This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CC0231
Opinion of Advocate General Szpunar delivered on 3 May 2017.#Merck KGaA v Merck & Co. Inc. and Others.#Request for a preliminary ruling from the Landgericht Hamburg.#Reference for a preliminary ruling — Regulation (EC) No 207/2009 — EU trade mark — Article 109(1) — Civil actions on the basis of EU trade marks and national trade marks — Lis pendens — Meaning of ‘same cause of action’ — Use of the name ‘Merck’ on the internet in domain names and on social media platforms — One action based on a national trade mark followed by another based on an EU trade mark — Disclaimer of jurisdiction — Scope.#Case C-231/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2017.
Merck KGaA vs Merck & Co. Inc. et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 109(1) – Azzjonijiet ċivili fuq il-bażi ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade marks nazzjonali – Lis pendens – Kunċett ta’ ‘l-istess fatti’ – Użu tat-terminu “Merck” fl-ismijiet ta’ domains u fuq pjattaformi tal-midja soċjali fuq l-internet – Azzjoni bbażata fuq trade mark nazzjonali segwita b’azzjoni bbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea – Astensjoni – Portata.
Kawża C-231/16.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2017.
Merck KGaA vs Merck & Co. Inc. et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 109(1) – Azzjonijiet ċivili fuq il-bażi ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade marks nazzjonali – Lis pendens – Kunċett ta’ ‘l-istess fatti’ – Użu tat-terminu “Merck” fl-ismijiet ta’ domains u fuq pjattaformi tal-midja soċjali fuq l-internet – Azzjoni bbażata fuq trade mark nazzjonali segwita b’azzjoni bbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea – Astensjoni – Portata.
Kawża C-231/16.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:330
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2017 ( 1 )
Kawża C-231/16
Merck KGaA
vs
Merck & Co. Inc.,
Merck Sharp & Dohme Corp,
MSD Sharp & Dohme GmbH
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Lis alibi pendens – Artikolu 109(1) – Azzjonijiet simultanji abbażi ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade mark nazzjonali – Kunċett tal-‘istess partijiet’ – Kumpanniji ekonomikament marbutin li jużaw l-istess trade mark – Kunċett tal-‘istess fatti’ – Użu tal-isem ‘Merck’ fuq is-sit internet u fuq pjattaformi online – Azzjoni bbażata fuq trade mark nazzjonali segwita b’azzjoni bbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea – Nuqqas parzjali ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita t-tieni għal dak li jikkonċerna parti mit-territorju tal-Unjoni”
Introduzzjoni
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża toffri għall-ewwel darba lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tinterpreta r-regola ta’ lis alibi pendens imsemmija fl-Artikolu 109(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 2 ), li tapplika f’każ ta’ azzjonijiet simultanji abbażi ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u trade marks nazzjonali. |
2. |
Din it-talba – li hija biss episodju tal-battalja legali bejn żewġ impriżi magħrufa mondjalment għall-użu tal-isem “Merck” – tressqet fil-kuntest ta’ azzjoni għal vjolazzjoni ppreżentata mill-kumpannija Merck KGaA quddiem qorti Ġermaniża, li ġiet adita fil-kwalità tagħha ta’ qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea. |
3. |
Il-kumpannija rikorrenti trid li t-tliet konvenuti fil-kawża prinċipali – Merck & Co. Inc., Merck Sharp & Dohme Corp u MSD Sharp & Dohme GmbH – jiġu pprojbiti milli jużaw il-kelma “Merck”, li hija protetta permezz tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, fuq siti internet aċċessibbli fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq il-pjattaformi online Facebook, Twitter u Youtube. |
4. |
Fil-mument li ġiet adita l-qorti Ġermaniża, kien hemm diġà azzjoni pendenti bejn dawn l-istess kumpanniji, ħlief għal waħda mill-kumpanniji konvenuti, quddiem qorti tar-Renju Unit. Dan ir-rikors parallel jipprevedi, b’mod partikolari, azzjoni għal vjolazzjoni minħabba l-użu fuq l-internet tal-kelma “Merck” koperta bit-trade marks nazzjonali. |
5. |
Il-pern tal-problema mqajma fil-kuntest ta’ din it-talba qiegħed fl-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 f’każ fejn l-ewwel qorti adita tkun mitluba tiddeċiedi, abbażi tat-trade marks nazzjonali, il-kwistjoni dwar il-vjolazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru, mentri l-qorti adita sussegwentement tkun qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li għandha ġurisdizzjoni għall-Unjoni kollha. |
Il-kuntest ġuridiku
6. |
L-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi kif ġej: “Meta kawżi ta’ vjolazzjoni li jinvolvu l-istess kawża li u li jkunu bejn l-istess partijiet jitressqu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, li waħda minnhom ikollha ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ trademark tal-UE waqt li l-oħra jkollha ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta’ trade mark nazzjonali:
|
Il-kawża prinċipali
7. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija kumpannija li tmexxi l-grupp Ġermaniż Merck, li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-settur kimiku u farmaċewtiku; l-istorja tagħha tmur lura sas-seklu 17. |
8. |
Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, żewġ kumpanniji Amerikani u s-sussidjarja Ġermaniża ta’ waħda minnhom, jappartjenu lil grupp Merck & Co (Merck Sharp & Dohme), li huwa wieħed mill-ikbar impriżi farmaċewtiċi mondjali. Storikament, dan il-grupp ġej mill ex sussidjarja Amerikana tal-grupp Ġermaniż Merck. B’effett mis-sena 1919, iż-żewġ gruppi huma totalment distinti mill-aspett ekonomiku. |
9. |
Wara l-imsemmija diviżjoni, diversi ftehimiet ta’ koeżistenza ġew konklużi bejn il-grupp Ġermaniż u l-grupp Amerikan għal dak li jikkonċerna l-użu tat-trade marks li jipproteġu l-isem “Merck”. Il-ftehim tal-1 ta’ Jannar 1970 konkluż bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u Merck & Co huwa wieħed minnhom. |
10. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija proprjetarja ta’ diversi trade marks li jipproteġu dan l-isem, fosthom, b’mod partikolari, trade marks nazzjonali protetti fir-Renju Unit, u t-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbali “Merck”, irreġistrata għal prodotti taħt il-klassijiet 5, 9, 16, u għal servizzi taħt il-klassi 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ oġġetti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-marki, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. |
11. |
Il-konvenuti fil-kawża prinċipali joperaw diversi siti internet li jużaw l-isem “Merck”. Fil-kuntest tal-attività ta’ dawn is-siti internet, l-għoti ta’ informazzjoni ma ġiex organizzat ġeografikament, fejn il-kontenut kien għaldaqstant aċċessibbli fl-istess forma fid-dinja kollha, u għaldaqstant ukoll fl-Unjoni kollha. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali kellhom ukoll tipi ta’ preżenzi oħra fuq l-internet, jiġifieri fuq il-pjattaformi online Facebook, Twitter u Youtube. |
12. |
Fit-8 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ippreżentat quddiem il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), sezzjoni taċ-Chancery, ir-Renju Unit] rikors kontra l-ewwel żewġ konvenuti fil-kawża prinċipali kif ukoll tliet kumpanniji oħra li jappartjenu lill-istess grupp. Dan ir-rikors jindirizza, min-naħa waħda, il-ksur tal-ftehim tal-1 ta’ Jannar 1970 u, min-naħa l-oħra, il-vjolazzjoni tat-trade marks nazzjonali u tat-trade marks internazzjonali protetti fir-Renju Unit, minħabba l-użu mill-konvenuti fil-kawża prinċipali tal-isem “Merck” fuq l-internet. |
13. |
Fil-11 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ippreżentat ukoll quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), azzjoni għal vjolazzjoni bbażata fuq it-trade mark tal-Unjoni Ewropea Merck, u indirizzata kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali minħabba l-użu tal-isem “Merck” fis-siti internet tagħhom kif ukoll fuq il-pjattaformi Facebook, Twitter u Youtube. |
14. |
B’noti tal-11 ta’ Novembru 2014 kif ukoll tat-12 ta’ Marzu, tal-10 ta’ Settembru u tat-22 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rrinunzjat għar-rikors tagħha għal dak li jikkonċerna t-territorju tar-Renju Unit. Din ir-rinunzja ġiet ikkontestata mill-konvenuti fil-kawża prinċipali. |
15. |
Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li r-rikors pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju huwa inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, tal-inqas sa fejn dan jikkonċerna l-motiv ibbażat fuq il-vjolazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-Unjoni kollha. Ir-rinunzja parzjali magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija bla effett f’dan ir-rigward. |
16. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni min-naħa tagħha li, inkwantu fit-tieni proċedura, hija tinvoka drittijiet li jingħatawlha mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea, validi għall-Unjoni kollha, l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ma japplikax u li, fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni lanqas ma hija applikabbli minħabba r-rinunzja parzjali tagħha għal dak li jikkonċerna t-territorju tar-Renju Unit. |
17. |
Il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami. Hija ttendi li tgħid li ż-żewġ proċeduri inkwistjoni jikkoinċidu u li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li tingħata dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni parzjali, limitata għal Stat Membru wieħed. Barra minn hekk, hija tistaqsi fuq l-għażla bejn l-applikazzjoni tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-applikazzjoni tal-paragrafu 1(b) tal-istess artikolu, filwaqt li tenfasizza li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea invokata quddiemha tolqot lista ta’ prodotti u servizzi iktar wiesgħa minn dik tat-trade mark nazzjonali invokata quddiem il-qorti tar-Renju Unit. |
Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
18. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
|
19. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2016. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni pparteċipaw ukoll fis-seduta li nżammet fil-15 ta’ Frar 2017. |
Analiżi
Osservazzjonijiet preliminari
20. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża ser tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni biex teżamina diversi aspetti mhux ikkodifikati tar-regola lis alibi pendens applikabbli fid-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, prevista mill-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009. |
21. |
Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni u mill-iskambji li kien hemm bejn il-partijiet waqt is-seduta, il-fatti deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju juru dubju għal dak li jikkonċerna r-rekwiżit tal-identiċità tal-partijiet. Fil-fatt, il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju saret kontra s-sussidjarja Ġermaniża tal-grupp Amerikan li ma hijiex involuta fl-ewwel proċedura. Nikkunsidra li din il-kwistjoni – għalkemm ma tissemmiex fid-domandi preliminari – għandha tiġi eżaminata sabiex ikunu ċari għall-qorti tar-rinviju l-aspetti rilevanti kollha tal-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009. |
22. |
Fit-tieni lok, ser nanalizza l-problema ċentrali ta’ din il-kawża, li tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-rekwiżit tal-identiċità tal-kawżi fis-sens tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Din l-analiżi ser tkopri wkoll il-kwistjoni tal-obbligu tal-qorti li tkun ġiet adita t-tieni biex tirrinunzja parzjalment għal dak li jikkonċerna parti mit-territorju tal-Unjoni (l-ewwel sar-raba’ domandi preliminari). |
23. |
Fit-tielet lok, anki jekk ir-risposti għad-domandi preċedenti kellhom jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kwistjoni tal-eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens, jiena ser neżamina b’mod sussidjarju ż-żewġ aspetti l-oħra tad-domanda preliminari. Dawn jirrigwardaw, minn naħa, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rinunzja parzjali biex tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens (il-ħames u s-sitt domanda preliminari) u, min-naħa l-oħra, id-delimitazzjoni bejn il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (is-seba’ domanda preliminari). |
Ir-regola ta’ lis alibi pendens li tinsab fl-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009
24. |
L-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħmel riferiment ġenerali għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 3 ). |
25. |
Dan ir-riferiment japplika mingħajr ħsara għar-regoli speċifiċi. L-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi tali regola speċifika għal dak li jikkonċerna l-lis alibi pendens ta’ kawżi ċivili simultanji abbażi ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade marks nazzjonali. |
26. |
Din ir-regola ssib il-ġustifikazzjoni tagħha fil-koeżistenza bejn it-trade mark tal-Unjoni Ewropea u t-trade marks nazzjonali, li hija karatteristika tas-sistema tal-protezzjoni tat-trade marks fl-Unjoni. |
27. |
L-għan tar-regola msemmija fl-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jaqbel, fis-sustanza, ma’ dak tar-regoli ta’ lis alibi pendens imsemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolament Brussell I ( 4 ). Dan l-għan jikkonsisti f’li jiġu evitati deċiżjonijiet kontradittorji f’azzjonijiet paralleli li jinvolvu lill-istess partijiet u li għandhom l-istess suġġett u l-istess kawża ( 5 ). |
28. |
Madankollu, l-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jittratta l-problema ta’ lis alibi pendens f’kuntest limitat ħafna, jiġifieri dak ta’ żewġ azzjonijiet għal vjolazzjoni paralleli, waħda magħmula abbażi ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u l-oħra abbażi ta’ trade mark nazzjonali identika. |
29. |
Fir-rigward għaldaqstant ta’ leġiżlazzjoni direttament ispirata mir-regoli ta’ lis alibi pendens li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 6 ) u, sussegwentement, riprodotti fir-Regolament Brussell I, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar tibqa’ ta’ interess ( 7 ). |
30. |
Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li r-Regolament Nru 207/2009 ma jikkontemplax is-sitwazzjonijiet kollha ta’ lis alibi pendens li jinvolvu trade mark tal-Unjoni Ewropea. Il-kawżi paralleli ppreżentati quddiem il-qrati tad-diversi Stati Membri abbażi tal-istess trade mark tal-Unjoni Ewropea jaqgħu b’mod partikolari taħt ir-regoli ta’ lis alibi pendens imsemmija fir-Regolament Brussell I (jew, għall-kawżi ppreżentati sa mill-10 ta’ Jannar 2015, ir-Regolament Nru 1215/2012) ( 8 ). |
31. |
Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ lis alibi pendens li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu neċessarjament ikun l-istess bħal dak li fuqu huwa bbaża l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Brussell I. |
32. |
Il-kunċetti użati fl-Artikolu 27 tar-Regolament Brussell I biex jiddeterminaw is-sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens huma awtonomi mill-kunċetti simili preeżistenti fid-dritt nazzjonali ( 9 ). |
33. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ lis alibi pendens billi għamlet test li jinvolvi tliet elementi: l-identiċità tal-partijiet, l-identiċità tal-kawża u l-identiċità tas-suġġett tat-talbiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-kliem tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, fil-verżjoni Franċiża kif ukoll f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, mingħajr ma kkunsidrat il-fatt li l-verżjoni Ġermaniża u dik Ingliża ma jiddistingwux bejn il-kunċetti tas-“suġġett” u tal-“kawża” tat-talbiet ( 10 ). |
34. |
L-interpretazzjoni tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 toħloq problema lingwistika simili. Fil-fatt, il-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 tuża l-istess espressjoni bħal dik użata fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Brussell I ( 11 ), filwaqt li, bil-lingwa tal-Franċiż u b’dik tal-Ġermaniż, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jużaw kliem differenti ( 12 ). |
35. |
Issa, fid-dawl tal-fatt li din hija b’mod ċar regola ispirata mir-regoli ta’ lis alibi pendens fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, fil-fehma tiegħi ma għandux jingħata każ ta’ din id-diverġenza lingwistika. Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009, wieħed għandu jitlaq mill-ipoteżi li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-istess kunċett ta’ lis alibi pendens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Brussell I – li jinkorpora t-test fuq tliet livelli dwar l-identiċità tal-partijiet, tal-kawża u tas-suġġett tat-talbiet ( 13 ). |
36. |
Id-differenza bejn ir-regoli ta’ lis alibi pendens tal-imsemmi Artikolu 109 u dawk tar-Regolament Brussell I qiegħda fil-fatt li, fl-ewwel każ, ir-rekwiżit dwar l-identiċità tat-talbiet huwa ssodisfatt, minkejja l-bażijiet legali formalment distinti tagħhom – peress li waħda saret abbażi ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u l-oħra abbażi ta’ trade mark nazzjonali – meta t-trade marks inkwistjoni huma identiċi u validi għall-istess prodotti jew servizzi. |
Fuq l-identiċità tal-partijiet
37. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tieni proċedura mibdija f’din il-kawża tinvolvi konvenut li ma kienx konvenut fl-ewwel proċedura, jiġifieri s-sussidjarja Ġermaniża tal-grupp ifformat mill-ewwel żewġ konvenuti fil-kawża prinċipali. |
38. |
Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit jekk iż-żewġ kawżi humiex bejn l-istess partijiet. |
39. |
Fil-fatt, meta l-partijiet fi proċeduri paralleli jkunu biss parzjalment l-istess, il-qorti adita sussegwentement hija obbligata tirrinunzja biss sa fejn il-partijiet fiż-żewġ proċeduri ikunu l-istess, u l-proċedura għalhekk tkun tista’ tkompli bejn il-partijiet l-oħra ( 14 ). |
40. |
L-identiċità tal-partijiet tippreżumi, fil-prinċipju, li jkun hemm involuti l-istess persuni. |
41. |
Madankollu, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, dan ir-rekwiżit jista’ jkun issodisfatt anki jekk il-partijiet fil-proċeduri paralleli jkunu persuni differenti. |
42. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li ma jistax jiġi eskluż li l-interessi taż-żewġ partijiet ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati li huma tant identiċi u indiviżibbli, fir-rigward tas-suġġett taż-żewġ kawżi, li dawn il-partijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-istess parti waħda għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta’ lis alibi pendens ( 15 ). |
43. |
Nikkunsidra li tali ipoteżi eċċezzjonali tqum fil-każ ta’ żewġ azzjonijiet għal vjolazzjoni paralleli – bħalma huma dawk ineżami – li jimplikaw l-istess sinjal użat minn kumpanniji marbutin ekonomikament bejniethom. |
44. |
Fil-fatt, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, il-kontroll tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inklużi d-drittijiet ta’ trade marks, għandu jiġi fdat f’idejn waħda mill-persuni ġuridiċi, spiss il-kumpannija li tmexxi l-grupp, minkejja li, fil-prattika, is-sinjali jistgħu jintużaw b’mod uniformi mill-kumpanniji tal-grupp kollha. |
45. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interessi tal-kumpanniji kkonċernati, għalkemm huma persuni separati, huma kkaratterizzati b’din l-uniċità li l-imsemmija kumpanniji jistgħu jitqiesu bħala li huma l-istess parti waħda fid-dawl tal-għan li jiġu evitati deċiżjonijiet kontradittorji fil-qasam tat-trade marks ( 16 ). |
46. |
Nikkunsidra għaldaqstant li, f’ċirkustanzi bħalma huma tal-każ ineżami, żewġ azzjonijiet għal vjolazzjoni paralleli, magħmula, waħda, kontra l-kumpannija parent u, l-oħra, kontra din l-istess kumpannija u s-sussidjarja tagħha, għandhom jitqiesu bħala li saru bejn l-istess partijiet, peress li dawn l-azzjonijiet għandhom bħala suġġett l-użu tal-istess sinjal minn kumpanniji marbutin ekonomikament bejniethom. Evidentement, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika dawn il-kunsiderazzjonijiet għall-kawża prinċipali. |
Fuq l-identiċità tal-azzjonijiet għal vjolazzjoni
47. |
Kif diġà rrilevajt, l-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jistrieħ fuq l-istess kunċett ta’ lis alibi pendens bħall-Artikolu 27(1) tar-Regolament Brussell I. |
48. |
Mill-ġurisprudenza li tirrigwarda lil dan l-aħħar regolament jirriżulta li l-azzjonijiet li jaqgħu taħt ir-regola ta’ lis alibi pendens irid ikollhom l-istess “kawża”, jiġifieri l-istess bażi fattwali u ġuridika ( 17 ), u l-istess “suġġett”, jiġifieri jkollhom l-istess għan ( 18 ). |
49. |
Għaldaqstant, l-azzjonijiet ma għandhomx ikunu “identiċi” fis-sens proprju tal-kelma, imma għandhom jikkoinċidu għal dak li hija l-kawża u s-suġġett tagħhom ( 19 ). |
50. |
Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa bbażat fuq l-istess elementi, inkwantu jipprovdi li huwa japplika għal azzjonijiet għal vjolazzjoni magħmula fuq l-istess fatti u abbażi ta’ trade marks identiċi, nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea. |
51. |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-kawża tal-azzjonijiet, jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju li ż-żewġ azzjonijiet huma bbażati fuq bażijiet ġuridiċi li huma simili għall-iskopijiet tar-regola ta’ lis alibi pendens ikkontemplata fl-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri fuq id-drittijiet esklużivi li joħorġu mit-trade marks nazzjonali u minn trade mark tal-Unjoni Ewropea identiċi. |
52. |
Barra minn hekk, iż-żewġ proċeduri jinvolvu elementi ta’ fatt li jaqblu sa ċertu punt, inkwantu jirrigwardaw l-użu tas-sinjal “Merck” fuq l-istess siti internet. |
53. |
Id-diffikultajiet interpretattivi inerenti għal din il-kawża jikkonċernaw l-aspett territorjali ta’ dawn it-talbiet. |
54. |
Fil-fatt, għalkemm iż-żewġ azzjonijiet huma intiżi li jaraw li jkun ipprojbit l-użu tal-istess sinjal, il-portata tal-konstatazzjoni ta’ vjolazzjoni fiż-żewġ azzjonijiet kif ukoll l-effetti territorjali tal-projbizzjonijiet jikkoinċidu biss parzjalment. |
55. |
Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita bl-ewwel rikors li huwa bbażat fuq it-trade mark nazzjonali hija limitata għat-territorju tar-Renju Unit, mentri t-tieni rikors ġie ppreżentat quddiem qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009, fejn dik il-qorti hija kompetenti biex teżamina l-eżistenza ta’ fatti ta’ vjolazzjoni fit-territorju ta’ kull Stat Membru u biex tordna projbizzjoni li testendi għall-Unjoni kollha. |
56. |
X’effett għandha din id-differenza fuq l-evalwazzjoni tal-identiċità tal-kawża u tas-suġġett fiż-żewġ azzjonijiet? |
57. |
Il-fehmiet tal-partijiet huma maqsumin fuq dan il-punt. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkunsidra li d-differenza fil-portata territorjali taż-żewġ azzjonijiet teskludi li wieħed jista’ jikkonkludi li l-azzjonijiet huma identiċi. Il-partijiet konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu, min-naħa tagħhom, li s-sitwazzjoni inkwistjoni tikkonċerna żewġ azzjonijiet identiċi għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. |
58. |
Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tindika li r-rekwiżit tal-identiċità tal-“fatti” għandu jirreferi għal vjolazzjoni tal-istess trade marks fit-territorju tal-istess Stati Membri. Il-kunċett tal-“istess fatti” għandu jinftiehem, fil-fehma tagħha, fil-kuntest tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, bħala li jikkontempla żewġ talbiet li jinvokaw mhux biss il-vjolazzjoni ta’ trade marks identiċi, iżda wkoll l-istess territorju. |
59. |
Nosserva li l-kwistjoni mqajma b’din il-kawża tikkonċerna problema li fuqha, fid-duttrina, hemm żewġ pożizzjonijiet. |
60. |
Skont l-ewwel pożizzjoni, l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jippermettix it-tieni azzjoni għal vjolazzjoni li tirrigwarda l-istess trade mark, indipendentement mill-aspetti territorjali taż-żewġ azzjonijiet. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni teżiġi li l-qorti adita sussegwentement abbażi ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tirrinunzja, anki jekk l-ewwel azzjoni tkun ibbażata fuq trade mark nazzjonali u tikkonċerna għaldaqstant konstatazzjoni ta’ vjolazzjoni limitata għat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ( 20 ). |
61. |
Skont it-tieni pożizzjoni, żewġ atti ta’ vjolazzjoni, li huma s-suġġett ta’ azzjonijiet simultanji abbażi ta’ trade mark nazzjonali, min-naħa, u ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, ikunu identiċi biss meta l-fatti jikkonċernaw l-istess territorju. Il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea ma hijiex obbligata tirrinunzja l-ġurisdizzjoni meta l-portata territorjali tal-kwistjoni li tkun adita biha tkun iktar wiesgħa minn dik tal-kwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali li tkun ġiet adita l-ewwel ( 21 ). L-istess dubju li jikkonċerna ż-żewġ interpretazzjonijiet li l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi huwa rifless ukoll f’ċerti deċiżjonijiet nazzjonali ( 22 ). |
62. |
Dawn iż-żewġ pożizzjonijiet jaqblu biex jaċċettaw li l-formulazzjoni tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 hija problematika. Interpretat f’sens wiesgħa, huwa juri lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Dan isib ruħu fl-impossibbiltà li jressaq azzjoni biex jipproteġi d-drittijiet tiegħu fuq livell Ewropew, minħabba l-eżistenza ta’ azzjoni simultanja abbażi tat-trade mark nazzjonali, pendenti quddiem qorti li għandha l-kompetenza biex tiddeċiedi fuq il-vjolazzjoni limitata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed ( 23 ). |
63. |
Fil-fehma tiegħi, sabiex jitneħħa kull dubju dwar l-interpretazzjoni, għandu jsir riferiment għall-istruttura tad-dispożizzjoni kkonċernata. |
64. |
L-għan imfittex mill-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009 joħroġ mir-rabta bejn żewġ prinċipji, jiġifieri, min-naħa, in-natura unitarja tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, il-koeżistenza ta’ din it-trade mark mat-trade marks nazzjonali, li twassal għan-neċessità li jiġu evitati sentenzi kontradittorji. |
65. |
Ir-rabta bejn dawn il-prinċipji toħroġ mill-għanijiet deskritti fil-premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 207/2009. Skont dawn il-premessi, l-effetti tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-vjolazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu estiżi għall-Unjoni kollha. Barra minn hekk, għandu jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet kontradittorji wara azzjonijiet imressqa, għall-istess fatti, abbażi ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u ta’ trade marks nazzjonali paralleli ( 24 ). |
66. |
Issa, ir-rabta bejn dawn iż-żewġ għanijiet tkun ippreġudikata jekk l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jiġi interpretat b’mod wiesa’, fis-sens li jipprekludi lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea milli jipprevalixxi ruħu mill-effett pan-Ewropew ta’ tali trade mark, minħabba l-eżistenza ta’ azzjoni simultanja magħmula abbażi ta’ trade mark nazzjonali u li tirrigwarda l-vjolazzjoni fit-territorju iktar limitat. Tali interpretazzjoni tikkontribwixxi, ċertament, biex tippromwovi l-għan li jikkonsisti f’li jiġu evitati deċiżjonijiet kontradittorji, iżda tipperikola l-għan li jiġi ggarantit li l-effetti tad-deċiżjonijiet fuq il-vjolazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jestendu għall-Unjoni kollha. |
67. |
Min-naħa l-oħra, il-bilanċ bejn dawn iż-żewġ għanijiet jista’ jkun żgurat b’mod sħiħ jekk l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jiġi interpretat bħala li japplika biss għall-azzjonijiet paralleli li l-aspetti territorjali tagħhom ikunu jikkoinċidu ma’ xulxin. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tiggarantixxi, min-naħa, li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jkun jista’ jipproteġi d-drittijiet tiegħu fuq livell Ewropew u dan anki fil-preżenza ta’ azzjoni simultanja abbażi ta’ trade mark nazzjonali. Min-naħa l-oħra, hija tippermetti wkoll li jiġu evitati deċiżjonijiet kontradittorji, inkwantu l-ġurisdizzjonijiet territorjali tal-qrati aditi b’mod parallel abbażi ta’ trade marks nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea jistgħu jkunu ddelimitati b’mod ċar. |
68. |
Għaldaqstant, nikkunsidra li, fejn l-ewwel azzjoni hija magħmula abbażi ta’ trade mark nazzjonali, li tikkonċerna l-vjolazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u, t-tieni waħda, abbażi ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna l-vjolazzjoni f’dak l-Istat Membru, imma wkoll f’partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni, dawn iż-żewġ azzjonijiet jikkoinċidu ma’ xulxin b’mod parzjali biss għal dak li jirrigwarda l-vjolazzjoni fit-territorju li fih hija protetta din it-trade mark nazzjonali. |
69. |
Din il-kunsiderazzjoni jidhirli li hija kkorroborata mill-approċċ iktar ġenerali li jsostni l-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Brussell I. |
70. |
Fil-kuntest tal-Artikolu 27 ta’ dak ir-regolament, l-identiċità tal-kawża u tas-suġġett għandha tiġi eżaminata, b’mod partikolari, fid-dawl tal-effetti potenzjali tad-deċiżjoni li tkun ser tingħata mill-ewwel qorti li tkun ġiet adita. B’hekk, wieħed għandu jistaqsi jekk il-parti fl-ewwel kawża għadx għandu vantaġġ x’jikseb, fit-tieni kawża, wara li jkun kiseb raġun jew ikun tilef fl-ewwel kawża ( 25 ). |
71. |
Konsegwentement, ir-rinunzja minħabba l-lis alibi pendens tkun xierqa biss jekk l-effetti potenzjali tad-deċiżjonijiet fiż-żewġ proċeduri jkunu sovrapposti. Dan il-prinċipju, jekk huwa validu għall-Artikolu 27 tar-Regolament Brussell I, għandu jkun hekk ukoll għall-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 ( 26 ). |
72. |
Issa, f’dan il-każ fejn, bħalma hu l-każ ineżami – il-qorti li ġiet adita l-ewwel tiddeċiedi fuq il-vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali, il-fatt li jirbaħ l-ewwel kawża ma jagħtix lill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea protezzjoni daqshekk estiża daqs dik mitluba fit-tieni kawża abbażi tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. |
73. |
Ċertament, l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż ukoll li jevita sitwazzjoni fejn il-proprjetarju ta’ trade marks paralleli – trade mark tal-Unjoni Ewropea u trade mark nazzjonali identika – ikun jista’ jadixxi żewġ qrati fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-istess vjolazzjoni. |
74. |
Madankollu, nosserva li tali abbuż mill-proċeduri ma jistax ikun preżunt. B’mod partikolari ma jistax jiġi eskluż li l-proprjetarju ta’ trade marks paralleli ikun jista’, taħt ċerti sitwazzjonijiet, ikun oġġettivament obbligat jinvoka d-drittijiet tiegħu f’żewġ proċeduri paralleli. Dan jidher li hu l-każ hawnhekk, peress li l-vjolazzjoni li tirrigwarda t-territorju tar-Renju Unit għandha tiġi eżaminata b’mod konġunt mat-tilwima kuntrattwali li oriġinat mill-ftehim ta’ koeżistenza tal-1 ta’ Jannar 1970. |
75. |
Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni li nipproponi jidhirli li hija kkonfortata b’kunsiderazzjonijiet iktar fundamentali, ispirati mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
76. |
F’dan ir-rigward, jien konxju mill-fatt li l-invokar tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jistax fil-prinċipju jwassal biex ibiddel il-portata tar-regoli ta’ lis alibi pendens jew tar-regoli dwar id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni b’mod ġenerali ( 27 ). Madankollu, fil-fehma tiegħi, meta dispożizzjoni partikolari tkun tista’ tiġi interpretata b’żewġ modi possibbli, għandha tintgħażel dik li tippermetti li tiġi żgurata soluzzjoni ggwidata mill-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Issa, jekk l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 kellu jiġi interpretat bħala li jeżiġi li l-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tirrinunzja l-ġurisdizzjoni fil-każ ta’ azzjoni simultanja quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali inqas estiża, il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tista’ tkun ippreġudikata. |
77. |
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nikkunsidra li l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, is-suġġett u l-kawża taż-żewġ azzjonijiet għal vjolazzjoni, l-ewwel waħda magħmula abbażi ta’ trade mark nazzjonali u tirrigwarda l-vjolazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru, u t-tieni waħda magħmula abbażi ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u tirrigwarda l-vjolazzjoni fl-Unjoni kollha, jikkoinċidu biss parzjalment, għal dak li jirrigwarda t-territorju tal-Istat li fih hija protetta dik it-trade mark nazzjonali. |
Fuq rinunzja parzjali, limitata għal parti mit-territorju tal-Unjoni
78. |
X’obbligu għandha, skont l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, il-qorti li tkun adita t-tieni, f’każ fejn l-azzjonijiet għal vjolazzjoni jikkoinċidu biss parzjalment? |
79. |
Fil-prinċipju, f’każ ta’ sovrappożizzjoni parzjali bejn iż-żewġ kawżi, il-qorti li tkun adita t-tieni hija obbligata tirrinunzja biss sa fejn dan ikun neċessarju biex tiġi evitata l-imsemmija sovrappożizzjoni ( 28 ). |
80. |
Dan jippreżupponi ovvjament li tali rinunzja parzjali tkun possibbli fid-dawl tan-natura tat-tieni proċedura. |
81. |
Nosserva f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet il-prinċipji li jippermettu lill-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tillimita, b’mod eċċezzjonali, l-effetti territorjali ta’ deċiżjoni f’azzjoni għal vjolazzjoni, u dan f’żewġ każijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, f’każ fejn ir-rikorrent ikun illimita l-portata territorjali tal-azzjoni tiegħu fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa libera tiegħu li jiddetermina l-portata tal-azzjoni u t-tieni nett, f’każ fejn il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tikkonkludi, abbażi tal-elementi li għandhom, fil-prinċipju, jitressqu quddiemha mill-konvenut, li l-użu ta’ sinjal partikolari ma joħloq ebda riskju ta’ konfużjoni mat-trade mark tal-Unjoni Ewropea f’xi parti, iddefinita b’mod preċiż, mit-territorju tal-Unjoni ( 29 ). |
82. |
Jidhirli xieraq li nżid it-tielet ipoteżi ta’ limitazzjoni tal-portata territorjali tad-deċiżjoni mogħtija f’azzjoni kontra l-vjolazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea. Hija tikkonċerna l-każ fejn il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, li tkun ġiet adita t-tieni, ikollha tirrinunzja parzjalment sabiex tillimita l-portata tal-azzjonijiet simultanji abbażi ta’ trade marks nazzjonali u ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea. |
83. |
Barra minn hekk, nikkunsidra li r-responsabbiltà li tiġi ddelimitata l-ġurisdizzjoni territorjali sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens hija mhux tal-partijiet fil-kawżi, imma tal-qorti li tkun ġiet adita t-tieni. |
84. |
Din il-kunsiderazzjoni toħroġ kemm mir-rwol ta’ qorti għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha kif ukoll mill-mekkaniżmu tar-regoli ta’ lis alibi pendens, li jipprevedu s-sospensjoni tal-proċeduri u sussegwentement ir-rinunzja bħala konsegwenza tas-sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens. Din hija riflessa wkoll fil-formulazzjoni tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, li jeżiġi li l-qorti li tkun adita t-tieni għandha tirrinunzja, anki ex officio. |
85. |
Fid-dawl tal-premess, nikkunsidra li l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ fejn l-azzjonijiet simultanji magħmula abbażi ta’ trade mark nazzjonali u ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jkunu parzjalment sovrapposti għal dak li jikkonċerna t-territorju li fih hija protetta t-trade mark, il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, meta hija tkun ġiet adita t-tieni, għandha tirrinunzja, anki ex officio, għall-ġurisdizzjoni fuq il-parti tat-talba li tikkonċerna t-territorju li fir-rigward tiegħu l-azzjonijiet ikunu sovrapposti. |
B’mod sussidjarju, fuq il-konsegwenzi tal-irtirar parzjali
86. |
Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ħames sas-seba’ domanda preliminari. Jien ser neżaminahom fil-qosor, b’mod sussidjarju, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li jkun utli li tirrispondi għalihom. |
87. |
Permezz tal-ħames u s-sitt domandi preliminari, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk rinunzja parzjali għall-atti min-naħa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna l-vjolazzjoni fit-territorju tar-Renju Unit, tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 109(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
88. |
Nosserva, preliminarjament, li l-partijiet konvenuti fil-kawża prinċipali jindikaw li r-rinunzja inkwistjoni ma hijiex effettiva fid-dawl tar-regoli proċedurali nazzjonali, li skonthom, biex ikollha effett unilateralment, ir-rinunzja għandha ssir qabel is-seduta. Issa, din hija kwistjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali, li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, jien ser nillimita ruħi biex neżamina l-effetti tar-rinunzja għall-atti mill-perspettiva tal-Artikolu 109(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
89. |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li r-rinunzja f’dan il-każ telimina s-sovrappożizzjoni bejn iż-żewġ proċeduri, b’tali mod li ma jibqax ikun hemm sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens. Il-partijiet konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu, min-naħa tagħhom, li s-sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens għandha tkun evalwata fil-bidu tal-proċedura, b’tali mod li r-rinunzja għall-atti matul il-proċedura ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. |
90. |
Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tippronunzja ruħha fuq il-konsegwenzi ta’ rinunzja għall-atti fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ lis alibi pendens ( 30 ). |
91. |
Huwa ċertament minnu li, peress li r-regoli ta’ lis alibi pendens jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, id-deċiżjoni f’dan ir-rigward għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-prinċipju, b’riferiment għas-sitwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors. |
92. |
Madankollu, din il-kunsiderazzjoni għandha tkun marbuta mal-għan tar-regoli kkonċernati li huma intiżi li jevitaw deċiżjonijiet kontradittorji. Fil-fehma tiegħi, meta, wara dak li jkun seħħ fil-kawża, ma jkunx għad hemm riskju ta’ kontradizzjoni, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu applikati r-regoli ta’ lis alibi pendens ( 31 ). |
93. |
Għaldaqstant, nikkunsidra li, meħud kont tar-rinunzja parzjali li saret b’mod validu fil-kuntest tat-tieni proċedura, l-azzjonijiet simultanji għal vjolazzjoni ma jistgħux jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma identiċi, u dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. |
Sussidjarjament, fuq l-identiċità tal-prodotti u tas-servizzi
94. |
Permezz tas-seba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju trid tiddistingwi l-ipoteżijiet ikkontemplati taħt l-Artikolu 109(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
95. |
Għalkemm ir-rilevanza ta’ dan l-aspett ma ġietx spjegata fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-argumenti tal-partijiet fil-kawża prinċipali juru dibattitu fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 japplikax meta t-trade mark tal-Unjoni Ewropea invokata quddiem il-qorti li tkun ġiet adita t-tieni tkun ġiet irreġistrata wkoll għal prodotti u servizzi supplimentari meta mqabbla mat-trade mark nazzjonali invokata fl-ewwel kawża. |
96. |
F’dan ir-rigward, kif ġustament osservat il-Kummissjoni, jidher li huwa rilevanti li jiġi stabbilit, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, jekk l-azzjonijiet quddiem iż-żewġ qrati jinvokawx vjolazzjoni ta’ trade mark nazzjonali u ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, rispettivament, għal dak li jikkonċerna l-istess prodotti jew servizzi. Jekk il-vjolazzjoni fir-rigward tal-prodotti jew servizzi supplimentari tkun ġiet invokata biss quddiem il-qorti adita t-tieni, il-kawża taż-żewġ azzjonijiet tkun sovrapposta biss parzjalment, b’tali mod li għandha tkun prevista rinunzja parzjali. |
97. |
Madankollu, kif diġà rrilevajt, dan l-aspett ma huwiex rilevanti jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-proposti ta’ risposta tiegħi fir-rigward tal-ewwel erba’ domandi preliminari. |
Konklużjoni
98. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Landgericht Hamburg (qorti reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) bil-mod kif ġej: L-Artikolu 109(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta żewġ azzjonijiet għal vjolazzjoni jiġu ppreżentati quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, l-ewwel waħda abbażi ta’ trade mark nazzjonali, li tikkonċerna l-vjolazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru u t-tieni waħda abbażi ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna l-vjolazzjoni fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni kollu, dawn l-azzjonijiet ikunu sovrapposti biss parzjalment, sa fejn jikkonċernaw it-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, meta hija tiġi adita t-tieni, għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni, anki ex officio, fuq il-parti tat-talba li tikkonċerna t-territorju li fir-rigward tiegħu l-azzjonijiet ikunu sovrapposti. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1). Apparti l-inklużjoni tar-riferimenti għat-“trademark tal-UE”, ir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21), ma biddilx id-dispożizzjonijiet ikkonċernati.
( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”).
( 4 ) Issostitwit, b’effett mill-10 ta’ Jannar 2015, mill-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Fid-dawl tar-regola tranżitorja kkontemplata fl-Artikolu 66(1) ta’ dan ir-regolament, din l-azzjoni, li tressqet qabel l-10 ta’ Jannar 2015, għandha tkompli tkun irregolata mir-Regolament Brussell I. Nosserva, barra minn hekk, li l-ipoteżi ta’ lis alibi pendens imsemmija fl-ewwel paragrafu taż-żewġ artikoli hija fformulata b’mod identiku.
( 5 ) Premessa 17 tar-Regolament Nru 207/2009.
( 6 ) Konvenzjoni, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda għal dik il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).
( 7 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Hummel Holding (C-617/15, EU:C:2017:13, punt 33).
( 8 ) Ara Schennen, D., f’Eisenführ, G., Schennen, D., Gemeinschaftsmarkenverordnung, 4a Ed., Carl Heymanns Verlag, Köln, 2014, Artikolu 109, punt 4.
( 9 ) Ara, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik (144/86, EU:C:1987:528, punt 11), u tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C-406/92, EU:C:1994:400, punt 30). Jien ma naqbilx mal-opinjoni ta’ D. Schennen, li josserva li l-identiċità tal-partijiet u tal-fatti tiġi evalwata skont id-dritt proċedurali nazzjonali. Ara Schennen, D., f’Eisenführ, G., Schennen, D., Gemeinschaftsmarkenverordnung, 4a Ed., Carl Heymanns Verlag, Köln, 2014, Artikolu 109, punt 8.
( 10 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik (144/86, EU:C:1987:528, punt 14), u tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C-406/92, EU:C:1994:400, punt 38).
( 11 ) Bl-Ingliż “[Actions/proceedings] involving the same cause of action”.
( 12 ) Bil-Franċiż, “demandes ayant le même objet et la même cause” (Artikolu 27 tar-Regolament Brussell I) u “actions en contrefaçon […] formées pour les mêmes faits” (Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 207/2009). Bil-Ġermaniż, “Klagen wegen desselben Anspruchs” u “Verletzungsklagen … wegen derselben Handlungen” rispettivament.
( 13 ) Ara, fir-rigward tar-rabta bejn ir-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 27 tar-Regolament Brussell I, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Apple and Pear Australia u Star Fruits Diffusion vs EUIPO (C-226/15 P, EU:C:2016:250, punti 35 sa 37). Fir-rigward tar-rabta bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-qrati tar-Renju Unit waslu għal konklużjoni identika, ara Hearst Holdings Inc & Anor vs A.V.E.L.A. Inc & Ors [2014] EWHC 1553 (Ch) (19 ta’ Mejju 2014) paragrafu 18.
( 14 ) Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C-406/92, EU:C:1994:400, punt 34).
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ proċeduri paralleli li jinvolvu lill-kumpannija assiguratriċi u lill-assigurat, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1998, Drouot assurances (C-351/96, EU:C:1998:242, punti 19 u 23).
( 16 ) Ara wkoll, għal pożizzjoni simili, Hartmann, M., Die Gemeinschaftsmarke im Verletzungsverfahren, Peter Lang, Frankfurt am Main, 2009, p. 164.
( 17 ) Sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C-406/92, EU:C:1994:400, punt 39); tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas, C-39/02, EU:C:2004:615, punt 38), kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements (C-523/14, EU:C:2015:722, punt 43).
( 18 ) Sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C-406/92, EU:C:1994:400, punt 41); tat-8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic (C-111/01, EU:C:2003:257, punt 25), kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2015, Aannemingsbedrijf Aertssen u Aertssen Terrassements (C-523/14, EU:C:2015:722, punt 45).
( 19 ) Ara b’mod partikolari, Mankowski, P., u Magnus, U. (Ed.), European Commentaries on Private International Law (ECPIL), Brussels Ibis Regulation, vol. I, Otto Schmidt, Köln, 2016, artikolu 29, p. 726.
( 20 ) Ara Schack, H., “Die grenzüberschreitende Durchsetzung gemeinschaftsweiter Schutzrechte”, f’Festschrift für Rolf Stürner, Mohr Siebeck, Tübingen, 2013, p. 1352.
( 21 ) Ara Halbsguth, D., Territorialität im Verletzungsverfahren aus der Europäischen Gemeinschaftsmarke, Hamburg, 2010, p. 117 u 118, u Janal, R., Europäisches Zivilverfahrensrecht und Gewerblicher Rechtsschutz, Mohr Siebeck, Tübingen 2015, §13 Rn 61.
( 22 ) Ara, minn naħa, ġurisprudenza Ġermaniża (OLG Düsseldorf, 08.11.2005 - I-20 U 110/04 – RODEO/RODEO DRIVE) u, min-naħa l-oħra, dik tar-Renju Unit [Prudential Assurance vs Prudential Insurance (2003) EWCA Civ 327 u Hearst Holdings Inc & Anor v A.V.E.L.A. Inc & Ors (2014) EWHC 1553]. Għal analiżi ta’ dawn is-sentenzi, ara Hartmann, M., Die Gemeinschaftsmarke im Verletzungsverfahren, Peter Lang, Frankfurt am Main, 2009, p. 105 sa 108.
( 23 ) Ara Halbsguth, D., op. cit., p. 118; Janal, R., op. cit., p. 61; Schack, op. cit., p. 1352. H. Schack josserva li tali riżultat huwa “aħrax imma apparentement mixtieq” mil-leġiżlatur (“hart aber anscheinend gewollt”).
( 24 ) Ara, għal dak li jikkonċerna r-rabta bejn dawn iż-żewġ premessi, is-sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France (C-235/09, EU:C:2011:238, punt 42).
( 25 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Weber (C-438/12, EU:C:2014:43, punt 67).
( 26 ) Ara Janal, R., op. cit., §13 Rn 61.
( 27 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Weber (C-438/12, EU:C:2014:43, punti 87 u 88).
( 28 ) Ara, f’dan is-sens, dwar l-identiċità parzjali tal-partijiet, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C-406/92, EU:C:1994:400, punt 33).
( 29 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France (C-235/09, EU:C:2011:238, punti 46 sa 48), u tat-22 ta’ Settembru 2016, combit Software (C-223/15, EU:C:2016:719, punt 36).
( 30 ) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix risposta ċara fuq dan il-punt. Fis-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C‑39/02, EU:C:2004:615, punt 41), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Brussell I, tal-fatt li l-ewwel proċedura kienet ingħalqet definittivament, b’mod li ma kienx għad hemm “azzjonijiet konnessi”. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic (C-111/01, EU:C:2003:257, punt 30), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-għan tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma jkunx ġie osservat jekk il-kontenut u n-natura tal-azzjonijiet setgħu jiġu emendati b’talbiet ippreżentati wara minn konvenut, peress li tali soluzzjoni tista’ twassal, fil-fatt, biex il-qorti li inizjalment kienet indikata bħala li għandha ġurisdizzjoni, skont dan l-artikolu, jkollha sussegwentement tirrinunzja.
( 31 ) Ara, fil-kuntest tal-ġurisprudenza tar-Renju Unit, Briggs, A., Civil Jurisdiction and Judgments, Routledge, New York, 2015, p. 324. F’dan ir-rigward, ġie rrilevat li l-Artikoli 21 u 22 tal-Konvenzjoni ta’ Brussel jikkonċernaw il-proċeduri paralleli u, għaldaqstant, ma japplikawx meta parti tkun effettivament temmet l-ewwel proċedura (Internationale Nederlanden Aviation Lease BP -v-Civil Aviation Authority [1997] 1 Lloyd’s Reports 80). Il-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja) ddeċidiet fl-istess sens, fil-kuntest tal-Artikolu 21 tal-istess konvenzjoni, fis-sentenza tat-28 ta’ April 1993 (Nru 4992).