Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0125

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Settembru 2017.
    Malta Dental Technologists Association u John Salomone Reynaud vs Superintendent tas-Saħħa Pubblika u Kunsill tal-Professjonijiet Kumplimentari għall-Mediċina.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2005/36/KE – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Tekniki dentali – Kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-professjoni fl-Istat Membru ospitanti – Rekwiżit li tabib dentist ikun obbligatorjament intermedjarju – Applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit fir-rigward tat-tekniki dentali kliniċi li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Għan ta’ interess ġenerali li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika – Proporzjonalità.
    Kawża C-125/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:707

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    21 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2005/36/KE – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Tekniki dentali – Kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-professjoni fl-Istat Membru ospitanti – Rekwiżit li tabib dentist ikun obbligatorjament intermedjarju – Applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit fir-rigward tat-tekniki dentali kliniċi li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni – Ġustifikazzjoni – Għan ta’ interess ġenerali li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika – Proporzjonalità”

    Fil-Kawża C‑125/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Malta), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

    Malta Dental Technologists Association,

    John Salomone Reynaud

    vs

    Superintendent tas-Saħħa Pubblika,

    Kunsill tal-Professjonijiet Kumplimentari għall-Mediċina,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali : P. Mengozzi,

    Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Marzu 2017,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Malta Dental Technologists Association u għal J. S. Reynaud, minn T. Azzopardi, avukat,

    għall-Kunsill tal-Professjonijiet Kumplimentari għall-Mediċina, minn S. Bailey u V. Cuschieri, avukati,

    għall-Gvern Malti, minn A. Buhagiar, bħala aġent,

    għall-Gvern Ċek, minn J. Vláčil u M. Smolek, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u J. Aquilina, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49, 52 u 56 TFUE, kif ukoll tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 354, p. 132) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Malta Dental Technologists Association (Assoċjazzjoni Maltija tat-tekniki dentali, iktar ’il quddiem il-“MDTA”) u John Salomone Reynaud u, min-naħa l-oħra, is-Superintendent tas-Saħħa Pubblika (Malta) (iktar ’il quddiem is-“Superintendent”) u l-Kunsill tal-Professjonijiet Kumplimentari għall-Mediċina (Malta) (iktar ’il quddiem il-“KPKM”) dwar it-talba għar-rikonoxximent f’Malta tal-kwalifiki professjonali tat-tekniki dentali kliniċi (iktar ’il quddiem it-“TDK”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 3 tad-Direttiva 2005/36 tiddikjara:

    “Il-garanzija mogħtija minn din id-Direttiva lil persuni li kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom fi Stat Membru sabiex ikollhom aċċess għall-istess professjoni u jeżerċitawha fi Stat Membru ieħor bl-istess drittijiet bħal ċittadini hija bla ħsara għall-konformità mill-professjonist li jkun emigra ma’ kondizzjonijiet mhux diskriminatorji ta’ eżerċizzju li jistgħu jkunu stabbiliti mill-Istat Membru ta’ l-aħħar, kemm-il darba dawn ikunu oġġettivament ġustifikati u proporzjonati.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan”, huwa fformulat kif ġej:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ta’ l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.

    Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-aċċess parzjali għal professjoni regolata u r-rikonoxximent ta’ dan it-taħriġ prattiku professjonali li jsir fi Stat Membru ieħor.”

    5

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ‘professjoni regolata’: attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi [...];

    (b)

    ‘kwalifiki professjonali’: kwalifiki attestati minn prova ta’ kwalifiki formali, attestazzjoni ta’ kompetenza kif imsemmija fis-subparagrafu (i) tal-punt (a) ta’ l-Artikolu 11 u/jew esperjenza professjonali;

    (ċ)

    ‘prova ta’ kwalifiki formali’: diplomi, ċertifikati u provi oħra maħruġa minn awtorità fi Stat Membru nominata skond dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amminstrattivi ta’ dak l-Istat Membru u li jiċċertifikaw it-temma b’suċċess ta’ taħriġ professjonali miksub prinċiparjament fil-Komunità. Fejn l-ewwel sentenza ta’ din id-definizzjoni ma tapplikax, prova ta’ kwalifiki formali msemmija fil-paragrafu 3 għandha tiġi ttrattata bħala prova ta’ kwalifiki formali;

    [...]

    (e)

    ‘edukazzjoni u taħriġ regolat’: kull taħriġ li huwa speċifikatament intiż għall-eżerċizzju ta’ professjoni speċifika u li jkun fih kors jew korsijiet komplimentati, fejn jixraq, b’taħriġ professjonali, jew bi prattika bi prova jew professjonali;

    [...]”

    6

    L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Effetti tar-rikonoxximent”, jipprovdi:

    “1.   Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti lill-benefiċjarji sabiex, f’dak l-Istat Membru, jaċċedu għall-istess professjoni bħal dik li huma kkwalifikati għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini u sabiex jeżerċitaw din il-professjoni fl-Istat Membru ospitanti bl-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.

    2.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-professjoni li l-applikant jixtieq li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti hija l-istess bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jekk l-attivitajiet koperti huma paragunabbli.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 1, aċċess parzjali għal professjoni fl-Istat Membru ospitanti għandu jingħata skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4f.”

    7

    Skont l-Artikolu 4f tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Aċċess parzjali”:

    “1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tagħti aċċess parzjali, abbażi ta’ kull każ għalih, għal attività professjonali fit-territorju tagħha biss fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    il-professjonist ikun kompletament ikkwalifikat biex jeżerċita fl-Istat Membru ta’ oriġini l-attività professjonali li għaliha jitlob aċċess parzjali fl-Istat Membru ospitanti;

    […]”

    8

    Il-Kapitolu I tat-Titolu III ta’ din id-direttiva huwa intitolat “Sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ”. Dan il-kapitolu jinkludi l-Artikoli 10 sa 14 tal-imsemmija direttiva.

    9

    L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

    “Dan il-Kapitolu japplika għall-professjonijiet kollha li ma jaqgħux taħt il-Kapitoli II u III ta’ dan it-Titolu [...]”

    10

    L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Livelli ta’ kwalifika”, jiġbor il-kwalifiki għall-finijiet tal-Artikolu 13 u tal-Artikolu 14(6) ta’ din id-direttiva.

    11

    L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għar-rikonoxximent”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

    “Jekk l-aċċess għal professjoni regolata jew it-twettiq tagħha fi Stat Membru ospitanti jkunu kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti lill-applikanti jkollhom aċċess għal dik il-professjoni u jwettquha, bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, jekk għandhom attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11, meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu aċċess għal dik il-professjoni [dik l-istess professjoni] jew għat-twettiq tagħha fit-territorju tiegħu.”

    12

    Il-Kapitolu III tat-Titolu III tad-Direttiva 2005/36 huwa intitolat “Rikonoxximent abbażi ta’ kordinazzjoni ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ taħriġ”. Dan il-kapitolu jinkludi l-Artikoli 21 sa 49 ta’ din id-direttiva.

    13

    Skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Taħriġ bażiku fid-dentistrija”:

    “1.   L-ammissjoni għat-taħriġ bażiku fid-dentistrija jippresupponi l-pussess ta’ diploma jew ta’ ċertifikat li jagħtu aċċess, għall-istudji in kwistjoni, għal universitajiet jew istituti superjuri ta’ livell rikonoxxut bħala ekwivalenti, fi Stat Membru.

    [...]

    3.   Taħriġ bażiku fid-dentistrija għandu jipprovdi assigurazzjoni li l-persuna konċernata kisbet l-għarfien u l-ħiliet li ġejjin:

    (a)

    għarfien adegwat tax-xjenzi li fuqhom hi bbażata d-dentistrija u fehma tajba tal-metodi xjentifiċi, inklużi l-prinċipji tal-kejl tal-funzjonijiet bijoloġiċi, l-istima ta’ fatti stabbiliti xjentifikament u l-analiżi ta’ data;

    (b)

    għarfien xieraq tal-kostituzzjoni, il-fiżjoloġija u l-imġieba ta’ persuni b’saħħithom u morda kif ukoll l-influwenza ta’ l-ambjent naturali u soċjali fuq l-istat tas-saħħa tal-bniedem, sa fejn dawn il-fatturi jolqtu id-dentistrija;

    (ċ)

    għarfien adegwat ta’ l-istruttura u l-funzjoni tas-snien, il-ħalq, ix-xedaq u t-tessuti assoċjati, kemm b’saħħithom kif ukoll morda, u r-relazzjoni tagħhom ma’ l-istat ġenerali tas-saħħa u l-benessri fiżiku u soċjali tal-pazjent;

    (d)

    għarfien adegwat tad-dixxiplini u l-metodi kliniċi, li jipprovdu d-dentist bi stampa koerenti ta’ anomaliji, leżjonijiet u mard tas-snien, tal-ħalq, tax-xedaq u tat-tessuti assoċjati u tad-dentistrija preventiva, dijanjostika u terapewtika;

    (e)

    esperjenza klinika xierqa taħt superviżjoni xierqa.

    Dan it-taħriġ għandu jipprovdih bil-ħiliet neċessarji għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet kollha li jinvolvu l-prevenzjoni, id-dijanjosi u t-trattament ta’ l-anomaliji u l-mard tas-snien, tal-ħalq, tax-xedaq u tat-tessuti assoċjati.”

    14

    L-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali bħala tobba dentisti”, jipprevedi:

    “1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-attivitajiet professjonali bħala tobba dentisti huma l-attivitajiet definiti fil-paragrafu 3 u eżerċitati taħt il-kwalifiki professjonali elenkati fl-Anness V, punt 5.3.2.

    2.   Il-professjoni ta’ tabib dentist għandha tkun ibbażata fuq taħriġ fid-dentistrija msemmi fl-Artikolu 34 u għandu jikkostitwixxi professjoni speċifika li hija distinta minn professjonijiet oħrajn mediċi ġenerali jew speċjalizzati. L-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali bħala tabib dentist jirrikjedi l-pussess tal-kwalifiki formali msemmija fl-Anness V, punt 5.3.2. [...]

    3.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li tobba dentisti huma kapaċi ġeneralment li jiksbu aċċess u jwettqu attivitajiet ta’ prevenzjoni, dijanjosi u trattament ta’ l-anomaliji u l-mard tas-snien, tal-ħalq, tax-xedaq u tat-tessuti assoċjati, b’kont dovut tad-dispożizzjonijiet regolamentari u r-regoli ta’ l-etika professjonali dwar id-dati ta’ referenza msemmija fl-Anness V, punt 5.3.2.”

    Id-dritt Malti

    15

    L-Artikolu 2 tal-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa (Kapitolu 464 tal-Liġijiet ta’ Malta), jiddefinixxi l-“professjonist komplimentari għall-mediċina” bħala “professjonist fil-kura medika li jkollu ismu mniżżel fir-Reġistri ta’Professjonijiet Komplimentari għall-Mediċina msemmija fl-artikolu 28”.

    16

    Skont l-Artikolu 25(1) ta’ dan l-att:

    “Ħadd ma għandu jeżerċita xi professjonijiet komplimentari għall-mediċina kemm-il darba ismu ma jkunx imniżżel fir-reġistru rispettiv miżmum mill-[KPKM], skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att.”

    17

    L-Artikolu 28(1) tal-imsemmi att jipprovdi:

    “Il-[KPKM] għandu jżomm reġistri separati, dwar kull waħda mill-professjonijiet komplimentar[i] għall-Mediċina elenkati fit-Tielet Skeda, [...] li fihom, wara li ssir applikazzjoni għaldaqstant mill-persuna involuta, għandu jitniżżel l-isem ta’ kull ċittadin ta’ Malta jew ta’ Stat Membru, li jkollu -

    (a)

    dik il-kwalifika, kif jista’ jiġi preskritt, miksuba mill-Università ta’ Malta, jew minn istituzzjoni ta’ taħriġ, jew wara li tkun għamlet kors ta’ taħriġ organizzat mid-Dipartiment tas-Saħħa, fi professjoni li dwarha jinżamm Reġistru separat; jew

    (b)

    kwalifika miksuba minn Stat Membru u rikonoxxuta skont l-Att dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kawlifiki, jew kull regolament magħmul taħt dak l-Att; jew

    (c)

    kwalifika f’dik il-professjoni miksuba minn xi università oħra, kulleġġ jew skola rikonoxxuti mill-[KPKM]:

    Iżda, għall-finijiet ta’ dik il-kwalifika, l-[KPKM] jista’ jeħtieġ li l-persuna involuta tagħmel u tgħaddi minn eżami ta’ profiċjenza professjonali u lingwistika.”

    18

    It-Tielet Skeda tal-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa (Kapitolu 464 tal-Liġijiet ta’ Malta), li telenka l-professjonijiet komplementari għall-mediċina, issemmi l-professjoni ta’ tekniku dentali, iżda mhux il-professjoni ta’ TDK.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    19

    Il-MDTA u J. S. Reynaud ressqu talba quddiem il-qorti tar-rinviju intiża li jiksbu r-rikonoxximent f’Malta tal-kwalifiki professjonali ta’ TDK. Permezz tar-rikors tagħhom, huma talbu li s-Superintendent u l-KPKM jiġu ordnati jirreġistraw f’Malta lit-TDK irrikonoxxuti fi Stati Membri oħra u jippermettu lil dawn it-tekniki jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, il-MDTA u J. S. Reynaud ipprovaw jiksbu dikjarazzjoni fis-sens li t-TDK jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom mingħajr ma jkun meħtieġ li pazjent jintbagħat għandhom minn tabib dentist.

    20

    It-TDK huma esperti fil-qasam tal-apparat dentali, inklużi l-manifattura ta’ dentieri u ta’ snien foloz, li jwettqu wkoll tiswijiet jew alterazzjonijiet tad-dentieri u tal-proteżi dentali.

    21

    Il-MDTA u J. S. Reynaud jispeċifikaw li, għall-pazjenti, l-attività tat-TDK ma toħloqx riskju ta’ ħsara irreversibbli sa fejn, jekk l-apparat dentali jkun difettuż, l-uniku konsegwenza ta’ dan tkun li dan l-apparat ikollu jiġi aġġustat jew issostitwit.

    22

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-TDK ma humiex irrikonoxxuti f’Malta u li għalhekk huma ma jistgħux jeżerċitaw il-professjoni tagħhom hemmhekk, filwaqt li huma biss it-tekniki dentali li huma rrikonoxxuti u rreġistrati f’dan l-Istat Membru.

    23

    Il-MDTA u J. S. Reynaud ma humiex qegħdin jitolbu li l-professjoni tat-TDK tiġi rrikonoxxuta bħala professjoni tas-saħħa distinta minn dik tal-professjoni ta’ tekniku dentali, iżda li t-TDK jiġu inklużi fir-reġistru tat-tekniki dentali ġestit mill-KPKM.

    24

    Il-qorti tar-rinviju tosserva li t-talba tal-MDTA u ta’ J. S. Reynaud tikkonċerna l-eżerċizzju transkonfinali tal-professjoni ta’ TDK mill-persuni li jkunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom f’Malta. Hija żżid li f’dan ir-rigward il-leġiżlazzjoni Maltija ma tagħmel ebda diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini Maltin u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra sa fejn il-professjoni ta’ TDK ma hijiex irrikonoxxuta fuq livell ġenerali, mingħajr distinzjoni abbażi tan-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati.

    25

    Peress li qieset li s-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikoli 49, 52 u 56 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2005/36, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Malta) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Jekk il-projbizzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta, ossia r-rifjut tagħhom li jagħtu għarfien lill-professjoni ta’ [TDK] minnkejja li ma hemmx diskriminazzjoni fil-liġi iżda fil-prattika, applikanti minn Stati Membri oħra qed jiġu projbiti li jistabbilixxu l-professjoni tagħhom f’Malta hijiex inkompatibbli mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-ħolqien tas-Single Market, partikolarment kif jemanaw mill-Artikoli 49 TFEU, 52 TFEU u 56 TFEU meta ma hemmx periklu għas-saħħa pubblika.

    2)

    Jekk id-Direttiva 2005/36 [...] għandhiex tiġi applikata fir-rigward ta’ [TDK] peress illi jekk dentiera tkun difettuża, l-unika konsegwenza tkun li dik id-“dental appliance” difettuża tkun trid tiġi aġġustata jew mibdula, mingħajr l-ebda periklu għall-pazjent.

    3)

    Jekk il-projbizzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta li qiegħda tiġi kkontestata ma tistax isservi biex tassigura l-objettiv li jkun hawn livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika peress li kull dentiera difettuża tista’ tiġi mibdula mingħajr l-ebda periklu għall-pazjent.

    4)

    Jekk hux qed jiġi vvjolat il-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba l-mod kif [is-Superintendent] qed jinterpreta u jenforza d-Direttiva 2005/36 [...] fir-rigward ta’ [TDK] li japplikaw għal rikonoxximent mill-istess awtoritajiet tas-saħħa f’Malta.”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    26

    Il-Gvern Malti jsostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma inammissibbli sa fejn, fl-ewwel lok, ġew ifformulati fi stadju bikri wisq tal-proċedura nazzjonali, fejn il-partijiet ma kellhomx il-possibbiltà li jippreżentaw il-provi tagħhom, fit-tieni lok, huma bbażati fuq l-ipoteżi żbaljata li l-attivitajiet tat-TDK ma jirrappreżentawx riskju għas-saħħa tal-bniedem u, fit-tielet lok, huma bbażati fuq il-konstatazzjoni żbaljata li għat-TDK minn Stati Membri oħra huwa impossibbli li jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom f’Malta.

    27

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Awstrijak iqajjem dubju dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula sa fejn it-tilwima fil-kawża prinċipali ma tinkludi ebda element transkonfinali minħabba li l-MDTA, li ppreżentat ir-rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, hija assoċjazzjoni Maltija.

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali li tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura jkun hemm lok, għal dik il-qorti, li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET, C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Fir-rigward tal-allegata assenza, fil-fehma tal-Gvern Awstrijak, ta’ element transkonfinali fit-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, minbarra l-fatt li d-domandi ma jikkonċernawx biss id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE iżda wkoll id-Direttiva 2005/36, il-qorti tar-rinviju ressqet it-talba tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura, mibdija minn assoċjazzjoni ta’ tekniki dentali, jiġifieri l-MDTA, dwar il-legalità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li ma japplikawx biss għaċ-ċittadini Maltin iżda wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Għaldaqstant, id-deċiżjoni li dik il-qorti ser tadotta sussegwentement għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tipproduċi effetti anki fir-rigward ta’ dawn iċ-ċittadini tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 35, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 51).

    31

    Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    32

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-attivitajiet ta’ tekniku dentali għandhom jiġu eżerċitati b’kollaborazzjoni ma’ tabib dentist, sa fejn dan ir-rekwiżit japplika, konformement mal-imsemmija leġiżlazzjoni, fir-rigward ta’ TDK li kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’dan l-ewwel Stat Membru.

    33

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2005/36 tistabbilixxi r-regoli li bihom Stat Membru, jiġifieri l-Istat Membru ospitanti, li jissuġġetta l-aċċess għal professjoni rregolata jew l-eżerċizzju tagħha, fit-territorju tiegħu, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, għandu jirrikonoxxi, fir-rigward tal-aċċess għal din il-professjoni u tal-eżerċizzju tagħha, il-kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor jew f’diversi Stati Membri oħra, jiġifieri l-Istat Membru jew l-Istati Membri ta’ oriġini, u li jippermettu lill-persuna li jkollha dawn il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk.

    34

    Skont l-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, “professjoni regolata” tfisser attività jew grupp ta’ attivitajiet professjonali li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom jew wieħed mill-modi tal-eżerċizzju tagħhom huma suġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi. Għaldaqstant, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “professjoni regolata”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard, C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Mill-Artikolu 3(1)(b), (ċ) u (e) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li l-kunċett ta’ “kwalifiki professjonali speċifiċi”, li jinsab fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, ikopri kull kwalifika li tikkorrispondi għal prova ta’ kwalifika formali maħsuba speċifikament sabiex tħejji lill-persuni li jkollhom din il-kwalifika għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard, C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 38).

    36

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kwalifika universitarja, meħtieġa fl-Artikolu 28 tal-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa (Kapitolu 464 tal-Liġijiet ta’ Malta) sabiex wieħed ikun jista’ jkollu aċċess għall-professjonijiet komplementari għall-mediċina, hija intiża speċifikament li tħejji lill-persuni li jkollhom din il-kwalifika sabiex jeżerċitaw tali professjonijiet. Issa, it-Tielet Skeda tal-imsemmi att tinkludi, fost il-professjonijiet komplementari għall-mediċina, il-professjoni ta’ tekniku dentali.

    37

    Għaldaqstant, bla ħsara għall-istħarriġ mill-qorti tar-rinviju tal-osservanza tal-Artikolu 3(1)(b), (ċ) u (e) tad-Direttiva 2005/36 fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ kwalifika professjonali tat-tekniki dentali, previsti fid-dritt Malti, għandu jiġi kkonstatat li l-professjoni ta’ tekniku dentali tikkostitwixxi, f’Malta, professjoni rregolata fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva.

    38

    Peress li ma hijiex koperta mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli II u III tat-Titolu III tad-Direttiva 2005/36, il-professjoni ta’ tekniku dentali hija għalhekk suġġetta għas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ provi ta’ kwalifika formali, prevista fil-Kapitolu I ta’ dan it-titolu u b’mod partikolari fl-Artikoli 10 sa 14 ta’ din id-direttiva.

    39

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, meta, fi Stat Membru ospitanti, l-aċċess għal professjoni rregolata jew l-eżerċizzju tagħha jkunu suġġetti għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għandha tippermetti li l-applikanti jkollhom aċċess għal din il-professjoni u li jeżerċitawha, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini tiegħu, jekk ikollhom attestazzjoni ta’ kompetenzi jew prova ta’ kwalifika formali msemmija fl-Artikolu 11 tal-istess direttiva, li jkunu meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex wieħed ikun jista’ jkollu aċċess għal dik l-istess professjoni fit-territorju tiegħu jew sabiex ikun jista’ jeżerċitaha hemmhekk.

    40

    L-espressjoni “dik il-professjoni [dik l-istess professjoni]”, li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36, għandha tinftiehem fis-sens li tkopri l-professjonijiet li, fl-Istat Membru ta’ oriġini u f’dak ospitanti, ikunu jew identiċi, jew analogi, jew, f’ċerti każijiet, sempliċement ekwivalenti, f’termini ta’ attivitajiet koperti minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, C‑330/03, EU:C:2006:45, punt 20).

    41

    Il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull waħda mill-attivitajiet koperti mill-professjoni inkwistjoni fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati, jiġifieri l-professjoni ta’ tekniku dentali f’Malta u l-professjoni ta’ TDK fi Stat Membru ieħor, sabiex tiddetermina jekk effettivament hijiex involuta “l-istess professjoni”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, C‑330/03, EU:C:2006:45, punt 20).

    42

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Maltin kompetenti ma humiex jirrifjutaw lit-TDK aċċess għall-professjoni ta’ tekniku dentali u jqisu li l-attivitajiet ta’ TDK u l-kwalifiki professjonali tagħhom jikkorrispondu għal dawk ta’ tekniki dentali f’Malta.

    43

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-verifika li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju skont il-kriterji msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi eskluż li l-professjoni ta’ tekniku dentali u dik ta’ TDK jitqiesu li huma “l-istess professjoni”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36.

    44

    Barra minn hekk, il-fatt, osservat fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-kwalifiki ta’ TDK meħtieġa minn Stat Membru ta’ oriġini jmorru lil hinn mill-kwalifiki meħtieġa għal tekniku dentali li l-professjoni tiegħu hija rregolata fl-Istat Membru ospitanti ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward.

    45

    B’dan premess, għandu jiġi eżaminat ir-rekwiżit, kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni Maltija, li l-attivitajiet tat-tekniki dentali f’Malta għandhom jiġu eżerċitati b’kollaborazzjoni ma’ tabib dentist, fejn dawn it-tekniki ma humiex awtorizzati jaħdmu f’kuntatt dirett mal-pazjenti mingħajr ma jkun hemm tali tabib dentist bħala intermedjarju.

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-professjoni ta’ tekniku dentali jew ta’ dik ta’ TDK ma humiex, bħala tali, armonizzati permezz tad-Direttiva 2005/36.

    47

    Fil-fatt, kif essenzjalment qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 13 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/36, kif interpretat fid-dawl tal-premessa 3 tagħha, jirriżulta li huwa l-Istat Membru ospitanti li għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ professjoni rregolata, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

    48

    Għaldaqstant, persuna li teżerċita l-professjoni ta’ TDK fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha ma tistax tinvoka d-Direttiva 2005/36 sabiex toġġezzjona għal rekwiżit li l-professjoni ta’ tekniku dentali tiġi eżerċitata b’kollaborazzjoni ma’ tabib dentist, bħar-rekwiżit inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    49

    Kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 13 tal-konklużjonijiet tiegħu, soluzzjoni kuntrarja twassal sabiex Stat Membru jkun imġiegħel jimmudella l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ professjoni fuq dawk applikabbli fi Stati Membri oħra u sabiex din id-direttiva tintuża bħala strument li jservi sabiex jiġu evitati l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-professjonijiet irregolati li madankollu ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni.

    50

    Għalkemm huwa minnu li ċerti attivitajiet tat-TDK jistgħu jaqgħu fost l-attivitajiet tal-professjoni tat-tabib dentist u għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 4f tad-Direttiva 2005/36 jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-aċċess parzjali għal attività professjonali, għandu fi kwalunkwe każ jitfakkar li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali qatt ma talbu, konformement mal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, aċċess parzjali għall-professjoni ta’ tabib dentist.

    51

    B’hekk, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk tali aċċess parzjali huwiex, f’dan il-każ, legalment possibbli, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 4f tad-Direttiva 2005/36 ma huwiex applikabbli.

    52

    Barra minn hekk, għandu jiġi evalwat jekk, fir-rigward tal-aspetti tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-professjoni ta’ tabib dentist jew tal-professjoni ta’ TDK li ma humiex armonizzati permezz tad-Direttiva 2005/36, ir-rekwiżit li l-professjoni ta’ tekniku dentali tiġi eżerċitata b’kollaborazzjoni ma’ tabib dentist huwiex konformi mat-Trattat FUE.

    53

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti b’osservanza tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Nasiopoulos, C‑575/11, EU:C:2013:430, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    Huwa minnu li, konformement mal-Artikolu 168(7) TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet intiżi li jorganizzaw is-servizzi tas-saħħa. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, li jinkludu l-projbizzjoni għall-Istati Membri li jintroduċu jew li jżommu fis-seħħ restrizzjonijiet mhux ġustifikati fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ din il-libertà fil-qasam tal-kura tas-saħħa (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Ottica New Line, C‑539/11, EU:C:2013:591, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn it-TDK huma awtorizzati, fl-Istat Membru ta’ oriġini, jaħdmu f’kuntatt dirett mal-pazjenti mingħajr ma jkun hemm tabib dentist bħala intermedjarju obbligatorju, ir-rekwiżit ta’ tali intermedjarju, prevista fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tat-tekniki dentali, jista’ jagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tagħhom, iggarantita fl-Artikolu 49 TFUE.

    56

    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, li huma applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, jistgħu jkunu ġġustifikati permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li jkunu ta’ natura adegwata sabiex jiżguraw li jintlaħaq l-għan segwit u bil-kundizzjoni li ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Ottica New Line, C‑539/11, EU:C:2013:591, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    Fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit tal-imsemmi intermedjarju obbligatorju huwa bbażat fuq il-premessa li huma biss il-persuni li jkunu segwew it-taħriġ ta’ tabib dentist imsemmi fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2005/36, u li jkollhom il-prova ta’ kwalifika formali bażika ta’ tabib dentist, li huma suffiċjentement ikkwalifikati sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet, elenkati fl-Artikolu 36(3) ta’ din id-direttiva, ta’ prevenzjoni, ta’ djanjosi u ta’ trattament tal-anomaliji u tal-mard tas-snien, tal-ħalq, tax-xedaq u tat-tessuti assoċjati.

    58

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-parteċipazzjoni obbligatorja ta’ tabib dentist fit-trattament ta’ pazjent li lilu jipprovdi s-servizzi tiegħu ta’ tekniku dentali hija maħsuba sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, li hija raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

    59

    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan l-iskop.

    60

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi evalwata l-osservanza minn Stat Membru tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam tas-saħħa pubblika, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost l-għanijiet u l-interessi protetti mit-Trattat FUE u li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu f’liema livell huma beħsiebhom jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-mod kif dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Deutsche Parkinson Vereinigung, C‑148/15, EU:C:2016:776, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    61

    Fl-istess ħin, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-miżuri nazzjonali intiżi li jipproteġuha, is-saħħa pubblika tirrikjedi viġilanza partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Nasiopoulos, C‑575/11, EU:C:2013:430, punt 27).

    62

    Fid-dawl tar-riskju għas-saħħa tal-pazjent li huwa inerenti fl-attivitajiet kollha msemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tal-importanza tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni, imfakkar fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, li għandhom l-Istati Membri fl-implementazzjoni ta’ dan l-għan, għandu jiġi kkonstatat li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 26 sa 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit li tabib dentist ikun intermedjarju obbligatorju huwa adegwat sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan l-iskop.

    63

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 49 TFUE, l-Artikolu 4(1) kif ukoll l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-attivitajiet ta’ tekniku dentali għandhom jiġu eżerċitati b’kollaborazzjoni ma’ tabib dentist, sa fejn dan ir-rekwiżit japplika, konformement mal-imsemmija leġiżlazzjoni, fir-rigward ta’ TDK li kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’dan l-ewwel Stat Membru.

    Fuq l-ispejjeż

    64

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 49 TFUE, l-Artikolu 4(1) kif ukoll l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 2013, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-attivitajiet ta’ tekniku dentali għandhom jiġu eżerċitati b’kollaborazzjoni ma’ tabib dentist, sa fejn dan ir-rekwiżit japplika, konformement mal-imsemmija leġiżlazzjoni, fir-rigward ta’ tekniki dentali kliniki li kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’dan l-ewwel Stat Membru.

     

    Bay Larsen

    Vilaras

    Malenovský

    Safjan

    Šváby

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Settembru 2017.

    Reġistratur

    A. Calot Escobar

    President tal-Awla

    L. Bay Larsen


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Malti.

    Top