EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0186

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Settembru 2017.
Ruxandra Paula Andriciuc et vs Banca Românească SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Oradea.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1) u Artikolu 4(2) – Evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali – Kuntratt ta’ kreditu konkluż f’munita barranija – Riskju tal-kambju jinġarr b’mod sħiħ mill-konsumatur – Żbilanċ sinjifikattiv bejn id-dritttijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt – Mument li fih għandu jiġi evalwat l-iżbilanċ – Portata tal-kunċett ta’ klawżoli ‘abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar’ – Livell ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-bank.
Kawża C-186/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:703

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1) u Artikolu 4(2) – Evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali – Kuntratt ta’ kreditu konkluż f’munita barranija – Riskju tal-kambju jinġarr b’mod sħiħ mill-konsumatur – Żbilanċ sinjifikattiv bejn id-dritttijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt – Mument li fih għandu jiġi evalwat l-iżbilanċ – Portata tal-kunċett ta’ klawżoli ‘abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar’ – Livell ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-bank”

Fil-Kawża C-186/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell ta’ Oradea, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2016, fil-proċedura

Ruxandra Paula Andriciuc et

vs

Banca Românească SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ruxandra Paula Andriciuc et, minn G. Piperea, A. Dimitriu, L. Hagiu u C. Șuhan, avukati,

għal Banca Românească SA, minn R. Radu Tureac, V. Rădoi u D. Nedea, avukati,

għall-Gvern Rumen, minn R.-H. Radu, bħala aġenti, kif ukoll minn L. Liţu, M. Chicu u E. Gane, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Gheorghiu u G. Goddin kif ukoll minn D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) u 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ruxandra Paula Andriciuc u 68 persuna oħra kontra Banca Românească SA (iktar ’il quddiem il-“bank”), dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżoli inseriti f’kuntratti ta’ kreditu, li jipprovdu, b’mod partikolari, għar-rimbors tal-krediti fl-istess munita barranija bħal dik li dawn tal-aħħar ingħataw fiha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/13 jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

4

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar”.

6

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar.[…]”

Id-dritt Rumen

7

L-Artikolu 1578 tal-Cod Civil (kodiċi ċivili), fil-verżjoni viġenti tiegħu fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“L-obbligazzjoni li tirriżulta minn self ta’ flus hija dejjem dik biss tas-somma li tissemma fil-kuntratt.

Jekk ikun hemm żieda jew tnaqqis fil-munita qabel iż-żmien tal-ħlas, id-debitur għandu jirritorna s-somma mislufa, u għandu jħallas dik is-somma biss fil-muniti użati fil-mument tal-ħlas.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bejn is-sena 2007 u s-sena 2008, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li, matul dan il-perijodu, kienu jirċievu d-dħul tagħhom f’lei Rumeni (RON), ikkonkludew mal-bank kuntratti ta’ kreditu ddefinit fi franki Svizzeri (CHF) bil-ħsieb tal-akkwist ta’ beni immobbli, ta’ finanzjament mill-ġdid ta’ krediti oħra jew sabiex jissodisfaw bżonnijiet personali.

9

Skont l-Artikolu 1(2) ta’ kull wieħed minn dawn il-kuntratti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu obbligati li jirrimborsaw il-pagamenti mensili tal-krediti fl-istess munita bħal dik li fiha kienu ġew konklużi dawn il-kuntratti, jiġifieri fi franki Svizzeri, bil-konsegwenza li r-riskju tal-kambju, li jimplika żieda fil-pagamenti mensili f’każ ta’ tnaqqis tar-rata tal-kambju tal-leu Rumen meta mqabbel mal-frank svizzeru, kellu jinġarr b’mod sħiħ minnhom. Barra minn hekk, dawn il-kuntratti kienu jinkludu, rispettivament fl-Artikolu 9(1) u fil-punt 9 tal-Artikolu 10(3), żewġ klawżoli li jawtorizzaw lill-bank, f’każ li l-pagamenti mensili ma jitħallsux fil-ħin jew f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-persuna li tissellef tal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija kuntratti, li jiddebita l-kont tal-persuna li tissellef u, f’każ ta’ bżonn, li jwettaq kull konverżjoni tal-likwidità disponibbli fuq il-kont tagħha fil-munita tal-kuntratt, bir-rata tal-kambju pprattikata mill-bank fil-jum tal-imsemmija tranżazzjoni. Skont dawn il-klawżoli, il-persuna li tissellef għandha tagħmel tajjeb esklużivament għal kull differenza fir-rata tal-kambju.

10

Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-bank kien f’pożizzjoni li jipprevedi l-evoluzzjoni u ċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju tal-frank Svizzeru. F’dan ir-rigward, ir-riskju tal-kambju ġie espost b’mod inkomplet sa fejn, għall-kuntrarju ta’ muniti barranin oħra li jservu bħala munita ta’ riferiment għal self, il-bank ma spjegax li din tal-aħħar kienet tvarja b’mod kunsiderevoli meta mqabbla mal-leu Rumen.

11

B’mod iktar ġenerali, il-preżentazzjoni twettqet b’mod mhux indipendenti billi ġew enfasizzati l-benefiċċji ta’ dan it-tip ta’ prodott, u tal-munita użata, filwaqt li ma ġewx mnurija r-riskji potenzjali kif ukoll il-probabbiltà tal-materjalizzazzjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jallegaw li, peress li l-bank naqas milli jinformahom b’mod trasparenti fuq l-imsemmi ċaqliq, huwa aġixxa bi ksur tal-obbligi tiegħu ta’ informazzjoni, ta’ twissija u ta’ parir kif ukoll tad-dmir tiegħu li jifformula l-klawżoli kuntrattwali b’mod ċar u li jinftiehem sabiex kull min jissellef ikun jista’ jevalwa l-portata tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt li jkun ikkonkluda.

12

Billi kkunsidraw li l-klawżoli li jipprovdu għar-rimbors tal-krediti fi franki Svizzeri, sa fejn dawn kienu jgħabbu lill-persuna li tissellef bir-riskju tal-kambju, kienu jikkostitwixxu klawżoli inġusti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw quddiem it-Tribunalul Bihor (qorti ta’ Bihor, ir-Rumanija) rikors intiż għall-annullament ta’ dawn il-klawżoli kif ukoll għall-ħruġ mill-bank ta’ skeda ġdida tal-pagamenti li tipprovdi għall-konverżjoni tas-self f’lei Rumeni, bir-rata tal-kambju fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

13

Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ April 2015, it-Tribunalul Bihor (qorti ta’ Bihor) ċaħad ir-rikors. Din il-qorti qieset li, anki jekk ma ġietx innegozjata mal-persuni li ssellfu, il-klawżola li tipprovdi għar-rimbors tal-krediti fl-istess munita li fiha huma kienu kkonkludew il-kuntratt ma kinitx inġusta.

14

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jsostnu li l-iżbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet ġie kkawżat minn żvalutazzjoni tal-leu Rumen meta mqabbel mal-frank Svizzeru, li mmaterjalizzat wara l-konklużjoni tal-kuntratti, u li l-qorti qatt ma tat deċiżjoni fuq il-kwistjoni ta’ din in-natura f’sentenzi marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 dwar il-kunċett ta’ “żbilanċ sinifikattiv”.

15

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, f’dan il-każ, sa mill-għoti tas-self fil-kawża prinċipali, il-valutazzjoni tal-frank Svizzeru żdiedet b’mod kunsiderevoli u li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali batew l-effetti ta’ tali żieda. Għaldaqstant, huwa neċessarju, skont din il-qorti, li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest tal-obbligu ta’ informazzjoni li huwa impost fuq il-bank fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ kreditu, dan tal-aħħar kellux jinforma lill-klijenti dwar żieda jew tnaqqis possibbli fil-futur tal-valutazzjoni tal-frank Svizzeru u jekk il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax titqies bħala li ġiet redatta b’mod ċar u li jinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, u kellux ukoll jindika l-konsegwenzi li jistgħu jinfluwenzaw il-prezz imħallas mill-persuna li tissellef, bħar-riskju tal-kambju, li dan seta’ jwassal għalih.

16

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hemm bżonn ta’ kjarifika fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, li jipprovdi għal eċċezzjoni għall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti previst fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implementati minn din id-direttiva.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell ta’ Oradea, Ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt għandu jiġi analizzat billi jitqies strettament il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jew għandu jkopri wkoll is-sitwazzjoni li fiha, matul iż-żmien tal-kuntratt eżegwit suċċessivament, tibdil sinjifikattiv tar-rata tal-kambju jrendi l-obbligi tal-konsumatur eċċessivament onerużi meta mqabbla mal-istat tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?

2)

Il-lingwaġġ sempliċi u ċar ta’ klawżola kuntrattwali previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jinftiehem fis-sens li l-klawżola inkwistjoni għandha tindika biss ir-raġunijiet tal-inklużjoni tagħha fil-kuntratt u l-mod kif din tiffunzjona, jew għandha tindika wkoll il-konsegwenzi kollha li din jista’ jkollha fuq il-prezz imħallas mill-konsumatur, bħar-riskju tal-kambju, u, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, jista’ wieħed iqis li l-obbligu tal-bank li jinforma lill-klijent fil-mument tal-għoti tal-kreditu jipprevedi biss il-kundizzjonijiet ta’ kreditu, jiġifieri l-interessi, il-kummissjonijiet u l-garanziji imposti fuq il-persuna li tissellef, mingħajr l-inklużjoni taħt dan l-obbligu tal-possibbiltà ta’ żieda fil-valur jew deprezzament ta’ munita barranija?

3)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjonijiet ‘kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt’ u s-‘suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra’, ikopru klawżola inkluża f’kuntratt ta’ kreditu konkluż f’munita barranija bejn negozjant u konsumatur li ma ġietx innegozjata individwalment u li skontha l-kreditu għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

18

Il-bank jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma teħtieġx interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali u, fi kwalunkwe każ, peress li diġà teżisti ġurisprudenza f’dan il-qasam, l-interpretazzjoni tal-liġijiet inkwistjoni hija ċara. Barra minn hekk, id-domandi huma redatti b’tali mod li huma intiżi fil-verità li jiksbu soluzzjoni individwali, bil-ħsieb ta’ soluzzjoni konkreta tal-kawża prinċipali.

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel xejn li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tista’ tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li din tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C-421/14, EU:C:2017:60, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata)

20

Fil-fatt, fil-kuntest tal-istrument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li jikkostitwixxi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ma huwiex possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ħlief meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti rigward il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiġux osservati jew meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhomx x’jaqsmu mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C-72/15, EU:C:2017:236, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Fil-kawża odjerna, minn naħa, huwa biżżejjed li jitfakkar li, anki quddiem ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun opportun, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab ikunu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jċaħħadx lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi mill-ġdid (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, C-58/13 u C-59/13, EU:C:2014:2088, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Min-naħa l-oħra, għalkemm hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli skont iċ-ċirkustanzi proprji tal-każ inkwistjoni, jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tislet mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, f’dan il-każ dawk tal-Artikoli 3(1) u 4(2), il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami ta’ klawżoli kuntrattwali fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C-92/11, EU:C:2013:180, punt 48, u tat-23 ta’ April 2015, Van Hove, C-96/14, EU:C:2015:262, punt 28).

23

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq it-tielet domanda

24

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li jeħtieġ li tiġi mwieġba l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-frażijiet “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” jew ta’ “suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ikopru klawżola, imdaħħla f’kuntratt ta’ kreditu f’munita barranija konkluż bejn negozjant u konsumatur u li ma ġietx innegozjata b’mod individwali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-kreditu għandu jiġi rrimborsat f’din l-istess munita.

25

Preliminarjament, għandu jiġi nnutat li ċ-ċirkustanza qorti nazzjonali tkun, fuq livell formali, ifformulat id-domanda preliminari tagħha b’riferiment għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawza li għandha quddiemha, kemm jekk hija tkun għamlet riferiment għalihom jew kemm jekk le meta tkun ressqet id-domandi tagħha (sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C-34/13, EU:C:2014:2189, punt 71, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2017, W u V, C 499/15, EU:C:2017:118, punt 45).

26

F’dan il-każ, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Gvern Rumen u l-bank invokaw il-possibbiltà li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija biss riflessjoni tal-prinċipju ta’ nominaliżmu monetarju sanċit fl-Artikolu 1578 tal-kodiċi ċivili Rumen, b’tali mod li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, l-imsemmija klawżola ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

27

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 tistabbilixxi esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, li tikkonċerna l-klawżoli li jirriflettu d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji mandatorji (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C-34/13, EU:C:2014:2189, punt 76, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C-92/11, EU:C:2013:180, punt 25).

28

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din l-esklużjoni tassumi li għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, il-klawżola kuntrattwali għandha tirrifletti dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tkun mandatorja. (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C-34/13, EU:C:2014:2189, punt 78).

29

B’hekk, sabiex jiġi stabbilit jekk klawżola kuntrattwali hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk din il-klawżola tirriflettix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom jew dawk li huma ta’ natura awżiljarja u għaldaqstant applikabbli b’mod taċitu, jiġifieri fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C-92/11, EU:C:2013:180, punt 26, u tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C-34/13, EU:C:2014:2189, punt 79).

30

F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tan-natura, tal-istruttura ġenerali u tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratti ta’ self ikkonċernati kif ukoll fil-kuntest legali u fattwali li fihom jaqgħu dawn tal-aħħar, jekk il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi li l-kreditu għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita bħal dik li fiha ġie miftiehem, tirrifliettix dispożizzjonijiet mandatorji tad-dritt nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13.

31

Meta twettaq l-imsemmija verifiki neċessarji, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan tal-imsemmija Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi mill-klawżoli inġusti inseriti fil-kuntratti konklużi ma’ dawn tal-aħħar minn negozjanti, l-eċċezzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2) tal-istess direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C-34/13, EU:C:2014:2189, punt 77).

32

F’każ li l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex koperta mill-imsemmija eċċezzjoni, allura jkun imissha teżamina jekk din taqax taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” jew dak ta’ “suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra [meta mqabbla ma]s-servizzi jew il-merkanzija [mal-oġġetti p]provduti bi tpartit [inkambju], fuq in-naħa l-oħra”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

33

Għalkemm huwa veru li dan l-eżami għandu jsir, kif ġie mfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, esklużivament mill-qorti tar-rinviju, madankollu hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżviluppa mill-imsemmija dispożizzjoni l-kriterji applikabbli waqt tali eżami.

34

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi eċċezzjoni għall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti, kif previst mis-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implementat minn din id-direttiva, u li għalhekk jeħtieġ li jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler et Káslerné Rábai, C-26/13, EU:C:2014:282, punt 42, kif ukoll tat-23 ta’ April 2015, Van Hove, C-96/14, EU:C:2015:262, punt 31). Barra minn hekk, it-termini “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” u “suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra [meta mqabbla ma]s-servizzi jew il-merkanzija [mal-oġġetti p]provduti bi tpartit [inkambju], fuq in-naħa l-oħra”, li jinsabu fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għandhom jingħataw normalment, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei, C-143/13, EU:C:2015:127, punt 50).

35

Fir-rigward tal-kategorija tal-klawżoli kuntrattwali li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn il-klawżoli għandhom jinftehemu bħala dawk li jistabbilixxu l-prestazzjonijiet essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh (sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C-484/08, EU:C:2010:309, punt 34, u tat-23 ta’ April 2015, Van Hove, C-96/14, EU:C:2015:262, punt 33).

36

Għall-kuntrarju, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C-26/13, EU:C:2014:282, punt 50, u tat-23 ta’ April 2015, Van Hove, C-96/14, EU:C:2015:262, punt 33).

37

F’dan il-każ, diversi elementi tal-proċess li huma disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jindikaw li klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inserita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż f’munita barranija bejn negozjant u konsumatur mingħajr ma tkun ġiet innegozzjata b’mod individwali, li tistabbilixxi li l-kreditu għandu jiġi rrimborsat f’din l-istess munita, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

38

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, permezz ta’ kuntratt ta’ kreditu, il-persuna li ssellef tobbliga ruħha, prinċipalment, li tipprovdi lill-persuna li tissellef ċertu ammont ta’ flus, u din tal-aħħar tobbliga ruħha, min-naħa tagħha, prinċipalment li tirrimborsa, bħala regola ġenerali bl-interessi, dan l-ammont skont l-iskadenzi previsti. Il-prestazzjonijiet ta’ tali kuntratt huma marbuta, għaldaqstant, ma’ ammont ta’ flus li għandu jiġi ddefinit inkwantu l-munita tal-ħlas u tar-rimbors stabbilita. Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li kreditu għandu jiġi rrimborsat f’ċerta munita huwa marbut, bħala prinċipju, mhux ma’ modalità aċċessorja tal-ħlas, iżda man-natura stess tal-obbligu tad-debitur, u b’hekk jikkostitwixxi element essenzjali ta’ kuntratt ta’ self.

39

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 59 tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282), li t-termini “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” ma tkoprix klawżola, imdaħħla f’kuntratt ta’ self f’munita barranija konkluż bejn negozjant u konsumatur u li ma ġietx innegozjata b’mod individwali, li skontha l-prezz ta’ xiri ta’ din il-munita japplika għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet tas-self, ħlief jekk jiġi kkonstatat, u dan hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah, li l-imsemmija klawżola tistabbilixxi prestazzjoni essenzjali ta’ dan il-kuntratt li, bħala tali, tikkaratterizzah.

40

Madankollu, kif diġà fakkret il-qorti tar-rinviju, filwaqt li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282), is-self, kif redatti f’munita barranija, kellhom jiġu rrimborsati f’munita nazzjonali skont il-prezz ta’ xiri tal-munita barranija pprattikat mill-istabbiliment bankarju, fil-kawża prinċipali, is-self kellhom jiġu rrimborsati fl-istess munita barranija bħal dik li ngħataw fiha. Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kuntratti ta’ kreditu indiċjati fuq muniti barranin ma jistgħux jiġu assimiliati mal-kuntratti ta’ kreditu f’muniti barranin, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda li, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” tkopri klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inserita f’kuntratt ta’ self f’munita barranija li ma ġietx innegozjata b’mod individwali u li tistabbilixxi li s-self għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita barranija li fiha ngħata s-self, peress li din il-klawżola tistabbilixxi prestazzjoni essenzjali li tikkaratterizza dan il-kuntratt. Konsegwentement, din il-klawżola ma tistax titqies bħala inġusta, sa fejn tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem.

Fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tiġi redatta b’mod ċar u li jinftiehem jimplika li l-klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu, li tistabbilixxi li l-kreditu għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita barranija bħal dik li ngħata fiha, għandha unikament tindika r-raġunijiet tal-inklużjoni tagħha fil-kuntratt u l-mod kif din hija implementata, jew jekk din għandhiex ukoll issemmi l-konsegwenzi kollha li hija jista’ jkollha fuq il-prezz imħallas mill-konsumatur, bħar-riskju tal-kambju, u jekk, fid-dawl tal-imsemmija direttiva, l-obbligu tal-istabbiliment bankarju li jinforma lill-persuna li tissellef fil-mument tal-għoti tal-kreditu jikkonċernax esklużivament il-kundizzjonijiet tal-kreditu, jiġifieri l-interessi, il-kummissjonijiet u l-garanziji kkostitwiti imposti fuq il-persuna li tissellef, b’mod li ż-żieda jew l-iddeprezzar tal-prezz tal-bejgħ ta’ munita barranija jista’ jkun kopert minn dan l-obbligu.

43

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u li tinftiehem tapplika anki meta klawżola tkun taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” jew ta’ “suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C-26/13, EU:C:2014:282, punt 68). Fil-fatt, il-klawżoli previsti minn din id-dispożizzjoni jaħarbu mill-evalwazzjoni dwar in-natura inġusta tagħhom, meta l-qorti nazzjonali kompetenti tkun qieset, wara eżami individwali ta’ kull każ, li huma ġew ifformulati min-negozjant b’mod ċar u li jinftiehem (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C-484/08, EU:C:2010:309, punt 32).

44

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, sa fejn dan jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan ir-rekwiżit, imfakkar ukoll fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali tagħhom, iżda li għall-kuntrarju, billi s-sistema ta’ protezzjoni implementata mill-imsemmija direttiva tibbaża ruħha fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel man-negozjant f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza għandu jinftiehem b’mod estensiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C-26/13, EU:C:2014:282, punti 7172, kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura, C-348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 52).

45

Għaldaqstant, ir-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem għandu jinftiehem wkoll bħala li jeżiġi li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata kif ukoll, fejn applikabbli, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra, b’mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li ser jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt (sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C-26/13, EU:C:2014:282, punt 75, kif ukoll tat-23 ta’ April 2015, Van Hove, C-96/14, EU:C:2015:262, punt 50).

46

Din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-elementi ta’ fatt rilevanti, fosthom ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduta mill-persuna li ssellef fil-kuntest tan-negozjati ta’ kuntratt ta’ self (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei, C-143/13, EU:C:2015:127, punt 75).

47

B’mod iktar partikolari, hija l-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha madwar il-konklużjoni tal-kuntratt, li tivverifika li, fil-kawża kkonċernata, ikunu ġew ikkomunikati lill-konsumatur l-elementi kollha li jistgħu jinċidu fuq il-portata tal-obbligi tiegħu li jkunu jippermettulu li jevalwa, b’mod partikolari, l-ispiża totali tas-self tiegħu. F’din l-evalwazzjoni għandhom rwol deċiżiv, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli humiex redatti b’mod ċar u li jinftiehem b’tali mod li jippermettu lil konsumatur medju, jiġifieri konsumatur normalment informat u raġjonevolment attent u avvżat, li jevalwa tali spiża u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza marbuta mal-assenza ta’ riferiment, fil-kuntratt ta’ kreditu, għal informazzjoni kkunsidrata, fid-dawl tan-natura tal-beni jew tas-servizzi suġġetti ta’ dan il-kuntratt, bħala essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura, C-348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 66).

48

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa b’mod partikolari abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx intrabat bil-kundizzjonijiet redatta minn qabel min-negozjant (sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C-92/11, EU:C:2013:180, punt 44, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C-154/15, C-307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980, punt 50).

49

F’dan il-każ, fir-rigward tas-self f’muniti barranin bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, kif ġie mfakkar mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, fir-rakkomandazzjoni tagħha CERS/2011/1, tal-21 ta’ Settembru 2011, dwar self f’munita barranija (ĠU 2011, C 342, p. 1), li l-istabbilimenti finanzjarji għandhom jipprovdu lill-persuni li jissellfu informazzjoni suffiċjenti biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati sew u prudenti u għandha ta’ mill-inqas tħaddan l-impatt fuq il-ħlasijiet bin-nifs ta’ deprezzament qawwi fil-valuta legali tal-Istat Membru fejn ikun iddomiċiljat min jissellef u ta’ żieda fir-rata tal-imgħax barrani (Rakkomandazzjoni A – Għarfien ta’ dawk li jissellfu dwar ir-riskju, punt 1).

50

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, il-persuna li tissellef għandha tiġi informata b’mod ċar bil-fatt li, billi tiffirma kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, hija tesponi ruħha għal riskju tal-kambju li possibbilment ikun ekonomikament diffiċli li tiġġestixxi f’każ ta’ żvalutazzjoni tal-munita li fiha hija tirċievi d-dħul tagħha. Min-naħa l-oħra, in-negozjant, f’dan il-każ l-istabbiliment bankarju, għandu jesponi il-varjazzjonijiet possibbli tar-rata tal-kambju u r-riskji inerenti fit-teħid ta’ self f’munita barranija, b’mod partikolari fil-każ li l-konsumatur li jissellef ma jkunx jirċievi d-dħul tiegħu f’din il-munita. Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li n-negozjant ikkomunika lill-konsumaturi kkonċernati l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti lil dawn tal-aħħar jevalwaw il-konsegwenzi ekonomiċi ta’ klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq l-obbligi finanzjarji tagħhom.

51

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem jippreżumi li, fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu, l-istabbilimenti finanzjarji għandhom jipprovdu lill-persuni li jissellfu informazzjoni suffiċjenti li tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati sew u prudenti. F’dan ir-rigward, dan ir-rekwiżit jimplika li klawżola li tistabbilixxi li s-self għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita barranija li jkun ingħata fiha s-self, għandha tinftiehem mill-konsumatur kemm fuq livell formali u grammatikali, iżda wkoll fir-rigward tal-portata konkreta tagħha, fis-sens li konsumatur li jkun normalment informat u raġjonevolment attent u avżat, ikun jista’ mhux biss jaf bil-possibbiltà li togħla jew tinżel il-munita barranija li fiha jkun ingħata s-self, iżda wkoll jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

Fuq l-ewwel domanda

52

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha titwieġeb fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-iżbilanċ sinjifikattiv ta’ klawżola inġusta maħluq bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 93/13, għandux jiġi eżaminat biss fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

53

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bil-għan li jiġi evalwat jekk klawżola kuntrattwali għandhiex titqies bħala inġusta, il-qorti nazzjonali għandha tieħu kont, kif jindika l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13, tan-natura tal-beni jew tas-servizzi li jikkostitwixxu s-suġġett tal-kuntratt, u filwaqt li tirreferi, “għall-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt”, taċ-ċirkustanzi kollha madwar il-konklużjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura, C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Minn dan isegwi, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 78, 80 u 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha ssir b’riferiment għall-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha li n-negozjat seta’ jkun jaf bihom fl-imsemmi mument u li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni ulterjuri tal-imsemmi kuntratt, peress li klawżola kuntrattwali tista’ twassal għal żbilanċ bejn il-partijiet li jimmanifesta ruħu biss matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

55

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inserita f’kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija, tistabbilixxi li l-pagamenti mensili ta’ rimbors tas-self kellhom jsiru f’din l-istess munita. Tali klawżola b’hekk timponi, f’każ ta’ żvalutazzjoni tal-munita nazzjonali meta mqabbla ma’ dik il-munita, ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur.

56

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u waqt li tieħu kont b’mod partikolari tat-tagħrif espert u tal-konoxxenzi tan-negozjant, f’dan il-każ tal-bank, fir-rigward tal-varjazzjonijiet possibbli tar-rati tal-kambju u r-riskji inerenti fit-teħid ta’ self f’munita barranija, fl-ewwel lok, l-inosservanza possibbli tar-rekwiżit ta’ bona fide u, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv possibbli, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13.

57

Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloqx, kontra r-rekwiżit tal-bona fide, għad-detriment tal-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika għal dan l-iskop jekk in-negozjant, fuq il-bażi ta’ aġir leali u ġust fil-konfront tal-konsumatur, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C-415/11, EU:C:2013:164, punti 6869).

58

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpetat fis-sens li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha ssir b’riferiment għall-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha li n-negozjat seta’ jkun jaf bihom fl-imsemmi mument u li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni ulterjuri tal-imsemmi kuntratt. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u waqt li tieħu kont b’mod partikolari tat-tagħrif espert u tal-konoxxenzi tan-negozjant, f’dan il-każ tal-bank, fir-rigward tal-varjazzjonijiet possibbli tar-rati tal-kambju u r-riskji inerenti fit-teħid ta’ self f’munita barranija, l-eżistenza ta’ żbilanċ possibbli fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” tkopri klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inserita f’kuntratt ta’ self f’munita barranija li ma ġietx innegozjata b’mod individwali u li tistabbilixxi li s-self għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita barranija li fiha ngħata s-self, peress li din il-klawżola tistabbilixxi prestazzjoni essenzjali li tikkaratterizza dan il-kuntratt. Konsegwentement, din il-klawżola ma tistax titqies bħala inġusta, sa fejn tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem.

 

2)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem jippreżumi li, fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu, l-istabbilimenti finanzjarji għandhom jipprovdu lill-persuni li jissellfu informazzjoni suffiċjenti li tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati sew u prudenti. F’dan ir-rigward, dan ir-rekwiżit jimplika li klawżola li tistabbilixxi li s-self għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita barranija li jkun ingħata fiha s-self, għandha tinftiehem mill-konsumatur kemm fuq livell formali u grammatikali, iżda wkoll fir-rigward tal-portata konkreta tagħha, fis-sens li konsumatur li jkun normalment informat u raġjonevolment attent u avżat, ikun jista’ mhux biss jaf bil-possibbiltà li togħla jew tinżel il-munita barranija li fiha jkun ingħata s-self, iżda wkoll jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

 

3)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpetat fis-sens li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha ssir b’riferiment għall-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha li n-negozjat seta’ jkun jaf bihom fl-imsemmi mument u li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni ulterjuri tal-imsemmi kuntratt. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u waqt li tieħu kont b’mod partikolari tat-tagħrif espert u tal-konoxxenzi tan-negozjant, f’dan il-każ tal-bank, fir-rigward tal-varjazzjonijiet possibbli tar-rati tal-kambju u r-riskji inerenti fit-teħid ta’ self f’munita barranija, l-eżistenza ta’ żbilanċ possibbli fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Top