Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0168

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fis-27 ta’ April 2017.
Sandra Nogueira et vs Crewlink Ireland Ltd u Miguel José Moreno Osacar vs Ryanair Designated Activity Company.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-cour du travail de Mons.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Punt 2(a) tal-Artikolu 19 – Kunċett ta’ ‘post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu’ – Settur tat-trasport bl-ajru – Ekwipaġġ tal-kabina – Regolament (KEE) Nru 3922/91 – Kunċett ta’ ‘bażi ta’ residenza’.
Kawżi magħquda C-168/16 u C-169/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:312

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ppreżentati fis-27 ta’ April 2017 ( 1 )

Kawżi Magħquda C-168/16 u C-169/16

Sandra Nogueira,

Victor Perez-Ortega,

Virginie Mauguit,

Maria Sanchez-Odogherty,

José Sanchez-Navarro

vs

Crewlink Ltd (C-168/16)

u

Miguel José Moreno Osacar

vs

Ryanair, li kienet Ryanair Ltd (C-169/16)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour du travail de Mons (qorti tax-xogħol ta’ Mons, il-Belġju)]

“Rinviju preliminari – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni – Artikolu 19 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ xogħol – Qorti tal-post fejn abitwalment jitwettaq il-kuntratt ta’ xogħol – Settur tat-trasport bl-ajru – Ekwipaġġ tal-kabina – Regolament (KEE) Nru 3922/91 – Kunċett ta’ ‘bażi ta’ residenza’”

I. Introduzzjoni

1.

Il-cour du travail de Mons (qorti tax-xogħol ta’ Mons, il-Belġju) ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari fformulati b’mod kważi identiku u li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 2 ).

2.

Dawn id-domandi jidħlu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, Sandra Nogueira, Victor Perez-Ortega, Virginie Mauguit, Maria Sanchez-Odogherty, José Sanchez-Navarro (Kawża C-168/16) u min-naħa l-oħra Miguel José Moreno Osacar (Kawża C-169/16) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“appellanti”) rispettivament, kontra Crewlink Ltd (Kawża C-168/16) (iktar ’il quddiem “Crewlink”) u kontra Ryanair, li kienet Ryanair Ltd (Kawża C-169/16), ex persuni li jħaddmu li appellanti, dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ tkeċċija li kienu applikati minnhom għall-appellanti.

3.

F’dan l-istadju tal-kawżi prinċipali, il-partijiet ma jaqblux dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni internazzjonalment sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawżi b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

4.

Fid-dawl tal-kuntest partikolari tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bl-ajru, li fih l-impjegati jistgħu jiġu msejħa sabiex iwettqu x-xogħol tagħhom fuq it-territorju ta’ diversi Stati Membri, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” li jidher fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

5.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika l-ġurisprudenza stabbilita tagħha dwar il-kuntratti ta’ xogħol eżegwiti fuq it-territorju ta’ diversi Stati Membri żviluppata fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 3 ) u tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 4 ) u, għaldaqstant, li tiddeċiedi li dan il-post jinsab fil-post li fih, jew li minnu, l-impjegat prinċipalment iwettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu fil-konfront tal-persuna li tħaddmu.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Ir-Regolament Nru 44/2001

6.

Ninnota, preliminarjament, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 44/2001, iċċitati iktar ’il quddiem, ma ġewx emendati bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u d-data tal-fatti rilevanti tat-tilwim fil-kawża prinċipali.

7.

Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 44/2001 tiddikjara:

“B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali.”

8.

Is-sezzjoni 5 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, intitolata “Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ impjieg”, tinkludi l-Artikoli 18 sa 21 tal-istess Regolament.

9.

L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li, fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

10.

L-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament jipprevedi:

“Wieħed li jimpjega domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi imfittex:

1)

fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat jew

2)

fi Stat Membru ieħor:

a)

fil-qrati tal-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati ta’ l-aħħar post fejn kien jagħmel hekk, jew

b)

jekk l-impjegat ma jkunx jew inkella ma kienx abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn ikun jinstab in-negozju li kien jimpiega lill-impjegat.”

11.

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim dwar il-ġurisdizzjoni:

1)

li jkun seħħ wara li tkun qamet il-kwistjoni; jew

2)

li jippermetti lill-impjegat li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati f’din is-sezzjoni.”

B. Ir-Regolament (KEE) Nru 3922/91

12.

Skont l-Artikolu 1(1), ir-Regolament (KEE) Nru 3922/91 ( 5 )“għandu japplika għall-armonizzazzjoni ta’ ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili” relatati mal-“operazzjoni u l-manutenzjoni ta’ inġenji ta’ l-ajru” u “ma’ persuni u organizzazzjonijiet involuti f’tali xogħlijiet”.

13.

L-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91, intitolat “Il-kiriterji tekniċi komuni u l-proċeduri amministrattivi li jikkonċernaw it-trasport kummerċjali bl-inġenji ta’ l-ajru”, kien ġie introdott bir-Regolament (KE) Nru 1899/2006 ( 6 ).

14.

Dan l-Anness III jinkludi sub-parti Q intitolata “Il-limitazzjonijiet tat-titjira u tal-ћin tas-servizz u l-kriterji tas-serћan”. Fi ħdan din is-sub-parti Q, ir-regola OPS 1.1095, punt 1.7, jiddefinixxi l-kunċett ta’ bażi ta’ residenza kif ġej:

“Il-post nominat mill-operatur lill-membru ta’ l-ekwipaġġ li minnu l-membru ta’ l-ekwipaġġ normalment jibda’ u jispiċċa perjodu ta’ dmir jew sensiela ta’ perjodi ta’ dmir u fejn, taħt kondizzjonijiet normali, l-operatur mhux responsabbli għall-akkomodazzjoni tal-membru ta’ l-ekwipaġġ konċernat.”

15.

Barra minn hekk, il-punt 3.1 tar-regola OPS 1.1090 jippreċiża li l-operatur għandu jinnomina bażi ta’ residenza għal kull membru tal-ekwipaġġ.

16.

Dan l-Anness III kien ġie sostitwit f’żewġ okkażjonijiet, rispettivament bir-regolamenti (KE) Nru 8/2008 ( 7 ) u (KE) Nru 859/2008 ( 8 ), madankollu mingħajr ma nbidel il-kliem tar-regoli ċċitati iktar ’il fuq.

C. Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

17.

Taħt it-Titolu II, intitolat “Determinazzjoni ta’ liema leġiżlazzjoni tapplika”, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 ( 9 ) jipprevedi:

“Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.”

18.

L-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 883/2004, introdott bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 ( 10 ), jippreċiża:

“Attività li ssir minn membru tal-ekwipaġġ tat-titjira jew tal-ekwipaġġ tal-kabina li jwettaq servizzi għall-passiġġieri jew għall-merkanzija tal-ajru għandha titqies bħala attività mwettqa fi Stat Membru fejn tinsab il-bażi residenzjali, kif definit f’Anness III tar-Regolament (KEE) [Nru 3922/91].”

19.

Nippreċiża li din l-emenda ma hijiex applikabbli ratione temporis fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

III. It-tilwim fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20.

Ryanair hija kumpannija tad-dritt Irlandiż li għandha s-sede tagħha fl-Irlanda u li hija attiva fis-settur tat-trasport internazzjonali bl-ajru ta’ passiġġieri.

21.

Crewlink (Kawża C-168/16) hija kumpannija tad-dritt Irlandiż li għandha s-sede tagħha fl-Irlanda u li tispeċjalizza fir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-persunal tal-kabina għall-kumpanniji tal-ajru.

22.

Il-kuntratt ta’ xogħol kollha konklużi bejn Crewlink u l-appellanti fil-kawża C-168/16 jipprevedu li l-impjegat ser ikun impjegat ma’ Ryanair bħala membru tal-ekwipaġġ tal-kabina.

23.

S. Nogueira (Kawża C-168/16) hija Portugiża. Hija kienet irreklutata minn Crewlink bħala stewardess fit-8 ta’ Ottubru 2009 fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ tliet snin. Hija rriżenjat fl-4 ta’ April 2011.

24.

V. Perez-Ortega (Kawża C-168/16) huwa Spanjol. Ir-reklutaġġ tiegħu minn Crewlink kien jirrigwarda funzjonijiet ta’ steward fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ tliet snin, iffirmat f’Porto (il-Portugall). Huwa rriżenja fil-15 ta’ Ġunju 2011.

25.

V. Mauguit (Kawża C-168/16) hija Belġjana. Hija kienet ġiet irreklutata minn Crewlink bħala stewardess fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ tliet snin iffirmat f’Dublin (l-Irlanda). Hija kienet tkeċċiet fl-24 ta’ Ġunju 2011.

26.

M. Sanchez-Odogherty (Kawża C-168/16) hija Spanjola. Fl-1 ta’ April 2010, hija kienet ġiet irreklutata minn Crewlink bħala stewardess fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ tliet snin. Hija rriżenjat fl-20 ta’ Ġunju 2011.

27.

J. Sanchez-Navarro (kawża C-168/16) huwa Spanjol. Fit-8 ta’ Ottubru 2009, huwa kien ġie rreklutat minn Crewlink bħala steward fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ tliet snin, iffirmat f’Dublin. Huwa kien tkeċċa fl-10 ta’ Novembru 2011.

28.

M. J. Moreno Osacar (Kawża C-169/16) huwa Spanjol. Fil-21 ta’ April 2008, huwa kien iffirma kuntratt ta’ xogħol ma’ Ryanair bħala “cabin services agent”. L-attivitajiet tiegħu bdew fl-1 ta’ Mejju 2008. Huwa kien irriżenja fis-16 ta’ Ġunju 2011.

29.

Il-kuntratti ta’ xogħol kollha ffirmati bejn l-appellanti, minn naħa, u Crewlink u Ryanair, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kuntratti ta’ xogħol kontenzjużi”) kienu miktuba bl-Ingliż.

30.

Bis-saħħa ta’ dawn il-kuntratti, id-dmirijiet tal-appellanti kienu jinkludi b’mod partikolari s-sigurtà, il-kura, l-għajnuna u l-kontroll tal-passiġġieri, l-assistenza waqt l-imbark, il-bejgħ abbord l-ajruplan u t-tindif intern tal-ajruplan.

31.

Il-kuntratti ta’ xogħol kontenzjużi kienu jindikaw li huma kienu rregolati bid-dritt Irlandiż.

32.

Barra minn hekk, dawn il-kuntratti kienu jinkludu klawżola ta’ għażla tal-forum li tagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati Irlandiżi. Skont il-qorti tar-rinviju, madankollu, din il-klawżola ma tistax tiġi invokata fil-konfront tal-appellanti b’applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 44/2001.

33.

Dawn il-kuntratti kienu jistipulaw ukoll li l-prestazzjonijiet tal-appellanti kellhom jitqiesu li twettqu fl-Irlanda, fid-dawl tal-fatt li dawn kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fuq ajruplani rreġistrati fl-Irlanda.

34.

Madankollu, f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-ajruplani li fuqhom l-appellanti kienu wettqu l-prestazzjonijiet tagħhom kienu stazzjonati f’Charleroi (Il-Belġju) u li ma huwiex importanti, f’dan ir-rigward, li dawn l-ajruplani kienu rreġistrati fl-Irlanda.

35.

Il-kuntratti ta’ xogħol kontenzjużi kienu jindikaw l-ajruport ta’ Charleroi bħala l-bażi ta’ residenza (home base) tal-appellanti, filwaqt li kienu jippermettu lill-persuni li jħaddmuhom li jittrasferuhom għal ajruport ieħor. Madankollu ma huwiex ikkontestat li l-ajruport ta’ Charleroi kien l-unika bażi ta’ residenza tal-appellanti fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti.

36.

L-appellanti kienu kuntrattwalment obbligati li jirrisjedu f’bogħod ta’ inqas minn siegħa mill-bażi ta’ residenza tagħhom, b’mod li huma għexu fil-Belġju waqt l-eżekuzzjoni ta’ dawk il-kuntratti.

37.

L-appellanti kollha kienu jibdew u jtemmu l-jum tax-xogħol fl-ajruport ta’ Charleroi. B’mod partikolari, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet li saru mill-qorti tar-rinviju li:

l-appellanti kienu jirċievu l-istruzzjonijiet tagħhom fl-ajruport ta’ Charleroi billi jikkonsultaw l-intranet tal-persuni li jħaddmuhom;

l-appellanti kienu jitilqu kuljum mill-ajruport ta’ Charleroi sabiex jaslu għal destinazzjoni preċiża;

wara t-tluq minn dan l-ajruport ta’ destinazzjoni, huma kienu jidħlu lura kuljum f’Charleroi, u

meta kienu previsti iktar minn vjaġġ wieħed fl-istess jum, ir-rotazzjonijiet fl-ispazju tal-ajru Ewropew kienu dejjem isiru minn u lejn Charleroi fi tmiem-il jum.

38.

Ryanair (Kawża C-169/16) ċaħdet kull idea ta’ sussidjarja preżenti fil-Belġju imma ammettiet li hija kellha uffiċċju (crewroom) hemmhekk.

39.

Crewlink (Kawża C-168/16) allegat quddiem il-qorti tar-rinviju li hija ma kellhiex sussidjarja jew uffiċċju fil-Belġju li minnu kien jiġi organizzat ix-xogħol u li l-istruzzjonijiet dwar ix-xogħol tal-appellanti kienu jinħarġu mill-uffiċċji fl-Irlanda. Madankollu, dik il-qorti tippreċiża li waqt is-seduta Crewlink ammettiet li fil-Belġju hija kellha uffiċċju komuni ma’ Ryanair imsejjaħ “crewroom”.

40.

F’każ ta’ inkapaċità għax-xogħol, l-appellanti kellhom jmorru l-ajruport ta’ Charleroi sabiex jimlew formularju li kellu jintbagħat fil-head office tal-persuna li timpjegahom f’Dublin.

41.

F’każ ta’ problemi ta’ dixxiplina, il-ħaddiem kien jissejjaħ għall-ewwel laqgħa ma’ membru tal-persunal amministrattiv fil-kamra tal-ekwipaġġ fl-ajruport ta’ Charleroi. L-istadji sussegwenti tal-proċedura dixxiplinarja kienu jitmexxew minn Dublin.

42.

L-appellanti jikkunsidraw li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Irlandiż, applikati minn Crewlink u Ryanair għall-impjieg tagħhom, huma inqas vantaġġjużi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan. Issa ma kienet teżisti l-ebda rabta bejn l-appellanti u l-Irlanda għaliex huma qatt ma kienu għexu hemmhekk, ma kinux ħadmu hemmhekk, u fil-każ ta’ xi uħud minnhom kienu marru hemmhekk darba biss biex jiffirmaw il-kuntratt tagħhom u jiftħu kont bankarju.

43.

Billi qiesu li Crewlink u Ryanair kienu obbligati li josservaw u li japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan u kkunsidraw li l-qrati Belġjani għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba tagħhom, fit-8 ta’ Diċembru 2011, l-appellanti ressqu kawżi quddiem it-tribunal du travail de Charleroi (qorti tax-xogħol ta’ Charleroi, il-Belġju) sabiex, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tax-xogħol Belġjan, il-persuni li jħaddmuhom jiġu kkundannati jħallsuhom somma stmata provviżorjament fl-ammont ta’ EUR 20000 għal kull wieħed mill-appellanti rappreżentanti arretrati ta’ paga, l-ammont ta’ bonus għal xogħol bil-lejl, il-ħlas ta’ sahra, ir-rimbors tal-ispejjeż tat-trasport, spejjeż marbuta max-xiri, l-użu u tiġdid tal-uniformi, spejjeż ta’ formazzjoni, il-ħlas tad-danni u mgħaxijiet ekwivalenti għall-valur tal-kupuni tal-ikel, ammonti li jirrappreżentaw id-differenza bejn il-paga ggarantita u l-paga li effettivament tħallset kif ukoll kumpens għat-terminazzjoni tal-impjieg.

44.

Barra minn hekk V. Mauguit u J. Sanchez-Navarro, li kienu tkeċċew minn Crewlink (Kawża C-168/16), jitolbu l-ħlas ta’ allowance kumpensatorja għat-tkeċċija ekwivalenti għal tliet xhur paga.

45.

Bil-kuntrarju, Crewlink u Ryanair jikkunsidraw li l-qrati Irlandiżi għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ dawn il-kawżi.

46.

B’żewġ sentenzi mogħtija fl-4 ta’ Novembru 2013, it-tribunal du travail de Charleroi (qorti tax-xogħol ta’ Charleroi) kkunsidra li l-qrati Belġjani ma kellhomx ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ dawn it-talbiet.

47.

Fit-28 ta’ Novembru 2013, l-appellanti appellaw minn dawn is-sentenzi billi b’mod partikolari argumentaw li l-qrati Belġjani kellhom il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali b’applikazzjoni tal-Artikoli 18 sa 21 tar-Regolament Nru 44/2001 u li d-dritt Belġjan jirregola l-kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawżi prinċipali b’applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

48.

Il-qorti tar-rinviju tqis li jeżisti dubju dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 44/2001, u b’mod partikolari lill-kunċett ta’ “l-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tas-settur tal-avjazzjoni.

49.

Huwa f’dan il-kuntest li l-cour du travail de Mons (qorti tax-xogħol ta’ Mons) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri fil-kawżi prinċipali sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari fil-Kawża C-168/16 u domanda preliminari fil-Kawża C-169/16, li huma redatti fit-termini kważi identiċi li ġejjin ( 11 ):

“Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni:

r-rekwiżiti ta’ previdibbiltà ta’ soluzzjonijiet u ta’ ċertezza legali li wasslu għall-adozzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kif stabbiliti mill-[konvenzjoni ta’ Brussell] kif ukoll mir-Regolament Nru 44/2001 […],

il-karatteristiċi partikolari tas-settur tal-avjazzjoni Ewropea li fih l-ekwipaġġ tal-ajru li [jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ jew ikun impjegat minn] kumpannija tal-ajru li s-sede tagħha hija stabbilita [fuq it-territorju ta’ Stat Membru], […] ta’ kuljum itir fuq it-territorju tal-Unjoni Ewropea minn bażi ta’ residenza li tista’ tinsab, bħal f’dan il-każ, [fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor],

karatteristiċi speċifiċi [għat-tilwimiet fil-kawża prinċipali],

il-kriterju dedott mill-kunċett ta’ ‘bażi ta’ residenza’ [iddefinit fl-Anness III tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 kif emendat bir-Regolament Nru 1899/2006] użat mir-Regolament Nru 883/2004 sabiex jiddetermina l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-membri tal-ekwipaġġ ta’ tmexxija u tal-ekwipaġġ tal-kabina mit-[28 ta’ Ġunju 2012],

it-tagħlim dedott mill-ġurisprudenza żviluppata mill-[Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea],

il-kunċett ta’ ‘post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu’ kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament [Nru 44/2001] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi assimilat ma’ dak ta’ ‘bażi ta’ residenza’ kif iddefinit fl-Anness III tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 [kif emendat bir-Regolament Nru 1899/2006] […],

u dan għall-finijiet li jiġi ddeterminat [l-Istat Membru] li fit-territorju tiegħu l-ħaddiema jwettqu abitwalment il-ħidma tagħhom meta dawn il-ħaddiema, [fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-ekwipaġġ tal-ajru, ikunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’] kumpannija suġġetta għad-dritt ta’ [Stat Membru u] li twettaq it-trasport internazzjonali bl-ajru ta’ passiġġieri fit-territorju kollu tal-[Unjoni],

peress li dan il-kriterju ta’ rabta, dedott mill-‘bażi ta’ residenza’ mifhuma bħala ‘ċentru effettiv tar-relazzjoni ta’ impjieg’ sa fejn il-ħaddiema kollha jibdew u jtemmu b’mod sistematiku l-ġurnata tax-xogħol tagħhom f’dan il-post, billi hemmhekk jorganizzaw ix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, u jkunu stabbilixxew fil-viċinanza tiegħu, matul il-perijodu ta’ relazzjonijiet kuntrattwali […], ir-residenza effettiva tagħhom, huwa dak il-kriterju li, fl-istess waqt, għandu l-eqreb rabtiet ma’ Stat [Membru] u jiżgura l-protezzjoni l-iktar adegwata għall-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni kuntrattwali?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

50.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Marzu 2016.

51.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-appellanti, Ryanair, il-Gvernijiet Belġjan, Franċiż, Olandiż u Svediż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

52.

Attendew għas-seduta tat-2 ta Frar 2017 sabiex iressqu s-sottomissjonijiet tagħhom l-appellanti, Crewlink, Ryanair, il-Gvern Belġjan, Irlandiż, Franċiż u Svediż kif ukoll il-Kummissjoni.

V. Analiżi

53.

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jikkonċerna ħaddiem attiv fis-settur tat-trasport internazzjonali bl-ajru bħala membru tal-ekwipaġġ tal-kabina, il-“post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” jistax jiġi assimilat mal-“bażi ta’ residenza” iddefinita fl-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91 kif emendat bir-Regolament Nru 1899/2006.

54.

Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tinterpreta l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 44/2001 f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, jiġifieri dak ta’ ħaddiema attivi fis-settur tat-trasport internazzjonali bl-ajru u li jwettqu l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom fuq it-territorju ta’ diversi Stati Membri.

55.

Madankollu, diversi elementi ta’ risposta jistgħu jiġu identifikati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol fuq it-territorju ta’ diversi Stati, tant fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (Titolu A) kif ukoll, b’analoġija, f’dak tal-Konvenzjoni ta’ Ruma (Titolu B), u dawn l-elementi jistgħu jiġu utilment trasposti fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001 (Titolu C).

56.

Qabel ma nipproċedi għad-deskrizzjoni ta’ dawn l-elementi ta’ risposta, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti ta’ xogħol, tant fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll f’dak taż-żewġ konvenzjonijiet msemmija fuq, għandha tieħu inkunsiderazzjoni x-xewqa li tiġi żgurata protezzjoni adegwata lill-parti kontraenti l-iktar dgħajfa mill-perspettiva soċjali, f’dan il-każ il-ħaddiem ( 12 ).

57.

Barra minn hekk, nenfasizza li l-klawżoli tal-attribuzzjoni tal- ġurisdizzjoni lill-qrati Irlandiżi inseriti fil-kuntratti ta’ xogħol kontenzjużi ma jistgħux jiġu invokati fil-konfront tal-appellanti b’applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 44/2001, kif enfasizzaw il-qorti tar-rinviju, l-appellanti, il-Gvern Franċiż u Svediż kif ukoll il-Kummissjoni.

58.

Fil-fatt, dawn il-klawżoli ma jidħlu fl-ebda waħda mill-każijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri dak ta’ klawżola posterjuri għat-twelid tad-diverġenza jew ta’ klawżola li tippermetti lill-ħaddiem li jadixxi qrati oħra barra dawk indikati fis-sezzjoni 5 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament.

A. L-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol fuq it-territorju ta’ diversi Stati fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell

59.

Qabel ma neżamina l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, infakkar li, peress li r-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi dik il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dik il-konvenzjoni tiswa wkoll għal dawk ta’ dan ir-Regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jistgħu jiġu deskritti bħala ekwivalenti ( 13 ).

60.

F’dan ir-rigward, ninnota li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa fformulat f’termini kważi identiċi għal dawk tat-tieni u tat-tielet sentenzi tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell fil-verżjoni tagħha riżultanti wara l-konvenzjoni ta’ San Sebastian ( 14 ).

61.

Fid-dawl ta’ din l-ekwivalenza, huwa importanti li tiġi żgurata, b’mod konformi mal-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001, il-kontinwità fl-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi, kif sostnew l-appellanti u l-Gvern Franċiż ( 15 ).

62.

Infakkar li, fil-verżjoni oriġinali tagħha, il-Konvenzjoni ta’ Brussell ma kinitx tinkludi dispożizzjoni partikolari dwar il-kuntratti ta’ xogħol ( 16 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kwistjonijiet li jitnisslu minn kuntratt ta’ xogħol kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-konvenzjoni ( 17 ) u b’mod partikolari kienu jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1) ta’ dik il-konvenzjoni li l-konvenut jista’ jiġi mħarrek, f’qasam kuntrattwali, quddiem il-qorti tal-post fejn l-obbligazzjoni li sservi ta’ bażi għat-talba ġiet jew għandha tiġi eżegwita ( 18 ).

63.

Imbagħad, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-kriterju stabbilit bl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kellu jiġi interpretat, fil-kuntest tat-tilwim li jitnisslu minn kuntratt ta’ xogħol, li jirreferi għall-qorti tal-post fejn għandha tiġi eżegwita l-obbligazzjoni li jitwettaq ix-xogħol ( 19 ).

64.

Huwa fis-sentenza Mulox IBC ( 20 ) li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet imsejħa sabiex tirfina dan il-kriterju f’dak li jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol fuq it-territorju ta’ diversi Stati Membri.

65.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta it-twettiq tax-xogħol li jkun ġie fdat bih il-ħaddiem isir fit-territorju ta’ diversi Stati kontraenti, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tagħmel riferiment għall-“post li minnu l-ħaddiem jeżegwixxi b’mod prinċipali l-obbligi tiegħu inkonnessjoni mal-persuna li tħaddmu” (punt 24 ta’ din is-sentenza).

66.

Fil-punt 25 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet diversi indizji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali sabiex tiddetermina dan il-post, u b’mod partikolari ċ-ċirkustanza li l-eżekuzzjoni tal-missjoni fdata lill-ħaddiem kienet żgurata b’effett minn uffiċċju sitwat fi Stat kontraent, fejn huwa stabbilixxa r-residenza tiegħu, li minnha kien iwettaq l-attivitajiet tiegħu u li fih kien jirritorna wara kull vjaġġ professjonali.

67.

Din il-ġurisprudenza ġiet parzjalment ikkodifikata waqt il-konklużjoni tal-konvenzjoni ta’ San Sebastian, imsemmija fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dik l-okkażjoni, l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell kien, fil-fatt, ġie kkompletat b’regola partikolari dwar il-kuntratti ta’ xogħol u kien jirrifletti l-ġurisprudenza preċitata tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 21 ). Skont dik ir-regola ġdida, l-persuna li tħaddem tista’ titħarrek quddiem il-qorti tal-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew, meta l-ħaddiem ma jwettaqx abitwalment ix-xogħol tiegħu fl-istess pajjiż, quddiem il-qorti tal-post fejn jinsab jew fejn kien jinsab in-negozju li kien jimpjega lill-ħaddiem.

68.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet mitluba sabiex tinterpreta din ir-regola ġdida fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol eżegwiti fuq it-territorju ta’ diversi Stati kontraenti.

69.

Hekk, fis-sentenza Rutten ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ikopri l-post fejn l-impjegat stabbilixxa ċ-ċentru effettiv tal-attivitajiet professjonali tiegħu u fejn jew b’effett minn fejn huwa effettivament iwettaq l-obbligazzjonijiet essenzjali tiegħu fil-konfront tal-persuna li tħaddmu (punt 23 ta’ dik is-sentenza).

70.

Fil-punt 25 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet l-indizji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali sabiex tidentifika dan il-post, u b’mod partikolari ċ-ċirkustanza li f’dak l-Istat huwa għandu uffiċċju li minnu organizza x-xogħol tiegħu fl-interess tal-persuna li tħaddmu jew li fih huwa kien jirritorna wara kull mawra professjonali fl-esteru.

71.

Is-sentenza Weber ( 23 ) kienet tikkonċerna ipoteżi distinta minn dik li kienet wasslet għas-sentenzi Mulox IBC u Rutten, għaliex il-ħaddiem ma kellux f’wieħed mill-Istati kontraenti uffiċċju li seta’ jikkostitwixxi ċ-ċentru effettiv tal-attivitajiet professjonali tiegħu u li minnu huwa kien iwettaq l-obbligazzjonijiet essenzjali tiegħu fil-konfront tal-persuna li tħaddmu (punt 48 ta’ dik is-sentenza).

72.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki f’din l-ipoteżi, il-ġurisprudenza Mulox IBC u Rutten tibqa’ rilevanti billi hija timplika li, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ xogħol eżegwit fuq it-territorju ta’ diversi Stati kontraenti, l-Artikolu 5(1) tal-konvenzjoni ta’ Brussell għandha, fid-dawl tal-ħtieġa kemm li jiġi determinat il-post li miegħu t-tilwima tippreżenta l-iktar rabta importanti sabiex tiġi determinata l-qorti li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi kif ukoll sabiex tiżgura protezzjoni adegwata lill-ħaddiem bħala l-parti kontraenti l-iktar dgħajfa u jiġi evitat il-multiplikazzjoni tal-qrati kompetenti, tiġi interpretata li tkopri l-post li fih, jew li minnu, il-ħaddiem iwettaq fil-fatt l-obbligazzjonijiet essenzjali tiegħu fil-konfront tal-persuna li tħaddmu (punt 49 ta’ dik is-sentenza) ( 24 ).

B. L-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol fuq it-territorju ta’ diversi Stati fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Ruma

73.

Qabel ma neżamina l-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jeħtieġ nispjega l-motivi li għalihom dik il-ġurisprudenza tista’ tikkostitwixxi awtorità rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jew tar-Regolament Nru 44/2001, kif sostnew l-appellanti, Ryanair, il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni.

74.

Ċertament, dawn l-atti leġiżlattivi għandhom għanijiet differenti. Fil-fatt il-Konvenzjoni ta’ Ruma u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 ( 25 ) huma intiżi sabiex jidentifikaw l-Istat li l-liġi tiegħu għandha tkun applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali, filwaqt li l-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001 huma intiżi sabiex jiddeterminaw l-Istat li l-qrati tiegħu għandhom ikollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ tilwima fil-qasam ċivili u kummerċjali.

75.

Minkejja l-għanijiet differenti tagħhom, jeżistu diversi raġunijiet li jiġġustifikaw li l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tar-Regolament Ruma I tista’ tkun ikkunsidrata bħala rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Nru 44/2001.

76.

L-ewwel nett, is-seba’ premessa tar-Regolament Ruma I tispjega li l-ambitu sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu koerenti mar-Regolament Nru 44/2001. Il-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Ruma diġà kien jispjega, f’dan ir-rigward, li dik il-konvenzjoni kienet intiża sabiex tfittex, fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat, ix-xogħol ta’ unifikazzjoni legali diġà mibdi fl-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam ta’ ġurisdizzjoni u ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi.

77.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà pproċediet għal interpretazzjoni parallela ta’ dawn l-atti leġiżlattivi f’diversi okkażjonijiet, u dan b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti ta’ xogħol li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 26 ).

78.

It-tielet nett, id-dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti ta’ xogħol kontenuti f’dawn l-atti leġiżlattivi jfittxu għan identiku, jiġifieri dak li jiżgura protezzjoni adegwata lill-ħaddiem bħala l-parti kontraenti l-iktar dgħajfa ( 27 ).

79.

Ir-raba nett, ninnota li l-Artikolu 6(2)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma huwa redatt fi kliem kważi identiku għal dak tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 28 ).

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

81.

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 6(2)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma b’mod partikolari fis-sentenzi Koelzsch u Voogsgeerd ( 29 ). Dawn is-sentenzi, li kienu jikkonċernaw l-impjegati attivi rispettivament fis-setturi tat-trasport bit-triq u tat-trasport marittimu, jakkwistaw rilevanza partikolari f’dawn il-kawżi, li jikkonċernaw l-impjegati attivi fis-settur tat-trasport bl-ajru.

82.

Irrinfaċċjata b’dawn il-każijiet fejn kuntratt ta’ xogħol ikun jitwettaq fuq it-territorju ta’ diversi Stati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma kien jistabbilixxi ġerarkija bejn il-kriterji li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol ( 30 ). Fil-fatt, u fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiem, il-kriterju tal-pajjiż fejn il-ħaddiem “is-soltu jagħmel ix-xogħol tiegħu”, stabbilit fil-paragrafu 2(a) tal-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, filwaqt li l-kriterju tas-sede tal-“post tan-negozju li minnu jkun tqabbad [il-ħaddiem]”, previst fil-paragrafu 2(b) tal-istess artikolu jista’ japplika biss jekk il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża ma tkunx tista’ tiddetermina l-pajjiż tat-twettiq abitwali tax-xogħol ( 31 ).

83.

Għaldaqstant, l-Artikolu 6(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma huwa applikabbli wkoll f’każ fejn il-ħaddiem jagħmel l-attivitajiet tiegħu f’iktar minn Stat kontraent wieħed, meta huwa possibbli, għall-qorti adita, li tiddetermina l-Istat li miegħu x-xogħol jippreżenta rabta sinjifikattiva ( 32 ).

84.

F’każ bħal dan, il-kriterju tal-pajjiż fejn abitwalment jitwettaq ix-xogħol għandu jiftiehem fis-sens li jirreferi għall-post li fih jew li minnu l-ħaddiem effettivament iwettaq l-attivitajiet professjonali tiegħu u, fl-assenza ta’ ċentru tan-negozju, għall-post fejn huwa jwettaq l-ikbar parti tal-attivitajiet tiegħu ( 33 ).

85.

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tax-xogħol fis-setturi tat-trasport bit-triq u tat-trasport marittimu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet imbagħad stabbiliet diversi indizji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali b’applikazzjoni tal-kriterji msemmija fuq. Il-qorti nazzjonali għandha b’mod partikolari tistabbilixxi f’liema Stat jinsab il-post li minnu l-ħaddiem iwettaq il-missjonijiet tiegħu ta’ trasport, jirċievi l-istruzzjonijiet għall-missjonijiet tiegħu u jorganizza x-xogħol tiegħu, kif ukoll il-post li fejn tinsab l-għodda tax-xogħol tiegħu ( 34 ). Għandha tivverifika wkoll, jekk meħtieġ, liema huma l-postijiet fejn prinċipalment isir it-trasport, il-postijiet ta’ ħatt tal-merkanzija kif ukoll il-post fejn il-ħaddiem jirritorna insegwitu għall-missjonijiet tiegħu ( 35 ).

C. Id-determinazzjoni tal-“post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” fiċ-ċirkustanzi tat-tilwim fil-kawża prinċipali

86.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, li l-applikabbiltà tiegħu fiċ-ċirkustanzi tat-tilwim fil-kawża prinċipali ma ġietx ikkontestata mill-partijiet li ressqu osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

87.

Diġà esponejt il-motivi li għalihom il-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tal-Konvenzjoni ta’ Ruma hija rilevanti għall-għan tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ( 36 ).

88.

Issa fadalli niddetermina, fuq il-bażi ta’ dik il-ġurisprudenza, il-kriterji li jippermettu li jiġi identifikat “il-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, fis-sens tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, fiċ-ċirkustanzi tat-tilwim fil-kawża prinċipali.

1.   Il-post “fejn jew li minnu” l-ħaddiem prinċipalment iwettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu fil-konfront tal-persuna li tħaddmu

89.

Jirriżulta mis-sentenzi msemmija fuq li, meta t-twettiq tax-xogħol jestendi fuq it-territorju ta’ diversi Stati Membri, il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jkopri il-“post fejn jew li minnu” il-ħaddiem iwettaq prinċipalment l-obbligazzjonijiet tiegħu fil-konfront tal-persuna li tħaddmu ( 37 ).

90.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalhekk stabbiliet kriterju doppju (“il-post fejn” jew “il-post li minnu”) għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’dak li jikkonċerna l-ħaddiema li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom f’diversi Stati Membri. Fid-dawl tal-obbligu li tinterpreta din id-dispożizzjoni b’mod wiesa’ ( 38 ) kif ukoll tal-użu mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-avverbju “jew”, jien inqis li għandha tkun il-qorti nazzjonali li tapplika dan il-kriterju doppju b’mod alternattiv. Fi kliem ieħor, u kif innotaw korrettament Ryanair u l-Kummissjoni, din il-qorti għandha tipprova tidentifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti:

jew il-“post fejn” il-ħaddiem iwettaq prinċipalment l-obbligazzjonijiet tiegħu fil-konfront tal-persuna li tħaddmu,

jew il-“post minn fejn” huwa jwettaq prinċipalment l-obbligazzjonijiet tiegħu.

91.

Biex infakkar, it-tilwim fil-kawża prinċipali jikkonċerna ħaddiema li kienu impjegati bħala ekwipaġġ tal-kabina (air hostesses jew stewards) fuq ajruplani użati minn Ryanair. Dawn il-ħaddiema kienu jwettqu x-xogħol tagħhom f’diversi Stati Membri, jiġifieri il-Belġju, fejn kien jinsab l-ajruport ta’ tluq (Charleroi), l-Istat Membru tal-ajruport ta’ wasla kif ukoll l-Istati Membri oħra li eventwalment jgħaddu minnhom matul it-titjira.

92.

Nikkunsidra li mhux possibbli, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi identifikat il-“post fejn” dawn il-ħaddiema kienu prinċipalment iwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom fil-konfront tal-persuni li jħaddmuhom. Fil-fatt, jidhirli diffiċli li tingħata importanza predominanti lill-kompiti mwettqa minn dawn il-ħaddiema fl-ajruport tat-tluq, abbord tal-ajruplan jew fl-ajruport ta’ wasla.

93.

Bil-kuntrarju, nemmen li huwa possibbli, abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali mwettqa mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li jiġi identifikat “post li minnu” dawk il-ħaddiema kienu jwettqu prinċipalment l-obbligazzjonijiet tagħhom fil-konfront tal-persuni li jħaddmuhom.

94.

Insib konferma ta’ din l-interpretazzjoni fix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Ruma I. Fil-fatt, u kif sostnew il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, jirriżulta minn dawn ix-xogħlijiet li l-inserzjoni tal-kliem “pajjiż li minnu” fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-Regolament kienet tkopri b’mod partikolari (imma mhux esklużivament) il-persunal li jaħdem abbord ta’ ajruplani ( 39 ).

95.

Filwaqt li huwa ċar li għandha tkun il-qorti nazzjonali li tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti sabiex tidentifika dan il-post, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-poter li tiggwida din l-evalwazzjoni billi tidentifika l-indizji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward ( 40 ).

2.   L-indizji rilevanti sabiex jiġi identifikat il-post “li minnu” l-ħaddiem prinċipalment iwettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu fiċ-ċirkustanzi tat-tilwim fil-kawża prinċipali

96.

Mingħajr ma nippretendi elenku eżawrjenti, inqis li diversi ċirkustanzi identifikati mill-qorti tar-rinviju u riassunti fil-punti 34 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet jikkostitwixxu indizji rilevanti għall-finijiet ta’ identifikazzjoni, fil-kuntest tat-tilwim fil-kawża prinċipali, il-“post li minnu” l-appellanti kienu prinċipalment iwettqu l-obbligi tagħhom fil-konfront tal-persuni li jħaddmuhom.

97.

L-ewwel nett, l-appellanti kienu jibdew u jispiċċaw il-ġurnata tax-xogħol tagħhom fl-ajruport ta’ Charleroi. Fil-fehma tiegħi, din iċ-ċirkustanza għandha importanza predominanti, kif tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 41 ).

98.

It-tieni nett, l-appellanti kienu jirċievu l-istruzzjonijiet fuq il-missjonijiet tagħhom u jorganizzaw ix-xogħol tagħhom fl-ajruport ta’ Charleroi, billi jikkonsultaw l-intranet tal-persuni li jħaddmuhom. Ir-rilevanza ta’ dan il-kriterju wkoll ġiet enfasizzata diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 42 ).

99.

Ryanair argumentat li dan l-indizju għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jkopri l-post fejn tinsab il-persuna li tħaddem meta hija tibgħat l-istruzzjonijiet u torganizza x-xogħol tal-impjegati tagħha. Din l-inverżjoni ta’ perspettiva għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet li ġejjin.

100.

Minn naħa, hija tmur kontra l-kliem użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il quddiem, li jsemmu espressament il-post fejn il-ħaddiem jirċievi l-istruzzjonijiet tiegħu u jorganizza x-xogħol tiegħu, u mhux il-post li minnu l-persuna li tħaddem tibgħat l-istruzzjonijiet u torganizza x-xogħol tal-impjegati tagħha.

101.

Min-naħa l-oħra, u kif enfasizza korrettament il-Gvern Franċiż, din l-inverżjoni tmur kontra l-għan ta’ protezzjoni tal-impjegati. Fil-fatt, hija ser tesponi lill-ħaddiema għal riskju ta’ forum shopping min-naħa tal-persuna li tħaddem, billi tagħżel il-post li minnu tibgħat l-istruzzjonijiet u torganizza x-xogħol tal-impjegati tagħha, u dan sabiex il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 jindika l-qrati ta’ dan il-post.

102.

It-tielet nett, l-ajruplani użati minn Ryanair, u li abbord tagħhom l-appellanti ħadmu bħala ekwipaġġ tal-kabina, kienu stazzjonati f’Charleroi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tispjega li, fis-settur tat-trasport internazzjonali, il-post fejn jinsabu l-għodda tax-xogħol jikkostitwixxi indizju rilevanti sabiex jiġi determinat il-post li minnu l-ħaddiem prinċipalment iwettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu fil-konfront tal-persuna li tħaddmu ( 43 ).

103.

Ir-raba nett, l-appellanti kienu kuntrattwalment obbligati li jgħixu inqas minn siegħa bogħod mill-ajruport ta’ Charleroi. Fis-sentenza Mulox IBC ( 44 ), il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-ħaddiem kien stabbilixxa r-residenza fl-Istat li fih kien jinsab l-uffiċċju li minnu huwa kien jeżerċita l-attivitajiet tiegħu u fejn kien jirritorna wara kull mawra professjonali. Nippreċiża, kont meħud tal-kliem tad-domandi preliminari, li dan l-indizju ma jkoprix il-post ta’ residenza effettiva tal-ħaddiem, imma l-post tax-xogħol li huwa jgħix qrib tiegħu, jiġifieri l-ajruport ta’ Charleroi fit-tilwim fil-kawża prinċipali ( 45 ). Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, ir-rilevanza ta’ dan l-indizju hija msaħħa sostanzjalment bl-eżistenza ta’ klawżola kuntrattwali li tobbliga lill-ħaddiema li jgħixu qrib dan il-post tax-xogħol.

104.

Il-ħames nett, il-qorti tar-rinviju kkonstatat l-eżistenza ta’ uffiċċju (crewroom) komuni għal Crewlink u Ryanair fl-ajruport ta’ Charleroi. L-eżistenza ta’ uffiċċju mqiegħed għad-dispożizzjoni mill-persuna li tħaddem hija indizju ieħor li r-rilevanza tiegħu ġie enfasizzat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 46 ).

105.

Is-sitt nett, dik il-qorti spjegat li l-appellanti kellhom imorru fl-ajruport ta’ Charleroi f’każ ta’ inkapaċità għax-xogħol u f’każ ta’ problema dixxiplinarja. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ġietx mitluba tiddeċiedi fuq ir-rilevanza ta’ din iċ-ċirkustanza, jiena inqis li din tista’ effettivament tikkontribwixxi sabiex tidentifika l-post li minnu l-appellanti kienu prinċipalment iwettqu l-obbligi tagħhom.

106.

Nikkunsidra li dawn is-sitt indizji huma rilevanti sabiex jiġi identifikat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, il-post li minnu l-appellanti kienu prinċipalment iwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom fiċ-ċirkustanzi tat-tilwim fil-kawża prinċipali.

107.

Għalkemm għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina dawn l-indizji, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li twettaq l-applikazzjoni konkreta tagħhom fit-tilwim fil-kawża prinċipali. Bħala indikazzjoni, jiena tal-opinjoni li, abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali kkomunikati minn dik il-qorti fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, dawn is-sitt indizji jindikaw b’mod univoku l-qrati tal-post fejn jinsab l-ajruport ta’ Charleroi, kif barra minn hekk sostniet il-Kummissjoni.

108.

Nispjega wkoll li ċ-ċirkustanza li l-ħaddiem kien direttament impjegat minn Ryanair (Kawża C-169/16) jew imqiegħed għad-dispożizzjoni minn Crewlink għal Ryanair (Kawża C-168/16) mhijiex rilevanti għall-għan ta’ identifikazzjoni tal-post ta’ twettiq abitwali tax-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, kif sostnew l-appellanti, Ryanair u l-Gvern Franċiż. Fil-fatt, dan il-post għandu jkun identiku għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jekk l-obbligazzjonijiet imposti fuqhom bis-saħħa tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom huma simili, punt li ma huwiex ikkontestat fiċ-ċirkustanzi tat-tilwim fil-kawża prinċipali. Fi kliem ieħor, dak il-post huwa indipendenti mir-rabta legali eżistenti bejn il-ħaddiem u l-persuna li tgawdi mill-provvista ta’ xogħol.

3.   Il-bażi ta’ residenza bħala indizju indirettament rilevanti

109.

Billi d-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju jirreferu espressament għall-bażi ta’ residenza bħala kriterju li jippermetti li jiġi identifikat il-post ta’ twettiq abitwali tal-kuntratt ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, hawnhekk jeħtieġ li tiġi eżaminata r-rilevanza tagħha.

110.

Il-bażi ta’ residenza hija definita mir-regola OPS 1.1095, punt 1.7, li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91 kif emendat bir-Regolament Nru 1899/2006, bħala l-post nominat mill-operatur lill-membru tal-ekwipaġġ li minnu dan normalment jibda’ u jispiċċa perjodu ta’ dmir jew sensiela ta’ perijodi ta’ dmir u fejn, taħt kondizzjonijiet normali, l-operatur mhux responsabbli għall-akkomodazzjoni tal-membru tal-ekwipaġġ ikkonċernat.

111.

Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Ryanair u l-Kummissjoni, il-bażi ta’ residenza tintuża b’mod partikolari bħala punt ta’ riferenza sabiex jiġu kkalkolati l-perijodi ta’ mistrieħ tal-persunal li jkun jivvjaġġa abbord tal-ajruplani. Barra minn hekk, ġie kkonstatat mill-qorti tar-rinviju li l-ajruport ta’ Charleroi kien l-unika bażi ta’ residenza tal-appellanti matul il-perijodu kollu tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom.

112.

Nippreċiża qabel xejn li ma jidhirlix li huwa possibbli, fl-assenza ta’ rinviju espliċitu f’dan is-sens, li l-portata tal-kunċett tal-“post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu”, użat fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 44/2001, tiġi ssuġġettata għall-portata ta’ kunċett kontenut f’att tad-dritt tal-Unjoni li jaqa’ f’qasam ieħor, jiġifieri dak tal-armonizzazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, kif sostniet korrettament l-Irlanda.

113.

F’dan ir-rigward, il-portata tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 44/2001 hija notevolment differenti minn dik tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 883/2004, li jissemma fid-domandi preliminari, billi dan l-aħħar dispożizzjoni tinkludi rinviju espliċitu għall-“bażi ta’ residenza kif tinsab iddefinita fl-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91”.

114.

Għaldaqstant, u sabiex nirrispondi b’mod espliċitu għad-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirlix li huwa possibbli li l-kunċett ta’ “post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” kif jissemma fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi assimilat għal dak ta’ “bażi ta’ residenza” definita fl-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91 kif emendat bir-Regolament Nru 1899/2006.

115.

Intqal dan, il-bażi ta’ residenza ma hijiex bla rilevanza għall-għan tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, fid-dawl tad-definizzjoni tiegħu, dan il-kunċett jinkludi, tal-inqas parzjalment, l-ewwel indizju li jiena identifikajt fis-sezzjoni preċedenti, jiġifieri l-post fejn il-ħaddiema jibdew u jispiċċaw il-ġurnata tax-xogħol tagħhom, kif argumentaw il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni. Il-bażi ta’ residenza jidhirli li tista’ tikkorrispondi wkoll, kif sostniet il-Kummissjoni, għall-post fejn tinsab ir-residenza tal-ħaddiem billi l-persuna li tħaddem ma hijiex, bħala regola, obbligata li talloġġja lill-ħaddiem.

116.

Insostni li r-rilevanza tal-bażi ta’ residenza, sabiex jiġi identifikat il-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq il-kuntratt ta’ xogħol, hija biss indiretta. Fil-fatt, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss sal-punt li hija tikkorrobora l-indizji li ssemmew iktar ’il fuq bħala rilevanti għall-għan li jiġi identifikat dan il-post.

117.

Inżid li, fil-prattika, ma jistax jiġi eskluż li l-bażi ta’ residenza fis-sens tal-Anness III tar-Regolament Nru 3922/91 kif emendat bir-Regolament Nru 1899/2006 tkun tinsab, fil-maġġoranza tal-każi, fil-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 44/2001, identifikat skont dawn l-indizji.

4.   L-assenza ta’ rilevanza tan-nazzjonalità tal-ajruplani

118.

Crewlink u Ryanair argumentaw li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-nazzjonalità tal-ajruplani li fuqhom l-appellanti kienu jaħdmu sabiex jiġi determinat il-post fejn huma kienu abitwalment iwettqu x-xogħol tagħhom fis-sens tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

119.

Fiċ-ċirkustanzi tat-tilwim fil-kawża prinċipali, hemm qbil li l-ajruplani operati minn Ryanair u li fuqhom l-appellanti kienu jaħdmu kienu rreġistrati fl-Irlanda u kienu għalhekk ta’ nazzjonalità Irlandiża b’applikazzjoni tal-Artikolu 17 tal-konvenzjoni ta’ Chicago ( 47 ).

120.

Skont l-argument sostnut minn Ryanair u Crewlink, il-perijodi ta’ xogħol tal-appellanti abbord ta’ dawn l-ajruplani kellhom jiġu kkunsidrati, fid-dawl tan-nazzjonalità Irlandiża ta’ dawn l-ajruplani, daqs li kieku kienu twettqu fuq it-territorju Irlandiż fid-dawl tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

121.

Qabel ma nispjega l-motivi li għalihom dan l-argument huwa bla ebda bażi, inħoss li għandi nuri l-portata strateġika tiegħu. Fil-fatt, huwa possibbli li l-perijodi ta’ xogħol abbord tal-ajruplan ikunu ta’ sikwit itwal mill-perijodi ta’ xogħol fl-ajruport ta’ oriġini u mill-perijodi ta’ xogħol fl-ajruport ta’ destinazzjoni. Għaldaqstant, il-fatt li jiġi kkunsidrat li l-perijodi ta’ xogħol abbord ta’ ajruplan Irlandiż ikunu twettqu fuq it-territorju Irlandiż għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ jwassal, f’każijiet numerużi, sabiex jiġi kkunsidrat li l-ekwipaġġ tal-kabina iwettaq abitwalment ix-xogħol tiegħu fuq it-territorju Irlandiż, b’mod konformi mar-riżultat mixtieq minn Ryanair u Crewlink fit-tilwim fil-kawża prinċipali.

122.

Il-qorti tar-rinviju, il-Gvern Franċiż u l-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li dan l-argument huwa infondat, pożizzjoni li jiena naqbel magħha għar-raġunijiet li ġejjin.

123.

Fl-ewwel lok, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ma fiha xi rinviju għall-Konvenzjoni ta’ Chicago jew għan-nazzjonalità tal-ajruplani li abbord tagħhom l-impjegati jwettqu x-xogħol tagħhom.

124.

Fit-tieni lok, l-ebda dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ma tipprevedi li x-xogħol imwettaq abbord ta’ ajruplan għandu jiġi kkunsidrat li twettaq fuq it-territorju tal-Istat li tiegħu l-ajruplan għandu n-nazzjonalità.

125.

Fit-tielet lok, il-kunċett ta’ “nazzjonalità ta’ ajruplan” previst fl-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ma għandu la l-għan u l-anqas l-effett li jassimila l-ispazju li jinsab f’dak l-ajruplan għat-territorju tal-Istat li tiegħu dak l-ajruplan għandu n-nazzjonalità. Fil-fatt, dan il-kunċett ta’ nazzjonalità tal-ajruplan jintuża, minn naħa, sabiex jiċċirkonskrivi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet ta’ dik il-konvenzjoni li japplikaw biss għall-ajruplani li għandhom in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati kontraenti ( 48 ) u, min-naħa l-oħra, sabiex jipprojbixxu ċerti distinzjonijiet ibbażati fuq dik in-nazzjonalità ( 49 ).

126.

Billi l-ebda dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ma għandha l-effett li tassimila l-ispazju li jinsab fl-intern ta’ ajruplan għat-territorju tal-Istat li tiegħu dak l-ajruplan għandu n-nazzjonalità, ma nara l-ebda raġuni valida għaliex il-ħaddiem abbord ta’ ajruplan Irlandiż għandu jiġi kkunsidrat li kien iwettaq ix-xogħol tiegħu fuq it-territorju Irlandiż għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

127.

Għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li n-nazzjonalità ta’ ajruplan fis-sens tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago ma hijiex rilevanti u ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali sabiex jiġi determinat il-post fejn l-ekwipaġġ tal-kabina abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu fis-sens tal-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

5.   L-għan tal-protezzjoni tal-impjegati

128.

Fadalli neżamina fil-qosor argument invokat minn Crewlink u Ryanair u bbażat fuq l-għan ta’ protezzjoni tal-impjegati.

129.

Skont dawn il-partijiet, dan l-għan jimponi li l-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-post ta’ stabbiliment tal-persuna li tħaddem, jiġifieri l-Irlanda fit-tilwim fil-kawża prinċipali, billi dawn il-ħaddiema mhux dejjem jifhmu l-lingwa tal-proċedura tal-qrati tal-post fejn abitwalment iwettqu l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, lingwa li f’dan il-każ hija l-Franċiż quddiem il-qorti tar-rinviju.

130.

Mhux biss dan l-argument imur kontra l-kliem espress ta’ din id-dispożizzjoni, imma huwa wkoll infondat billi l-ħaddiema dejjem għandhom il-possibbiltà, jekk jixtiequ li jadixxu lill-qrati tal-Istat Membru fejn għandu d-domiċilju l-persuna li tħaddimhom b’applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Għaldaqstant, huwa diffiċli għaliha li nifhem kif is-sopressjoni tad-dritt li jadixxu l-qrati tal-post fejn abitwalment jitwettaq il-kuntratt ta’ xogħol sejra tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-impjegati.

131.

Inżid, b’mod superfluwu, li, skont l-ġurisprudenza stabbilita, l-għan tal-protezzjoni tal-impjegati huwa żgurat bl-aħjar mod jekk it-tilwim dwar kuntratt ta’ xogħol ikun jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn il-ħaddiem iwettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu fil-konfront tal-persuna li tħaddmu, peress li huwa hemmhekk li l-ħaddiem jista’, bl-inqas spiża, jadixxi l-qrati jew jiddefendi ruħu ( 50 ).

VI. Konklużjoni

132.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tal-cour du travail de Mons (qorti tax-xogħol ta’ Mons, il-Belġju):

L-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jikkonċerna impjegat attiv fis-settur tat-trasport internazzjonali bl-ajru bħala membru tal-ekwipaġġ tal-kabina, “il-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu” ma jistax jiġi assimilat għall-“bażi ta’ residenza” kif iddefinita fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta’ l-avjazzjoni kif emendat bir-Regolament Nru 1899/2006, imma jinsab fil-post fejn jew li minnu dan il-ħaddiem prinċipalment imwettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu fil-konfront tal-persuna li tħaddmu.

Dan il-post għandu jiġi identifikat mill-qorti nazzjonali fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, u b’mod partikolari:


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 3 ) Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972 L 299, p. 32).

( 4 ) Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligazzjonijiet Kuntrattwali miftuħa għall-iffirmar f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU C 334, 30.12.2005, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”). Sejjer nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tapplika l-ġurisprudenza dwar din il-konvenzjoni b’analoġija: ara l-punti 73 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) Regolament tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1991, dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 348).

( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament Nru 3922/91 (ĠU 2006, L 377, p. 1).

( 7 ) Regolament tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2007, li jemenda r-Regolament Nru 3922/91 (ĠU 2008, L 10, p. 1).

( 8 ) Regolament tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Awwissu 2008, li jemenda r-Regolament Nru 3922/91 (ĠU 2008, L 254, p. 1).

( 9 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

( 10 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012, li jemenda r-Regolament Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2012, L 149, p. 4).

( 11 ) Nippreċiża li din il-formulazzjoni tgħaqqad id-domanda li saret fil-kawża C‑168/16 u dik li saret fil-kawża C‑169/16. L-unika differenza bejn dawn iż-żewġ domandi, li hija riflessa fid-domanda fformulata mill-ġdid, ssemmi ċ-ċirkustanza li l-appellanti fil-kawża C‑168/16 huma mqegħda għad-dispożizzjoni ta’ Ryanair filwaqt li l-appellant fil-kawża C‑169/16 huwa mpjegat direttament minn Ryanair. Madankollu din iċ-ċirkustanza mhijiex rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda li saret: ara l-punt 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) F’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 44/2001, ara l-premessa 13 ta’ dan ir-Regolament kif ukoll, b’mod partikolari u f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 17); tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punti 44 sa 4660), kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 43). F’dak li jikkonċerna l-Konvenzjoni ta’ Brussell, ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC (C‑125/92, EU:C:1993:306, punti 18 sa 20); tas-27 ta’ Frar 2002, Weber (C‑37/00, EU:C:2002:122, punt 40), u tal-10 ta’ April 2003, Pugliese (C‑437/00, EU:C:2003:219, punt 18). F’dak li jikkonċerna l-Konvenzjoni ta’ Ruma, ara b’mod partikolari u f’dan is-sens s-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punti 40 sa 42), u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 35).

( 13 ) Is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid‑Chemie (C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 18); tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 38) kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 22).

( 14 ) Konvenzjoni dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża mal-konvenzjoni dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali, kif ukoll mal-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġusitzzja, mal-adattamenti li sarulha mill-Konvenzjoni dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-adattamenti li sarulha mill-Konvenzjoni dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1989, L 285, p. 1, iffirmata fis-26 ta’ Mejju 1989 f’San Sebastian).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid‑Chemie (C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 19), u tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 23).

( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1982, Ivenel (133/81, EU:C:1982:199, punti 12 sa 14), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2010:789, punti 71 sa 73).

( 17 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 1979, Sanicentral (25/79, EU:C:1979:255, punt 3).

( 18 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1982, Ivenel (133/81, EU:C:1982:199, punti 7 et seq).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1987, Shenavai (266/85, EU:C:1987:11, punt 16); tal-15 ta’ Frar 1989, Six Constructions (32/88, EU:C:1989:68, punti 1415), kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 1993(Mulox IBC, C‑125/92, EU:C:1993:306, punt 17).

( 20 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1993 (C-125/92. EU:C:1993:306)

( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, s-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1994, Custom Made Commercial (C‑288/92, EU:C:1994:268, punt 25), u tad-9 ta’ Jannar 1997, Rutten (C‑383/95, EU:C:1997:7, punti 19 sa 21).

( 22 ) Sentenza tad-9 ta’ Jannar 1997 (C‑383/95, EU:C:1997:7).

( 23 ) Sentenza tas-27 ta’ Frar 2002 (C‑37/00, EU:C:2002:122).

( 24 ) Ara, ukoll, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 38), u tal-10 ta’ April 2003, Pugliese (C‑437/00, EU:C:2003:219, punt 19).

( 25 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-Regolament “Ruma I”).

( 26 ) F’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti ta’ xogħol kontenuti fil-Konvenzjoni ta’ Ruma u l-Konvenzjoni ta’ Brussell, ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punti 33, 41, 4245). F’dak li jikkonċerna dispożizzjonijiet oħra, ara s-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740, punti 41 sa 43); tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punti 40 sa 43) kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation (C‑191/15, EU:C:2016:612, punti 36 sa 39).

( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punti 40 sa 45).

( 28 ) L-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma huwa fformulat kif ġej: “Minkejja d-disposizzjonijiet tal-Artikolu 4, kuntratt ta’ impjieg għandu, fin-nuqqas ta’ għażla skont l-Artikolu 3, jkun regolat:a) bil-liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat soltu jagħmel ix-xogħol tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ukoll jekk ikun temporanjament impjegat f’pajjiż ieħor; jew b) jekk l-impjegat mhux soltu jagħmel ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, skont il-liġi tal-pajjiż fejn il-post tan-negozju li minnu jkun tqabbad ikun jinsab sakemm ma jkunx jidher miċ-ċirkostanzi kollha li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor, f’liema każ il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi ta’ dak il-pajjiż.”

( 29 ) Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151) u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 34).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punti 4243) kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 35).

( 32 ) Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 44) u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 36).

( 33 ) Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 45) u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 37).

( 34 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punti 4849) kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punti 38 sa 41).

( 35 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 49).

( 36 ) Ara l-punti 59 sa 61 u 73 sa 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC (C‑125/92, EU:C:1993:306, punt 24); tad-9 ta’ Jannar 1997, Rutten (C‑383/95, EU:C:1997:7, punt 23); tas-27 ta’ Frar 2002, Weber (C‑37/00, EU:C:2002:122, punt 58); ta-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 50) u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 37). Ara l-punti 65, 69, 72 u 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Ara l-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), [COM(2005) 650 finali], 15 ta’ Diċembru 2005, p. 7, li fiha hemm indikat li: “Il-prinċipju […] kien ġie kkompletat bil-kliem ‘pajjiż li minnu …’ sabiex jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja] fil-kuntest tal-Artikolu 18 tar-Regolament [Nru 44/2001] u tal-konċepiment wiesa’ tagħha tal-post abitwali tax-xogħol. Din l-emenda tippermetti, pereżempju, li tiġi applikata r-regola għall-persunal li jaħdem abbord tal-ajruplani, jekk teżisti bażi fissa li minnha huwa organizzat il-ħaddiem u fejn dan il-persunal jeżerċita obbligazzjonijiet oħra fil-konfront tal-persuna li tħaddmu (reġistrazzjoni, kontroll tas-sigurtà).” (korsiv miżjud minni).

( 40 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat dan l-approċċ b’mod partikolari fis-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC (C‑125/92, EU:C:1993:306, punt 25); tad-9 ta’ Jannar 1997, Rutten (C‑383/95, EU:C:1997:7, punt 25); tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punti 4849) kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 38 sa 41). Ara l-punti 66, 70 u 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC (C‑125/92, EU:C:1993:306, punt 25); tad-9 ta’ Jannar 1997, Rutten (C‑383/95, EU:C:1997:7, punt 25); tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 49), u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punti 38 sa 40). Ara l-punti 66, 70 u 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Jannar 1997, Rutten (C‑383/95, EU:C:1997:7, punt 25); tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 49), u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 38). Ara l-punti 70 u 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 49) u tal-15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 38). Ara l-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1993 (C‑125/92, EU:C:1993:306, punt 25) u l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Sabiex nieħu eżempju ipotetiku, jekk wieħed mill-appellanti kien stabbilixxa r-residenza tiegħu f’lokalità Franċiża li tinsab inqas minn siegħa bogħod mill-ajruport ta’ Charleroi, skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, din iċ-ċirkustanza kienet tikkostitwixxi indizju li l-ajruport ta’ Charleroi – u mhux il-post ta’ residenza tiegħu fuq it-territorju Franċiż – huwa l-post li minnu dan il-ħaddiem kien prinċipalment iwettaq l-obbligazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-persuna li tħaddmu.

( 46 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC (C‑125/92, EU:C:1993:306, punt 25) u tad-9 ta’ Jannar 1997, Rutten (C‑383/95, EU:C:1997:7, punt 25). Ara l-punti 66 u 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Konvenzjoni dwar l-avjazzjoni ċivili, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”).

( 48 ) Ara l-Artikolu 5 ta’ dik il-konvenzjoni li jsemmi li: “[k]ull Stat kontraent jaqbel li l-ajruplani kollha tal-Istati kontraenti l-oħra li ma jiżguraw servizzi tal-ajru internazzjonali għandhom id-dritt […] li jidħlu fit-territorju tiegħu” (korsiv miżjud minni). Ara wkoll l-Artikolu 12 ta’ din il-konvenzjoni li jindika li: “[k]ull Stat konraent jintrabat li jadotta l-miżuri sabiex jiżgura li kull ajruplan li jtir fuq it-territorju tiegħu jew li jimmanuvraw fuqha, kif ukoll kull ajruplan li jġorr il-marka tan-nazzjonalità tiegħu, ikun fejn ikun jinsab, jikkonforma ruħu mar-regoli u regolamenti fis-seħħ f’dak il-post għat-titjir u manuvrar tal-ajruplani” (korsiv miżjud minni).

( 49 ) Ara l-Artikolu 9(b) ta’ dik il-konvenzjoni, li jistabbilixxi li: “[k]ull Stat kontraent jirriżerva wkoll id-dritt, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, f’perijodu ta’ kriżi jew fl-interess tas-sigurtà pubblika, li jirrestrinġi jew li jipprojbixxi temporanjament u b’effett immedjat it-titjiriet fuq it-territorju kollu tiegħu jew parti minnu, bil-kundizzjoni li dik ir-restrizzjoni jew projbizzjoni tkun applikabbli, mingħajr ditinzjoni ta’ nazzjonalità, għall-ajruplani tal-Istati l-oħra kollha” (korsiv miżjud minni). Ara wkoll l-Artikolu 11 ta’ dik il-konvenzjoni li jsemmi li: “[b]la ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, il-liġijiet u r-regolaments ta’ Stat kontraent dwar id-dħul u l-ħruġ fit-territorju tiegħu tal-ajruplani użati fin-navigazzjoni tal-ajru internezzjonali […] għandhom ikunu applikabbli, s’appliquent, mingħajr ditinzjoni ta’ nazzjonalità, għall-ajruplani tal-Istati kontraenti kollha […]” (korsiv miżjud minni).

( 50 ) Is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC (C‑125/92, EU:C:1993:306, punt 19); tad-9 ta’ Jannar 1997, Rutten (C‑383/95, EU:C:1997:7, punt 17); tas-27 ta’ Frar 2002(Weber, C‑37/00, EU:C:2002:122, punt 40), u tal-10 ta’ April 2003, Pugliese (C‑437/00, EU:C:2003:219, punt 18).

Top