This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0051
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 26 April 2017.#Stryker EMEA Supply Chain Services BV v Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Rijnmond.#Reference for a preliminary ruling — Common Customs Tariff — Tariff headings — Classification of goods — Implant screws intended to be inserted in the human body for the treatment of fractures or the stabilisation of prostheses — Combined Nomenclature — Heading 9021 — Implementing regulation (EU) No 1212/2014 — Validity.#Case C-51/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-26 ta’ April 2017.
Stryker EMEA Supply Chain Services BV vs Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Rijnmond.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Viti għall-impjanti li huma intiżi sabiex jiddaħħlu fil-ġisem ta’ bniedem għat-trattament ta’ ksur tal-għadam jew għat-tqegħid ta’ protesijiet – Nomenklatura Magħquda – Intestatura 9021 – Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1212/2014 – Validità.
Kawża C-51/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-26 ta’ April 2017.
Stryker EMEA Supply Chain Services BV vs Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Rijnmond.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Viti għall-impjanti li huma intiżi sabiex jiddaħħlu fil-ġisem ta’ bniedem għat-trattament ta’ ksur tal-għadam jew għat-tqegħid ta’ protesijiet – Nomenklatura Magħquda – Intestatura 9021 – Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1212/2014 – Validità.
Kawża C-51/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:298
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
26 ta’ April 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa doganali komuni — Intestaturi tariffarji — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Viti għall-impjanti li huma intiżi sabiex jiddaħħlu fil-ġisem ta’ bniedem għat-trattament ta’ ksur tal-għadam jew għat-tqegħid ta’ protesijiet — Nomenklatura Magħquda — Intestatura 9021 — Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1212/2014 — Validità”
Fil-Kawża C‑51/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Noord-Holland (qorti tal-provinċja ta’ Hollande-Septentrionale, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura
Stryker EMEA Supply Chain Services BV
vs
Inspecteur van de Belastingdienst/Douane, kantoor Rotterdam Rijnmond
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Jannar 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Stryker EMEA Supply Chain Services BV, minn H. de Bie, avukat, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M.K. Bulterman u M.A.M. de Ree, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u S. Noë, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestatura 9021 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tidher fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p.382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014, tas-16 ta’ Ottubru 2014 (ĠU L 312, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”), u dwar il-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1212/2014, tal-11 ta’ Novembru 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 329, p. 3). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Stryker EMEA Supply Chain Services BV (iktar ’il quddiem “Stryker”) u l-Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Riynmond (spettur tas-servizz tat-taxxa/Dwana, uffiċċju ta’ Rotterdam Rijnmond, iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet doganali”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tliet mudelli ta’ viti għall-impjanti medikali. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-klassifikazzjoni tal-merkanzija
3 |
In-NM ġiet stabbilita permezz tar-Regolament Nru 2658/87. Hija bbażata fuq il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika[zzjoni] ta’ Oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha, tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi tas-SA b’sitt numri. Huma biss is-seba’ u t-tmien ċifri tan-NM li jiffurmaw is-suddiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha. |
4 |
Ir-Regolament Nru 2658/87 jawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tikkjarifika l-kontentut ta’ intestatura tariffarja. L‑Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 huwa aġġornat mill-Kummissjoni darba fis-sena. Permezz tar-Regolament Nru 1101/2014, il-Kummissjoni adottat verżjoni kompleta tan-NM, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2015. |
5 |
F’dan ir-rigward, in-NM fiha, fl-Ewwel Parti, Titolu 1, TaqsimaA, numru ta’ regoli ġenerali għall-interpretazzjoni ta’ din in-nomenklatura. Din it-taqsima tipprovdi li: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
[...]
|
6 |
It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana” tinkludi Taqsima XV, intitolata “Metalli ta’ valur baxx u oġġetti ta’ metalli ta’ valur baxx”. In-Noti 2 u 3 ta’ din it-taqsima huma fformulati kif ġej:
|
7 |
It-Taqsima XV tan-NM fiha Kapitolu 73, intitolat “Oġġetti ta’ ħadid jew azzar”. Dan il-kapitolu jinkludi b’mod partikolari l-intestatura 7318 li ser tinqara kif ġej: “Viti, boltijiet, skorfini, coach screws (viti b’ras eżagonali biex jiddawwru bi spanner), ganċijiet bil-kamin, rivits, kavilji, ċavi, woxers (inklużi woxers molla) u oġġetti simili, ta’ ħadid jew azzar:” |
8 |
Is-SA tinkludi nota ta’ spjega dwar l-intestatura 7318, li ġġib il-preċiżjoni kif ġejja: “Dawn l-oġġetti kollha normalment jinqatgħu kamin fl-istat lest, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti boltijiet li jistgħu jiġu ffissati kultant permezz ta’ kavilji, pereżempju. Jippermettu li jiġu assemblati bejniethom jew bejn diversi biċċiet, b’tali mod li jkun possibbli li wieħed jifridhom iktar tard mingħajr deterjorazzjoni. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Il-[...] viti tal-metall huma ta’ forma ċilindrika u l-qata’ tal-kamin hija stretta ħafna u ftit immejla; [huma] kemm b’ras mhux imqassma (inkwadrati) – l-iffissar tagħhom jopera għalhekk permezz ta’ ċavetta –, kif ukoll b’ras imqassma jew li jinkludi sokit. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Il-[...] viti tal-metall ta’ kull tip huma [inklużi] hawn, irrispettivament mill-forma u mill-użu tagħhom, inkluż hemm [dawk] ta’ forma speċjali, bħall-boltijiet f’forma ta’ U (boltijiet flanġ), il-boltijiet mingħajr ras li jikkonsistu f’vireg ċilindriċi jinqatgħu kamin għall-estremità jew fuq it-tul kollu, boltijiet stud, ikkostitwiti minn stemma qasira tinqata’ kamin għaż-żewġ estremitajiet. [traduzzjoni mhux uffiċjali] [...] Il-viti tal-injam jiddifferenzjaw ruħhom [...] minn viti tal-metall permezz tal-forma maqtugħa u mill-fatt li huma pprovduti bil-ħajt tat-tqattigħ li għandu, waqt li jdur, jagħmel il-passaġġ tiegħu fil-materjal. Iktar minn hekk, il-viti tal-injam huma pprovduti, fil-maġġoranza tal-każijiet, b’ras imqassma jew li tinkludi sokit u huma dejjem użati mingħajr skorfina. [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
9 |
It-Taqsima XV tan-NM fiha wkoll Kapitolu 81, intitolat “Metalli oħrajn ta’ valur baxx; ċermiti; oġġetti tagħhom”. Inkluża f’dan il-kapitolu, l-intestatura 8108 hija fformulata kif ġej: “Titanju u oġġetti tiegħu, inklużi skart u fdal: [...] 8108 90 – Oħrajn: [...] 8108 90 90 – – Oħrajn” |
10 |
It-tieni parti tan-NM tinkludi Taqsima XVIII, intitolata “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, ta’ kejl, ta’ iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; arloġġi u arloġġi tal-idejn; strumenti mużikali; partijiet u aċċessorji tagħhom”. |
11 |
It-Taqsima XVIII tan-NM jinkludi Kapitolu 90, intitolat “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, għal kejl, għal iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; partijiet u aċċessorji tagħhom”. |
12 |
In-Nota 1 ta’ dan il-Kapitolu 90 tistipula:
[...] ” |
13 |
In-nota ta’ spjega tas-SA rigward il-Kapitolu 90 tagħmel il-preċiżjonijiet li ġejjin: “Dan il-kapitolu jinkludi flimkien l-istrumenti u l-apparat diversi ħafna, iżda li, bħala regola ġenerali, huma kkaratterizzati essenzjalment mit-tmiem tal-manifattura tagħhom u mill-preċiżjoni kbira tagħhom li jagħmel il-maġġoranza tagħhom validi li jintużaw b’mod partikolari [...] għall-fini mediċi. [...] ” |
14 |
L-intestatura 9021 hija strutturata kif ġej: “9021 10 – Oġġetti u tagħmir ta’ l-ortopedija jew għall-fratturi: [...] 9021 10 90 – – Qassab u tagħmir ieħor għal ksur” [...] 9021 90 – Oħrajn [...] 9021 90 90 – – Oħrajn” |
15 |
In-nota ta’ spjega tas-SA rigward l-intestatura 9021 tippreċiża: “L-oġġetti u tagħmir għall-fratturi jservu biex jiġu mmobilizzati l-partijiet tal-ġisem affettwati (għall-finijiet ta’ estensjoni jew ta’ protezzjoni) jew biex inaqqsu l-fratturi [...] Fost dawn l-oġġetti u tagħmir, uħud minnhom jistgħu jiġu ffissati fuq il-pazjent stess (huwa l-każ b’mod partikolari tal-kanali bil-fili tal-metall, taż-żingu, tal-injam, eċċ, biex jiġu mmobilizzati l-membri, qassaba fil-faxex tal-ġibs għall-minkeb pereżempju, tagħmir għall-gaġġa toraċika eċċ.) jew li jiġu adattati għal sodda, għal mejda jew għal rfid (ċrieki ta’ protezzjoni, tagħmir għall-fratturi msejħa espansjoni għall-wieqaf tubulari intiżi li jissostitwixxu kanali jew qassaba eċċ.). Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tan-nota 1(f) ta’ dan il-kapitolu, li jaqgħu wkoll taħt din l-intestatura l-pjanċi, pinnijiet, eċċ, introdotti fil-ġisem mill-kirurgi biex iżommu mpoġġija maġenb xulxin iż-żewġ partijiet ta’ għadma miksura jew għat-trattament simili tal-fratturi. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
16 |
In-nota ta’ spjega tan-NM rigward is-subintestatura 9021 39 90 tippreċiża: “1. Dan is-subtitlu [subintestatura] jinkludi:
[...] ” |
Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1212/2014
17 |
Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1212/2014 jikklassifika viti għall-impjanti medikali, konformement mad-data li tidher fl-anness tiegħu. |
18 |
Dan il-vit huwa b’hekk deskritt: “Prodott solidu, ċilindriku, bil-kamin magħmul minn liga tat-titanju iebsa ħafna, lest bil-kulur b’tul ta’ madwar 12 mm. Il-prodott għandu sieq b’dijametru ta’ barra kostanti ta’ 3 mm u ras. Is-sieq hija kollha bil-kamin u b'kamin asimetriku. Ras il-vit hija bil-kamin (li jippermettilha li teħel ma’ plakka tal-kompressjoni f’sistemi tat-twaħħil) u hi forma ta’ sokit imdaħħal ’il ġewwa. Il-prodott jikkorrispondi mal-istandards ISO/TC 150 għal viti għall-impjanti u huwa ppreżentat għal użu fil-qasam tal-kirurġija tat-trawmi għall-iffissar tal-ksur. Għandu jiġi installat fil-ġisem bl-użu ta’ għodda speċifiċi. Waqt l-importazzjoni, huwa ppreżentat f’ippakkjar sterilizzat. Il-prodott jiġi mmarkat b’numru u huwa għalhekk traċċabbli tul il-produzzjoni u d-distribuzzjoni. ” |
19 |
Konformement għar-raġunijiet li jidhru fl-anness tal-imsemmi regolament, [i]l-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, nota 2(a) għat-Taqsima XV, nota 3 għat-Taqsima XV, nota 1(f) għall-Kapitolu 90 u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8108 , 8108 90 u 8108 90 90 . |
20 |
Dawn ir-raġunijiet ikomplu kif ġej: “Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, il-prodott jikkorrispondi b’mod sħiħ ma’ vit ta’ metall ta’ valur baxx, anki jekk huwa intiż għall-użu fil-kirurġija tat-trawmi. Indipendentement mill-użu effettiv tagħhom, il-viti ta’ metall ta’ valur baxx huma, skont in-nota 2(a) għat-Taqsima XV, partijiet ta’ użu ġenerali. Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9021 bħala qassaba u apparat ieħor għall-ksur hija għalhekk eskluża bis-saħħa tan-nota 1(f) għall-Kapitolu 90. Għalhekk il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8108 90 90 , bħala artikoli oħra magħmulin mit-titanju. ” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
21 |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda r-revoka ta’ tliet biċċiet ta’ informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa lil Stryker mill-awtoritajiet doganali, għal tliet mudelli ta’ viti għall-impjanti intiżi li jiġu introdotti fil-ġisem tal-bniedem għat-trattament ta’ ksur jew għat-tqegħid ta’ protesijiet. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn il-viti jippreżentaw il-karatteristiċi komuni li ġejjin:
|
22 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn il-viti jippreżentaw il-karatteristiċi speċifiċi. Fil-fatt, waħda minnhom hija komposta minn liga tat-titanju filwaqt li t-tnejn l-oħra huma komposti mill-istainless steel. Barra minn hekk, il-viti tal-istainless steel huma għall-użu uniku. Finalment, il-vit tal-liga tat-titanju huwa użat għall-iffissar ta’ qsim artifiċjali, filwaqt li l-viti tal-istainless steel huma użati għall-iffissar u stabilizzazzjoni temporanja tal-għadam. |
23 |
Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, fuq il-bażi tal-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali, dawn ikklassifikaw dawn it-tliet tipi ta’ viti għall-impjanti medikali fl-intestatura 9021 90 90 tan-NM. |
24 |
Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1212/2014, l-imsemmija awtoritajiet irtiraw din l-informazzjoni tariffarja permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Jannar 2015. Dan l-irtirar ġie ġġustifikat, minħabba li, fis-sens ta’ dan ir-regolament, “vit intiż li jintuża fil-kirurġija għandu jiġi kklassifikat, minħabba l-proprjetajiet u karatteristiċi oġġettivi tiegħu, bħala parti ta’ użu ġenerali”. |
25 |
Wara lment li ma rnexxiex imressaq quddiem l-awtoritajiet doganali, Stryker ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni ta’ rtirar quddiem il-qorti tar-rinviju. |
26 |
Insostenn tal-appell tagħha, Stryker tqis, essenzjalment, li, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-viti għall-impjanti, fosthom id-destinazzjoni inerenti tagħhom, li ma jirrigwardax viti “ordinarji” kif imsemmija fl-intestatura 7318 tan-NM. Barra minn hekk, Stryker issostni li r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1212/2014 ma huwiex validu, għaliex il-klassifikazzjoni mwettqa minnu twettqet esklużivament fid-dawl tal-karatteristiċi esterjuri tal-viti għall-impjanti medikali kkonċernati, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni d-destinazzjoni inerenti għal dawn il-viti, li huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
27 |
L-awtoritajiet doganali jsostnu li l-viti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippreżentaw xebh kbir mal-vit deskritt fl-imsemmi regolament u, għaldaqstant, għandhom jiġu kklassifikati bħala “partijiet ta’ użu ġenerali”. |
28 |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fl-ewwel lok, minħabba l-proprjetajiet u karatteristiċi oġġettivi tagħhom, f’dan inkluż id-destinazzjoni inerenti tagħhom, il-viti għall-impjanti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kklassifikati fl-intestatura 9021 tan-NM. |
29 |
Tali klassifikazzjoni tirriżulta, minn naħa, mill-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-viti għall-impjanti medikali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li dawn il-viti huma maħsuba, prodotti u mibjugħa bħala oġġetti ortopediċi għat-trattament ta’ għadam miksura jew l-iffissar ta’ protesijiet, li huma pprovduti b’avviż stabbilit għall-kirurgu, li ma jistgħux jiġu installati fil-ġisem ħlief permezz ta’ strumenti medikali speċifiċi, li l-materjal użat (azzar jew liga tat-titanju) huwa speċjalment maħsub biex jiminimizza r-riskji taċ-ċaħda, li l-kamin ta’ tali viti huwa iktar profond milli għall-viti “ordinarji”, li r-ras tal-vit huwa maħsub b’mod li jnaqqas ir-riskji ta’ infjammazzjoni, li huma jissodisfaw l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandardizzazzjoni li jiggarantixxu l-kwalità tal-prodotti medikali u, finalment, li huma jistgħu jiġu ntraċċati f’każ ta’ sejħa lura. |
30 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-viti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ppreżentati ppakkjati f’unità f’kaxxa żgħira u li jistgħu jiġu ppreżentati fi stat sterilizzat. |
31 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tindika li l-viti għall-impjanti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma esklużivament intiżi li jiġu installati fil-ġisem tal-bniedem għat-trattament ta’ ksur tal-għadam jew l-iffissar ta’ protesijiet. |
32 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-viti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondu għall-vit deskritt fl-anness tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1212/2014, li jeskludi klassifikazzjoni fl-intestatura 9021 tan-NM. Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi minn dan ir-regolament li, fir-rigward ta’ prodott li jaqa’ taħt “partijiet għal użu ġenerali” fis-sens tan-nota 2 tat-Taqsima XV tan-NM, id-destinazzjoni ta’ prodott ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha. |
33 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-importanza mogħtija mill-Kummissjoni, li adottat ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1212/2014, għall-aspett esterjuri tal-vit għall-impjant għall-klassifikazzjoni tiegħu. Din il-qorti kienet tirrikonoxxi li, prima facie, tali vit għall-impjanti jixbah vit “ordinarju”. Hija tosserva, għall-inqas, li eżaminazzjoni iktar approfondit juri natura proprja li tiddistingwi tali viti għall-impjanti minn viti ordinarji. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li l-kamin tal-viti għall-impjanti huwa iktar profond minn dak ta’ vit ordinarju u li s-sokit fir-ras tal-vit ma huwiex intiż għal strument universali, iżda huwa adottat għal strumenti medikali speċifiċi. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni ma eċċedietx il-limiti tal-kompetenzi tagħha billi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-intestatura 9021 tan-NM għall-motivazzjoni msemmija fl-anness tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 1212/2014. |
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank-Holland (qorti tal-provinċja ta’ Hollande-Septentrionale, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
36 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-Qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt l-intestatura 9021 tan-NM il-viti għall-impjanti mediċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li huma esklużivament intiżi sabiex jiddaħħlu fil-ġisem ta’ bniedem għat-trattament ta’ ksur tal-għadam jew għat-tqegħid ta’ protesijiet. |
37 |
Stryker issostni li, fi kwalunkwe każ, it-tliet mudelli ta’ viti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irrispettivament mill-kompożizzjoni fiżika tagħhom fl-azzar jew fit-titanju, jaqgħu taħt l-intestatura 9021 tan-NM. Din il-klassifikazzjoni hija ġġustifikata, essenzjalment, minn naħa minħabba d-destinazzjoni inerenti għal dan il-vit u, min-naħa l-oħra, minħabba l-karatteristiċi oġġettivi proprji għall-imsemmija viti, karatteristiċi li l-Kummissjoni b’mod żbaljat naqset milli tikkunsidra bħala rilevanti. |
38 |
Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, il-kriterju determinanti jikkonsisti f’analiżi tal-karatteristiċi oġġettivi esterjuri ta’ dawn il-viti. Għalhekk, il-Kummissjoni torbot importanza deċiżiva mal-fatt li, fil-fehma tagħha, il-viti inkwistjoni fil-kawża prinċipali “jikkorrispondu perfettament” ma’ viti ordinarji. B’hekk, il-Kummissjoni tiċħad kull rilevanza mad-destinazzjoni ta’ dawn il-viti, jiġifieri l-użu tagħhom fil-kirurġija tat-trawmi. Il-viti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala “partijiet għal użu ġenerali f’metalli ta’ valur baxx” u ma jistgħux, skont in-nota 1(f) tal-Kapitolu 90 tan-NM, jiġu kklassifikati fl-intestatura 9021 tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li tikklassifika l-viti inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont il-kompożizzjoni fiżika tagħhom, jiġifieri fl-intestatura 7318 tan-NM għall-viti tal-azzar u fl-intestatura 8108 tan-NM għall-viti tal-liga tat-titanju. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità ta’ kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2011, Delphi Deutschland, C‑423/10, EU:C:2011:315, punt 23). |
40 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, l-użu intiż tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, liema inerenza għandha tkun tali li tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Premis Medical, C‑273/09, EU:C:2010:809, punt 43). |
41 |
F’dan il-każ, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet fattwali mwettqa mill-qorti tar-rinviju, kif imfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li l-viti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ras b’forma speċifika speċjalment adattata għall-istrumenti medikali ta’ ffissar ta’ kamin maħsub speċjalment biex jiddaħħal fl-għadma u biex inaqqas ir-riskju ta’ infjammazzjoni kif ukoll trattament speċjali intiż li jimminimizza r-riskji ta’ ċaħda. |
42 |
Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-imsemmija viti huma żviluppati speċjalment biex jiddaħħlu fl-organu biex jiffissaw, rispettivament, kemm artikulazzjoni artifiċjali, kif ukoll għadam jew partijiet ta’ għadma. |
43 |
Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex prevista speċifikament la mill-kliem tal-intestaturi tan-NM, lanqas minn dik tan-noti ta’ taqsimiet jew kapitoli ta’ dan tal-aħħar. |
44 |
Għandu madankollu jiġi rrilevat li fit-termini tal-intestatura 9021 tan-NM jissemma partikolarment l-oġġetti u l-apparat għall-ksur. |
45 |
F’dan ir-rigward, minn naħa n-noti ta’ spjega tas-SA u, min-naħa l-oħra, dawk tan-NM jagħmlu indikazzjonijiet utli għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk dawn in-noti ta’ spjega għandhom natura interpretattiva u ma għandhomx saħħa vinkolanti ta’ dritt (ara, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe, C‑15/05, EU:C:2006:259, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Fl-ewwel lok u qabelxejn, in-nota ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 90, kif imfakkra fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, tippreċiża li l-prodotti li jaqgħu taħt dan il-kapitolu huma kkaratterizzati mit-tmiem tal-manifattura tagħhom u mill-preċiżjoni kbira tagħhom li jagħmel il-maġġoranza ta’ dawn il-prodotti validi li jintużaw b’mod partikolari għall-finijiet medikali. |
47 |
B’hekk huma kklassifikati fl-intestatura 9021 tan-NM prodotti kkaratterizzati essenzjalment mit-tmiem tal-manifattura tagħhom u mill-preċiżjoni kbira tagħhom, liema fatt jiddistingwihom mill-prodotti ordinarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, EU:C:2002:637, punt 37). |
48 |
Sussegwentement, skont il-punt 2 tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 9021, l-oġġetti jew l-apparati għall-fratturi “jservu biex jimmobilizzaw il-partijiet tal-ġisem affettwati [...] jew biex inaqqsu l-fratturi ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jaqgħu wkoll taħt din l-intestatura “l-pjanċi, pinnijiet, eċċ, introdotti fil-ġisem mill-kirurgi biex iżommu mpoġġija maġenb xulxin iż-żewġ partijiet ta’ għadma miksura jew għat-trattament simili tal-fratturi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
49 |
Finalment, in-nota ta’ spjega tas-subintestatura 9021 39 90 tan-NM tippreċiża li jaqgħu taħt din l-intestatura “pjanċi li jibqgħu permanentament fil-ġisem, pereżempju, biex joqgħodu flok parti minn għadma jew għadma sħiħa)”. |
50 |
Minn dak kollu li ntqal qabel huma kklassifikati fl-intestatura 9021 tan-NM prodotti kkaratterizzati mit-tmiem tal-manifattura tagħhom u mill-preċiżjoni kbira tagħhom u li jistgħu jiddaħħlu fl-organu biex jimmobilizzaw il-partijiet tal-ġisem affettwati jew biex inaqqsu l-fratturi liema fatt, konsegwentement, jiddistingwihom mill-prodotti ordinarji. |
51 |
Fit-tieni lok, fost il-kriterji li jistgħu jiddifferenzjaw prodotti sempliċi jew ordinarji minn dawk li jissodisfaw funzjoni medikali jissemmew, b’mod partikolari, il-kriterju tal-metodu ta’ manifattura tal-prodott ikkonċernat kif ukoll dak tal-ispeċifiċità tal-funzjoni tal-imsemmi prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, EU:C:2002:637, punt 39). |
52 |
Fir-rigward tal-metodu ta’ manifattura tal-prodott, mill-konstatazzjonijiet fattwali mwettqa mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-viti għall-impjanti medikali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma maħsuba b’tali mod li, minħabba l-forma speċifika tar-ras tagħhom, ma jistgħux jiddaħħlu fil-ġisem ħlief permezz ta’ strumenti medikali speċifiċi u mhux bi strumenti ordinarji. Barra minn hekk, il-materjal użat għal dawn il-viti tal-istainless steel jew tat-titanju huwa maħsub speċjalment biex jiġu minimizzati r-riskji ta’ ċaħda. |
53 |
Fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-funzjoni tal-prodott, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-viti għall-impjanti medikali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom esklużivament bħala funzjoni li jitpoġġew maġenb xulxin iż-żewġ partijiet ta’ għadma miksura jew li jiffissaw artikolazzjoni artifiċjali. |
54 |
B’hekk, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġu distinti mill-prodotti ordinarji mit-tmiem tal-manifattura tagħhom u l-preċiżjoni kbira tagħhom fid-dawl tal-metodu ta’ manifattura tagħhom kif ukoll tal-ispeċifikazzjoni tal-funzjoni tagħhom. Għalhekk ma hemmx lok, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li tingħata importanza determinanti lill-aspett esterjuri tal-viti għall-impjanti medikali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
55 |
Għaldaqstant, mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet objettivi tal-vit tal-impjant mediku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta li dawn il-prodotti jistgħu jaqgħu taħt l-intestatura 9021 tan-NM. |
56 |
Fit-tielet lok, peress li, kif jirriżulta mill-punti 39 sa 55 ta’ din is-sentenza, il-viti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, fid-dawl tal-karatteristiċi u l-proprjetajiet objettivi tagħhom, li jiġu kklassifikati fl-intestatura 9021 tan-NM bħala oġġetti għall-frattura, ma jistgħux jiġu kklassifikati fl-intestaturi 7318 u 8108 tan-NM u ma jaqgħux taħt “partijiet għal użu ġenerali” fis-sens tan-nota 1(f) tal-Kapitolu 90 u tan-nota 2(a) tat-Taqsima XV tan-NM. |
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt l-intestatura tagħha viti għall-impjant medikali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dawn il-prodotti jippreżentaw karatteristiċi li jiddistingwuhom mill-prodotti ordinarji mit-tmiem tal-manifattura tagħhom u l-preċiżjoni kbira tagħhom, kif ukoll mill-metodu tagħhom ta’ manifattura u l-ispeċifikazzjoni tal-funzjoni tagħhom. B’mod partikolari, il-fatt li viti għall-impjanti medikali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiddaħħlu fil-ġisem ħlief permezz ta’ strumenti medikali speċifiċi, u mhux bi strumenti ordinarji, jikkostitwixxi karatteristika li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġu distinti dawn il-viti għall-impjanti medikali minn prodotti ordinarji. |
Fuq it-tieni domanda
58 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-Qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1212/2014 huwiex validu. |
59 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li regolament ta’ klassifikazzjoni, jiġi adottat mill-Kummissjoni meta l-klassifikazzjoni fin-NM ta’ prodott partikolari jista’ jikkawża diffikultà jew ikun is-suġġett ta’ kawża u, min-naħa l-oħra, li regolament bħal dan ikollu portata ġenerali inkwantu japplika mhux għal operatur partikolari, iżda b’mod ġenerali għall-prodotti identiċi għal dak li huwa s-suġġett ta’ din il-klassifikazzjoni (ara s-sentenza tas-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C‑376/07, EU:C:2009:105 punt 63). |
60 |
Għandu madankollu jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni matul is-seduta, li l-oġġett li huwa s-suġġett ta’ klassifikazzjoni bir-Regolament Nru 1212/2014 mhuwiex identiku għall-viti għall-impjant medikali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi esterjuri tagħhom. Fil-fatt, il-vit deskritt fl-anness ta’ dan ir-regolament jippreżenta, fost oħrajn, tul ta’ madwar 12mm, sieq b’dijametru ta’ barra kostanti ta’ 3 mm, ras bil-kamin u kamin asimetriku, filwaqt li l-viti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħal dawk deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandhom tul ikbar, saqajn b’dijamitru ikbar, irjus mingħajr kamin u kamini mhux asimetriċi. |
61 |
Ċertament, skont il-ġurisprudenza, l-applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni, għall-prodotti analogi għal dawk koperti minn dan ir-regolament tiffavorixxi interpretazzjoni koerenti tan-NM kif ukoll l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Krings, C‑130/02, EU:C:2004:122, punt 35). |
62 |
Madankollu, tali applikazzjoni b’analoġija ma hijiex neċessarja u lanqas possibbli peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tar-risposta tagħha għal domanda preliminari, ipprovdiet lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha neċessarji għall-klassifikazzjoni ta’ prodott f’intestatura adegwata tan-NM. |
63 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
64 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-intestatura 9021 tan-Nomenklatura Magħquda li tidher fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014, tas-16 ta’ Ottubru 2014 għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħtha viti għall-impjant medikali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dawn il-prodotti jippreżentaw karatteristiċi li jiddistingwuhom mill-prodotti ordinarji mit-tmiem tal-manifattura tagħhom u l-preċiżjoni kbira tagħhom, kif ukoll mill-metodu tagħhom ta’ manifattura u l-ispeċifikazzjoni tal-funzjoni tagħhom. B’mod partikolari, il-fatt li viti għall-impjant medikali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiddaħħlu fil-ġisem ħlief permezz ta’ strumenti medikali speċifiċi, u mhux bi strumenti ordinarji, jikkostitwixxi karatteristika li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġu distinti dawn il-viti għall-impjanti medikali minn prodotti ordinarji. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż