EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0488

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fil-11 ta’ Jannar 2018.
Bundesverband Souvenir - Geschenke - Ehrenpreise eV vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali NEUSCHWANSTEIN – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 7(1)(b) u (c) – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Karattru deskrittiv – Indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika – Karattru distintiv – Artikolu 52(1)(b) – Mala fide.
Kawża C-488/16 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:3

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-11 ta’ Jannar 2018 ( 1 )

Kawża C-488/16 P

Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise eV

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali NEUSCHWANSTEIN – Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Karattru deskrittiv – Indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika – Karattru distintiv – Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Mala fide

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise eV (iktar ’il quddiem “BSGE”) titlob l‑annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Lulju 2016, Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise vs EUIPO – Freistaat Bayern (NEUSCHWANSTEIN) (T-167/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:391), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal‑Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat-22 ta’ Jannar 2015 (Każ R 28/2014-5), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn BSGE u Freistaat Bayern (l-Istat Ħieles ta’ Bayern, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

2.

Fit-22 ta’ Lulju 2011, l-Istat Ħieles ta’ Bayern ippreżenta quddiem l-EUIPO, abbażi tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “NEUSCHWANSTEIN” (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”) bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.

3.

L-isem “NEUSCHWANSTEIN” jirreferi għall-kastell famuż ta’ Neuschwanstein li jinsab fil-komun ta’ Schwangau (il-Ġermanja), li fil‑preżent huwa proprjetà tal-Istat Ħieles ta’ Bayern u li nbena, mingħajr ma tlesta, bejn l-1869 u l-1886, taħt ir-renju tar-Re Ludwig II ta’ Bayern.

4.

Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 3, 8, 14 sa 16, 18, 21, 25, 28, 30, 32 sa 36, 38 u 44 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall‑finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”).

5.

L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni kienet ippubblikata fil-Bulletin des marques communautaires Nru 166/2011, tat-2 ta’ Settembru 2011, u t-trade mark kienet irreġistrata fit-12 ta’ Diċembru 2011 bin-numru 10144392.

6.

Fl-10 ta’ Frar 2012, BSGE ppreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) u (c) ta’ dan l-istess regolament, kontra t-trade mark ikkontestata għall-prodotti u servizzi kollha msemmija fil-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

7.

Fil-21 ta’ Ottubru 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal‑EUIPO ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità billi kkonkludiet li t-trade mark ikkontestata la tikkonsisti f’indikazzjonijiet li jistgħu jindikaw l-oriġini ġeografika, u lanqas f’karatteristiċi oħra inerenti għall-prodotti u għas-servizzi kkonċernati u għalhekk ma tmurx kontra l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li peress li t-trade mark inkwistjoni kienet distintiva għall-prodotti u għas-servizzi kkonċernati, ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan l-istess regolament. Fl‑aħħar nett, hija kkunsidrat li BSGE ma kinitx ipprovdiet prova li l‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata saret b’mala fide u li għalhekk saret bi ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament.

8.

Fl-20 ta’ Diċembru 2013, BSGE ppreżentat appell quddiem l‑EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 2015, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad l-appell. B’mod partikolari, huwa kkunsidra li t-trade mark ikkontestata la kienet indikattiva ta’ oriġini ġeografika fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar‑Regolament Nru 207/2009 u lanqas ma kienet nieqsa mill-karattru distintiv meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan l-istess regolament. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li l-mala fide tal-Istat Ħieles ta’ Bayern ma setgħetx tiġi stabbilita fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament.

III. Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10.

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ April 2015, BSGE ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad‑deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-22 ta’ Jannar 2015.

11.

Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat tliet motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament u fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament.

12.

Qabel xejn il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tieni motiv li permezz tiegħu BSGE sostniet li l-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO kien kiser l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li dan ikkunsidra li t-trade mark ikkontestata ma kinitx indikazzjoni deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati. Hija ċaħdet dan il-motiv billi ddeċidiet, essenzjalment, fil‑punt 27 tas-sentenza appellata, li l-kastell ta’ Neuschwanstein kien fuq kollox mużew u li, bħala tali, ma huwiex post ta’ produzzjoni ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi, b’tali mod li t-trade mark ikkontestata ma tistax tkun indikattiva tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi li hija tkopri.

13.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-ewwel motiv li permezz tiegħu BSGE sostniet li l-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO kien kiser l-Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 207/2009, peress li dan ikkunsidra li t-trade mark ikkontestata ma kinitx nieqsa minn karattru distintiv. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata, li l-prodotti u s-servizzi kkonċernati kienu prodotti intiżi għall-konsum frekwenti u servizzi tal-ħajja ta’ kuljum, distinti minn prodotti ta’ suveniers u minn servizzi oħra relatati ma’ attività turistika permezz tal‑isem tagħhom biss, u li l-element verbali li jikkostitwixxi t-trade mark ikkontestata kien isem ta’ fantażija mingħajr relazzjoni deskrittiva mal‑prodotti u mas-servizzi kkummerċjalizzati jew offruti.

14.

Finalment, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet motiv li permezz tiegħu BSGE sostniet li l-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO kien kiser l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li dan ikkunsidra li l-mala fide tal-Istat Ħieles ta’ Bayern ma kinitx ġiet stabbilita. B’mod partikolari, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li BSGE ma pprovdietx provi li jippermettu ġustifikazzjoni taċ-ċirkustanzi oġġettivi li fihom l-Istat Ħieles ta’ Bayern kien jaf bl-eżistenza tal-kummerċjalizzazzjoni minn BSGE jew minn terzi oħra ta’ wħud mill-prodotti u mis-servizzi kkonċernati.

15.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

Permezz tal-appell tagħha, BSGE titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla r-reġistrazzjoni tat-trade mark NEUSCHWANSTEIN; u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

17.

L-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil BSGE għall-ispejjeż.

18.

L-Istat Ħieles ta’ Bayern jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l‑appell u tikkundanna lil BSGE għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minnu.

19.

Inżammet seduta fid-29 ta’ Novembru 2017, fejn BSGE, l-EUIPO u l-Istat Ħieles ta’ Bayern intalbu jiffokaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju u fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju.

V. Fuq l-appell

20.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jindirizzaw it-tieni parti tal-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat‑tieni aggravju.

A.   Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009

1. L-argumenti tal-partijiet

21.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, BSGE tallega li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-interess ġenerali wara l-Artikolu 7(1)(c) tar‑Regolament Nru 207/2009 kif ukoll kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, EU:C:1999:230), meta fil-punt 27 tas‑sentenza appellata hija ddeċidiet li l-kastell ta’ Neuschwanstein ma huwiex fih innifsu post ta’ produzzjoni ta’ oġġetti jew ta’ provvista ta’ servizzi, b’tali mod li t-trade mark ikkontestata ma tistax tkun indikattiva tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi li hija tkopri.

22.

Skont BSGE, il-kastell ta’ Neuschwanstein jista’ jiġi ġeografikament illokalizzat u, konsegwentement, is-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” jista’ jkun indikattiv ta’ oriġini ġeografika fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar‑Regolament Nru 207/2009 minħabba l-kummerċjalizzazzjoni f’dan il-post tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata.

23.

L-EUIPO u l-Istat Ħieles ta’ Bayern jaqblu mal-analiżi magħmula mill‑Qorti Ġenerali fil-punt 27 tas-sentenza appellata.

24.

Skont l-EUIPO, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li t-trade mark ikkontestata tintuża sabiex jiġu kkummerċjalizzati suveniers speċifiċi u sabiex jiġu proposti servizzi partikolari, b’tali mod li l-pubbliku rilevanti jista’ jaħseb li hija indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika. Huwa jikkunsidra li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata huma intiżi għall-konsum frekwenti, li ma għandhomx karatteristiċi partikolari u jistgħu jsiru suveniers biss bit-twaħħil tas-sinjal “NEUSCHWANSTEIN”.

25.

L-Istat Ħieles ta’ Bayern jikkunsidra li l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jista’ jservi ta’ bażi għall-esklużjoni tar-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni ta’ ismijiet ta’ oġġetti li jistgħu jiġu ġeografikament illokalizzati, iżda dan biss meta s-sinjal ikkonċernat ikollu karattru oġġettivament deskrittiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, li ma huwiex il-każ tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata.

26.

Fil-fatt, skont l-Istat Ħieles ta’ Bayern, is-sentimenti pjaċevoli jew l‑assoċjazzjonijiet pożittivi li t-trade mark ikkontestata tista’ tqajjem fil‑pubbliku rilevanti u l-post tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi koperti minnha ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jitqies li s-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” jikkostitwixxi indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

2. Evalwazzjoni

27.

L-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprekludi r‑reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni li jikkostitwixxu esklużivament f’sinjali jew f’indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw, fost oħrajn, l-oriġini ġeografika tal-prodott jew tal-provvista tas-servizz li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

28.

Skont ġurisprudenza stabbilita, “[f]’dan ir-rigward, [l-]Artikolu 7(1)(c) [tar-Regolament Nru 207/2009] isegwi għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi tal-kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom ssir applikazzjoni għal reġistrazzjoni jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd, inkluż inkwantu trade marks kollettivi jew fi trade marks kumplessi jew grafiċi. Din id‑dispożizzjoni tipprojbixxi, għalhekk, li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda biss minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark” ( 2 ).

29.

B’mod iktar partikolari, fir-rigward ta’ sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jindikaw l-oriġini ġeografika, u b’mod partikolari ismijiet ġeografiċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “jeżisti interess ġenerali li tkun ippreżervata d-disponibbiltà tagħhom b’mod partikolari minħabba l-kapaċità tagħhom mhux biss li eventwalment juru l-kwalità u elementi oħra tal-kategoriji tal-prodotti kkonċernati, iżda wkoll li jinfluwenzaw b’modi differenti l-preferenzi tal-konsumaturi, pereżempju billi jorbtu l‑prodotti ma’ post li jista’ jqajjem sentimenti pożittivi” ( 3 ).

30.

Abbażi ta’ din il-kunsiderazzjoni ta’ interess ġenerali, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li għandu jiġi vverifikat jekk isem ġeografiku jindikax post li attwalment jew potenzjalment jippreżenta, fl-għajnejn tal‑individwi kkonċernati, rabta mal-kategorija ta’ prodotti jew servizzi kkonċernati u, jekk dan ikun il-każ, ir-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem bħala trade mark tal-Unjoni għandha tkun irrifjutata ( 4 ).

31.

Fil-fatt, ir-rekwiżit li tali rabta teżisti jew tista’ ssir bejn il-prodott jew is-servizz ikkonċernati u l-isem ġeografiku jirriżulta mill-kunċett innifsu ta’ “oriġini ġeografika”. F’dan is-sens, sabiex tiġi rrifjutata r‑reġistrazzjoni ta’ isem ġeografiku bħala trade mark tal-Unjoni, dan l-isem għandu jkun jista’ jindika oriġini, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta bejn il-prodott jew is-servizz u l-isem ġeografiku ( 5 ), peress li isem ġeografiku waħdu ma jurix awtomatikament tali oriġini. Skont l-eżempju ferm illustrattiv mogħti mill-Avukat Ġenerali Cosmas, ħadd ma jista’ jemmen li l-pinen “Montblanc” joriġinaw mill-muntanja bl-istess isem ( 6 ).

32.

Madankollu, kif ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ din ir-rabta bejn prodott u post ġeografiku ma tiddependix biss mill-post fejn dan il-prodott kien immanifatturat jew fejn jista’ jkun immanifatturat, iżda tista’ tiddependi wkoll minn elementi oħra ta’ rabta, bħal pereżempju l-post fejn dan il-prodott kien ippjanat u ddisinjat ( 7 ).

33.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fil-punt 27 tas-sentenza appellata ddeċidiet li l-kastell ta’ Neuschwanstein ma huwiex post ġeografiku iżda mużew li l-funzjoni ewlenija tiegħu hija l‑konservazzjoni tal-patrimonju u mhux il-manifattura jew il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ suveniers jew il-provvista ta’ servizzi. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, il-kastell ta’ Neuschwanstein ma huwiex magħruf għall-oġġetti ta’ suveniers tiegħu, li ma humiex immanifatturati fil-kastell iżda huma biss ikkummerċjalizzati hemm għal finijiet turistiċi. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” ma jistax ikun indikattiv ta’ oriġini ġeografika fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

34.

Huwa minnu li, f’dan il-punt tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali għamlet numru ta’ konstatazzjonijiet fattwali li ma jistgħux ikunu kkontestati fl-appell ħlief f’każ ta’ żnaturament tal-fatti, li ma huwiex allegat minn BSGE.

35.

Madankollu, il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ ċerti fatti, fosthom b’mod partikolari l-indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika permezz tas-sinjal “NEUSCHWANSTEIN”, tista’ tkun eżaminata fil-kuntest ta’ dan l-appell.

36.

Fl-opinjoni tiegħi, il-kwistjoni dwar jekk, kif issostni BSGE, il‑kastell ta’ Neuschwanstein huwiex jew le post ġeografiku jew jekk tant huwiex famuż li, fl-għajnejn tal-pubbliku rilevanti, l-isem ta’ “Neuschwanstein” jiddomina fuq l-isem tal-post fejn jinsab dan il-kastell (jiġifieri l-komun ta’ Schwangau) ma hijiex determinanti. Mill-banda l‑oħra, dak li huwa rilevanti huwa li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jikkostitwixxu t-trade tal-Unjoni jistgħu jservu ta’ bażi sabiex jindikaw oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnha.

37.

Huwa eżattament għal din ir-raġuni li BSGE tallega li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-post ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-oġġetti ta’ suveniers bħala element ta’ rabta li jista’ jservi ta’ rabta bejn dawn il‑prodotti u s-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” u jindika għalhekk oriġini ġeografika fis-sens tal-punt 36 tas-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, EU:C:1999:230).

38.

Jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument għar-raġunijiet segwenti.

39.

Qabel xejn, għandu jiġi nnotat li, mill-perspettiva ġuridika, il‑prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata ma jinkludux oġġetti ta’ suveniers iżda l-prodotti koperti mill-klassijiet indikati fil-punt 3 tas‑sentenza appellata, bħal pereżempju t-shirts, skieken, frieket, platti, teapots, eċċ. Fil-fatt, skont il-Ftehim ta’ Nice, ma teżistix klassi bl-isem “oġġetti ta’ suveniers” għaliex, li kieku teżisti, tali klassi tkun tant varja li ma tkunx tista’ tindika kategorija partikolari ta’ prodotti. Barra minn hekk, bħala oġġetti li jfakkru persuna, post jew avveniment, is-suveniers huma oġġetti li jqajmu emozzjoni. Issa, l-emozzjonijiet umani ma jistgħux ikunu koperti minn trade mark tal-Unjoni peress li ma jikkostitwixxux prodotti jew servizzi fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Għal din ir-raġuni, u għall-kuntrarju ta’ dak li tippretendi BSGE, f’dan l-appell ma hemmx kwistjoni dwar l-oriġini ġeografika ta’ oġġetti ta’ suveniers iżda ta’ prodotti ta’ konsum frekwenti.

40.

Għal dak li jirrigwarda l-post ta’ kummerċjalizzazzjoni bħala element ta’ rabta ta’ prodott ma’ post ġeografiku, mill-formulazzjoni tal-punt 36 tas-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C-109/97, EU:C:1999:230) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx l-elementi ta’ rabta għall-post ta’ manifattura tal-prodotti kkonċernati peress li hija ddeċidiet li “ma jistax ikun eskluż li r-rabta bejn il-kategorija ta’ prodotti u l-post ġeografiku tiddependi minn elementi oħra ta’ rabta, pereżempju l-fatt li l-prodott kien ippjanat u ddisinjat fil-post ġeografiku kkonċernat”.

41.

Madankollu, dan ma jimplikax neċessarjament li l-post ta’ kummerċjalizzazzjoni jista’ jservi bħala element ta’ rabta bejn il-prodott jew is-servizz u l-post ikkonċernati, u dan anki għall-oġġetti ta’ suveniers. Kif tammetti BSGE fil-punt 28 tal-appell tagħha, huwa possibbli li oġġett ta’ suvenier bit-trade mark ikkontestata jinbiegħ barra mill-konfini tal-kastell ta’ Neuschwanstein. L-eżistenza stess ta’ din il-possibbiltà ssaħħaħ l‑argument li l-post ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġett bit-trade mark ikkontestata ma huwiex neċessarjament element ta’ rabta ta’ dan l-oġġett mal-kastell ta’ Neuschwanstein.

42.

Finalment, il-post ta’ kummerċjalizzazzjoni fih innifsu huwa inkapaċi li juri oriġini ġeografika, għaliex il-post ta’ bejgħ ta’ prodott ma huwiex deskrittiv tal-elementi, tal-kwalitajiet jew ta’ karatteristiċi oħra tiegħu ( 8 ) u, konsegwentement, il-pubbliku rilevanti ma jistax jassoċja ma’ prodott elementi, kwalitajiet jew karatteristiċi oħra abbażi tal-fatt li kien mixtri minn post ġeografiku partikolari. Mill-banda l-oħra, il-pubbliku rilevanti jista’ jistabbilixxi tali rabta bejn prodott u l-post ġeografiku tal-manifattura jew tal-ippjanar u tal-iddisinjar tiegħu billi jaħseb li l‑prodott ser jibbenefika minn elementi, kwalitajiet jew karatteristiċi oħra (b’mod partikolari teknika, tradizzjoni, artiġġjanat) minħabba l-fatt li kien immanifatturat jew ippjanat u ddisinjat f’post ġeografiku partikolari. Pereżempju, il-pubbliku rilevanti jassoċja ċerti kwalitajiet mal-porċellana ta’ Limoges b’tali mod, għal dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ porċellana, is-sinjal “Limoges” huwa deskrittiv ta’ oriġini ġeografika.

43.

F’dan il-każ, BSGE ma tallegax li l-pubbliku kkonċernat assoċja jew jista’ jassoċja ċerti elementi, kwalitajiet jew karatteristiċi oħra mal‑prodotti u mas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata abbażi tal-fatt li kienu kkummerċjalizzati fil-konfini tal-kastell ta’ Neuschwanstein. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 27 tas-sentenza appellata, “il-kastell ta’ Neuschwanstein ma huwiex magħruf għall-oġġetti ta’ suveniers li huwa jbiegħ jew għas-servizzi li huwa joffri”.

44.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nikkunsidra li billi ddeċidiet, fil-punt 27 tas‑sentenza appellata, li t-trade mark ikkontestata ma tistax tkun indikattiva tal-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi koperti minnha, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu tiġi miċħuda.

B.   Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

1. L-argumenti tal-partijiet

45.

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, BSGE ssostni, essenzjalment, li billi ddeċidiet, fil-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata, li t-trade mark ikkontestata għandha karattru distintiv, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li t‑twaħħil waħdu tas-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” fuq l-oġġetti ta’ suveniers ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jiddistingwi l-prodotti u s‑servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata minn dawk mibjugħa u pprovduti madwar il-kastell ta’ Neuschwanstein.

46.

Barra minn hekk, BSGE ssostni li l-Qorti Ġenerali tagħmel raġunament ċirkulari meta fil-punt 41 tas-sentenza appellata tiddikjara li s-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” jindika mhux biss il-kastell fil-kwalità tiegħu ta’ mużew, iżda wkoll it-trade mark ikkontestata fiha nnifisha. L‑istess japplika għall-punt 42 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-trade mark ikkontestata tippermetti, taħt il-portata tagħha, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u l-provvista ta’ servizzi li l-Istat Ħieles ta’ Bayern jista’ jikkontrolla l-kwalità tagħhom, filwaqt li dan ma jikkostitwixxix indizju tal-karattru distintiv tas-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” iżda konsegwenza tar-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark tal-Unjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali antiċipat id-deċiżjoni dwar jekk l‑imsemmi sinjal jistax jikkostitwixxi trade mark tal-Unjoni jew le.

47.

L-EUIPO u l-Istat Ħieles ta’ Bayern jikkunsidraw li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli inkwantu ma tqajjimx punti ta’ liġi u hija intiża sabiex tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal‑karattru distintiv tas-sinjal “NEUSCHWANSTEIN”. L-EUIPO jenfasizza li, fil-ħajja tal-kummerċ, huwa fatt frekwenti li mużewijiet, kumpanniji li jamministraw postijiet kulturali jew siti turistiċi jew kulturali jikkummerċjalizzaw prodotti taħt l-isem rispettiv tagħhom, fejn dawn l-ismijiet jintużaw bħala trade marks.

48.

Sussidjarjament, l-Istat Ħieles ta’ Bayern jargumenta li l-ewwel parti tat‑tieni aggravju hija infondata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li l-individwi kkonċernati huma familjari mal-fatt li attrazzjonijiet turistiċi kif ukoll mużewijiet jikkostitwixxu impriżi li ma jipprovdux biss provvista ta’ divertiment kulturali, iżda llum il-ġurnata jimmanifatturaw u jikkummerċjalizzaw ukoll prodotti taħt l-isem tal‑istabbiliment tagħhom sabiex jikkompletaw il-provvista ewlenija tagħhom. Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll ġustament, fil-punt 43 tas‑sentenza appellata, li l-pubbliku rilevanti ma jikkonċepixxix it‑trade mark ikkontestata bħala riferiment għall-kastell biss, iżda tal-inqas ukoll “bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati”.

2. Evalwazzjoni

a) Fuq l-ammissibbiltà

49.

Bħall-EUIPO u l-Istat Ħieles ta’ Bayern, jiena nikkunsidra li sa fejn BSGE tallega li l-Qorti Ġenerali mmotivat il-karattru distintiv tas-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” billi ddikjarat li dan jindika mhux biss il-kastell bħala mużew iżda wkoll it-trade mark ikkontestata fiha nnifisha, hija qiegħda tipprova tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-imsemmi sinjal li, fil-fehma tagħha, ma għandux karattru distintiv u għandu jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala riferiment għall-kastell biss. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ), tali argument ma jistax ikun is-suġġett ta’ appell, bla ħsara għal żnaturament tal-fatti u tal-provi, li ma kienx invokat f’dan il-każ.

50.

Mill-banda l-oħra, sa fejn BSGE tallega li l-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod insuffiċjenti l-konstatazzjoni li t-trade mark ikkontestata għandha karattru distintiv, hija tqajjem kwistjoni ta’ liġi li bħala tali tista’ tkun invokata fil-kuntest ta’ appell ( 10 ).

b) Fuq il-mertu

51.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l‑ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 11 ).

52.

Fil-fehma tiegħi, il-punti 41 sa 43 tas-sentenza appellata ma humiex ikkaratterizzati minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għar‑raġunijiet segwenti.

53.

Il-punt 41 tas-sentenza appellata jirrileva, essenzjalment, li l‑prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata huma prodotti ta’ konsum frekwenti u servizzi tal-ħajja ta’ kuljum, distinti minn prodotti ta’ suveniers u minn servizzi oħra relatati ma’ attività turistika permezz tal-isem tagħhom biss, sa fejn din tindika mhux biss il-kastell fil-kwalità tiegħu ta’ mużew, iżda wkoll it-trade mark ikkontestata fiha nnifisha. Dwar il-prodotti u s-servizzi koperti minnha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-prodotti inkwistjoni ma humiex immanifatturati iżda huwa biss ikkummerċjalizzati fil-konfini tal-kastell ta’ Neuschwanstein u li s-servizzi inkwistjoni ma kinux offruti kollha in situ.

54.

Id-deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati bħala prodotti u servizzi intiżi għall-konsum frekwenti u għall-ħajja ta’ kuljum distinti minn prodotti oħra (oġġetti ta’ suveniers) u minn servizzi relatati ma’ attività turistika permezz tal-isem tagħhom biss, tikkostitwixxi konstatazzjoni fattwali li BSGE ma tistax tikkontesta fl-appell ħlief f’każ ta’ żnaturament, li hija ma invokatx. L-istess japplika għall‑konstatazzjoni, minn naħa, li l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata ma kinux immanifatturati fil-konfini tal-kastell ta’ Neuschwanstein iżda kienu kkummerċjalizzati hemm u, min-naħa l-oħra, li s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata ma kinux kollha offruti in situ.

55.

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni BSGE, ir-raġunament tal‑Qorti Ġenerali li jipprovdi li s-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” huwa fl-istess ħin it-trade mark ikkontestata u l-isem tal-kastell fejn il-prodotti u s-servizzi koperti minnha huma kkummerċjalizzati ma huwiex raġunament ċirkulari.

56.

Fil-fatt, ladarba, bħal f’dan il-każ, is-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” ma huwiex deskrittiv ta’ oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi koperti minnu, ma hemm xejn li a priori jipprekludi lill-Istat Ħieles ta’ Bayern milli jirreġistra bħala trade mark tal-Unjoni l-isem ta’ mużew li tiegħu huwa l-proprjetarju. F’dan il-każ, huwa normali li l-isem tal-post u t-trade mark ikunu identiċi.

57.

Imbagħad, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” ma jiddeskrivix il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata billi bbażat ruħha fuq il‑fatt li kien biss it-twaħħil tagħha fuq il-prodotti u s-servizzi kkonċernati li jippermetti d-distinzjoni tagħhom mill-prodotti u s-servizzi ta’ impriżi oħra.

58.

Qabel xejn, kif semmejt fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Ftehim ta’ Nice ma jinkludix klassi ta’ prodotti jew servizzi bl-isem “oġġetti ta’ suveniers”. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament eżaminat il-kwistjoni ta’ jekk is-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” kienx deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi koperti intiżi għall-konsum frekwenti u għall-ħajja ta’ kuljum u mhux ta’ oġġetti ta’ suveniers.

59.

Skont ġurisprudenza stabbilita, trade mark tal-Unjoni ma tistax tkun deskrittiva, iżda għandha tkun “adattata sabiex tidentifika l-prodott li għalih tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala li joriġina minn impriża partikolari u għalhekk sabiex tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra” ( 12 ).

60.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett li peress li huwa isem tal-fantasija li jfisser il-“ġebla l-ġdida taċ-ċinju”, is-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” ma jistax ikun deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata għaliex ma huwiex deskrittiv tal‑karatteristiċi tagħhom, kif pereżempju huwa s-sinjal verbali “ecoDoor” għall-prodotti li għandhom effiċjenza enerġetika ( 13 ).

61.

F’dan il-każ, l-unika relazzjoni li tista’ teżisti, skont BSGE, bejn is-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” u l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata huwa l-post ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom fiż‑żona ta’ madwar il-kastell bl-istess isem. Madankollu, kif spjegajt fil‑punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-post ta’ kummerċjalizzazzjoni ma huwiex karatteristika tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata ( 14 ).

62.

Għalhekk, wieħed jista’ faċilment isegwi r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li huwa biss it-twaħħil tas-sinjal mhux deskrittiv “NEUSCHWANSTEIN “(li, fl-għajnejn tal-persuni kkonċernati, ma għandu ebda rabta mal-prodotti u mas-servizzi kkonċernati, minbarra l-post tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fil-konfini tal-kastell bl-istess isem), li jippermetti lill-pubbliku rilevanti jiddistingwi l-prodotti u s-servizzi kkonċernati minn dawk tal-impriżi l-oħra.

63.

Fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l‑argumenti ta’ BSGE u tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO fis-sens li s-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” kien mezz pubbliċitarju jew slogan. Mill-banda l‑oħra, hija kkonstatat li dan jippermetti lill-pubbliku rilevanti kemm li jiddistingwi l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata kif ukoll li jirreferi għal żjara fil-kastell. Fil‑fatt, din il-funzjoni doppja hija l-konsegwenza inevitabbli tal-għażla tal-proprjetarju ta’ mużew li jirreġistra l-isem ta’ dan tal-aħħar bħala trade mark tal-Unjoni, li bl-ebda mod ma huwa pprojbit. F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali sostniet il‑karattru distintiv tas-sinjal “NEUSCHWANSTEIN” peress li jippermetti lill-pubbliku rilevanti jassoċja l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata mal-Istat Ħieles ta’ Bayern.

64.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nikkunsidra li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

VI. Konklużjoni

65.

Għal dawn ir-raġunijiet u bla ħsara għall-eżami tal‑aggravji l-oħra, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it‑tieni parti tal-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat-tieni aggravju.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, EU:C:1999:230, punt 25). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2003, Linde et (C-53/01 sa C-55/01, EU:C:2003:206, punt 73); tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C-104/01, EU:C:2003:244, punt 52); tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley (C-191/01 P, EU:C:2003:579, punt 31); tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland (C-363/99, EU:C:2004:86, punt 54); tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C-51/10 P, EU:C:2011:139, punt 37); tal-10 ta’ Lulju 2014, BSH vs UASI (C-126/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2065, punt 19), u tas-6 ta’ Lulju 2017, Moreno Marín et (C-139/16, EU:C:2017:518, punt 23).

( 3 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, EU:C:1999:230, punt 26).

( 4 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, EU:C:1999:230, punti 31 sa 3337).

( 5 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C-109/97, EU:C:1999:230, punt 33) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawżi magħquda Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C‑109/97, EU:C:1998:198, punti 35 sa 37).

( 6 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawżi magħquda Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, EU:C:1998:198, punt 35).

( 7 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, EU:C:1999:230, punti 3637).

( 8 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 50).

( 9 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 35) kif ukoll id-digrieti tas-26 ta’ Settembru 1994, X vs Il-Kummissjoni (C-26/94 P, EU:C:1994:346, punt 13), u tad-9 ta’ Marzu 2012, Atlas Transport vs UASI (C-406/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:136, punt 32).

( 10 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C-263/09 P, EU:C:2011:452, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 136), u tal-24 ta’ Jannar 2013, 3F vs Il‑Kummissjoni (C-646/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:36, punt 63).

( 12 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, EU:C:1999:230, punt 46). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C-299/99, EU:C:2002:377, punt 35); tat-8 ta’ April 2003, Linde et (C-53/01 sa C-55/01, EU:C:2003:206, punt 40) u tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C-104/01, EU:C:2003:244, punt 62).

( 13 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, BSH vs UASI (C-126/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2065, punti 24 sa 27).

( 14 ) Infakkar is-sovrapożizzjoni li teżisti bejn il-kampi ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009 fis-sens li sinjal deskrittiv ma jistax ikun distintiv. Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland (C-363/99, EU:C:2004:86, punti 67, 8586), u tat-12 ta’ Frar 2011, Koninklijke KPN Nederland (C-363/99, EU:C:2004:86, punti 46 u 47).

Top