Dan ingħad, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jitneħħielu kwalunkwe effett utli jekk kellu jiġi aċċettat li, wara li tingħata sentenza li permezz tagħha l-qorti fl-ewwel istanza wettqet, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, evalwazzjoni sħiħa u ex nunc tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant skont id-Direttiva 2011/95, l-imsemmi organu jkun jista’ jieħu deċiżjoni li tmur kontra din l-evalwazzjoni, jew ikun jista’ jħalli ammont kunsiderevoli ta’ żmien jiddekorri, li jista’ jżid ir-riskju li jqumu elementi li jeħtieġu evalwazzjoni aġġornata ġdida.

    148

    Konsegwentement, minkejja li d-Direttiva 2013/32 ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi regola komuni f’dak li jirrigwarda l-kompetenza sabiex tiġi adottata deċiżjoni ġdida dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali, madankollu mill-għan tagħha, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat ipproċessar kemm jista’ jkun malajr tal-applikazzjonijiet ta’ din in-natura, mill-obbligu li jiġi ggarantit effett utli għall-Artikolu 46(3) tagħha, kif ukoll mill-ħtieġa, li tirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta, li tiġi żgurata l-effettività tar-rikors, jirriżulta li kull Stat Membru marbut bl-imsemmija direttiva għandu jadatta d-dritt nazzjonali tiegħu b’mod li, wara annullament tad-deċiżjoni inizjali u fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-organu semiġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, tiġi adottata deċiżjoni ġdida fi żmien qasir u tkun konformi mal-evalwazzjoni inkluża fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni.

    149

    Minn dan isegwi li r-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jistabbilixxix regoli ta’ proċedura komuni f’dak li jirrigwarda l-kompetenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara l-annullament, mill-qorti adita bir-rikors, tad-deċiżjoni inizjali meħuda fuq din l-applikazzjoni. Madankollu, il-ħtieġa li jiġi żgurat effett utli għall-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva u li jiġi ggarantit rimedju effettiv konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li, fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-organu semiġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) tal-imsemmija direttiva, tiġi adottata deċiżjoni ġdida fi żmien qasir u tkun konformi mal-evalwazzjoni inkluża fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    150

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn persuna rreġistrata mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) jeħtieġ eżami tal-kwistjoni dwar jekk din il-persuna tibbenefikax minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva mingħand dan l-organu, sakemm din l-applikazzjoni ma tkunx ġiet miċħuda qabel abbażi ta’ raġuni ta’ inammissibbiltà jew ta’ raġuni ta’ esklużjoni oħra differenti minn dik stipulata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95.

     

    2)

    It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, u t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix jew li tittrasponi b’mod skorrett ir-raġuni għall-waqfien tal-applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat li huma jinkludu;

    għandhom effett dirett, u

    jistgħu jiġu applikati minkejja li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma għamilx riferiment espress għaliha.

     

    3)

    L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru adita fl-ewwel istanza b’rikors kontra deċiżjoni li tirrigwarda applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha teżamina l-punti ta’ fatt u ta’ liġi, bħall-applikabbiltà tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għas-sitwazzjoni tal-applikant, li l-organu li ħa din id-deċiżjoni ħa jew seta’ jieħu inkunsiderazzjoni, kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

     

    4)

    L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura ġuridika jista’ jirrigwarda wkoll ir-raġunijiet għal inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva, meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan, u li, fil-każ li l-qorti adita bir-rikors tkun tixtieq teżamina raġuni ta’ inammissibbiltà li ma ġietx eżaminata mill-awtorità determinanti, hija għandha twettaq smigħ tal-applikant sabiex tippermettilu jesponi personalment, f’lingwa li jifhem, il-perspettiva tiegħu dwar l-applikabbiltà tal-imsemmija raġuni għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu.

     

    5)

    Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna rreġistrata mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) għandha, jekk hija tibbenefika minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva ta’ dan l-organu f’pajjiż terz li ma jikkorrispondix mat-territorju li fih hija tirrisjedi abitwalment iżda li jagħmel parti miż-żona ta’ operazzjoni tal-imsemmi organu, titqies li tgawdi minn protezzjoni suffiċjenti f’dan il-pajjiż terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dan:

    jimpenja ruħu li jerġa’ jdaħħal lill-parti kkonċernata wara li din tkun telqet mit-territorju tiegħu sabiex tapplika għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea, u

    jirrikonoxxi l-imsemmija protezzjoni jew assistenza tal-UNRWA u jaderixxi għall-prinċipju ta’ non-refoulement, li jippermetti b’dan il-mod lill-parti kkonċernata li tissoġġorna fit-territorju tiegħu f’sigurtà, f’kundizzjonijiet tal-ħajja dinjitużi u sakemm ir-riskji sostnuti fit-territorju tar-residenza abitwali tiegħu jagħmlu dan neċessarju.

     

    6)

    L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jistabbilixxix regoli ta’ proċedura komuni f’dak li jirrigwarda l-kompetenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara l-annullament, mill-qorti adita bir-rikors, tad-deċiżjoni inizjali meħuda fuq din l-applikazzjoni. Madankollu, il-ħtieġa li jiġi żgurat effett utli għall-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva u li jiġi ggarantit rimedju effettiv konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li, fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-organu semiġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) tal-imsemmija direttiva, tiġi adottata deċiżjoni ġdida fi żmien qasir u tkun konformi mal-evalwazzjoni inkluża fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

    Top