This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CC0472
Opinion of Advocate General Tanchev delivered on 6 December 2017.#Jorge Luís Colino Sigüenza v Ayuntamiento de Valladolid and Others.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León.#Reference for a preliminary ruling — Directive 2001/23/EC — Scope — Article 1(1) — Transfers of undertakings — Safeguarding of employees’ rights –Service contract for the management of a municipal School of Music — Cessation of the activity of the first contractor before the end of the current school year and designation of a new contractor at the beginning of the following school year — Article 4(1) — Prohibition of dismissal by reason of transfer — Exception — Dismissal for economic, technical or organisational reasons entailing changes in the workforce — Charter of Fundamental Rights of the European Union — Article 47).#Case C-472/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fis-6 ta’ Diċembru 2017.
Jorge Luís Colino Sigüenza vs Ayuntamiento de Valladolid et.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(1) – Trasferimenti ta’ impriżi – Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema – Kuntratt għal servizzi li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ akkademja tal-mużika komunali – Waqfien tal-attività tal-ewwel offerent rebbieħ qabel it-tmiem tas-sena skolastika kurrenti u għażla ta’ offerent rebbieħ ġdid fil-bidu tas-sena skolastika segwenti – Artikolu 4(1) – Projbizzjoni ta’ tkeċċijiet minħabba trasferiment – Eċċezzjoni – Tkeċċijiet li jseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fil-persunal – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47.
Kawża C-472/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fis-6 ta’ Diċembru 2017.
Jorge Luís Colino Sigüenza vs Ayuntamiento de Valladolid et.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(1) – Trasferimenti ta’ impriżi – Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema – Kuntratt għal servizzi li jirrigwardaw il-ġestjoni ta’ akkademja tal-mużika komunali – Waqfien tal-attività tal-ewwel offerent rebbieħ qabel it-tmiem tas-sena skolastika kurrenti u għażla ta’ offerent rebbieħ ġdid fil-bidu tas-sena skolastika segwenti – Artikolu 4(1) – Projbizzjoni ta’ tkeċċijiet minħabba trasferiment – Eċċezzjoni – Tkeċċijiet li jseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fil-persunal – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47.
Kawża C-472/16.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:943
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TANCHEV
ippreżentati fis-6 ta’ Diċembru 2017 ( 1 )
Kawża C‑472/16
Jorge Luís Colino Sigüenza
vs
Ayuntamiento de Valladolid
IN-PULSO MUSICAL Sociedad Cooperativa
Administrador Concursal de Músicos y Escuela S.L.
Músicos y Escuela S.L.
FOGASA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León, Spanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasferiment ta’ impriża — Projbizzjoni ta’ tkeċċija minħabba trasferiment — Tkeċċija għal raġunijiet ekonomiċi — Direttiva 2001/23/KE — Tmiem ta’ konċessjoni għat-tmexxija ta’ skola tal-mużika — Telf ta’kuntratt għal servizz favur kompetitur — Entità ekonomika — Entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha — Tkeċċija kollettiva — Dritt għal rimedju effettiv — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
|
1. |
Dan huwa rinviju għal deċiżjoni preliminari mis-Sala de lo Social del Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León in Valladolid (l-Awla għall-Kwistjonijiet Soċjali tal-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León f’Valladolid, Spanja, iktar ’il quddiem it-“Tribunal Superior”) li jirrigwarda talba għal impjieg mill-ġdid minn għalliem tal-mużika impjegat preċedentement minn kumpannija li kienet qiegħda tmexxi skola tal-mużika muniċipali. Ftit qabel ma l-Kunsill Muniċipali għażel kumpannija oħra għat-tmexxija tal-iskola, l-appellant fil-kawża prinċipali tkeċċa. |
|
2. |
Wara sensiela twila ta’ kawżi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja, din it-talba għal darba oħra tqajjem il-kwistjoni dwar taħt liema ċirkustanzi t-telf ta’ kuntratt għal servizzi favur kompetitur għandu jitqies bħala trasferiment ta’ entità ekonomika fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), fejn il-kuntrattur il-ġdid ikun obbligat iżomm il-persunal tal-kuntrattur preċedenti. L-aspetti speċifiċi tal-każ inkwistjoni huma konċessjoni li skadiet qabel ma seħħet l-akkwiżizzjoni tal-attività inkwistjoni mill-kompetitur, dewmien ta’ ħames xhur qabel ma l-kompetitur kompla l-attività u l-fatt li ma nżammet l-ebda waħda mill-persuni impjegati mill-persuna li impjegat lill-appellant. |
|
3. |
Il-qorti tar-rinviju tqajjem ukoll kwistjoni proċedurali: peress li l-ewwel skola tal-mużika kienet qiegħda tkeċċi lill-persunal kollu tagħha, seħħet proċedura ta’ tkeċċija kollettiva, li matulha r-rappreżentanti legali kollettivi kkontestaw mingħajr suċċess id-deċiżjoni tal-persuna li timpjega. It-Tribunal Superior tistaqsi jekk ikunx inkiser l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jekk l-impjegat individwali jkun marbut minn sentenza mogħtija f’din il-proċedura kollettiva li fiha huwa ma setax ikun parti u jiddefendi d-drittijiet tiegħu skont id-Direttiva. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
|
4. |
L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdu li: “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.” |
|
5. |
Il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva jiddikjaraw li:
|
|
6. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jaqra: “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.” |
|
7. |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jipprovdi li: “It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu.” |
B. Id-dritt nazzjonali
|
8. |
L-Artikolu 124 tal-Ley reguladora de la Juridicción Social (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Soċjali u Industrijali, iktar ’il quddiem il-“LJS”) jiddikjara fil-paragrafi (1) u (13): “1. Id-deċiżjoni tal-persuna li timpjega tista’ tiġi kkontestata mir-rappreżentanti tal-ħaddiema permezz tal-proċedura prevista fil-paragrafi li ġejjin. ... “13. Meta l-proċedura jkollha bħala suġġett kontestazzjoni individwali tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol quddiem il-Juzgado de lo Social [(il-Qorti Industrijali, Spanja)], għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 120 sa 123 ta’ din il-liġi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali li ġejjin: […] (b) jekk, wara l-ftuħ tal-proċedura individwali, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jressqu azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-persuna li timpjega skont il-paragrafi preċedenti, din il-proċedura għandha tiġi sospiża sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-azzjoni mressqa mir-rappreżentanti tal-ħaddiema, li, ladarba ssir definittiva, tingħata l-awtorità ta’ res judicata fir-rigward tal-proċedura individwali f’konformità mal-Artikolu 160(5) ta’ din il-liġi.” |
|
9. |
L-Artikolu 160(5) tal-LJS jiddikjara li: “Is-sentenza definittiva għandha l-awtorità ta’ res judicata fir-rigward tal-proċeduri individwali li jkollhom suġġett identiku jew li jippreżentaw rabta ta’ konnessjoni diretta ma’ din is-sentenza, li jkunu pendenti jew li jistgħu jitressqu quddiem il-qrati soċjali kif ukoll quddiem il-qrati għall-kwistjonijiet amministrattivi, liema proċeduri għandhom għalhekk jiġu sospiżi matul it-trattament tal-azzjoni kollettiva. Is-sospensjoni għandha tiġi ordnata anki jekk tkun diġà ngħatat deċiżjoni fl-ewwel istanza u jekk ikun hemm appell pendenti. Is-sentenza definittiva mogħtija fil-kuntest tar-rikors kollettiv għandha torbot lill-qorti adita, inkluż meta s-sentenza definittiva ma tkunx ġiet invokata bħala deċiżjoni fis-sens kuntrarju fil-kuntest tal-appell ippreżentat quddiem it-Tribunal Supremo [(il-Qorti Suprema, Spanja)] għall-finijiet ta’ unifikazzjoni tal-ġurisprudenza.” |
II. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
10. |
Jorge Luis Colino Sigüenza (iktar ’il quddiem l-“appellant”) beda jaħdem bħala għalliem fl-Iskola tal-Mużika Muniċipali (iktar ‘il quddiem l-“Iskola”) ta’ Valladolid fil-11 ta’ Novembru 1996. |
|
11. |
Fil-bidu, l-Iskola kienet immexxija mill-Ayuntamiento de Valladolid (il-Muniċipalità ta’ Valladolid, iktar ’il quddiem l-“Ayuntamiento”). |
|
12. |
Fl-1997, l-Ayuntamiento waqfet tmexxi l-iskola direttament u ħarġet sejħa għal offerti għall-ġestjoni tagħha. Abbażi ta’ dan, il-kuntratt ingħata lil Músicos y Escuela, S.L. (iktar ’il quddiem “Músicos”), kumpannija li ġiet inkorporata fis-7 ta’ Lulju 1997 b’kapital azzjonarju ta’ ESP 500000 (madwar EUR 3000) u bl-iskop korporattiv li tgħallem il-mużika, torganizza rappreżentazzjonijiet u tbigħ strumenti mużikali; finalment, l-uniku skop tal-kumpannija kien li tieħu sehem fis-sejħa għal offerti organizzata mill-Ayuntamiento ( 2 ). Músicos akkwiżixxiet il-faċilitajiet, il-bini u r-riżorsi sabiex tipprovdi s-servizzi, irreklutat xi wħud mill-persunal tal-Ayuntamiento, inkluż l-appellant, u kompliet bl-attività tal-iskola tal-mużika bħala l-Iskola tal-Mużika Muniċipali, li baqgħet titqies bħala servizz ipprovdut mill-Ayuntamiento liċ-ċittadini lokali. |
|
13. |
Fis-snin ta’ wara, il-Kunsill Muniċipali, li kien qiegħed jaġixxi f’isem l-Ayuntamiento, ħareġ sejħiet għal offerti fuq bażi regolari, jiġifieri f’Settembru 2000, Settembru 2004, Lulju 2008 u Settembru 2012 ( 3 ). L-offerti ta’ Músicos baqgħu jintgħażlu ( 4 ). L-aħħar kuntratt tagħha kopra l-perijodu sal-31 ta’ Awwissu 2013, u pprovda l-possibbiltà espressa li dan jiġġedded għal sena akkademika waħda. |
|
14. |
Minħabba tnaqqis kbir fin-numru ta’ studenti fil-bidu tas-sena akkademika 2012/13 ( 5 ), dehret differenza bejn it-tariffi mħallsa mill-istudenti u l-prezz tas-servizz miftiehem minn l-Ayuntamiento u minn Músicos. Meta, f’Diċembru 2012, Músicos fittxet kumpens għad-differenza f’ammont ta’ iktar minn EUR 100000 ( 6 ), il-Kunsill Muniċipali rrifjuta li jħallas. |
|
15. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-19 ta’ Frar 2013, Músicos fittxet it-terminazzjoni tal-kuntratt għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-Ayuntamiento u kumpens għad-danni. Il-Kunsill Muniċipali, min-naħa tiegħu ċaħad dawn it-talbiet, invoka n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-parti l-oħra, filwaqt li ħeġġiġha tkompli tipprovdi s-servizz miftiehem sal-aħħar tas-sena akkademika 2012/13 u rrifjuta wkoll li jħallas lura d-depożitu ta’ EUR 15000 li Músicos kienet tat għall-użu tat-tagħmir u tal-bini. |
|
16. |
B’risposta għas-sitwazzjoni ekonomika prodotta mit-tilwima mal-Kunsill Muniċipali, fl-4 ta’ Marzu 2013, Músicos bdiet proċedura ta’ tkeċċija kollettiva. Wara li l-perijodu obbligatorju ta’ negozjar u konsultazzjoni, li ma rriżultax fi ftehim mar-rappreżentanti tal-impjegati, fis-27 ta’ Marzu 2013, Músicos adottat id-deċiżjoni li tkeċċi lill-persunal kollu tagħha. Fil-31 ta’ Marzu 2013, Músicos waqqfet l-attività tagħha u, fl-1 ta’ April 2013, raddet lura l-pussess tal-bini, l-istrumenti u r-riżorsi li kienu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Iskola mill-Kunsill Muniċipali. Fl-4 ta’ April 2013, il-kumpannija ħarġet avviż ta’ tkeċċija lill-persunal kollu tagħha, inkluż l-appellant, b’effett mit-8 ta’ April 2013. B’hekk, Músicos keċċiet 26 impjegat, jiġifieri 23 għalliem u tliet impjegati amministrattivi ( 7 ). |
|
17. |
Ir-rappreżentanti tal-persunal (rappreżentanti eletti tal-persunal tal-kumpannija) ikkontestaw id-deċiżjoni ta’ tkeċċija kollettiva ta’ Músico quddiem it-Tribunal Superior, fejn is-seduta orali saret fit-22 ta’ Mejju 2013. Fid-19 ta’ Ġunju 2013, it-talba ġiet miċħuda. It-Tribunal Superior iddeċidiet, inter alia, li l-Ayuntamiento ma kellu l-ebda obbligu li jżomm l-attività tal-Iskola u li Músicos, matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni, kienet innegozjat b’bona fide u bl-għan li tilħaq ftehim fi ħdan il-limiti imposti mis-sitwazzjoni ekonomika tagħha. Is-sentenza kkonfermat ukoll ir-raġunijiet ekonomiċi għat-tkeċċijiet li invokat Músicos, billi ħadet inkunsiderazzjoni t-tnaqqis fid-dħul mir-reġistrazzjoni tal-istudenti li ma kienx ikkumpensat finanzjarjament mill-Ayuntamiento, liema fatt ħoloq għalhekk żbilanċ ekonomiku li jiġġustifika l-għeluq u l-waqfien tal-attività. Ir-rappreżentanti tal-persunal ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra dik is-sentenza quddiem it-Tribunal Supremo, li ġie miċħud fis-17 ta’ Novembru 2014. |
|
18. |
Sadanittant, fit-30 ta’ Lulju 2013, Músicos ġiet iddikjarata insolventi u wara l-proċedura ta’ stralċ, il-kumpannija ġiet xolta b’digriet tal-Juzgado de lo Mercantil (il-Qorti Kummerċjali) f’Settembru 2013. |
|
19. |
F’Awwissu 2013, il-Kunsill Muniċipali, li kien qiegħed jaġixxi f’isem l-Ayuntamiento, iddeċieda li jtemm il-kuntratt amministrattiv ma’ Músicos għar-raġuni li Músicos waqfet qabel iż-żmien fil-provvista tal-ġestjoni tal-Iskola fl-1 ta’ April 2013. Il-Kunsill Muniċipali ssekwestra d-depożitu ta’ Músicos u talab kumpens għad-danni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. |
|
20. |
Sussegwentement, il-Kunsill Muniċipali ħareġ sejħa għal offerti ġdida għall-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni tal-Iskola. Huwa evalwa seba’ applikanti, li fosthom erbgħa minnhom ġew mistiedna jippreżentaw informazzjoni dwarhom innifishom u dwar is-servizzi li setgħu joffru, b’riferiment għal sensiela ta’ kriterji. Fl-aħħar, il-kuntratt għall-ġestjoni tal-Iskola għas-sena akkademika 2013/14 ingħata lill-kumpannija In-pulso Musical Sociedad Cooperativa (iktar ’il quddiem “In-pulso”), li kienet ġiet inkorporata fid-19 ta’ Lulju 2013, fejn l-iskop uniku tal-kumpannija kien il-provvista tas-servizz imsemmi fis-sejħa għal offerti ( 8 ). Il-Kunsill Muniċipali ta lil In-pulso l-użu tal-bini, l-istrumenti u r-riżorsi għall-ġestjoni tal-Iskola, li reġgħet bdiet l-attivitajiet tagħha f’Settembru 2013, b’persunal kompletament differenti ( 9 ). F’Ġunju 2014, In-pulso rebħet ukoll is-sejħa għal offerti sussegwenti u ngħatat kuntratt sabiex tkompli tiġġestixxi l-Iskola għas-snin akkademiċi 2014/15 u 2015/16. |
|
21. |
Fir-rigward tat-tilwima bejn il-Kunsill Muniċipali u Músicos fir-rigward tat-terminazzjoni tal-kuntratt, is-Sala de lo Contencioso-Administrativo de Valladolid del Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (l-Awla għall-Kwistjonijiet Amministrattivi ta’ Valladolid tal-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León, Spanja) tat sentenzi f’Ottubru 2014 u April 2015, li saru finali. Hija ddeċidiet li l-Kunsill Muniċipali kien interpreta ħażin il-kuntratt għal servizz u kien naqas milli jikkonforma mat-termini maqbula fih sa fejn dawn stabbilixxew dħul iggarantit irrispettivament min-numru ta’ studenti rreġistrati. Konsegwentement, it-Tribunal Superior iddeċidiet favur Músicos, billi tterminat il-kuntratt, ċaħdet it-talbiet finanzjarji tal-Ayuntamiento u rrikonoxxiet ukoll li Músicos kienet intitolata li tirkupra d-depożitu tagħha. It-talba ta’ kumpens għad-danni ta’ Músicos, madankollu, ġiet miċħuda għar-raġuni li Músicos kienet naqqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha, meta waqfet b’mod unilaterali milli tipprovdi s-servizz mingħajr ma stenniet għall-proċeduri legali. |
|
22. |
Wara li tkompliet l-attività tal-Iskola minn In-pulso, l-appellant kif ukoll xi wħud mill-kollegi preċedenti tiegħu fetħu kawżi individwali kontra Músicos, l-Ayuntamiento u In-pulso, fejn ikkontestaw it-tkeċċijiet rispettivi tagħhom. Meta s-sentenza dwar it-tkeċċija kollettiva msemmija iktar ’il fuq saret finali, l-azzjonijiet individwali quddiem il-Juzgados de lo Social (il-Qrati Industrijali) tkomplew. Dawn, madankollu, ġew miċħuda. |
|
23. |
Fiċ-ċaħda tagħha tat-30 ta’ Settembru 2015 tat-talba tal-appellant, il-Juzgado de lo Social No 4 de Valladolid (il-Qorti Industrijali Nru 4 ta’ Valladolid) qieset lilha nnifisha marbuta mis-sentenza tat-Tribunal Superior tad-19 ta’ Ġunju 2013, li kienet ċaħdet l-azzjoni kollettiva ppreżentata mir-rappreżentanti tal-persunal u li kienet ġiet ikkonfermata mit-Tribunal Supremo. Is-sentenza tal-Juzgado de lo Social (il-Qorti Industrijali), billi rreferiet għall-Artikolu 124(13)(b) tal-LJS, qieset li, minħabba l-effett ta’ res judicata, it-tkeċċija kollettiva kienet ibbażata fuq raġunijiet suffiċjenti u kienet seħħet ukoll b’mod korrett, u li din ippermettiet lil Músicos twettaq it-tkeċċija individwali sussegwenti tal-appellant. Il-Juzgado de lo Social (il-Qorti Industrijali) qieset ukoll li ma kienx hemm trasferiment ta’ impriża għaliex l-attivitajiet tkomplew 5 xhur wara t-tkeċċija. |
|
24. |
L-appellant appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
25. |
L-appellant jikkontesta l-effett ta’ res judicata fir-rigward ta’ dawn l-aħħar avvenimenti, billi jargumenta li dawn ma setgħux ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti li ddeċidiet fuq l-azzjoni kollettiva peress li dawn seħħew iktar tard, jiġifieri meta tkomplew l-attivitajiet tal-Iskola minn In-pulso f’Settembru 2013 u meta ngħataw is-sentenzi deċiżi favur Músicos f’Ottubru 2014 u April 2015, li ordnaw lill-Ayuntamiento tħallas id-differenza bejn it-tariffi u s-somma miftiehma fil-kuntratt għal servizz. L-appellant jargumenta wkoll li l-effett ta’ res judicata ma jistax jaffettwah, minħabba li huwa ma kienx parti għall-proċedura kollettiva li fiha l-imsemmija sentenza ngħatat. |
|
26. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
27. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn In-pulso, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsijiet bil-miktub li għalihom wieġbu l-appellant, In-pulso, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni. Matul is-seduta tas-27 ta’ Settembru 2017, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali mir-rappreżentanti tar-Renju ta’ Spanja u tal-Kummissjoni. |
III. Evalwazzjoni
A. Osservazzjonijiet ġenerali
|
28. |
Jidher li fil-mument tat-tkomplija tal-attivitajiet tal-Iskola, Músicos bħala entità kienet diġà waqfet milli teżisti, b’tali mod li ma kienx hemm entità li setgħet tiġi ttrasferita lil In-pulso fil-mument rilevanti. Anki jekk jiġi preżunt li l-entità preċedenti xorta waħda setgħet titqies bħala entità eżistenti, jidher, fi kwalunkwe każ, li ħafna mill-fatturi li jindikaw jekk l-entità l-antika u dik ġdida humiex identiċi jopponu, f’dan il-każ, “trasferiment” fis-sens tad-Direttiva. Għalkemm ser nagħti l-interpretazzjoni tiegħi tal-indikaturi li huma rilevanti f’dan il-każ, l-evalwazzjoni finali tal-fatturi rilevanti għandha titħalla f’idejn il-qorti tar-rinviju. |
|
29. |
It-tieni domanda, dwar jekk it-tkeċċija tal-appellant kinitx ikkawżata minn trasferiment, għandha tingħata risposta biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta affermattiva għall-ewwel domanda jew tqis possibbli risposta affermattiva mill-qorti nazzjonali. Fil-fehma tiegħi, anki f’dak il-każ, it-tieni domanda trid tingħata risposta fin-negattiv. |
|
30. |
Risposta għat-tielet domanda hija mitluba biss fil-każ li ż-żewġ domandi preċedenti jingħataw risposta fl-affermattiv. Jien madankollu ser nittratta t-tielet domanda, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-opinjoni tiegħi fir-rigward tal-ewwel żewġ domandi. B’ħarsa iktar mill-qrib lejn id-dettalji tar-regoli nazzjonali Spanjoli dwar res judicata f’dan il-kuntest ta’ tkeċċijiet kollettivi, kif ippreżentati mill-partijiet, jidher li l-possibbiltà tal-appellant li jiddefendi d-drittijiet tiegħu li jirriżultaw mid-Direttiva ma hijiex fil-fatt limitata u d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta fil-fehma tiegħi ma jidhirx imxekkel. |
B. L-ewwel domanda
|
31. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din is-sitwazzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Il-Gvern Spanjol flimkien ma’ In-pulso jipproponu li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u jargumentaw li f’dan il-każ ma seħħ l-ebda trasferiment, filwaqt li l-Kummissjoni hija ta’ fehma opposta. |
|
32. |
Għall-analiżi tiegħi tal-kunċett ta’ “trasferiment” fis-sens tad-Direttiva, l-ewwel ser ikolli niddetermina xi jfisser il-kunċett ta’ “entità ekonomika” u mbagħad nevalwa l-fatturi partikolari li jikkaratterizzaw tali entità, kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex fl-aħħar inkun nista’ niddetermina jekk l-entità “żammitx l-identità tagħha” wara li l-attività tkompliet minn In-pulso. |
1. “Trasferiment”
|
33. |
Kif stabbilit fl-Artikolu 1(1)(a) tagħha, id-Direttiva “għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali”. |
|
34. |
Sabiex trasferiment jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, iridu jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: (1) it-trasferiment irid jirriżulta f’bidla fil-persuna li timpjega; (2) irid jikkonċerna impriża, negozju jew parti minn negozju; u (3) irid ikun ir-riżultat ta’ kuntratt ( 10 ). |
|
35. |
F’dan il-każ l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfatta b’mod ċar: hemm żewġ persuni li jimpjegaw, jiġifieri Músicos u In-pulso. |
|
36. |
It-tielet kundizzjoni lanqas ma toħloq problema: il-bidla possibbli ta’ persuna li timpjega hija minħabba sitwazzjoni kuntrattwali, jiġifieri l-fatt li l-Ayuntamiento, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti, daħlet f’kuntratt għal servizz ġdid ma’ fornitur ieħor tas-servizz, meta l-kuntratt mal-fornitur preċedent intemm. Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-kuntratt sottostanti ma jeħtieġx li jiġi konkluż direttament bejn iż-żewġ persuni li jimpjegaw. Din is-sitwazzjoni fejn il-Kunsill Muniċipali kien ta l-kuntratt tal-fornitur tas-servizz preċedenti tiegħu lil kompetitur huwa għalhekk kopert mid-Direttiva ( 11 ). |
|
37. |
Barra minn hekk, l-elementi tad-dritt pubbliku preżenti f’dan il-każ ma jipprekludux l-applikazzjoni tad-Direttiva ( 12 ). L-involviment tal-Ayuntamiento u tal-Kunsill Muniċipali bħala organu pubbliku u awtorità pubblika fit-trasferiment u anki n-natura ta’ dritt pubbliku tal-kuntratti amministrattivi li fuq il-bażi tagħha s-servizz ġie pprovdut ma humiex għalhekk ta’ ostakolu għas-sejba ta’ trasferiment. |
|
38. |
L-unika kundizzjoni li dwarha jista’ jkun hemm xi dubju f’din il-kawża hija t-tieni waħda, jiġifieri r-rekwiżit li jkun hemm trasferiment ta’ “impriża, negozju jew parti [minnhom]”. |
|
39. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi li s-sempliċi trasferiment ta’ attività ma jikkostitwixxix trasferiment skont id-Direttiva: it-telf ta’ kuntratt għal servizz favur kompetitur ma jistax jindika fih innifsu l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva ( 13 ). |
|
40. |
Minflok, jeħtieġ li jiġi ttrasferit in-negozju fil-forma u fis-sustanza konkreti tiegħu. |
|
41. |
Fl-Artikolu 1(1)(b), id-Direttiva tispeċifika li huwa meħtieġ it-“trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika”. |
2. “Entità ekonomika”
a) Definizzjoni
|
42. |
It-test tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva jirrappreżenta kodifikazzjoni ta’ ġurisprudenza preċedenti li pprovdiet deskrizzjoni iktar espliċita u li skontha “t-terminu ‘entità’ jirreferi għal grupp organizzat ta’ persuni u ta’ assi li jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li tipprova tilħaq għan speċifiku” ( 14 ). |
b) Attività
|
43. |
Il-kunċett li fuqu hija bbażata d-definizzjoni juża b’mod ċar bħala l-punt ta’ riferiment tiegħu l-attività partikolari li l-entità twettaq ( 15 ). L-entità tikkonsisti minn ċerti persuni u assi, li huma miġbura flimkien fid-dawl tal-implementazzjoni tal-attività ekonomika rilevanti. |
|
44. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuni u l-assi miġbura f’Músicos ifformawx jew le entità skont id-Direttiva li setgħet tiġi ttrasferita, huwa għalhekk neċessarju li tiġi identifikata l-attività partikolari. |
|
45. |
Kif deskritt fl-att ta’ inkorporazzjoni tagħha, l-attività ta’ Músicos kienet tikkonsisti fit-tmexxija tal-Iskola billi tiġi mgħallma l-mużika, jiġu organizzati rappreżentazzjonijiet u jinbigħu strumenti mużikali; finalment, l-uniku skop tal-kumpannija kien li tieħu sehem f’sejħiet għal offerti pubbliċi mill-Ayuntamiento de Valladolid ( 16 ). |
c) Organizzazzjoni
|
46. |
Din l-attività kienet organizzata bl-istabbiliment ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju partikolarment baxx ta’ madwar EUR 3000, jiġifieri kumpannija li setgħet topera b’26 impjegat biss peress li, skont il-kuntratt mal-Ayuntamient, din tal-aħħar ġarrbet għalkollox ir-riskju ekonomiku ( 17 ). B’hekk, peress li l-eżistenza tagħha kienet tiddependi kompletament mis-sejħiet għal offerti li l-Kunsill Muniċipali għamel fuq bażi regolari għal perijodi stabbiliti ta’ żmien, Músicos kellha torganizza l-attivitajiet tagħha skont dan. |
|
47. |
Kull darba li kien jintemm il-kuntratt mal-Ayuntamiento, neċessarjament kienet tintemm ukoll l-attività ta’ Músicos. Dan minħabba l-fatt li l-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti kienu effettivament jiġu organizzati f’intervalli regolari (1997, 2000, 2004, 2008, 2012, 2013), liema fatt jimplika l-possibbiltà li l-kuntratt jintilef favur kompetitur. Stabbilita fl-att ta’ inkorporazzjoni tagħha, in-neċessità li tirbaħ is-sejħa għal offerti kienet karatteristika organizzazzjonali u kważi ġenetika ta’ Músicos, li, għall-kuntrarju ta’ impriżi iktar stabbli, ma kinitx tfittex klijenti oħra ( 18 ). |
|
48. |
Meta l-organizzazzjoni ta’ attività tkun dik li tgħaqqad l-elementi materjali, immaterjali u personali flimkien sabiex tiġi fformata entità minnhom, din l-entità tisfaxxa meta jimmaterjalizza r-riskju prevedibbli u inerenti li ma tirbaħx is-sejħa għal offerti. L-istruttura sħiħa tal-impriża kienet dipendenti fuq il-kooperazzjoni mal-Kunsill Muniċipali li pprovda l-assi materjali kollha u anki l-mezzi finanzjarji fil-każ li n-numru ta’ studenti kien iktar baxx minn dak mistenni, u din il-kooperazzjoni damet biss għaż-żmien tal-aħħar offerta, li ħafna drabi kien ta’ erba’ snin iżda fil-perijodu rilevanti kien biss ta’ sena. |
|
49. |
Peress li l-aħħar kuntratt amministrattiv ta’ Músicos skada fil-31 ta’ Awwissu 2013, din kienet id-data meta, irrispettivament mid-diffikultajiet ekonomiċi, l-insolvenza u x-xoljiment li segwa jew ir-radd lura fiżiku tal-bini u l-istrumenti mużikali li kien diġà seħħ fil-31 ta’ Marzu 2013, fi kwalunkwe każ entità fis-sens tad-Direttiva ma baqgħetx teżisti. |
d) Permanenza
|
50. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet konjizzjoni ta’ kawżi li jinvolvu partikolaritajiet organizzazzjonali simili. |
|
51. |
Il-kawża ewlenija li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li impriża li l-attività tagħha hija limitata għal proġett partikolari ma hijiex biżżejjed sabiex tipproduċi l-effetti ta’ trasferiment ladarba dak il-proġett ikun spiċċa, iżda li l-entità teħtieġ li tiġi ddisinjata għal perijodu iktar permanenti, hija Rygaard ( 19 ). F’dik il-kawża, l-entità kkonsistiet f’żewġ apprendisti u impjegat kif ukoll il-materjali assenjati sabiex jitwettqu x-xogħlijiet, b’mod partikolari l-implementazzjoni ta’ proġett tal-bini ta’ kantin ( 20 ). L-entità nħolqot sabiex tlesti x-xogħol ta’ bini skont il-kuntratt mibdi minn kuntrattur ieħor, li ħalla l-materjal fis-sit tal-bini ( 21 ). L-elementi kollha tal-entità kienu jappartjenu lill-kuntrattur l-ieħor u ġew ittrasferiti għat-tlestija tax-xogħol. |
|
52. |
Billi ċċitat ġurisprudenza preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex jaqa’ taħt id-Direttiva, it-trasferiment kellu jirrigwarda entità ekonomika stabbli li l-attività tagħha ma kinitx limitata sabiex twettaq kuntratt għal xogħlijiet speċifiku ( 22 ). |
|
53. |
Madankollu, dan kien eżattament il-każ b’Músicos u In-pulso, fejn l-entità fformata mill-użu temporanju tal-bini u t-tagħmir tal-Iskola, minn naħa, u mis-servizzi tal-varji għalliema, min-naħa l-oħra, kienet limitata sabiex twettaq biss il-kuntratt fis-seħħ f’mument partikolari. Qabel ma seħħ it-trasferiment, Músicos ingħatat kuntratt ta’ sena (Settembru 2012 sa Awwissu 2013) u wara t-trasferiment In-pulso ngħatat kuntratt għal perijodu saħansitra iqsar (Settembru 2013 sa Ġunju 2014). L-ebda waħda miż-żewġ impriżi, skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom, ma użaw l-assi tagħhom sabiex iwettqu xogħlijiet oħra. |
|
54. |
Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-kuntratti individwali mogħtija mill-muniċipalità jistgħu jitqiesu fil-kuntest ta’ sensiela sħiħa ta’ kuntratti suċċessivi ma jiġġustifikax riżultat differenti. |
|
55. |
Il-persuna li timpjega u l-persunal tagħha ma setgħux jinvokaw il-kontinwità tal-kuntratti. Kull meta skada kuntratt, l-assi materjali u immaterjali rilevanti, fosthom il-konċessjoni sabiex titmexxa l-Iskola, ma baqgħux iktar għad-dispożizzjoni tal-impriża. L-entità għalhekk uriet il-permanenza u l-istabbiltà meħtieġa biss għall-perijodu li kien kopert mill-kuntratt amministrattiv fis-seħħ f’mument partikolari. Id-dipendenza kompleta fuq l-għoti mill-Kunsill Muniċipali ta’ kuntratt ġdid ipprekludiet kunċett globali li jkopri iktar minn kompitu wieħed biss. Minkejja l-fatt li, fl-2012, jidher li ma kien hemm l-ebda kompetitur sabiex jieħu sehem fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, Músicos ma setgħetx tqis bħala fatt stabbilit li hija kienet ser tirbaħ is-sejħa għal offerti. Dan huwa muri mis-sejħa għal offerti li saret fl-2013 li għaliha kien hemm seba’ offerenti, li juri li l-proċeduri ta’ sejħa għal offerti ttieħdu bis-serjetà u ma tqisux bħala sempliċi formalità. |
|
56. |
B’hekk, kull meta ntemm kuntratt, ir-rabta bejn l-elementi tal-entità saret wisq dgħajfa sabiex tibqa’ titqies bħala entità. Meta ngħata kuntratt ġdid, kellha tiġi fformata entità ġdida, minkejja li l-komponenti tagħha setgħu jkunu dawk antiki, bħall-użu (imbagħad mogħti mill-ġdid) tal-bini tal-iskola u tal-istrumenti mużikali kif ukoll il-persunal stess tal-impriża. |
|
57. |
Finalment, jeħtieġ li jiġi nnotat li, fil-ġurisprudenza li tiddiskuti l-elementi individwali li jifformaw entità, il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi li r-raggruppament tagħhom irid ikun permanenti ( 23 ). |
e) Struttura u skop tad-Direttiva
|
58. |
Il-fehim tiegħi ta’ entità li tista’ tkun limitata ratione temporis, huwa wkoll konformi mal-istruttura, mal-kuntest u mal-iskop tad-Direttiva. |
|
59. |
Argument ibbażat fuq l-istruttura tad-Direttiva huwa li d-Direttiva ssegwi l-idea li l-iżviluppi li seħħew qabel it-trasferiment għandhom jiġu osservati u li d-destin ta’ entità li għandha tiġi ttrasferita jew ta’ impjegat partikolari f’dik l-entità ma għandux jitreġġa’ lura: l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva ma jħalli l-ebda dubju li r-relazzjonijiet ta’ impjieg “eżistenti fid-data tat-trasferiment” biss għandhom jiġu ttrasferiti ( 24 ). Għalhekk, jekk dawk li jkunu telqu mill-entità qabel ma seħħ it-trasferiment ma humiex protetti, lanqas entità jew attività li fil-fatt ikunu mfassla sabiex jintemmu qabel ma jseħħ it-trasferiment ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ trasferiment. |
|
60. |
Din l-idea li l-punt ta’ riferiment huwa s-sitwazzjoni tal-entità, inkluż l-impjieg, qabel it-trasferiment hija kkonfermata mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, li jiddikjara li t-tkeċċijiet li jseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew organizzazzjonali li jinvolvu bidliet fil-persunal għandhom jiġu osservati taħt id-Direttiva u ma jwasslux għal evalwazzjoni differenti sempliċement għaliex iseħħ trasferiment ( 25 ). |
|
61. |
Sa fejn huwa kkonċernat r-ratio legis tad-Direttiva, wieħed għandu jżomm f’moħħu li minkejja l-enfasi ċara tagħha fuq l-impjegati u l-protezzjoni tagħhom ( 26 ), din il-protezzjoni ma hijiex mingħajr limiti; għall-kuntrarju, id-Direttiva għandha għan iddefinit b’mod ċar. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskop tal-imsemmija direttiva kien li tiġi ggarantita, sa fejn huwa possibbli, il-kontinwazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol, mingħajr bidla, maċ-ċessjonarju, sabiex ma tħallix li l-impjegati kkonċernati jitqiegħdu f’pożizzjoni inqas favorevoli minħabba s-sempliċi fatt tat-trasferiment ( 27 ). In casu, madankollu, l-affermazzjoni li hemm trasferiment fis-sens tad-Direttiva tqiegħed l-impjegati f’pożizzjoni iktar favorevoli minn dik li kienu fiha mal-persuna li impjegathom, li l-attività tagħha, skont il-kunċett ta’ negozju tagħha stess, intemmet fil-31 ta’ Awwissu 2013. |
|
62. |
Barra minn hekk, id-Direttiva ma tinjorax it-tħassib ekonomiku Bħalma huwa indikat mill-premessa 5, din titqiegħed fil-kuntest tal-ikkompletar tas-suq intern, li jimplika li l-interessi ekonomiċi ma jistgħux jiġi injorati għalkollox. Finalment, huwa fl-interess proprju tal-impjegati li jinżamm negozju vijabbli peress li ma jkun hemm l-ebda impjieg mingħajr persuna li jkollha l-mezzi sabiex timpjega ( 28 ). Id-dritt taċ-ċedent, taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, li jkeċċi impjegati għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi u organizzazzjonali, huwa eżempju ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ dan it-tip fid-Direttiva. Bħalma rrimarka l-Avukat Ġenerali Lenz fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża f’Dethier Équipement, l-għoti lill-persuna li timpjega ta’ din il-possibbiltà għandu effett benefiċjarju indirett li jtejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema, sa fejn l-impjiegi li jkun fadal ikunu b’hekk issalvagwardjati ( 29 ). |
|
63. |
Kull meta l-bidla ta’ fornitur ta’ servizz titqies bħala trasferiment fis-sens tad-Direttiva, dan jirrestrinġi b’mod kunsiderevoli l-libertà tan-negozji involuti li jidħlu f’kuntratt. Il-fornitur il-ġdid tas-servizz ikollu jżomm il-persunal ta’ dak preċedenti u, barra minn hekk, peress li mhux kull impriża tista’ ġġorr dak il-piż, il-persuni li jkunu qegħdin ifittxu sabiex jidħlu f’kuntratti għal servizzi jkollhom inqas kompetituri minn fejn jagħżlu ( 30 ). |
|
64. |
Fejn, f’każ bħal dak inkwistjoni, awtorità pubblika, bħall-Ayuntamiento, tkun ipproteġiet lilha nnifisha minn din ir-restrizzjoni billi tat kuntratti għal perijodi limitati ta’ sena, ta’ tliet snin jew ta’ erba’ snin u sabet ukoll kuntratturi li huma lesti li jikkostitwixxu l-impriżi tagħhom skont din il-bażi, fejn kumpannija tiġi inkorporata biss fil-mument tal-ewwel offerta, u fejn jiġi ddikjarat fl-att ta’ inkorporazzjoni li l-kumpannija hija totalment dipendenti l-għoti ta’ kuntratt, ma jidhirx iġġustifikat, fid-dawl tal-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni mid-Direttiva, li tiġi imposta restrizzjoni tat-tip imsemmi iktar ’il fuq. F’tali każijiet, l-impjegati tal-ewwel fornitur tas-servizz ma jistgħux ikollhom aspettattiva raġonevoli li l-impjieg tagħhom ser ikompli, peress li l-persuna li impjegathom għażlet, sa mill-bidu nett, il-kunċett ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju żgħir li huwa dipendenti fuq id-diskrezzjoni ta’ kontroparti uniku li jagħti kuntratti biss għal perijodi limitati ta’ żmien u jorganizza sejħiet għal offerti fuq bażi regolari ( 31 ). F’tali każ jidher eċċessiv li tiġi limitata l-libertà ta’ dik il-kontroparti li tidħol f’kuntratt meta hija teżerċita, kif għamlet l-Ayuntamiento, id-dritt tagħha li tibdel għal fornitur tas-servizz ieħor, fejn l-ewwel fornitur tas-servizz ikun aċċetta din is-sitwazzjoni fl-att ta’ inkorporazzjoni tiegħu. |
|
65. |
Wara kollox, id-Direttiva tqis l-impriża jew l-entità fl-istat attwali tagħha; is-sitwazzjoni tal-impjegati mal-persuna preċedenti li kienet timpjegahom trid tinżamm iżda mhux titjieb. Id-Direttiva tikkonċerna trasferimenti iżda ma tipprevedix ‘ħolqien mill-ġdid’ ( 32 ). |
f) Konklużjoni
|
66. |
Ħarsa iktar mill-qrib lejn il-każ inkwistjoni turi li (indipendentement minn ċirkustanzi oħra bħall-insolvenza ta’ Músicos), f’kull każ, mal-iskadenza tal-kuntratt għat-tmexxija tal-Iskola fil-31 ta’ Awwissu 2013, l-entità ntemmet u li dan it-tmiem kien wieħed strutturali, li jikkorrispondi għall-iskop korporattiv ta’ Músicos u għall-organizzazzjoni tagħha, li rabtu l-operazzjoni tal-attività mar-rebħa ta’ kuntratt li kien validu għal ċertu perijodu biss u b’hekk inkluda limitu ta’ żmien. Għalhekk, fl-1 ta’ Settembru 2013, meta seta’ seħħ trasferiment, ma kinitx għadha teżisti entità fis-sens tad-Direttiva. |
|
67. |
Din il-kawża, fejn ab initio l-attività kienet imfassla biss għal perijodi ddeterminati, jeħtieġ li tiġi distinta minn kawżi fejn l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt għal servizz jikkonċerna fornitur ta’ servizz li jfittex għadd kbir ta’ kuntratti u proġetti, fejn il-fornitur tas-servizz, bħala parti mir-rutina tan-negozju tiegħu, jirċievi kuntratti ġodda fuq bażi regolari u jfittex klijenti ġodda ( 33 ). |
|
68. |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha fehma differenti dwar in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ entità fiż-żmien rilevanti, nixtieq nindirizza l-aspetti li ddiskutew il-partijiet. Dawn jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk, fuq is-suppożizzjoni li entità eżistiet fiż-żmien tat-trasferiment, l-identità ta’ dik l-entità nżammitx lil hinn mit-trasferiment. Huwa għalhekk li f’dan il-punt ser inkompli l-analiżi tiegħi. |
3. Entità li “żżomm l-identità tagħha”
|
69. |
F’każijiet fejn tkun teżisti entità fil-mument tat-trasferiment, iżda din l-entità ma tkunx ġiet ittrasferita fl-intier tagħha, jiġifieri, ma ġewx akkwiżiti kompletament il-komponenti kollha tal-ewwel entità, jew fejn fil-kuntest tat-trasferiment seħħet xi bidla, bħal interruzzjoni tal-attività, tqum il-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment tal-entità bil-komponenti li jifdal huwiex biżżejjed sabiex it-trasferiment ikun jaqa’ taħt id-Direttiva. |
|
70. |
Bħalma ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Spijkers u Redmond Stichting, il-kriterju deċiżiv huwa jekk l-entità inkwistjoni żżommx l-identità tagħha, bħalma huwa indikat, inter alia, mill-fatt li l-operat tagħha effettivament jitkompla jew jinbeda mill-ġdid ( 34 ). |
|
71. |
It-test għaż-żamma tal-identità tal-entità huwa paragun bejn l-entità qabel it-trasferiment u l-entità wara t-trasferiment ( 35 ). L-identità hija ddeterminata minn għadd kbir ta’ fatturi, li l-piż tagħhom għall-evalwazzjoni jiddependi mir-rilevanza tagħhom għall-attività partikolari u l-għan tan-negozju. |
a) Indikaturi
|
72. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan it-test huwiex issodisfatt, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, fosthom (1) it-tip ta’ impriża jew negozju, (2) it-trasferiment jew nuqqas ta’ trasferiment ta’ elementi materjali tan-negozju, bħal bini jew beni mobbli, (3) il-valur tal-elementi immaterjali meta seħħ it-trasferiment, (4) l-impjieg jew in-nuqqas ta’ impjieg tal-maġġoranza tal-persunal mill-proprjetarju l-ġdid, (5) it-trasferiment jew in-nuqqas ta’ trasferiment tal-klijentela, (6) il-grad ta’ xebh bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u dawk imwettqa wara t-trasferiment u (7) it-tul ta’ sospensjoni eventwali ta’ dawn l-attivitajiet ( 36 ). Għandu jiġi nnotat, madankollu, li dawn iċ-ċirkustanzi kollha huma sempliċement aspetti singoli tal-evalwazzjoni globali li trid issir u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat ( 37 ). Finalment dan jeħtieġ evalwazzjoni fattwali li għalhekk trid issir mill-qorti nazzjonali ( 38 ). |
|
73. |
Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tispeċifika l-kriterji li fid-dawl tagħhom għandha ssir din l-evalwazzjoni ( 39 ). |
|
74. |
Hawnhekk, jidher li mill-fatturi li ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, xi wħud minnhom inżammu b’mod ċar meta In-pulso kompliet tmexxi l-iskola, jiġifieri t-tip ta’ impriża, l-assi materjali kif ukoll il-klijenti u l-attivitajiet imwettqa. Madankollu, l-elementi l-oħra, fil-fehma tiegħi, huma neqsin. |
b) Assi materjali
|
75. |
Fir-rigward tal-assi materjali, għandu jiġi nnotat li Músicos ma kienet il-proprjetarja tal-ebda assi materjali rilevanti, iżda użat il-bini u t-tagħmir tal-Ayuntamiento. Il-firxa tal-assi li jridu jitqiesu għall-finijiet tad-Direttiva ma hijiex, madankollu, limitata għall-proprjetà tal-persuna li timpjega. Ma huwiex meħtieġ titolu legali fuq l-assi min-naħa tal-impriża ( 40 ). |
|
76. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, meta tiddefinixxi l-entità ekonomika, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tħares lil hinn mill-personalità ġuridika u mill-proprjetà tal-impriża jew tan-negozju. Minflok approċċ formali, li jħares lejn il-persuna ġuridika u l-assi li huma l-proprjetà ta’ din il-persuna, il-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost ħadet approċċ ekonomiku. Fl-evalwazzjoni tagħha hija inkludiet l-assi kollha li l-persuna li timpjega tuża sabiex l-impjegati jwettqu l-attività, mingħajr ma tiddiskuti jekk dawn l-assi humiex il-proprjetà tal-persuna li timpjega jew mikrija minnha jew inkella jekk il-parti kontraenti kkonċernata sempliċement tippermetti lill-persuna li timpjega tużahom ( 41 ). Hija lanqas ma tagħmel distinzjoni jekk il-persuna li timpjega tistax tagħmel użu ekonomiku indipendenti mill-assi mħollija għad-dispożizzjoni tagħha jew jekk hija tistax tużahom biss fil-konfront tal-parti kontraenti li hija l-proprjetarja tagħhom ( 42 ). |
|
77. |
Għalhekk, f’din il-kawża, il-bini, l-istrumenti mużikali, il-klassijiet u l-għamara tal-Iskola, minkejja li la kienu l-proprjetà ta’ Músicos u lanqas għaddew direttament minn Músicos għal In-pulso, xorta waħda għandhom jitqiesu bħala assi materjali taċ-ċedent li ġew ittrasferiti liċ-ċessjonarju. |
c) Assi immaterjali
|
78. |
L-assi immaterjali deċiżiv f’din it-tranżazzjoni huwa l-kuntratt mal-Ayuntamiento, li ssejjaħ ukoll bħala “konċessjoni” mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha. Fil-fatt, dan jista’ jitqies bħala konċessjoni sabiex titmexxa l-Iskola. Dan il-kuntratt, madankollu, ma ġiex akkwiżit minn In-pulso, iżda In-pulso ħadet sehem fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti li kien imiss u rebħet il-kuntratt tagħha stess. Músicos ma għaddietx il-konċessjoni tagħha u ma setgħetx tagħmel dan peress li l-konċessjoni proprja tagħha skadiet fil-31 ta’ Awwissu 2013, qabel ma In-pulso, fl-1 ta’ Settembru 2013, reġgħet bdiet l-attività. Barra minn hekk, il-Kunsill Muniċipali ma ttrasferixxiex il-konċessjoni ta’ Músico lil In-pulso, iżda ta waħda ġdida għal perijodu ta’ żmien differenti (2013/14 minflok 2012/13) u għal tul differenti (10 xhur minflok 12‑il xahar) li ma kienx kopert mill-konċessjoni ta’ Músico. Għalhekk, peress li l-konċessjoni li kellha In-pulso kienet differenti minn dik li kellha Músicos, iż-żewġ konċessjonijiet setgħu kienu ekwivalenti, iżda ma kinux identiċi. |
d) Persunal
|
79. |
Fir-rigward tal-persunal, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistaqsix jekk “xi ħadd” mill-persunal taċ-ċedent ġiex irreklutat mill-ġdid, iżda jekk “il-maġġoranza” tal-persunal ġietx irreklutata mill-ġdid mill-persuna li timpjega l-ġdida ( 43 ). Meta ħadd ma ġie rreklutat mill-ġdid, bħal fil-kawża Süzen ( 44 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx seħħ trasferiment. F’ħafna mill-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li kien seħħ trasferiment, il-maġġoranza tal-impjegati, xi drabi kollha ħlief għal wieħed jew tnejn ( 45 ), ġew irreklutati mill-ġdid. |
|
80. |
Fil-każ inkwistjoni, Músicos kellha 26 impjegat, li ħadd minnhom ma ġie rreklutat mill-ġdid minn In-pulso. |
|
81. |
Għalkemm, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq ( 46 ) li tistabbilixxi s-seba’ indikaturi ta’ identità, il-persunal huwa b’mod ċar wieħed mill-karatteristiċi essenzjali tal-entità, fejn ir-rilevanza tiegħu għaż-żamma tal-identità tal-entità tvarja minn każ għal każ. |
|
82. |
Ir-raġuni għal dan hija li, bħala karatteristika jew aspett tal-entità, il-persunal jista’ jkollu impatt ta’ gradi differenti fuq l-attivitajiet partikolari tal-entità. Dan l-impatt mhux talli jkun iktar b’saħħtu meta l-kwalifika u l-edukazzjoni jew il-kompetenza u l-esperjenza tal-persunal tkun ogħla, talli jiddependi wkoll mill-importanza u l-valur relattivi tal-assi materjali u immaterjali, minn naħa, u l-persunal, min-naħa l-oħra. Meta, pereżempju, jitħaddmu karozzi tal-linja għat-trasport pubbliku ( 47 ) jew kċina ta’ sptar mgħammra sew ( 48 ), il-persunal ma huwiex karatteristika essenzjali tax-xogħol ikkonċernat u l-persuni individwali jkunu iktar interkambjabbli. Iktar ma tkun individwalizzata r-relazzjoni mal-klijent, inqas ikun fattibbli trasferiment ta’ attività lil persuna li timpjega oħra mingħajr ma tirrekluta mill-ġdid il-persunal jew parti kbira minnu. It-test huwa jekk il-bidla minn persunal għal ieħor jibdilx il-karattru tas-servizz. Għal dan, trid titwettaq evalwazzjoni oġġettiva, b’kunsiderazzjoni, fil-każ inkwistjoni, tal-perspettiva tal-istudenti u tal-ġenituri tagħhom. |
|
83. |
Għat-3 impjegati amministrattivi li Músicos keċċiet, relazzjoni personali bejn aġent u klijent setgħet tkun inqas importanti. Madankollu, it-23 għalliem tal-mużika kellhom iwettqu kompitu li jiddependi sa ċertu livell minn relazzjoni personali stabbilita bejn għalliem u student. Minkejja dan, l-impriża hija skola u mhux università, fejn stili u tekniki tal-mużika partikolari jkollhom rwol ikbar għal mużiċisti avvanzati. Barra minn hekk, l-Iskola f’dan il-każ tgħallem il-mużika u b’hekk suġġett wieħed biss, normalment darba fil-ġimgħa biss, filwaqt li, fi skola regolari, l-istudent iqatta’ ferm iktar ħin u jingħata edukazzjoni ġenerali. |
|
84. |
Għaldaqstant, għalkemm l-impatt tal-personalità individwali tal-għalliem ma għandhiex tiġi ssopravalutata, is-servizz ta’ Músicos ċertament għandu iktar karatteristiċi individwali mis-servizzi li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tittratta f’kawżi li jikkonċernaw kokijiet u persunal ta’ għajnuna fil-kċina f’kantin ta’ sptar, xufiera tal-karozzi tal-linja jew persunal tat-tindif u tas-sigurtà ( 49 ). Iżda anki f’dawk il-kawżi, il-fattur “persunal” ma ġiex injorat fl-evalwazzjoni taż-żamma tal-identità. |
e) Inattività temporanja
|
85. |
Peress li Músicos kienet waqfet l-attivitajiet ta’ tagħlim tagħha fil-31 ta’ Marzu 2013 u In-pulso reġgħet bdiet l-attivitajiet tagħha ta’ tagħlim biss fl-1 ta’ Settembru 2013, In-pulso hija tal-fehma li interruzzjoni ta’ ħames xhur ta’ servizz ta’ dan it-tip teskludi trasferiment tal-entità ( 50 ). |
|
86. |
Bħal fil-każ tal-fatturi kollha, is-sinjifikat ta’ fattur jiddependi mir-rilevanza tiegħu għall-attività partikolari. Tulijiet differenti ta’ interruzzjoni għalhekk jista’ jkollhom effetti differenti ħafna. B’mod speċjali fil-każ ta’ attivitajiet staġjonali, fażi inattiva bejn żewġ fażijiet attivi ma tipprekludix trasferiment ( 51 ). F’dan il-każ, madankollu, il-perijodu ta’ inattività qabeż il-vaganzi tas-sajf, li bdew biss madwar Ġunju. Matul it-tielet semestru, li beda f’April 2013, l-Iskola ma fetħitx. Anki din l-irregolarità, madankollu, fil-fehma tiegħi, ma ammontatx neċessarjament għal interruzzjoni ta’ servizz li tipprekludi l-konstatazzjoni ta’ negozju avvjat ( 52 ). |
|
87. |
Għat-test f’dawn il-każijiet għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-perspettiva tal-klijenti, jiġifieri jekk dawn ikunux għadhom jistennew li l-attività terġa’ tinbeda. Jekk l-irregolaritajiet jilħqu livell li jeqred il-fiduċja tal-klijenti għal dak li jirrigwarda t-tkomplija tas-servizz, tali interruzzjoni jkollha titqies bħala twila wisq. F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li l-Iskola ppreżentat ruħha lill-istudenti bħala “Skola tal-Mużika Muniċipali”, u mhux bħala l-“Iskola tal-Mużika Musicos” jew l-“Iskola tal-Mużika In-pulso”. B’hekk, ir-rifjut ta’ Músicos li tkompli tgħallem hija f’ċertu sens kwistjoni sekondarja. Finalment, jekk l-inattività temporanja qabel il-vaganzi tas-sajf titqiesx bħala ksur qawwi wisq ser ikollha titħalla f’idejn il-qorti nazzjonali, li hija responsabbli għall-konstatazzjoni tal-fatti. Jekk l-istudenti u l-ġenituri tagħhom bħala l-klijentela rilevanti fl-Ayuntamiento qiesu l-interruzzjoni bħala sempliċi fażi ta’ riorganizzazzjoni, dan ma jipprekludix trasferiment. Fil-fatt il-Kunsill Muniċipali kien f’diskussjonijiet regolari ma’ Músicos matul dak iż-żmien u sussegwentement organizza l-proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex isib fornitur ieħor, u għalhekk il-preżenza tal-Kunsill Muniċipali fl-isfond setgħet għenet sabiex tinħoloq l-impressjoni tal-iskola bħala negozju avvjat. |
|
88. |
B’dan l-element ta’ kontinwità fl-isfond, mill-perspettiva tal-klijenti, l-Iskola tal-mużika ma kinitx intemmet mat-telf tal-fornitur tas-servizz. Jista’ jingħad li t-test huwa jekk entità kinitx issalva minn tali fażi mingħajr ma titlef numru sinjifikattiv ta’ klijenti, u b’hekk jitqies ukoll li l-klijentela nnifisha hija parti mis-seba’ indikaturi tal-identità ( 53 ) stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
f) Evalwazzjoni tal-fatturi kollha
|
89. |
L-evalwazzjoni tal-fatturi, fil-fehma tiegħi, twassal hawnhekk għal riżultat pjuttost ċar: jekk jiġi preżunt, arguendo, li kien hemm entità qabel it-tranżazzjoni, din l-entità ma żammitx l-identità tagħha meta In-pulso akkwiżixxiet l-attività. |
|
90. |
Filwaqt li l-assi materjali ġew ittrasferiti, ħadd mill-persunal ma ġie rreklutat mill-ġdid, għalkemm fil-każ ta’ skola tal-mużika l-persunal ma jistax jiġi injorat għalkollox. Barra minn hekk, il-konċessjoni, bħala l-assi immaterjali ċentrali li mingħajru l-attività tal-entità, jiġifieri t-tmexxija tal-iskola, ma tkunx possibbli, ma ġietx ittrasferita: In-pulso għandha konċessjoni, iżda din il-konċessjoni ma ġietx rċevuta minn ċedent, la direttament u lanqas indirettament bil-Kunsill Muniċipali bħala intermedjarju. Il-fatt li l-iskola kienet inattiva għal ħames xhur, madankollu, ma jidhirx li pproduċa ksur li jista’ jipprekludi trasferiment. |
|
91. |
Peress li l-kwistjoni hija dwar jekk inżammitx l-identità, jistgħu jitħallew barra biss elementi insinjifikattivi meta attività titkompla minn persuna oħra: ma jistax ikun hemm trasferiment meta biss parti jew perċentwali mill-entità tiġi akkwiżita. Għall-kuntrarju, jeħtieġ li tiġi ttrasferita l-entità bis-sustanza tagħha fl-intier tagħha. Fil-każ inkwistjoni, la ġie ttrasferit il-persunal u lanqas il-konċessjoni: ġew akkwiżiti biss l-assi materjali, wara li dawn ġew isseparati mill-kumplament. B’hekk, l-entità qabel u wara l-għoti tal-kuntratt il-ġdid ma jistgħux jitqiesu li huma identiċi. |
|
92. |
Għalhekk insib li ma kien hemm l-ebda trasferiment f’din il-kawża. |
C. It-tieni domanda
|
93. |
It-tieni domanda tistaqsi jekk it-tkeċċija tal-appellant ġietx ikkawżata mit-trasferiment. Peress li din id-domanda tiddependi mir-risposta għad-domanda preċedenti, ma hemmx lok li jien nirrispondiha. Madankollu, xorta waħda ser nagħti risposta qasira fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix il-fehma tiegħi dwar l-ewwel domanda u tagħti risposta fl-affermattiv. |
|
94. |
Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Gvern Spanjol jissuġġerixxi li, anki jekk wieħed jippreżumi trasferiment, dan it-trasferiment ma kienx ir-raġuni tat-tkeċċija, peress li kien hemm raġunijiet ekonomiċi. Il-Kummissjoni taqbel iżda ssemmi li wieħed għandu jikkunsidra jekk ir-raġunijiet kinux artifiċjali u intiżi fl-aħħar mill-aħħar sabiex l-impjegati jiġu miċħuda mid-drittijiet legali tagħhom. |
|
95. |
Fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ, huwa impressjonanti li l-Kunsill Muniċipali ma stenniex u ma kien ippreparat bl-ebda mod għall-waqfien tal-attivitajiet minn Músicos u ma seta’ jipprovdi l-ebda lezzjonijiet tal-mużika bħala sostituzzjoni għat-tielet semestru, minkejja li s-sena skolastika ma kinitx intemmet u l-lezzjonijiet kellhom jitkomplew għal xahrejn oħra qabel il-vaganzi tas-sajf. Minflok, il-Kunsill Muniċipali, meta Músicos raddet lura l-bini u l-istrumenti, ipprova jikkonvinċiha tkompli tmexxi l-Iskola. Kien biss wara l-waqfien f’daqqa tat-tagħlim minn Músicos li l-Kunsill Muniċipali beda jfittex soluzzjoni oħra. Il-kompetitur li kompla t-tmexxija tal-Iskola lanqas biss kien għadu ġie kkostitwit fil-mument tat-tkeċċija tal-impjegati ta’ Músicos, peress li l-inkorporazzjoni tiegħu seħħet biss f’Lulju 2013. |
|
96. |
Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li seħħ trasferiment wara t-tkeċċija, ma hemm l-ebda rabta kawżali bejn dak it-trasferiment u t-tkeċċija u l-bidla fl-amministrazzjoni tal-Iskola li seħħet f’Settembru 2013 ma tistax tqiegħed inkwistjoni l-legalità tat-tkeċċijiet magħmula f’April 2013. Ma hemm l-ebda rabta evidenti bejn in-nuqqas ta’ ħlas mill-Kunsill Muniċipali tas-somom mitluba minn Músicos u s-sejħa għal offerti sussegwenti li ntrebħet minn In-pulso. Fil-fatt, ħadd mill-partijiet, inkluż l-appellant, ma għandu dubji li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ Músicos, li eventwalment ġiet xolta għal insolvenza, kienet raġuni għat-tkeċċija kollettiva. |
|
97. |
Bħalma rrimarkat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Dethier Équipement ( 54 ), trasferiment sussegwenti ma jaffettwax tkeċċijiet li jkunu seħħew għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew organizzazzjonali. |
D. It-tielet domanda
|
98. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk regola tad-dritt Spanjol tiksirx l-Artikolu 47 tal-Karta, jekk tali regola torbot lill-qorti tar-rinviju li tkun qiegħda tiddeċiedi dwar tkeċċija individwali permezz ta’ res judicata ta’ sentenza preċedenti li tikkonferma d-deċiżjoni tal-persuna li timpjega dwar it-tkeċċija kollettiva. |
|
99. |
Il-qorti tar-rinviju tagħmel din it-tielet domanda fil-każ li l-ewwel żewġ domandi jingħataw risposti affermattivi. Peress li fil-fehma tiegħi, f’din is-sitwazzjoni, ma seħħx trasferiment (l-ewwel domanda) u anki jekk dan seħħ, tali trasferiment ma kkawżax it-tkeċċija (it-tieni domanda), ser nagħti biss risposta fil-qosor għad-domanda peress li ma għandha l-ebda rilevanza għall-kawża inkwistjoni, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkondividi l-fehma tiegħi dwar mill-inqas waħda mid-domandi preċedenti. |
|
100. |
Fir-rigward tat-tielet domanda, In-pulso tinvoka l-prinċipju ta’ res judicata u tafferma li kien biżżejjed li kien hemm is-sensiela sħiħa ta’ appelli fl-ewwel proċedura, filwaqt li l-Gvern Spanjol jirrimarka li ma hijiex meħtieġa risposta għal din id-domanda, u li, f’kull każ, il-liġi proċedurali Spanjola inkwistjoni ma tiksirx l-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Kummissjoni tenfasizza li d-dritt Spanjol huwa konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
101. |
Bħalma ssostni ġustament il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 47 tal-Karta, li jistabbilixxi dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, huwa applikabbli direttament sa fejn l-implementazzjoni tad-drittijiet li joħorġu mid-Direttiva jkunu inkwistjoni ( 55 ). L-appellant jinvoka d-dritt tiegħu skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva li jkompli r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu maċ-ċessjonarja In-pulso fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża. |
|
102. |
Il-partijiet għall-proċedura, fit-tweġibiet bil-miktub u orali tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ikkonfermaw li, skont id-dritt Spanjol, l-effett ta’ res judicata, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 124(13)(b) flimkien mal-Artikolu 160 tal-LJS jagħtu lis-sentenza dwar it-tkeċċija kollettiva fil-proċeduri mibdija mir-rappreżentanti legali kollettivi, ma jipprekludix l-invokazzjoni individwali tar-rimedji previsti mid-Direttiva. Skont id-dritt Spanjol, is-saħħa vinkolanti tirreferi esklużivament għas-suġġett tal-proċedura. L-Artikolu 160(5) tal-LJS jipprevedi li s-saħħa ta’ res judicata f’dan il-kuntest tapplika għal azzjonijiet individwali “li jkollhom suġġett identiku jew li jippreżentaw rabta ta’ konnessjoni diretta magħha”. Il-kwistjoni tal-azzjoni individwali ineżami li tirrigwarda jekk seħħx trasferiment minn Músicos lil In-pulso, ma kinitx madankollu s-suġġett tal-proċedura kollettiva. |
|
103. |
Is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2013 dwar it-tkeċċija kollettiva tiddikjara li t-tkeċċija kienet iġġustifikata minn raġunijiet ekonomiċi u li ma kien hemm l-ebda trasferiment tal-Iskola lill-Ayuntamiento. Fil-parti introduttiva tal-kunsiderazzjonijiet tagħha ( 56 ), is-sentenza fl-appell tat-Tribunal Supremo tas-17 ta’ Novembru 2014, li tikkonferma s-sentenza tat-Tribunal Superior tad-19 ta’ Ġunju 2013 tiddefinixxi b’mod ċar is-suġġett tal-proċedura kollettiva, billi tiddikjara li minbarra r-raġunijiet ekonomiċi invokati minn Músicos, il-kwistjoni kienet dwar jekk il-waqfien tat-tagħlim minn Músicos wassalx għal trasferiment tal-Iskola lill-Ayuntamiento. Il-kwistjoni ineżami, madankollu, ma tirrigwardax trasferiment lill-Ayuntamiento iżda lil In-Pulso. Dawn il-fatti fil-kawża prinċipali ma ġewx ittrattati fil-proċedura kollettiva. Il-kawża prinċipali tirrigwarda fatti li seħħew wara u ma’ ċessjonarju eventwali ieħor. Il-konvenuta In-pulso, li hija ċ-ċessjonarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lanqas ma kienet teżisti fiż-żmien meta ngħatat is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2013 dwar it-tkeċċija kollettiva. Fatti li seħħew sussegwentement ma setgħux jiġu ttrattati fil-proċedura kollettiva li, skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju, kienet limitata għall-fatti fid-data tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali fil-proċedura kollettiva. Din inżammet fit-22 ta’ Mejju 2013, u għalhekk it-tkomplija tat-tmexxija tal-Iskola f’Settembru 2013 minn In-pulso ma kinitx parti mis-suġġett tal-proċedura kollettiva. |
|
104. |
Għaldaqstant, fid-dritt Spanjol, konstatazzjoni sussegwenti ta’ trasferiment fi proċedura individwali ma tkunx eskluża minħabba res judicata, peress li l-kwistjoni ta’ trasferiment lil In-pulso ma kinitx ġiet indirizzata fis-sentenza preċedenti dwar it-tkeċċija kollettiva. Dan ma ġiex ikkonfermat unikament mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni iżda, hekk kif il-Kummissjoni tosserva ġustament, anki mill-qorti tal-ewwel istanza fil-kawża prinċipali (Juzgado de lo Social no. 4 de Valladolid) li ma bbażatx il-konstatazzjonijiet tagħha dwar trasferiment lil In-pulso fuq kunsiderazzjonijiet ta’ res judicata iżda ddeċidiet din il-kwistjoni fuq il-mertu billi sostniet li, fil-fehma tagħha, il-fażi ta’ inattività ta’ ħames xhur kien twil wisq sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ trasferiment. |
|
105. |
Finalment, nixtieq insemmi li l-qorti tar-rinviju ma saqsietx lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-fatt li hija kienet marbuta, fid-deċiżjoni tagħha dwar it-tkeċċija individwali, bil-konstatazzjoni ta’ raġunijiet ekonomiċi li tinsab fis-sentenza preċedenti tat-Tribunal Superior tad-19 ta’ Ġunju 2013 dwar it-tkeċċija kollettiva, jiksirx l-Artikolu 47 tal-Karta, iżda llimitat il-kwistjoni għat-trasferiment ( 57 ). |
IV. Konklużjonijiet
|
106. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti segwenti għad-domandi magħmula mis-Sala de lo Social del Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (l-Awla għall-Kwistjonijiet Soċjali tal-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Castilla y León):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Ara l-konstatazzjonijiet tas-Sala de lo Social del Tribunal Supremo (l-Awla għall-Kwistjonijiet Soċjali tal-Qorti Suprema, iktar ’il quddiem it-“Tribunal Supremo”) fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Novembru 2014, CASACION 79/2014, sub ‘cuarto’, li kopja tagħha ġiet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja minn In-pulso Musical Sociedad Cooperativa (iktar ’il quddiem “In-pulso”). Din is-sentenza tissemma fl-aħħar parti tal-punt 17 u fil-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 3 ) Ara l-konstatazzjonijiet tat-Tribunal Supremo fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Novembru 2014, sub ‘cuarto’.
( 4 ) F’Settembru 2012, Músicos kienet l-unika applikant. Ara l-konstatazzjonijiet tal-Juzgado de Instrucción (il-Qorti Istruttorja) Nru 6 ta’ Valladolid (iktar ’il quddiem il-“Juzgado de Instrucción” fid-digriet tagħha tas-7 ta’ April 2016 li jiċħad talba għal proċedura mħaffa fil-proċeduri kriminali 2186/2014, li ngħata fi proċedura relatata mal-kawża prinċipali u li In-pulso ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja.
( 5 ) Músicos offriet postijiet għal 600 student, però finalment irreġistraw 261 biss, liema numru naqas eventwalment għal 240. Skont il-konstatazzjonijiet tal-Juzgado de Instrucción fid-digriet tagħha tas-7 ta’ April 2016, madwar 250 student marru fi skola tal-mużika ġdida bl-isem “MUSICALIA” stabbilita fil-bidu ta’ Settembru 2012 minn ex għalliem ta’ Músicos, li offra lill-għalliema kollha ta’ Músicos impjieg ma’ MUSICALIA, li fosthom 15 aċċettaw iżda mhux kollha fuq bażi esklużiva.
( 6 ) Dan ammonta għal EUR 58 403.73 għall-ewwel trimestru tal-2013 u, fl-1 ta’ April 2013, EUR 48 952.74 għat-tieni trimestru: ara l-konstatazzjonijiet tat-Tribunal Supremo fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Novembru 2014, sub ‘cuarto’.
( 7 ) Ara l-konstatazzjonijiet tat-Tribunal Supremo fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Novembru 2014, sub ‘cuarto’.
( 8 ) Ara l-att ta’ inkorporazzjoni ta’ In-pulso tad-19 ta’ Lulju 2013 fil-fajl nazzjonali.
( 9 ) In-pulso ma rreklutat lil ħadd mill-impjegati preċedenti ta’ Músicos: ara s-sottomissjonijiet ta’ In-pulso fil-p. 10 tal-osservazzjonijiet tagħha.
( 10 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2002, Temco, C‑51/00, EU:C:2002:48, punt 21; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:361, punt 46.
( 11 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 11; u tal-25 ta’ Jannar 2001, Liikenne, C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 28.
( 12 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo, Kawżi magħqudaC‑173/96 u C‑247/96, EU:C:1998:595, punt 24; tal-25 ta’ Jannar 2001, Liikenne, C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 19; u tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo, C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 31.
( 13 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 16.
( 14 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 13.
( 15 ) Għar-rilevanza preeminenti tal-attività għall-kwistjoni ta’ jekk hemmx trasferiment skont id-Direttiva ara, inter alia, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punti 11 u 12, u tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 10.
( 16 ) Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.
( 17 ) Ara l-kuntratt għal servizz amministrattiv li jipprevedi dħul iggarantit għal Músicos irrispettivament min-numru ta’ studenti rreġistrati.
( 18 ) Músicos ma kinitx fittxet sabiex teżerċita attivitajiet oħra; lanqas ma daħlet f’kuntratti ma’ partijiet oħra jew sabet bini li fih setgħet tagħti lezzjonijiet tal-mużika f’dak il-grupp (kuntrarjament għall-għalliema tal-mużika privati individwali li jagħtu lezzjonijiet fid-dar tagħhom).
( 19 ) Ara Grau, T., u Hartmann, F,. f’Preis, U., u Sagan, A. (edituri), Europäisches Arbeitsrecht, Köln 2015, § 11, punt 20, li jirreferu għal Rygaard; u Kocher, E., Europäisches Arbeitsrecht, Baden-Baden 2016, § 5, punt 154: “auf Dauer angelegt”.
( 20 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, Rygaard, C‑48/94, EU:C:1995:290, punt 14.
( 21 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, Rygaard, C‑48/94, EU:C:1995:290, punt 13.
( 22 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, Rygaard, C‑48/94, EU:C:1995:290, punt 20.
( 23 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 21 (“f’dawn is-setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema, meta grupp ta’ ħaddiema impenjat f’attività konġunta fuq bażi permanenti jista’ jikkostitwixxi waħdu entità ekonomika”); tal-24 ta’ Jannar 2002, Temco, C‑51/00, EU:C:2002:48, punt 26; u tal-21 ta’ Ottubru 2010, Albron Catering, C‑242/09, EU:C:2010:625, punt 32; kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:361, punti 24 u 70.
( 24 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1988, Bork International, 101/87, EU:C:1988:308, punt 17; tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo, C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 49; u d-digriet tal-15 ta’ Settembru 2010, Briot, C‑386/09, EU:C:2010:526, punt 27.
( 25 ) Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva u l-ġurisprudenza relatata, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1998, Dethier Equipement, C‑319/94, EU:C:1998:99, punti 33 sa 36.
( 26 ) Ara l-premessa 3. Ara wkoll is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1987, Ny Mølle Kro, 287/86, EU:C:1987:573, punt 25, u tas-26 ta’ Mejju 2005, Celtec, C‑478/03, EU:C:2005:321, punt 26.
( 27 ) Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1987, Ny Mølle Kro, 287/86, EU:C:1987:573, punt 25, u tas-26 ta’ Mejju 2005, Celtec, C‑478/03, EU:C:2005:321, punt 26.
( 28 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Dethier Équipement, C‑319/94, EU:C:1996:291, punt 58, fejn juża argument ekonomiku ta’ dan it-tip għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.
( 29 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Dethier Équipement, C‑319/94, EU:C:1996:291, punt 58, dwar l-użu ta’ din il-possibbiltà minn stralċjarju li juża dan bħala miżura ta’ razzjonalizzazzjoni qabel il-bejgħ tal-kumpannija.
( 30 ) Hekk kif josserva b’mod partikolari Bauer, J.-H., “Christel Schmidt lässt grüßen: Neue Hürden des EuGH für Auftragsvergabe”, Neue Zeitschrift für Arbeitsrecht (NZA), 2004, p. 14, f’p. 17.
( 31 ) Il-President tal-Ħames Awla J. L. da Cruz Vilaça indirizza din il-kwistjoni fis-seduta orali bl-użu tat-terminu “konċessjoni”.
( 32 ) Dan ma jipprekludix strumenti oħra ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, li possibbilment jistgħu jinsabu fi dritt tax-xogħol nazzjonali jew tal-Unjoni u li jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni b’saħħitha tal-Ayuntamiento u ċerta responsabbiltà lejn il-ħaddiema, li jistgħu jaħsbu li huma protetti però li finalment jitħallew mingħajr protezzjoni mill-kumpanniji fraġli li impjegawhom. Fil-kuntest ta’ protezzjoni minn din id-direttiva, l-Avukat Ġenerali Lenz fakkar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Dethier Équipement, C‑319/94, EU:C:1996:291, punt 56, li l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg fiż-żmien tat-trasferiment titħalla wkoll f’idejn id-dritt nazzjonali. F’dan il-każ, għandu jitfakkar ukoll li l-kompetitur MUSICALIA offriet impjieg lill-għalliema kollha impjegati minn Músicos, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, iktar ’il fuq.
( 33 ) Fir-rigward ta’ kawżi bħal Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141; Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629; u CLECE, C‑463/09, EU:C:2011:24, jista’ jiġi preżunt li din hija l-iktar sitwazzjoni komuni.
( 34 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punti 11 u 12, u tad-19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting, C‑29/91, EU:C:1992:220, punt 23. Ara wkoll is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 10; tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 29; u tat-13 ta’ Settembru 2007, Jouini et, C‑458/05, EU:C:2007:512, punt 23.
( 35 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punt 13 (“grad ta’ xebh bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u dawk imwettqa wara t-trasferiment”).
( 36 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punt 13; tad-19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting, C‑29/91, EU:C:1992:220, punt 24; tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punt 14; u tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 33.
( 37 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punt 13; tad-19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting, C‑29/91, EU:C:1992:220, punt 24; tas-7 ta’ Marzu 1996, Merckx u Neuhuys, C‑171/94, punt 17; u tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 34.
( 38 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punt 14, u tad-19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting, C‑29/91, EU:C:1992:220, punt 25.
( 39 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punt 14; u tad-19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting, C‑29/91, EU:C:1992:220, punt 25.
( 40 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 41, u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Güney-Görres u Demir, C‑232/04 u C‑233/04, EU:C:2005:778, punt 37.
( 41 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1995, Rygaard, C‑48/94, EU:C:1995:290 punt 22; tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 41; u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Güney-Görres u Demir, C‑232/04 u C‑233/04, EU:C:2005:778, punt 37.
( 42 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Güney-Görres u Demir, C‑232/04 u C‑233/04, EU:C:2005:778, punti 39 sa 41.
( 43 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1995, Rygaard, C‑48/94, EU:C:1995:290, punt 17; tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punt 13 (“il-maġġoranza tal-impjegati tagħha”); u tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punti 19 u 21.
( 44 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141, punti 3 u 4.
( 45 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punt 3.
( 46 ) Ara l-punt 72.
( 47 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2001, Liikenne, C‑172/99, EU:C:2001:59, punt 28.
( 48 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629, punt 36.
( 49 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C‑13/95, EU:C:1997:141; tal-25 ta’ Jannar 2001, Liikenne, C‑172/99, EU:C:2001:59; tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C‑340/01, EU:C:2003:629; u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Güney-Görres u Demir, C‑232/04 u C‑233/04, EU:C:2005:778.
( 50 ) Nixtieq nenfasizza li din il-kwistjoni ma hijiex identika għall-kwistjoni ratione temporis l-oħra ttrattata f’dawn il-konklużjonijiet, li tikkonċerna l-eżistenza tal-entità qabel it-tranżazzjoni (ara l-punti 46 et seq iktar ’il fuq). F’dan il-kuntest, l-eżistenza tal-entità hija preżunta u l-kwistjoni hija jekk – jekk l-entità kienet għadha teżisti b’Músicos – kinitx identika għal dik li eżistiet iktar tard taħt l-awspiċi ta’ In-pulso.
( 51 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1987, Ny Mølle Kro, 287/86, EU:C:1987:573, punti 18 sa 21, li tikkonċerna l-operat ta’ restorant li jopera fuq bażi regolari fis-sajf biss. Fir-rigward ta’ perijodu ta’ waqfien temporanju madwar l-istaġun festiv ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1988, Bork International, 101/87, EU:C:1988:308, punt 16.
( 52 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, EU:C:1986:127, punt 12.
( 53 ) Ara l-punt 72 iktar ’il fuq.
( 54 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1998, Dethier Equipement, C‑319/94, EU:C:1998:99, punti 33 sa 36.
( 55 ) Dan huwa konformi mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma intiżi għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplementaw il-liġi tal-Unjoni.
( 56 ) Ara l-p. 6 taħt it-titolu “Fundamentos de derecho. Primero” tas-sentenza tat-Tribunal Supremo tas-17 ta’ Novembru 2014 ippreżentata minn In-pulso bħala anness mat-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub.
( 57 ) Minkejja li l-qorti tar-rinviju ssemmi l-fatt li Músicos rebaħ il-kawża dwar il-ħlas skont il-kuntratt amministrattiv tad-differenza bejn it-tariffi mħallsa, din ma tqegħedx inkwistjoni l-fatt li s-sitwazzjoni ekonomika fiż-żmien rilevanti ġġustifikat it-tkeċċija. Din kienet tkun kwistjoni li setgħet tirrigwarda l-interazzjoni bejn il-preżenti direttiva u d-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE dwar redundancies kollettivi, li ssemmiet diversi drabi mill-qorti tar-rinviju. Fis-sentenza Mono Car Styling, C‑12/08, EU:C:2009:466, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk din l-aħħar direttiva tiksirx id-dritt individwali ta’ impjegat għal smigħ xieraq taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB sa fejn id-drittijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tħallew f’idejn ir-rappreżentanti kollettivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm ksur tad-drittijiet fundamentali individwali tal-impjegat peress li d-drittijiet stabbiliti fid-direttiva huma intiżi bħala benefiċċju għall-ħaddiema bħala grupp u li għalhekk għandhom natura kollettiva.