Dit document is overgenomen van EUR-Lex
Document 62016CC0547
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 14 September 2017.#Gasorba SL and Others v Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal Supremo.#Competition — Article 101 TFEU — Agreements between undertakings — Business relationships between service station operators and oil companies — Long-term exclusive supply agreement for fuel — European Commission decision making an undertaking’s commitments binding — Extent to which national courts are bound by a commitment decision adopted by the Commission — Articles 9(1) and 16(1) of Regulation (EC) No 1/2003.#Case C-547/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2017.
Gasorba SL et vs Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet bejn impriżi – Relazzjonijiet kummerċjali bejn operaturi ta’ pompi tal-petrol u kumpanniji taż-żejt u l-gass – Ftehim ta’ xiri esklużiv ta’ karburanti għal perijodu twil – Deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea tiddikjara vinkolanti l-impenji ta’ impriża – Portata tan-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji fir-rigward tal-qrati nazzjonali – Artikolu 9(1) u Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.
Kawża C-547/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2017.
Gasorba SL et vs Repsol Comercial de Productos Petrolíferos SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet bejn impriżi – Relazzjonijiet kummerċjali bejn operaturi ta’ pompi tal-petrol u kumpanniji taż-żejt u l-gass – Ftehim ta’ xiri esklużiv ta’ karburanti għal perijodu twil – Deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea tiddikjara vinkolanti l-impenji ta’ impriża – Portata tan-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji fir-rigward tal-qrati nazzjonali – Artikolu 9(1) u Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.
Kawża C-547/16.
Jurisprudentie – Algemeen – Afdeling “Informatie betreffende niet-gepubliceerde beslissingen”
ECLI-code: ECLI:EU:C:2017:692
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2017 ( 1 )
Kawża C‑547/16
Gasorba SL et
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja)]
“Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE (preċedentement l-Artikolu 81 KE) – Ftehim bejn impriżi – Kuntratti ta’ pompi tal-petrol fi Spanja – Relazzjonijiet kummerċjali bejn operaturi ta’ pompi tal-petrol u kumpanniji taż-żejt u l-gass – Ftehim ta’ xiri esklużiv ta’ karburanti għal perijodu twil – Deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea tiddikjara vinkolanti l-impenji ta’ impriża (‘deċiżjoni dwar l-impenji’) – Portata tan-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji fir-rigward tal-qrati nazzjonali – Artikolu 9(1) u Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 2 ) fl-1 ta’ Mejju 2004, is-sistema Ewropea tal-implementazzjoni tad-dritt fil-qasam tal-akkordji ġiet emendata fundamentalment f’bosta aspetti. Ħafna aspetti ta’ din ir-riforma diġà ġew ittrattati b’mod intensiv mill-qrati. Dan ma jistax jingħad għad-dispożizzjoni ġdida inkluża fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li għall-ewwel darba tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tilqa’ uffiċjalment impenji magħmula minn impriżi sabiex jiġi indirizzat tħassib mil-lat kompetittiv u tiddikjara dawn l-impenji bħala vinkolanti (deċiżjoni dwar l-impenji) ( 3 ). |
|
2. |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiċċara x’effetti legali għandhom jiġu attribwiti lil tali deċiżjoni dwar l-impenji fi proċeduri quddiem qrati nazzjonali. Qabelxejn, qorti nazzjonali għad għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ ftehim bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE [preċedentement l-Artikolu 81(1) KE] mal-liġi tal-kompetizzjoni, jekk proprju dan il-ftehim kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji, jew id-deċiżjoni dwar l-impenji għandha effett preklużiv fis-sens tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003? Id-deċiżjoni dwar l-impenji inkwistjoni jista’ possibbilment saħansitra jkollha l-valur ta’ eżenzjoni individwali fis-sens tal-Artikolu 101(3) TFUE [preċedentement l-Artikolu 81(3) KE]? |
|
3. |
Dawn il-kwistjonijiet legali jqumu fl-isfond tal-kuntratti tal-pompi tal-petrol fi Spanja u l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet adita kemm-il darba bid-diversi problemi li dawn iqajmu għall-kompetizzjoni ( 4 ). Quddiem il-qrati Spanjoli, il-kerrejja ta’ pompa tal-petrol ma jaqblux mal-kumpannija taż-żejt u l-gass Repsol dwar jekk ftehim ta’ xiri esklużiv ta’ karburanti għal perijodu twil jiksirx l-Artikolu 101 TFUE (preċedentement l-Artikolu 81 KE) u kif deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji taffettwa l-legalità ta’ dan il-ftehim ta’ xiri esklużiv. |
|
4. |
Din il-kawża mistennija sservi ta’ gwida għal kif ser tiġi implementata fil-futur is-sistema deċentralizzata għall-implementazzjoni tad-dritt tal-akkordji, stabbilita permezz tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, kemm il-portata tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-impenji kif ukoll il-kompetenzi tal-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni Ewropej ser jiġu ddefiniti b’mod iktar ċar permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
II. Il-kuntest ġuridiku
|
5. |
Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa ddefinit mill-Artikolu 101 TFUE (preċedentement l-Artikolu 81 KE) u mir-Regolament Nru 1/2003. |
Ġenerali
|
6. |
Fil-Kapitolu I tar-Regolament Nru 1/2003 (“Prinċipji”), l-Artikolu 1 fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (preċedentement l-Artikolu 81 KE) jinkludi din id-dispożizzjoni: “1. Ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma maqbudin mil-Artikolu 81(1) tat-Trattat li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat ħa jiġu pprojbiti, l-ebda deċiżjoni għal dan l-effett mhux bżjonjuża. 2. Ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma maqbudin mil-Artikolu 81(1) tat-Trattat li […] [jissodisfaw] il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat [mhux] ħa jiġu pprojbiti, l-ebda deċiżjoni għal dan l-effett mhux bżjonjuża. […]” |
|
7. |
Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1/2003 tiddisponi b’mod spjegattiv: “Is-sistema tal-preżent [tar-Regolament Nru 17] għandha […] tiġi mibdula [b’]sistema ta’ eċċezzjonijiet [li] hija direttament applikabbli li permezz tagħhom [tagħha] l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati ta’ l-Istati Membri ikollhom is-saħħa li japplikaw mhux biss l-Artikolu 81(1) u l-Artikolu 82 tat-Trattat, li huma direttament applikabble bis-saħħa tal-liġijiet ta’ preċedent tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, imma ukoll l-Artikolu 81(3) tat-Trattat.” |
Is-setgħat tal-qrati nazzjonali fl-implementazzjoni tad-dritt tal-akkordji
|
8. |
L-Artikolu 6 fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1/2003 (“Poteri”) jistabbilixxi dan li ġej taħt l-intestatura “Poteri tal-qrati nazzjonali”: “Qrati nazzjonali ħa jkollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat.” |
|
9. |
L-Artikolu 16(1), li jinsab fil-Kapitolu IV (“Koperazzjoni”), tar-Regolament Nru 1/2003 u taħt l-intestatura “L-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-Komunità” jaqra hekk: “Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. […]” |
|
10. |
Fil-premessa 22 tar-Regolament Nru 1/2003, huma inklużi dawn l-ispjegazzjonijiet dwar id-dispożizzjoni tal-aħħar: “Sabiex tiżgura qbil mal-prinċipji ċerti legali u l-applikazzjoni uniformi tal-liġijiet tal-kompettività tal-Kommunità f’sistema ta poteri paralleli, deċizzjonijiet li huma f’kunflit għandhom jiġu evitati. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi klarifikat, skond il-liġi tal-preċedent tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effetti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-proċeduri tal-qrati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Deċiżjonijiet ta’ irbit [impenji] adottati mil-Kummissjoni ma jaffetwax is-saħħa tal-qrati u l-awtoritajiet ta’ Stati Membri li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat.” |
Is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet dwar l-impenji
|
11. |
L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li jappartjeni għall-Kapitolu III tiegħu (“Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”) jipprovdi hekk taħt l-intestatura “Rabta [Impenji]”: “Fejn il-Kummissjoni qed taħseb li tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġieb fit-temm [tmiem] u l-impriża konċernata toffri rabta [impenn] li tilħaq il-konċerni espressi lilhom mil-Kummissjoni fl-istima preliminari, il-Kummissjoni tista b’deċiżjoni tagħmel dak l-rbit [impenn] vinkolanti fuq l-impriża. Deċiżjoni bħal din tista tiġi adottata għal perjodu speċifiku u ħa [għandha] tikkonkludi li ma hemmx aktar raġuni għall-azzjoni mil-Kummissjoni.” |
|
12. |
Noti spjegattivi dwar din id-dispożizzjoni jinsabu fil-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003: “Fejn, fil-kors tal-proċeduri li jistgħu iwasslu għal ftehim jew il-projbiżjoni ta’ prattiċi, l-impriża toffri l-irbit tal-Kummissjoni bħal meta trid tilħaq il-kunċerni tagħha [toffri impenji lill-Kummissjoni intiżi li jindirizzaw it-tħassib tagħha], il-kummissjoni għandha tkun kapaċi tadotta deċiżjonijiet li jagħmlu dawk ir-rabtiet vinkolanti fuq l-impriża kunċernata. Deċiżjoni ta’rabta għandha ssib li ma għadx fadal raġunijiet għal azzjoni mil-Kummissjoni mingħajr ma tikkonkludi jekk kienx hemm jew għadx hemm xi ksur. Deċiżjoni[jiet] ta’ rabta huma mingħajr preġudizzju għall-qawwa ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li jagħmlu sejba bħal din u jieħdu deċiżjoni fuq il-każ. Deċiżjoni ta’ rabta ma tkunx xieraqa f’każi fejn il-Kummissjoni qed taħseb li timponi multa.” |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
Ir-relazzjoni kuntrattwali bejn Gasorba u Repsol
|
13. |
Gasorba S.L. (iktar ’il quddiem “Gasorba”) topera pompa tal-petrol fil-muniċipalità ta’ Orba fil-provinċja Spanjola ta’ Alicante. L-azzjonisti ta’ Gasorba huma J. Rico Gil, A. Ferrándiz González kif ukoll iż-żewġt itfal tagħhom. |
|
14. |
Il-pompa tal-petrol tinsab fuq art li għaliha, b’kuntratt tal-15 ta’ Frar 1993, J. Rico Gil u A. Ferrándiz González taw dritt ta’ użufrutt ( 5 ) lill-kumpannija taż-żejt u l-gass Spanjola ewlenija, Repsol Comercial de Productos Petroliferos S.A. (iktar ’il quddiem “Repsol”). Inkambju, permezz ta’ kuntratt ieħor konkluż fl-istess jum, Repsol ittrasferixxiet din l-art flimkien mal-pompa tal-petrol lura lil A. Ferrándiz González għal perijodu ta’ 25 sena ( 6 ). Iktar tard, fit-12 ta’ Novembru 1994, Gasorba ħadet post J. Rico Gil u A. Ferrándiz González fiż-żewġ kuntratti bil-kunsens ta’ Repsol. |
|
15. |
Abbażi tal-kuntratt tal-kera, matul it-terminu sħiħ tal-kera Gasorba kienet obbligata tixtri l-karburanti offruti għall-bejgħ fil-pompa tal-petrol tagħha esklużivament mingħand Repsol. Barra minn hekk, Repsol kienet tavżaha perijodikament dwar l-ogħla prezzijiet tal-bejgħ lill-pubbliku fir-rigward tal-karburanti. Iżda l-kerrejja kellha d-dritt li tagħti skontijiet lill-klijent finali, li jittieħdu mill-kummissjoni tagħha stess u mingħajr tnaqqis fid-dħul ta’ Repsol. |
L-impenji ta’ Repsol fil-konfront tal-Kummissjoni u d-Deċiżjoni 2006/446/KE
|
16. |
Fil-livell tal-Unjoni, ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn Repsol u l-kerrejja tagħha tal-pompi tal-petrol – fosthom anki dawk bejn Repsol u Gasorba – kienu s-suġġett ta’ proċedura fil-qasam tal-akkordji skont ir-Regolament Nru 1/2003 ( 7 ). F’din il-proċedura, fil-kwalità tagħha bħala awtorità Ewropea tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, wara stima preliminari, esprimiet tħassib mil-lat kompetittiv dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim ta’ kunsinna għal perijodu twil bejn Repsol u ċerti kerrejja tal-pompi tal-petrol fi Spanja, li jinkorpora projbizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, mal-Artikolu 81 KE (attwalment l-Artikolu 101 TFUE). Hija beżgħet li ser ikun hemm effetti sostanzjali ta’ esklużjoni mis-suq Spanjol tal-bejgħ ta’ karburanti bl-imnut. |
|
17. |
Konsegwentement, Repsol ipproponiet impenji lill-Kummissjoni, li bihom l-impriża ddikjarat partikolarment li hija lesta li fil-futur ma tikkonkludix ftehim ta’ esklużività għal perijodu twil kif ukoll li toffri inċentiv finanzjarju lill-kerrejja tal-pompi tal-petrol inkwistjoni sabiex itemmu l-ftehim ma’ Repsol ta’ kunsinna għal perijodu twil qabel iż-żmien. Barra minn hekk, Repsol tat il-kelma tagħha li għal ċertu perijodu ma tixtrix pompi tal-petrol indipendenti li ma humiex forniti minnha ( 8 ). |
|
18. |
L-impenji ta’ Repsol inizjalment kienu s-suġġett ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni f’Ottubru tal-2004 skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 9 ), li mbagħad iddikjarathom bħala vinkolanti fit-12 ta’ April 2006 bid-Deċiżjoni 2006/446/KE ( 10 ) adottata skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, filwaqt li fl-istess waqt għalqet il-proċedura kontra Repsol fil-qasam tal-akkordji. |
|
19. |
Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni 2006/446 jaqra hekk: “Artikolu 1 L-impenji […] huma vinkolanti għal [Repsol]. Artikolu 2 Il-proċedura f’din il-kawża għandha tingħalaq. Artikolu 3 Din id-deċiżjoni tapplika mid-data tan-notifika tagħha lil [Repsol] sal-31 ta’ Diċembru 2011. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil: [Repsol] […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
It-tilwima bejn Gasorba u Repsol quddiem il-qrati Spanjoli
|
20. |
Wara d-Deċiżjoni 2006/446, Gasorba kif ukoll J. Rico Gil u A. Ferrándiz González ipprovaw joħorġu mir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom ma’ Repsol u fis-17 ta’ April 2008 ippreżentaw rikors flimkien kontra Repsol sabiex il-kuntratti konklużi fl-1993 jiġu annullati skont l-Artikolu 81(2) KE [attwalment l-Artikolu 101(2) TFUE], kif ukoll sabiex jirċievu kumpens għad-danni ( 11 ). Essenzjalment huma ġġustifikaw it-talba tagħhom bl-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ lill-pubbliku minn Repsol kif ukoll bil-perijodu twil tal-ftehim ta’ xiri esklużiv li jmur lil hinn minn dak permess fir-Regolamenti dwar eżenzjonijiet skont il-kategorija (KEE) Nru 1984/83 ( 12 ) u (KE) Nru 2790/1999 ( 13 ). Madankollu, huma la kellhom suċċess fl-ewwel istanza quddiem il-Juzgado Mercantil no4 de Madrid ( 14 ) u lanqas fit-tieni istanza quddiem l-Audiencia Provincial de Madrid ( 15 ). |
|
21. |
It-tilwima issa hija pendenti quddiem it-Tribunal Supremo Spanjola (qorti suprema), il-qorti tar-rinviju ( 16 ). Din tesponi li l-kuntratti kontenzjużi ma jgawdux minn eżenzjoni skont il-kategorija skont ir-Regolament Nru 2790/1999, peress li Repsol għandha sehem tas-suq ta’ iktar minn 30 %, jew kellha dan meta ġew konklużi l-kuntratti. Madankollu, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) tistaqsi jekk id-Deċiżjoni 2006/446 possibbilment għandhiex l-effett ta’ eżenzjoni għal dawn il-kuntratti u jekk l-imsemmija deċiżjoni tipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jeżaminaw il-legalità tal-kuntratti inkwistjoni. |
IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
22. |
B’digriet tat-18 ta’ Ottubru 2016, li wasal fit-28 ta’ Ottubru 2016, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) – awla ċivili – irrinvijat lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE:
|
|
23. |
Fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Gasorba, Repsol, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
V. Analiżi
|
24. |
Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni, għall-qrati tal-Istati Membri, tal-effett vinkolanti ta’ deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta fil-kwalità tagħha bħala awtorità Ewropea tal-kompetizzjoni. Reċentement, din il-kwistjoni wasslet għal diskussjonijiet speċjalment fil-qasam tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat ( 17 ). Iżda, kif turi din il-kawża, din tista’ tikseb sinjifikat prattiku anki fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar l-akkordji. |
|
25. |
Madankollu, il-kwistjoni fid-dritt tal-Unjoni dwar l-akkordji timmanifesta ruħha taħt ċirkustanzi daqsxejn differenti, peress li hawnhekk minn dejjem kienet teżisti sistema ta’ kompetenzi paralleli ( 18 ), fejn kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali huma mitluba japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE (preċedentement l-Artikoli 81 u 82 KE). Barra minn hekk, permezz tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003 teżisti dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija intiża espressament sabiex tiżgura applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni dwar l-akkordji. |
|
26. |
B’mod speċifiku, f’din il-kawża għandha tingħata risposta għad-domanda dwar jekk, u sa fejn, il-qrati nazzjonali jibqgħalhom marġni ta’ diskrezzjoni proprju għall-infurzar tad-dritt tal-Unjoni dwar l-akkordji jekk diġà tkun teżisti deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji fir-rigward ta’ ftehim bejn l-impriżi. Ir-risposta għal din id-domanda toħroġ mir-rabta bejn l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003. |
A. Fuq is-setgħa tal-qrati nazzjonali li jannullaw ftehim bejn impriżi wara li l-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar l-impenji (l-ewwel domanda preliminari)
|
27. |
Il-qofol tal-interess ta’ din il-kawża huwa l-ewwel domanda, li biha t-Tribunal Supremo (qorti suprema) essenzjalment tixtieq issir taf jekk l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tannulla ftehim bejn impriżi filwaqt li tinvoka l-Artikolu 101(2) TFUE ladarba, fir-rigward ta’ proprju dan il-ftehim, il-Kummissjoni tkun laqgħet u ddikjarat vinkolanti l-impenji li saru fil-kuntest ta’ deċiżjoni dwar l-impenji skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Din id-domanda tirriżulta mid-Deċiżjoni 2006/446 li hija deċiżjoni dwar l-impenji, ibbażata fuq l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, u li tirrigwarda r-relazzjoni ta’ Repsol mal-operaturi ta’ pompi tal-petrol Spanjoli. |
|
28. |
Huwa minnu li, mil-lat formali, deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li – bħad-Deċiżjoni 2006/446 – huma indirizzati lil destinatarju speċifiku, huma vinkolanti biss għal dan fil-partijiet kollha tagħhom (it-tieni sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE), jiġifieri, f’din il-kawża, għal Repsol (ara l-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni). Iżda, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni dwar l-akkordji f’sistema deċentralizzata, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 tipprovdi li, min-naħa tagħhom, il-qrati tal-Istati Membri ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet, fir-rigward ta’ ftehim bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jmorru kontra deċiżjoni li diġà ġiet adottata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-istess ftehim imprenditorjali. |
|
29. |
Ċertament li din il-projbizzjoni ta’ deroga riflessa fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tkopri anki deċiżjonijiet dwar l-impenji adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, mingħajr ma jillimita ruħu għal ċertu tip ta’ deċiżjonijiet, l-Artikolu 16(1) ikopri d-deċiżjonijiet konċepibbli kollha li l-Kummissjoni setgħet adottat abbażi tar-Regolament Nru 1/2003 ( 19 ). |
|
30. |
Madankollu, il-projbizzjoni ta’ deroga, kif inkluża fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, qatt ma tista’ tmur lil hinn mill-portata tal-kontenut normattiv tad-deċiżjoni rispettiva tal-Kummissjoni. |
|
31. |
F’din il-kawża, l-uniku kontenut normattiv tad-Deċiżjoni 2006/446, li għalih talludi l-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, huwa li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiddikjara vinkolanti l-impenji offruti minn Repsol fir-rigward tar-relazzjoni tagħha mal-operaturi ta’ pompi tal-petrol Spanjoli għal perijodu speċifiku (ara l-Artikoli 1 u 3 tal-imsemmija deċiżjoni) u li ttemm il-proċedura tal-akkordji preċedenti kontra Repsol (ara l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni). Min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni 2006/446 fl-ebda parti tagħha ma fiha konstatazzjonijiet vinkolanti dwar il-legalità tal-kuntratti ta’ provvista esklużiva konklużi bejn Repsol u l-kerrejja tal-pompi tal-petrol tagħha. |
|
32. |
Dan il-kontenut regolatorju tad-Deċiżjoni 2006/446 jinftiehem ċar fl-isfond tan-natura legali u l-funzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-impenji fis-sistema tar-Regolament Nru 1/2003. Tabilħaqq, tali deċiżjoni dwar l-impenji hija kkaratterizzata proprju mill-fatt li, fil-kuntest tagħha, il-Kummissjoni ma twettaqx evalwazzjoni fid-dettall taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni ta’ ftehim bejn l-impriżi, iżda, għall-finijiet ta’ soluzzjoni effiċjenti tal-proċedura, tistrieħ sempliċement fuq evalwazzjoni preliminari u, b’mod partikolari, ma tagħmilx konstatazzjonijiet dwar jekk sarx ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE ( 20 ). |
|
33. |
Konsegwentement, deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, bħad-Deċiżjoni 2006/446 inkwistjoni hawnhekk, ma tipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jeżaminaw, min-naħa tagħhom, il-ftehim bejn impriżi inkwistjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom mar-regoli ta’ kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar l-akkordji, u hekk jagħmlu użu mill-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE (f’dan ir-rigward ara wkoll l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003). Ma tagħmilx differenza jekk ikunux ikkonċernati aspetti taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni li diġà kienu s-suġġett ta’ eżami sommarju min-naħa tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni dwar l-impenji, jew aspetti totalment ġodda li l-Kummissjoni bl-ebda mod għadha ma tat deċiżjoni fuqhom. |
|
34. |
Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll meta wieħed iħares lejn il-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003. Kemm mit-tielet sentenza tal-premessa 13 kif ukoll mill-aħħar sentenza tal-premessa 22 jirriżulta li deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji bl-ebda mod ma tipprekludi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u lill-qrati milli jiddeċiedu dwar il-każ, filwaqt li jistgħu japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE u, fejn applikabbli, jikkonstataw l-eżistenza ta’ ksur. |
|
35. |
Dan kollu ma jfissirx li deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jkollhiex effetti legali quddiem il-qrati nazzjonali. Tabilħaqq, minn naħa waħda, tali deċiżjoni dwar l-impenji sservi sabiex tirrendi vinkolanti l-impenji ta’ impriżi, hekk li, fejn applikabbli, l-osservanza tagħhom tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors minn terzi interessati. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni dwar l-impenji fiha evalwazzjoni preliminari mill-Kummissjoni taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni dwar ftehim bejn impriżi fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE ( 21 ) li ma tistax tiġi injorata mill-qrati nazzjonali. Pjuttost, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali [Artikolu 4(3) TUE] kif ukoll l-għan ġenerali ta’ applikazzjoni kemm jista’ jkun effettiva u uniformi tad-dritt tal-Unjoni dwar l-akkordji jirrikjedu li l-qorti nazzjonali tikkunsidra l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni bħala indizju importanti, jew saħansitra bħala provi prima facie, tan-natura antikompetittiva tal-ftehim bejn impriżi inkwistjoni, li tieħu kont dovut ta’ din l-evalwazzjoni u li tikkonsulta lill-Kummissjoni fejn tkun tixtieq tiddevja mill-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar ( 22 ). Iżda, minħabba n-natura sommarja u preliminari tagħha, l-evalwazzjoni kompetittiva tal-Kummissjoni f’deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 fl-aħħar mill-aħħar ma tistax iżżomm lill-qorti nazzjonali milli tasal għal konklużjoni parzjalment jew totalment differenti abbażi ta’ investigazzjonijiet addizzjonali u eżami iktar fid-dettall tal-istess każ. |
|
36. |
Repsol toġġezzjona li huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali jekk il-Kummissjoni, abbażi tal-impenji, ittemm il-proċedura tal-akkordji dwar ftehim bejn impriżi filwaqt li qorti nazzjonali tkun tista’ tikkunsidra l-istess ftehim bħala antikompetittiv u, għaldaqstant tannullah, għall-finijiet tal-Artikolu 101(2) TFUE. |
|
37. |
Madankollu, din l-oġġezzjoni ma hijiex konvinċenti. Repsol tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni d-differenza bejn deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li, speċjalment minħabba raġunijiet ta’ effiċjenza, hija bbażata sempliċement fuq eżami sommarju min-naħa tal-Kummissjoni, u deċiżjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li hija bbażata fuq analiżi ddettaljata tal-konformità mad-dritt dwar il-kompetizzjoni u li tittieħed fi tmiem proċedura kompleta tal-akkordji. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentat fid-dettall din id-differenza fundamentali fil-kawża Alrosa, filwaqt li rrifjutat espressament l-evalwazzjoni kuntrarja li waslet għaliha f’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali, u li hija invokata hawnhekk minn Repsol ( 23 ). |
|
38. |
Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tilqa’ u tiddikjara vinkolanti l-impenji ta’ impriża f’deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 bl-ebda mod ma jfisser li l-awtorità Ewropea tal-kompetizzjoni tapprova l-imġiba preċedenti tal-impriża inkwistjoni fis-suq u li tikkunsidraha konformi mad-dritt dwar il-kompetizzjoni. Għall-kuntrarju, b’tali deċiżjoni dwar l-impenji – l-istess bħad-Deċiżjoni 2006/446 inkwistjoni – il-Kummissjoni tiddikjara sempliċement li t-tħassib tagħha jkun ġie eliminat u li, f’dak il-mument, ma tarax li għad hemm raġunijiet għal azzjoni min-naħa tagħha ( 24 ). |
|
39. |
Tabilħaqq, l-impenji offruti minn impriża u milqugħa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jikkontribwixxu lejn it-tnaqqis tal-effetti antikompetittivi eventwali tal-imġiba tagħha fis-suq jew saħansitra lejn il-korrezzjoni tagħhom. Iżda dan ma jfissirx li, permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji, l-imġiba fis-suq tal-impriża inkwistjoni tkun ġiet “legalizzata”, u ċertament mhux b’mod retroattiv. |
|
40. |
Is-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li fuqu hija bbażata wkoll l-attraenza tiegħu għall-prattikanti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-akkordji, huwa wieħed doppju: minn naħa, dan jippermetti lill-Kummissjoni, bħala l-awtorità tal-kompetizzjoni, twettaq il-kompiti tagħha, li għalihom japplika l-prinċipju tal-opportunità, bl-iktar mod effiċjenti u ekonomiku possibbli. Min-naħa l-oħra, billi joffru impenji lill-Kummissjoni, id-dispożizzjoni tagħti l-possibbiltà lill-impriżi inkwistjoni li jevadu l-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li tista’ tkun ta’ detriment għalihom, u li jevitaw kwalunkwe multa imminenti ( 25 ). |
|
41. |
Iżda, apparti minn dan, kull impriża tibqa’ responsabbli għall-imġiba tagħha fis-suq, hekk kif stabbilit fil-qalba tas-sistema sħiħa tar-Regolament Nru 1/2003. Lanqas deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji ma tista’ tneħħi din ir-responsabbiltà tal-impriża. |
|
42. |
Fil-qosor, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, jista’ jiġi konkluż li deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament fir-rigward ta’ ċertu ftehim bejn l-impriżi ma tipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jeżaminaw il-kompatibbiltà ta’ proprju dan il-ftehim mal-liġi tal-kompetizzjoni u, fejn xieraq, milli jannullawhom skont l-Artikolu 101(2) TFUE. |
B. Fuq in-nuqqas ta’ effett ta’ eżenzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-impenji (it-tieni domanda preliminari)
|
43. |
Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk id-Deċiżjoni 2006/446 – deċiżjoni dwar l-impenji fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 – toħloqx l-effetti ta’ eżenzjoni individwali fis-sens tal-Artikolu 101(3) TFUE [preċedentement l-Artikolu 81(3) KE] fir-rigward tal-ftehim ta’ xiri esklużiv għal perijodu twil ittrattat fiha. |
|
44. |
Din id-domanda saret biss fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda fl-affermattiv. Iżda, peress li, kif diġà spjegajt, qed nassumi li għandha tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, it-tieni domanda ser nittrattaha biss sussidjarjament bil-għan li l-qorti tar-rinviju tingħata l-indikazzjonijiet kollha utli għal soluzzjoni xierqa tal-kawża prinċipali. |
|
45. |
Fl-ebda parti tad-Deċiżjoni 2006/446 ma jissemma espressament li l-Kummissjoni qed tagħti eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 101(3) TFUE għall-ftehim ta’ xiri esklużiv għal perijodu twil konkluż bejn Repsol u l-kerrejja tal-pompi tal-petrol tagħha. Għall-kuntrarju, fl-imsemmija deċiżjoni l-Kummissjoni tillimita ruħha li tiddikjara vinkolanti ċerti impenji minn Repsol sal-31 ta’ Diċembru 2011 u li ttemm il-proċedura tal-akkordji li kienet għaddejja kontra Repsol f’dak iż-żmien. |
|
46. |
F’din il-kawża wieħed lanqas ma jista’ jassumi eżenzjoni individwali mogħtija impliċitament. Kif sostnew korrettament il-biċċa l-kbira tal-partijiet, kwalunkwe tip ta’ eżenzjoni individwali fis-sens tal-Artikolu 101(3) TFUE jkun jirrikjedi neċessarjament li l-ewwel nett tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ prattika restrittiva tal-kompetizzjoni li hija pprojbita taħt l-Artikolu 101(1) TFUE ( 26 ). Iżda d-Deċiżjoni 2006/446 ma tinkludi l-ebda konstatazzjoni ta’ dan it-tip fir-rigward tal-ftehim ta’ xiri esklużiv għal perijodu twil bejn il-kerrejja tal-pompi tal-petrol u Repsol fi Spanja. |
|
47. |
Huwa wkoll inerenti fin-natura tagħha li d-deċiżjoni dwar l-impenji ma jkun fiha l-ebda konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ prattika antikompetittiva. Wara kollox, kif diġà spjegajt, id-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li għalihom tappartjeni d-Deċiżjoni 2006/446 ikkontestata, huma proprju kkaratterizzati mill-fatt li fihom il-Kummissjoni twettaq biss evalwazzjoni preliminari tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr ma tieħu pożizzjoni b’mod definittiv fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE ( 27 ). |
|
48. |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li waħda mill-kwistjonijiet ewlenin tar-riforma li ġab miegħu r-Regolament Nru 1/2003 kienet l-abolizzjoni tal-għoti amministrattiv ta’ eżenzjonijiet individwali mill-Kummissjoni. Għalhekk, fid-data effettiva tal-1 ta’ Mejju 2004 saret it-tranżizzjoni lejn sistema ta’ eċċezzjoni legali li fiha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE ma għadhomx previsti deċiżjonijiet individwali tal-Kummissjoni [ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 6 flimkien mal-premessa 4 tar-Regolament Nru 1/2003]. |
|
49. |
Minn dak iż-żmien ’l hawn huwa biss b’mod eċċezzjonali għall-aħħar li l-Kummissjoni għadha tieħu deċiżjoni f’każ individwali li fiha jiġi kkonstatat b’mod purament dikjaratorju li huma ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 101(3) TFUE, u dan tagħmlu biss fil-kuntest ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003 (“Sejba ta’ inapplikabilità”) ( 28 ), u mhux f’deċiżjoni bħal dik inkwistjoni, li ttieħdet skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
50. |
Għaldaqstant, kollox ma’ kollox, ma jistax jiġi preżunt li d-Deċiżjoni 2006/446 toħloq l-effetti ta’ eżenzjoni individwali fis-sens tal-Artikolu 101(3) TFUE fir-rigward ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv għal perijodu twil bejn Repsol u l-kerrejja tal-pompi tal-petrol Spanjoli. |
VI. Konklużjoni
|
51. |
Fid-dawl tal-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Supremo Spanjola (qorti suprema): L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impenji skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament fir-rigward ta’ ċertu ftehim bejn impriżi ma tipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jeżaminaw il-kompatibbiltà ta’ dan l-istess ftehim mal-liġi tal-kompetizzjoni u, fejn xieraq, milli jannullawhom skont l-Artikolu 101(2) TFUE. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/2003”.
( 3 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377).
( 4 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C‑217/05, EU:C:2006:784), tal-11 ta’ Settembru 2008, CEPSA (C‑279/06, EU:C:2008:485), u tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios (C‑260/07, EU:C:2009:215), kif ukoll id-deċiżjonijiet tat-3 ta’ Settembru 2009, Lubricarga (C‑506/07, EU:C:2009:504), tas-27 ta’ Marzu 2014, Bright Service (C‑142/13, EU:C:2014:204), u tal-4 ta’ Diċembru 2014, Estación de Servicio Pozuelo 4 (C‑384/13, EU:C:2014:2425).
( 5 ) Id-dritt ta’ użufrutt ikopri wkoll l-awtorizzazzjoni amministrattiva li tiġi operata pompa tal-petrol.
( 6 ) Il-qorti tar-rinviju rreferiet, f’dan ir-rigward, għal “skambju ta’ kuntratti”.
( 7 ) Il-punt tat-tluq ta’ din il-proċedura kienu ftehimiet u abbozzi ta’ kuntratti li Repsol kienet innotifikat lill-Kummissjoni skont il-leġiżlazzjoni preċedenti tar-Regolament Nru 1/2003. Madankollu, din in-notifika saret invalida mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003 fl-1 ta’ Mejju 2004 [ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 1/2003].
( 8 ) Ara, rigward il-kontenut tal-impjenji, l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-punt 2 tas-sommarju tagħha dwar id-Deċiżjoni 2006/446 (ĠU 2006, L 176, p. 104).
( 9 ) Komunikazzjoni skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Kawża COMP/B-1/38348 – Repsol CPP (ĠU 2004, C 258, p. 7).
( 10 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/446/KE, tat-12 ta’ April 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Kawża COMP/B-1/38.348 – Repsol CPP), innotifikata bin-numru K(2006) 1548 u miġbura fil-qosor fil-ĠU 2006, L 176, p. 104. It-test sħiħ tad-Deċiżjoni 2006/446 huwa aċċessibbli biss fuq l-internet fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni: http://ec.europa.eu/competition/antitrust/cases/dec_docs/38348/38348_997_1.pdf (aċċessat l-aħħar fil-11 ta’ Lulju 2017).
( 11 ) Skont l-informazzjoni proprja tagħha, Repsol min-naħa tagħha fetħet kawża kontra Gasorba quddiem il-qorti ċivili ta’ Madrid. Repsol issostni li ż-żewġ rikorsi kienu ppreċeduti minn tilwima extraġudizzjarja bejn il-partijiet dwar il-proċeduri għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ kunsinna; sussegwentement, Repsol xoljiet il-kuntratt u Gasorba insegwitu kkontestat il-legalità tax-xoljiment. Repsol akkużat lil Gasorba b’invokazzjoni abbużiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE.
( 12 ) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83, tat-22 ta’ Ġunju 1983, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehimiet ta’ xiri esklużiv (ĠU 1983 L 173, p. 5).
( 13 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364).
( 14 ) Qorti tal-Kummerċ Nru 4 ta’ Madrid; is-sentenza tagħha ngħatat fit-8 ta’ Lulju 2011.
( 15 ) Qorti tal-Appell ta’ Madrid; is-sentenza tagħha ngħatat fis-27 ta’ Jannar 2014.
( 16 ) Proċedura tal-appell Nru 757/2014.
( 17 ) Din id-diskussjoni bdiet wara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755), u d-digriet tal-4 ta’ April 2014, Flughafen Lübeck (C‑27/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:240), li t-tnejn jittrattaw l-effetti ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, għall-finijiet tal-Artikolu 4 attwali tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 (ĠU 2015, L 248, p. 9), fi proċeduri quddiem qrati nazzjonali.
( 18 ) Sentenzi tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, EU:C:1969:4, punt 3), u tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 81).
( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 87), li tikkonċerna l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003.
( 20 ) It-tieni sentenza tal-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003; ara, barra minn hekk, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, b’mod partikolari l-punt 35).
( 21 ) L-istess japplika għal deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, kif ukoll għall-aġir tal-operaturi dominanti fis-suq fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.
( 22 ) Ara wkoll in-Notifika tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE (ĠU 2004, C 101, p. 54).
( 23 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punti 35, 38, 40 u 46 sa 48); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fl-imsemmija kawża (EU:C:2009:555, punti 47 sa 51).
( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, għal darba oħra, il-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003.
( 25 ) F’dan is-sens ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2009:555, punt 60).
( 26 ) Sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Slovenská sporiteľňa (C‑68/12, EU:C:2013:71, punt 30). Ara wkoll, b’mod iktar estensiv, il-punt 11 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat” (ĠU 2004, C 101, p. 97); dan jipprovdi li l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 81 KE (issa l-Artikolu 101 TFUE) tikkonsisti minn żewġ partijiet, fejn l-eżami tal-effetti pożittivi għall-kompetizzjoni li jirriżultaw minn ftehim bejn impriżi skont l-Artikolu 81(3) KE jsir biss jekk ikunu ġew ikkonstatati preċedentement għan jew effett antikompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE.
( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, mill-ġdid, it-tieni sentenza tal-premessa 13 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll l-osservazzjonijiet tiegħi dwar l-ewwel domanda preliminari, b’mod partikolari fil-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 28 ) Ara wkoll il-premessa 14 tar-Regolament Nru 1/2003.