EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0143

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-23 ta’ Marzu 2017.
Abercrombie & Fitch Italia Srl vs Antonino Bordonaro.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte suprema di cassazione.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(1) – Artikolu 2(2)(a) – Artikolu 6(1) – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Kuntratt ta’ xogħol intermittenti li jista’ jiġi konkluż ma’ persuni ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena – Tmiem awtomatiku tal-kuntratt ta’ xogħol meta l-ħaddiem jilħaq l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena.
Kawża C-143/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:235

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-23 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

Kawża C‑143/16

Abercrombie & Fitch Italia Srl

v

Antonio Bordonaro

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (qorti suprema ta’ kassazzjoni, l-Italja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol — Artikolu 6(1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kuntratti ta’ xogħol intermittenti b’persuni ta’ inqas minn 25 sena”

I – Introduzzjoni

1.

Il-kuntratt intermittenti Taljan, “il contratto di lavoro intermittente”, huwa kuntratt ta’ xogħol flessibbli fejn impjegat joffri d-disponibbiltà tiegħu lil min iħaddem, li jista’ jassenjalu xogħol fuq bażi intermittenti skont il-ħtiġijiet ta’ min iħaddem. Dan il-kuntratt ġeneralment ikun suġġett għal kundizzjonijiet oġġettivi relatati man-natura intermittenti tas-servizzi u r-rekwiżiti speċifikati fil-ftehimiet kollettivi. Barra minn hekk, madankollu, l-istess kuntratt jista’ jiġi offrut “fi kwalunkwe każ” lil ħaddiema ta’ inqas minn 25 sena jew ta’ iktar minn 45 sena.

2.

A. Bordonaro kien impjegat minn Abercrombie & Fitch Italia Srl. (iktar ’il quddiem “Abercrombie & Fitch”) taħt kuntratt ta’ xogħol intermittenti għal iktar minn sena u nofs. Meta għalaq 25 sena, il-kuntratt tiegħu ntemm minħabba l-fatt li l-kundizzjoni tal-età ma kinitx iktar issodisfatta.

3.

F’dan il-kuntest fattwali u legali, il-Corte suprema di cassazione (qorti suprema ta’ kassazzjoni, l-Italja) tistaqsi jekk id-dispożizzjoni Taljana li tirregola l-kuntratti intermittenti, sal-punt li din fiha kundizzjonijiet speċifiċi ta’ aċċess u tkeċċija għal persuni ta’ inqas minn 25 sena, tmurx kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit fid-Direttiva 2000/78/KE ( 2 ) u fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

4.

Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa, għall-ewwel darba, sa fejn naf jien ( 3 ), miżura nazzjonali li tintroduċi kundizzjonijiet speċifiċi għal ħaddiema iktar żgħażagħ fir-rigward tal-aċċess għal tip partikolari ta’ kuntratt ta’ xogħol flessibbli mill-perspettiva ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

II – Il-kuntest legali

A –Id-dritt tal-UE

5.

Il-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78 tistipula li “[l]-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

6.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi l-għan tad-Direttiva: “li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

7.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]”

8.

Intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi li:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

(ċ)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

B –Id-dritt Taljan

9.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 dwar l-applikazzjoni ta’ delegi fi kwistjonijiet relatati mal-impjieg u s-suq tax-xogħol stabbilit bil-Liġi Nru 30 tal-14 ta’ Frar 2003, (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv”), fil-verżjoni applikabbli fid-data meta A. Bordonaro ġie rreklutat ( 4 ), kien jipprevedi:

“1.

Kuntratt ta’ xogħol intermittenti jista’ jiġi konkluż għall-provvista ta’ servizzi ta’ natura mhux kontinwa jew intermittenti skont ir-rekwiżiti speċifikati fil-kuntratti kollettivi stabbiliti mill-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-impjegati li b’mod komparabbli huma l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali jew territorjali, għal perijodi ddeterminati minn qabel matul ġimgħa, xahar jew sena fis-sens tal-Artikolu 37.

2.

Kuntratt ta’ xogħol intermittenti jista’ jiġi konkluż, fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ servizzi pprovduti minn persuni ta’ inqas minn 25 sena jew minn ħaddiema ta’ iktar minn 45 sena, inklużi pensjonanti”.

10.

Il-qorti tar-rinviju tispjega ulterjorment li, fid-data tat-tkeċċija ta’ A. Bordonaro, l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 kien jipprevedi li: “kuntratt ta’ xogħol intermittenti jista’ jiġi konkluż, fi kwalunkwe każ, ma’ persuni ta’ iktar minn 55 sena u ma’ persuni ta’ inqas minn 24 sena, bil-kundizzjoni, fil-każ tal-aħħar, li s-servizzi kuntrattwali jridu jitwettqu qabel ma jintlaħqu l-25 sena” ( 5 ).

11.

L-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv ma għadux fis-seħħ. Il-kontenut tiegħu madankollu ttieħed parzjalment mill-Artikolu 13 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81 tal-15 ta’ Ġunju 2015 (id-dispożizzjoni attwalment fis-seħħ) ( 6 ).

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12.

A. Bordonaro kien impjegat minn Abercrombie & Fitch fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol intermittenti għal żmien determinat konkluż fl-14 ta’ Diċembru 2010. Fl-1 ta’ Jannar 2012, il-kuntratt inbidel f’kuntratt intermittenti għal żmien indeterminat. Mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li A. Bordonaro ħadem fuq medja ta’ bejn tlieta u ħames darbiet fil-ġimgħa. Mis-26 ta’ Lulju 2012 ’il quddiem, huwa ma baqax jiġi inkluż fl-iskeda tax-xogħol. Wara li staqsa dwar dan permezz ta’ posta elettronika, huwa ġie nnotifikat fit-30 ta’ Lulju 2012 li kien ġie mkeċċi fis-26 ta’ Lulju 2012, minħabba l-fatt li kien għalaq 25 sena. Għalhekk, huwa ma kienx għadu jikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-kuntratt intermittenti, kif stabbilit mil-leġiżlazzjoni Taljana.

13.

A. Bordonaro ressaq kawża quddiem it-Tribunale di Milano (qorti distrettwali, Milano, l-Italja) fejn allega li l-kuntratt tiegħu u t-tkeċċija tiegħu kienu illegali. Huwa talab li jiġi rreintegrat fil-pożizzjoni tiegħu. Din il-kawża ġiet iddikjarata inammissibbli permezz ta’ digriet, li sussegwentement ġie miċħud fl-appell mill-Corte d’appello di Milano (qorti tal-appell, Milano, l-Italja). Il-qorti tal-appell iddeċidiet li kemm il-kuntratt ta’ xogħol intermittenti konkluż ma’ A. Bordonaro fuq il-bażi tal-età tiegħu, kif ukoll it-tkeċċija tiegħu meta għalaq 25 sena, kienu diskriminatorji. Din iddeċidiet li kienet inħolqot relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indeterminat. Din ordnat lil Abercrombie & Fitch tirreintegra lil A. Bordonaro fil-pożizzjoni tiegħu u tħallsu d-danni.

14.

Abercrombie & Fitch appellat quddiem il-Corte suprema di cassazione (qorti suprema ta’ kassazzjoni, il-qorti tar-rinviju). Abercrombie & Fitch issostni, essenzjalment, li l-qorti tal-appell kienet żbaljata meta qieset li nkiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Din il-kawża tikkonċerna liġi li tivvantaġġja lill-ħaddiema fuq il-bażi tal-età tagħhom iktar milli bil-kontra. Abercrombie & Fitch targumenta wkoll li l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv huwa konformi mad-Direttiva u talbet li l-kwistjoni tiġi rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

15.

Peress li qieset li l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276/2003 jista’ jmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età minħabba r-riferiment speċifiku u ċar għall-età, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domanda preliminari fejn staqsiet:

“Jekk ir-regola nazzjonali li tinsab fl-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 276 tal-2003, li tipprovdi li l-kuntratt ta’ xogħol intermittenti jista’ jiġi konkluż, fi kwalunkwe każ, fir-rigward ta’ servizzi pprovduti minn persuni ta’ inqas minn ħamsa u għoxrin sena, tmur[x] kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età, li huwa stabbilit mid-Direttiva 2000/78 u l-Artikolu 21(1) tal-[Karta]?”

16.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn A. Bordonaro, Abercrombie & Fitch, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea, li kollha ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta li saret fit-12 ta’ Jannar 2017.

IV – Evalwazzjoni

17.

Din il-kawża tikkonċerna dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil min iħaddem jikkonkludi, “fi kwalunkwe każ”, kuntratti ta’ xogħol intermittenti ma’ persuni ta’ inqas minn 25 sena jew ta’ iktar minn 45 sena ( 7 ). Fl-istess ħin, l-istess tip ta’ kuntratt għal persuni fil-grupp ta’ età “tan-nofs” li jifdal huwa disponibbli biss f’kundizzjonijiet partikolari. Barra minn hekk, għal ħaddiema ta’ inqas minn 25 sena, id-dispożizzjoni nazzjonali ġiet interpretata bħala li twassal għal terminazzjoni awtomatika tar-relazzjoni ta’ impjieg meta tintlaħaq l-età ta’ 25 sena ( 8 ).

18.

Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna din id-dispożizzjoni biss fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għall-ħaddiema ta’ inqas minn 25 sena. Din tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilita f’żewġ strumenti differenti tad-dritt tal-UE – l-Artikolu 21(1) tal-Karta u d-Direttiva 2000/78 – f’każ li jinvolvi relazzjoni legali bejn partijiet privati.

19.

Għalhekk huma meħtieġa ċerti kunsiderazzjonijiet preliminari (A) qabel ma tiġi indirizzata s-sustanza tad-domanda magħmula (B). Dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari jirrigwardaw l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE li huma rilevanti għall-analiżi f’din il-kawża (1) u l-portata preċiża tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju (2).

A –Kunsiderazzjonijiet preliminari

1. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-UE

20.

Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE li ġie kkodifikat mill-Artikolu 21(1) tal-Karta. Id-Direttiva 2000/78 tirrappreżenta espressjoni partikolari ta’ dan il-prinċipju fl-oqsma tal-impjieg u x-xogħol ( 9 ).

21.

Għal din ir-raġuni, meta sitwazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, hija d-Direttiva bħala l-iktar strument speċifiku li se tifforma l-kuntest analitiku primarju ( 10 ).

22.

Is-sitwazzjoni f’din il-kawża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva? Bħalma ddeċidiet b’mod konsistenti l-Qorti tal-Ġustizzja, mit-titolu, mill-kontenut kif ukoll mill-iskop tad-Direttiva jirriżulta li din tfittex li tistabbilixxi kuntest ġenerali biex tiżgura ugwaljanza fit-trattament “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi toffri protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-raġunijiet elenkati ( 11 ). B’mod speċifiku, l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva jipprevedi li din id-direttiva tapplika, fl-oqsma tal-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea, għall-persuni kollha f’dak li jikkonċerna “[l]-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, [...] inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali”. Skont l-Artikolu 3(1)(ċ), din tapplika wkoll għall-“kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga” ( 12 ).

23.

Din il-kawża tikkonċerna r-reklutaġġ u t-tkeċċija. Ma hemm l-ebda dubju li dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna “kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg” kif ukoll “kundizzjonijiet [...] tax-xogħol, inklużi sensji”. Għaldaqstant din taqa’ b’mod sħiħ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva.

24.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva, suġġett għall-verifika fattwali aħħarija tal-qorti nazzjonali, ma hemmx dubju dwar il-fatti li l-A. Bordonaro jista’ jitqies bħala ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-UE. Skont il-kjarifiki pprovduti minn A. Bordonaro, huwa kien jaħdem bejn tlieta u ħames darbiet fil-ġimgħa matul perijodu ta’ iktar minn sena u nofs. L-attività tiegħu ma tistax titqies bħala purament marġinali jew anċillari ( 13 ). Persuna impjegata taħt kuntratt intermittenti ma hijiex eskluża minħabba l-kundizzjonijiet ta’ impjieg milli titqies bħala ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-UE ( 14 ).

25.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva hija applikabbli għas-sitwazzjoni li twassal għat-tilwima f’din il-kawża.

26.

Il-fatt li l-analiżi riżultanti f’dawn il-konklużjonijiet tieħu d-Direttiva bħala l-kuntest analitiku primarju tagħha ma jipprekludi bl-ebda mod l-applikabbiltà simultanja tal-Artikolu 21(1) tal-Karta. Fil-fatt, sakemm id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, il-portata tal-protezzjoni tal-Karta tiġi applikata skont l-Artikolu 51(1) tagħha ( 15 ).

27.

Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 21(1) tal-Karta u d-Direttiva 2000/78 għalhekk ma hijiex waħda ta’ esklużjoni reċiproka. Hija pjuttost waħda ta’ konkretizzazzjoni u komplementarjetà. Kif imsemmi diġà, id-Direttiva tirrappreżenta espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali stabbilit fil-Karta. Għalhekk, il-kuntest analitiku korrispondenti sottostanti għalihom it-tnejn bilfors li jkun simili ( 16 ). Barra minn hekk, sa fejn huwa xieraq, l-approċċ taħt it-tnejn għandu jsegwi l-istess loġika biex jiġi żgurat approċċ koerenti għal stħarriġ ġudizzjarju tad-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età fl-impjieg.

28.

Huwa ċar ukoll li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, jibqa’ applikabbli, anki fil-każ ta’ applikazzjoni simultanja tad-Direttiva 2000/78. Hemm żewġ sitwazzjonijiet partikolari li fihom l-Artikolu 21(1) tal-Karta jkun ta’ rilevanza kontinwa f’tali xenarju. L-ewwel waħda, id-dispożizzjonijiet tal-Karta jibqgħu applikabbli bis-sħiħ għall-finijiet ta’ interpretazzjoni konsistenti potenzjali tad-dritt sekondarju tal-UE u tad-dritt nazzjonali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE. It-tieni waħda, id-dispożizzjonijiet tal-Karta jikkostitwixxu l-kriterju aħħari ta’ validità tad-dritt sekondarju tal-UE.

29.

Barra minn hekk, il-“ħajja indipendenti” tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bħala prinċipju ġenerali tad-dritt jew bħala dritt fundamentali tal-Karta hija ta’ rilevanza partikolari meta, bħalma ddeċidiet b’mod konsistenti l-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ), il-possibbiltà li wieħed jibbaża ruħu fuq id-Direttiva tkun imxekkla mill-fatt li tilwima tikkonċerna partijiet privati ( 18 ).

2. Il-portata preċiża tad-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali

30.

Fl-osservazzjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, A. Bordonaro biss argumenta li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi eskluża u li l-prinċipju tal-UE ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età għandu jiġi applikat direttament.

31.

Madankollu, il-kwistjoni kontroversjali ta’ applikabbiltà diretta potenzjali tal-Artikolu 21(1) tal-Karta f’relazzjoni orizzontali ma hijiex waħda li teħtieġ li tiġi indirizzata f’din il-kawża, essenzjalment għal żewġ raġunijiet.

32.

L-ewwel nett, id-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna esklużivament il-kompatibbiltà “normattiva” jew “astratta” ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-UE. Dispożizzjoni nazzjonali, li ġeneralment hija applikabbli fit-tipi kollha ta’ relazzjonijiet legali, hija kompatibbli mad-dritt tal-UE? Din l-evalwazzjoni ssir qabel u indipendentement minn rimedji sussegwenti potenzjali disponibbli f’kostellazzjoni speċifika ta’ relazzjoni legali rregolata mid-dritt privat. Jiġifieri, il-qofol ta’ din il-kawża huwa jekk dispożizzjoni nazzjonali, meqjusa in abstracto irrispettivament mill-applikazzjoni tagħha f’relazzjonijiet vertikali jew orizzontali, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-UE. Il-qorti tar-rinviju ma saqsietx dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn nuqqas ta’ konformità potenzjali tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-Direttiva.

33.

It-tieni nett, bħalma sostnew il-Kummissjoni u Abercrombie & Fitch fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, u bħalma ġie kkonfermat fis-seduta, id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fid-dritt Taljan ( 19 ). L-importanza ta’ dan il-fatt għandha titqajjem b’mod ċar. Dan ifisser li l-obbligu li ma sseħħx diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ma jirriżultax biss mid-Direttiva, jew biss mill-Artikolu 21(1) tal-Karta, iżda wkoll mir-regoli nazzjonali li jittrasponu dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE f’liġi nazzjonali.

34.

Fi ħdan tali kostellazzjoni, il-mod kif id-dritt tal-UE jista’ iktar ’il quddiem potenzjalment jilħaq ir-relazzjonijiet orizzontali huwa primarjament permezz tal-interpretazzjoni tal-projbizzjoni nazzjonali ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età f’konformità mad-dispożizzjonijiet oriġinali (u iktar ’il quddiem paralleli) tad-dritt tal-UE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk ikun meħtieġ, il-qorti nazzjonali għandha mbagħad tqis ir-regoli kollha tad-dritt u tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni disponibbli għaliha ( 20 ). Ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju li jindika li huwa impossibbli għall-qorti nazzjonali li tinterpreta d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni b’mod li huwa konsistenti mad-dritt tal-UE ( 21 ).

35.

Il-projbizzjoni, ibbażata fuq id-dritt tal-UE, tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għaldaqstant se tilħaq primarjament sitwazzjonijiet konkreti fil-livell nazzjonali permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implementazzjoni, interpretati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE li minnhom joriġinaw dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali. Ir-rikonoxximent ta’ dan il-fatt jipprevjeni interpretazzjonijiet żbaljati dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-applikabbiltà diretta orizzontali potenzjali tad-dispożizzjonijiet tal-Karta. F’termini prattiċi, din tillimita s-sitwazzjonijiet li fihom tali applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tal-Karta għar-relazzjonijiet bejn partijiet privati tista’ tiġi kkunsidrata għal numru żgħir ħafna ta’ każijiet li huma pjuttost straordinarji. Din tqis ukoll, fil-fehma tiegħi, il-prattika sensibbli ta’ numru ta’ sistemi legali fejn ir-rwol tad-drittijiet fundamentali fir-relazzjonijiet ta’ liġi privata huwa primarjament wieħed interpretattiv: il-kontenut tad-drittijiet u tal-obbligi, li f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tagħhom għandhom jiġu stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandu jiġi interpretat f’konformità mad-drittijiet fundamentali.

36.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, l-analiżi tiegħi fit-taqsima li jmiss ta’ dawn il-konklużjonijiet se tiffoka fuq il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-Direttiva.

B –Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età

37.

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva jipprojbixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. Dawk ir-raġunijiet jinkludu l-età. Skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva, ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli ġiet, kienet ġiet jew kellha tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni simili, għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva ( 22 ).

38.

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età hija differenti minn “raġunijiet suspettużi” oħra, bħal reliġjon jew twemmin, diżabbiltà jew orjentazzjoni sesswali. B’kuntrast mar-raġunijiet l-oħra, id-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età tista’ tiġi ġġustifikata skont is-sistema speċifika tal-Artikolu 6 ( 23 ). Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenzi fit-trattament abbażi tal-età ma għandhomx jikkostitwixxu diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, dawn huma oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati minn għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet ikunu xierqa u neċessarji.

39.

Fid-dawl tal-kuntest normattiv tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, l-analiżi tiegħi hija strutturata kif ġej. L-ewwel nett, se neżamina jekk hemmx trattament differenti bejn gruppi komparabbli ta’ individwi abbażi ta’ raġuni pprojbita (1). Imbagħad, se nanalizza xi jfisser trattament “inqas favorevoli” (2). Fl-aħħar nett, se ndur għall-ġustifikazzjonijiet permissibbli, jiġifieri jekk it-trattament differenti jfittixx għan leġittimu u jekk il-miżura hijiex xierqa u neċessarja għall-ilħuq ta’ dak l-għan (3).

1. Differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet komparabbli abbażi ta’ raġuni pprojbita

40.

Il-komparabbiltà ma tfissirx identiċità. Din sempliċiment teżamina jekk, fil-konfront ta’ kwalità partikolari (jiġifieri, tertium comparationis, li tista' tkun valur, għan, azzjoni, sitwazzjoni, eċċ.), l-elementi ta’ paragun (bħal persuni, impriżi, prodotti) jurux iktar similaritajiet jew iktar differenzi ( 24 ). L-evalwazzjoni tal-komparabbiltà teħtieġ li l-kuntest konkret li fih titwettaq l-evalwazzjoni jittieħed debitament inkunsiderazzjoni: dak tal-benefiċċju jew tas-sistema kkonċernata ( 25 ). Bħalma ddeċidiet b’mod konsistenti l-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata kumplessivament fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw dawk is-sitwazzjonijiet, fid-dawl tas-suġġett u tal-iskop tal-att li jagħmel id-distinzjoni inkwistjoni ( 26 ).

41.

F’din il-kawża, il-kuntest leġiżlattiv kumplessiv li fih isir il-paragun huwa ddeterminat mid-Direttiva 2000/78. Il-kwalità partikolari li fid-dawl tagħha għandu jsir il-paragun huwa, għalhekk, it-trattament (aċċess, kundizzjonijiet, tkeċċija) fl-impjieg u fix-xogħol.

42.

L-elementi ta’ paragun huma l-persuni li huma suġġetti għal tali trattament (mhux) ugwali. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (kemm fiż-żmien tar-reklutaġġ kif ukoll tat-tkeċċija) tirregola l-kuntratti intermittenti. Din tistabbilixxi żewġ sistemi differenti skont l-età tal-ħaddiem. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 34(1) tad-Digriet Leġiżlattiv, dak il-kuntratt jista’ jintuża minn min iħaddem, irrispettivament mill-età tal-ħaddiem, meta jkunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet oġġettivi. L-applikazzjoni ta’ tali kuntratt hija suġġetta għan-natura mhux kontinwa u intermittenti tas-servizzi li għandhom jitwettqu skont ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ftehimiet kollettivi, għal perijodi ddeterminati minn qabel ( 27 ). It-tieni nett, skont l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv, għal ħaddiema ta’ inqas minn 25 sena jew iktar minn 45 sena (jew, kif mibdul iktar tard, ta’ iktar minn 55 sena), dawn il-kundizzjonijiet ma humiex neċessarji u jistgħu jiġu konklużi kuntratti intermittenti “fi kwalunkwe każ”. Barra minn hekk, bħalma ġie ċċarat fis-seduta mill-Gvern Taljan, il-kuntratti intermittenti konklużi skont id-dispożizzjoni tal-aħħar mal-persuni ta’ inqas minn 25 sena jintemmu dakinhar li jagħlqu 25 sena.

43.

Huwa preċiżament fir-rigward tal-aċċess għal tip partikolari ta’ kuntratt u tkeċċija li r-regola inkwistjoni tiddistingwi bejn tliet gruppi ta’ persuni abbażi tal-età tagħhom. L-effett ta’ dik is-sistema huwa li ċerti individwi huma ttrattati b’mod differenti minn oħrajn biss abbażi tal-età, irrispettivament mill-fatt li dawn l-individwi jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet komparabbli f’dak li jirrigwarda n-natura tas-servizzi u l-kompiti, l-esperjenza professjonali jew il-kwalifiki.

44.

Barra minn hekk, fir-rigward tat-tkeċċija awtomatika mal-età ta’ 25 sena, il-ħaddiema fuq kuntratt intermittenti skont l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv li jkunu għalqu 25 sena huma f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ ħaddiema iktar żgħażagħ irreklutati taħt l-istess kuntratt, kif ukoll għal dik ta’ ħaddiema impjegati skont l-Artikolu 34(1). Dawn madankollu jaffaċċjaw tkeċċija unikament abbażi tal-età tagħhom.

45.

Hemm għalhekk differenza ċara fit-trattament abbażi tal-età. Il-komparabbiltà ta’ tali gruppi differenti ta’ persuni tiġi prekluża biss kieku kien hemm element, bħal karatteristika personali jew ċirkustanza fattwali jew legali, li tagħmel is-sitwazzjonijiet tant differenti li l-paragun isir illoġiku jew mhux raġonevoli. Id-differenzi jisbqu s-similaritajiet, jew jista’ saħansitra jkun hemm differenza waħda biss, li madankollu tkun fundamentali, li trendi l-paragun impossibbli.

46.

Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Jista’ jiġi ssuġġerit li l-kwistjoni soċjali ta’ qgħad partikolarment serju fost iż-żgħażagħ tikkostitwixxi tali element ta’ distinzjoni fundamentali. Għalhekk, minħabba li jista’ jingħad li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa pjuttost għoli u strutturali, il-popolazzjoni iktar żagħżugħa tieqaf tkun, f’termini ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, komparabbli mal-kumplament tal-popolazzjoni. Jista’ jingħad li toħloq kategorija separata għaliha nnifisha.

47.

Ma naqbilx. Bħalma semmejt diġà, l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà hija waħda komprensiva. Din tħares kumplessivament lejn numru ta’ elementi li huma rilevanti għall-kwalità partikolari li qiegħda tiġi pparagunata. Fir-rigward tal-aċċess għal u tat-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, il-gruppi tal-età kollha jistgħu jingħataw l-istess kuntratti. Huma kollha jikkompetu għall-istess impjiegi. Dawn huma għaldaqstant komparabbli bis-sħiħ ( 28 ).

48.

Il-fatt li jista’ jkun hemm xi differenza parzjali, bħal li grupp ta’ età partikolari jista’ jkollu xi problemi partikolari, jista’ naturalment ikun rilevanti għall-motivazzjoni ta’ miżura nazzjonali li tfittex rimedju għal din il-problema. Dan jista’ jsostni l-politika li fuqha hija bbażata l-adozzjoni ta’ dik il-miżura. Tali kunsiderazzjonijiet imbagħad ikunu jinsabu, madankollu, fil-qalba tal-għan leġittimu mressaq mill-Gvern Taljan. L-eżami ta’ dak l-element għaldaqstant jaqa’ taħt l-analiżi tal-ġustifikazzjoni tal-miżura.

49.

Ħaddiema iktar żagħżagħ li għalihom japplika l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv huma għaldaqstant f’sitwazzjoni komparabbli għal ħaddiema oħra u persuni li jkunu qegħdin ifittxu xogħol. Iktar minn hekk, huwa ċar li bl-impożizzjoni ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt mal-età ta’ 25 sena, id-dispożizzjoni inkwistjoni fiha wkoll differenza fit-trattament fir-rigward ta’ ħaddiema rreklutati skont l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv li ma jkunux laħqu dik l-età jew li jkollhom iktar minn 45 jew 55 sena, u ta’ dawk il-ħaddiema taħt kuntratti intermittenti skont is-sistema ġenerali tal-Artikolu 34(1) tad-Digriet Leġiżlattiv ( 29 ).

50.

Fi ftit kliem, l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv jipprevedi differenza fit-trattament bejn gruppi komparabbli bbażata direttament biss fuq waħda mir-raġunijiet ipprojbiti, jiġifieri l-età.

2. Trattament inqas favorevoli

51.

Skont l-Artikolu 2(2)(a), il-protezzjoni tad-Direttiva tapplika meta persuna tiġi ttrattata “b’mod inqas favorevoli milli” persuna oħra. Dan ifisser li t-trattament differenti għandu jkun ta’ żvantaġġ jew għad-detriment tal-persuna/i ta’ età partikolari.

52.

Il-kawżi dwar diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja normalment jirrigwardaw benefiċċji, kundizzjonijiet tax-xogħol jew limitazzjonijiet li jinvolvu b’mod ċar vantaġġ jew żvantaġġ għal rikorrent partikolari ( 30 ). F’dawn il-każijiet, il-mod kif jiġi ddeterminat jekk il-miżura inkwistjoni taħdimx għad-detriment ta’ individwu huwa pjuttost ċar. Il-fatt li wieħed ma jirċevix benefiċċju, li jitħallas inqas, jew li jkun obbligat li jirtira meta ma jkunx irid jikkostitwixxi b’mod ċar trattament inqas favorevoli.

53.

Din il-kawża, madankollu, hija iktar kumplessa. Il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata hijiex għall-benefiċċju jew għad-detriment tal-grupp protett ħolqot ftit diskussjoni mhux ħażin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

54.

A. Bordonaro jsostni li l-kuntratt intermittenti huwa tip sfavorevoli ta’ kuntratt. Dan fih nuqqas ta’ ċertezza fir-rigward tas-sigħat tax-xogħol. Dan jippermetti tkeċċija abbażi biss tal-età.

55.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ffokat fuq l-element ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt mal-età ta’ 25 sena. Skont il-Kummissjoni, dan l-element huwa ekwivalenti għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età għall-finijiet tad-Direttiva.

56.

Il-Gvern Taljan u Abercrombie & Fitch ma jaqblux ma dawn il-fehmiet. Huma jsostnu li d-differenza fit-trattament ma hijiex ekwivalenti għal trattament inqas favorevoli. Ħaddiema taħt il-25 sena fil-fatt huma ttrattati b’mod iktar favorevoli minn ħaddiema ta’ 25 sena u iktar. Skont Abercrombie & Fitch, il-kuntratt intermittenti huwa “oppurtunità kuntrattwali addizzjonali” li jagħti status kuntrattwali pprivileġġat lill-ħaddiem, li jsir iktar attraenti għal min iħaddem. Iktar minn hekk, il-Gvern Taljan sostna li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni japplika għall-kundizzjonijiet tax-xogħol oħra taħt il-kuntratt intermittenti, bħas-salarju, il-leave annwali, u l-protezzjoni soċjali.

57.

Qabelxejn, għandu jiġi ċċarat li ma hemm xejn li jindika li d-dispożizzjoni inkwistjoni taqa’ taħt il-kategorija ta’ azzjoni pożittiva. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jipprevedi li, bl-għan li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw miżuri speċifiċi biex jipprevjenu jew jikkumpensaw għal żvantaġġi marbuta ma’ xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Il-miżuri koperti minn din id-dispożizzjoni huma speċifikament u esklużivament maħsuba biex jipprevjenu jew jikkumpensaw żvantaġġi reali li fil-fatt jeżistu ( 31 ).

58.

Madankollu, f’din il-kawża, minflok ma hija diretta b’mod espliċitu lejn l-għoti ta’ vantaġġ intiż li jiżgura ugwaljanza sħiħa fil-prattika għal ħaddiema iktar żgħażagħ, jidher li l-impatt ġenwin tal-miżura huwa mħallat. Minn ċertu perspettiva, tista’ tidher bħala li tipperpetwa l-pożizzjoni iktar prekarja tal-parti iktar żagħżugħa tal-popolazzjoni fis-suq tax-xogħol ( 32 ).

59.

Madankollu, il-Gvern Taljan ikkonferma fis-seduta li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex intiża bħala miżura ta’ azzjoni pożittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

60.

Meta din id-dikjarazzjoni tittieħed bħala punt tat-tluq, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “trattament inqas favorevoli” tibqa’ rilevanti. Huwa ovvju li l-miżura inkwistjoni għandha impatt imħallat. Huwa ċar ukoll li l-evalwazzjoni ta’ jekk miżura hijiex ekwivalenti għal trattament inqas favorevoli tista’ tiddependi mill-perspettiva tar-rikorrent potenzjali u fuq il-qofol tal-analiżi.

61.

Il-premessa 15 tad-Direttiva tiddikjara li l-evalwazzjoni tal-fatti li minnhom jista’ jiġi dedott li hemm diskriminazzjoni diretta hija kwistjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali skont ir-regoli tal-liġi jew il-prattika nazzjonali ( 33 ). Meta jiġu stabbiliti dawk il-fatti, il-prova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tgħaddi fuq il-konvenut, skont il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva ( 34 ).

62.

Għalhekk, ukoll f’konformità mat-tqassim tal-kompiti skont il-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari tal-Artikolu 267 TFUE ( 35 ), l-evalwazzjoni essenzjalment fattwali ta’ jekk hemmx trattament inqas favorevoli, li hija kruċjali għall-istabbiliment ta’ diskriminazzjoni, hija kompitu tal-qorti nazzjonali. Madankollu, sabiex tiġi assistita l-qorti nazzjonali, jistgħu jingħataw xi elementi utli ta’ gwida.

63.

Tkeċċija awtomatika mal-età ta’ 25 sena tista’ tidher bħala limitazzjoni fuq l-użu tal-kuntratt intermittenti skont l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv. Minn ċerta perspettiva, din il-miżura fil-fatt tista’ tidher bħala diretta biex ma tiġix ipperpetwata s-sitwazzjoni prekarja tal-ħaddiema li b’mod progressiv isiru “inqas żagħżagħ”. Madankollu, din tqiegħed ukoll lill-ħaddiema fil-pożizzjoni li jitkeċċew irrispettivament mill-prestazzjoni jew mill-aġir partikolari tagħhom. Il-fatt li dak l-element, meqjus waħdu, huwa ekwivalenti għal trattament inqas favorevoli, ftit li xejn jista’ jiġi kkontestat ( 36 ).

64.

Madankollu, bħalma ġie ssuġġerit diġà, f’din il-kawża l-evalwazzjoni ta’ trattament iktar jew inqas favorevoli ma tistax tkun limitata għal element uniku biss. Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna r-regola stabbilita fl-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv, li tinkludi kemm element ta’ aċċess għax-xogħol kif ukoll element marbut mat-terminazzjoni ta’ kuntratt. Iż-żewġ elementi, fil-fehma tiegħi, huma marbuta b’mod intrinsiku. Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-evalwazzjoni tal-miżura trid tkun waħda komprensiva u ġenerali, li tibbilanċja elementi differenti tar-relazzjoni, tal-kundizzjonijiet u tal-kunsiderazzjonijiet kuntrattwali. B’mod partikolari, l-impatt tal-kuntratt irid jiġi evalwat fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv kumplessiv applikabbli, li jinkludi s-sistema ġenerali tal-kundizzjonijiet tax-xogħol marbuta mal-kuntratt intermittenti (bħal kumpens tat-tkeċċija, leave annwali, ugwaljanza tal-pożizzjoni ta’ min iħaddem u tal-impjegat jew il-possibbiltà għall-impjegat li b’mod liberu jirrifjuta x-xogħol) kif ukoll kunsiderazzjoni tal-impatt fuq l-aċċess għas-suq ta’ żgħażagħ li qed ifittxu x-xogħol.

65.

Fil-kawża Mangold il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-awtorizzazzjoni mingħajr restrizzjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat għal ħaddiema li jkunu laħqu ċerta età kienet koperta mid-Direttiva bħala trattament differenti bbażat fuq l-età ( 37 ). Fil-kawża Georgiev il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-impożizzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat għall-professuri li għalqu l-65 sena kien trattament differenti fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva, minħabba li l-‑kundiżżjonijiet tal-impjieg tagħhom saru “iktar prekarji” minn dawk ta’ professuri li għandhom inqas minn 65 sena ( 38 ).

66.

Minn din il-ġurisprudenza huwa ċar li meta teżisti differenza fit-trattament, in-natura inqas favorevoli tagħha tiġi ddeterminata permezz ta’ evalwazzjoni kumplessiva tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mis-sistema kuntrattwali applikabbli għal kategoriji ta’ età speċifiċi, fejn il-punt ta’ riferiment tkun ir-relazzjonijiet ta’ impjieg ordinarji meta mqabbla ma’ forom oħra ta’ xogħol iktar flessibbli, bħal kuntratti għal żmien determinat. Bħala riżultat ta’ tali evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni mhux ristretta jew l-impożizzjoni ta’ forom kuntrattwali (għal żmien determinat) speċifiċi kkaratterizzati minn grad iktar baxx ta’ stabbiltà fir-rigward ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat ġew meqjusa bħala “trattament inqas favorevoli”.

67.

F’din il-kawża, il-kuntratt intermittenti jikkostitwixxi forma kuntrattwali sui generis ikkaratterizzata minn deroga mill-“kuntratti ordinarji” (kemm kuntratti full-time kif ukoll part-time) f’termini tal-organizzazzjoni taż-żmien tar-relazzjoni ta’ xogħol. Il-flessibbiltà tapplika għall-element taż-żmien tar-relazzjoni ta’ xogħol, li jitħalla f’idejn min iħaddem biex jiddeċiedi skont il-ħtiġijiet tiegħu. L-applikazzjoni ta’ kuntratti intermittenti tinvolvi li ħaddiem ma jkollux numru garantit ta’ sigħat ta’ xogħol, u għaldaqstant l-ebda dħul fiss. Filwaqt li din is-sistema hija applikabbli għal ħaddiema fil-kategoriji kollha għal raġunijiet oġġettivi u taħt ċerti kundizzjonijiet, is-sistema għal ħaddiema ta’ inqas minn 25 sena tifforma, min-naħa tagħha, deroga mill-kundizzjonijiet regolatorji li jiġġustifikaw l-użu ta’ dan it-tip ta’ kuntratt sui generis.

68.

Min-naħa l-oħra, madankollu, id-dispożizzjoni inkwistjoni allegatament toffri aċċess usa’ għas-suq tax-xogħol għal persuni ta’ inqas minn 25 sena permezz ta’ kuntratt partikolarment flessibbli. Dan ma jipprekludix il-possibbiltà li min iħaddem joffri lil dawk il-persuni tipi oħra ta’ kuntratt. Madankollu, fl-istess ħin, il-possibbiltà li jintużaw kuntratti intermittenti mingħajr ebda rekwiżit oġġettiv tista’ tagħmilha iktar diffiċli għall-persuni ta’ inqas minn 25 sena biex jaċċedu għal kuntratti oħra li ma jagħtux tali flessibbiltà lil min iħaddem. Konsegwentement, ħaddiema iktar żagħżagħ jistgħu jkunu jinsabu f’pożizzjoni fejn ikun iktar diffiċli li jaċċedu għal impjieg “regolari” matul parti tal-karriera professjonali tagħhom ( 39 ). Fi ftit kliem, anki jekk id-dritt tal-UE ma jipprekludix dawk il-modalitajiet kuntrattwali iktar flessibbli ( 40 ), l-impożizzjoni jew l-applikazzjoni mingħajr restrizzjoni tagħhom għal grupp tal-età partikolari tista’ ssir problematika.

69.

Iktar minn hekk, il-fatt li l-użu ġenerali ta’ kuntratti intermittenti huwa limitat mid-dritt nazzjonali (u li l-limitazzjonijiet issaħħew b’mod progressiv maż-żmien) jindika li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-applikazzjoni tal-kuntratt ma hijiex meqjusa mingħajr ambigwità bħala trattament iktar favorevoli jew protettiv mill-perspettiva tad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan irrefera għal dan il-kuntratt bħala strument “inqas eżiġenti u irħas mill-kuntratt ta’ xogħol ordinarju”.

70.

Bħala konklużjoni għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ trattament inqas favorevoli għandha tkun evalwazzjoni komprensiva tal-impatt tat-tħaddim tar-regola. Tali evalwazzjoni teħtieġ kemm l-għarfien tal-impatt fattwali kif ukoll l-għarfien tal-ambjent leġiżlattiv ulterjuri li fih taħdem ir-regola. Għaldaqstant hija kwistjoni għall-qorti nazzjonali.

71.

Fit-twettiq ta’ tali evalwazzjoni, għandhom jiġu evitati żewġ estremi. L-ewwel nett, bħalma jirriżulta minn din it-taqsima, l-evalwazzjoni ta’ trattament inqas favorevoli ma għandux iħares biss lejn regola waħda speċifika ħafna moqrija waħedha, mingħajr kunsiderazzjoni tal-kumplament. It-tieni nett, evalwazzjoni komprensiva u ġenerali tfisser li xi elementi individwali fil-pakkett sħiħ jistgħu jkunu pożittivi, oħrajn negattivi. Kważi l-ebda miżura ma jista’ jingħad li hija esklużivament favorevoli fl-elementi kollha tagħha. Huwa t-total li jgħodd: b’mod ġenerali, il-miżura tħalli lill-grupp protett f’sitwazzjoni agħar?

72.

Fl-aħħar nett, wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li l-impatt tal-miżura ma għandux jitħallat mal-objettiv tal-miżura mressqa mill-Gvern Taljan. Id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-fatt tista’ tkun immirata lejn l-għoti ta’ opportunitajiet addizzjonali liż-żgħażagħ li jkunu qegħdin ifittxu xogħol biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Madankollu, l-istandard għall-aċċertament tan-natura żvantaġġuża tal-miżura fir-rigward ta’ dan il-grupp għandu jkun dak tal-impatt, li, għal darb’oħra fl-evalwazzjoni komprensiva tiegħu ma jinvolvix biss l-aċċess għas-suq, iżda wkoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-tkeċċija.

3. Ġustifikazzjoni

73.

Jekk il-qorti nazzjonali tqis li l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv huwa ekwivalenti għal trattament inqas favorevoli fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk dik id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. B’mod iktar speċifiku, l-evalwazzjoni mbagħad timxi għall-eżami dwar jekk id-differenza fit-trattament tistax tkun iġġustifikata b’mod oġġettiv u raġonevoli minn għan leġittimu (a), jekk il-mezzi użati għall-ilħuq ta’ dan l-għan humiex xierqa u jekk dawn imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan imfittex (b).

a) Għan leġittimu

74.

F’din il-kawża, l-identifikazzjoni tal-għan leġittimu imfittex mill-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv ma kinitx mingħajr kontroversja. Bħalma tinnota l-qorti tar-rinviju, id-Digriet Leġiżlattiv ma fih l-ebda riferiment speċifiku għall-objettivi li huwa jipprova jilħaq permezz tal-Artikolu 34(2) tiegħu.

75.

Bħala prinċipju, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-oneru li jistabbilixxu l-leġittimità tal-għan imfittex sabiex jintlaħaq limitu probatorju għoli ( 41 ). Madankollu, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ċara dwar l-objettiv allegatament sottostanti għall-miżura, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ċerta flessibbiltà sabiex tidentifika l-għanijiet sottostanti, billi ppermettiet li jsir riferiment għal elementi bħall-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata ( 42 ).

76.

Il-Gvern Taljan indika numru ta’ objettivi differenti sottostanti għall-miżura, li b’xi mod huma interrelatati iżda li ma humiex kompletament sovrapposti. L-ewwel nett, il-miżura inkwistjoni hija parti minn kuntest legali intiż għall-promozzjoni tal-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol, sabiex tiżdied ir-rata tal-impjiegi. It-tieni nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija intiża għat-trawwim tad-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. It-tielet nett, fis-seduta, il-Gvern Taljan spjega ulterjorment li l-objettiv iktar speċifiku sottostanti għad-dispożizzjoni partikolari inkwistjoni huwa li tipprovdi l-ewwel opportunità ta’ impjieg, u għalhekk tippermetti esperjenza rilevanti inizjali u sussegwenti fis-suq tax-xogħol, iżda mhux impjieg stabbli.

77.

Il-Kummissjoni sostniet li dan l-għan jista’ jiġi identifikat ukoll mil-“legge di delega” (il-liġi ta’ delega) li tifforma l-bażi tad-Digriet Leġiżlattiv inkwistjoni, li l-Artikolu 1(1) tagħha jirreferi għall-objettiv li titjieb “[...] il-kapaċità tal-integrazzjoni professjonali tal-persuni qiegħda u ta’ dawk kollha li qegħdin ifittxu l-ewwel impjieg, b’mod partikolari fir-rigward tan-nisa u ż-żgħażagħ” ( 43 ).

78.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprovdi lista illustrattiva ta’ għanijiet leġittimi. Inklużi f’din il-lista hemm il-politika tal-impjieg, is-suq tax-xogħol u t-taħriġ professjonali ( 44 ). L-Artikolu 6(1)(a) jipprovdi b’mod espliċitu eżempji ta’ differenzi leġittimi fit-trattament bħala “l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom”.

79.

Il-promozzjoni tal-impjieg għalhekk bla dubju tikkostitwixxi objettiv leġittimu. Dan jgħodd iktar u iktar fir-rigward tal-impjieg taż-żgħażagħ, kwistjoni ta’ tħassib ukoll għall-istituzzjonijiet Ewropej ( 45 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ripetutament li għanijiet leġittimi jinkludu t-tħeġġiġ tar-reklutaġġ li jinvolvi l-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għal professjoni ( 46 ) jew il-promozzjoni tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom ( 47 ).

80.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li miżuri li jippromwovu l-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol jistgħu jiġu kkunsidrati bħala miżura li taqa’ taħt il-politika tal-impjieg ( 48 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’mod speċifiku li regoli nazzjonali jistgħu jagħtu jew jirriżervaw, fl-insegwiment ta’ għanijiet leġittimi fl-interess pubbliku ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol, ċertu grad ta’ flessibbiltà lil min iħaddem ( 49 ). B’mod partikolari, il-faċilitazzjoni tar-reklutaġġ ta’ ħaddiema iktar żagħżagħ billi tiżdied il-flessibbiltà fl-amministrazzjoni tal-persunal tikkostitwixxi għan leġittimu ( 50 ).

81.

B’riżultat ta’ dan, jidher li kull wieħed mill-għanijiet imressqa mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi, bħala prinċipju, għan leġittimu skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

82.

Madankollu, il-problema preċiża ta’ din il-kawża ma hijiex in-nuqqas ta’ xi għan leġittimu. Għall-kuntrarju – jidher li hemm abbundanza ta’ għanijiet invokati mill-Gvern Taljan, fejn kull wieħed minnhom, madankollu, b’xi mod jiġbed lejn direzzjoni differenti. Id-dubji persistenti fir-rigward tal-objettiv preċiż imfittex f’din il-kawża huma kwistjoni għall-qorti nazzjonali.

83.

In-neċessità ta’ identifikazzjoni ċara ta’ għan leġittimu speċifiku wara l-miżura ssir kruċjali għall-istadju sussegwenti ta’ analiżi: l-evalwazzjoni tal-adegwatezza, il-konsistenza u n-neċessità tal-miżura. Din l-evalwazzjoni, bħal fil‑każ ta’ kwalunkwe eżami tal-proporzjonalità, għandha tkun tirrigwarda r-relazzjoni bejn l-għanijiet u l-mezzi. Madankollu, mingħajr ċarezza dwar l-għanijiet huwa impossibbli li tiġi evalwata l-adegwatezza tal-mezzi magħżula. Metaforikament, huwa diffiċli li jiġi diskuss jekk wieħed huwiex fit-triq it-tajba jekk effettivament ma tiġix indikata d-destinazzjoni. L-għan – fejn jistgħu jkunu mfittxija diversi fl-istess ħin ( 51 ) – għaldaqstant jeħtieġ li jiġi identifikat b’mod ċar.

b) Adegwatezza u neċessità

84.

L-adegwatezza tevalwa jekk il-mezzi magħżula jistgħux jilħqu l-objettiv. In-neċessità tiffoka fuq jekk hemmx alternattivi oħra inqas intrużivi għall-mezzi magħżula. Iż-żewġ tipi ta’ evalwazzjoni jeħtieġu għarfien dettaljat tax-xenarju leġiżlattiv kumplessiv, bħar-regoli ġenerali mfassla għall-protezzjoni tal-ħaddiema, ir-regoli speċifiċi għall-evitar ta’ abbuż kif ukoll ir-regoli li jirregolaw il-kundizzjonijiet materjali tax-xogħol marbuta mal-kuntratt intermittenti inkwistjoni f’din il-kawża. Għaldaqstant għal darb’oħra hija fl-aħħar mill-aħħar il-qorti nazzjonali li għandha twettaq l-evalwazzjoni tal-adegwatezza u n-neċessità tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni.

85.

Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin huma mmirati biex jipprovdu lill-qorti tar-rinviju b’xi gwida għal dik l-evalwazzjoni, bla ħsara għal identifikazzjoni iktar preċiża tal-għan sottostanti li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju. Fid-dawl ta’ dan l-għan, ser neżamina l-kriterji ta’ adegwatezza u ta’ neċessità fir-rigward ta’ kull wieħed mill-għanijiet imressqa mill-Gvern Taljan: l-għan tal-promozzjoni tal-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol (i); tat-trawwim tal-aċċess għas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ (ii); u tal-għoti ta’ opportunità tal-ewwel impjieg għaż-żgħażagħ (iii).

86.

Bħala nota tal-bidu komuni għal din it-taqsima, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażliet tagħhom għall-ilħuq ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, kif ukoll fil-konfigurazzjoni tal-miżuri biex jintlaħaq tali għan ( 52 ). Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa madankollu llimitat mill-projbizzjoni li tiġi mxekkla l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età ( 53 ).

i) L-objettiv tal-promozzjoni tal-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol

87.

Il-Gvern Taljan iċċara li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni hija element ta’ kuntest leġiżlattiv usa’ li matul dan l-aħħar deċennju fittex li jġib flessibbiltà fis-suq tax-xogħol.

88.

B’mod ġenerali, miżura li tippermetti tipi ta’ kuntratti ta’ xogħol li huma inqas riġidi għal min iħaddem tista’ tabilħaqq titqies li hija xierqa prima facie sabiex jinkiseb grad ogħla ta’ flessibbiltà fis-suq tax-xogħol.

89.

Madankollu, l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv jippermetti użu ikbar ta’ kuntratt flessibbli fir-rigward ta’ gruppi tal-età partikolari: persuni ta’ inqas minn 25 sena u dawk ta’ iktar minn 45 sena. Għaldaqstant wieħed jista’ jistaqsi kif il-fatt li l-aċċess għal forma kuntrattwali flessibbli jiġi ffaċilitat biss għal gruppi tal-età speċifiċi ifittex li jilħaq b’mod konsistenti l-objettiv kumplessiv ta’ flessibbiltà fis-suq tax-xogħol. Minn din il-perspettiva, il-qorti nazzjonali se jkollha tevalwa għaliex miżura li tfittex li tilħaq objettiv ġenerali ta’ żieda fil-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol għandha tkun applikabbli biss għal gruppi ta’ età partikolari. Fi kliem ieħor, jekk il-flessibbiltà hija għan applikabbli għas-suq tax-xogħol kollu, ma huwiex ċar, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri, għaliex l-oneru tal-ilħuq ta’ dan l-għan għandu jinġarr biss minn gruppi ta’ età speċifika.

90.

Barra minn hekk, fl-eżami ta’ jekk il-miżura tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan imfittex, din id-dispożizzjoni trid titqiegħed fil-kuntest tagħha. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dannu li din tista’ toħloq lill-persuni kkonċernati ( 54 ). Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju, meta tqis in-neċessità tal-miżura fir-rigward tal-objettiv tal-promozzjoni tal-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol, ser ikollha tevalwa jekk il-miżura inkwistjoni tiksibx bilanċ raġonevoli bejn l-interessi ta’ politika tal-impjieg ġenerali u r-riskji li jaffaċċjaw ħaddiema żagħżagħ li jiġu kkategorizzati fil-gruppi iktar prekarji tas-suq tax-xogħol.

ii) L-objettiv tal-faċilitazzjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ

91.

Il-Gvern Taljan sostna li aċċess usa’ għal kuntratti intermittenti għal persuni ta’ inqas minn 25 sena li jkunu qegħdin ifittxu xogħol huwa intiż għall-ilħuq tal-objettiv tal-faċilitazzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol.

92.

Il-Kummissjoni tqis, madankollu, li dan l-objettiv ma huwiex segwit b’mod koerenti peress li l-ħaddiema żgħażagħ irreklutati taħt din is-sistema jitkeċċew malli jgħalqu l-25 sena. Dan jinnewtralizza l-effetti vantaġġjużi tal-miżura fuq l-impjieg taż-żgħażagħ.

93.

Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandha l-leġiżlatura nazzjonali f’dan ir-rigward, u fin-nuqqas ta’ iktar data, b’mod partikolari statistika, f’dan l-istadju ma jistax jiġi konkluż li l-miżura hija manifestament inadegwata biex jintlaħaq l-objettiv allegat. Hija l-qorti nazzjonali li għandha, meta jkollha l-fatti u l-provi xierqa kollha, tiddetermina jekk dan fil-fatt huwiex il-każ.

94.

Madankollu, għandu jitfakkar li “[s]empliċi affermazzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw r-raġonevolezza ta’ miżura partikolari li tipparteċipa fil-politika tax-xogħol, tas-suq tax-xogħol jew tat-tagħlim professjonali mhumiex biżżejjed sabiex jintwera li l-għan ta’ din il-miżura hija tali li tiġġustifika li ssir deroga minn dan il-prinċipju u lanqas ma jikkostitwixxu elementi li jippermettu raġonevolment li jiġi meqjus li l-mezzi magħżula huma xierqa għat-twettiq ta’ dan l-għan” ( 55 ).

95.

B’mod partikolari hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali tagħha, il-valur probatorju tal-provi prodotti quddiemha, li jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, provi fil-forma ta’ statistika ( 56 ). B’rabta ma’ dan, huwa veru li l-għażliet leġiżlattivi fil-qasam tal-impjieg, fejn l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra partikolari, jistgħu jkunu bbażati fuq previżjonijiet u kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika li t-tnejn li huma x’aktarx li jinvolvu grad ta’ inċertezza ( 57 ). Ir-rekwiżit ta’ adegwatezza impost mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jeħtieġ, madankollu, għall-inqas relazzjoni loġika ta’ idoneità u koerenza bejn l-objettiv imfittex u l-mezzi magħżula.

96.

Għaldaqstant għandu jiġi aċċertat jekk it-tfittxija tal-ilħuq tal-għan tat-titjib tar-reklutaġġ ta’ żgħażagħ hijiex qed issir b’mod konsistenti u sistematiku mill-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv. B’mod partikolari, l-argument imressaq mill-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ koerenza interna ta’ din id-dispożizzjoni minħabba t-tkeċċija awtomatika fl-età ta’ 25 sena jixraqlu eżami ulterjuri. Jekk dan jiġi msaħħaħ bi provi ulterjuri, jista’ fil-fatt jingħad li d-dispożizzjoni inkwistjoni, iktar milli tfittex rimedju għall-qgħad, sempliċiment iċċaqlaq il-problema: Din kemm tipposponi l-qgħad għall-grupp ta’ età li jmiss.

97.

Mill-perspettiva tan-neċessità tal-miżura, hija wkoll il-qorti nazzjonali li għandha teżamina alternattivi inqas intrużivi għat-tkeċċija awtomatika li jistgħu jippermettu approċċ iktar sfumat għal-limitu tal-età.

iii) Opportunità tal-ewwel impjieg

98.

Fl-aħħar nett, fis-seduta, il-Gvern Taljan iċċara li l-għan prinċipali u speċifiku tad-dispożizzjoni inkwistjoni ma huwiex li ż-żgħażagħ jingħataw aċċess għas-suq tax-xogħol fuq bażi stabbli, iżda biss li jiġu pprovduti bl-ewwel opportunità biex jaċċedu għas-suq tax-xogħol. L-għan ma huwiex li ż-żgħażagħ jidħlu fis-suq u jibqgħu f’impjieg (permanenti), iżda li jiġu pprovduti bl-ewwel esperjenza li iktar ’il quddiem se tqegħedhom f’pożizzjoni aħjar biex jikkompetu fis-suq tax-xogħol. Fi kliem ieħor, effettivament intqal li d-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata taħdem pass wieħed qabel l-aċċess sħiħ għas-suq tax-xogħol. L-għan tagħha huwa li toħloq ċerta ugwaljanza ta’ possibbiltajiet jew opportunitajiet, sabiex fil-pass sussegwenti, il-persuni ta’ inqas minn 25 sena jkunu jistgħu jikkompetu b’mod effettiv ma’ gruppi ta’ età ikbar.

99.

Prima facie, l-età, partikolarment l-etajiet ta’ inqas minn 25 sena, tista’ tintuża bħala indikatur għal nuqqas ta’ esperjenza fis-suq tax-xogħol. L-adegwatezza tal-miżura b’dak l-għan għal darb’oħra teħtieġ li tiġi aċċertata bl-elementi probatorji disponibbli għall-qorti nazzjonali u b’kunsiderazzjoni dovuta għall-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-leġiżlatura nazzjonali.

100.

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tqis il-fatt li, minkejja li tfittex li tilħaq l-għan li tingħata opportunità tal-ewwel impjieg, id-dispożizzjoni partikolari inkwistjoni ma teħtieġx li l-persuni li għalihom japplika l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv ma jkollhom l-ebda esperjenza preċedenti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ssemmi biss l-età u ma hija marbuta mal-ebda esperjenza, edukazzjoni jew apprendistat.

101.

Iktar minn hekk, għandu jiġi nnotat li minkejja li l-Gvern Taljan iddikjara li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex intiża għall-ħolqien ta’ opportunitajiet stabbli ta’ impjieg, il-kuntratt intermittenti jista’ jiġi konkluż ukoll fil-forma ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa r-rilevanza ta’ dan il-fatt, bħala kwistjoni ta’ konsistenza, b’kunsiderazzjoni dovuta tat-tul ta’ żmien li fih dan il-kuntratt jista’ jibqa’ applikabbli għall-ħaddiema żgħażagħ li jkunu laħqu l-età tax-xogħol skont id-dritt nazzjonali.

102.

Mill-perspettiva tal-kriterju ta’ neċessità, għandu jiġi aċċertat jekk setgħux jiġu previsti mezzi oħra inqas onerużi. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-miżura għandha tqis il-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni hija bbażata biss fuq l-età. Hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk il-miżura setgħetx fil-fatt tilħaq b’mod raġonevoli l-objettiv allegat permezz ta’ kriterji xierqa addizzjonali, bħar-rekwiżit li l-persuna tkun qiegħda jew in-nuqqas ta’ esperjenza preċedenti ( 58 ).

103.

Barra minn hekk, il-Gvern Taljan sostna wkoll li l-objettiv tal-għoti tal-esperjenza tal-ewwel impjieg ta’ natura mhux stabbli jiġġustifika t-terminazzjoni awtomatika ta’ impjieg meta tintlaħaq l-età ta’ 25 sena. Dan, skont il-Gvern Taljan, jippermetti li l-miżura tilħaq livell għoli ta’ effettività. Dan jippermetti li numru ikbar ta’ persuni jkollhom aċċess għal pożizzjonijiet disponibbli. Skont dan l-argument, il-loġika sottostanti hija dik tal-qsim tal-pożizzjonijiet disponibbli: li kulħadd imissu biċċa mill-kejk.

104.

Madankollu, din l-ispjegazzjoni ta’ “qsim tal-kejk” ma tidhirx konvinċenti għalkollox. Persuna rreklutata f’età iżgħar jista’ jmissha l-biċċa kejk tagħha għal diversi snin, filwaqt li dawk eqreb għall-25 sena jgawduha għal ftit xhur. Mela għaliex ma jiġix stabbilit perijodu massimu tal-kuntratt li japplika għal kull persuna, sabiex il-“kejk” jitqassam b’mod iktar ekwu? L-ispjegazzjoni tat-“tqassim tal-kejk” issir pjuttost ċirkolari fir-rigward tal-grupp tal-età ta’ inqas minn 25 sena nnifsu: dan il-grupp għandu jaqsam il-kejk, filwaqt li l-oħrajn qed jingħataw ikla differenti?

105.

Fi ftit kliem, fi kwistjonijiet sensittivi bħall-politika soċjali u tal-impjieg, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Dawn jistgħu jfittxu li jilħqu numru ta’ għanijiet leġittimi. Madankollu, it-tfittxija ta’ dawn l-għanijiet trid turi ammont raġonevoli ta’ ċarezza u koerenza, miġbura fil-kriterji ta’ adegwatezza u neċessità.

V – Konklużjoni

106.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula mill-Corte suprema di cassazione (qorti suprema ta’ kassazzjoni, l-Italja) tkun kif ġej:

L-Artikolu 2(2)(a) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati bħala li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li kuntratti intermittenti jkunu applikabbli fi kwalunkwe każ għal ħaddiema ta’ inqas minn 25 sena, sakemm:

din il-leġiżlazzjoni tfittex li tilħaq għan leġittimu marbut mal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol; u

tilħaq dan l-għan b’mezzi li huma kemm xierqa kif ukoll neċessarji.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti f’din il-kawża.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79); iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/78” jew id-“Direttiva”.

( 3 ) Id-digriet tas-16 ta’ Jannar 2008, Polier (C‑361/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:16) kien jikkonċerna l-kuntratt ta’ xogħol “nouvelles embauches”. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li s-sitwazzjoni ma kinitx taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar dik il-kawża madankollu ma kinux jikkonċernaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

( 4 ) Decreto Legislativo del 10 settembre 2003, No 276 Attuazione delle deleghe in materia di occupazione e mercato del lavoro, di cui alla legge 14 febbraio 2003, n. 30. (GURI Nru 235 tad-9 ta’ Ottubru 2003, Suppliment ordinarju Nru 159), kif emendat sussegwentement.

( 5 ) Emendat bil-Legge 28 giugno 2012, n. 92. Disposizioni in materia di riforma del mercato del lavoro in una prospettiva di crescita (Liġi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Nru 92, Miżuri li jikkonċernaw ir-riforma tas-suq tax-xogħol bl-għan li jiġi appoġġat it-tkabbir) (GURI Nru 153 tat-3 ta’ Lulju 2012, Suppliment ordinarju Nru 136).

( 6 ) Decreto Legislativo 15 giugno 2015, n. 81, Disciplina organica dei contratti di lavoro e revisione della normativa in tema di mansioni, a norma dell'articolo 1, comma 7, della legge 10 dicembre 2014, n. 183. (GURI Nru 144, tal-24 ta’ Ġunju 2015, Suppliment ordinarju Nru 34) (dwar ir-regolazzjoni sistematika tal-kuntratti tal-impjieg u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar id-doveri marbutin mal-impjieg, skont l-Artikolu 1(7) tal-Liġi Nru 183 tal-10 ta’ Diċembru 2014.

( 7 ) Dak il-limitu ta’ età żdied għal 55 sena minn riforma sussegwenti tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) Minkejja li l-kundizzjoni relatata mall-fatt “li s-servizzi kuntrattwali jridu jitwettqu qabel [...] [i]l-25 sena” ġiet introdotta biss mil-Liġi tat-28 ta’ Ġunju 2012 (ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet), matul is-seduta l-Gvern Taljan iċċara li l-Artikolu 34(2) tad-Digriet Leġiżlattiv dejjem ġie interpretat bħala li jwassal għat-terminazzjoni ta’ kuntratt mal-età ta’ 25 sena.

( 9 ) Ara, pereżempju s-sentenzi tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 2223 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Bowman (C‑539/15, EU:C:2016:977, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2012, Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt (C‑132/11, EU:C:2012:329, punti 2223); tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359, punti 2324); tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 25); u tal-21 ta’ Jannar 2015, Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 17).

( 11 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, de Lange (C‑548/15, EU:C:2016:850, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 19).

( 13 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C‑432/14, EU:C:2015:643, punt 22 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1992, Raulin (C‑357/89, EU:C:1992:87, punt 11).

( 15 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 24).

( 16 ) Għall-istess loġika f’xenarju bil-maqlub, ara l-konklużjonijiet tiegħi fi Fries (C‑190/16, EU:C:2017:225).

( 17 ) Ara, pereżempju s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 48); tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 20); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 108); tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 46); u tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 36).

( 18 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punti 50 u 51), u tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 35 sa 37).

( 19 ) Mid-dokumenti disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2000/78 tidher li ġiet trasposta fid-dritt Taljan bid-Decreto Legislativo del 9 luglio 2003, n 216. Attuazione della direttiva 2000/78/CE per la parità di trattamento in material di occupazione e di condizioni di lavoro (GURI Nru 187 tat-13.8.2003) (Digriet Leġiżlattiv Nru 216 tad-9 ta’ Lulju 2003 li jimplementa d-Direttiva 2000/78/KE għal ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.

( 20 ) Ara f’dan ir-rigward is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 113); tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 48); tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 38); u tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016: 278, punt 31).

( 21 ) B’differenza mis-sitwazzjoni indirizzata fis-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 49), u tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 40). B’kunsiderazzjoni tal-impossibbiltà eventwali ta’ interpretazzjoni f’konformità mad-dritt tal-UE, ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 37).

( 22 ) Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Parris (C‑443/15, EU:C:2016:897, punt 65).

( 23 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 60). Għal diskussjoni dwar in-natura “differenti” ta’ età bħala “raġuni suspettuża” ara pereżempju l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák f’Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:106, punti 61 sa 64), u f’Age Concern England (C‑388/07, EU:C:2008:518, punti 73 sa 75), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Lindorfer vs Il-Kunsill (C‑227/04 P, EU:C:2005:656 punti 83 et seq).

( 24 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:169 punt 69), u f’Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑270/15 P, EU:C:2016:289, punt 30).

( 25 ) Ara, għal dan il-għan is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C‑432/14, EU:C:2015:643, punt 32).

( 26 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 25 u 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C‑432/14, EU:C:2015:643, punt 31).

( 27 ) Matul is-seduta l-Gvern Taljan iċċara li peress li dawn il-ftehimiet kollettivi ma ġewx konklużi, dawn ir-rekwiżiti kienu ġew stabbiliti permezz ta’ Digriet Ministerjali adottat fl-2004.

( 28 ) Din hija wkoll ir-raġuni għaliex is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, O (C‑432/14, EU:C:2015:643, punti 37 sa 39) għandha tiġi distinta hawnhekk. Dik il-kawża kienet tirrigwarda dispożizzjoni nazzjonali li tgħid li kumpens ta’ tmiem il-kuntratt, imħallas fi tmiem kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat meta r-relazzjoni kuntrattwali ta’ xogħol ma kinitx tkompliet permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, ma kienx dovut meta l-kuntratt kien ġie konkluż ma’ żagħżugħ għal perijodu matul il-vaganzi skolastiċi jew universitarji tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li dawk l-istudenti ma kinux f’sitwazzjoni li kienet oġġettivament komparabbli għal dik ta’ ħaddiema oħra eliġibbli għal dak il-kumpens. B’differenza mill-kawża O, persuni fil-grupp tal-età ta’ inqas minn 25 sena f’din il-kawża qegħdin ifittxu impjieg normali, u mhux sempliċiment esperjenza ta’ xogħol matul il-vaganzi tas-sajf. Għal din ir-raġuni, dawn ma jifformawx grupp speċifiku li jfittxu tip differenti ta’ esperjenza professjonali: għal darb’oħra, dawn x’aktarx li jfittxu preċiżament l-istess tip ta’ kuntratt bħall-kumplament tal-popolazzjoni.

( 29 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 44).

( 30 ) Ara, pereżempju, fir-rigward tal-kalkolu ta’ drittijiet għall-pensjoni, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Lesar (C‑159/15, EU:C:2016:451). Fuq it-tnaqqis mit-taxxa tal-ispejjeż ta’ taħriġ, ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, de Lange (C‑548/15, EU:C:2016:850). Fuq il-kundizzjonijiet tal-avvanz fis-salarju, ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Bowman (C‑539/15, EU:C:2016:977). Fuq il-limiti ta’ età għall-eżerċiżżju ta’ professjoni, ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573), u tal-15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo (C‑258/15, EU:C:2016:873). Fuq l-etajiet tal-irtirar jew il-klawżoli għal terminazzjoni tax-xogħol ibbażati fuq l-irtirar obbligatorji, ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, EU:C:2010:601).

( 31 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1995, Kalanke (C‑450/93, EU:C:1995:322, punt 18). Tali miżuri li jikkonsistu minn, inter alia, regoli li jippromwovu l-prijorità għall-ħatra jew il-promozzjoni xorta waħda jaffaċċjaw xi limitazzjonijiet. Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, Kalanke (C‑450/93, EU:C:1995:322, punt 22), u tal-11 ta’ Novembru 1997, Marschall (C‑409/95, EU:C:1997:533, punt 32).

( 32 ) Fil-qasam tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-possibbiltà li jitqies li miżura nazzjonali hija koperta minn “azzjoni pożittiva” meta dik ir-regola, minflok ma tiżgura b’mod konkret ugwaljanza sħiħa, tkun x’aktarx tipperpetwa distribuzzjoni tradizzjonali tar-rwoli bejn l-irġiel u n-nisa. Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Maïstrellis (C‑222/14, EU:C:2015:473, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 79).

( 34 ) Sentenza tal-25 ta’ April 2013, Asociaţia Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 42).

( 35 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 51), u tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 44).

( 37 ) Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 57).

( 38 ) Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Georgiev (C‑250/09 u C‑268/09, EU:C:2010:699, punti 3334), li tiċħad l-argumenti tal-Gvern Belġjan li ddikjara li l-miżura ma kinitx tikkostitwixxi trattament sfavorevoli.

( 39 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 64).

( 40 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wippel (C‑313/02, EU:C:2004:607).

( 41 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 65).

( 42 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:604 punti 56 u 57); tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 45); tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 40), u tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 62).

( 43 ) Liġi Nru 30 tal-14 ta’ Frar 2003. GURI n 47 tas-26 ta’ Frar 2003.

( 44 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 43); tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 40); u tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 80).

( 45 ) Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ April 2013, dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU 2013 C 120, p. 1). Dan l-istrument jistabbilixxi inji gwida u jirrakkomanda li l-Istati Membri “[j]iżguraw li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta’ 25 sena jirċievu offerta ta’ xogħol ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali” (enfasi miżjuda minni).

( 46 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 65); tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 68); tat-18 ta’ Novembru 2010, Georgiev (C‑250/09 u C‑268/09, EU:C:2010:699, punt 45); u tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 49).

( 47 ) Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, de Lange (C‑548/15, EU:C:2016:850, punt 27).

( 48 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 82).

( 49 ) Ara għal dan il-għan, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 46), u tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 52).

( 50 ) Sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punti 35 u 36).

( 51 ) Ara għal dan il-għan is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punti 44 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Georgiev (C‑250/09 u C‑268/09, EU:C:2010:699, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar (C‑152/11, EU:C:2012:772, punt 65), u tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 89).

( 55 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 51).

( 56 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 82).

( 57 ) Ara, għal dan il-għan is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 81).

( 58 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punti 64 u 65).

Top