EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0111

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2017.
Proċeduri kriminali kontra Giorgio Fidenato et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Udine.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Ikel u għalf immodifikat ġenetikament – Miżuri ta’ emerġenza – Miżura nazzjonali intiża li tipprojbixxi l-koltivazzjoni ta’ qamħirrum immodifikat ġenetikament MON 810 – Żamma jew tiġdid tal-miżura – Regolament (KE) Nru 1829/2003 – Artikolu 34 – Regolament (KE) Nru 178/2002 – Artikoli 53 u 54 – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Prinċipju ta’ prekawzjoni.
Kawża C-111/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:248

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

Kawża C‑111/16

Giorgio Fidenato et

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Udine (qorti ta’ Udine, l-Italja)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Ikel u għalf immodifikat ġenetikament – Projbizzjoni ta’ koltivazzjoni ta’ qamħirrum immodifikat ġenetikament MON 810 – Miżuri ta’ emerġenza adottati mill-Istati Membri – Kundizzjonijiet sostantivi – Prinċipju ta’ prekawzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

G. Fidenato et (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) tħarrku talli kabbru qaħmirrum immodifikat ġenetikament MON 810 bi ksur ta’ digriet li jipprojbixxi l-koltivazzjoni tiegħu fit-territorju Taljan. Dak id-digriet ġiet adottat bħala miżura ta’ emerġenza skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament ( 2 ).

2.

Fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra r-rikorrenti, it-Tribunale di Udine (qorti ta’ Udine, l-Italja) għamlet numru ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Waħda mid-domandi li għamlet il-qorti tar-rinviju tirrigwarda r-relazzjoni bejn l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 u l-prinċipju ta’ prekawzjoni. Il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza elenkati fl-Artikolu 34 huma eżawrjenti? Jew inkella dak l-artikolu jista’ jiġi ssupplimentat jew estiż b’applikazzjoni parallela jew anki indipendenti tal-prinċipji ta’ prekawzjoni?

3.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà pprovdiet ċerta gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 fis-sentenza Monsanto ( 3 ). Ir-relazzjoni bejn il-prinċipju ta’ prekawzjoni u dak l-artikolu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma esploratx fis-sentenza Monsanto, hija l-punt fokali ta’ dawn il-konklużjonijiet.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1. Ir-Regolament Nru 1829/2003

4.

Il-premessa 3 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament tipprovdi li “[b]iex tiġi protetta s-saħħa umana u ta’ l-annimali, ikel u għalf li jikkonsistu fi, li fihom jew li huma prodotti minn organiżmi modifikati ġenetikament […] għandhom jgħaddu minn verifika ta’ sigurtà permezz ta’ proċedura Komunitarja qabel ma jitqiegħdu fis-suq fil-Komunità”.

5.

L-Artikolu 1 jistabbilixxi l-għan tar-Regolament:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, hu li:

(a)

jipprovdi l-bażi biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa umana, is-saħħa u t-trattament xieraq ta’ l-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi fir-rigward ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament, waqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

(b)

jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni għal u s-superviżjoni fuq ikel u għalf modifikati ġenetikament;

[…]”.

6.

Skont l-Artikolu 34, bit-titolu “Miżuri ta’ emerġenza”:

“Fejn ikun evidenti li prodotti awtorizzati bi jew skond dan ir-Regolament x’aktarx jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa umana, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent, jew fejn, fid-dawl ta’ opinjoni ta’ l-Awtorità maħruġa taħt l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 22, tinħoloq in-neċessità li urġentement tiġi sospiża jew modifikata awtorizzazzjoni, għandhom jittieħdu miżuri skond il-proċeduri previsti fl-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002”.

2. Ir-Regolament Nru 178/2002

7.

Il-premessa 20 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel ( 4 ) tipprovdi: “Il-prinċipju ta’ prekawzjoni ġie invokat biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa fil-Komunità, u b’hekk jingħata lok għal barrieri għall-moviment liberu ta’ ikel u għalf. Għaldaqstant hu meħtieġ li tiġi adottata bażi uniformi mal-Komunità kollha għall-użu ta’ dan il-prinċipju”.

8.

Il-premessa 21 tgħid li: “F’dawk iċ-ċirkostanzi speċifiċi fejn jeżisti riskju għall-ħajja jew għas-saħħa iżda tkun tippersisti inċertezza xjentifika, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jipprovdi mekkaniżmu biex jiġu stabbiliti miżuri għall-immaniġġjar tar-riskju jew azzjonijiet oħra biex jiġi żgurat il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa magħżul fil-Komunità.

9.

L-Artikolu 4(2) jistabbilixxi li “[i]l-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 5 sa 10 għandhom jiffurmaw qafas ġenerali tan-natura orizzontali li għandha tiġi segwita meta jittieħdu l-miżuri”. Is-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II tar-Regolament issegwi immedjatament bl-Artikolu 6 u 7, u hija intitolata l-“Prinċipji ġenerali tal-liġi dwar l-ikel”.

10.

L-Artikolu 6 huwa fuq l-analiżi tar-riskju:

“1.   Biex jintlaħaq l-għan prinċipali ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa umana u l-ħajja, il-liġi dwar l-ikel għandha tkun ibbażata fuq analiżi tar-riskju u fejn dan ma jkunx adattat għaċ-ċirkostanzi jew in-natura tal-miżura”.

2.   L-istima tar-riskju għandha tkun ibbażata fuq ix-xhieda xjentifika disponibbli u mwettqa b’mod indipendenti, oġġettiv u trasparenti.

3.   L-amministrazzjoni tar-riskju għandha tagħti kont tar-riżultati ta’ l-istima tar-riskju, u b’mod partikolari, ta’ l-opinjonijiet ta’ l-Awtorità imsemmija fl-Artikolu 22, fatturi oħra leġittimi għall-kwistjoni taħt konsiderazzjoni u l-prinċipju ta’ prekawzjoni fejn il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 7(1) huma relevanti, biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-liġi dwar l-ikel stabbiliti fl-Artikolu 5.”

11.

L-Artikolu 7 huwa intitolat “Prinċipju ta’ prekawzjoni”. Dan jgħid li:

“1.   F’ċirkostanzi speċifiċi fejn, wara stima tat-tagħrif disponibbli, il-possibbiltà ta’ effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tiġi identifikata iżda tkun tippersisti inċertezza xjentifika, miżuri provviżorji ta’ l-amministrazzjoni tar-riskju meħtieġa biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa magħżula fil-Komunità jistgħu jiġu adottati, sakemm ikun hemm aktar tagħrif xjentifiku disponibbli għal stima tar-riskju aktar komprensiva.

2.   Miżuri adottati fuq il-bażi tal-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati u ma jkunux aktar restrittivi għan-negozju milli meħtieġ biex jintlaħaq il-livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa magħżul fil-Komunità, waqt li jingħata kont tal-possibbiltà teknika u ekonomika u ta’ fatturi oħra meqjusa bħala legittimi fil-kwistjoni taħt konsiderazzjoni. Il-miżuri għandhom jiġu riveduti f’perijodu raġonevoli ta’ żmien skond in-natura tar-riskju għall-ħajja jew saħħa identifikat u t-tip ta’ tagħrif xjentifiku meħtieġ biex tiġi ċċarata l-inċertezza xjentifika u biex titwettaq stima tar-riskju aktar komprensiva.”

12.

L-Artikoli 53 u 54 jirregolaw il-miżuri ta’ emerġenza għal ikel u għalf ta’ oriġini Komunitarja jew importati minn pajjiż terz.

13.

Skont l-Artikolu 53(1):

“Fejn ikun ċar li ikel jew għalf li joriġina fil-Komunità jew impurtat minn pajjiż terz x’aktarx li jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa umana, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent u riskju bħal dak ma jkunx jista’ jiġi mrażżan b’mod sodisfaċenti permezz tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru/i kkonċernat/i, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skont il-proċedura li għaliha jipprovdi l-Artikolu 58(2) fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ xi Stat Membru, għandha minnufih tadotta miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin […]”.

14.

Skont l-Artikolu 54:

“1.   Fejn Stat Membru javża uffiċċjalment lill-Kummissjoni bil-ħtieġa ta’ teħid ta’ miżuri ta’ emerġenza u fejn il-Kummissjoni ma tkunx aġixxiet skond l-Artikolu 53, l-Istat Membru jista’ jadotta miżuri interim protettivi. F’dan il-każ, għandu minnufih javża lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

2.   Fi żmien għaxar t’ijiem ta’ xogħol, il-Kummissjoni għandha tpoġġi l-kwistjoni quddiem il-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 58(1) skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 58(2) bil-ħsieb ta’ l-estensjoni, emenda jew abrogazzjoni tal-miżuri interim nazzjonali protettivi.

3.   L-Istat Membru jista’ jżomm il-miżuri interim nazzjonali protettivi sakemm jiġu adottati l-miżuri tal-Komunità.”

15.

L-Artikolu 58 jaqra kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ il-‘Kumitat’, magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u ppresjedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-Kumitat għandu jkun organizzat f’sezzjonijiet biex jittrattaw il-kwistjonijiet kollha relevanti”.

B. Id-dritt Taljan

16.

Id-Digriet tat-12 ta’ Lulju 2013 ( 5 ) ipprojbixxa l-koltivazzjoni ta’ varjetajiet ta’ qamħirrum MON 810 li ġejjin minn żerriegħa mmodifikata ġenetikament fit-territorju nazzjonali sakemm jiġu adottati miżuri Komunitarji skont l-Artikolu 54(3) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq u, fi kwalunkwe każ, mhux wara 18-il xahar mid-data tal-miżura ineżami. Il-projbizzjoni ġiet estiża ulterjorment bid-Digriet tat-22 ta’ Jannar 2015 ( 6 ).

17.

L-Artikolu 4(8) tad-Digriet Liġi tal-24 ta’ Ġunju 2014 ( 7 ) jipprovdi li:

“Ħlief fejn l-att jikkostitwixxi reat kriminali iktar serju, kull persuna li tonqos milli tosserva l-projbizzjonijiet li jipprojbixxu l-koltivazzjoni introdotti permezz ta’ miżuri adottati, inkluż bħala miżura ta’ prekawzjoni, skont l-Artikolu 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002, għandha teħel multa ta’ bejn EUR 25000 u EUR 50000. Il-persuni responsabbli għar-reat kopert minn dan il-paragrafu għandhom ikunu meħtieġa wkoll li jneħħu, bi spiża tagħhom u skont ir-rekwiżiti imposti mill-korp ta’ monitoraġġ kompetenti fil-kuntest tat-twettiq tal-funzjonijiet investigattivi kriminali tiegħu, kull wiċċ taż-żrieragħ li huma pprojbiti u li jieħdu miżuri rimedjali primarji u kumpensatorji fil-perijodi u skont il-proċeduri preskritti mir-reġjun kompetenti għat-territorju inkwistjoni.”

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18.

B’deċiżjoni tat-22 ta’ April 1998 ( 8 ), il-Kummissjoni Ewropea awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrum immodifikat ġenetikament MON 810. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni rreferiet għall-opinjoni mogħtija fl-10 ta’ Frar 1998 mill-Kumitat Xjentifiku, li ddikjara li ma kienx hemm għalfejn wieħed jaħseb li t-tqegħid fis-suq ta’ dak il-prodott ikollu xi effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent.

19.

B’ittra datata l-11 ta’ April 2013, il-Gvern Taljan talab lill-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ emerġenza, skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 178/2002, sabiex tiġi pprojbita l-koltivazzjoni ta’ qamħirrum mmodifikat ġenetikament MON 810. Insostenn għat-talba tiegħu, il-Gvern Taljan ssottometta studji xjentifiċi mwettqa mill-Consiglio per la ricerca e la sperimentazione in agricoltura (kunsill għar-riċerka agrikola, iktar ’il quddiem is-“CRA”) u mill-Istituto Superiore per la Protezione e la Ricerca Ambientale (istitut għall-protezzjoni u għar-riċerka ambjentali, iktar ’il quddiem l-“ISPRA”).

20.

Fis-17 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni wieġbet lill-Gvern Taljan u ddikjarat li, skont l-evalwazzjoni preliminari tagħha, ma ġie stabbilit l-ebda bżonn urġenti għall-adozzjoni ta’ miżuri skont l-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Nru 178/2002.

21.

Iżda, sabiex issir analiżi iktar iddettaljata tal-evidenza xjentifika pprovduta mill-Italja, il-Kummissjoni indikat ukoll li hija kienet ser titlob lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (iktar ’il quddiem l-“EFSA”) tevalwa l-evidenza xjentifika li ssottomettiet l-Italja. Fid-29 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA tevalwa dik l-evidenza.

22.

Fl-24 ta’ Settembru 2013, l-EFSA ħarġet l-Opinjoni Xjentifika Nru 3371, fejn ikkonkludiet li “[fid]-dokumentazzjoni pprovduta mill-Italja insostenn tal-miżura ta’ emerġenza attwali fuq il-qamħirrum MON 810, il-Bord tal-EFSA OMĠ ma seta’ jidentifika l-ebda evidenza ġdida bbażata fuq ix-xjenza sabiex jappoġġa l-miżura ta’ emerġenza nnotifikata u sabiex jinvalida l-konklużjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sigurtà tal-qamħirrum MON 810 (EFSA, 2009, 2011 a, b, 2012 a, b, c, d). Għalhekk, il-Bord tal-EFSA OMĠ iqis li l-konklużjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-evalwazzjoni tar-riskju fir-rigward tal-qamħirrum MON 810, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu għal miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju u għal monitoraġġ, jibqgħu validi u applikabbli”.

23.

Sadanittant, għalkemm il-Kummissjoni kienet iddikjarat li ma kienet intweriet l-ebda ħtieġa urġenti li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza, il-Gvern Taljan kien adotta d-Digriet tat-12 ta’ Lulju 2013 li jipprojbixxi l-koltivazzjoni ta’ varjetajiet ta’ qamħirrum immodifikat ġenetikament MON 810 abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 178/2002.

24.

Wara l-adozzjoni tal-miżura Taljana, il-Kummissjoni ma laqgħetx il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali skont l-Artikoli 54(2) u 58(1) tar-Regolament Nru 178/2002. Il-Kummissjoni ħalliet mingħajr bidla l-awtorizzazzjoni tal-MON 810.

25.

G. Fidenato et tħarrku quddiem it-Tribunale di Udine (qorti ta’ Udine, l-Italja) talli kkoltivaw qamħirrum immodifikat ġenetikament MON 810 bi ksur tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq. Inħarġet ordni penali, li kkundannat lir-rikorrenti talli kisru l-Artikolu 4(8) tad-Digriet Liġi Nru 91/2014.

26.

G. Fidenato et opponew dak id-digriet penali. Huma sostnew li d-digriet kien illegali, peress li nħareġ bi ksur tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 u tal-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Nru 178/2002.

27.

B’deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2015, it-Tribunale di Udine (qorti ta’ Udine, l-Italja) għamlet id-domandi sussegwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Skont l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 178/2002, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tadotta miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 53 tal-istess regolament, meta tirċievi talba minn Stat Membru f’dan is-sens, anki jekk tqis li ma jeżistix, fir-rigward ta’ ikel jew għalf speċifiku, riskju gravi u manifest għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent?

2)

Fil-każ li l-Kummissjoni tikkomunika lill-Istat Membru li jressaq it-talba konstatazzjoni li tmur kontra t-talbiet ta’ dan tal-aħħar, liema konstatazzjoni kunċettwalment tipprekludi l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza u għal din ir-raġuni ma tadottax il-miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 mitluba mill-istess Stat Membru, l-Istat Membru li jressaq it-talba huwa awtorizzat, skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 178/2002, jadotta miżuri ta’ emerġenza provviżorji?

3)

Kunsiderazzjonijiet marbuta mal-prinċipju ta’ prekawzjoni li jmorru lil hinn mill-parametri ta’ riskju gravi u manifest għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew għal-ambjent fl-użu ta’ ikel jew għalf, jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza provviżorji min-naħa ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003?

4)

Jekk ikun ċar u manifest li l-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li ma jissussistux il-kundizzjonijiet essenzjali għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ ikel jew għalf, liema konstatazzjonijiet ikunu sussegwentement ġew ikkonfermati permezz ta’ Opinjoni xjentifika tal-EFSA, u dawn il-konstatazzjonijiet ikunu ġew ikkomunikati bil-miktub lill-Istat Membru li jressaq it-talba, l-Istat Membru jista’ jkompli jżomm fis-seħħ il-miżuri ta’ emerġenza provviżorji tiegħu u/jew iġedded tali miżuri ta’ emerġenza provviżorji, fil-mument li jkun skada l-perijodu provviżorju għal dawn il-miżuri?”

28.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet tal-Greċja u tal-Italja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. G. Fidenato, il-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni għamlu osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fid-9 ta’ Frar 2017.

IV. Evalwazzjoni

29.

B’mod konformi mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jiffokaw fuq it-tielet domanda magħmula mill-qorti nazzjonali. B’dik id-domanda, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk miżuri ta’ emerġenza jistgħux jittieħdu fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni għal riskji li ma jkunux ġew espliċitament previsti mill-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003. Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-relazzjoni bejn il-prinċipju ta’ prekawzjoni u miżuri urġenti skont l-Artikolu 34: il-prinċipju ta’ prekawzjoni jista’ jibdel jew jespandi l-kundizzjonijiet relatati ma’ riskju serju u evidenti kif iddikjarat fl-Artikolu 34?

30.

Ir-risposta konċiża tiegħi għal din id-domanda hija “le”. Ir-risposta iktar iddettaljata pprovduta f’dawn il-konklużjonijiet hija strutturata kif ġej. L-ewwel nett, ser nispjega l-prinċipju ta’ prekawzjoni f’termini ġenerali, u kif inkorporat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002 (Taqsima 1). It-tieni nett, ser nanalizza l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 (Taqsima 2). It-tielet nett, ser neżamina r-relazzjoni bejn l-Artikolu 34 u l-prinċipju ta’ prekawzjoni u ser nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, dan tal-aħħar jista’ jiggwida biss l-interpretazzjoni tal-ewwel mingħajr ma jespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (Taqsima 3). Ser nikkonkludi billi neżamina l-impatt potenzjali tad-Direttiva Nru 2015/412 ( 9 ) (Taqsima 4).

1. Il-prinċipju ta’ prekawzjoni

31.

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jirrifletti l-virtù ta’ prudenza f’soċjetà li qed dejjem tintwera bħala “soċjetà tar-riskju” ( 10 ). Soċjetà bħal din hija kkaratterizzata minn riskji mhux ċari li jirriżultaw minn teknoloġiji ġodda u, b’mod iktar ġenerali, minn progress xjentifiku mgħaġġel. F’soċjetà bħal dik, l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jixtiequ jistrieħu fuq “regola ta’ azzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ riskji inċerti” ( 11 ) li jistgħu jiġu tradotti wkoll fi dmir ta’ nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ impriżi responsabbli. Jidher li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jassumi tali regola.

32.

Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika azzjoni preventiva sabiex jiġu evitati riskji li għadhom ma ġewx identifikati jew mifhuma għalkollox minħabba inċertezza xjentifika. Meta jiġi ddefinit b’dan il-mod wiesa’, dak il-prinċipju jista’ jinftiehem bħala li jkopri firxa wiesgħa ta’ riskji għal varjetà ta’ interessi, kemm jekk ikunu l-ambjent, is-saħħa, is-sigurtà pubblika, il-ġustizzja soċjali, jew forsi anki l-moralità. Madankollu, jekk din il-perċezzjoni usa’ jkollha tipprevali, id-diffikultà mbagħad issir kif għandu jkun iddeterminat fejn tinqata’ l-linja sabiex il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jsirx xi inkanteżmu universali li jimblokka l-innovazzjoni. Minnha nnifisha, l-innovazzjoni timplika novità fir-rigward tal-għarfien eżistenti.

33.

Madankollu, fid-dritt tal-UE, jidher li l-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa mifhum b’mod iktar dejjaq ( 12 ).

34.

Fid-dritt primarju, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jista’ jinstab fl-Artikolu 191(2) TFUE. Madankollu, din id-dispożizzjoni hija applikabbli biss fil-kuntest tal-politika ambjentali tal-Unjoni. Fid-dritt sekondarju, huma kkunsidrati wkoll oqsma oħrajn ta’ politika, bħal, b’mod partikolari, is-saħħa. Fir-rigward ta’ organiżmi mmodifikati ġenetikament (OMĠ) b’mod partikolari, id-Direttiva Nru 2001/18 ( 13 ) u r-Regolament Nru 1829/2003 jistabbilixxu qafas legali komprensiv għall-awtorizzazzjoni tal-OMĠ. Ir-Regolament Nru 1829/2003 ma jsemmix il-prinċipju ta’ prekawzjoni fit-test tiegħu. Id-Direttiva Nru 2001/18, min-naħa l-oħra, tagħmel diversi riferimenti għall-prinċipju ta’ prekawzjoni, mingħajr, madankollu, ma tiddefinixxihx b’mod espliċitu ( 14 ).

35.

Fil-qasam tal-liġi dwar l-ikel, il-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa (leġiżlattivament) iddefinit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002. Dik id-definizzjoni tista’ tgħid fiha erba’ elementi: it-tip ta’ interess protett (i), il-livell ta’ (in)ċertezza preżenti (ii), il-proporzjonalità tal-miżura (iii), u n-natura provviżorja tal-miżura adottata fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tar-riskju.

36.

L-ewwel nett, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002 isemmi interess wieħed biss li jista’ jattiva l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni: is-saħħa. Għalhekk, l-ebda interess ieħor ma jista’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri taħt l-Artikolu 7. Dak l-ambitu restrittiv jista’ jinftiehem bħala loġikament magħqud mal-għan ġenerali tar-Regolament Nru 178/2002, li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem u tas-saħħa ( 15 ).

37.

It-tieni nett, dwar il-livell ta’ inċertezza meħtieġ sabiex tittieħed azzjoni fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, ir-riskju ma jistax jiġi validament ibbażat fuq approċċ purament ipotetiku, ibbażat fuq assunzjonijiet sempliċi li għadhom ma ġewx ivverifikati xjentifikament ( 16 ). Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, “applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ prekawzjoni tippreżumi, fl-ewwel lok, l-identifikazzjoni tal-konsegwenzi potenzjalment negattivi għas-saħħa tas-sustanzi jew tal-prodotti tal-ikel ikkonċernati u, fit-tieni lok, stima komprensiva tar-riskju għas-saħħa bbażata fuq l-iktar data xjentifika affidabbli disponibbli u fuq l-iktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali” ( 17 ).

38.

Barra minn hekk, “meta d-determinazzjoni b’ċertezza tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskju allegat tirriżulta impossibbli minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi” ( 18 ).

39.

Għalhekk, l-adozzjoni ta’ miżuri bbażata fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002 hija kkundizzjonata mit-twettiq tal-evalwazzjoni tal-informazzjoni kollha disponibbli f’dak il-mument, kif previst fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament ( 19 ). Din l-evalwazzjoni għandha tkun żvelat inċertezza xjentifika dwar l-effetti ta’ ħsara possibbli fuq is-saħħa ta’ ikel. ( 20 )

40.

It-tielet nett, miżura meħuda fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 7, għandha tkun proporzjonata ( 21 ). Kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, tali miżura ma tistax “[t]impon[i] iktar restrizzjonijiet għall-kummerċ minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa magħżul mill-Unjoni, fid-dawl tal-possibbiltajiet tekniċi u ekonomiċi u ta’ fatturi oħrajn meqjusa leġittimi skont iċ-ċirkustanzi inkwistjoni.” ( 22 ). Għandu jintlaħaq bilanċ bejn il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u l-funzjonament effettiv tas-suq intern.

41.

Fl-aħħar nett, il-miżura ta’ ġestjoni tar-riskju għandha tkun provviżorja. Dan il-karattru huwa intrinsiku għall-prinċipju ta’ prekawzjoni billi l-inċertezza hija inseparabbli mill-kunċett ta’ prekawzjoni ( 23 ). Ladarba tgħib l-inċertezza xjentifika, il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jistax jibqa’ jiġġustifika l-miżuri ta’ prevenzjoni, sakemm, potenzjalment, ma toħroġx informazzjoni ġdida dwar l-eżistenza ta’ riskju.

42.

Jirriżulta minn dawn l-erba’ elementi differenti li, ladarba jidher li evalwazzjoni tar-riskju, li kienet kompleta kemm jista’ jkun, ma setgħetx teskludi l-eżistenza ta’ riskju għas-saħħa, miżura ta’ ġestjoni tar-riskju li hija proporzjonata u provviżorja tista’ tiġi adottata, minkejja l-fatt li l-livell ta’ għarfien xjentifiku għadu ma jippermettix konklużjoni definittiva dwar il-probabbiltà ta’ effetti ta’ ħsara.

2. L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003

43.

Skont l-Artikolu 34, “Fejn ikun evidenti li prodotti awtorizzati bi jew skond dan ir-Regolament x’aktarx jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa umana, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent […], għandhom jittieħdu miżuri skond il-proċeduri previsti fl-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 [Regolament Nru 178/2002].”

44.

L-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 34 hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali.

45.

L-ewwel nett, l-interessi li minħabba fihom jistgħu jittieħdu miżuri skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 ma humiex limitati għas-saħħa (tal-bniedem). Huma jinkludu wkoll is-saħħa tal-annimali u l-ambjent. L-inklużjoni tal-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-ambjent għal darba oħra loġikament tikkorrispondi mal-għan ġenerali tar-Regolament ( 24 ).

46.

It-tieni nett, il-livell ta’ ċertezza dwar il-materjalizzazzjoni tar-riskju allegat huwa relattivament għoli: għandu jkun “evidenti” li l-prodott inkwistjoni “x’aktarx jikkostitwixx[i] riskju serju”. Fis-sentenza Monsanto, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-espressjonijiet ‘x’aktarx’ u ‘riskju serju’ għandhom jinftehmu bħala li jirreferu għal riskju importanti li jipperikola b’mod manifest is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent. Dan ir-riskju għandu jiġi kkonstatat abbażi ta’ elementi ġodda li jistrieħu fuq data xjentifika affidabbli” ( 25 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, “għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 jimponi lill-Istati Membri jistabbilixxu, minbarra l-emerġenza, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li tista’ tippreżenta riskju importanti li jipperikola b’mod manifest is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent” ( 26 ).

47.

It-tielet nett, bir-riferiment tiegħu għall-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Nru 178/2002, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 jistabbilixxi wkoll numru ta’ kundizzjonijiet proċedurali għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, dawk ma humiex importanti sabiex tingħata risposta għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li hija kkonċernata dwar il-livell ta’ (in)ċertezza meħtieġa u mill-interessi protetti. Madankollu, huwa ċar li l-miżuri li jistgħu jiġu adottati jew mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni huma min-natura tagħhom stess temporanji u limitati fiż-żmien.

48.

Għalhekk, jirriżulta mill-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, moqri flimkien mal-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Nru 178/2002, li miżuri protettivi provviżorji jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri meta jkun evidenti minn informazzjoni xjentifika ġdida li prodott li jkun diġà ġie awtorizzat jippreżenta riskju sinjifikattiv li jipperikola b’mod ċar is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali, jew l-ambjent.

3. Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 u l-prinċipju ta’ prekawzjoni

49.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti, essenzjalment, jekk miżuri ta’ emerġenza jistgħux jittieħdu wkoll fuq il-bażi ta’ riskji li ma jkunux ġew espliċitament previsti fl-Artikolu 34. Din id-domanda bażikament timmira lejn l-ewwel żewġ kundizzjonijiet identifikati fit-taqsimiet preċedenti, jiġifieri n-natura tal-interessi protetti u l-livell ta’ (in)ċertezza meħtieġa għall-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn. Kif jirriżulta miż-żewġ taqsimiet preċedenti, f’dawk iż-żewġ aspetti, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 u l-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif maqbud fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002, huma differenti.

50.

Fis-sottomissjonijiet tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma tqisx li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jista’ jespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34. Il-Kummissjoni ssostni li miżuri provviżorji għandhom ikunu ġġustifikati minn riskju serju u evidenti għas-saħħa u għall-ambjent, kif isegwi mill-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003. Miżura provviżorja bħal dik hija legali jekk hija ġġustifikata minn emerġenza kif ukoll minn evalwazzjoni tar-riskju, li tkun sħiħa kemm jista’ jkun, u li turi l-eżistenza ta’ riskju serju u evidenti li x’aktarx jipperikola b’mod manifest is-saħħa u l-ambjent. Dak ir-riskju għandu jiġi vverifikat fuq il-bażi ta’ data xjentifika affidabbli, li turi li din il-miżura hija neċessarja fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fil-livell tal-UE fit-tifsira tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 178/2002.

51.

Il-Gvern Taljan jaqbel li miżuri provviżorji skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 għandhom ikunu bbażati fuq l-eżistenza ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew għall-ambjent. Dan madankollu, ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 178/2002 fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, anki f’każijiet fejn il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda riskju bħal dan.

52.

Il-Gvern Grieg isostni li l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ emerġenza għal raġunijiet li jkunu konnessi mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, iżda li mhux neċessarjament jissodisfaw il-kriterji ta’ riskju serju u evidenti għas-saħħa jew għall-ambjent. L-analiżi tar-riskju tista’ tqis ukoll in-natura tal-prodotti; l-inċertezza xjentifika dwar l-effett ta’ dawk il-prodotti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew fuq l-ambjent; metodi partikolari tal-Istati Membri għall-produzzjoni jew għall-koltivazzjoni; kundizzjonijiet ġeografiċi, naturali u klimatiċi - u kull parametru ieħor li jista’ jkollu influwenza fuq il-livell ta’ perikolu tal-prodott.

53.

Fil-fehma tiegħi, miżuri ta’ emerġenza provviżorji jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri jekk, u biss jekk, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 ikunu ssodisfatti. Għalkemm il-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002, jista’ jiġi invokat bħala għodda interpretattiva fil-kuntest ta’ prodott kopert mir-Regolament Nru 1829/2003, dan il-prinċipju ma jistax, fil-fehma tiegħi, jintuża sabiex jespandi (jew pjuttost sabiex jerġa’ jinkiteb mill-ġdid) il-kliem tal-Artikolu 34.

54.

Fit-taqsimiet li ġejjin, ser nispjega għalfejn il-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002, huwa rilevanti sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 34 (a), qabel ma nuri li f’din il-kawża, ir-rwol tiegħu fil-fatt jibqa’ interpretattiv (b).

a) Il-prinċipju ta’ prekawzjoni bħala prinċipju ġenerali tal-liġi dwar l-ikel

55.

B’mod ġenerali, il-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002 jista’ jipprovdi gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003. L-istess prinċipju jista’ potenzjalment jiġi invokat ukoll fil-kuntest ta’ inċertezza interpretattiva dwar dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 1829/2003. Dan jirriżulta mir-relazzjoni sistemika bejn iż-żewġ regolamenti, li hija kkonfermata wkoll espressament fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1829/2003.

56.

Fil-livell sistemiku, kif jindikaw it-titoli tagħhom stess, ir-Regolament Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel. Ir-Regolament Nru 1829/2003 jirregola l-qasam speċifiku tal-ikel u tal-għalf immodifikati ġenetikament. Għalhekk, sakemm ma jkunx eskluż espressament, tal-ewwel huwa potenzjalment applikabbli għas-setturi kollha li jappartjenu għall-ikel, jiġifieri għal “kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem” ( 27 ). Dik id-definizzjoni tinkludi b’mod loġiku wkoll ikel li jkun fih, jikkonsisti minn jew huwa prodott minn OMĠ, ikel immodifikat ġenetikament li huwa subsett speċifiku fi ħdan il-kategorija iktar ġenerali ta’ “ikel” ( 28 ).

57.

Fi ħdan dik l-istruttura ta’ regolament ġenerali applikabbli għall-qasam kollu tal-liġi dwar l-ikel, bil-“prinċipji ġenerali tal-liġi dwar l-ikel” tiegħu (Sezzjoni 1 tal-Kapitolu 2 tar-Regolament 178/2002), l-applikazzjoni ġenerali tal-prinċipju ta’ prekawzjoni tammonta għall- “applikabbiltá ġenerali kwadrata”. Dan huwa wkoll espressament identifikat bħala li huwa ta’ natura orizzontali li jaffettwa l-qasam kollu.

58.

Sussegwentement, minbarra l-argument sistemiku inġenerali, l-applikabbiltà tal-“prinċipji ġenerali tal-liġi dwar l-ikel” hija espliċitament kkonfermata wkoll fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1829/2003. Dik id-dispożizzjoni tipprovdi b’mod ċar li l-għan tar-Regolament Nru 1829/2003 għandu jinqara skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament Nru 178/2002. Huwa ġust li wieħed jassumi li “prinċipji ġenerali tal-liġi dwar l-ikel” jistgħu jiġu inklużi taħt l-intestatura tal-prinċipji ġenerali tar-Regolament Nru 178/2002.

59.

Għalhekk, il-prinċipji ġenerali tal-liġi dwar l-ikel, elenkati fis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002, u inkluż il-prinċipju ta’ prekawzjoni, huma applikabbli wkoll għall-ikel immodifikat ġenetikament.

b) Il-valur interpretattiv tal-prinċipju ta’ prekawżjoni

60.

Madankollu, il-fatt li l-prinċipju ta’ prekawzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002 huwa ta’ applikazzjoni orizzontali jew intersezzjonali għal-liġi dwar l-ikel kollha ċertament ma jfissirx li l-Istati Membri jkunu intitolati jaġixxu direttament fuq il-bażi tiegħu, indipendentement mill-kundizzjonijiet jew proċeduri stipulati b’mod ċar u espliċitu fid-dritt sekondarju rilevanti.

61.

L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 jista’ jitqies bħala artikolazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-kuntest speċifiku ta’ ikel u għalf immodifikati ġenetikament f’sitwazzjoni ta’ urġenza.

62.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat, fir-rigward tal-klawżola ta’ salvagwardja li tinsab fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 258/97 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid ( 29 ) li “l-klawżola ta’ protezzjoni għandha tkun mifhuma bħala li tikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ prekawzjoni […] [B’hekk] il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom ikunu interpretati billi jittieħed debitament in kunsiderazzjoni dan il-prinċipju” ( 30 ).

63.

L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 huwa, fi ħdan dak ir-Regolament, funzjonalment simili għall-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 258/97. Barra minn dan, l-Artikolu 34 jista’ jitqabbel ukoll ma’ klawżola ta’ salvagwardja oħra fil-qasam speċifiku tal-OMĠ, jiġifieri dik li tinsab fid-Direttiva 2001/18 ( 31 ). Minkejja differenzi żgħar fil-kliem, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18 u l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 huma paragunabbli peress li t-tnejn jippermettu lill-Istati Membri jadottaw miżuri restrittivi meta jkun hemm informazzjoni ġdida jew għarfien xjentifiku addizzjonali li jissuġġerixxu li OMĠ jikkostitwixxi riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent ( 32 ).

64.

Il-fatt li l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 huwa l-espressjoni konkreta tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-kuntest speċifiku li dan jirregola ma jipprekludix il-valur interpretattiv kontinwu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002. Fil-fatt, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Monsanto, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 34 “għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll l-għanijiet tar-Regolament Nru 1829/2003 kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni, bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa umana filwaqt li jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ ikel u għalf siguri u bla periklu li huwa aspett essenzjali tas-suq intern” ( 33 ).

65.

Għalhekk, il-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 34. Madankollu, dak ir-rwol huwa, fil-fehma tiegħi, limitat għas-soluzzjoni ta’ inċertezzi interpretattivi jew ambigwità potenzjali. Madankollu, l-interpretazzjoni ma tistax tiġi mġebbda sal-punt li effettivament tipprova tikteb mill-ġdid kundizzjonijiet stabbiliti b’mod ċar.

66.

Għalhekk, jiena ma jaqbilx mal-argument imressaq mill-Gvern Taljan li jgħid, essenzjalment, li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002, bħala espressjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-qasam tal-liġi dwar l-ikel, jista’ jintuża sabiex jiġu rrilassati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003.

67.

Mill-bidu għandu jiġi enfasizzat li l-illaxkar tal-kundizzjonijiet jidher li huwa kemxejn selettiv. Fir-rigward tal-interess protett, ninnota li l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 jinkludi kemm is-saħħa tal-annimali kif ukoll l-ambjent bħala valuri li fuq il-bażi tagħhom jistgħu jittieħdu miżuri ta’ emerġenza. B’kuntrast, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002 jirreferi biss għas-saħħa (pubblika, jiġifieri, tal-bniedem). B’hekk, fir-rigward tan-natura tal-interessi protetti, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 huwa attwalment usa’. Għalhekk, kieku l-argument tal-Gvern Taljan kellu jiġi segwit, allura numru ta’ għanijiet li forsi jiġu segwiti mill-miżuri ta’ emerġenza dwar is-saħħa tal-annimali u l-ħarsien tal-ambjent jistgħu potenzjalment isiru illeġittimi.

68.

Ma naħsibx li l-Gvern Taljan jixtieq jaqbad dik it-triq. Nifhem li l-argument ewlieni tal-Gvern Taljan pjuttost jikkonċerna l-livell ta’ (in)ċertezza meħtieġ sabiex jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza. Fil-fatt, il-limitu stabbilit mill-Artikolu 7 (jiġifieri, il-possibbiltà ta’ effetti dannużi hija identifikata imma tippersisti l-inċertezza xjentifika) huwa b’mod ċar iktar baxx minn dak fl-Artikolu 34 (ikun evidenti li l-prodott x’aktarx jikkostitwixxi riskju serju). L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002 jista’ għalhekk jiġi invokat sabiex effettivament inaqqas il-grad ta’ inċertezza meħtieġ sabiex jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza.

69.

Dan ma huwiex possibbli minn kif naraha jiena, għall-inqas għal tliet raġunijiet, apparti minn dawk sistemiċi diġà artikolati. Dawn huma il-legalità, l-uniformità u l-kuntest proċedurali differenzjat li fih joperaw iż-żewġ dispożizzjonijiet.

70.

L-ewwel nett, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 stabbilixxa l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza. Il-prinċipju ta’ legalità jeżiġi li l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu, kemm fil-livelli tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri meta jimplementaw il-liġi tal-UE, fil-limiti biss ta’ dak li jkun intqal, mingħajr ma jkunu permessi jimmodifikaw dawn il-kundizzjonijiet. Il-prinċipju ta’ legalità jsir saħansitra iktar rilevanti meta, fuq il-bażi ta’ qari forsi ġeneruż tad-dritt tal-UE, l-Istati Membri jibdew jimponu sanzjonijiet kriminali.

71.

It-tieni nett, l-Artikolu 34 huwa dispożizzjoni ta’ regolament. Għaldaqstant, għandu jiġi interpretat b’mod uniformi, irrispettivament mill-awtur tal-miżura ta’ emerġenza, taċ-ċirkustanzi jew tal-Istat Membru kkonċernat. Dak ir-rekwiżit ta’ uniformità joħroġ mhux biss min-natura stess ta’ regolament, iżda wkoll mill-għan partikolari tar-Regolament Nru 1829/2003.

72.

Ġeneralment, regolament ma jħallix marġni ta’ diskrezzjoni iktar wiesa’ minn dak li jirriżulta mill-interpretazzjoni permissibbli tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu fil-konfini tat-test tiegħu. Fis-sitwazzjoni preżenti, il-kundizzjonijiet ta’ riskju evidenti u gravi huma stabbiliti b’mod ċar. Jista’ ċertament ikun hemm dubji dwar l-applikazzjoni tagħhom f’każ konkret, kif inhuwa l-każ f’kull kunċett legali indeterminat. Dan huwa, madankollu, differenti ħafna milli wieħed jibdel dawk il-kunċetti għalkollox.

73.

Meta niġu għar-Regolament Nru 1829/2003 b’mod partikolari, jidher li l-applikazzjoni uniformi tiegħu hija ta’ importanza kbira fit-twettiq tal-għan ta’ dak ir-regolament: li jipprovdi l-bażi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa u tal-benesseri tal-annimali, tal-ambjent u tal-interess tal-konsumatur fir-rigward tal-ikel jew għalf immodifikat ġenetikament ( 34 ).

74.

Fl-aħħar nett, id-differenza testwali fil-livell ta’ (in)ċertezza meħtieġ sabiex jiġi attivat l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, minn naħa, u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002, min-naħa l-oħra, hija kompletament iġġustifikata bid-differenza fl-operazzjoni proċedurali u sistemika ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

75.

Kif ġie diġà spjegat hawn fuq fil-punti 55 sa 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 7 huwa applikabbli b’mod ġenerali, għall-qasam kollu tal-liġi dwar l-ikel, kif ukoll fir-rigward ta’ prodotti li qatt ma għaddew minn proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Dan il-fatt jissarraf f’livell medju ta’ (in)ċertezza li huwa meħtieġ sabiex jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji: ittieħdet inkunsiderazzjoni x-xjenza kollha disponibbli bħalissa, iżda l-inċertezza għadha tippersisti.

76.

Għall-kuntrarju, il-prodotti li għalihom japplika l-Artikolu 34 huma diġà “prodotti awtorizzati bi jew skond dan ir-Regolament”. Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni hija l-qofol tar-Regolament Nru 1829/2003 ( 35 ). Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-prinċipju ta’ prekawzjoni […] jifforma parti minn tali proċess ta’ deċiżjoni” ( 36 ). L-ebda OMĠ għall-ikel jew għall-użu bħala għalf, u lanqas ikel jew għalf li jkun fihom, li jikkonsistu minn jew li huma prodotti minn OMĠ ma għandhom ikunu awtorizzati sakemm l-applikant għal awtorizzazzjoni bħal din ma jkunx wera adegwatament u suffiċjentement li ma għandux effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent ( 37 ). Għalhekk, il-prodotti li għalihom jirreferi l-Artikolu 34 diġà għaddew minn evalwazzjoni xjentifika sħiħa, bl-involviment tal-EFSA, qabel ma jitqiegħdu fis-suq ( 38 ).

77.

Għaldaqstant, l-Artikolu 34 u l-limitu iktar għoli dwar il-livell ta’ (in)ċertezza li hemm fih għandhom jitqiesu fil-kuntest u fid-dawl tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni obbligatorja għall-OMĠ. Peress li analiżi xjentifika sħiħa diġà seħħet, l-Artikolu 34 jista’ jiġi attivat biss jekk ikun evidenti li hemm riskju serju. Għalhekk, sabiex jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 34, għandu jiġi stabbilit livell ogħla ta’ evidenza, li tipikament jinvolvi riskji ġodda li ma ġewx eżaminati jew evalwati qabel, fil-qafas tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Huwa ċar ukoll li l-Artikolu 34 ma għandux jintuża bħala mezz sabiex tiġi evitata l-awtorizzazzjoni jew tiġi injorata l-evalwazzjoni xjentifika li tkun saret f’dak l-istadju.

78.

Fil-qosor, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 jirrappreżenta espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-kuntest partikolari tal-OMĠ u sa fejn huma kkonċernati l-miżuri urġenti f’dak il-kuntest. Din l-ispeċifiċità doppja tiġġustifika d-differenzi fl-artikolazzjoni tiegħu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-livell xjentifiku ta’ (in)ċertezza meħtieġ. Għalkemm il-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif espress fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 178/2002, jibqa’ bħala prinċipju ġenerali tal-liġi dwar l-ikel li huwa applikabbli wkoll għas-subqasam ta’ ikel immodifikat ġenetikament, dan il-prinċipju ma jbiddilx il-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod ċar fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003.

4. Konklużjoni dwar id-Direttiva Nru 2015/412

79.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Taljan fakkar li l-Istati Membri jistgħu, skont id-Direttiva 2015/412, li temenda d-Direttiva 2001/18, jipprojbixxu jew jillimitaw il-koltivazzjoni tal-OMĠ għal raġunijiet oħra għajr dawk li jirrigwardaw is-saħħa u l-ambjent. Huwa jafferma li l-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ dik id-direttiva u wara t-talba tal-Istati Membri, ipprojbixxiet b’deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2016 il-koltivazzjoni ta’ qamħirrum immodifikat ġenetikament MON 810 fit-territorju ta’ 19-il Stat Membru, inkluża l-Italja.

80.

Il-Gvern Taljan jenfasizza li għalkemm ir-riżultat tal-projbizzjoni adottata mill-Kummissjoni u dak tad-digriet nazzjonali tat-12 ta’ Lulju 2013 huma għall-finijiet prattiċi kollha l-istess (il-projbizzjoni fuq il-koltivazzjoni tal-MON 810), il-bażijiet legali għal dawk iż-żewġ projbizzjonijiet huma kompletament differenti.

81.

Jiena naqbel.

82.

Huwa ċar li d-Direttiva 2015/412 biddlet b’mod konsiderevoli l-qafas legali sħiħ li japplika għall-OMĠ fl-Unjoni. Dan ma jfissirx, madankollu, li hija kienet ser tbiddel ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 għall-finijiet tal-kawża preżenti, b’mod partikolari għal żewġ raġunijiet.

83.

L-ewwel nett, id-Direttiva 2015/412 b’mod ċar ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-każ preżenti. Hija daħlet fis-seħħ biss f’April 2015. Il-projbizzjoni Taljana tmur lura għal Lulju 2013. L-att li għalih G. Fidenato et kienu ġew ikkundannati, it-tħawwil ta’ MON 810, seħħ apparentement fl-2014.

84.

It-tieni nett, huwa minnu li d-Direttiva 2015/412 stabbilixxiet numru ta’ raġunijiet – bħall-ippjanar urban, l-użu tal-art, l-għanijiet tal-politika agrikola jew impatti soċjoekonomiċi – li fl-insegwiment tagħhom l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri restrittivi. Madankollu, dawk ir-raġunijiet huma limitati b’mod ċar għall-qafas proċedurali ta’ dik id-direttiva. Dawn ma jistgħux jiġu invokati, kemm jekk fuq il-bażi ta’ dik id-direttiva kif ukoll fl-isem ta’ kunċett li jinkludi kollox tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, sabiex jiġi ġġustifikat t-twarrib effettiv tal-kliem tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003. Approċċ bħal dan ikun imur kontra t-test ċar ta’ dik id-dispożizzjoni u l-prinċipju ta’ legalità artikolat iktar ’il fuq.

85.

Għalhekk, id-Direttiva 2015/412 ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 fil-kuntest tal-kawża preżenti.

V. Konklużjoni

86.

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda magħmula mit-Tribunale di Udine (qorti ta’ Udine, l-Italja) kif ġej:

L-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jippermetti lill-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ emerġenza jekk u jekk biss ikunu jistgħu jistabbilixxu, minbarra l-urġenza, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li x’aktarx tikkostitwixxi riskju ċar u serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent. Il-prinċipju ta’ prekawzjoni, madankollu, ma jimmodifikax il-kriterji elenkati fl-Artikolu 34 ta’ dak ir- regolament.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432).

( 3 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Monsantoet (C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:553).

( 4 ) Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463).

( 5 ) Decreto del 12 luglio 2013. Adozione delle misure d’urgenza ai sensi dell’art. 54 del regolamento (CE) no 178/2002 concernente la coltivazione di varietà di mais geneticamente modificato MON 810, (GU Serie Generale no 187 del 10 agosto 2013). (Digriet tat-12 ta’ Lulju 2013 dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza fis-sens tal-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 dwar il-koltivazzjoni ta’ varjetajiet ta’ qamħirrum immodifikat ġenetikament MON 810), (GU Serje Ġenerali Nru 187 tal-10 ta’ Awwissu 2013).

( 6 ) Decreto del 22 gennaio 2015, (GU Serie Generale no33 del 10 febbraio 2015). (Digriet tat-22 ta’ Jannar 2015), (GU Serje Ġenerali Nru 33 tal-10 ta’ Frar 2015).

( 7 ) Disposizioni urgenti per il settore agricolo, la tutela ambientale e l’efficientamento energetico dell’edilizia scolastica e universitaria, il rilancio e lo sviluppo delle imprese, il contenimento dei costi gravanti sulle tariffe elettriche, nonché per la definizione immediata di adempimenti derivanti dalla normativa europea. Decreto-Legge convertito con modificazioni dalla Legge 11 Agosto 2014, no 116 (S.O. no 72, relativo alla G.U. 20 Luglio 2014, no 192). (Miżuri urġenti għas-settur agrikolu, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-effiċjenza fl-enerġija fil-binjiet skolastiċi u universitarji, għar-rilanċ u għall-iżvilupp tal-impriżi, għat-tnaqqis tal-ispejjeż relatati mat-tariffi tal-elettriku, u għall-istabbiliment immedjat ta’ miżuri li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-UE, Digriet-Liġi kkonvertit, b’emendi, bil-Liġi Nru 116 tal-11 ta’ Awwissu 2014). (GU Serje Ġenerali Nru 192 tal-20 ta’ Awwissu 2014, Suppliment Ordinarju Nru 72).

( 8 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ April 1998, rigward it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrun modifikat ġenetikament (Zea mays L. line MON 810), skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 77).

( 9 ) Direttiva (UE) 2015/412 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) fit-territorju tagħhom (ĠU 2015 L 68, p. 1).

( 10 ) Ara Beck, U., Risikogesellschaft. Auf dem Weg in eine andere Moderne, Suhrkamp, 1986.

( 11 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Monsanto Agricoltura Italia et (C‑236/01, EU:C:2003:155, punt 108).

( 12 ) Ara, għal ħarsa ġenerali wiesgħa, il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni (COM (2000) 1 finali). Għal ħarsa ġenerali ta’ kif il-prinċipju huwa mifhum ġudizjarjament, ara José Luís da Cruz Vilaça, The Precautionary Principle in EC Law, f’EU Law and Integration: Twenty Years of Judicial Application of EU Law, Hart Publishing, 2014, p. 321 sa 354.

( 13 ) Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77).

( 14 ) Pereżempju, il-premessa 8 tad-Direttiva 2001/18 tgħid li “[l]-prinċipju ta’ prekawzjoni ittieħed in konsiderazzjoni fl-abbozz ta’ din id-Direttiva u jrid jittieħed in konsiderazzjoni meta tiġi implimentata”. L-Artikolu 1 jipprovdi li “[s]kond il-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tapprossima l-liġijiet, regolamenti, u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent […]”. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) jipprovdi li “[l]-Istati Membri skond il-prinċipju ta’ prekawzjoni jassiguraw li jittieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiġu evitati effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent li jista’ jsir mir-rilaxx intenzjonat jew tpoġġija ta’ GMOs fis-suq […]”.

( 15 ) Ara l-premessa 2 tar-Regolament Nru 178/2002.

( 16 ) Sentenza tas-8 ta’ Settembru 2011, Monsantoet (C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:553, punt 77).

( 17 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italiaet (C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 113); tat-28 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 92); u tad-19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma (C‑282/15, EU:C:2017:26, punt 56).

( 18 ) Ara s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 93); tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823, punti 8182); tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesceet (C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 47), u tad-19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma (C‑282/15, EU:C:2017:26, punt 57).

( 19 ) Dwar in-neċessità ta’ konnessjoni bejn l-Artikolu 7 u l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 178/2002, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Queisser Pharma (C‑282/15, EU:C:2016:589, punti 48 sa 51).

( 20 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma (C‑282/15, EU:C:2017:26), punt 57). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (C‑282/15, EU:C:2016:589, punt 50).

( 21 ) Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 29), u tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesceet (C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 48).

( 22 ) Sentenza tad-9 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma (C‑282/15, EU:C:2017:26, punt 59).

( 23 ) Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, (C‑333/08, EU:C:2010:44, punt 91), u tad-19 ta’ Jannar 2017, Queisser Pharma (C‑282/15, EU:C:2017:26, punt 60).

( 24 ) Ara l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1829/2003.

( 25 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Monsantoet (C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:553, punt 76). Enfasi miżjuda.

( 26 ) Ibid. punt 81. Enfasi miżjuda.

( 27 ) Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002.

( 28 ) Għall-finijiet ta’ kompletezza, huwa ċar li l-istess raġunament ma jestendix għal qasam ieħor irregolat mir-Regolament Nru 1829/2003, jiġifieri l-għalf immodifikat ġenetikament. L-għalf, madankollu, huwa wkoll espressament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tar-Regolament Nru 178/2002.

( 29 ) Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 1997, dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 18, p. 244).

( 30 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italiaet (C‑236/01, EU:C:2003:431, punt 110).

( 31 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Monsantoet (C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:170, punti 59 sa 66).

( 32 ) Dik il-konklużjoni impliċitament tirriżulta mir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Monsantoet (C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:553, punti 75 sa 81).

( 33 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Monsantoet (C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:553). Enfasi miżjuda.

( 34 ) Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1829/2003.

( 35 ) Ara l-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 1829/2003

( 36 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Codacons (C‑132/03; EU:C:2005:310; punt 63).

( 37 ) L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1829/2003.

( 38 ) Ara l-premessa 9, l-Artikolu 6 u l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1829/2003. Ara wkoll, taħt id-Direttiva 2001/18, l-evalwazzjoni tar-riskju ambjentali li għandu jsir fil-qafas tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni (ara l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 6 u l-Anness II ta’ dik id-direttiva).

Top