EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0622

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati l-11 ta’ April 2018.
Scuola Elementare Maria Montessori Srl vs Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea vs Scuola Elementare Maria Montessori Srl u Il-Kummissjoni Ewropea vs Pietro Ferracci.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni li tiddikjara li l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern huwa impossibbli – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Rikorsi għal annullament ippreżentati minn kompetituri ta’ benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat – Ammissibbiltà – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni – Inċidenza diretta – Kunċett ta’ ‘impossibbiltà assoluta’ li tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘attività ekonomika’.
Kawżi magħquda C-622/16 P sa C-624/16 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:229

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-11 ta’ April 2018 ( 1 )

Kawżi magħquda C-622/16 P sa C-624/16 P

Scuola Elementare Maria Montessori Srl

vs

Il-Kummissjoni Ewropea (C‑622/16 P)

u

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Scuola Elementare Maria Montessori Srl (C‑623/16 P)

u

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Pietro Ferracci (C‑624/16 P)

“Appell – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Ammissibbiltà – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni – Inċidenza diretta – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lill-entitajiet mhux kummerċjali li jeżerċitaw attivitajiet speċifiċi f’ċerti oqsma – Eżenzjoni mit-taxxa muniċipali fuq il-proprjetà immobbli – Deċiżjoni li tiddikjara bħala impossibbli l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern – Deċiżjoni li tiddikjara skema ta’ eżenzjoni mit-taxxa muniċipali fuq il-proprjetà favur stabbilimenti jew attivitajiet mhux ekonomiċi eżerċitati minn entitajiet mhux kummerċjali bħala li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament ta’ kompetituri potenzjali”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom fil-Kawżi C‑622/16 P u C‑623/16 P, Scuola Elementare Maria Montessori Srl u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484), li biha l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat ir-rikors ippreżentat minn Scuola Elementare Maria Montessori intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/284/UE, tad-19 ta’ Diċembru 2012, dwar l-għajnuna mill-istat SA.20829 (C‑26/2010, qabel NN 43/2010 (qabel CP 71/2006)) Is-sistema għall-eżenzjoni mill-ICI għal bini li jintuża minn istituzzjonijiet mhux kummerċjali għal skopijiet speċifiċi li ġiet implimentata mill-Italja ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑624/16 P, il-Kummissjoni talbet ukoll l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Ferracci vs Il‑Kummissjoni (T‑219/13, EU:T:2016:485), li biha l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat ir-rikors ta’ Pietro Ferracci intiż għall-annullament tal-istess deċiżjoni.

2.

L-Artikolu 230 KE ġie emendat permezz tat-Trattat ta’ Lisbona. Dan żied fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, it-tielet parti, “li naqqset is-severità tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi” ( 3 ). Dan kien fi kwalunkwe każ l-għan iddikjarat.

3.

Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “l-emenda tad-dritt għal azzjoni legali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kienet intiża sabiex tippermetti lil dawn il-persuni jippreżentaw, f’kundizzjonijiet inqas stretti, rikors għal annullament kontra atti ta’ portata ġenerali” ( 4 ), madankollu hija interpretat kull waħda mill-kundizzjonijiet imposti mill-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE b’mod iktar restrittiv.

4.

Huwa b’dan il-mod li l-atti regolatorji ġew iddefiniti bħala atti ta’ portata ġenerali bl-esklużjoni tal-atti leġiżlattivi ( 5 ), li saret distinzjoni bejn il-kundizzjoni tal-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni u dik tal-inċidenza diretta ( 6 ) u li n-“natura mekkanika” ta’ miżura nazzjonali li tkun tista’ tiġi adottata wara att tal-Unjoni hija irrilevanti meta din tkun tinvolvi li tiġi identifikata miżura ta’ implimentazzjoni fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 7 ).

5.

Wara s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C‑244/16 P, EU:C:2018:177) u European Union Copper Task Force vs Il-Kummissjoni (C‑384/16 P, EU:C:2018:176), dawn l-appelli joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja possibbiltà aħħarija li tagħti lill-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ħjiel ta’ portata utli. Fil-fatt, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata l-inammissibbiltà tar-rikorsi li wasslu għal dawn l-appelli, hija tkun tikkonferma wkoll il-portata ċkejkna tal-emenda magħmula lill-Artikolu 263 TFUE (jew ex Artikolu 230 KE), mit-trattat ta’ Lisbona ( 8 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

6.

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] ( 9 ):

“Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […] Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità”.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

7.

Il-fatti li wasslu għall-kawżi, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 20 tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484), u Ferracci vs Il-Kummissjoni (T‑219/13, EU:T:2016:485) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi appellati”), jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

8.

P. Ferracci huwa proprjetarju ta’ lukanda għat-turisti tat-tip “Bed & Breakfast” magħmula minn żewġ kmamar; Scuola Elementare Maria Montessori hija stabbiliment ta’ tagħlim privat. Matul l-2006 u l-2007, huma ressqu ilmenti quddiem il-Kummissjoni, fejn allegaw li, min-naħa, il-modifika tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema nazzjonali dwar l-Imposta comunale sugli immobili (it-Taxxa Muniċipali fuq il-Proprjetajiet Immobbli, iktar ’il quddiem l-“ICI”) deċiża mir-Repubblika Taljana u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 149(4) tat-Testo unico delle imposte sui redditi (it-Test Uniku tat-Taxxi fuq id-Dħul, iktar ’il quddiem it-“TUTD”) kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern.

9.

L-emenda tal-ICI kienet intiża, essenzjalment, sabiex tistabbilixxi li l-eżenzjoni minn din it-taxxa, li sa mill-1992 jibbenefikaw minnha l-istituzzjonijiet mhux kummerċjali li jeżerċitaw, fil-proprjetajiet immobbli kkonċernata tagħhom, esklużivament attivitajiet fil-qasam tal-assistenza soċjali, tal-benesseri, tal-kura tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tal-akkomodazzjoni, tal-kultura, tar-rikreazzjoni, tal-isport, tar-reliġjoni u tal-qima, kellha tinftiehem bħala li tapplika wkoll għall-imsemmija attivitajiet “indipendentement min-natura possibbilment kummerċjali tagħhom”. L-Artikolu 149(4) tat-TUTD kien jipprevedi, essenzjalment, li, b’differenza mill-istituzzjonijiet l-oħrajn kollha, l-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi li huma rrikonoxxuti bħala persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt ċivili u l-assoċjazzjonijiet sportivi mhux professjonali ma kinux suġġetti għall-kriterji li huwa kien jipprevedi għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-telf tal-kwalità ta’ istituzzjoni mhux kummerċjali.

10.

Wara xi emendi u preċiżazzjonijiet magħmula lill-ICI mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni, f’ittra tal-15 ta’ Frar 2010, indikat lil P. Ferracci u lill-iScuola Elementare Maria Montessori li hija kienet tqis li l-miżuri kkontestati ma kinux jidhru li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u li għaldaqstant ma kienx meħtieġ li titkompla l-investigazzjoni. Fis-26 ta’ April 2010, P. Ferracci u l-iScuola Elementare Maria Montessori ppreżentaw żewġ rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali bir-referenzi T‑192/10 u T‑193/10, intiżi għall-annullament tal-ittra tal-15 ta’ Frar 2010.

11.

Fit-12 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, dwar, minn naħa, l-eżenzjoni mill-ICI għall-istituzzjonijiet mhux kummerċjali għal finijiet speċifiċi u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 149(4) tat-TUTD. Permezz ta’ żewġ digrieti tat-18 ta’ Novembru 2010, il-Qorti Ġenerali ordnat, fuq talba ta’ P. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori, li l-Kawżi T‑192/10 u T‑193/10 jitħassru mir-reġistru ( 10 ).

12.

Fil-15 ta’ Frar 2012, l-awtoritajiet Taljani indikaw lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jadottaw leġiżlazzjoni ġdida fil-qasam tat-taxxa muniċipali fuq il-proprjetajiet immobbli u ħabbru li l-eżenzjoni mill-ICI kienet ser tiġi ssostitwita, mill-1 ta’ Jannar 2012, mill-eżenzjoni prevista mill-iskema l-ġdida relattiva għall-Imposta municipale unica (it-Taxxa Muniċipali Unika, iktar ’il quddiem l-“IMU”). Din il-leġiżlazzjoni ġdida ġiet adottata fid-19 ta’ Novembru 2012.

13.

Fid-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat il-leġiżlazzjoni kontenzjuża. Hija kkonstatat fiha, l-ewwel nett, li l-eżenzjoni mogħtija lill-istituzzjonijiet mhux kummerċjali li jeżerċitaw, fil-proprjetajiet immobbli kkonċernata tagħhom, attivitajiet speċifiċi fl-iskema tal-ICI kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u implimentata b’mod illegali mir-Repubblika Taljana, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża preżenti, huwa assolutament impossibbli għar-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna illegali eventwali, b’tali mod li l-Kummissjoni ma ordnatx li jsir dan fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stabbilixxiet li la l-Artikolu 149(4) tat-TUTD u lanqas l-eżenzjoni prevista mill-iskema l-ġdida tal-IMU ma kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

IV. Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

14.

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2013, P. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori rispettivament ippreżentaw rikorsi ntiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-Kummissjoni fiha kienet ikkonstatat, min-naħa, li kien impossibbli għar-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna meqjusa illegali u inkompatibbli mas-suq intern (l-ewwel parti tad-deċiżjoni kontenzjuża) u, min-naħa l-oħra, li la l-Artikolu 149(4) tat-TUTD u lanqas l-eżenzjoni prevista mill-iskema l-ġdida tal-IMU ma kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (rispettivament, it-tieni u t-tielet parti tad-deċiżjoni kontenzjuża).

15.

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, li ġew inklużi mal-mertu mill-Qorti Ġenerali permezz ta’ digrieti tad-29 ta’ Ottubru 2014.

16.

Fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ddikjarat iż-żewġ rikorsi ammissibbli skont l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fejn iddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċerna direttament lil P. Ferracci u lil Scuola Elementare Maria Montessori u li ma kinitx tinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni. Fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet iż-żewġ rikorsi, billi skartat sussegwentement l-erba’ motivi mressqa rispettivament minn P. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 114(1) tar-Regolament Nru 659/1999, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u fuq ksur tal-obbligu li tingħata motivazzjoni.

V. It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C-622/16 P, Scuola Elementare Maria Montessori titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑ 220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484), u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna mogħtija permezz tal-eżenzjoni mill-ICI u kkunsidrat li l-miżuri li jirrigwardaw l-eżenzjoni mill-IMU ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE;

fi kwalunkwe każ, tannulla l-partijiet ta’ din is-sentenza li jirrigwardaw l-aggravji ta’ dan l-appell li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis fondati u li ser tilqa’, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

18.

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Taljana, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kemm ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll dawk tal-ewwel istanza.

19.

Permezz tal-appelli tagħha fil-Kawżi C‑623/16 P u C‑624/16 P, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Taljana, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenzi appellati sa fejn dawn jiddikjaraw ammissibbli r-rikorsi fl-ewwel istanza, abbażi tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE;

tiddikjara r-rikorsi ppreżentati fl-ewwel istanza inammissibbli abbażi tat-tieni u l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, konsegwentement, tiċħadhom fl-intier tagħhom;

tikkundanna, rispettivament, lil P. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori għall-ħlas tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni kemm fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

20.

Scuola Elementare Maria Montessori titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni fil-Kawża C‑623/16 P u tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn tiddikjara ammissibbli r-rikors li hija ppreżentat;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-kawża.

21.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 2017, il-Kawżi C‑622/16 P sa C‑624/16 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. Il-partijiet esponew l-argumenti tagħhom bil-miktub u oralment matul is-seduta tas-6 ta’ Frar 2018.

VI. Fuq l-appelli

22.

Peress li l-appelli tal-Kummissjoni jirrigwardaw l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati fl-ewwel istanza, ser nittratta fl-ewwel lok din il-kwistjoni. Fit-tieni lok, ser nittratta l-aggravji mressqa minn Scuola Elementare Maria Montessori insostenn tal-appell tagħha

A. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn P. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori quddiem il-Qorti Ġenerali

23.

Sabiex ikun ammissibbli għall-annullament abbażi tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors irid ikun dirett kontra att regolatorju li jikkonċerna direttament lir-rikorrenti u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni. Il-Kummissjoni tressaq insostenn tal-appelli tagħha aggravju wieħed fis-sens li l-Qorti Ġenerali allegatament interpretat u applikat b’mod żbaljat dawn it-tliet kundizzjonijiet.

1.   Fuq in-natura regolatorja tad-deċiżjoni kontenzjuża

24.

Id-deċiżjoni kontenzjuża fiha tliet partijiet. Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni kkonstatat li l-eżenzjoni mogħtija lill-istituzzjonijiet mhux kummerċjali li jeżerċitaw, fil-proprjetajiet immobbli li jappartjenu lilha, attivitajiet speċifiċi fl-iskema tal-ICI kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u implimentata b’mod illegali mir-Repubblika Taljana, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Hija kkunsidrat, madankollu, li ma kienx possibbli għar-Repubblika Taljana li tirkupra din l-għajnuna. Fit-tieni u t-tielet part, il-Kummissjoni kkunsidrat, rispettivament li l-Artikolu 149(4) tat-TUTD u l-eżenzjoni prevista mill-iskema l-ġdida tal-IMU ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

25.

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet tliet żbalji ta’ liġi fis-sentenzi appellati meta kklassifikat id-deċiżjoni kontenzjuża bħala att regolatorju ( 11 ). L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali allegatament ikkunsidrat, b’mod żbaljat, li kull att mhux leġiżlattiv ta’ portata ġenerali huwa neċessarjament att regolatorju. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta ddeduċiet in-natura regolatorja tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-portata ġenerali tal-miżuri nazzjonali li huma s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali, f’kull każ, allegatament ma kellhiex tikkunsidra li kull waħda mit-tliet partijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża kellha portata ġenerali. Fil-fatt, peress li l-parti li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-ICI kienet tirrigwarda l-irkupru tal-għajnuna mogħtija minħabba din l-eżenzjoni, dik il-parti kienet tikkonċerna ċirku magħluq ta’ persuni.

a)   Fuq l-assimilazzjoni tal-att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE mal-att mhux leġiżlattiv ta’ portata ġenerali

26.

Il-Kummissjoni ma jistax ikun hemm qbil magħha meta hija tissuġġerixxi li l-atti kollha mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali ma humiex neċessarjament koperti mill-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

27.

Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li t-Trattat ta’ Lisbona żied it-tielet parti mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li “naqqset is-severità tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi” ( 12 ).

28.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, madankollu li l-kunċett ta’ “atti regolatorji” użat f’dik id-dispożizzjoni kellu portata iktar limitata minn dak ta’ “atti”, użat fl-ewwel żewġ partijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 13 ).

29.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fiż-żewġ punti preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-emenda tad-dritt għal azzjoni legali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kienet intiża sabiex tippermetti lil dawn il-persuni jippreżentaw, f’kundizzjonijiet inqas stretti, rikors għal annullament kontra atti ta’ portata ġenerali bl-esklużjoni tal-atti leġiżlattivi” ( 14 ). Minn dan hija ddeduċiet li “[g]ħalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta kkonkludiet li l-kunċett ta’ ‘atti regolatorji’ previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma [kienx] jinkludi[…] l-atti leġiżlattivi” ( 15 ).

30.

Sabiex tiġġustifika din l-interpretazzjoni restrittiva, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq ix-xogħol preparatorju tal-paragrafu 4 tal-Artikolu III-365 tal-abbozz ta’ trattat li jistabbilixxi l-Kostituzzjoni għall-Ewropa ( 16 ). Issa, dan l-istess xogħol ma jippermettix li jistabbilixxi li l-atti l-oħra ta’ portata ġenerali jridu jiġu esklużi mill-kunċett ta’ “atti regolatorji”. Il-possibbiltà li jinżamm approċċ restrittiv għal dak li jikkonċerna l-azzjoni tal-individwi jinsab hemmhekk espressament limitat għall-atti leġiżlattivi ( 17 ). B’kuntrast għal dak li sostniet ukoll il-Kummissjoni waqt is-seduta tas-6 ta’ Frar 2018, ma hemm xejn fix-xogħol preparatorju li jirrigwarda l-paragrafu 4 tal-Artikolu III‑365, tal-abbozz ta’ trattat li jistabbilixxi l-Kostituzzjoni għall-Ewropa, li jippermetti li jiġi sostnut li d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istati jkunu jikkostitwixxu, “min-natura tagħhom”, it-tielet kategorija ta’ atti ta’ portata ġenerali flimkien, minn naħa, mal-atti leġiżlattivi u, min-naħa l-oħra, mal-atti regolatorji fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

31.

Barra minn hekk, b’kuntrast mad-distinzjoni bejn atti leġiżlattivi u atti mhux leġiżlattivi, l-esklużjoni ta’ ċerti atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma tistax tkun ibbażata fuq kriterju proċedurali ( 18 ). Issa, l-approċċ każistiku jkun imur kontra r-rekwiżit taċ-ċertezza legali li għandu jipprevali għall-preżentata ta’ azzjoni legali.

32.

Fil-fatt, bl-istess mod li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva timplika li parti f’kawża għandha tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti ( 19 ), il-parti f’kawża għandha tkun f’pożizzjoni li tiddetermina jekk l-att inkwistjoni jistax ikun ikkontestat direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Sabiex tagħmel dan, il-kategoriji tal-atti kontestabbli għandhom ikunu neċessarjament iddefiniti u identifikabbli b’mod ċar u ċert.

33.

Konsegwentement, inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet fis-sentenzi appellati li kull att mhux leġiżlattiv ta’ portata ġenerali huwa neċessarjament att regolatorju.

b)   Fuq il-portata ġenerali tad-deċiżjoni kontenzjuża

34.

Fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li “d-deċiżjoni [kontenzjuża] għandha portata ġenerali għal dak li jikkonċerna t-tliet partijiet tagħha” ( 20 ). Naqbel ma’ din l-analiżi: kull interpretazzjoni kuntrarja tippreġudika l-klassifikazzjoni kostanti tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna fil-kuntest tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’kuntrast mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna individwali.

35.

Ma huwiex ċertament abbużiv li jiġi affermat li l-att ta’ portata ġenerali dejjem ġie ddefinit bħala att li japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jkollu effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt ( 21 ).

36.

Ċertament, id-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE jkunu indirizzati lil Stat Membru partikolari. Madankollu, diġà kelli l-okkażjoni ngħid li naqbel mal-ħsieb tal-Avukat Ġenerali Kokott li deċiżjoni indirizzata lil Stat Membru tippreżenta karatteristiċi partikolari li jkunu jistgħu “isawru l-ordni ġuridiku nazzjonali u jkollhom b’dan il-mod portata ġenerali” ( 22 ).

37.

Barra minn hekk, ma huwiex għalxejn li jiġi kkonstatat li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea iddefinixxa l-“iskemi ta’ għajnuna” fir-Regolament Nru 659/1999 bħala “kull att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri implimentattivi oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi definiti fi ħdan l-att f’manjiera ġenerali u astratta u kull azzjoni li abbażi tagħha għajnuna li m’hijiex magħquda ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit” ( 23 ).

38.

Fuq kollox, din id-definizzjoni tal-“iskema ta’ għajnuna” li tagħmel riferiment għan-natura ġenerali u astratta tad-definizzjoni tal-impriżi kkonċernati hija wkoll fiċ-ċentru tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jippermettu jew jipprojbixxu skema ta’ għajnuna għandhom portata ġenerali.

39.

Fil-fatt, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jippermettu skema ta’ għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-portata ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata, li [kienet] tirriżulta minn dak li din id-deċiżjoni [kellha] bħala għan li tawtorizza skema fiskali li tapplika [għal] kategorija ta’ operaturi stabbiliti b’mod ġenerali u astratt” ( 24 ). Fir-rigward ta’ dawk li jipprojbixxu skema ta’ għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li dawn huma, fir-rigward tal-impriżi li jappartjenu għas-settur ikkonċernat u huma, potenzjalment, benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni “bħal […] miżur[i] ta’ portata ġenerali li [j]applika[w] għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li [j]involv[u] effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt” ( 25 ).

40.

Din il-ġurisprudenza, żviluppata fil-kuntest tal-kundizzjoni tal-effet individwali diġà msemmi fl-Artikolu 230 KE, ma ġietx ikkontestata wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

41.

Huwa b’dan il-mod, b’mod partikolari, li fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852), il-Qorti tal-Ġustizzja rat fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/5/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja ( 26 ), dispożizzjoni li “[t]applika għal sitwazzjonijiet iddefiniti b’mod oġġettiv u jipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni ddefiniti b’mod ġenerali u astratt” ( 27 ).

42.

Ninnota wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx lill-Kummissjoni li talbitha tissostitwixxi l-motivi fil-kawża li wasslet għad-digriet tal-10 ta’ Ottubru 2017, Greenpeace Energy vs Il‑Kummissjoni (C‑640/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:752) minħabba li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi “sa fejn, sabiex tikkonkludi li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx att ta’ portata ġenerali, hija ma [kinitx] ikkuntentat bin-natura tagħha bħala ‘deċiżjoni’, iżda [kienet] irreferiet ukoll għall-fatt li dik id-deċiżjoni kienet tirrigwarda għajnuna individwali” ( 28 ).

43.

Bil-fatt li ma mexxietx bis-sostituzzjoni mitluba u bil-fatt li ma ssanzjonatx ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma impliċitament, iżda ċertament, li l-Qorti Ġenerali ġustament ma llimitatx ruħha għall-fatt li l-att ikkontestat kien deċiżjoni indirizzata lil Stat Membru sabiex tiċħadlu kull portata ġenerali.

44.

Sabiex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni invokat il-punt 92 tas-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609). Fi tmiem dak il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li “d-deċiżjoni kkontestata, li kienet indirizzata lir-Repubblika Franċiża, ma tikkostitwixxix att regolatorju skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għalhekk ma hijiex att ta’ portata ġenerali […]. għalhekk [kellu] jiġi vverifikat jekk l-appellanti [kinux] direttament u individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni”.

45.

B’kuntrast għal dak li ssuġġerixxiet l-Kummissjoni, din l-analiżi ma setgħatx tkun iġġeneralizzata. Fil-fatt, id-deċiżjoni inkwistjoni kellha natura partikolari sa fejn kienet tikkostitwixxi risposta tal-Kummissjoni għal kwistjoni preċiża tar-Repubblika Franċiża dwar l-obbligu tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat individwali li qabel kienu ddikjarati illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, għalkemm l-imsemmija deċiżjoni kellha tiġi mxebbha ma’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-legalità ta’ għajnuna mill-Istat, hija kellha fi kwalunkwe każ titqies bħala li hija ta’ portata individwali peress li kienet “konnessa u komplementari” ( 29 ) għad-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni, li kienet tirrigwarda l-għoti ta’ għajnuna lil impriża partikolari.

46.

Bħala konklużjoni, peress li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiddikjaraw skema ta’ għajnuna kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE jitqiesu bħala miżuri ta’ portata ġenerali, huma jikkostitwixxu, għal dan il-għan, atti regolatorji fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 30 ).

47.

Barra minn hekk, b’kuntrast ma dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta tas-6 ta’ Frar 2018, il-fatt li l-ewwel parti tad-deċiżjoni kontenzjuża tirrigwarda għajnuna mill-Istat la ma għadhiex fis-seħħ u li, konsegwentement, il-benefiċjarji tagħha jkunu jikkostitwixxu ċirku magħluq bl-ebda mod ma jaffettwa l-portata ġenerali tagħha. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni tan-natura ġenerali u astratta ta’ regola ma tiddependix fuq il-possibbiltà li jiġi identifikat, fil-kuntest meta hija tiġi applikata, numru partikolari ta’ destinatarji iżda bil-mod li dawn huma indirizzati mill-awtur tar-regola ( 31 ). It-test deċiżiv huwa marbut mal-għan tal-att: regola tkun ta’ portata individwali jew ġenerali skont jekk hija tkunx ġiet adottata sabiex tirregola każijiet individwali jew sitwazzjonijiet oġġettivi ( 32 ). Issa, f’każ ta’ deċiżjoni li tirrigwarda skema ta’ għajnuna – kemm jekk imħassra jew issostitwita fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni – l-għan tal-att huwa fil-fatt li tirregola sitwazzjonijiet oġġettivi ddefiniti f’termini astratti u mhux każijiet individwali identifikati a priori.

48.

Għaldaqstant huwa fil-fatt bis-saħħa tal-miżura nazzjonali li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirrigwarda li l-portata ġenerali tagħha tista’, u għandha, tkun iddeterminata. F’każ ta’ interpretazzjoni kuntrarja, din twassal ukoll għal inkoerenza fundamentali fl-applikazzjoni tad-diversi partijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, salv li tiġi abbandunata l-ġurisprudenza dwar il-klassifikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat żviluppata fil-kuntest tal-eżami tal-effett individwali ( 33 ), il-portata individwali jew ġenerali tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tista’ tvarja – fil-konfront tal-istess rikorrent wieħed! – skont jekk tkunx kwistjoni li tiġi evalwata l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament abbażi tat-tieni jew it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, fil-każ imsemmi l-aħħar, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun att ta’ portata individwali mentri, fil-kuntest tat-tieni parti – li tista’ dejjem tkun invokata b’mod sussidjarju minn rikorrent – l-istess deċiżjoni jkollha portata ġenerali.

49.

Barra minn hekk, din id-distinzjoni fil-portata tal-att tkun minn tal-inqas paradossali. Filwaqt li l-għan imfittex mit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa intiż li jippermetti l-preżentata ta’ rikors għal annullament taħt ċirkustanzi ta’ ammissibbiltà inqas stretti, id-dispożizzjoni l-ġdida ma tkunx tapplika għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat minħabba r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikonoxxilhom il-portata ġenerali li wara kollox hija tathom qabel it-Trattat ta’ Lisbona.

50.

Fid-dawl tar-raġunijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet, inqis għaldaqstant li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeduċiet in-natura regolatorja tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-portata ġenerali tal-miżuri nazzjonali li huma s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni.

2.   Fuq l-inċidenza diretta

51.

Il-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta kienet diġà preżenti fl-Artikolu 230 KE. Il-portata tagħha ma nbidlitx mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Hija “titlob li jkunu sodisfatti ż-żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, fl-ewwel lok, toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwu u, fit-tieni nett, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji” ( 34 ).

52.

It-tieni kundizzjoni li tiddetermina l-inċidenza diretta ma hijiex ikkontestata. Kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat korrettament, id-deċiżjoni kontenzjuża tuża l-effetti legali tagħha b’mod purament awtomatiku bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss u mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji ( 35 ).

53.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat dwar l-inċidenza diretta ta’ P. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori fin-nuqqas tagħhom li juru li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha effett “konkret u tanġibbli” fuq is-sitwazzjoni tagħhom. Hija ssostni li ma huwiex biżżejjed li jintwera li l-att ikkontestat għandu effett “teoriku u potenzjali” fuq is-suq tal-kompetitur tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni sabiex dan il-kompetitur ikun “jirrigwardha direttament” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

54.

Tali interpretazzjoni jidhirli li twassal għal konfużjoni bejn iż-żewġ kundizzjonijiet previsti fit-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri, min-naħa, l-inċidenza diretta u min-naħa l-oħra, l-inċidenza individwali.

55.

Fil-fatt, sabiex ikunu individwalment ikkonċernati b’att ta’ portata ġenerali jew b’deċiżjoni li tagħha ma humiex destinatarji, il-persuni li jippreżentaw rikors għal annullament għandhom juru li l-att ikkontestat “jikkonċernahom minħabba ċerti kwalitajiet li jkunu partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra” ( 36 ).

56.

Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, din il-kundizzjoni tinftiehem fis-sens li huwa l-obbligu tar-rikorrent li juri li l-pożizzjoni tiegħu fis-suq ikkonċernat tkun “milquta sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża” ( 37 ). Għaldaqstant, ma huwiex biżżejjed li impriża tistrieħ biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fil-konfront tal-impriża benefiċjarja sabiex hija tkun tista’ titqies bħala individwalment ikkonċernata ( 38 ). Għaldaqstant, huwa fil-fatt grazzi għal din il-kundizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-effetti “konkreti u tanġibbli” tar-regola kkontestata fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent.

57.

Kieku kelli nissintetizza fl-estrem id-differenza bejn iż-żewġ kundizzjonijiet previsti fit-tieni parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ngħid li l-inċidenza diretta tikkontempla s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti – “[il-miżura] għand[ha t]inċidi direttament fuq is-sitwazzjoni legali ta[l-individwu]” ( 39 ) –, filwaqt li l-inċidenza individwali tikkonċerna s-sitwazzjoni fattwali tar-rikorrent – il-miżura għandha taffettwah minħabba “sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizza[h] meta mqabbla ma’ kull persuna oħra” ( 40 ).

58.

Issa, bil-fatt li teżiġi mir-rikorrent li dan iġib prova tal-“effett konkret u tanġibbli” fuq is-sitwazzjoni tiegħu sabiex turi li huwa affettwat direttament mill-att ikkontestat, il-Kummissjoni tidħol fl-evalwazzjoni fattwali tas-sitwazzjoni. B’dan il-mod, hija tiżnatura l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta. Hija ddaħħal fit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kundizzjoni li l-leġiżlatur ma rriproduċietx, u dan bil-għan li ttaffi l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ( 41 ). Tali perverżjoni tal-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta ma tistax, għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, tiġi segwita.

59.

Il-Kummissjoni tibbaża l-argument tagħha fuq is-sentenzi tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284) u tas-17 ta’ Settembru 2015, Confederazione Cooperative Italiane et vs Anicav et (C‑455/13 P, C‑457/13 P u C‑460/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:616).

60.

Fil-kawża T& L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284), ir-rikorrenti kienu impriżi tal-irfinar taz-zokkor tal-kannamieli importat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma ma kinux direttament ikkonċernati mill-atti kkontestati peress li dawn tal-aħħar kienu japplikaw biss għall-produtturi taz-zokkor Ewropej. Fil-kawża Confederazione Cooperative Italiane et vs Ani et (C‑455/13 P, C‑ 457/13 P u C‑ 460/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:616), ir-rikorrenti kienu trasformaturi industrijali tal-frott. Issa, id-dispożizzjonijiet ikkontestati kienu japplikaw biss għall-frott u ħaxix ittrasformati mill-impriżi tal-produtturi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi fatt li tpoġġew f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata minħabba d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma kienx biżżejjed sabiex jitqies li huma kienu affettwati fis-sitwazzjoni legali tagħhom.

61.

Għar-raġunijiet spjegati fil-punti 54 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn l-applikazzjonijiet partikolarment ħarxa tal-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta jidhirli li għandhom ikunu limitati għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawżi T& L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284) kif ukoll Confederazione Cooperative Italiane et vs Anicav et (C‑455/13 P, C‑457/13 P u C‑460/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:616). Fil-fatt, għalkemm b’kuntrast ma’ dak li sostniet il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati, jista’ jidher artifiċjali li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti fil-kawżi T& L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni u Confederazione Cooperative Italiane et vs Anicavet imsemmija iktar ’il fuq, ma kinux preżenti fuq l-istess swieq bħall-“produtturi” msemmija fid-dispożizzjonijiet ikkontestati, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-leġiżlazzjonijiet ikkontestati kienu jipproduċu direttament l-effetti tagħhom biss fuq is-sitwazzjoni legali tal-imsemmija produtturi, li r-rikorrenti ma kinux. Kienu biss l-imsemmija produtturi li kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti kkontestati.

62.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ rikors magħmul kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma narax għalfejn għandha tiġi reża invalida l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali – żviluppata abbażi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni (11/82, EU:C:1985:18, punti 6 sa 10) u tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il‑Kummissjoni (169/84, EU:C:1986:42, punt 30) – li skontha l-kompetitur tal-benefiċjarju ta’ għajnuna ikun direttament ikkonċernat b’deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni meta l-għajnuna tkun diġà ngħatat jew meta r-rieda tal-Istat Membru li jagħti dik l-għajnuna ma tkunx iddubitata ( 42 ).

63.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-miżuri kkontemplati fid-deċiżjoni kontenzjuża kienu jaffettwaw is-sitwazzjonijiet legali ta’ P. Ferracci u ta’ Scuola Elementare Maria Montessori u li kienu jikkonċernawhom direttament.

3.   Fuq l-eżistenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni

64.

Għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kontenzjuża fiha tliet partijiet. Fl-ewwel parti, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-eżenzjoni mogħtija lill-entitajiet mhux kummerċjali li jeżerċitaw, fil-proprjetajiet immobbli li jappartjenu lilhom, attivitajiet speċifiċi fl-iskema tal-ICI kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern u li ġiet implimentata illegalment. Madankollu, hija ma rrikjedietx li tiġi rkuprata. Fit-tieni u t-tielet parti, hija qieset, rispettivament, li l-Artikolu 149(4) tat-TUTD u l-eżenzjoni prevista mill-iskema l-ġdida tal-IMU ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

65.

Skont il-Kummissjoni, din id-deċiżjoni tinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE peress li r-rikorrenti setgħu jitolbu li jibbenefikaw mit-trattament fiskali rriżervat għall-kompetituri preżunti tagħhom u jressqu azzjoni quddiem il-qorti nazzjonali kontra rifjut tal-amministrazzjoni billi jikkontestaw il-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża f’dik l-okkażjoni ( 43 ).

66.

Nirrikonoxxi li din il-konklużjoni taqa’ fil-loġika tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852).

67.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalhekk ikkunsidrat li d-dispożizzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li għandha bħala għan li tiddikjara l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ skema ta’ għajnuna ma tiddefinixxix il-konsegwenzi speċifiċi li din id-dikjarazzjoni jkollha għal kull waħda mill-persuni taxxabbli. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[dawn il-]konsegwenzi […] li jimmaterjalizzaw f’atti amministrattivi bħal stima ta’ taxxa, li tikkostitwixxi bħala tali miżura ta’ implementazzjoni […] fis-sens tal-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE” ( 44 ). Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-Qorti Ġenerali kienet, ġustament, iddeċidiet li, “l-miżuri intiżi sabiex jimplementaw id-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, inkluż b’mod partikolari dik li tikkonsisti f’ċaħda ta’ talba għall-benefiċċju fiskali inkwistjoni, ċaħda li r-rikorrent jista’ wkoll jikkontesta quddiem il-qrati nazzjonali, huma miżuri ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata” ( 45 ).

68.

Tali raġunament ma jidhirlix li jista’ jiġi applikat f’dawn l-appelli għar-raġunijiet li ġejjin.

69.

Min-naħa, l-għajnuna inkwistjoni fl-ewwel parti tad-deċiżjoni kontenzjuża ma għandhiex tkun irkuprata mingħand ir-Repubblika Taljana. Din l-ewwel parti tad-deċiżjoni kontenzjuża ma tinvolvix, għaldaqstant, miżura ta’ implimentazzjoni; hija definittiva u awto-suffiċjenti.

70.

Min-naħa l-oħra, b’kuntrast mar-rikorrenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852), P. Ferracci u Scuola Elementare Maria Montessori ma humiex eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna inkwistjoni iżda tal-kompetituri potenzjali tal-benefiċjarji tagħha ( 46 ). Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien jeħtieġ, sabiex jiġi evalwat il-punt jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, li jsir riferiment esklużivament għall-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni legali skont l-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 47 ).

71.

Taħt dan l-aspett, għandu jiġi rrikonoxxut li ebda att “adottat sabiex jeżegwixxi” d-deċiżjoni kontenzjuża ma japplika għas-sitwazzjonijiet ta’ P. Ferracci u ta’ Scuola Elementare Maria Montessori. Li wieħed jimmaġina li huma jistgħu jitolbu l-għoti ta’ għajnuna li huma jafu sewwasew li ma tistax tingħatalhom bil-għan biss li jikkontestaw id-deċiżjoni ta’ rifjut quddiem il-qorti tidher li hija totalment artifiċjali.

72.

F’dan ir-rigward, ma narax lanqas l-effett li jista’ jkollha d-differenza bejn skema ta’ għajnuna illegali imma li ma għandhiex tiġi rkuprata (l-ewwel pari tad-deċiżjoni kontenzjuża) u skema ta’ għajnuna meqjusa legali imma li r-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, ma humiex benefiċjarji (it-tieni u t-tielet parti tad-deċiżjoni kontenzjuża). Kemm f’każ kif ukoll fl-ieħor, kif diġà kelli l-okkażjoni nesprimiha, kif jista’ wieħed ma jiddubitax mill-effettività reali ta’ tali kostruzzjoni teorika bbażata fuq l-eżistenza ta’ att li ma għandu l-ebda raġuni oħra biex jeżisti ħlief li jkun jista’ jiġi kkontestat ġudizzjarjament ( 48 )?

73.

F’dan ir-rigward, x’aktarx li ma huwiex inutli li jitfakkar li l-oriġini tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tmur lura għall-affermazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ddikjarat li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma hijiex iggarantita meta individwu ma għandux għażla oħra ħlief li jikser id-dritt sabiex iwassal lill-awtorità nazzjonali kompetenti tadotta att ta’ eżekuzzjoni li jwasslu sabiex ikollu jiddefendi ruħu quddiem il-qorti li tista’, għaldaqstant, tagħmel domanda preliminari ( 49 ).

74.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament li “[]l-kunċett ta’ ‘atti regolatorji […] li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni’ jeħtieġ li jiġi interpretat fis-sens tal-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi li fih ġiet fis-seħħ, f’li jiġi evitat li individwu jkun kostrett li jikser id-dritt sabiex ikollu aċċess għall-qorti” ( 50 ).

75.

Issa, għalkemm, formalment, P. Ferracci u l-iScuola Elementare Maria Montessori ma jiksrux il-liġi billi jitolbu li jingħataw għajnuna li ma hijiex intiża għalihom, huma jkunu obbligati madankollu li jadottaw aġir iddestinat, b’ċertezza assoluta, li jfalli sabiex jaċċedu għall-ġustizzja. Tali sitwazzjoni ma tkunx dijametrikament opposta, fil-filosofija tagħha, għal dik li tiġġustifika l-emenda tal-Artikolu 230 KE.

76.

Il-kawżi li jirrigwardaw l-iskema Daniża tat-taxxa fuq il-logħob invokati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u insostenn tal-appelli tagħha ma humiex tali li jbiddlu dan l-approċċ ( 51 ).

77.

Din l-iskema kienet ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni li hija kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fil-kuntest tal-azzjonijiet kontra dik id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din “jkollha l-effetti legali tagħha fil-konfront [tar-]rikorrent[i] permezz biss tal-miżura leġiżlattiva nazzjonali [li kienet ipposponiet id-dħul fis-seħħ tal-iskema kkontestata sakemm il-Kummissjoni kienet tat id-deċiżjoni finali tagħha] kif ukoll tal-istimi ta’ taxxa li jiġu adottati abbażi tagħha, li jimmaterjalizzaw il-konsegwenzi speċifiċi li d-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni ġġib għal kull wieħed mill-persuni taxxabbli fosthom [ir-]rikorrent[i]” ( 52 ).

78.

Fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li s-sitwazzjonijiet ma kinux paragunabbli peress li d-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni fil-kawża li jirrigwardaw l-iskema Daniża ta’ taxxa fuq il-logħob kien jipprevedi l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-miżura nnotifikata, b’mod partikolari wara l-adozzjoni tal-istess deċiżjoni ( 53 ).

79.

Indipendentement mir-rilevanza ta’ din l-evalwazzjoni, teżisti differenza fundamentali bejn l-iskema Daniża ta’ taxxa fuq il-logħob u d-dispożizzjonijiet Taljani inkwistjoni f’dawn l-appelli. Fil-fatt, l-iskema Daniża ma tistabbilixxi fl-ebda każ eżenzjoni mit-taxxa għall-benefiċċju ta’ ċerti fornituri. Min-naħa l-oħra, il-liġi nazzjonali dwar it-taxxi fuq il-logħob kienet tipprovdi r-rati ta’ taxxa differenti applikabbli kollha, inkluż dawk – ogħla – applikabbli għall-impriżi li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 54 ).

80.

F’sitwazzjoni ta’ dan it-tip, ma kienx żbaljat għaldaqstant li wieħed jara fl-istimi ta’ taxxa li jiġu adottati abbażi tal-liġi nazzjonali, miżuri ta’ implimentazzjoni li “tinkludi” d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dawn l-istimi jimmaterjalizzaw il-konsegwenzi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u jistgħu, mingħajr diffikultà u strateġiji, jiġu kkontestati quddiem il-qorti nazzjonali.

81.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni fil-konfront ta’ P. Ferracci u ta’ Scuola Elementare Maria Montessori.

4.   Konklużjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn P. Ferracci u minn Scuola Elementare Maria Montessori quddiem il-Qorti Ġenerali

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li d-deċiżjoni kontenzjuża hija sewwasew att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ P. Ferracci u ta’ Scuola Elementare Maria Montessori u li jikkonċernahom direttament.

83.

Konsegwentement, peress li l-aggravju waħdieni mressaq insostenn tal-appelli tal-Kummissjoni jidher infondat, inqis li l-appelli tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

84.

Peress li l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn P. Ferracci u minn Scuola Elementare Maria Montessori għandha tiġi kkonfermata, għandu jiġi eżaminat l-appell ippreżentat minn din tal-aħħar, liema appell jirrigwarda l-mertu tar-rikors.

B. Fuq il-mertu tar-rikors ippreżentat minn Scuola Elementare Maria Montessori quddiem il-Qorti Ġenerali

85.

Insostenn tal-appell tagħha kontra s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), Scuola Elementare Maria Montessori tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-assenza ta’ ordni għall-irkupru tal-għajnuna meqjusa li hija illegali u inkompatibbli mas-suq intern (l-ewwel parti tad-deċiżjoni kontenzjuża). It-tieni aggravju jirrigwarda s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eżenzjoni mill-IMU ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (it-tielet parti tad-deċiżjoni kontenzjuża).

1.   Fuq l-ewwel aggravju dwar l-assenza ta’ ordni għall-irkupru

a)   L-argumenti tal-partijiet

86.

L-ewwel aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet.

87.

Fl-ewwel lok, Scuola Elementare Maria Montessori ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 108 TFUE, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-Artikolu 4(3) TFUE, meta ppermettiet lill-Kummissjoni tikkonstata impossibbiltà assoluta li tipproċedi għall-irkupru tal-għajnuna illegali fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-impossibbiltà assoluta li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali ma tikkostitwixxix prinċipju ġenerali tal-liġi fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

88.

Fit-tieni lok, Scuola Elementare Maria Montessori tikkontesta l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “impossibbiltà assoluta” adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Dan huwa bbażat esklużivament fuq databases katastali u fiskali Taljani, li ma kinux jippermettu li tiġi estrapolata, b’effett retroattiv, id-data neċessarja għall-irkupru. Issa, dawn l-elementi jaqgħu fl-ordinament ġuridiku intern u ma jistgħux, għaldaqstant, jiġġustifikaw l-impossibbiltà assoluta tal-irkupru tal-għajnuna.

89.

Fit-tielet lok, is-sentenza appellata hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “impossibbiltà assoluta” sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegazzjonijiet ta’ Scuola Elementare Maria Montessori dwar l-eżistenza ta’ modalitajiet alternattivi li kellhom jippermettu lir-Repubblika Taljana tirkupra l-għajnuna inkwistjoni indipendentement mill-istruttura tad-databases katastali u fiskali. Il-Qorti Ġenerali jingħad li qalbet ukoll l-oneru tal-prova meta rrikjediet minn Scuola Elementare Maria Montessori li din turi l-possibbiltà li tirkupra l-għajnuna.

90.

Fir-raba’ lok, Scuola Elementare Maria Montessori tikkritika lill-Qorti Ġenerali bi żnaturament tal-provi meta ddeċidiet li kien impossibbli li mid-databases katastali u fiskali tiġi dedotta l-informazzjoni neċessarja għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

91.

Il-Kummissjoni tirribatti, fl-ewwel lok, li l-assenza ta’ ordni għall-irkupru tal-għajnuna illegali fid-deċiżjoni kontenzjuża huwa konformi mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tordna l-irkupru meta dan ikun kontra prinċipju ġenerali tal-liġi. Issa, skont il-prinċipju ġenerali tal-liġi li ħadd ma jista’ jkun obbligat bl-impossibbli, il-Kummissjoni ma tistax timponi obbligu li l-eżekuzzjoni tiegħu tkun, mit-twelid tagħha, b’mod oġġettiv u assolut, impossibbli li titwettaq.

92.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li Scuola Elementare Maria Montessori tħallat il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u ta’ “impossibbiltà assoluta”. It-tieni kunċett huwa iktar wiesa’ mill-ewwel wieħed u jkopri sitwazzjonijiet li ma għandhom xejn imprevedibbli u lanqas anormali, bħalma hija l-istralċ tal-impriża benefiċjarja.

93.

Fit-tielet lok, l-argument dwar l-eżistenza ta’ metodi alternattivi biex tiġi rkuprata l-għajnuna inkwistjoni hija bbażata fuq l-allegazzjoni żbaljata li Scuola Elementare Maria Montessori ipproduċiet prova tal-eżistenza ta’ tali metodi. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti dwar il-prova ta’ din l-eżistenza. Peress li Scuola Elementare Maria Montessori tikkontesta din iċ-ċaħda, hija tikkontesta evalwazzjonijiet fattwali, li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ appell.

94.

Fir-raba’ lok, l-argument ibbażat fuq l-iżnaturament tal-provi huwa inammissibbli, peress li Scuola Elementare Maria Montessori llimitat ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-provi b’mod differenti mill-Qorti Ġenerali.

b)   Analiżi

95.

Fir-realtà, l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju mressqin minn Scuola Elementare Maria Montessori jeżiġu li tingħata risposta għal tliet domandi marbutin ma’ xulxin b’mod loġiku:

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tista’ tirrinunzja, a priori, milli tordna l-irkupru ta’ għajnuna li hija qieset illegali u inkompatibbli mas-suq intern?

Insegwitu, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda, huwa possibbli li jiġi identifikat f’dan il-każ wieħed mill-motivi li jistgħu jiġġustifikaw l-assenza ta’ ordni għall-irkupru?

Fl-aħħar nett, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din it-tieni domanda, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat il-motiv hekk identifikat?

1) Fuq il-possibbiltà għall-Kummissjoni li ma tordnax l-irkupru ta’ għajnuna illegali

96.

Għal dak li jikkonċerna l-ewwel domanda, jien tal-fehma li l-Kummissjoni tista’, sa mill-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ skema ta’ għajnuna, tiddeċiedi li ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna meqjusa bħala illegali.

97.

Wara li fakkret li l-kanċellament ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru huwa l-konsegwenza loġika li ssegwi minn konstatazzjoni dwar l-illegalità tagħha ( 55 ), il-Qorti Ġenerali tispjega, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li l-“l-għan tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat huwa r-ristabbiliment ta’ kompetizzjoni effettiva, b’mod li, fil-prinċipju, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jimponu fuq l-Istat Membru kkonċernat l-obbligu li jikseb, effettivament, u mingħajr dewmien, il-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni” ( 56 ).

98.

Jien ma nara f’dan ebda żball ta’ liġi. Jidhirli fil-fatt eżatt li jingħad li fl-ordni għall-irkupru tal-għajnuna illegali hemm prinċipju, li jista’, mid-definizzjoni tiegħu, ikun akkumpanjat b’eċċezzjonijiet.

99.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rwol tal-qrati nazzjonali fl-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat tikkonferma din l-analiżi. Fil-fatt, filwaqt li “l-għan prinċipali tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment huwa li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti mit-tali” ( 57 ), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li “[h]uwa biss jekk ikun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn ma jkunx xieraq li jiġi ordnat ir-rimbors tal-għajnuna” ( 58 ). B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet il-possibbiltà, ċertament eċċezzjonali, li tidderoga mill-prinċipju li bih għandu jiġi ordnat l-irkupru ta’ għajnuna illegali.

100.

Din l-idea hija wkoll riprodotta espressament fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi li “[…]l-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità”.

101.

Huwa b’dan il-mod li, sabiex nuża kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-Kummissjoni hija dejjem obbligata tordna l-irkupru ta’ għajnuna li hija tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni, ħlief jekk tali rkupru jkun imur kontra prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni” ( 59 ).

102.

Anki jekk tiġri b’mod eċċezzjonali, il-possibbiltà li ma jiġix ordnat l-irkupru ta’ għajnuna illegali fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tidhirlix għaldaqstant li tista’ tkun dubjuża.

103.

Konsegwentement, jeħtieġ li tiġi ttrattata t-tieni domanda mqajma mill-ewwel aggravju ta’ Scuola Elementare Maria Montessori u li jiġi identifikat il-prinċipju ġenerali tal-liġi li jista’ ġġustifika l-assenza ta’ ordni għall-irkupru fid-deċiżjoni kontenzjuża.

2) Fuq l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni li jkun jiġġustifika, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ ordni għall-irkupru tal-għajnuna meqjusa illegali

104.

Jekk wieħed jirreferi għas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li “l-Kummissjoni ma [kinitx wettqet] żball ta’ liġi meta kkonstatat, sa mill-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u qabel l-adozzjoni ta’ ordni għall-irkupru, l-impossibbiltà assoluta għar-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna meqjusa bħala illegali fid-deċiżjoni [kontenzjuża]” ( 60 ).

105.

Skont il-Kummissjoni, l-argumenti li r-Repubblika Taljana ressqet sabiex tasal għal din il-konklużjoni saru fil-kuntest tal-prinċipju “impossibilium nulla obligatio est” li jista’ jiġi tradott bil-formula “ħadd ma huwa obbligat jagħmel l-impossibbli” ( 61 ). Il-Kummissjoni tara f’dan l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.

106.

Qabel xejn, nikkonstata li għalkemm din il-formula setgħat tiġi kklassifikata bħala “massima” ( 62 ) jew sempliċi “qawl” ( 63 ) minn uħud mill-predeċessuri tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja stess reċentement ikklassifikatha bħala “prinċipju” ( 64 ). Dejjem iktar reċenti, hija użatha wkoll biex tiġġustifika l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 65 ).

107.

Imbagħad, għalkemm il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu ddefiniti bħala dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt primarju mhux miktub, li huma inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 66 ), jidhirli li l-prinċipju “impossibilium nulla obligatio est” jista’ jiġi kklassifikat b’dan il-mod meta jiġi applikat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

108.

Dan ir-rikonoxximent huwa koerenti mal-fatt li l-validità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat meqjusa illegali hija suġġetta għall-possibbiltà li l-għajnuna inkwistjoni tiġi rkuprata. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-impossibbiltà assoluta [li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali] ma tistax tirrendi invalida d-deċiżjoni kkontestata, peress li hija tirriżulta biss fl-istadju tal-eżekuzjoni […]. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax timponi, b’deċiżjoni bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata, taħt piena ta’ invalidità, obbligu li l-eżekuzzjoni tiegħu, sa mit-twelid tiegħu, b’mod oġġettiv u assolut, hija impossibbli li titwettaq” ( 67 ).

109.

Ir-rikonoxximent ta’ dan il-prinċipju ġenerali huwa wkoll koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li biha Stat Membru li, “fl-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, […] jsir jaf b’konsegwenzi li ma kinux ġew maħsuba mill-Kummissjoni, għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dawn il-problemi biex jiġu kkunsidrati minnha, filwaqt li jipproponi emendi xierqa għad-deċiżjoni inkwistjoni” ( 68 ). Dan l-obbligu tal-Istat Membru jissuġġerixxi neċessarjament li kieku l-Kummissjoni saret taf bil-konsegwenzi tad-deċiżjoni tagħha – bħall-impossibbiltà li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali – hija kienet tkun tista’ u kellha tikkunsidrahom fl-istadju tad-deċiżjoni. Fil-każ invers, ma jkun hemm ebda raġuni sabiex timponi fuq l-Istat Membru li jinduna bihom li jinforma lill-Kummissjoni bihom sabiex din tkun tista’ tibdel, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni tagħha.

110.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-prinċipju “impossibilium nulla obligatio est”, mifhum bħala l-impossibbiltà assoluta għall-irkupru, jikkorrispondi għal dispożizzjoni mhux miktuba fundamentali inerenti għad-dritt tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni. Għaldaqstant jidher li huwa jista’ jiġi kklassifikat bħala prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

3) Fuq l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju “impossibilium nulla obligatio est”

111.

Peress li l-prinċipju “impossibilium nulla obligatio est” jista’ jitqies bħala prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi vverifikat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni stess ma kinitx wettqet żball ta’ dan it-tip meta kkunsidrat li d-databases katastali u fiskali ma kinux jippermettu li jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni u li, konsegwentement, kien impossibbli li jinkiseb l-irkupru tal-għajnuna illegali ( 69 ).

112.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju mressaq insostenn tal-appell tagħha, Scuola Elementare Maria Montessori tikkontesta din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali: l-elementi invokati mill-gvern Taljan jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern u ma jistgħux, għaldaqstant, jiġġustifikaw l-impossibbiltà assoluta għall-irkupru tal-għajnuna.

113.

Il-kunċett ta’ “impossibbiltà assoluta” ġie żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest li tiġi segwita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Skont ġurisprudenza stabbilita, “l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE hija dik li tirriżulta mill-impossibbiltà assoluta li tiġi implementata korrettament id-deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni” ( 70 ).

114.

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm il-motiv ta’ difiża jeżisti fit-teorija, sal-lum huwa rrikonoxxut li huwa ġġustifikat biss f’każ speċifiku. Dan huwa l-każ fejn l-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni ġew illikwidati mingħajr ma ħallew attivi rkuprabbli ( 71 ); u dan peress li s-sempliċi allegazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tal-impriża jew tal-affermazzjonijiet ġenerali u astratti dwar iċ-ċessjoni tal-attivitajiet ta’ ċerti impriżi ġew, ukoll, meqjusa insuffiċjenti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-impossibbiltà assoluta għall-irkupru ( 72 ). Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-impriżi li waqfu l-attività tagħhom, “impossibbiltà assoluta ta’ implementazzjoni tista’ biss tiġi aċċettata, […] skont iċ-ċirkustanzi partikolari għal kull waħda [mill-impriżi kkonċernati]” ( 73 ).

115.

Imbagħad, ma hemmx dubju wkoll li l-kundizzjoni ta’ impossibbiltà assoluta li tiġi implimentata deċiżjoni ma tiġix issodisfatta meta l-Istat Membru konvenut ma jagħmel xejn ħlief jinforma lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi li l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni toħloq, mingħajr ma jieħu l-passi neċessarji fil-konfront tal-impriżi inkwistjoni sabiex jirkupra l-għajnuna u mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni metodi alternattivi, għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni, li jippermettu li jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet. L-importanza u l-istabbiltà ta’ dan ir-rifjut ma hemmx dubju minnha ( 74 ).

116.

B’mod iktar preċiż, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà setgħat tiddeċiedi li d-diffikultajiet dwar l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji minħabba lakuna fil-liġi applikabbli jew li jirrigwardaw il-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata kif ukoll mal-għażla u l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ rkupru huma dovuti għal diffikultajiet interni attribwibbli għal atti jew ommissjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali stess ( 75 ). Bl-istess mod, in-numru kbir ta’ impriżi kkonċernati lanqas ma huwa tali li jippermetti li jiġi kkunsidrat l-irkupru bħala li huwa teknikament impossibbli li jsir ( 76 ).

117.

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mill-gvern Taljan u adottati mill-Kummissjoni huma ta’ dan it-tip.

118.

Fil-fatt, kif tindika l-Qorti Ġenerali fil-punt 76 tas-sentenza appellata, “[f]id-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 191 sa 198, li fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża preżenti, huwa assolutament impossibbli għar-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna illegali possibbilment mogħtija fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-ICI. Essenzjalment, hija spjegat li la d-databases katastali u lanqas id-databases fiskali ma kienu jippermettu li jiġi identifikat it-tip ta’ attività (ekonomika jew mhux ekonomika) eżerċitata fil-bini immobbli proprjetà tal-istituzzjonijiet mhux kummerċjali, u lanqas li jiġi kkalkolat oġġettivament l-ammont tat-taxxa li trid tiġi rkuprata”.

119.

Fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirrepeti li “r-Repubblika Taljana spjegat li, minħabba l-istruttura tal-katast u l-assenza ta’ informazzjoni fiskali rilevanti, kien impossibbli li jiġi estrapolat, b’effett retroattiv, mid-databases katastali u fiskali, it-tip ta’ data neċessarja sabiex jinbeda l-proċess ta’ rkupru tal-għajnuna allegata. Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Kummissjoni qieset li, fil-fatt, kien impossibbli li jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni u li din l-għajbuna ma setgħetx tiġi kkalkolata b’mod oġġettiv minħabba n-nuqqas ta’ data disponibbli, hekk kif hija spjegat fid-deċiżjoni [kontenzjuża]”.

120.

Dawn l-argumenti, li jirrigwardaw id-data katastali u d-data fiskali, huma simili għal dawk li kienu tressqu mir-Repubblika Franċiża fl-okkażjoni tal-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑214/07, EU:C:2008:619), li kienet tikkonċerna wkoll eżenzjoni fiskali ( 77 ).

121.

Issa, b’kuntrast mal-gvern Franċiż li sostna li kien hemm limitazzjonijiet esterni marbutin mal-portata u l-kumplessità tal-eżerċizzju ta’ rkupru, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien hemm diffikultajiet interni attribwibbli għall-atti jew l-ommissjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali stess ( 78 ). Iktar reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li “l-biżgħa ta’ diffikultajiet interni, anki insurmontabbli, marbuta b’mod partikolari mal-verifika tas-sitwazzjoni ta’ kull impriża kkonċernata fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna illegali […] ma tistax tiġġustifika li Stat Membru ma josservax l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni” ( 79 ).

122.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali jidhirli li wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, abbażi tal-elementi marbutin biss mal-lakuni fid-data katastali u fiskali, li “l-Kummissjoni ma [kinitx wettqet] żball ta’ liġi meta kkonstatat, fl-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u qabel l-adozzjoni ta’ ordni ta’ rkupru, l-impossibbiltà assoluta għar-Repubblika Taljana sabiex tirkupra l-għajnuna meqjusa li hija illegali fid-deċiżjoni [kontenzjuża]”.

123.

Fil-fatt, kif tfakkar qabel, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha ( 80 ). Minn dan jien iddeduċejt li l-obbligu li jiġi ordnat l-irkupru tal-għajnuna illegali kien prinċipju, li seta’ jkollu xi eċċezzjonijiet ( 81 ). Issa, bħal kull eċċezzjoni, din għandha tiġi nterpretata b’mod restrittiv.

124.

Inqis għaldaqstant li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’kuntrast ma’ dak li għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, ma tistax tkun kwistjoni li jingħata lill-prinċipju ġenerali tad-dritt “impossibilium nulla obligatio est” portata iktar wiesgħa minn dik mogħtija lill-“impossibbiltà assoluta” li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali fl-istadju tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

125.

Konsegwentement, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx argumenti dwar id-diffikultajiet legali, politiċi jew amministrattivi, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ skema ta’ għajnuna, dawn ma jistgħux jiġu aċċettati fl-istadju tad-deċiżjoni li tittieħed fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

c)   Konklużjoni dwar l-ewwel aggravju

126.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, sa mill-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u qabel l-adozzjoni tal-ordni għall-irkupru, l-impossibbiltà assoluta għar-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna meqjusa bħala illegali fid-deċiżjoni kontenzjuża meta bbażata ruħha biss fuq l-impossibbiltà li testrapola, b’effett retroattiv, abbażi tad-databases katastali u fiskali disponibbli, it-tip ta’ data neċessarja sabiex jittieħed pass għall-irkupru tal-għajnuna allegata.

127.

L-argumenti żviluppati minn Scuola Elementare Maria Montessori, fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ parti tal-ewwel aggravju, jirrigwardaw ukoll l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kundizzjoni dwar l-“impossibbiltà assoluta” li tiġi rkuprata l-għajnuna inkwistjoni. Dawn l-argumenti, konsegwentement, ma jistgħux iwasslu għal tħassir iktar wiesgħa tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali dwar l-ewwel parti tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant huwa inutli li jiġu eżaminati.

2.   Fuq it-tieni aggravju

128.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Scuola Elementare Maria Montessori tikkritika s-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eżenzjoni mill-IMU ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (it-tielet parti tad-deċiżjoni kontenzjuża) minħabba li l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha jiggarantixxu li ma tiġix applikata għall-“attivitajiet ekonomiċi”.

a)   L-argumenti tal-partijiet

129.

Sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-IMU, l-attivitajiet imsemmija mil-leġiżlazzjoni applikabbli għandhom ikunu eżerċitati skont il-“modalitajiet mhux kummerċjali” ( 82 ). Dan il-kunċett huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1)(p) tad-Digriet Ministerjali Nru 200, tad-19 ta’ Novembru 2012 (iktar ’il quddiem id-“digriet ministerjali”): l-attivitajiet ma għandhomx ikollhom skop ta’ lukru u ma jridx ikun hemm rapport ta’ kompetizzjoni bejn l-attività tal-entità benefiċjarja tal-eżenzjoni u dik tal-operaturi fis-suq li għandhom skop ta’ lukru.

130.

Skont Scuola Elementare Maria Montessori, il-kunċett “ta’ attività ekonomika” eżerċitat skont il-“modalitajiet mhux kummerċjali” ma huwiex magħruf fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u l-kriterji ġenerali msemmija fl-Artikolu 1(1)(p) tad-digriet ministerjali huma differenti minn dawk żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

131.

Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-attivitajiet bħal dawk li huma marbutin mat-tagħlim u l-akkomodazzjoni jinkludu “tipikament il-provvista ta’ oġġetti u servizzi fis-suq u […] huma min-natura tagħhom f’kompetizzjoni mal-attivitajiet eżerċitati minn operaturi oħra tas-suq” ( 83 ). Il-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ kompetizzjoni hija għaldaqstant, b’xi mod, purament formali.

132.

Barra minn hekk, Scuola Elementare Maria Montessori tqis li l-kundizzjonijiet “oġġettivi” msemmija fid-digriet ministerjali – li jiddefinixxu l-karatteristiċi speċifiċi li kull attività, b’mod partikolari dawk tat-tagħlim u l-akkomodazzjoni, għandha jkollha sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni inkwistjoni – kellhom ikunu s-suġġett ta’ eżami iktar fil-fond min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, sabiex l-attivitajiet ta’ tagħlim jitqiesu bħala eżerċitati skont il-modalitajiet “mhux kummerċjali”, ir-rikorrenti tenfasizza li huma għandhom ikunu “pprovduti mingħajr ħlas, jew għall-ħlas ta’ ammont simboliku li jkopri biss parti mill-ispiża reali tas-servizz” ( 84 ). B’din il-kundizzjoni, ir-rikorrenti ssostni li d-digriet ministerjali jippermetti li s-servizzi offruti mill-benefiċjarji tal-eżenzjoni jistgħu jkunu ffinanzjati minn individwi permezz tal-ħlas ta’ korrispettiv li jkopri parti sostanzjali mill-ispejjeż ( 85 ). Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni, sabiex dawn jitqiesu bħala eżerċitati skont il-modalitajiet “mhux kummerċjali”, ir-rikorrenti tindika li dawn għandhom ukoll jiġu “pprovduti mingħajr ħlas, jew għall-ħlas ta’ ammont simboliku u, fi kwalunkwe każ, inqas min-nofs il-prezz medju previst għal attivitajiet simili eżerċitati skont modalitajiet kompetittivi fl-istess żona ġeografika” ( 86 ). B’dan ir-riferiment għal nofs il-prezz medju għall-attivitajiet simili eżerċitati skont il-metodi kompetittivi, ir-rikorrenti tqis li d-digriet ministerjali jirrikonoxxi n-natura ekonomika tas-servizz offrut bi prezz simboliku ( 87 ).

133.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa, mhux biss, loġiku iżda, ukoll, korrett mill-aspett legali. Barra minn hekk, il-kritika tar-rikorrenti dwar il-kundizzjoni tal-korrispettiv simboliku li jista’ jiġi rikjest għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ akkomodazzjoni (kundizzjoni oġġettiva) hija bbażata fuq premessa żbaljata.

b)   Analiżi

134.

Scuola Elementare Maria Montessori tikkritika l-użu mil-leġiżlazzjoni Taljana ta’ kunċett mhux magħruf tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni, jiġifieri dak ta’ attività ekonomika eżerċitat skont “modalitajiet mhux kummerċjali”. L-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett mill-Qorti Ġenerali tmur kontra l-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “attività ekonomika” kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

135.

Jiena ma naqbilx ma’ din il-qari tas-sentenza appellata. Min-naħa l-oħra, kemm il-Kummissjoni (fid-deċiżjoni kontenzjuża) kif ukoll il-Qorti Ġenerali (fis-sentenza appellata), fehmu l-kundizzjoni preliminari rikjesta mil-leġiżlazzjoni Taljana sabiex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni mill-IMU permezz tal-priżma tal-kunċetti ta’ “impriża” u ta’ “attività ekonomika” kif iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ġurisprudenza stabbilita.

136.

Minn naħa, huwa paċifiku li “[…]d-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE, ikopru l-attivitajiet tal-impriżi” ( 88 ), li jinkludu, f’dan l-istess kuntest tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni, “kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istatus legali ta’ dan il-korp, u l-mezz tiegħu ta’ finanzjament” ( 89 ). Min-naħa l-oħra, ma hemmx dubju li “[k]ull attività li tikkonsisti li toffri proprjetà jew servizzi fuq is-suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika” ( 90 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, “l-fatt li l-offerta ta’ prodotti u ta’ servizzi ssir mingħajr l-għan li jsir profitt mhuwiex ta’ ostakolu sabiex l-entità li twettaq dawn l-operazzjonijiet fis-suq jkollha tiġi kkunsidrata bħala impriża, ladarba din l-offerta tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi oħra li jfittxu li jagħmlu profitt” ( 91 ).

137.

Huwa abbażi ta’ dawn id-definizzjonijiet, imfakkra fil-punti 131 sa 133 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-legalità tal-iskema ta’ eżenzjoni tal-IMU.

138.

Issa, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, id-digriet ministerjali jeskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-IMU l-attivitajiet li huma f’kompetizzjoni ma’ dawk ta’ operaturi oħra li għandhom skop ta’ lukru ( 92 ). Konsegwentement, ma twettaq ebda żball ta’ liġi, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, meta ġie deċiż li “l-imsemmija leġiżlazzjoni [kienet] tapplika biss għal istituzzjonijiet li ma jistgħux jitqiesu li huma ‘impriżi’ għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”.

139.

Kif tirrileva l-Kummissjoni, ġustament, fir-risposta tagħha, għalkemm huwa possibbli li din il-kundizzjoni ma ġietx osservata, dan il-fatt ma jaffettwax il-legalità tal-iskema eżaminata iżda tikkostitwixxi biss ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 93 ).

140.

Barra minn din il-kundizzjoni ġenerali dwar l-eżerċizzju tal-attività skont il-“modalitajiet mhux kummerċjali”, id-digriet ministerjali jissuġġetta l-eżenzjoni mill-IMU għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet “oġġettivi” speċifiċi għal ċerti tipi ta’ attivitajiet. B’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-kundizzjonijiet “oġġettivi” dwar l-attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ akkomodazzjoni ma jippreġudikawx l-evalwazzjoni tas-sistema ta’ eżenzjoni.

141.

Għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet ta’ tagħlim, Scuola Elementare Maria Montessori tfakkar li l-attività ta’ tagħlim għandha tkun ipprovduta mingħajr ħlas jew għall-ħlas ta’ korrispettiv simboliku li jkopri biss parti mill-ispiża reali tas-servizz. B’dan il-mod, skont ir-rikorrenti, il-leġiżlazzjoni Taljana tippermetti li s-servizzi offruti jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati essenzjalment minn individwi permezz tal-ħlas ta’ korrispettiv ( 94 ).

142.

Kif spjegat mir-rikorrenti, l-argument jista’ jippreżenta sfida. Madankollu, ma huwiex prekluż milli jiġi analizzat. L-ewwel nett, huwa dubjuż jekk ħlas li jkopri biss “parti mill-ispiża reali tas-servizz” jistax jiffinanzja l-essenzjal tal-attività pprovduta. Insegwitu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tieħu inkunsiderazzjoni biss parti mill-Artikolu 4(3)(c) tad-digriet ministerjali. Fil-fatt, b’mod “sorprendenti”, hija tħalli barra l-aħħar kundizzjoni li hija espressament prevista f’dik id-dispożizzjoni. Għalkemm id-digriet ministerjali jawtorizza l-ħlas ta’ ammont simboliku, l-Artikolu 4(3)(c) tad-digriet ministerjali jżid li l-ammont mitlub ma għandux ikun relatat mal-ispiża reali tas-servizz.

143.

Issa, sabiex attività ta’ tagħlim titqies bħala provvista ta’ servizzi, jeħtieġ li “l-korsijiet [jiġu] mogħtija minn istituzzjonijiet edukattivi ffinanzjati, essenzjalment, minn fondi privati li ma jiġux mill-fornitur tas-servizzi stess” ( 95 ). Konsegwentement, peress li l-kontribuzzjoni esterna li tista’ tintalab għandha, neċessarjament, ma hijiex relatata mal-ispiża reali tas-servizz, jidhirli li huwa impossibbli li hija tkopri l-essenzjal tal-finanzjament tagħha.

144.

Peress li l-ammont simboliku permess mid-digriet ministerjali ma jistax ikopri l-essenzjal tal-attività ta’ tagħlim, ma jistax jitqabbel mal-korrispettiv ekonomiku ta’ dak is-servizz. Għaldaqstant, dan ma huwiex remunerazzjoni fis-sens tad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 4(3)(c) tad-digriet ministerjali jiggarantixxi li l-entitajiet li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-IMU minħabba attività ta’ tagħlim ma jwettqux “attività ekonomika”, peress li l-għan tagħhom ma huwiex li jagħmlu profitt kummerċjali permezz ta’ dik l-attività ( 96 ).

145.

Għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni, il-kundizzjonijiet imposti mid-digriet ministerjali jiggarantixxu wkoll l-assenza ta’ natura ekonomika. L-ewwel nett, l-Artikolu 1(1)(j) ta’ dan id-digriet jirriżerva l-eżenzjoni mill-IMU għall-każijiet biss fejn l-aċċess għall-akkomodazzjoni huwa limitat għal ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji u fejn il-perijodi tal-ftuħ ma humiex kontinwi. Barra minn hekk, l-istess dispożizzjoni teskludi espressament l-istrutturi ta’ lukandi jew dawk simili għal lukandi. Insegwitu, l-istess bħal ma japplika għall-attivitajiet tat-tagħlim, l-Artikolu 4(4) tad-digriet ministerjali jawtorizza biss il-ħlas ta’ ammont simboliku għall-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni li huwa “fi kwalunkwe każ, inqas min-nofs il-prezz previst għal attivitajiet simili eżerċitati b’modalitajiet kompetittivi fl-istess żona ġeografika, meħud kont ukoll tal-assenza ta’ rapport mal-ispiża reali tas-servizz” ( 97 ) (din l-aħħar preċiżazzjoni reġgħet tħalliet ukoll mir-rikorrenti).

146.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-“kundizzjonijiet oġġettivi” dwar l-attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ akkomodazzjoni.

c)   Konklużjoni fuq it-tieni aggravju

147.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-analiżi tagħha fuq il-kompatibbiltà tal-iskema tal-eżenzjoni mill-IMU. Hija setgħat korrettament tiddeċiedi li r-rikorrenti ma kinitx waslet sabiex tipprova li din setgħat tapplika għal attivitajiet li huma ta’ natura ekonomika u lanqas li l-Kummissjoni kienet, minħabba dan il-fatt, kisret l-Artikolu 107(1) TFUE.

VII. Fuq ir-rinviju tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali

148.

Skont l-analiżi tiegħi tat-tieni aggravju invokat mill-iScuola Elementare Maria Montessori insostenn tal-appell tagħha, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-analiżi tagħha fuq il-kompatibbiltà tal-iskema tal-eżenzjoni mill-IMU. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tkun definittiva għal dak li jikkonċerna t-tielet parti tad-deċiżjoni kontenzjuża.

149.

Min-naħa l-oħra, skont l-analiżi tiegħi tal-ewwel aggravju invokat minn Scuola Elementare Maria Montessori insostenn tal-appell tagħha, wasalt għall-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, sa mill-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u qabel l-adozzjoni ta’ ordni għall-irkupru, l-impossibbiltà assoluta għar-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna meqjusa bħala illegali fid-deċiżjoni kontenzjuża.

150.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-analiżi tiegħi, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali jkollha, f’dan ir-rigward, tiġi annullata. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, f’dak il-każ, tiddeċiedi hija stess il-kawża definittivament meta l-kawża tkun fi stat li tista’ tiġi deċiża. Jiena nikkunsidra li dan huwa il-każ hawnhekk.

151.

Fil-fatt, mill-motivi esposti fil-punti 118 sa 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, sa mill-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u qabel l-adozzjoni ta’ ordni għall-irkupru, l-impossibbiltà assoluta għar-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna meqjusa bħala illegali filwaqt li bbażat ruħha biss fuq l-impossibbiltà li testrapola, b’effett retroattiv, mid-databases katastali u fiskali disponibbli, it-tip ta’ data neċessarja sabiex jittieħed pass għall-irkupru tal-għajnuna allegata. L-ewwel parti tad-deċiżjoni kontenzjuża għandha, konsegwentement, tiġi annullata wkoll sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li kien impossibbli għall-awtoritajiet Taljani li jirkupraw l-għajnuna meqjusa bħala illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

VIII. Fuq l-ispejjeż

152.

Skont l-Artikolu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għal proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 84(1) tal-istess Regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament wieħed jew iktar mill-kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

153.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-analiżi tiegħi tal-appelli, din id-deroga tidher li għandha tapplika għal dan il-każ. Fil-fatt, fejn l-appelli tal-Kummissjoni huma infondati, Scuola Elementare Maria Montessori tilfet biss f’wieħed mill-aggravji invokati insostenn tal-appell tagħha. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali hija, in fine, parzjalment annullata.

154.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-ewwel mit-tliet partijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża hija annullata, inqis li l-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas, barra mill-ispejjeż tagħha fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, terz mill-ispejjeż sostnuti minn Scuola Elementare Maria Montessori matul dawn iż-żewġ istanzi.

155.

Skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

IX. Konklużjoni

156.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil-mod segwenti:

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484), hija annullata inkwantu ddeċidiet li l-Kummissjoni Ewropea ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, sa mill-istadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u qabel l-adozzjoni ta’ ordni għall-irkupru, l-impossibbiltà assoluta għar-Repubblika Taljana li tirkupra l-għajnuna meqjusa bħala illegali fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/284/UE, tad-19 ta’ Diċembru 2012, dwar l-għajnuna mill-istat SA.20829 (C 26/2010, qabel NN 43/2010 (qabel CP 71/2006)) Is-sistema għall-eżenzjoni mill-ICI għal bini li jintuża minn istituzzjonijiet mhux kummerċjali għal skopijiet speċifiċi li ġiet implimentata mill-Italja filwaqt li bbażat ruħha biss fuq l-impossibbiltà li testrapola, b’effett retroattiv, mid-databases katastali u fiskali disponibbli, it-tip ta’ data neċessarja sabiex jittieħed pass għall-irkupru tal-għajnuna allegata.

2)

L-ewwel parti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/284 hija annullata sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li kien impossibbli għall-awtoritajiet Taljani li jirkupraw l-għajnuna meqjusa bħala illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

3)

L-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484) u Ferracci vs Il-Kummissjoni (T‑219/13, EU:T:2016:485) huma miċħuda.

4)

Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha f’dik l-istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll terz tal-ispejjeż sostnuti minn Scuola Elementare Maria Montessori fl-istess proċeduri.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2013, L 166, p. 24.

( 3 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 57).

( 4 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 60). Enfasi miżjuda minni.

( 5 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 6061).

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Lulju 2015, Forgital Italy vs Il-Kunsill (C‑84/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:517, punt 43).

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 41); tal-10 ta’ Diċembru 2015, Canon Europa vs Il-Kummissjoni (C‑552/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:804, punt 47), kif ukoll Kyocera Mita Europe vs Il-Kummissjoni (C‑553/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:805, punt 46).

( 8 ) B’riżerva għall-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li, sabiex att regolatorju “jinvolvi” miżuri ta’ implimentazzjoni, dawn għandhom jiġu adottati fil-“kors normali tal-kawżi” (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni,T‑397/13, EU:T:2016:8, punt 43, ara, ukoll, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2016, Doux vs Il-Kummissjoni, T‑434/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:7, punt 44). Għalkemm adottata f’sentenza li kienet appellata, din l-interpretazzjoni iktar wiesgħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma ġietx ikkritikata mill-Kummissjoni u lanqas iċċensurata mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-entenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni, C‑183/16 P, EU:C:2017:704). Issa, “[i]l-kriterju li jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra deċiżjoni li hija ma hijiex id-destinatarja tagħha għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-imsemmi Artikolu 263 TFUE, jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jeżaminaw f’kull stadju tal-proċedura, u anki ex officio” (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 45).

( 9 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 1339.

( 10 ) Digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2010, Ferracci vs Il-Kummissjoni (T‑192/10, mhux ippubblikat, EU:T:2010:474) u Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni (T‑193/10, mhux ippubblikat, EU:T:2010:475).

( 11 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484, punti 50 sa 52) u Ferracci vs Il-Kummissjoni (T‑219/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:485, punti 53 sa 55).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 57). Enfasi miżjuda minni.

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 58).

( 14 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 60).

( 15 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 61).

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 59).

( 17 ) Ara Rapport finali taċ-Ċirku ta’ Diskussjoni fuq il-Funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja, Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, tal-25 ta’ Marzu 2003 (CONV 636/03, punt 22) u Nota ta’ Trażmissjoni tal-Presidium tal-Konvenzjoni, tat-12 ta’ Mejju 2003 (Dokument CONV 734/03, p. 20).

( 18 ) B’effett mit-Trattat ta’ Lisbona, il-klassifikazzjoni ta’ att leġiżlattiv jiddependi biss mill-proċedura prevista fl-artikolu tat-trattat li jawtorizza l-adozzjoni tiegħu. Fil-fatt, “att legali ma jistax jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv tal-Unjoni ħlief jekk ikun ġie adottat fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tat-Trattati li tirreferi espressament jew għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew għall-proċedura leġiżlattiva speċjali” (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Slovakkja u L-Ungerija vs Il-Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 62).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, EU:C:1987:442, punt 15).

( 20 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Ferracci vs Il-Kummissjoni (T‑219/13, EU:T:2016:485, punt 54) u Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484, punt 51).

( 21 ) Ara, impliċitament (sabiex issir distinzjoni bejn id-deċiżjoni individwali mir-regolament), sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1962, Confédération nationale des producteurs de fruits et légumes et vs Il-Kunsill (16/62 u 17/62, mhux ippubblikata, EU:C:1962:47, punti 23) u, espressament, is-sentenza ta-15 ta’ Jannar 2002, Libéros vs Il-Kummissjoni (C‑171/00 P, EU:C:2002:17, punt 28).

( 22 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:204, punt 25) u, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2013:335, punt 85).

( 23 ) Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999; enfasi tiegħi. Din id-definizzjoni ġiet riprodotta fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).

( 24 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 31). Enfasi miżjuda minni.

( 25 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 37). Enfasi miżjuda minni.

( 26 ) ĠU 2011, L 7, p. 48.

( 27 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 48). L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/5 kkonstatat li l-iskema inkwistjoni kienet ġiet applikata bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE u ddikjaratha inkompatibbli mas-suq komuni.

( 28 ) Punt 22 ta’ dan id-digriet.

( 29 ) Skont it-termini użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 104 tas-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, Lenaerts, K., Maselis, I., Gutman, K., EU Procedural Law, Oxford University Press, 2014, Nru 7.120.

( 31 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “in-natura regolatorja ta’ att ma tiġix ippreġudikata mill-possibbiltà li jiġi stabbilit xi ftit jew wisq bi preċiżjoni n-numru jew ukoll l-identità tas-suġġetti tad-dritt li għalihom huwa japplika f’mument partikolari, filwaqt li huwa paċifiku li dik l-applikazzjoni ssir skont sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita bl-att, in relazzjoni mal-għan ta’ dan tal-aħħar” (sentenza tal-11 ta’ Lulju 1968, Zuckerfabrik Watenstedt vs Il-Kunsill, 6/68, EU:C:1968:43; enfasi miżjuda minni). Ara, wkoll, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1980, Calpak u Società Emiliana Lavorazione Frutta vs Il-Kummissjoni (789/79 u 790/79, mhux ippubblikata, EU:C:1980:159, punt 9); tat-30 ta’ Settembru 1982, Roquette Frères vs Il-Kunsill (242/81, EU:C:1982:325, punt 7), kif ukoll tad-29 ta’ Ġunju 1993, Gibraltar vs Il-Kunsill (C‑298/89, EU:C:1993:267, punt 17).

( 32 ) Ara, f’dawn it-termini, Kovar, R., “L’identification des actes normatifs en droit communautaire”, f’Mélanges en hommage à Michel Waelbroeck, vol. 1, Brussell, Bruylant, 1999, p. 387 sa 422, speċ. p. 390.

( 33 ) Barra mill-eżempji ċċitati fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ara s-sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punt 15) jew ukoll is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina (C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 53).

( 34 ) Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 66).

( 35 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Ferracci vs Il-Kummissjoni (T‑219/13, EU:T:2016:485, punt 48) u Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484, punt 45).

( 36 ) Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17); tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 72).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punt 37); tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni (C-260/05 P, EU:C:2007:700, punt 54), u tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 97).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 47).

( 39 ) Sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 7). Enfasi miżjuda minni.

( 40 ) Sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 57). Enfasi miżjuda minni.

( 41 ) Fuq l-għan li jittaffew il-kundizzjonijiet għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 57).

( 42 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni (T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130); tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni (T‑266/94, EU:T:1996:153); tat-3 ta’ Ġunju 1999, TF1 vs Il-Kummissjoni (T‑17/96, EU:T:1999:119, punt 30); tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 81), kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2009, Scheucher - Fleisch et vs Il-Kummissjoni, T‑375/04, EU:T:2009:445, punt 36). Għalkemm ma kinitx tirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ukoll li att tal-Unjoni seta’ jaffettwa direttament is-sitwazzjoni legali ta’ individwu meta “l-possibbiltà għad-destinatarji li ma jimplimentawx l-att [tal-Unjoni] hija purament teoretika, fejn ir-rieda tagħhom li jisiltu l-konsegwenzi konformi miegħu ma kinitx fid-dubju” (sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 44). Ara, ukoll, għal tfakkira tal-prinċipju, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il-Kummissjoni (C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 46).

( 43 ) Ara l-punt 5 tal-appelli C-623/16 P u C-624/16 P.

( 44 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 35).

( 45 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 36). Enfasi miżjuda minni.

( 46 ) Huwa eżatt li fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, ir-rikorrenti ma kinitx milquta bl-ordni għall-irkupru u li hija kienet, għall-perijodu kkonċernat mill-obbligu ta’ rkupru, rrinunzjat għall-benefiċċju tal-għajnuna kontenzjuża. Fil-fatt, is-sitwazzjoni tagħha kienet għaldaqstant tixbah lil dawk ta’ P. Ferracci u ta’ Scuola Elementare Maria Montessori.

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 30) u tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C-456/13 P, EU:C:2015:284, punt 32).

( 48 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2013:335, punt 62).

( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 64).

( 50 ) Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27).

( 51 ) Dawn kienu s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2014, Dansk Automat Brancheforening vs Il-Kummissjoni (T‑601/11, EU:T:2014:839) u Royal Scandinavian Casino Århus vs Il-Kummissjoni (T‑615/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:838), li ġew ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tad-digrieti tal-21 ta’ April 2016, Dansk Automat Brancheforening vs Il-Kummissjoni (C‑563/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:303) u Royal Scandinavian Casino Århus vs Il-Kummissjoni (C‑541/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:302).

( 52 ) Digrieti tal-21 ta’ April 2016, Royal Scandinavian Casino Århus vs Il-Kummissjoni (C‑541/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:302, punt 46) u Dansk Automat Brancheforening vs Il-Kummissjoni (C‑563/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:303, punt 58).

( 53 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2016, Ferracci vs Il-Kummissjoni (T‑219/13, EU:T:2016:485, punt 69) u Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni (T-220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484, punt 66).

( 54 ) Ara d-digrieti tal-21 ta’ April 2016, Royal Scandinavian Casino Århus vs Il-Kummissjoni (C‑541/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:302, punt 45) u Dansk Automat Brancheforening vs Il-Kummissjoni (C‑563/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:303, punt 57).

( 55 ) Din l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali ssib sostenn fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑142/87, EU:C:1990:125, punt 66), kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 116).

( 56 ) Enfasi miżjuda minni.

( 57 ) Sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 34). Iktar reċenti, ara wkoll is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni (C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 111).

( 58 ) Sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV (C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 35). Enfasi miżjuda minni.

( 59 ) Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni (C-403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punt 124). Enfasi miżjuda minni.

( 60 ) Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484, punt 87). Enfasi miżjuda minni.

( 61 ) Ara l-punt 12 tar-risposta tal-Kummissjoni (C‑622/16 P). Dan il-prinċipju, diġà magħruf tad-dritt Ruman (Digeste, p. 50, 17 u 185, Celsus libro octavo digestorum) huwa magħruf ukoll bl-espressjoni “nemo potest ad impossibile obligari”.

( 62 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:46, nota ta’ qiegħ il-paġna 44).

( 63 ) Ara, fir-rigward ta’ argument imressaq mill-Ġermanja, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawżi magħquda Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑20/01 u C‑28/01, EU:C:2002:717, punt 30).

( 64 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Daimler (C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 42).

( 65 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punt 96).

( 66 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Audiolux et (C‑101/08, EU:C:2009:410, punt 69).

( 67 ) Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, ll-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑75/97, EU:C:1999:311, punt 86). Enfasi miżjuda minni.

( 68 ) Sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Franza (C-37/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:90, punt 67). Enfasi miżjuda minni. Ara, wkoll, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑183/91, EU:C:1993:233, punt 19) jew ukoll is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑75/97, EU:C:1999:311, punt 88).

( 69 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni (T‑220/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:484, punti 8587).

( 70 ) Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑529/09, EU:C:2013:31, punt 99). Din il-possibbiltà ssemmiet għall-ewwel darba fl-okkażjoni tas-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (52/84, EU:C:1986:3, punt 14). Iktar reċenti, ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑481/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:845, punt 28).

( 71 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑499/99, EU:C:2002:408, punt 37). F’dan is-sens, Karpenschif, M., Droit européen des aides d’État, Bruxelles, Bruylant, it-tieni edizzjoni, 2017, Nru 612.

( 72 ) Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑499/99, EU:C:2002:408, punti 38 sa 40), u tat-13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑214/07, EU:C:2008:619, punt 63).

( 73 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑214/07, EU:C:2008:619, punt 64).

( 74 ) Sa mill-ewwel formulazzjoni tagħha fis-sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (94/87, EU:C:1989:46, punt 10), għoddejt mhux inqas minn 31 riferiment għal din il-ġurisprudenza.

( 75 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑214/07, EU:C:2008:619, punt 50).

( 76 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑75/97, EU:C:1999:311, punt 90).

( 77 ) Ir-Repubblika Franċiża invokat, b’mod partikolari, l-fatt li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx timplika neċessarjament l-identifikazzjoni speċifika tal-benefiċjarji fil-kuntest ta’ sistema dikjarattiva jew ukoll il-fatt li d-dikjarazzjonijiet fiskali mwettqa fuq livell nazzjonali ma kinux semmew ċerta informazzjoni meħtieġa għall-kalkolu tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata (ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑214/07, EU:C:2008:619, punti 2328).

( 78 ) Ipparaguna l-punti 21 u 50 tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑214/07, EU:C:2008:619). Il-Kummissjoni kien jeħtiġilha li tiddistingwixxi dawn id-diffikultajiet mis-sitwazzjoni fejn kien impossibbli li jiġu identifikati l-benefiċjarji ta’ għajnuna minħabba l-iskadenza tat-termini legali għall-konservazzjoni tad-dokumenti kontabbli (ara, f’dan is-sens, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑214/07, EU:C:2008:619, punti 13, 2248). Dan premess, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha titwassal sabiex tiddeċiedi fuq din iċ-ċirkustanza partikolari – ħaġa li ma kellhiex għalfejn tagħmel fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza ċċitata iktar ’il fuq –, il-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha tippermettili saħansitra li niddubita mir-rilevanza tad-distinzjoni peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet reċentement li “l-biżgħa ta’ diffikultajiet interni, anki insurmontabbli […] ma tistax tiġġustifika li Stat Membru ma josservax l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni” (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑591/14, EU:C:2017:670, punt 44).

( 79 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑591/14, EU:C:2017:670, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.

( 80 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 55.

( 81 ) Ara l-punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 82 ) Ara l-Artikolu 91bis(1) tad-decreto-legge 24 gennaio 2012, n. 1, Disposizioni urgenti per la concorrenza, lo sviluppo delle infrastrutture e la competitività (id-Digriet Liġi tal-24 ta’ ta’ Jannar 2012, Nru 1, dispożizzjonijiet ta’ urġenza għall-kompetizzjoni, l-iżvilupp tal-infrastrutturi u l-kompetittività), ikkonvertit f’liġi bl-emendi tal-legge 24 marzo 2012, n. 27 (il-Liġi, tal-24 ta’ Marzu 2012, Nru 27).

( 83 ) Ara l-punt 57 tal-appell ta’ Scuola Elementare Maria Montessori (enfasi miżjuda mir-rikorrenti).

( 84 ) Artikolu 4(3)(c) tad-digriet ministerjali.

( 85 ) Ara l-punt 59 tal-appell ta’ Scuola Elementare Maria Montessori.

( 86 ) Artikolu 4(4) tad-digriet ministerjali.

( 87 ) Ara l-punt 64 tal-appell ta’ Scuola Elementare Maria Montessori.

( 88 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 39). Ara wkoll, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et (C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 88).

( 89 ) Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 107); tad-19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 50); kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 41).

( 90 ) Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 108); tad-19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 50), kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 45).

( 91 ) Sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27) u tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 46). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 123).

( 92 ) Biex infakkar, skont l-Artikolu 91bis(1) tad-Digriet Liġi Nru 1, sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-IMU, l-attivitajiet milquta mil-leġiżlazzjoni applikabbli għandhom jitwettqu skont “modalitajiet mhux kummerċjali”. Issa, skont l-Artikolu 1(1)(p) tad-digriet ministerjali, sabiex jissodisfaw dan ir-rekwiżit, l-attivitajiet ma għandhomx ikollhom skop ta’ lukru u ma għandux ikun hemm relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-attività tal-entità li tibbenefika mill-eżenzjoni u dik tal-operaturi tas-suq li jkollhom skop ta’ lukru.

( 93 ) Ara l-punt 69 tar-risposta tal-Kummissjoni.

( 94 ) Ara l-punt 59 tal-appell tagħha. Raġunament simili jiġi applikat għall-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni: il-possibbiltà li jintalab ammont simboliku “mhux ogħla min-nofs tar-remunerazzjonijiet imħallsa bħala medja għal attivitajiet simili” jagħti natura ekonomika lis-servizz ipprovdut bi prezz simboliku (ara l-punt 64 ta’ dan l-appell).

( 95 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 48). Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 40). B’kuntrast għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, hija għaldaqstant rilevanti ħafna.

( 96 ) Fuq id-distinzjoni bejn l-istabbilimenti tat-tagħlim li permezz tagħhom l-Istat iwettaq il-missjoni tiegħu fil-qasam soċjali, kulturali u edukattiv u dawk li, “iffinanzjati essenzjalment minn fondi privati, b’mod partikolari mill-istudenti jew il-ġenituri tagħhom, […] ifittxu li jagħmlu profitt kummerċjali” ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1993, Wirth (C-109/92, EU:C:1993:916, punt 17). Enfasi miżjuda minni.

( 97 ) Enfasi miżjuda minni.

Top