Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0355

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Marzu 2018.
Christian Picart vs Ministre des Finances et des Comptes publics.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Tassazzjoni diretta – Trasferiment tal-post ta’ residenza minn Stat Membru lejn l-Isvizzera – Tassazzjoni tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat relatat ma’ numru sostanzjali ta’ ishma fil-kapital ta’ kumpanniji stabbiliti fl-Istat Membru ta’ oriġini fl-okkażjoni ta’ tali trasferiment – Kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim.
Kawża C-355/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:184

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Tassazzjoni diretta – Trasferiment tal-post ta’ residenza minn Stat Membru lejn l-Isvizzera – Tassazzjoni tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat relatat ma’ numru sostanzjali ta’ ishma fil-kapital ta’ kumpanniji stabbiliti fl-Istat Membru ta’ oriġini fl-okkażjoni ta’ tali trasferiment – Kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim”

Fil-Kawża C‑355/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

Christian Picart

vs

Ministre des Finances et des Comptes publics

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund (Relatur), J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C. Picart, minn P.‑J. Douvier u A. d’Aubigny, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u E. de Moustier, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. T. Henze u R. Kanitz, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u M. Šimerdová, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Ftehim bejn, minn naħa, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u min-naħa l-oħra, il-Konfederazzjoni Svizzera, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Ftehim”).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Christian Picart u l-Ministru tal-Finanzi u tal-Kontijiet Pubbliċi dwar id-deċiżjoni li biha l-amministrazzjoni fiskali Franċiża, minn naħa, evalwat mill-ġdid l-ammont tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat relatat ma’ numru ta’ ishma sostanzjali, fil-kapital ta’ kumpanniji stabbiliti fi Franza, li C. Picart kien iżomm u li kien iddikjara matul it-trasferiment tar-residenza tiegħu mill-Istat tal-oriġini tiegħu lejn l-Isvizzera, u, min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni fuq C. Picart ta’ kontribuzzjonijiet supplimentari ta’ taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet soċjali, kif ukoll penali.

Il-kuntest ġuridiku

Il-FMLP

3

Fil-21 ta’ Ġunju 1999, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, iffirmaw seba’ ftehimiet, fosthom il-FMLP. Permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ April 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89), dawn is-seba’ ftehimiet ġew approvati f’isem il-Komunità u daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002.

4

L-Artikolu 16 tal-FMLP, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprevedi:

“Sakemm l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tinvolvi kunċetti tal-liġi Komunitarja, għandu jittieħed kont tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej qabel id-data tal-iffirmar tiegħu. L-attenzjoni tal-Isvizzera għandha tinġibed lejn il-ġurisprudenza ta’ wara dik id-data. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Ftehim, fuq talba ta’ parti kontraenti, il-kumitat konġunt għandu jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Il-Kapitolu III tal-Anness I tal-FMLP jikkonċerna lill-persuni li jaħdmu għal rashom. L-Artikolu 12 tal-Ftehim, intitolat “Ir-regoli dwar ir-residenza”, [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa fformulat kif ġej:

“1.   Ċittadin ta’ Parti Kontraenti li jixtieq li jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ Parti Kontraenti oħra sabiex isegwi attività għal rasu (iktar ’il quddiem ‘persuna li taħdem għal rasha’) għandu jirċievi permess ta’ residenza validu għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin mid-data li fiha jinħareġ, sakemm huwa jippreżenta prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huwa stabbilit jew li jixtieq jagħmel dan.

2.   Il-permess ta’ residenza għandu jiġi estiż awtomatikament għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin, sakemm il-persuna li taħdem għal rasha tippreżenta prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li teżerċita attività ekonomika għal rasha.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħaddiema tal-fruntiera li jaħdmu għal rashom” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.   Il-ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu huwa ċittadin ta’ parti kontraenti li għandu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ parti kontraenti u li jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra filwaqt li bħala regola jirritorna fil-post tad-domiċilju tiegħu kuljum, jew tal-inqas darba fil-ġimgħa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-leġiżlazzjoni Franċiża

7

Skont l-Artikolu 167a tal-kodiċi ġenerali tat-taxxa, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“CGI”):

“I. - 1.   Kontribwenti li jirrisjedu fi Franza għal finijiet ta’ taxxa għal tal-inqas għal sitt snin matul l-aħħar għaxar snin huma taxxabbli, fid-data tat-trasferiment tar-residenza tagħhom barra minn Franza, skont il-qligħ kapitali kkalkolat fuq id-drittijiet korporattivi [li jirrappreżentaw sehem ta’ iktar minn 25 % mill-kapital ta’ kumpannija].

[…]

II. - 1.   Il-ħlas tat-taxxa li jirriżulta mill-qligħ kapitali kkonstatat jista’ jiġi ddifferit sal-mument meta jsir it-trasferiment, ix-xiri mill-ġdid, il-ħlas lura jew il-kanċellament ta’ dawn l-ishma.

Is-sospensjoni tal-ħlas hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-kontribwent jiddikjara l-ammont tal-qligħ kapitali hekk kif iddikjarat fil-kundizzjonijiet tal-[punt] I, jitlob sabiex jibbenefika mis-sospensjoni, jaħtar rappreżentant stabbilit fi Franza awtorizzat li jirċievi komunikazzjonijiet relatati mal-bażi tat-taxxa, mal-irkupru u mas-soluzzjoni ta’ tilwim tat-taxxa, u għandu jipprovdi lill-uffiċjal tal-kontabbiltà responsabbli għall-irkupru, qabel it-tluq tiegħu, garanziji sikuri sabiex jiżgura l-irkupru tal-kreditu mit-Trésor [teżor].

[…]

2.   Il-kontribwenti li jibbenefikaw minn sospensjoni tal-ħlas skont dan l-artikolu huma suġġetti għad-dikjarazzjoni stabbilita fl-Artikolu 170(1). L-ammont kumulattiv tat-taxxi sospiżi jiġi indikat fuq il-formola tad-dikjarazzjoni li magħha jkun mehmuż ir-rendikont fuq formola maħruġa mill-amministrazzjoni, li turi l-ammont ta’ taxxa relatat mat-titoli kkonċernati li għalihom is-sospensjoni tal-ħlas ma tkunx skadiet, u, fejn xieraq, in-natura u d-data tal-avveniment li jkun wassal għat-tmiem tas-sospensjoni.

[…]

It-taxxa mħallsa lokalment mill-kontribwent u li tista’ tkun attribwita għal qligħ kapitali li effettivament jitwettaq barra minn Franza titħallas fuq it-taxxa fuq id-dħul stabbilita fi Franza sakemm din tkun komparabbli ma’ din it-taxxa.

4.   In-nuqqas li wieħed jipproduċi d-dikjarazzjoni u r-rendikont imsemmija fil-[paragrafu] 2 jew l-ommissjoni tal-informazzjoni kollha jew parti minnha, meħtieġa li tkun inkluża fiha tirriżulta l-impożizzjoni tat-taxxa fuq is-sospensjoni tal-ħlas.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

C. Picart ittrasferixxa r-residenza tiegħu minn Franza għall-Isvizzera matul is-sena 2002. F’din id-data, huwa kellu numru sostanzjali ta’ ishma fil-kapital azzjonarju ta’ diversi kumpanniji Franċiżi.

9

Waqt dan it-trasferiment, C. Picart iddikjara, konformement mal-Artikolu 167a taċ-CGI, qligħ kapitali mhux irrealizzat fuq it-titoli ta’ dawn l-ishma u, sabiex jibbenefika minn sospensjoni ta’ ħlas tat-taxxa relatat ma’ dawn huwa ħatar rappreżentant fiskali fi Franza u pprovda garanzija bankarja bħala garanzija sabiex jiżgura l-irkupru tal-kreditu mat-Trésor (teżor) Franċiż.

10

Fl-2005, C. Picart ċeda t-titoli inkwistjoni, u b’hekk temm is-sospensjoni tat-taxxa. Wara eżami tas-sitwazzjoni fiskali personali tiegħu, l-amministrazzjoni fiskali Franċiża evalwat mill-ġdid l-ammont ta’ qligħ kapitali ddikjarat u imponiet fuq C. Picart kontribuzzjonijiet supplimentari ta’ taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet soċjali, kif ukoll penali.

11

C. Picart ressaq ilment sabiex jinħeles minn dawn il-kontribuzzjonijiet supplimentari u minn dawn il-penali. Peress li l-amministrazzjoni fiskali ċaħdet dan l-ilment, C. Picart adixxa l-qorti amministrattiva ta’ Montreuil (Franza) li quddiemha sostna mingħajr suċċess li l-Artikolu 167a taċ-CGI kien inkompatibbli mal-FMLP peress li l-libertà ta’ stabbiliment iggarantita minn dan il-ftehim kienet tippermettilu li jistabbilixxi ruħu fl-Isvizzera u li jeżerċita hemmhekk attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha li tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ diversi ishma tiegħu diretti jew indiretti f’diversi kumpanniji li kien jikkontrolla fi Franza. Peress li din l-argumentazzjoni ma rnexxietx fl-appell tiegħu quddiem il-Cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles, Franza), C. Picart ippreżenta appell fil-kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza).

12

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt ta’ stabbiliment bħala persuna li taħdem għal rasha fis-sens tal-FMLP għandux l-istess portata tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantit mill-Artikolu 49 TFUE liċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni u, fil-każ affermattiv, jekk għandhiex, għall-applikazzjoni tiegħu, tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525), deċiża wara d-data tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim.

13

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dritt għall-istabbiliment bħala persuna li taħdem għal rasha, hekk kif inhu ddefinit mill-Artikoli 1 u 4 tal-[FMLP] u mill-Artikolu 12 tal-Anness I tiegħu, jista’ jitqies li huwa ekwivalenti għal-libertà ta’ stabbiliment ggarantita lill-persuni li għandhom attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom mill-Artikolu [49 TFUE]?

2)

F’din l-ipoteżi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-istipulazzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-[FMLP], hemm lok li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006 (C‑470/04, EU:C:2006:525), li ngħatat wara li sar dan il-ftehim, tiġi applikata fil-każ ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li ttrasferixxa d-domiċilju tiegħu fl-Isvizzera li sempliċiment iżomm l-ishma li għandu f’kumpanniji li jaqgħu taħt id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, li jagħtuh influwenza definittiva fuq id-deċiżjonijiet ta’ dawn il-kumpanniji u jippermettulu jiddetermina l-attivitajiet tagħhom, mingħajr ma jsostni li għandu l-intenzjoni li jeżerċita fl-Isvizzera attività bħala persuna li taħdem għal rasha li hija differenti minn dik li huwa jeżerċita fl-Istat Membru li kien ċittadin tiegħu u li tikkonsisti fil-ġestjoni ta’ dawn l-ishma?

3)

Fl-ipoteżi li dan id-dritt ma huwiex ekwivalenti għal-libertà ta’ stabbiliment, dan għandu jiġi interpretat bl-istess mod kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sentenza tagħha [tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525)]?”

Fuq id-domandi preliminari

14

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-istipulazzjonijiet tal-FMLP għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat parti ta’ dan il-ftehim, bħal dik fil-kawża prinċipali, li, meta persuna fiżika tittrasferixxi r-residenza tagħha minn dan l-Istat lejn Stat ieħor parti mill-imsemmi ftehim, filwaqt li żżomm l-attività ekonomika tagħha fl-ewwel minn dawn iż-żewġ Stati, tipprevedi t-tassazzjoni immedjata tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat relatat ma’ numru sostanzjali ta’ ishma li din il-persuna żżomm fil-kapital ta’ kumpanniji li jaqgħu taħt id-dritt tal-ewwel mill-imsemmija Stati fl-okkażjoni ta’ dan it-trasferiment ta’ residenza u li taċċetta biss l-irkupru differit tat-taxxa dovuta bil-kundizzjoni li jiġu kkostitwiti garanziji xierqa sabiex jiżguraw l-irkupru tal-imsemmija taxxa, peress li persuna li wkoll iżżomm ishma bħal dawn iżda li tkompli tirrisjedi fit-territorju tal-ewwel minn dawn l-istess Stati, hija intaxxata biss fil-mument tal-bejgħ ta’ dawn l-ishma.

15

C. Picart isostni li l-attività ta’ ġestjoni, ġestita mill-Isvizzera, tal-ishma tiegħu f’kumpanniji stabbiliti fi Franza taqa’ taħt id-dritt ta’ stabbiliment bħala persuna li taħdem għal rasha, fis-sens tal-FMLP, dritt li għandu jkun jista’ wkoll jinvoka fir-rigward tal-Istat tal-oriġini tiegħu.

16

Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’ċerti ċirkustanzi u skont id-dispożizzjonijiet applikabbli, iċ-ċittadini ta’ parti kontraenti jistgħu jsostnu drittijiet misluta mill-FMLP mhux biss fir-rigward tal-pajjiż li lejh huma jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment iżda wkoll fir-rigward ta’ pajjiżhom stess (sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein, C‑425/11, EU:C:2013:121, punt 33).

17

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, qabelxejn, jekk sitwazzjoni bħal dik ta’ C. Picart taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-kunċett ta’ “persuna li taħdem għal rasha”, fis-sens tal-FMLP, u, skont il-każ, jekk dan il-ftehim fihx dispożizzjonijiet li C. Picart ikun jista’ jinvoka fir-rigward tal-Istat ta’ oriġini tiegħu.

18

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kapitolu III tal-Anness I tal-FMLP, iddedikat għall-persuni li jaħdmu għal rashom, fih l-Artikoli 12 u 13 li jiddefinixxu dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

19

Skont l-Artikolu 12(1) ta’ dan l-anness, huwa kkunsidrat bħala persuna li taħdem għal rasha ċ-ċittadin ta’ parti kontraenti li jixtieq jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra sabiex jeżerċita attività għal rasu.

20

Fil-każ tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi anness, dan huwa ddedikat għall-ħaddiema tal-fruntiera li jaħdmu għal rashom, jiġifieri ċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jkollhom r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ parti kontraenti u li jwettqu attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, fejn ġeneralment jirritornaw lejn il-post ta’ residenza tagħhom kuljum, jew mill-inqas darba f’ġimgħa.

21

Issa, fil-kawża prinċipali, hemm lok, mingħajr il-ħtieġa li jiġi ddeterminat, fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jekk attività ta’ ġestjoni ta’ ishma, bħal dik inkwistjoni, tikkostitwixxix attività għal rasha, fis-sens tal-Artikolu 12(1), jew tal-Artikolu 13(1) tal-istess anness, li jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ C. Picart ma taqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

22

Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-FMLP, id-dritt ta’ stabbiliment, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa rriżervat għaċ-ċittadini, persuni fiżiċi, ta’ parti kontraenti, li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra sabiex jeżerċitaw attività għal rashom fuq dan it-territorju.

23

Għaldaqstant, sabiex l-imsemmija dispożizzjoni tkun applikabbli, il-persuna kkonċernata għandha teżerċita l-attività tagħha fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra minn dik fejn hija ċittadin.

24

Issa, fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li C. Picart, ċittadin Franċiż, mhux beħsiebu jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera, iżda jżomm attività fit-territorju tal-Istat tal-oriġini tiegħu. Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni ta’ C. Picart ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-FMLP.

25

Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-FMLP jirriżulta li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ parti kontraenti tal-FMLP li jkollu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra għal dan il-ftehim u li jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, fejn ġeneralment jirritorna lejn il-post ta’ residenza tiegħu kuljum, jew mill-inqas darba f’ġimgħa.

26

Fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C‑425/11, EU:C:2013:121, punti 34 u 35) li s-sitwazzjoni ta’ koppja li taħdem għal rasha li ttrasferixxiet ir-residenza tagħha mill-Istat tal-oriġini tagħha lejn l-Isvizzera, filwaqt li żammet l-attività tagħha fl-Istat tal-oriġini tagħha, u li tirritorna kuljum mill-post tal-attività professjonali tagħha għal dak tar-residenza tagħha, taqa’ taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

27

Issa, f’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li C. Picart, b’differenza minn din il-koppja li taħdem għal rasha, jibqa’ fit-territorju tal-Istat ta’ residenza tiegħu, jiġifieri l-Konfederazzjoni Svizzera, minn fejn huwa beħsiebu jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu fl-Istat tal-oriġini tiegħu, u li, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-FMLP, huwa ma jwettaqx kuljum, jew mill-inqas darba f’ġimgħa, traġitt mill-post tal-attività ekonomika tiegħu għall-post tar-residenza tiegħu. Għaldaqstant, sitwazzjoni bħal dik ta’ C. Picart ma tistax tiġi meqjusa bħala analoga għal dik li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ettwein (C‑425/11, EU:C:2013:121). Konsegwentement, sitwazzjoni bħal dik ta’ C. Picart ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

28

Minn dan isegwi li sitwazzjoni bħal dik ta’ C. Picart ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-kunċett ta’ “persuna li taħdem għal rasha”, fis-sens tal-FMLP, u, konsegwentement, huwa ma jistax jipprevalixxi ruħu minn dan il-ftehim.

29

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 43 KE (li sar 49 TFUE) li tirriżulta mis-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525), huwa suffiċjenti li jitfakkar li, peress li l-Konfederazzjoni Svizzera ma ngħaqditx mas-suq intern tal-Unjoni, l-interpretazzjoni mogħtija mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rigward is-suq intern tista’ tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-FMLP, ħlief għal dispożizzjonijiet espliċiti li f’dan is-sens huma previsti mill-Ftehim innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2009, Grimme, C‑351/08, EU:C:2009:697, punt 29; tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest, C‑541/08, EU:C:2010:74, punt 28, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2010, Hengartner u Gasser, C‑70/09, EU:C:2010:430, punt 42).

30

Issa, l-FMLP ma tipprevedix dispożizzjonijiet espressi bħal dawn.

31

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 43 KE (li sar 49 TFUE), mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Settembru 2006N (C‑470/04, EU:C:2006:525) hija iktar probabbli li jkollha impatt fuq il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, peress li, kif jirriżulta mill-punti 63 et sequitur tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, la l-formulazzjoni lanqas il-portata ta’ dan l-artikolu ma jistgħu jiġu ekwiparati għal dawk tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-FMLP.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li, peress li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-kunċett ta’ “persuni li jaħdmu għal rashom”, fis-sens tal-FMLP, l-istipulazzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat parti ta’ dan il-ftehim, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, meta persuna fiżika tittrasferixxi r-residenza tagħha minn dan l-Istat lejn Stat ieħor parti mill-imsemmi ftehim, filwaqt li żżomm l-attività ekonomika tagħha fl-ewwel minn dawn iż-żewġ Stati, mingħajr ma twettaq kuljum, jew mill-inqas darba f’ġimgħa, traġitt mill-post tal-attività ekonomika tagħha għall-post tar-residenza tagħha, tipprevedi t-tassazzjoni immedjata tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat relatat ma’ numru sostanzjali ta’ ishma li din il-persuna żżomm fil-kapital ta’ kumpanniji li jaqgħu taħt id-dritt tal-ewwel mill-imsemmija Stati fl-okkażjoni ta’ dan it-trasferiment ta’ residenza u li taċċetta biss l-irkupru differit tat-taxxa dovuta bil-kundizzjoni li jiġu kkostitwiti garanziji xierqa sabiex jiżguraw l-irkupru tal-imsemmija taxxa, filwaqt li persuna li wkoll iżżomm ishma bħal dawn iżda li tkompli tirrisjedi fit-territorju tal-ewwel minn dawn l-istess Stati, hija intaxxata biss fil-mument tal-bejgħ ta’ dawn l-ishma.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Peress li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-kunċett ta’ “persuni li jaħdmu għal rashom”, fis-sens tal-Ftehim bejn, minn naħa, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u min-naħa l-oħra, il-Konfederazzjoni Svizzera, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, l-istipulazzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat parti ta’ dan il-ftehim, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, meta persuna fiżika tittrasferixxi r-residenza tagħha minn dan l-Istat lejn Stat ieħor parti mill-imsemmi ftehim, filwaqt li żżomm l-attività ekonomika tagħha fl-ewwel minn dawn iż-żewġ Stati, mingħajr ma twettaq kuljum, jew mill-inqas darba f’ġimgħa, traġitt mill-post tal-attività ekonomika tagħha għall-post tar-residenza tagħha, tipprevedi t-tassazzjoni immedjata tal-qligħ kapitali mhux irrealizzat relatat ma’ numru sostanzjali ta’ ishma li din il-persuna żżomm fil-kapital ta’ kumpanniji li jaqgħu taħt id-dritt tal-ewwel mill-imsemmija Stati fl-okkażjoni ta’ dan it-trasferiment ta’ residenza u li taċċetta biss l-irkupru differit tat-taxxa dovuta bil-kundizzjoni li jiġu kkostitwiti garanziji xierqa sabiex jiżguraw l-irkupru tal-imsemmija taxxa, filwaqt li persuna li wkoll iżżomm ishma bħal dawn iżda li tkompli tirrisjedi fit-territorju tal-ewwel minn dawn l-istess Stati, hija intaxxata biss fil-mument tal-bejgħ ta’ dawn l-ishma.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top