Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0522

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017.
    A vs Staatssecretaris van Financiën.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni Doganali u Tariffa Doganali Komuni – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikolu 201(3), it-tieni subparagrafu, kif ukoll Artikolu 221(3) u (4) – Regolament (KEE) Nru 2777/75 – Regolament (KE) Nru 1484/95 – Dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni – Arranġament artifiċjali intiż sabiex jiġu evitati d-dazji addizzjonali dovuti – Dikjarazzjoni doganali bbażata fuq informazzjoni ta’ natura falza – Persuni li jistgħu jitqiesu responsabbli għad-dejn doganali – Terminu ta’ preskrizzjoni.
    Kawża C-522/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:778

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    19 ta’ Ottubru 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni Doganali u Tariffa Doganali Komuni – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Artikolu 201(3), it-tieni subparagrafu, kif ukoll Artikolu 221(3) u (4) – Regolament (KEE) Nru 2777/75 – Regolament (KE) Nru 1484/95 – Dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni – Arranġament artifiċjali intiż sabiex jiġu evitati d-dazji addizzjonali dovuti – Dikjarazzjoni doganali bbażata fuq informazzjoni ta’ natura falza – Persuni li jistgħu jitqiesu responsabbli għad-dejn doganali – Terminu ta’ preskrizzjoni”

    Fil-Kawża C-522/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura

    A

    vs

    Staatssecretaris van Financiën,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal A, minn C.H. Bouwmeester, bħala konsulent fiskali,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u H. Stergiou, bħala aġenti,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J. Van Holm, advocaten,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u F. Wilman, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 62, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) kif ukoll tal-Artikolu 221(3) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), moqrija flimkien, minn naħa, mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2777/75, tad-29 ta’ Ottubru 1975, dwar l-organizzazzjoni komuni fis-suq tal-laħam tat-tjur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 2, p. 138), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003, tal-14 ta’ April 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 301) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2777/75”) u, min-naħa l-oħra, mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1484/95, tat-28 ta’ Ġunju 1995, li jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni u jiffissa dazji addizzjonali tal-importazzjoni fl-oqsma tal-laħam tat-tjur u l-bajd u għall-albumina tal-bajd, u jħassar ir-Regolament Nru 163/67/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 17, p. 437), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/1999, tad-29 ta’ Marzu 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 89) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1484/95”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A u l-iStaatsecretaris van Financiën (segretarju tal-Istat għall-finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi), dwar diversi notifiki ta’ ħlas ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni u ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Il-Kodiċi Doganali

    3

    L-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali kien jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    9)

    ‘Dejn doganali’ tfisser l-obbligazzjoni fuq persuna li tħallas l-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni (dejn doganali fuq l-importazzjoni) jew dazji fuq l-esportazzjoni (dejn doganali fuq l-esportazzjoni) li japplika għal merkanzija speċifika skond id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li huma fis-seħħ;

    10)

    ‘Dazji fuq l-importazzjoni’ tfisser:

    dazji doganali u ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali li għandhom jitħallsu fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija,

    taxxi […] fuq l-importazzjoni introdotti skond il-politika komuni dwar l-agrikoltura jew skond arranġamenti speċifiċi applikabbli għal ċerta merkanzija bħala riżultat ta’ l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli;

    […]

    16)

    ‘Proċedura doganali’ tfisser:

    a)

    ħelsien għal ċirkolazzjoni libera;

    […]”

    4

    Skont l-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali:

    “1.   Dikjarazzjonijiet bil-miktub għandhom isiru fuq formola li tikkorrispondi mal-kampjun uffiċjali preskritt għal dak l-għan. Għandhom jiġu ffirmati u jkun fihom id-dettalji neċessarji għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.

    2.   Id-dikjarazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.”

    5

    L-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali kien jipprovdi kif ġej:

    “Ħelsien għal ċirkolazzjoni libera jagħti lil merkanzija mhux tal-Komunità l-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Komunità.

    Dan għandu jinvolvi l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali, kompletar ta’ formalitajiet oħra stipulati fir-rigward ta’ importazzjoni ta’ merkanzija u l-impożizzjoni ta’ kull dazju legalment dovut.”

    6

    L-Artikolu 201 tal-Kodiċi Doganali kien jipprovdi:

    “1.   Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

    a)

    tal-ħelsien għal ċirkolazzjoni libera ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni,

    jew

    b)

    tat-tqegħid ta’ dawk il-merkanziji taħt proċedura ta’ importazzjoni temporanja b’eżenzjoni parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni.

    2.   Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali konċernata.

    3.   Id-debitur għandu jkun id-dikjarant. F’każ ta’ rappreżentazzjoni indiretta, il-persuna li għan-nom tagħha tkun saret id-dikjarazzjoni doganali għandha wkoll tkun debitur.

    Fejn dikjarazzjoni doganali fir-rigward ta’ waħda mill-proċeduri li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 issir skond il-bażi ta’ informazzjoni li twassal sabiex id-dazji kollha legalment dovuti jew parti minnhom ma jinġabrux, il-persuni li jkunu pprovdew l-informazzjoni meħtieġa biex saret id-dikjarazzjoni u li kienu jafu, jew raġonevolment kellhom ikunu jafu li dik l-informazzjoni kienet falza, jistgħu wkoll jitqiesu bħala debituri skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ.”

    7

    L-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali kien jipprovdi:

    “1.   Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.

    […]

    3.   Ma għandhiex issir komunikazzjoni mad-debitur wara t-temma ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha ntefaq [tnissel] id-dejn mad-dwana. Dan il-perijodu ta’ żmien għandu jiġi sospiż mal-waqt tad-depożitu ta’ appell fit-tifsira ta’ l-Artikolu 243, għal matul il-proċedimenti ta’ l-appell.

    4.   Fejn id-dejn mad-dwana huwa riżultat ta’ att li, fiż-żmien li kien kommess, kien jista’ jwassal għal proċedimenti kriminali tal-qorti, l-ammont jista’, skond il-kondizzjonijiet preskritti fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ, jiġi komunikat lid-debitur wara li jgħaddi l-perijodu ta’ tliet snin riferit fil-paragrafu 3.”

    Ir-Regolament Nru 2777/75

    8

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2777/75 jelenka l-prodotti rregolati mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam tat-tjur.

    9

    L-Artikolu 5 tal-istess regolament jipprovdi:

    “1.   Biex ikunu evitati jew milqugħa effetti avversi fis-suq tal-Komunità li jistgħu jirriżultaw minn importazzjonijiet ta’ prodotti mniżżla fl-Artikolu 1, importazzjonijiet ta’ wieħed jew iktar prodotti bir-rata ta’ dazju stipulat fl-Artikolu 10 jkunu suġġetti għal pagament ta’ dazju addizzjonali jekk il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura konkluż skond l-Artikolu 228 tat-Trattat fl-ambitu tar-Round Urugwajan dwar in-negozjati fuq il-kummerċ multilaterali jkunu ġew esegwiti sakemm l-importazzjonijiet ma jidhrux li se jiddisturbaw s-suq tal-Komunità jew fejn l-effetti jidhru li mhux se jkunu proporzjonati ma’ l-oġġettiv intiż.

    2.   Il-prezzijiet tal-bidu [prezzijiet reazzjonali] taħt liema dazju addizzjonali jista’ jkun impost ikunu dawk mibgħuta mill-Komunità lill-Organiżazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

    Il-volumi tal-bidu [volumi reazzjonali] li jridu jinqabżu sabiex ikun impost dazju ta’ importazzjoni addizzjonali jkunu stabbiliti speċifikament a bażi ta’ importazzjonijiet fil-Komunità fit-tliet snin ta’ qabel is-sena li fiha l-effetti avversi li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1 jinqalgħu jew ikun hemm ċans li jinqalgħu.

    3.   Il-prezzijiet ta’ importazzjoni li għandhom jittieħdu in-konsiderazzjoni għall-impożizzjoni ta’ dazju ta’ importazzjoni jkunu deċiżi a bażi tal-prezz ta’ importazzjoni cif tal-konsinja in- kwistjoni.

    Il-prezz ta’ importazzjoni cif ikun ivverifikat għal dan l-iskop a bażi tal-prezzijiet rappreżentattivi għall-prodott in-kwistjoni fuq is-suq mondjali jew fuq is-suq ta’ importazzjoni tal-Komunità għall-prodott.

    4.   Il-Kummissjoni taddotta regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu skond il-proċedura stipulata f’Artikolu 17. Tali regoli dettaljati jkunu jispeċifikaw partikolarment:

    a)

    il-prodotti li magħhom jista’ jkun applikat dazju ta’ importazzjoni addizzjonali taħt it-termini ta’ Artikolu 5 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura;

    b)

    il-kriterja l-oħra meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 skond Artikolu 5 ta’ dak il-Ftehim.”

    Ir-Regolament Nru 1484/95

    10

    Ir-Regolament Nru 1484/95, fil-verżjoni inizjali tiegħu, ġie adottat abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 2777/75.

    11

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1484/95 jipprovdi:

    “Id-dazji addizzjonali ta’ l-importazzjoni li hmm referenza dwarhom fl-Artikolu 5(1) [tar-Regolament] […] Nru 2777/75 […], minn issa’ l quddiem imsejjħin ‘id-dazji addizzjonali’, japplikaw għall-prodotti elenkati fl-Anness I u li joriġinaw mil-pajjiżi indikati.

    Il-prezzijiet li joħolqu effett [prezzijiet reazzjonali] korrispondenti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 5(2) [tar-Regolament] Nru 2777/75 […] huma murija fl-Anness II.”

    12

    L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Id-dazju addizzjonali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz cif ta’ l-importazzjoni tal-konsenja f’dak il-każ bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4.

    2.   Meta l-prezz cif ta’ l-importazzjoni kull 100 kg ta’ konsenja ikun ogħla mill-prezz rappreżentattiv applikabbli li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 2(1), l-importatur għandu jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri li jimportaw ta’ l-anqas il-provi li ġejjin:

    il-kuntratt tax-xiri, jew kull dokument ieħor ekwivalenti,

    il-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni,

    il-fattura,

    iċ-ċertifikat ta’ l-oriġini (meta applikabbli),

    il-kuntratt tat-trasport,

    u, fil-każ ta’ trasport bil-baħar, il-polza tal-merkanzija.

    3.   Fil-każ li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 2, l-importatur għandu jippreżenta l-garanzija li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 248(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 [tat-2 ta’ Lulju 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3)], egwali għall-ammont tad-dazju addizzjonali li hu kien ikun ħallas kieku l-kalkolu tad-dazju addizzjonali kien sar fuq il-bażi tal-prezz rappreżentattiv applikabbli għall-prodott f’dak il-każ […].

    4.   L-importatur għandu jkollu xahar żmien mill-bejgħ tal-prodotti f’dak il-każ, bla ħsara għal limitu ta’ sitt xhur mid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, biex jagħti prova li l-konsenja tkun ġiet mibjugħa skond il-kondizzjonijiet li jkunu konfermi dwar il-korrettezza tal-prezzijiet li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2. Min jonqos li jissodisfa waħda jew oħra minn dawn id-dati ta’ limitu jitlef il-garanzija ppreżentata. Minkejja dan, il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur jista’ jiġi mtawwal mill-awtoritajiet kompetenti b’massimu ta’ tliet xhur fuq it-talba ta’ l-importatur, li għandha tkun issostanzjata kif jixraq.

    Il-garanzija ppreżentata għandha tiġi rrilaxxata sal-punt li prova tal-kondizzjonijiet għall-bejgħ tkun ipprovduta għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali.

    Inkella, l-assigurazzjoni għandha tkun isekwestrata permezz tal-ħlas ta’ dazji addizzjonali.

    5.   Jekk wara l-verifika, l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu li l-ħtiġiet ta’ dan l-Artikolu ma jkunux ġewx milqugħa, huma għandhom jieħdu lura d-dazju xieraq skond l-Artikolu 220 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92. L-ammont tad-dazju li għandu jittieħed lura jew li jkun fadal li jittieħed lura għandu jinkludi l-imgħax mid-data li l-oġġetti jkunu rrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera sad-data ta’meta jittieħdu lura. Ir-rata applikabbli ta’ l-imgħax għandha tkun dik fis-seħħ għal ħidmiet ta’ rkupru simili skond il-liġi nazzjonali.”

    13

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru°1484/95 jipprovdi:

    “1.   Jekk id-differenza bejn il-prezz li joħloq effett [prezz reazzjonali] li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 1(2) u l-prezz cif ta’ l-importazzjoni tal-konsenja f’dak il-każ:

    a)

    hija anqas jew daqs 10 % tal-prezz li joħloq effett [prezz reazzjonali], ma għandu jkun impost l-ebda dazju addizzjonali;

    b)

    hija ogħla minn 10 % iżda anqas jew daqs 40 % tal-prezz li joħloq effett, id-dazju addizzjonali għandu jkun daqs 30 % ta’ l-ammont li bih id-differenza teċċedi 10 %;

    c)

    hija ogħla minn 40 % iżda anqas jew daqs 60 % tal-prezz li joħloq effett, id-dazju addizzjonali għandu jkun daqs 50 % ta’ l-ammont li bih id-differenza teċċedi 40 %, flimkien mad-dazju addizzjonali konċess taħt (b);

    d)

    hija ogħla minn 60 % iżda anqas jew daqs 75 %, id-dazju addizzjonali għandu jkun daqs 70 % ta’ l-ammont li bih id-differenza teċċedi 60 % tal-prezz li joħloq effett, flimkien mad-dazji addizzjonali konċessi taħt (b) u (ċ);

    e)

    hija ogħla minn 75 % tal-prezz li joħloq effett, id-dazju addizzjonali għandu jkun daqs 90 % ta’ l-ammont li bih id-differenza teċċedi 75 %, flimkien mad-dazji addizzjonali konċessi taħt (b), (ċ) u (d).”

    14

    Il-prezz reazzjonali u l-prezz rappreżentattiv għal kull prodott kopert mir-Regolament Nru 1484/95 kienu indikati, rispettivament, fl-Anness II u fl-Anness I ta’ dan ir-regolament.

    Id-dritt Olandiż

    L-AWR

    15

    L-Artikolu 22e tal-Algemene wet inzake rijksbelastingen (liġi ġenerali dwar it-taxxi tal-Istat), tat-2 ta’ Lulju 1959 (Stb. 1959, Nru°301), fil-verżjoni applikabbli sal-1 ta’ Frar 2008 (iktar ’il quddiem l-“AWR”), jipprovdi:

    “1.   Fejn l-ammont eżatt tad-dazji fuq l-importazzjoni legalment dovuti ma setax jiġi ddeterminat minħabba att suġġett għal proċeduri ġudizzjarji kriminali, in-notifika ta’ ħlas tista’ tiġi stabbilita fi żmien ħames snin b’effett mid-data tat-tnissil tad-dejn doganali.

    2.   Il-paragrafu 1 ma huwiex applikabbli fir-rigward tal-persuni li l-att jew l-ommissjoni tagħhom ma kinux intiżi li jevadu d-dazji fuq l-importazzjoni.”

    Il-liġi dwar id-dazju

    16

    L-Artikolu 48(1) tad-Douanewet (liġi dwar id-dazju), tat-2 ta’ Novembru 1995 (Stb. 1995, Nru 553), fil-verżjoni applikabbli sal-1 ta’ Awwissu 2008, jipprovdi:

    “1.   Kull persuna li:

    a.

    tissottometti dikjarazzjoni legalment inkorretta jew inkompleta;

    b.

    hija legalment marbuta:

    1.

    tipprovdi informazzjoni, data jew indikazzjonijiet, u ma tipprovdihomx jew tipprovdihom b’mod inkorrett jew inkomplet;

    […]

    teħel piena ta’ sitt xhur priġunerija jew ta’ multa tat-tielet kategorija.”

    Id-digriet dwar id-dwana

    17

    L-Artikolu 54 tad-Douanebesluit (digriet dwar id-dwana), tal-4 ta’ Marzu 1996 (Stb. 1996, Nru 166), jipprovdi kif ġej:

    “Meta tiġi stabbilita dikjarazzjoni doganali li hemm riferiment għaliha fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali […], abbażi ta’ informazzjoni li twassal sabiex id-dazji kollha jew parti minnhom ma jiġux irkuprati kompletament, il-persuna li tkun ipprovdiet din l-informazzjoni li hija neċessarja sabiex titfassal id-dikjarazzjoni u li kienet taf, jew li kellha raġonevolment tkun taf, li tali informazzjoni kienet falza, tista’ wkoll titqies bħala debitur fir-rigward tad-dazji fuq l-importazzjoni dovuti.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18

    Matul is-snin 2005 u 2006, il-kumpannija F, li s-sede tagħha jinsab fil-Ġermanja, għamlet diversi dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ lottijiet ta’ laħam tat-tiġieġ nej iffriżat li joriġina b’mod partikolari mill-Brażil u mill-Arġentina.

    19

    Matul dan il-perijodu, l-ishma kollha tal-kumpannija F kienu jappartjenu lill-kumpannija D, stabbilita fil-Ġermanja wkoll. A, iben B, u terz X, kienu kollha azzjonisti tal-kumpannija D u kienu jagħmlu parti mill-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar. Sa Frar 2005, A kien l-amministratur tal-kumpannija F u sussegwentement ġie ssostitwit f’din il-funzjoni minn X.

    20

    Il-kumpannija F kienet xtrat il-prodotti kkonċernati mid-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera msemmija fil-punt 18 tas-sentenza preżenti mingħand il-kumpannija K, stabbilita fl-Urugwaj. Flimkien mal-imsemmija dikjarazzjonijiet, kien hemm fatturi stabbiliti mill-kumpannija K u l-prezz indikat fuq dawn id-dikjarazzjonijiet kien dak iffatturat mill-kumpannija K lill-kumpannija F. Il-prezz imħallas minn din l-aħħar kumpannija, ikkonvertit fi prezz tal-importazzjoni cif konformement mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2777/75, kien f’kull każ ogħla mill-prezz indikattiv, bil-konsegwenza li ebda dazju fuq l-importazzjoni addizzjonali msemmi mir-Regolamenti Nru 2777/75 u Nru 1484/95 ma kien dovut.

    21

    Sussegwentement, il-kumpannija F biegħet dawn il-prodotti kollha lill-kumpannija G, stabbilita fl-Isvizzera, u sabiex tikkonforma mal-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 1484/95, issottomettiet lill-awtoritajiet Olandiżi l-fatturi korrispondenti ma’ dan il-bejgħ. Il-prezz iffatturat mill-kumpannija F lill-kumpannija G kien sistematikament ogħla minn dak iffatturat mill-kumpannija K lill-kumpannija F. 99 % tal-ishma tal-kumpannija G kienu jappartjenu lill-iben A, B, li kien ukoll amministratur tal-kumpannija G.

    22

    L-awtoritajiet doganali Olandiżi talbu informazzjoni dwar il-bejgħ mill-ġdid sussegwenti tal-prodotti importati mill-kumpannija F. Fin-nuqqas ta’ risposti sodisfaċenti, huma qiesu li d-dokumenti ppreżentati mill-kumpannija F ma kinux jippermettu li jiġi ddeterminat jekk il-prezz tal-importazzjoni cif iffatturat lil din il-kumpannija kienx ogħla mill-prezz indikattiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-10 ta’ Settembru 2008, il-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (ministru tal-agrikoltura, tan-natura u tal-kwalità alimentari, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità doganali, ħareġ sensiela ta’ notifiki ta’ ħlas (iktar ’il quddiem l-“avviżi tat-taxxa I”), indirizzati, b’mod partikolari, lil A, sabiex jirkupra, skont l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1484/95, il-ħlas tad-dazji addizzjonali fuq l-importazzjonijiet imsemmija fid-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera kkonċernati, kif ukoll, għal parti mill-prodotti kkonċernati, il-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ.

    23

    Wara spezzjoni supplimentari, l-awtoritajiet doganali Olandiżi stabbilixxew li x-xiri u l-bejgħ ta’ prodotti importati mill-kumpannija F kienu dejjem twettqu skont skema speċifika. Il-kumpannija G kienet tixtri l-prodotti kkonċernati mingħand fornituri Sudamerikani, bi prezz inqas mill-prezz indikattiv u kienet tbigħhom mill-ġdid lill-kumpannija K bi prezzijiet kunsiderevolment ogħla mill-prezz indikattiv. Din l-aħħar kumpannija kienet tbigħ il-prodotti bi prezz kunsiderevolament ogħla minn dak li bih kienet tixtrihom hija stess mingħand il-kumpannija F, u wara kienet timporta dawn il-prodotti bil-għan ta’ rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea. Il-kumpannija F imbagħad kienet tbigħhom mill-ġdid lil kumpannija G bi prezz anki ogħla. Il-kumpannija G kienet sussegwentement tbigħhom lill-kumpannija D bi prezz orħos mill-prezz li bih tkun xtrathom u mill-prezz indikattiv. Fl-aħħar nett, il-kumpannija D kienet tbigħ il-prodotti lil klijent bi prezz ogħla mill-prezz li bih kienet tixtrihom mingħand il-kumpannija G, iżda orħos kemm mill-prezz li l-kumpannija G kienet ħallset lil kumpannija F, mill-prezz imħallas mill-kumpannija F lill-kumpannija K fl-importazzjoni tal-prodotti, kif ukoll mill-prezz indikattiv.

    24

    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet u tar-rabtiet mill-qrib bejn il-kumpanniji D, F u G, l-awtoritajiet doganali Olandiżi qiesu li A kienet implementat, flimkien ma’ operaturi oħra, katina ta’ tranżazzjonijiet li permezz tagħha l-prezz inizjali ta’ prodotti koperti mir-Regolament Nru 2777/75, mixtrija mingħand fornituri indipendenti Sudamerikani, kien artifiċjalment miżjud matul it-tranżazzjonijiet sussegwenti, b’mod li l-prezz tal-importazzjoni cif inkwistjoni kien ogħla mill-prezz indikattiv, sabiex jiġi evitat il-ħlas ta’ dazji addizzjonali msemmija fir-Regolamenti Nru 2777/75 u Nru 1484/95. Għaldaqstant, il-Ministru qies li l-kuntratti ta’ xiri u ta’ bejgħ konklużi bejn il-kumpanniji G u K, kif ukoll bejn il-kumpanniji K u F, kif ukoll kuntratti konklużi bejn il-kumpanniji relatati D, F u G, kienu jikkonċernaw tranżazzjonijiet fittizzji. Konsegwentement, huwa qies li l-prezz iffatturat lil G mill-fornituri Sudamerikani inizjali kien iservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-prezz tal-importazzjoni cif u ta’ kwalunkwe dazji addizzjonali dovuti.

    25

    Peress li l-prezzijiet tal-importazzjoni cif hekk ikkalkolati kienu orħos mill-prezzijiet rappreżentattivi li ttieħdu inkunsiderazzjoni meta nħarġu l-avviżi tat-taxxa I, ammont tad-dazju addizzjonali ogħla minn dak mitlub fl-imsemmija avviżi kien dovut għal kull waħda mid-dikjarazzjonijiet sottomessi mill-kumpannija F. Billi qies li d-dejn doganali inkwistjoni tnissel wara l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni inkorretta, fis-sens tal-Artikolu 48(1) tal-liġi dwar id-dwana, il-Ministru qies li, skont l-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 22e(1) tal-AWR, id-dazji addizzjonali dovuti setgħu jintalbu wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin imsemmi fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali.

    26

    Konsegwentement, fis-7 u fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Ministru indirizza, b’mod partikolari lil A, notifiki ta’ ħlas rigward id-dazji addizzjonali supplimentari dovuti (iktar ’il quddiem l-“avviżi tat-taxxa II”). Dawn l-avviżi, l-istess bħall-avviżi tat-taxxa I, ġew adottati abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-Artikolu 54 tad-digriet dwar id-dwana, peress li l-prezzijiet indikati fid-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera sottomessi mill-kumpannija F kienu joriġinaw minn fatturi stabbiliti fuq talba ta’ A, filwaqt li dan tal-aħħar kellu għarfien jew seta’ raġonevolment ikollu għarfien tal-fatt li l-imsemmija fatturi kienu bbażati fuq tranżazzjonijiet artifiċjali.

    27

    Fit-22 ta’ Settembru 2008 u fid-19 ta’ Mejju 2010, A ppreżenta rikorsi quddiem l-awtorità doganali kompetenti Olandiża, kontra l-avviżi tat-taxxa I u l-avviżi tat-taxxa II, rispettivament. Dawn ir-rikorsi ġew miċħuda bid-deċiżjonijiet tas-16 ta’ Jannar 2012, li A kkontestat quddiem ir-Rechtbank Noord-Holland (qorti distrettwali provinċjali ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi). Peress li r-rikors ta’ A quddiem din l-aħħar qorti ġie miċħud bħala infondat, A appella mid-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li ċaħdet l-appell bħala infondat u kkonfermat is-sentenza fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, A appella fil-kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam), quddiem il-qorti tar-rinviju.

    28

    Il-qorti tar-rinviju tikkondividi l-evalwazzjoni tal-Gerechtshof Amsterdam, li tgħid li t-tranżazzjonijiet tal-katina kkonċernati mill-kawża prinċipali kienu jikkostitwixxu prattiki abbużivi, fis-sens tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, EU:C:2006:121, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri tranżazzjonijiet li ma twettqux fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali, iżda biss bil-għan li jittieħdu abbużivament il-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, ir-Regolamenti Nru 2777/75 u Nru 1484/95.

    29

    Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1484/95, il-kumpannija F kellha tippreżenta lill-awtoritajiet doganali Olandiżi l-fatturi stabbiliti mill-fornituri Sudamerikani u indirizzati lill-kumpannija G. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk in-nuqqas tal-kumpannija F li tippreżenta dawn il-fatturi jammontax għal preżentazzjoni ta’ informazzjoni “meħtieġa biex saret id-dikjarazzjoni […] falza” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali.

    30

    Il-qorti tar-rinviju għandha wkoll dubji dwar il-portata preċiża tal-kunċett ta’ “persuni li jkunu pprovdew […] informazzjoni […] falza” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk dan il-kunċett japplikax ukoll għal persuna fiżika, bħal A, li la pprovdiet hija stess l-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi stabbilita d-dikjarazzjoni doganali u lanqas ma tista’ tinżamm responsabbli għal din il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni bħala korp jew uffiċjal ta’ persuna ġuridika, iżda kienet strettament u konsapevolment involuta fit-tfassil u fil-ħolqien artifiċjali ta’ struttura ta’ kumpanniji u ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali li fil-kuntest tagħhom persuni oħra pprovdew informazzjoni.

    31

    Barra minn hekk, peress li, quddiem il-qrati Olandiżi, A sostna li għamel hekk biss wara li kien kiseb konferma minn speċjalisti tad-dritt doganali tal-konformità ta’ din l-istruttura mar-regoli legali, b’mod partikolari, dawk fiskali, il-qorti nazzjonali tistaqsi dwar ir-rilevanza ta’ dan il-fatt fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni, stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali, li jipprovdi li l-persuni li jkunu pprovdew informazzjoni kellhom raġonevolment ikollhom għarfien tal-fatt li tali informazzjoni kienet falza.

    32

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi Doganali, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kwistjoni dwar jekk il-Ministru kienx awtorizzat joħroġ l-avviżi tat-taxxa II iktar minn tliet snin wara l-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi Doganali, jidher li japplika biss għas-sitwazzjonijiet li fihom il-merkanzija tkun daħlet illegalment fit-territorju tal-Unjoni, bħal fil-każ ta’ kuntrabandu, u mhux għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont din il-qorti, minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dejn doganali jitnissel mal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali, li ma huwiex att suġġett għal proċeduri ġudizzjarji kriminali.

    33

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tindika li fis-sitwazzjoni li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi Doganali fis-sens li l-proroga tal-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi invokat meta d-dejn doganali jitnissel abbażi tal-Artikolu 201, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-avviżi tat-taxxa II kinux legali, peress li t-terminu ta’ tliet snin mid-data li fiha tnissel id-dejn doganali kien ġie sospiż, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, wara l-preżentazzjoni tar-rikors ta’ A kontra l-avviżi tat-taxxa I. Hija tqis, madankollu, li għandu jiġi ddeterminat jekk, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, il-preżentata ta’ rikors tippermettix lill-awtoritajiet doganali, sakemm ir-rikors ikun pendenti, jirkupraw ħlasijiet supplimentari fir-rigward ta’ dawk mitluba fl-avviż tat-taxxa li huwa s-suġġett tar-rikors.

    34

    Għaldaqstant, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    L-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-[…], u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 2777/75 u Nru 1484/95, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni meħtieġa sabiex issir id-dikjarazzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali, tinkludi wkoll id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1484/95?

    2)

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li tagħmel parti mill-persuni li jistgħu jitqiesu li huma debituri anki l-persuna fiżika li ma wettqitx hija stess, fattwalment, l-att deskritt f’dan is-subparagrafu (“[ipprovdiet] l-informazzjoni meħtieġa biex saret id-dikjarazzjoni”) u lanqas ma tista’ tinżamm responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ dan l-att bħala uffiċjal, iżda li kienet involuta mill-qrib u konsapevolment fit-tfassil u l-formazzjoni sussegwenti ta’ struttura ta’ kumpanniji u ta’ flussi kummerċjali li fil-kuntest tagħha, imbagħad (persuni oħra) “pprovdew l-informazzjoni meħtieġa biex saret id-dikjarazzjoni”?

    3)

    Il-kundizzjoni “li kienu jafu, jew raġonevolment kellhom ikunu jafu li dik l-informazzjoni kienet falza” imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali, għandha tiġi interpretata fis-sens li persuni ġuridiċi u fiżiċi, li huma operaturi ekonomiċi ta’ esperjenza, ma jisgħux jinżammu responsabbli għall-ħlas tad-dazji addizzjonali li huma dovuti minħabba abbuż ta’ dritt, jekk huma jkunu ħolqu l-istruttura ta’ tranżazzjonijiet bl-għan li jevitaw id-dazji addizzjonali biss wara li rċevew il-konferma minn esperti rinomati fil-qasam tad-dritt doganali li din l-istruttura kienet legalment u fiskalment aċċettabbli?

    4)

    L-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ tliet snin ma jiġġeddidx meta, wara l-iskadenza tat-terminu msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, jiġi stabbilit li dazji fuq l-importazzjoni li jirriżultaw, b’applikazzjoni tal-Artikolu 201 tal-Kodiċi Dognali, mill-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija, ma nġabrux preċedentement minħabba l-provvista ta’ informazzjoni falza jew inkompleta fid-dikjarazzjoni?

    5)

    L-Artikolu 221(3) u (4) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta d-debitur tad-dejn doganali jkun diġà rċieva, fir-rigward ta’ dikjarazzjoni doganali, komunikazzjoni tal-ammont tad-dazji dovuti u meta l-imsemmi debitur ikun appella minn din il-komunikazzjoni taħt l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali huma awtorizzati, fir-rigward tal-istess dikjarazzjoni doganali, flimkien mal-komunikazzjoni kkontestata quddiem qorti, iwettqu rkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni legalment dovuti, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi Doganali?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    35

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dokumenti li l-preżentazzjoni tagħhom hija meħtieġa mir-Regolament Nru 1484/95 jikkostitwixxux informazzjoni neċessarja għall-istabbiliment tad-dikjarazzjoni doganali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 201(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li r-rilaxx għaċ-ċirkulazjoni libera ta’ beni li jista’ jkun suġġett għad-dazju fuq l-importazzjoni jnissel dejn doganali fuq l-importazzjoni.

    37

    Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 62(2) tal-Kodiċi Doganali, flimkien mad-dikjarazzjoni doganali għandu jkun hemm id-dokumenti kollha li l-produzzjoni tagħhom hija neċessarja għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema doganali li għaliha huma ddikjarati l-beni.

    38

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sistema doganali li għalihom il-beni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu ġew iddikjarati hija dik tar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera li timplika, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali, l-applikazzjoni ta’ dazju legalment dovut. Mill-Artikolu 4(10) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta wkoll li dan id-dazju jinkludi, b’mod partikolari, l-imposti fuq l-importazzjoni stabbiliti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni jew skont l-arranġamenti speċifiċi applikabbli għal ċerti beni li jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli.

    39

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-beni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma lottijiet ta’ prodotti li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2777/75. Dan ir-regolament ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 42 u 43 KEE, li issa saru l-Artikoli 42 u 43 TFUE, li jirrigwardaw il-politika agrikola komuni. Għaldaqstant, id-dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu “taxxi […] fuq l-importazzjoni introdotti skond il-politika komuni dwar l-agrikoltura”, fis-sens tal-Artikolu 4(10) tal-Kodiċi Doganali.

    40

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, f’dan il-każ, il-prezz tal-importazzjoni cif għal kull 100 kilogramma ta’ kunsinna indikat fid-dokument amministrattiv uniku kien ogħla mill-prezz indikattiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1484/95 jipprovdi li l-importatur għandu jippreżenta bħala provi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ importazzjoni, minn tal-inqas, id-dokumenti diversi elenkati f’din id-dispożizzjoni.

    41

    Isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-produzzjoni ta’ dokumenti msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1484/95 għandha titqies bħala li hija neċessarja sabiex tippermetti l-istabbiliment ta’ dikjarazzjoni doganali, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali.

    42

    Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dokumenti li l-produzzjoni tagħhom hija meħtieġa mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1484/95 jikkostitwixxu informazzjoni neċessarja għall-istabbiliment tad-dikjarazzjoni doganali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq it-tieni u t-tielet domanda

    43

    Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “debitur” ta’ dejn doganali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-persuna fiżika li tkun strettament u konsapevolment involuta fit-tfassil u fil-ħolqien artifiċjali ta’ struttura ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali li għandhom bħala effett li jnaqqsu l-ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni legalment dovut, filwaqt li, minn naħa, hija ma kkomunikatx hija stess l-informazzjoni li serviet ta’ bażi għall-istabbiliment tad-dikjarazzjoni doganali u, min-naħa l-oħra, issoktat bit-tfassil u bl-implementazzjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet wara li kisbet, min-naħa ta’ esperti tad-dritt doganali, l-assigurazzjoni tal-legalità tagħhom.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali, meta dikjarazzjoni doganali, għas-sistemi doganali kkonċernati, tiġi stabbilita abbażi ta’ informazzjoni li twassal sabiex id-dazji kollha jew parti minnhom legalment dovuti ma jiġux irkuprati, il-persuni li jkunu pprovdew din l-informazzjoni, neċessarja għall-istabbiliment tad-dikjarazzjoni, li kellhom għarfien jew seta’ raġonevolment ikollhom għarfien tal-fatt li l-informazzjoni kienet falza, jistgħu wkoll jitqiesu li huma debituri konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ.

    45

    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li informazzjoni li tkun serviet ta’ bażi għall-istabbiliment ta’ dikjarazzjoni doganali għandha titqies bħala “falza” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta din twassal sabiex id-dazji fuq l-importazzjoni kollha jew parti minnhom legalment dovuti ma jiġux irkuprati.

    46

    Konsegwentement, ladarba tiġi stabbilita dikjarazzjoni doganali abbażi tal-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet kummerċjali mwettqa bil-għan li jitnaqqas artifiċjalment l-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni li għandhom jitħallsu, din l-informazzjoni għandha titqies bħala “falza” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali, peress li twassal sabiex id-dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni, stabbiliti mir-Regolament Nru 2777/75, ma jiġux irkuprati, kompletament jew parzjalment, għall-beni kkonċernati.

    47

    Rigward il-kwistjoni dwar jekk persuna li hija strettament u konsapevolment involuta fit-tfassil u fil-ħolqien artifiċjali ta’ struttura ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali li taw lok għal tali informazzjoni tistax titqies bħala persuna li pprovdiet din l-informazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jistgħu jkunu debituri ta’ dejn doganali mhux biss id-dikjarant jew, fil-każ ta’ rappreżentanza diretta, il-persuna li f’isimha ssir id-dikjarazzjoni doganali, iżda wkoll il-persuni li jkunu pprovdew l-informazzjoni neċessarja għall-istabbiliment tad-dikjarazzjoni.

    48

    Isegwi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali huwa intiż li jiffaċilita l-irkupru tad-dejn doganali billi jestendi ċ-ċirku tal-persuni li jistgħu jiġu rrikonoxxuti bħala debituri tiegħu.

    49

    Għal din il-finalità, din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li testendi l-kunċett ta’ “debitur” fis-sens ta’ dan l-artikolu, għal persuni, għajr id-dikjarant, li l-azzjoni tagħhom wasslet lill-awtoritajiet doganali jistabbilixxu b’mod inkorrett l-ammont ta’ dazji legalment dovuti abbażi ta’ informazzjoni falza.

    50

    Għalhekk, f’ċirkustanzi fejn huwa stabbilit li persuni fasslu struttura artifiċjali ta’ kumpanniji u ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali bil-għan li jostru lill-awtoritajiet doganali r-realtà tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati, l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali fis-sens li jistgħu jitqiesu bħala debituri tad-dejn doganali, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, il-persuni li kkomunikaw l-informazzjoni neċessarja għall-istabbiliment tad-dikjarazzjoni, tmur kontra l-għan segwit minn din id-dispożizzjoni.

    51

    Konsegwentement, persuna li hija strettament u u konsapevolment involuta fit-tfassil u fil-ħolqien artifiċjali ta’ struttura ta’ kumpannija u ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali, li għamlet possibbli l-fatt li tiġi stabbilita dikjarazzjoni doganali abbażi ta’ informazzjoni li wasslet sabiex id-dazji legalment dovuti għall-beni kkonċernati minn din id-dikjarazzjoni ma jiġux irkuprati, għandha titqies bħala involuta f’atti marbuta mal-provvista tal-imsemmija informazzjoni. Għaldaqstant, din tikkostitwixxi persuna li pprovdiet tali informazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali.

    52

    Barra minn hekk, ladarba persuna tkun strettament u u konsapevolment involuta fit-tfassil u fil-ħolqien artifiċjali ta’ struttura ta’ kumpannija u ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali, din għandha titqies li kellha raġonevolment għarfien tan-natura falza tal-informazzjoni ġġenerata minn din l-istruttura, li serviet ta’ bażi għad-dikjarazzjoni doganali. F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti l-fatt li din il-persuna ssoktat bit-tfassil u bil-ħolqien artifiċjali tal-istruttura ta’ kumpannija u ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali inkwistjoni wara li tkun kisbet, mingħand esperti fid-dritt doganali, l-assigurazzjoni tal-legalità tagħha.

    53

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “debitur” ta’ dejn doganali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-persuna fiżika li tkun strettament u konsapevolment involuta fit-tfassil u fil-ħolqien artifiċjali ta’ struttura ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala effett li tnaqqas l-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni legalment dovuti, għalkemm ma kkomunikatx hija stess l-informazzjoni li serviet ta’ bażi għall-istabbiliment tad-dikjarazzjoni doganali, meta jirriżulta miċ-ċirkustanzi li din il-persuna kellha jew kellu raġonevolment ikollha għarfien tal-fatt li t-tranżazzjonijiet ikkonċernati minn din l-istruttura twettqu mhux fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali, iżda biss bil-għan li jinkisbu abbużivament il-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni. Il-fatt li l-imsemmija persuna ma tkunx issoktat bit-tfassil u bil-ħolqien artifiċjali ta’ din l-istruttura, wara li tkun kisbet, min-naħa ta’ esperti tad-dritt doganali, l-assigurazzjoni tal-legalità tagħha, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

    Fuq ir-raba’ domanda

    54

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li d-dejn doganali fuq l-importazzjoni jitnissel, konformement mal-Artikolu 201(1) tiegħu, bir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ beni suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, huwiex ta’ natura li jeskludi l-possibbiltà li ssir komunikazzjoni lid-debitur tal-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni dovuti għal tali beni wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 221(3) ta’ dan il-kodiċi.

    55

    Għandu jitfakkar, qabelxejn, li skont l-Artikolu 201(1) tal-Kodiċi Doganali, dejn doganali fuq l-importazzjoni jitnissel meta jkun hemm rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ beni suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

    56

    Skont l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, il-komunikazzjoni tal-ammont ta’ dazji lid-debitur ma għandhiex issir wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin mid-data tat-tnissil tad-dejn doganali. Madankollu, il-paragrafu 4 tal-istess artikolu jipprevedi l-possibbiltà, għall-awtoritajiet doganali, li jissoktaw bil-komunikazzjoni lid-debitur tal-ammont ta’ dazju legalment dovut wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin, meta d-dazju doganali jkun jirriżulta minn att suġġett għal proċeduri ġudizzjarji kriminali.

    57

    Mill-punt 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dazji addizzjonali stabbiliti konformement mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2777/75 jaqgħu taħt id-dazju doganali. Konsegwentement, sa fejn il-fatt li tkun ingħatat informazzjoni falza jkun wassal għall-assenza tal-irkupru komplet jew parzjali ta’ tali dazji addizzjonali, hemm lok li jitqies li tali dejn doganali “jirriżulta”, fis-sens tal-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi Doganali, mill-provvista ta’ din l-informazzjoni.

    58

    F’dan ir-rigward, minkejja li mill-Artikolu 201(1) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li r-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera jikkostitwixxi wieħed mill-fatti li jagħtu lok għad-dejn doganali mal-importazzjoni elenkati f’dan l-artikolu, din il-kunsiderazzjoni ma timplikax li tali dejn ma “jirriżultax” fis-sens tal-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi Doganali, minn atti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    59

    Fil-fatt, ma hemm xejn li jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi Doganali l-atti suġġetti għal proċeduri ġudizzjarji kriminali li pprekludew l-irkupru, komplet jew parzjali, tad-dazju doganali fil-kuntest tar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera.

    60

    Interpretazzjoni kuntrarja tkun ta’ natura li tikkomprometti t-twettiq tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-estensjoni tal-possibbiltajiet ta’ rkupru tad-dejn doganali.

    61

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjonijiet li fihom japplika l-Artikolu 201 tal-Kodiċi Doganali, it-terminu ta’ komunikazzjoni ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali jista’ ma jittiħidx inkunsiderazzjoni jekk il-beni kkonċernati jkunu tqiegħdu f’ċirkulazzjoni libera b’mod illegali wara l-istabbiliment ta’ dikjarazzjoni doganali bbażata fuq informazzjoni falza u li dan il-fatt huwa suġġett għal proċeduri ġudizzjarji kriminali.

    62

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fi-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li d-dejn doganali fuq l-importazzjoni jitnissel, konformement mal-Artikolu 201(1) tiegħu, mir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ beni suġġetti għal dazju fuq l-importazzjoni ma huwiex ta’ natura, fih innifsu, li jeskludi l-possibbiltà li ssir komunikazzjoni lid-debitur tal-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni dovuti għal tali beni wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 221(3) ta’ dan il-kodiċi.

    Fuq il-ħames domanda

    63

    Mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, rijassunti fil-punt 33 tas-sentenza preżenti, jirriżulta li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikolu 221(4) tal-Kodiċi Doganali jista’ jiġi invokat fir-rigward ta’ dejn doganali li jitnissel abbażi tal-Artikolu 201 ta’ dan il-kodiċi, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ħames domanda. Għalhekk, fid-dawl tar-risposta li ngħatat għar-raba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    64

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dokumenti li l-produzzjoni tagħhom hija meħtieġa mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1484/95, tat-28 ta’ Ġunju 1995, li jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni u jiffissa dazji addizzjonali tal-importazzjoni fl-oqsma tal-laħam tat-tjur u l-bajd u għall-albumina tal-bajd, u jħassar ir-Regolament Nru 163/67/KEE, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 684/1999, tad-29 ta’ Marzu 1999, jikkostitwixxu informazzjoni neċessarja għall-istabbiliment tad-dikjarazzjoni doganali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    2)

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 201(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “debitur” ta’ dejn doganali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-persuna fiżika li tkun strettament u konsapevolment involuta fit-tfassil u fil-ħolqien artifiċjali ta’ struttura ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kellha bħala effett li tnaqqas l-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni legalment dovuti, għalkemm ma kkomunikatx hija stess l-informazzjoni li serviet ta’ bażi għall-istabbiliment tad-dikjarazzjoni doganali, meta jirriżulta miċ-ċirkustanzi li din il-persuna kellha jew kellu raġonevolment ikollha għarfien tal-fatt li t-tranżazzjonijiet ikkonċernati minn din l-istruttura twettqu mhux fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali, iżda biss bil-għan li jinkisbu abbużivament il-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni. Il-fatt li l-imsemmija persuna ma tkunx issoktat bit-tfassil u bil-ħolqien artifiċjali ta’ din l-istruttura, wara li tkun kisbet, min-naħa ta’ esperti tad-dritt doganali, l-assigurazzjoni tal-legalità tagħha, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

     

    3)

    L-Artikolu 221(4) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, għandu jiġi interpretat fi-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li d-dejn doganali fuq l-importazzjoni jitnissel, konformement mal-Artikolu 201(1) tiegħu, mir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ beni suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni ma huwiex ta’ natura, fih innifsu, li jeskludi l-possibbiltà li ssir komunikazzjoni lid-debitur tal-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni dovuti għal tali beni wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 221(3) ta’ dan il-kodiċi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top