Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0256

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fl-20 ta’ Lulju 2017.
Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Antidumping – Validità ta’ regolament intiż għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ddikjarat regolamenti preċedenti invalidi – Obbligu ta’ eżekuzzjoni – Bażi legali – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 14 – Iffissar tal-elementi ta’ ġbir ta’ dazji anti-dumping mill-Istati Membri – Ordni ta’ sospensjoni tar-rimbors ta’ dazji anti-dumping mill-awtoritajiet doganali nazzjonali – Tkomplija tal-proċedura li ppreċediet ir-regolamenti ddikjarati invalidi – Artikolu 10 – Nuqqas ta’ retroattività – Kodiċi Doganali Komunitarju – Artikolu 221 – Preskrizzjoni – Artikolu 236 – Rimbors ta’ dazji mhux dovuti.
Kawża C-256/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:580

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fl-20 ta’ Lulju 2017 ( 1 )

Kawża C‑256/16

Deichmann SE

vs

Hauptzollamt Duisburg

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja)]

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Dumping — Talba għar-rimbors ta’ dazji tal-importazzjoni mħallsa fuq il-bażi ta’ regolament li ġie ddikjarat invalidu — Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 — Regolament adottat sabiex jimplementa sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — Validità”

1.

Il-kawża li tagħti lok għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-konsegwenzi tal-annullament ta’ regolament li fih kienu ġew imposti dazji antidumping. Fir-risposta tagħha għad-domandi tal-qorti nazzjonali l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità li tiddeskrivi l-limiti tal-ġurisprudenza tagħha dwar il-portata tas-sentenzi li jannullaw atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

2.

F’din l-okkażjoni, jitqajmu dubji fil-kuntest ta’ domanda preliminari dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 ( 2 ), li permezz tiegħu l-Kummissjoni bdiet l-azzjonijiet neċessarji sabiex tirrimedja l-illegalitajiet identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza preċedenti ( 3 ), li ddikjarat l-invalidità ta’ ċerti regolamenti antidumping.

3.

Dawn ir-regolamenti, li sussegwentement ġew annullati, kienu servew bħala bażi għall-ħlas ta’ dazji antidumping imposti fuq il-kumpannija Deichmann SE ( 4 ), li timporta żraben miċ-Ċina u l-Vjetnam fl-Unjoni Ewropea, li, wara l-annullament tiegħu, talbet rimbors tal-ammonti mħallsin minnha.

4.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 huwiex validu, peress li, jekk ma huwiex, Deichmann għandha tingħata rimbors ta’ dak kollu li kienet ħallset skont dak ir-regolament.

5.

Id-dibattitu jinvolvi, minn naħa waħda, is-setgħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex ikomplu proċedura skont liema jistgħu jkunu imposti dazji antidumping, b’sostituzzjoni ta’ dawk annullati; u min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ dawk amministrati għall-istabbiltà tas-sitwazzjonijiet ikkonsolidati, kif ukoll il-protezzjoni effettiva tal-pożizzjoni ġuridika tagħhom.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

6.

Skont l-Artikolu 263 TFUE:

“[…]

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

[…]

Il-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.”

7.

Skont l-Artikolu 266 TFUE:

“L-istituzzjoni, korp jew organu li l-att tiegħu ikun ġie iddikjarat null jew li n-nuqqas tiegħu li jaġixxi jkun ġie iddikjarat kuntrarju għat-Trattati għandu jkun marbut li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

[…]”

B.   Regolament (KEE) Nru 2913/92 ( 5 )

8.

L-Artikolu 221 jipprovdi:

“[…]

3.   Komunikazzjoni lid-debitur m’għandhiex issir wara l-għeluq ta’ perjodu ta’ tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors. Iżda, fejn ikun bħala riżultat ta’ att li jista’ jagħti lok għal proċeduri tal-qorti kriminali li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt legalment dovut, komunikazzjoni bħal dik tista’, sakemm id-dispożizzjonijiet fis-seħħ hekk jippermettu, issir wara l-għeluq ta’ dak il-perjodu ta’ tliet snin ( 6 ).

[…]”

9.

L-Artikolu 236 jipprovdi:

“1.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2).

[…]

2.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta’ dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.

[…]”

C.   Ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 ( 7 )

10.

L-Artikolu 10 (“Retroattività”) jistipula:

“1.   Miżuri proviżorji u dazji definittivi kontra d-dumping għandhom jiġu applikati biss għal prodotti li jidħlu f’ċirkolazzjoni ħielsa wara ż-żmien meta d-deċiżjoni meħuda skond l-Artikoli 7(1) jew 9(4), kif jista’ jkun il-każ, tiġi infurzata, soġġetta għall-eċċezzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

[…]”

11.

L-Artikolu 14 (“Dispożizzjonijiet ġenerali”) jindika:

“1.   Dazji proviżorji jew definittivi ta’ kontra d-dumping għandhom jiġu imposti mir-Regolament, u miġbura mill-Istati Membri, fil-forma, u r-rata speċifikata u skond il-kriterji l-oħra stabbiliti fir-Regolament li jimponi dazji bħal dawn. Dazji bħal dawn għandhom ukoll jiġu miġbura indipendentement mid-dazji tad-dwana, it-taxxi u ċ-ċifri l-oħra normalment imposti fuq l-importazzjonijiet. Ebda prodott ma għandu jkun soġġett kemm għad-dazji kontra d-dumping kif ukoll għad-dazji kumpensatorji bl-iskop li jittrattaw l-istess sitwazzjoni li nħolqot minn dumping jew minn sussidji fuq l-esportazzjoni.

[…]”

12.

L-Artikolu 23 (“Revoka”) jipprovdi:

“Ir-Regolament (KE) Nru 384/96 huwa mħassar.

Madanakollu, it-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 384/96 m’għandux jippreġudika l-validita’ tal-proċedimenti mibdija taħtu.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.”

II. Il-fatti

13.

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1472/2006 ( 8 ) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1294/2009 ( 9 ), il-Hauptzollamt Duisburg (Uffiċċju doganali prinċipali ta’ Duisburg, il-Ġermanja) bagħtet lil Deichmann, fl-10 ta’ Mejju 2010, avviż ta’ ffissar tad-dazji antidumping fl-ammont ta’ EUR 11 181.92.

14.

Dan l-avviż kien jikkorrispondi għal sitt importazzjonijiet ta’ żraben mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam, li Deichmann kienet iddikjarat f’April 2010 għar-rilaxx tagħhom għal ċirkolazzjoni libera.

15.

Il-fornitur u l-produttur taż-żraben li waslu miċ-Ċina kienet il-kumpannija Chengdu Sunshine Shoes Co. Ltd u dik ta’ dawk li waslu mill-Vjetnam kienet Tripos Enterprises Inc. Iż-żewġ kumpanniji kienu applikaw għal trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) f’Lulju 2005, permezz tad-dokumenti rilevanti, skont l-Artikolu 2(7)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 ( 10 ).

16.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tagħha Zhejiang Aokang Shoes Co. Ltd u Brosmann Footwear ( 11 ), annullat ir-Regolament Nru 1472/2006.

17.

Filwaqt li invokat speċifikament is-sentenza Brosmann ( 12 ), fit-12 ta’ Ġunju 2012, Deichmann talbet lill-Uffiċċju doganali prinċipali ta’ Duisburg ir-rimbors tad-dazju antidumping li kienet intalbet, liema talba ġiet miċħuda fil-15 ta’ Novembru 2013.

18.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza C & J Clark International u Puma ( 13 ), li fiha ddikjarat l-invalidità tar-Regolament Nru 1472/2006 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1294/2009 ( 14 ).

19.

Il-Kummissjoni, sabiex tikkonforma ma’ din is-sentenza, approvat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, li permezz tiegħu bdiet il-proċedura sabiex issir il-valutazzjoni individwalizzata tal-applikazzjonijiet għal TES u TI li kienu ġew iddepożitati. Għalhekk hija pprovat tissostitwixxi l-atti annullati b’oħrajn ġodda, li ma kellhomx l-illegalitajiet misjuba mill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li kompliet il-proċedura fil-mument li fih dawn kienu seħħew.

20.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tordna lill-awtoritajiet doganali nazzjonali sabiex ma jirrimborsawx id-dazji, qabel titlesta l-proċedura.

21.

Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li, għal raġunijiet ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi, ma tikkunsidrax l-applikazzjonijiet kollha għal TES u TI, iżda biss dawk li jirrigwardaw l-esportaturi li kienu pprovdew żraben lil xi importatur, jekk dan tal-aħħar kien talab rimbors tas-somom imħallsa indebitament abbażi tal-annullament tar-regolamenti ta’ impożizzjoni ta’ dazji antidumping. Hija pprovdiet, għal dan il-għan, li, sabiex jiġu identifikati dawn il-każijiet, l-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jinfurmawha dwar dawn l-applikazzjonijiet u d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni.

22.

Deichmann sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 kien invalidu, għaliex l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-1996 ma kienx jawtorizza lill-Kummissjoni timponi obbligi ex post fuq l-awtoritajiet doganali nazzjonali jew fuq l-importaturi li japplikaw għal rimbors.

23.

Hija argumentat ukoll li kien hemm ksur tal-Artikolu 266 TFUE meta ġew ikkunsidrati biss il-produtturi esportaturi li kienu talbu TES jew IT, u li d-deċiżjoni ma kinitx ġiet adottata fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumpling tal-1996. Barra minn hekk, meta nbdew il-proċeduri ta’ reviżjoni indipendenti wara li l-miżura antidumping kienet diġà skadiet, inkiser ukoll l-Artikolu 266 TFUE.

24.

Il-qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf għandha dubji dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223. L-ewwel sett ta’ motivi huwa relatat formalment mal-bażi legali magħżula mill-Kummissjoni għall-adozzjoni tiegħu:

Abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23, tar-Regolament Bażiku dwar l-antidumping tal-2009, il-qorti nazzjonali tqis li huwa r-Regolament Bażiku dwar l-antidumping tal-1996 li japplika, u mhux dak tal-ewwel, bil-konsegwenza li l-kompetenza għall-approvazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 hija tal-Kunsill u mhux tal-Kummissjoni.

Mill-Artikolu 14 tar-Regolament Bażiku dwar l-antidumping tal-1996 ma tista’ tiġi dedotta ebda kompetenza sabiex jiġi mfassal regolament preparatorju għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dazju antidumping.

25.

It-tieni sett ta’ motivi jikkonċerna l-adegwatezza tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 sabiex jordna lill-awtoritajiet doganali nazzjonali li jipposponu d-deċiżjoni tagħhom dwar it-talbiet għar-rimbors tad-dazji antidumping sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal TES u TI. L-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali japplika biss għall-każ jekk, meta tħallsu d-dazji ta’ importazzjoni, l-ammont kien realment dovut, li għandu jiġi evalwat mill-awtoritajiet doganali. Meta l-Kummissjoni tinterferixxi f’din il-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni, tikser l-Artikolu 5 TUE.

26.

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tipprovdi sensiela ta’ argumenti dwar l-Artikolu 266 TFUE u dwar is-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tissostitwixxi l-atti annullati b’oħrajn ġodda, li fihom telimina l-illegalità kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tilmenta li huwa jrid jagħti effett retroattiv lid-dazju antidumping mill-mument li fih ġew adottati r-regolamenti annullati, minkejja li l-miżura antidumping skadiet fil-31 ta’ Marzu 2011.

27.

L-introduzzjoni mill-ġdid tad-dazju antidumping ma hijiex awtorizzata skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Bażiku dwar l-antidumping tal-1996. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, ma għandux ikun hemm irkupru sussegwenti, miċħud mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi doganali.

28.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tipprovdi raġunijiet prattiċi li jirriżultaw miż-żmien li jkun għadda (li jostakolaw l-istabbiliment ta’ dazji antidumping ġodda) u d-diffikultajiet sabiex l-esportatur jipprovdi dokumenti u informazzjoni, wara li jkun għadda dak iż-żmien, li jistgħu jikkompromettu d-dritt tad-difiża. Hija għandha dubju jekk il-proċedura mfassla mill-Kummissjoni tikkostitwixxix abbuż tas-setgħat tagħha u tindika alternattivi oħra li, fl-opinjoni tagħha, setgħu kienu iktar xierqa.

29.

Abbażi ta’ dawn l-argumenti, il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf) tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/223, tas-17 ta’ Frar 2016, li jistabbilixxi proċedura għall-valutazzjoni ta’ ċerti talbiet għal trattament ta’ ekonomija tas-suq u għal trattment individwali li jsiru minn produtturi esportaturi miċ-Ċina u mill-Vjetnam, u li jimplimentaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda C‑659/13 u C‑34/14, huwa validu?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.

Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Mejju 2016.

31.

Saru osservazzjonijiet bil-miktub minn Deichmann u l-Kummissjoni Ewropea, li dehru fis-seduta li saret fil-11 ta’ Mejju 2017.

IV. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

A.   Fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

32.

Għall-Kummissjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont liema persuna li, mingħajr dubju, setgħet ressqet azzjoni diretta kontra att tal-Unjoni u ħalliet il-perijodu mandatorju stabbilit mill-Artikolu 263 TFUE jiskadi, ma tistax tikkontesta l-legalità tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali.

33.

F’dan il-każ, skont il-Kummissjoni, Deichmann kienet intitolata li titlob l-annullament tar-Regolament ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li kien jaffettwa lilha direttament u ma kienx hemm bżonn miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE. Peress li hija ma ppreżentatx rikors fiż-żmien rilevanti, ma tistax titlob l-annullament tar-Regolament quddiem il-qorti nazzjonali. Il-fatt li dan ir-regolament ġie adottat wara li Deichmann irrikorriet għall-qorti nazzjonali ma huwiex rilevanti.

34.

Matul is-seduta, Deichmann ċaħdet dawn l-oġġezzjonijiet minħabba li, fil-fehma tagħha, ma kellhiex locus standi sabiex tikkontesta r-Regolament b’mod dirett, peress li ma kienx jaffettwa lilha direttament. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni kienet teħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni.

B.   Fuq il-mertu

35.

Deichmann, li tinvoka l-Artikolu 5 TUE, targumenta li sar ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi previst fit-TFUE. Fil-fehma tagħha, minħabba li r-regolamenti li ġew iddikjarati invalidi mill-Qorti tal-Ġustizzja ġew approvati meta r-Regolament baziku dwar l-antidumping tal-1996 kien għadu fis-seħħ, dan huwa dak applikabbli. Fil-fatt, l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009 jistabbilixxi arranġament tranżizzjonali li jagħti indikazzjoni f’dik id-direzzjoni. Ir-riżultat, fil-fehma tagħha, huwa li l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-1996 jagħti ġurisdizzjoni lill-Kunsill u mhux lill-Kummissjoni.

36.

Deichmann tiffoka fuq l-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009, imsemmi b’mod espliċitu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, sabiex tiċħad li dan l-artikolu jawtorizza li jiġi adottat regolament sabiex jimplementa sentenza.

37.

Jekk applikabbli, il-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 14 jippermetti biss li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jimponu dazji antidumping, provviżorji jew definittivi, li l-Istati Membri jirċievu taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009. Ir-regolament ikkontestat ma jimponix dazju antidumping u lanqas il-kriterji għall-ġbir ta’ dan id-dazju, u huwa limitat sabiex jirregola r-rimbors tad-dazji antidumping diġà mħallsa (skont l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali), li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

38.

Deichmann lanqas ma tqis li l-Artikolu 266 TFUE jkopri r-regolament ikkontestat. Wara li rreferiet għall-argumenti tad-digriet tar-rinviju, hija targumenta li l-att ta’ implementazzjoni ma jistax iwettaq l-istess illegalitajiet bħal dak annullat. F’dan il-każ, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 huwa limitat, għall-kuntrarju tas-sentenza C & J Clark International u Puma ( 15 ), sabiex jevalwa biss numru limitat ta’ applikazzjonijiet għal TES u TI, u għalhekk iwettaq l-istess illegalità kkonstatata f’dik is-sentenza.

39.

Hija ssostni li l-possibbiltà li terġa’ tinfetaħ proċedura antidumping hija limitata għall-ipoteżi li l-proċedura tkun għadha ma ġietx magħluqa, jiġifieri, meta tkun għadha ma skadietx. Peress li, f’dan il-każ, din l-iskadenza seħħet fil-31 ta’ Marzu 2011, il-proċedura ma setgħetx terġa’ tinfetaħ mingħajr ma jinkisru l-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ċertezza legali (l-Artikolu 10 tar-Regolamenti bażiċi dwar l-antidumping tal-1996 u l-2009), u r-regola tal-preskrizzjoni tal-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali.

40.

Deichmann tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali sabiex tipprovdi li t-talbiet għar-rimbors tas-somom indebitament imħallsa għandhom isiru malajr kemm jista’ jkun. Għall-kuntarju, dan ma jagħti ebda awtorità lill-Kummissjoni sabiex timponi perijodu ta’ waqfien ta’ dan ir-rimbors.

41.

Il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi ma osservatx il-marġini pprovduti fis-sentenza C & J Clark International u Puma ( 16 ) meta ssospendiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, u għalhekk dewwmet ir-rimbors tad-dazji antidumping. Barra minn hekk, il-miżura adottata ma hijiex l-inqas waħda restrittiva possibbli, peress li tipprovdi rimbors lill-importaturi Ewropej wara l-eżami tal-applikazzjonijiet għal TES u TI ddepożitati mill-esportaturi Ċiniżi. Dawn tal-aħħar, madankollu, ma jistgħux jikkooperaw sew, minħabba li għamlu dawk it-talbiet iktar minn għaxar snin ilu u issa ma għandhomx iktar interess fuq l-eżitu tagħhom, peress li ma jaffettwawx id-dazji tagħhom.

42.

Fl-aħħar nett, Deichmann tinvoka l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 54 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tiddikjara li l-Kummissjoni kienet wettqet użu ħażin ta’ poter.

43.

Skont il-Kummissjoni, ir-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009 huwa applikabbli u mhux dak tal-1996. Hija tipprovdi li hemm differenzi lingwistiċi bejn id-diversi verżjonijiet, iżda, fil-fehma tagħha, dawn għandhom jiġu deċiżi favur il-validità tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009, minħabba l-għan ta’ kodifikazzjoni tiegħu.

44.

Il-Kummissjoni tiffavorixxi l-għażla tal-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009 bħala l-bażi legali ta’ dak ikkontestat hawn, peress li tqis li d-dazji antidumping ma jikkostitwixxux dazji fuq l-importazzjoni li jwasslu għal dejn doganali. Dawn huma miżuri speċjali li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tapplikax awtomatikament għalihom, iżda biss sal-punt li jiddeċiedu l-Kunsill u l-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ regolament li jimponi dazji antidumping.

45.

F’dan il-każ, il-Kunsill għażel li l-Kodiċi Doganali huwa applikabbli għall-ġbir tad-dazji antidumping imposti mir-Regolament definittiv u mir-Regolament ta’ implementazzjoni. Madankollu, xejn ma jipprevjeni li l-Artikolu 14 jintuża bil-maqlub, jekk ikun meħtieġ, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Kodiċi Doganali u, għalhekk, il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali pprovduta fih.

46.

Fir-rigward tal-ordnijiet lill-awtoritajiet nazzjonali (sabiex jissospendu l-proċedura ta’ rimbors u jikkomunikaw ċerta informazzjoni), il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn huma validi. Għalkemm iwasslu sabiex idgħajfu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, dawn huma appoġġati mill-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni, mogħtija mill-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009, sabiex ma tiddeterminax biss il-forma u r-rata ta’ dawn id-dazji, iżda wkoll il-“kriterji l-oħra” li l-Istati Membri għandhom jużaw sabiex jiġbruhom.

47.

Il-Kummissjoni temmen li dawn l-ordnijiet huma xierqa, peress li s-sentenza C & J Clark International u Puma ( 17 ) ma affettwatx l-eżistenza tad-dejn innifsu, iżda biss ir-rata applikabbli għad-determinazzjoni tiegħu. F’dan il-kuntest, ir-rimbors sussegwenti ma jaffettwax id-dejn kollu diġà mħallas, iżda biss dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata tat-taxxa, wara l-analiżi ta’ kull applikazzjoni għall-kisba ta’ TES jew TI. Huwa raġonevoli li dan jiġi eżaminat mill-Kummissjoni qabel ma l-awtoritajiet nazzjonali jipproċedu għar-rimbors.

48.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 266 TFUE ma jipprekludix il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li dan isir wara l-annullament jew il-konstatazzjoni ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni, kif ukoll fin-nuqqas ta’ bażi legali speċifika ( 18 ). Barra minn hekk, it-termini ta’ preskrizzjoni (tliet snin) stabbilit fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali ma skadiex, peress li kien ġie sospiż u, fi kwalunkwe każ, jista’ jiġi evitat permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009.

49.

Il-ftuħ mill-ġdid ma għandux effett retroattiv, peress li, fin-nuqqas ta’ analiżi tal-applikazzjonijiet għal TES u TI, id-dejn tal-importaturi, bħal Deichmann, għandu jitqies bħala mhux stabbilit b’mod definittiv. Anke jekk jiġi aċċettat dan l-effett retroattiv, ikun permissibbli, sakemm ma jkunx sar kontra l-aspettattivi leġittimi tal-persuni involuti ( 19 ). Importatur bħal Deichmann ma jistax jinvoka l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta l-Kummissjoni ma kinitx għalqet il-proċedura permezz ta’ att definittiv.

V. Evalwazzjoni

A.   Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

50.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 20 ) tikkundizzjona l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, fiċ-ċirkustanzi invokati mill-Kummissjoni, għal żewġ kundizzjonijiet: i) li tkun tikkonċerna persuna fiżika jew ġuridika, li, mingħajr ebda dubju, setgħet tippreżenta rikors dirett u tkun ħalliet it-terminu vinkolanti tal-Artikolu 263 TFUE jiskadi; u ii) li d-dispożizzjoni li l-legalità tagħha hija kkontestata ma tipprovdix miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tal-paragrafu 4 tal-istess artikolu.

51.

Jista’ jiġi argumentat, fil-livell ta’ djalogu, jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, minħabba l-kliem tal-Artikolu 1(1) kienx jaffettwa lil Deichmann direttament. Għalkemm huwa mmirat lejn l-awtoritajiet doganali nazzjonali, dan ir-regolament jista’ jaffettwa direttament is-sitwazzjoni legali ta’ dawk li, bħal Deichmann, kienu talbu r-rimbors tad-dazji antidumping fuq il-bażi tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, b’mod immedjat, impedixxa li dawn jiksbu rimbors tad-dazji miġbura (l-Artikolu 1(2) u (3)).

52.

Ma naħsibx, madankollu, li għandha tittieħed deċiżjoni dwar il-locus standi ta’ Deichmann, peress li s-sempliċi qari tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 juri li huma meħtieġa miżuri ta’ implementazzjoni. L-impożizzjoni mill-ġdid tad-dazju xieraq isir biss wara verifika u evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal TES u TI mill-produtturi esportaturi, permezz ta’ regolament (ġdid).

53.

Fi kliem ieħor, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, fir-realtà, jiġi qabel dawk sussegwenti li fihom kellhom jiġu evalwati d-diversi applikazzjonijiet għal TES u TI ppreżentati mill-produtturi esportaturi ( 21 ). Għalhekk, peress li l-miżuri ta’ implementazzjoni huma speċifikati fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE, ma teżisti l-ebda ċirkustanza sabiex it-talba għal deċiżjoni preliminari titqies bħala inammissibbli.

54.

Għandu jingħad ukoll li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 ġie adottat meta l-appell ta’ Deichmann kien pendenti ( 22 ). Matul il-proċedura dwar id-dritt tagħha għal rimbors tqajmu dubji mill-qorti nazzjonali li wasslu għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Minħabba l-istadju li kienet fih il-kawża tagħha meta ġie ppubblikat dan ir-regolament, Deichmann għalhekk, raġonevolment setgħet tassumi li ma kienx hemm bżonn tikkontesta dak ir-regolament quddiem il-Qorti Ġenerali.

55.

L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għalhekk, għandha tiġi miċħuda.

B.   Fuq il-mertu

56.

Sabiex jinftiehmu sewwa l-kwistjonijiet involuti, nixtieq infakkar, fil-qosor, il-kuntest tal-applikazzjoni għar-rimbors tad-dazji antidumping ippreżentata minn Deichmann.

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja f’serje ta’ sentenzi ( 23 ) annulat ir-Regolament Nru 1472/2006 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1294/2009, minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat kull waħda mill-applikazzjonijiet tal-esportaturi għal TES u TI b’mod individwali. Minflok, il-Kummissjoni kienet wettqet kampjun u estrapolatu għall-każijiet kollha u, fuq dik il-bażi, stabbiliet id-dazju antidumping li kellu jitħallas.

58.

Fir-rigward din il-kwistjoni partikolari, il-Kummissjoni, wara s-sentenza C & J Clark International u Puma, ( 24 ) fasslet proċedura biex tivverifika jekk il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, għamlux talbiet TES jew TI u jekk għamlu dawn, tevalwahom f’regolament ta’ implementazzjoni li fih, eventwalment, jiġu imposti d-dazji xierqa.

59.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, li r-rinviju tal-qorti nazzjonali jikkonċerna l-invalidità tiegħu, jinvolvi l-ewwel pass f’din il-proċedura. Din hija dispożizzjoni kkaratterizzata mill-qosor tagħha, fejn tikkonsisti f’żewġ artikoli (it-tieni wieħed sempliċement jindika d-data tad-dħul fis-seħħ).

60.

L-Artikolu 1 huwa indirizzat lejn l-awtoritajiet doganali nazzjonali li rċevew applikazzjoni għal rimbors meta l-produttur esportatur li ma kienx inkluż fil-kampjun kien talab TES jew TI u talabhom jgħaddu din it-talba lill-Kummissjoni ( 25 ). L-awtoritajiet doganali nazzjonali ma jistgħux jiddeċiedu dwar dik l-applikazzjoni (għalhekk, huma għandhom jissospendu l-proċedura tar-rimbors) sakemm il-Kummissjoni tippubblika regolament ta’ implementazzjoni sabiex jiġu imposti mill-ġdid id-dazji antidumping.

61.

Peress li l-eżami tal-validità ta’ att tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, għandu jkun limitat għall-motivi indikati mill-qorti tar-rinviju, mingħajr ħtieġa li jiġi estiż għal oħrajn ( 26 ), fit-taqsimiet li ġejjin ser niddiskuti d-dubji tal-qorti tar-rinviju riflessi fil-każ tagħha, li jikkonċernaw: i) il-bażi legali li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqha sabiex tadotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 ( 27 ); ii) il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex terġa’ tibda l-proċedura ta’ antidumping ( 28 ); iii) il-possibbiltà li tiddgħajjef l-effettività immedjata tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali ( 29 ); iv) l-ambitu tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura u l-effettività temporanja tar-Regolament il-ġdid ( 30 ); u v) il-partikolaritajiet tal-proċedura mibdija mill-ġdid u l-konstatazzjoni tal-fatti determinanti sabiex din tiġi riżolta ( 31 ).

1.  Fuq il-bażi legali

62.

Skont l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, meta jiġi annullat regolament li jimponi dazju antidumping, fil-prinċipju, għandhom jitħallsu lura l-ammonti mħallsa skont dak ir-regolament. Meta l-bażi legali għall-ġbir tagħhom ma tibqax teżisti, dawk l-ammonti ma jibqgħux iżjed dovuti mill-mument meta jkunu tħallsu.

63.

It-tilwima titqajjem minħabba li, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, il-Kummissjoni stabbiliet xi restrizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali.

64.

Dan il-każ għandu xi punti komuni ma’ dak li kien is-suġġett tas-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Wortmann ( 32 ). F’dak il-każ, il-kontroversja ffukat fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 241 tal-Kodiċi Doganali, li jillimita l-ħlas ta’ interessi fil-każ ta’ rimbors ta’ dazji antidumping miġbura meta ma kinux dovuti. Issa, il-problema tikkonċerna l-possibbiltà li l-Kummissjoni tistabbilixxi perijodu ta’ sospensjoni, li matulu l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx japplikaw l-Artikolu 236 tal-istess kodiċi, sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet ippreżentati għal TES u TI. Iż-żewġ każijiet jaqblu rigward l-eżistenza ta’ sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn iddikjarat l-invalidità ta’ regolament li jimponi dazji antidumping.

65.

Fil-konklużjonijiet għall-kawża Wortmann ( 33 ) irreferejt għall-mekkaniżmu ta’ kalkolu tad-dazji antidumping, li jiddependi b’mod sostanzjali fuq l-istruttura tal-kalkolu tad-dazji tariffarji ( 34 ). Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali rigward ir-rimbors ta’ dazji mħallsa indebitament huma relatati ma’ dak li sejjaħt hemmhekk sitwazzjonijiet “ordinarji”, li jirreferu għall-każijiet li fihom il-kalkolu tad-dejn jidher żbaljat minħabba l-elementi konkreti inkorretti tal-elementi uniċi tad-dejn doganali. Il-preżunzjonijiet li fihom ir-rimbors tal-pagamenti indebitament imħallsa mill-importaturi jkun riżultat tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tar-regolament li stabbilixxa d-dazju antidumping huma differenti.

66.

Meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaffaċċjaw dikjarazzjoni ġudizzjarja ta’ invalidità tal-atti tagħhom, huma jkollhom diversi għażliet, skont il-kontenut tas-sentenza u l-ambitu tas-setgħat tagħhom.

67.

L-ewwel, għandhom jivverifikaw jekk is-sentenza tiddikjarax nullità irreparabbli tal-att jew jekk, għall-kuntrarju, l-azzjoni jew l-ommissjoni tal-istituzzjoni humiex suxxettibbli li jiġu kkoreġuti. Fl-aħħar eventwalità, taħt il-kompetenzi tal-istituzzjoni għandha tiżdied, normalment, dik li taġġusta l-attività tagħha skont il-liġi, b’mod konformi mal-kontenut tas-sentenza. Skont din tal-aħħar, tista’ għalhekk terġa’ tinbeda l-proċedura, jew mill-bidu, jew inkella mill-mument li fih instabet l-illegalità ddikjarata.

68.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ffaċċjat dawn il-problemi fil-qasam tad-dazji antidumping, fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, li r-rilevanza tagħha għal dan il-każ tidher inkontestabbli fil-fehma tiegħi ( 35 ). Hija indirizzat b’mod speċifiku l-kwistjoni ta’ jekk, minkejja n-nuqqas ta’ regoli f’regolament bażiku dwar l-antidumping, tistax terġa’ tinfetaħ il-proċedura, meta d-dispożizzjoni inkwistjoni tkun ġiet iddikjarata invalida wara rinviju preliminari.

69.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, b’mod analogu, l-obbligu impost mill-Artikolu 266 TFUE wara s-sentenzi ta’ annullament japplika għal dawn il-każijiet: “[…] id-deċiżjoni tagħha għandha bħala konsegwenza legali li timponi fuq l-istituzzjonijiet ikkonċernati li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata”. U preċiżament sabiex “jissodisfaw dan l-obbligu, l-istituzzjonijiet ikkonċernati huma obbligati josservaw mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament jew ta’ invalidità, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal dan u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tiegħu” ( 36 ).

70.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet ukoll, f’dak il-każ, (u wkoll fis-sentenzi li ddikjaraw l-invalidità li taw lok għal dan il-każ) irregolarità li ma kinitx tinvolvi n-nullità tal-proċedura kollha. Hija żiedet li l-istituzzjonijiet jistgħu “[…] sabiex jiġi adottat att intiż li jissostitwixxi att annullat jew invalidat preċedenti,jiftħu mill-ġdid il-proċedura fl-istadju meta din l-irregolarità tkun twettqet” ( 37 ). Hija qalet, fuq l-istess argument, li “l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji tiegħu” ( 38 ).

71.

Fis-sentenza CM Eurologistik u GLS il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “ma huwiex neċessarju li l-possibbiltà li l-proċedura tinfetaħ mill-ġdid tkun espressament prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli sabiex l-istituzzjonijiet awturi ta’ att annullat jew invalidat ikunu jistgħu jirreferu għaliha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà setgħet tikkonstata, mingħajr ma tirreferi għal bażi legali speċifika, li tali possibbiltà kienet infetħet għalihom wara sentenza li annullat regolament li stabbilixxa dazji antidumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punti 82 u 94)” ( 39 ).

72.

Għalhekk, il-fatt li r-Regolament bażiku ma awtorizzax il-bidu mill-ġdid tal-proċedura wara li r-regolament antidumping kien ġie ddikjarat invalidu ma jfissirx l-invalidità ta’ dak li ġie stabbilit fl-implementazzjoni ta’ sentenza ( 40 ).

73.

Skont dawn il-kjarifiki, il-Kummissjoni, minn naħa waħda, għandha s-setgħa li taġixxi b’tali mod li tirrestawra l-legalità, kif indikat iktar ’il fuq fis-sentenza li tiddikjara l-invalidità; min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 266 TFUE, hija għandha obbligu li taġġusta l-azzjoni tagħha skont il-kontenut ta’ dik is-sentenza.

74.

Speċifikament, lanqas ma hija inevitabbli l-invokazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009, peress li l-kopertura legali reali sabiex terġa’ tinbeda l-proċedura tinsab fil-kompetenza u d-dmir tal-Kummissjoni li, nirrepeti, għandha tirrestawra l-legalità b’mod konformi mas-sentenza u mal-elementi fundamentali tad-deċiżjoni preliminari li ddikjarat l-invalidità tar-regolamenti antidumping.

75.

Ma naħsibx li din il-linja tal-ġurisprudenza għandha tiġi kkunsidrata mibdula mis-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs McBride et ( 41 ), mogħtija f’kuntest li fih ir-regolament li kien il-bażi tal-att annullat ġie mħassar, mingħajr ma ġie ssostitwit b’wieħed ġdid.

76.

Huwa veru li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-obbligu li taġixxi, naxxenti mill-Artikolu 266 TFUE, ma jikkostitwixxix sors ta’ kompetenza għall-Kummissjoni u lanqas jippermetti lil din tal-aħħar li tibbaża ruħha fuq bażi legali li fil-frattemp tħassret” ( 42 ). Iżda dak il-każ huwa differenti minn dan peress li r-regoli li jipprovdu l-kompetenza sabiex jinħareġ att (li jissostitwixxi dak annullat) ma baqgħux jinstabu fis-sistema legali tal-Unjoni, u l-istituzzjoni ma setgħetx tafferma s-setgħa tagħha li taġixxi biss skont l-Artikolu 266 TFUE. Hawnhekk, madankollu, ma tħassarx l-att legali iżda saret biss bidla fl-attribuzzjoni tal-kompetenza lill-Kummissjoni, kif ser nispjega iktar ’il quddiem.

77.

Bi kwalunkwe mod, naħseb li r-riferiment għall-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009 huwa applikabbli. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li d-dazji provviżorji jew definittivi antidumping għandhom jiġu imposti permezz ta’ regolament, u miġbura mill-Istati Membri, fil-forma, u r-rata speċifikata u skont il-kriterji l-oħra stabbiliti fir-regolament li jimponi dazji bħal dawn.

78.

Il-partikolarità ta’ dan il-każ tikkonsisti fil-fatt li l-Kummissjoni aġixxiet f’żewġ stadji. L-ewwel, approvat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, li permezz tiegħu teħtieġ mingħand l-awtoritajiet doganali informazzjoni fuq l-applikazzjonijiet għal rimbors ippreżentati u li temporanjament jissospendu l-applikazzjoni tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali. Imbagħad, adottat ir-regolamenti ta’ implementazzjoni li fihom ġew evalwati l-applikazzjonijiet għal TES u TI tal-proċeduri ta’ esportazzjoni li ma ġewx inklużi fil-kampjun oriġinali.

79.

Jista’ jiġi diskuss jekk ir-riferiment għall-“kriterji l-oħra” msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009 ppermettiex lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223. Iżda, anki jekk xi waħda minnhom ma kinitx xierqa, jew kienet sproporzjonata, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni kienet wettqet li jwassal għal invalidità (minħabba nuqqas ta’ bażi legali), meta adottat ir-Regolament ta’ Implementazzjoni.

80.

Għal darb’oħra hemm bżonn li mmorru lura għad-difett li kkawża l-annullament tar-Regolament Nru 1472/2006, skont liema ġew introdotti dazji antidumping definittivi ta’ bejn 9.7 % u 16.5 % fuq l-importazzjonijiet taż-żraben. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx li dawn id-dazji kienu invalidi, iżda li l-Kummissjoni kellha teżamina l-applikazzjonijiet korrispondenti sabiex tiżgura li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalu wkoll għall-appellanti. Huwa biss wara dan l-eżami u wara din il-verifika li jista’ jiġi kkonfermat jekk ir-rata applikabbli għal kull applikant kinitx waħda (16.5 %) jew oħra (9.7 %).

81.

Għalhekk, il-bidu mill-ġdid tal-proċedura, wara li jkunu ngħataw is-sentenzi ta’ annullament, huwa konsistenti u mandatorju, peress li kellha tingħata risposta lill-applikazzjonijiet li saru billi jiġi deċiż jekk xi wħud minnhom kellhomx jingħataw ir-rata l-iktar baxxa (9.7 %) meta mqabbel ma’ dawk ġenerali li ġiet applikata għalihom (16.5 %). Il-bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali kienet, tabilħaqq, l-istess waħda li f’dak iż-żmien (2006) ta’ bażi għall-istabbiliment tad-dazji antidumping definittivi.

82.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 ma huwa xejn ħlief strument sabiex jitħallsu, darba għal dejjem, id-dazji antidumping ikkonċernati. Huwa ispirat minn kriterji ta’ effiċjenza, u jfittex li jevita li jsiru evalwazzjonijiet bla bżonn ta’ applikazzjonijiet għal TES u TI, filwaqt li jissospendi, temporanjament, ir-rimbors ta’ ammonti li l-adattament tagħhom għal dazju jiddependi fuq il-prattika ta’ dawn l-evalwazzjonijiet.

2.  Fuq il-komptenza tal-Kummissjoni

83.

Id-digriet tar-rinviju jikkontesta l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapprova r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, peress li, fil-mument li fih inħarġu r-regolamenti dwar l-antidumping li ġew iddikjarati invalidi mill-Qorti tal-Ġustizzja, dik il-kompetenza kienet tal-Kunsill ( 43 ).

84.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, fl-istess qasam tad-dazji antidumping, għall-attivitajiet tal-istituzzjonijiet fil-limiti tal-kompetenza tagħha fis-sentenza Il-Kummissjoni vs McBride et ( 44 ), li d-dikjarazzjonijiet li ġejjin jittieħdu mill-paragrafi tagħha:

“[G]ħalkemm l-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni ratione temporis tal-liġi kif ukoll ir-rekwiżiti marbuta mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tar-regoli materjali fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni anki meta dawn ir-regoli ma jkunux għadhom fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ att mill-istituzzjoni tal-Unjoni, għall-kuntrarju, id-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar. Bl-istess mod, il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan l-att għandha titmexxa b’mod konformi mar-regoli fis-seħħ fid-data ta’ din l-adozzjoni” ( 45 ).

“[D]in il-ġurisprudenza ( 46 ) ma tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti, permezz tal-applikazzjoni ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-użu mill-Kummissjoni ta’ bażi legali li tkun skadiet, għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tal-applikazzjoni ta’ regola materjali, f’dan il-każ l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413, sabiex fuqha tibbaża deċiżjoni fuq it-talba inizjali, wara l-annullament mill-qorti tal-Unjoni tad-deċiżjoni inizjali” ( 47 ).

85.

Ir-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-1996 ta lill-Kunsill il-kompetenza li jadotta r-regolament li stabbilixxa dazju antidumping definittiv (l-Artikolu 9(4)), bħal ma għamel ir-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009 (l-Artikolu 9(4)).

86.

Madankollu, dan l-għoti ta’ kompetenza ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 ( 48 ) sabiex, fost miżuri oħra, jagħti tali kompetenza lill-Kummissjoni. Għalkemm l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 37/2014 jipprovdi serje ta’ każijiet fejn dan ma jkunx applikabbli ( 49 ), ebda wieħed ma jseħħ f’dan il-każ, peress li l-proċedura ta’ ftuħ mill-ġdid bdiet wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, fid-data li fiha ġie mfassal u adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, il-Kummissjoni kienet l-istituzzjoni li kellha s-setgħa toħroġ l-att li permezz tiegħu ġiet ikkoreġuta l-illegalità.

87.

Kif diġà semmejt, f’dan il-każ ma teżistix is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Mc Bride ( 50 ), anzi, għall-kuntrarju, hemm bidla fl-attribuzzjoni tal-kompetenza lill-Kummissjoni, li hija responsabbli sabiex timplementa r-regoli sostantivi u proċedurali rilevanti fis-seħħ fiż-żmien ta’ meta saru l-fatti u ta’ meta ġie adottat l-att, rispettivament ( 51 ).

3.  Is-sospensjoni tal-effettività tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali

88.

L-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali ma jipprovdix għas-sospensjoni tal-proċeduri ta’ rimbors tad-dħul doganali li huma allegatament indebiti. Madankollu, jiena nemmen, li l-interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tiġi mibdula fil-każ ta’ rimbors affettwat minn sentenza (preċedenti) tal-Qorti tal-Ġustizzja.

89.

Ir-riperkussjonijiet prattiċi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 jaqgħu, minn naħa waħda, fuq l-awtoritajiet doganali nazzjonali u, min-naħa l-oħra, fuq l-importaturi li jixtiequ jiksbu rimbors tad-dazji antidumping imħallsa.

90.

Fir-rigward tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri (li ebda waħda minnhom ma kkontestat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 minħabba li kien jikser il-kompetenzi tagħha), wieħed ma jistax jinsa li d-dazji antidumping huma inklużi fid-dħul tal-Unjoni ( 52 ). Kif ġie nnotat fil-konklużjonijiet tal-kawża Wortmann ( 53 ), “[i]l-ġestjoni tar-riżorsi proprji […] titwettaq taħt skema li fiha l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma responsabbli għall-kalkolu u l-ġbir tagħhom, filwaqt li jaqsmu d-dħul mal-Unjoni. L-Istat, għalhekk, jaġixxi bħala strument tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Minħabba f’hekk, l-awtoritajiet nazzjonali huma partikolarment marbuta b’sentenza li tannulla regolament antidumping u l-obbligu tal-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, kif ukoll il-kriterji ta’ eżekuzzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 266 TFUE huwa msaħħaħ”.

91.

F’dan il-kuntest, li fih huma interkonnessi l-oqsma ta’ kompetenza tal-awtoritajiet pubbliċi involuti fil-proċedura tad-definizzjoni, il-ġestjoni u l-ġbir tad-dazji antidumping, naħseb li huwa diffiċli li wieħed jeskludi li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni, wara li ħarġet sentenza ta’ annullament (jew sentenza preliminari ta’ invalidità) ta’ regolament dwar l-antidumping, ma jistgħux jaffettwaw l-aġir tal-awtoritajiet doganali nazzjonali.

92.

Kemm l-applikazzjoni għal rimbors tad-dazji antidumping indebiti kif ukoll il-kalkolu preċedenti tagħhom huma bbażati fuq id-determinazzjoni tagħhom li wettqet il-Kummissjoni dak iż-żmien. Il-klassifikazzjoni ta’ dazji indebiti hija intrinsikament marbuta man-nuqqas ta’ kopertura legali, jiġifieri, l-invalidità jew tal-att uniku għall-ħlas tagħhom, jew inkella tal-att regolatorju li permezz tiegħu dawn ġew stabbiliti. Il-każ tagħna hawnhekk huwa bbażat fuq it-tieni ipoteżi.

93.

Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ( 54 ) stabbiliet il-prinċipju ċar li persuna taxxabbli li ħallset ammonti finanzjarji mhux dovuti meħtieġa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni hija intitolata għar-rimbors tagħhom.

94.

Il-konkretizzazzjoni tal-kunċett “indebiti”, f’dan il-każ, għandha ssir rigward id-deċiżjoni u l-motivazzjoni tas-sentenza li ddikjarat l-invalidità tar-Regolament Nru 1472/2006 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1294/2009. Jekk, kif diġà ntqal, dan l-annullament jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni stabbiliet id-dazju antidumping mingħajr ma analizzat l-applikazzjonijiet tal-produtturi esportaturi b’mod individwali għal TES u TI (hija analizzat biss kampjun), il-ksur imwettaq sar fi żmien speċifiku tal-proċedura u seta’ ġie kkoreġut, b’mod konformi mal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

95.

Għalhekk, fil-prinċipju, huwa leġittimu li terġa’ tinfetaħ il-proċedura fil-ħin li fih seħħet l-illegalità, kif għamlet il-Kummissjoni. Din l-istituzzjoni kisret l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali meta imponiet fuq l-awtoritajiet nazzjonali perjiodu ta’ stennija sabiex tivverifika jekk l-ammonti indebitament mħallsa kellhomx jiġu rrimborsati?

96.

Fil-fehma tiegħi, le. Skont it-termini tas-sentenza li ddikjarat l-invalidità tar-regolamenti ma kienx magħruf, fil-fatt, jekk l-ammonti mħallsa kinux “indebiti” jew le. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq l-iter qabel id-deċiżjoni, iżda mhux fuq il-merti ta’ din (jiġifieri, fuq l-ammont tad-dazji antidumping li għandhom jitħallsu).

97.

Sabiex din il-kwistjoni, li għadha ma hijiex ikkontestata, tiġi ċċarata, il-Kummissjoni għandha terġa’ tiftaħ il-proċedura fil-punt li fih seħħet l-illegalità u tanalizza l-applikazzjonijiet għal TES u TI ta’ kull esportatur. U, sakemm issir dik il-proċedura, inqis li huwa raġonevoli li l-awtoritajiet nazzjonali jissospendu d-deċiżjoni tagħhom, sakemm tingħata dik tal-Kummissjoni. Sa dakinhar, huma ma jistgħux ikunu jafu biċ-ċert jekk id-dazju antidumping li ġie mħallas kienx indebitu u jekk jew le sa liema punt ( 55 ).

98.

Mill-perspettiva tal-importaturi li jitolbu r-rimbors, huwa ċert li huma jkomplu jkunu mċaħħda mid-disponibbiltà tal-flus mitluba sakemm il-proċedura titlesta mill-Kummissjoni. Madankollu, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 56 ), “meta dazji fuq l-importazzjoni, inklużi dazji antidumping, jiġu rrimborsati għar-raġuni li jkunu nġabru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, ikun jeżisti obbligu għall-Istati Membri, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, li jħallsu l-interessi relattivi għalihom lill-individwi li għandhom dritt għar-rimbors, liema interessi jiddekorru mid-data tal-ħlas minn dawn l-individwi tad-dazji rrimborsati”.

99.

Għalhekk, ma tirriżulta ebda ħsara reali għall-importatur mis-sospensjoni, peress li jekk jiġi ddikjarat, finalment, li d-dazji fuq l-importazzjoni kienu “nġabru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni”, ir-rimbors tagħhom isir flimkien mal-interessi mid-data tal-pagament sad-data tar-rimbors tagħhom, li jikkumpensaw kull dewmien.

100.

Fl-aħħar nett, meta tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, naħseb li d-deċiżjoni li tiġi sospiża l-proċedura għall-aċċess tar-rimbors ma tiksirx dan il-prinċipju. L-alternattiva kienet li jiġu rrimborsati dawn l-ammonti u, jekk ikun il-każ, jerġgħu jinġabru mill-ġdid, wara l-istudju tal-applikazzjonijiet għal TES u TI. Nirrepeti li naħseb li huwa iktar xieraq li jinżamm l-istatus quo, ladarba l-kumpens sħiħ (eventwali) għat-telf tad-disponibbiltà tal-flus, sakemm tieħu deċiżjoni l-Kummissjoni, huwa ggarantit permezz tal-akkumulazzjoni ta’ interessi.

4.  Fuq l-ambitu tal-analiżi tal-applikazzjonijiet għal TES u TI u l-effettività temporanja tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223

101.

Il-Kummissjoni hija akkużata li, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, illimitat ruħha biss għall-analiżi tal-applikazzjonijiet għal TES u TI għal ċerti produtturi esportaturi u mhux għal kollha kemm huma, li jista’ jinvolvi ksur tas-sentenza implementata.

102.

Jien ma naqbilx ma’ dan l-argument. Il-Kummissjoni ssegwi kunsiderazzjonijiet prattiċi raġonevoli meta twettaq ir-riċerka tagħha biss għall-applikazzjonijiet li l-kontenut tagħhom jista’ jaffettwa lill-importaturi li jkunu talbu r-rimbors tad-dazji antidumping. Fil-każ speċifiku li tirreferi għalih id-domanda preliminari, l-ilment jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 jevitax li l-applikazzjonijiet għal TES u TI tal-esportaturi taż-żraben mixtrija minn Deichmann humiex inklużi fl-evalwazzjoni, li ma huwiex il-każ.

103.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223 jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nonretroattività (sottostanti fl-Artikolu 10 kemm tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-1996 kif ukoll dak tal-2009) jew ir-regola ta’ preskrizzjoni inkluża fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali? ( 57 )

104.

Jiena naħseb li le. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti, kif diġà rrilevajt iktar 'il fuq, lill-istituzzjonijiet jerġgħu jiftħu proċedura affettwata minn dikjarazzjoni ta’ annullament, sakemm ir-regola applikabbli kienet fis-seħħ fil-mument li fih ġraw il-fatti, sakemm tiġi osservata l-proċedura ta’ tfassil fis-seħħ meta ġie adottat l-att il-ġdid u sakemm f’dan il-mument l-istituzzjoni jkollha l-kompetenza xierqa.

105.

Ir-retroattività timplika li regola sussegwenti tapplika għal sitwazzjoni legali diġà kkonsolidata. Dan ma huwiex il-każ peress li, preċiżament, ir-regoli applikabbli huma dawk li kienu fis-seħħ meta seħħew il-fatti, u r-rati tad-dazji antidumping dovuti ma jinbidlux. L-unika kwistjoni pendenti hija li jiġi deċiż jekk, skont dawn ir-regoli, il-kalkolu rilevanti għandux jiġi aġġustat għal rata ta’ taxxa (ġenerali) jew oħra (imnaqqsa), skont il-kwalità tal-esportatur li talab l-istatus ta’ TES jew TI. Ir-riżultat finali għandu jiġi espress f’bilanċ li, jekk ikun favorevoli għall-importatur, jintitolah sabiex jikseb ir-rimbors tiegħu mingħajr telf ta’ valur, peress li jiżdied bl-interessi rilevanti mid-data tal-ħlas indebitu.

106.

Rigward il-preskrizzjoni, is-sitwazzjoni hija l-istess bħal dik ikkontemplata fl-eżaminazzjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ sentenza. Mill-mument li fih bdiet id-diskussjoni dwar il-validità tar-regolamenti li fihom ġie ddeterminat id-dazju antidumping, bdiet sitwazzjoni ta’ pendenza. Il-kalkoli mwettqa kienu suġġetti għas-sentenza li kellha tingħata. Meta ngħatat is-sentenza, il-kontenut tagħha ġie pproġettat fuq dawn is-sitwazzjonijiet kollha, sa dakinhar temporanji, li għandhom jiġu riveduti sabiex jiġu inklużi fiha.

107.

Dan l-element temporanju japplika b’mod ibbilanċjat fiż-żewġ direzzjonijiet. L-importaturi jippruvaw jinvokaw l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali sabiex jillimitaw l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali għall-perijodu ta’ tliet snin indikat fih. Imma jekk tiġi aċċettata t-teorija tagħhom, kif issostni Deichmann, jista’ jiġi argumentat ukoll li maż-żmien id-dritt tagħhom li jitolbu r-rimbors tas-somom imħallsa indebitament spiċċa, peress li skada l-perijodu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 236(2) tal-istess kodiċi. L-applikazzjoni awtomatika tal-iskadenzi, mingħajr ma titqies l-interruzzjoni tal-atti ġudizzjarji u amministrattivi li jirriżultaw minnha, tnaqqas l-effettività tas-sentenzi, minħabba li ż-żmien li għadda jagħmilhom mhux infurzabbli fil-każijiet kollha fejn id-deċiżjoni saret finali wara li jkun skada dak il-perijodu ta’ żmien.

108.

Huwa veru li, kif huwa msemmi fid-digriet tar-rinviju, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2014 ( 58 ), ma aċċettax il-proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni f’konformità mas-sentenza Brosmann ( 59 ). Il-bażi ta’ din id-deċiżjoni kien l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali u r-rifjut ta’ impożizzjoni mill-ġdid retroattiva allegata.

109.

Madankollu, ma naħsibx li din id-deċiżjoni tal-Kunsill torbot lill-Kummissjoni, ladarba din kisbet il-kompetenza sabiex tiddeċiedi, peress li l-motivazzjonijiet ta’ dak iż-żmien huma differenti minn dawk tal-lum. Kif dedott mill-premessa 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, il-fattur determinanti għalhekk kien li l-awtoritajiet doganali kienu rrimborsaw id-dazji doganali skont l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, filwaqt li, issa, ma sarx dak ir-rimbors.

110.

Il-pendenza tal-proċeduri ġudizzjarji dwar il-validità tar-regolamenti dwar l-antidumping timpedixxi li jiġi diskuss il-ksur taċ-ċertezza legali. In-nuqqas ta’ qbil kien pubbliku u fisser li l-kalkoli tad-dazji kienu jiddependu fuq ir-riżultat tal-kawżi korrispondenti ( 60 ).

5.  Fuq il-proċedura u l-analiżi sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għal TES u TI

111.

Il-digriet tar-rinviju jistaqsi rigward ċerti aspetti relatati mal-proċedura ta’ evalwazzjoni u mal-analiżi tal-applikazzjonijiet għal TES u TI.

112.

Madankollu, jiena nqis li dawn l-argumenti huma prematuri. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/223, kif diġà pprovdejt, huwa mmirat lejn it-tħejjija ( 61 ) tal-proċedura ta’ eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet għal TES u TI li ma kinux ġew evalwati inizjalment. Id-dibattitu fuq it-termini li fihom saret din il-proċedura u fuq id-diffikultajiet kbar jew żgħar ta’ analiżi li kien hemm, minħabba l-ammont ta’ żmien li għadda mill-preżentazzjoni ta’ dawk l-applikazzjonijiet, għandu jikkorrispondi għall-kontestazzjoni possibbli tar-regolamenti ta’ implementazzjoni sussegwenti ( 62 ).

113.

F’dawn ir-regolamenti tal-aħħar —li diġà ġew ippubblikati — ( 63 ) il-Kummissjoni “imponiet mill-ġdid” id-dazji antidumping definittivi, wara li eżaminat l-applikazzjonijiet ta’ kull produttur esportatur, l-argumenti tal-impriżi kkonċernati u l-evidenza inkluża fil-fajl. Jekk, sabiex tasal għar-riżultat finali, il-Kummissjoni aġixxiet skont il-liġi, din hija xi ħaġa li tista’ tiġi ċċarata biss permezz tal-analiżi tal-proċeduri korrispondenti li rriżultaw fl-adozzjoni ta’ dawn ir-regolamenti l-ġodda ta’ implementazzjoni.

VI. Konklużjoni

114.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta lill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) kif ġej:

“L-eżaminazzjoni tad-domanda preliminari ma żvelat ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) (UE) 2016/223 tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Frar 2016, li jistabbilixxi proċedura għall-valutazzjoni ta’ ċerti talbiet għal trattament ta’ ekonomija tas-suq u għal trattment individwali li jsiru minn produtturi esportaturi miċ-Ċina u mill-Vjetnam, u li jimplementaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda C‑659/13 u C‑34/14.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Frar 2016, li jistabbilixxi proċedura għall-valutazzjoni ta’ ċerti talbiet għal trattament ta’ ekonomija tas-suq u għal trattment individwali li jsiru minn produtturi esportaturi miċ-Ċina u mill-Vjetnam, u li jimplimentaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda C‑659/13 u C‑34/14 (ĠU 2016, L 41, p. 3).

( 3 ) Fis-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat l-annullament tar-Regolament (KE) Nru 1472/2006 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1294/2009.

( 4 ) Iktar ’il quddiem, “Deichmann”.

( 5 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307; iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi doganali”).

( 6 ) Skont ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2700/2000, tas-16 ta’ Novembru 2000 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunita (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 10, p. 239).

( 7 ) Regolament tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51; iktar ’il quddiem, ir-“Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009”).

( 8 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006, tal-5 ta’ Ottubru 2006, jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU 2008, L 352M, p. 485).

( 9 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU 2009, L 352, p. 1).

( 10 ) Ir-Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 10, p. 45), kif emendat bir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 905/98, tas-27 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 111), u Nru 2238/2000, tad-9 ta’ Ottubru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 10, p. 116) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-1996”).

( 11 ) Sentenzi tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53); u tal-15 ta’ Novembru 2012, Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C‑247/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:710). Ir-riferiment għal dawn is-sentenzi, minn issa ’il quddiem, se jsir billi tissemma biss is-sentenza Brosmann.

( 12 ) Ibidem.

( 13 ) Sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74.

( 14 ) L-annullament sar minħabba li l-Kummissjoni Ewropea ma kinitx eżaminat l-applikazzjonijiet għal trattament tal-ekonomija tas-suq u tat-trattament individwali (“TI”) ippreżentati mill-produtturi esportaturi taċ-Ċina u l-Vjetnam mhux inklużi fil-kampjun, għall-kuntrarju ta’ dak li hu meħtieġ skont l-Artikolu 2(7)(b) u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament Nru 384/96.

( 15 ) Sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74.

( 16 ) Ibidem.

( 17 ) Sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74.

( 18 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill (C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punti 82 u 94); u tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS (C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punt 52).

( 19 ) Sentenza tad-9 ta’ Jannar 1990, SAFA (C‑337/88, EU:C:1990:1, punt 13).

( 20 ) Ara, għal kollha, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, A et (C‑158/14, EU:C:2017:202, punti 67 sa 70), u tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (C‑667/13, EU:C:2015:151, punti 28 sa 30).

( 21 ) Fil-fatt, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma pendenti żewġ rinviji għal deċiżjonijiet preliminari dwar ir-regolamenti ta’ implementazzjoni li jtemmu l-proċedura msemmija [Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2016/1395 u 2016/2257). Dawn huma l-kawżi C‑612/16, C & J Clark International, u C‑631/16 X BV vs Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Rijnmond. It-tnejn li huma jinsabu sospiżi, sakemm tingħata d-deċiżjoni għal din il-proċedura. Minbarra r-regolament ċċitati, ġew adottati r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2016/1647 u Nru 2016/1731.

( 22 ) L-applikazzjoni għal rimbors ġiet iddepożitata fit-12 ta’ Ġunju 2012 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 2016/223 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-18 ta’ Frar 2016.

( 23 ) Sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Zhejiang Aokang Shoes vs Il-Kunsill (C‑247/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:710); tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (C‑249/10 P, EU:C:2012:53), u tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74).

( 24 ) Sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74.

( 25 ) L-għan ta’ dan it-trasferiment huwa li jiġu identifikati l-produtturi esportaturi li l-applikazzjonijiet għal TES u TI tagħhom għandhom jiġu evalwati, minħabba li jkunu marbutin mat-talbiet għal rimbors mill-importaturi.

( 26 ) Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS (C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punt 46).

( 27 ) Digriet għar-rinviju preliminari, punti 13 sa 24.

( 28 ) Ibidem, punti 19 u 32.

( 29 ) Ibidem, punti 25 sa 30.

( 30 ) Ibidem, punti 31 sa 37.

( 31 ) Ibidem, punti 38 sa 42.

( 32 ) Kawża C‑365/15, EU:C:2017:19.

( 33 ) Konklużjonijiet tal-kawża Wortmann (C‑365/15, EU:C:2016:663, punt 43).

( 34 ) Fir-Regolament Nru 1472/2006 dawn ġew stabbiliti bħala perċentwali tat-tariffa. Il-pass ta’ qabel il-kalkolu tagħhom kien l-applikazzjoni tar-rata korrispondenti għall-valur doganali sabiex tiġi ddeterminata r-rata. Imbagħad, fuq din ir-rata tariffarja jiżdied il-perċentwal li jikkorrispondi għad-dazju antidumping (l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1472/2006).

( 35 ) Kawżi C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57.

( 36 ) Ibidem, punti 48 u 49, b’riferiment għas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 124 u ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda.

( 37 ) Ibidem, punt 51.

( 38 ) Ibidem, punt 50.

( 39 ) Ibidem, punt 52.

( 40 ) Ibidem, punt 55.

( 41 ) Kawża C‑361/14 P, EU:C:2016:434.

( 42 ) Ibidem, punt 38.

( 43 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi l-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-2009 sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tar-Regolament bażiku dwar l-antidumping tal-1996. Madankollu, it-trasferiment tal-kompetenza sar f’riforma iktar tard, li jagħmel rikors għal dan l-artikolu irrilevanti.

( 44 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, C‑361/14 P, EU:C:2016:434.

( 45 ) Ibidem, punt 40.

( 46 ) Tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il-Kummissjoni (T‑27/03, T‑46/03, T‑58/03, T‑79/03, T‑80/03, T‑97/03 u T‑98/03, EU:T:2007:317), u tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190).

( 47 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs McBride et (C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 45).

( 48 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2014, li jemenda ċerti regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri (ĠU 2014, L 18, p. 1), li daħal fis-seħħ 30 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-21 ta’ Jannar 2014.

( 49 ) Dawn huma “[i]l-proċeduri mibdija għall-adozzjoni ta’ miżuri previsti fir-Regolamenti elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament [fost liema hemm dak tal-1225/09] fejn, mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew qabel: a) il-Kummissjoni tkun adottat att; b) ikun hemm bżonn ta’ konsultazzjoni skont wieħed mir-Regolamenti elenkati fl-Anness u tali konsultazzjoni tkun bdiet; jew c) ikun hemm bżonn ta’ proposta skont wieħed mir-Regolamenti elenkati fl-Anness u l-Kummissjoni tkun adottat tali proposta”.

( 50 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016 (C‑361/14 P, EU:C:2016:434).

( 51 ) Hija rilevanti wkoll ir-referenza tas-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190) punt 63, skont liema “[s]kont il-prinċipju komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, li l-oriġini tagħhom imorru lura sad-dritt Ruman, hemm lok, fil-każ ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni, li tiġi żgurata, ħlief fil-każ li jiġi espress mod ieħor mil-leġiżlatur, il-kontinwità tal-istrutturi legali […]”.

( 52 ) Il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja tal-2016 (ĠU 2016, L 48, p. 1) fih taħt l-intestatura “riżorsi proprji” (p. 36) il-Kapitolu 12 dwar, “Dazji tad-dwana u dazji oħra msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom”, li, flimkien mad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni, jinkludi “dazji oħrajn stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi”.

( 53 ) Konklużjonijiet tal-kawża Wortmann (C‑365/15, EU:C:2016:663, punt 65).

( 54 ) Sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C‑397/98 u C‑410/98, EU:C:2001:134); tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimant in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774); tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et (C‑591/10, EU:C:2012:478); tas-27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et (C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591); u tat-18 ta’ April 2013, Irimie (C‑565/11, EU:C:2013:250).

( 55 ) Il-qorti tar-rinviju stess, fil-punt 40 tad-digriet tagħha, tidher li tasal għal din is-soluzzjoni meta tenfasizza li, għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dazju antidumping għandu jkun biżżejjed li jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għal TES u TI fuq il-bażi tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament Nru 384/96 mingħajr ma, fil-prinċipju, ikun meħtieġ regolament ġdid, peress li għandhom biss jitkomplew jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet korrispondenti, li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni.

( 56 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Wortmann (C‑365/15, EU:C:2017:19), parti operattiva.

( 57 ) Waqt is-seduta, Deichmann insistiet li l-possibbiltà ta’ impożizzjoni tad-dazji antidumping skadiet fil-31 ta’ Marzu 2011. Għandu jiġi nnotat, madankollu, li l-kalkolu rivedut huwa relatat ma’ importazzjonijiet li saru qabel dik id-data. Ma nbdewx proċeduri ġodda ta’ stabbiliment ta’ antidumping iżda, wara li ġew ikkontestati u mħassrin il-bażijiet għall-iffissar ta’ kalkoli preċedenti (Regolament Nru 1472/2006 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1294/2009), qegħdin jiġu riveduti biss sabiex jingħata rimedju għall-illegalitajiet iddikjarati fis-sentenza.

( 58 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 2014/149/UE, tat-18 ta’ Marzu 2014, li tirrifjuta l-proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni li jerġa’ jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u prodotti minn Brosmann Footwear (HK) Ltd, Seasonable Footwear (Zhongshan) Ltd, Lung Pao Footwear (Guangzhou) Ltd, Risen Footwear (HK) Co Ltd u Zhejiang Aokang Shoes Co. Ltd (ĠU 2014, L 82, p. 27).

( 59 ) Sentenza tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill, (C‑249/10 P, EU:C:2012:5).

( 60 ) Il-Kummissjoni, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, C 295, p. 6), ħabbret li hija kienet iddeċidiet li terġa’ tibda l-proċediment antidumping fil-punt eżatt li fih saret l-illegalità, u li teżamina jekk il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq kienux jpprevalu għall-applikanti għall-perijodu mill-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005 u stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw ruħhom.

( 61 ) Waqt is-seduta, il-Kummissjoni argumentat li r-rekwiżit ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet doganali kien jinvolvi biss l-identifikazzjoni ta’ liema produtturi-esportaturi kienu affettwati. B’hekk setgħet tiġi analizzata d-dokumentazzjoni pprovduta f’kull applikazzjoni oriġinali tagħhom għal TES u TI, filwaqt li jiġi evitat id-dewmien li ġġib magħha l-analiżi ta’ każijiet li ma kinux saru talbiet għal rimbors fir-rigward tagħhom.

( 62 ) Ir-rikors T‑154/17 magħmul minn Deichmann kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2257, tal-14 ta’ Diċembru 2016, li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mmanifatturati minn Chengdu Sunshine Shoes Co. Ltd., Foshan Nanhai Shyang Yuu Footwear Ltd. u Fujian Sunshine Footwear Co. Ltd. u li jimplementa s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda C‑659/13 u C‑34/14 huwa pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

( 63 ) Ara n-nota 21.

Top