Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CC0103

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2017.
Jessica Porras Guisado vs Bankia SA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 92/85/KEE – Miżuri intiżi biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu – Artikolu 2(a) – Il-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 10 – Projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala tagħha sat-tmiem tal-leave tal-maternità tagħha – Kamp ta’ applikazzjoni – Każijiet eċċezzjonali li ma humiex konnessi mal-kundizzjoni tal-ħaddiema kkonċernata – Direttiva 98/59/KE – Tkeċċijiet kollettivi – Artikolu 1(1)(a) – Raġunijiet mhux relatati mal-ħaddiema individwali – Ħaddiema tqila li tkeċċiet fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva – Raġunijiet għat-tkeċċija – Prijorità tal-ħaddiema għaż-żamma tal-pożizzjoni – Prijorità għal klassifikazzjoni mill-ġdid.
Kawża C-103/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:691

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2017 ( 1 )

Kawża C‑103/16

Jessica Porras Guisado

vs

Bankia SA

Sección Sindical de Bankia de CCOO

Sección Sindical de Bankia de UGT

Sección Sindical de Bankia de ACCAM

Sección Sindical de Bankia de SATE

Sección Sindical de Bankia de CSICA

Fondo de Garantía Salarial (Fogasa)

parti oħra:

Ministerio Fiscal

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja)]

“Politika soċjali — Direttiva 92/85/KEE — Saħħa u sigurtà għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu — Il-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 10 — Projbizzjoni ta’ tkeċċija — Każijiet eċċezzjonali li ma humiex konnessi mal-kundizzjoni tal-ħaddiema tqila — Il-punt 2 tal-Artikolu 10 — Avviż tat-tkeċċija mix-xogħol — Direttiva 98/59/KE — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar tkeċċijiet kollettivi — Artikolu 1(1)(a) — Tkeċċija għal raġunijiet li ma humiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati”

Introduzzjoni

1.

L-għażla ta’ liema ħaddiema se jitkeċċew fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva dejjem hija kwistjoni delikata. Qabel ma titqiegħed fis-seħħ tkeċċija kollettiva ikun hemm, skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi ( 2 ), konsultazzjonijiet bejn il-persuna li timpjega u r-rappreżentanti tal-ħaddiema. Jista’ jinħass li ċerti kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema għandhom jingħataw protezzjoni matul it-tkeċċija kollettiva (fis-sens ta’ prijorità għaż-żamma matul il-proċess ta’ għażla). Madankollu, il-forza tax-xogħol tista’ tinkludi wkoll kategoriji oħrajn ta’ ħaddiema li jgawdu protezzjoni kontra t-tkeċċija bis-saħħa ta’ xi strument legali ieħor (pereżempju, ħaddiema koperti mid-Direttiva dwar il-Maternità) ( 3 ).

2.

F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-projbizzjoni tat-tkeċċija ta’ ħaddiema nisa tqal fl-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità. B’mod partikolari, il-gwida tal-Qorti tal-Ġustizzja hija mfittxija dwar kif għandha tiġi interpretata dik il-projbizzjoni flimkien mad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi f’każ ta’ proċedura ta’ tkeċċija kollettiva.

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

Id-Direttiva dwar il-Maternità

3.

Il-premessi tad-Direttiva dwar il-Maternità, li hija l-għaxar direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE ( 4 ), jispjegaw li din ġiet adottata sabiex jiġu introdotti rekwiżiti minimi bl-iskop li jiġi inkoraġġit it-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa ta’, inter alia, ħaddiema nisa tqal, identifikati bħala grupp speċifiku f’riskju ( 5 ). Il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema nisa tqal ma għandhiex tfisser li n-nisa fis-suq tax-xogħol jiġu ttrattati b’mod sfavorevoli u lanqas li jaħdmu għad-detriment tad-direttivi li jikkonċernaw l-ugwaljanza fit-trattament għall-irġiel u n-nisa ( 6 ). Ir-riskju ta’ tkeċċija għal raġunijiet assoċjati mal-kundizzjoni tagħhom jista’ jkollu effetti li jagħmlu ħsara għall-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema nisa tqal u għandha ssir dispożizzjoni biex tiġi pprojbita din it-tkeċċija ( 7 ).

4.

It-terminu “ħaddiema tqila” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(a) bħala “ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali”.

5.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u megħjuna mill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, ingħatat struzzjonijiet sabiex tfassal linji gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskji għall-ħaddiema koperti mid-Direttiva dwar il-Maternità ( 8 ). Trid issir valutazzjoni tal-post tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema tqila ( 9 ). Il-persuna li timpjega għandha taġġusta l-kundizzjonijiet tax-xogħol jew il-ħinijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tqila sabiex jiġi evitat kull riskju identifikat. Jekk dan ma jkunx possibbli, hija għandha tiġi ttrasferita lejn xogħol ieħor; u jekk dan ma jkunx possibbli trid tingħata leave ( 10 ).

6.

L-Artikolu 10 huwa intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Tkeċċija”. Dan jiddikjara:

“Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa [u s-sigurtà] kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:

1.

l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;

2.

jekk ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, tiġi mkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;

3.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1.”

7.

L-Artikolu 12 jipprovdi li l-Istati Membri jridu jintroduċu fis-sistemi legali tagħhom dawk il-miżuri neċessarji biex jippermettu lill-ħaddiema li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Maternità jsegwu t-talbiet tagħhom f’każijiet fejn issirilhom inġustizzja minħabba nuqqas ta’ konformità mal-obbligi stabbiliti.

Id-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi

8.

Id-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi għandha l-għan li tiżgura li jkun hemm iżjed protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi filwaqt li titqies il-ħtieġa għal żvilupp ibbilanċjat ekonomiku u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea ( 11 ). Il-premessi tagħha jispjegaw li t-tlestija tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema u li d-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri dwar l-arranġamenti prattiċi u l-proċeduri għal tkeċċijiet bħal dawn u l-miżuri maħsuba sabiex itaffu l-konsegwenzi tat-tkeċċija fuq il-ħaddiema jista’ jkollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern ( 12 ).

9.

Fi ħdan it-Taqsima I (“It-tifsiriet u l-iskop”), l-Artikolu 1(1)(a) jiddefinixxi “redundancies kollettivi” bħala “tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta’ l-Istati Membri, in-numru tar-redundancies huwa:

(i)

jew, fuq perijodu ta’ 30 ġurnata:

mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

mill-inqas 10 % tan-numru ta’ ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed,

(ii)

jew, fuq perijodu ta’ 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta’ impjegati li [normalment] jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni;

[…]

Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar-redundancies kif previst fis-subparagrafu tal-punt (a), it-termini ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies” ( 13 ).

10.

It-Taqsima II fiha r-rekwiżiti ta’ informazzjoni u konsultazzjoni. Għalhekk, il-persuna li timpjega li tkun qiegħda tikkontempla tkeċċijiet kollettivi għandha tibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim. Sabiex ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu jistgħu jagħmlu proposti kostruttivi, il-persuna li timpjega trid, fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet, tipprovdilhom l-informazzjoni rilevanti kollha u tinnotifikahom dwar l-elementi li ġejjin: (i) ir-raġunijiet għat-tkeċċijiet ipproġettati; (ii) in-numru u l-kategoriji ta’ ħaddiema li se jisfaw bla xogħol; (iii) in-numru u l-kategoriji ta’ ħaddiema normalment impjegati; (iv) il-perijodu meta t-tkeċċijiet ipproġettati għandhom jiġu effettwati; u (v) il-kriterji proposti għall-għażla tal-ħaddiema li se jisfaw bla xogħol sa fejn il-leġiżlazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali jagħtu dan il-poter lill-persuna li timpjega. Kopja ta’ dawk l-elementi tal-komunikazzjoni bil-miktub għandha tintbagħat lill-awtorità pubblika kompetenti ( 14 ).

11.

Il-proċedura għat-tkeċċija kollettiva hija stabbilita fit-Taqsima III. Dik il-proċedura tibda bin-notifika bil-miktub ta’ kwalunkwe tkeċċija kollettiva pproġettata lill-awtorità pubblika kompetenti ( 15 ). Kopja tan-notifika trid tintbagħat ukoll lir-rappreżentanti tal-ħaddiema ( 16 ). It-tkeċċijiet kollettivi pproġettati ma jidħlux fis-seħħ qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward tal-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol ( 17 ). L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-iskedi stabbiliti ma għandhomx japplikaw għal tkeċċijiet kollettivi li jirriżultaw mit-tmiem tal-attivitajiet ta’ stabbiliment meta dan ikun ir-riżultat ta’ deċiżjoni ġudizzjarja ( 18 ).

Il-leġiżlazzjoni Spanjola

Leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva dwar il-Maternità

12.

Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li d-Direttiva dwar il-Maternità hija trasposta fi Spanja permezz tal-Ley 39/99 de 5 de noviembre de Conciliación de la vida personal, laboral y familiar (Liġi 39/1999, tal-5 ta’ Novembru 1999, li tirrikonċilja l-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol tal-ħaddiema). Din fiha żewġ forom ta’ protezzjoni għall-ħaddiema nisa tqal. L-ewwel waħda tapplika matul ir-relazzjoni tax-xogħol kollha u hija bbażata fuq is-sempliċi fatt tat-tqala. Jekk il-ħaddiema tqila titkeċċa (irrispettivament minn jekk il-persuna li timpjega tafx bil-kundizzjoni tagħha jew le), kulma trid tagħmel huwa li tagħti prova tat-tqala tagħha u l-persuna li timpjega mbagħad trid tagħti prova ta’ kawża oġġettiva raġonevoli għat-tkeċċija. Meta tingħata evidenza bħal din, din tista’ teħtieġ dikjarazzjoni ta’ legalità, inkella t-tkeċċija tkun nulla ipso jure ( 19 ).

13.

It-tieni forma ta’ protezzjoni hija bbażata fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(4) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema kif ukoll l-Artikolu 8 tal-Ley Orgánica 3/2007 de 22 de marzo, para la igualdad efectiva de mujeres y hombres (Liġi Organika 3/2007, tat-22 ta’ Marzu 2007, dwar ugwaljanza fit-trattament effettiva għan-nisa u l-irġiel, “il-Liġi Organika tal-2007”). Dawk id-dispożizzjonijiet jistipulaw essenzjalment li meta ħaddiema tallega li saret diskriminazzjoni kontriha minħabba li tkeċċiet minħabba li kienet tqila, hija trid tipproduċi biżżejjed informazzjoni sabiex tindika li t-tkeċċija hija bbażata fuq it-tqala tagħha. Il-persuna li timpjega mbagħad ikollha l-oneru tal-prova sabiex tistabbilixxi li ma kinitx saret diskriminazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tesprimi l-opinjoni li l-kawża prinċipali ma tikkonċernax it-tieni forma ta’ protezzjoni ( 20 ).

Leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi

14.

It-terminu tkeċċijiet kollettivi huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema bħala t-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew organizzazzjonali jew raġunijiet relatati mal-produzzjoni fejn ċerti limiti jkunu ssodisfatti. Skont l-Artikolu 51(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema, meta l-impjegati jintgħażlu għal tkeċċija obbligatorja, ir-rappreżentanti legali tal-ħaddiema għandhom igawdu minn status ta’ prijorità fir-rigward taż-żamma tagħhom mill-impriża kkonċernata. Dan l-istatus jista’ jingħata lil gruppi oħrajn, bħal ħaddiema b’responsabbiltajiet tal-familja, impjegati ta’ ċerta età jew persuni li għandhom diżabbiltà ( 21 ).

15.

L-Artikolu 13 tar-Real Decreto 1483/2012 de 29 de octubre, por el que se aprueba el Reglamento de los procedimientos de despido colectivo y de suspensión de contratos y reducción de jornada (Digriet Irjali 1483/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, li japprova r-regolamenti dwar il-proċeduri ta’ tkeċċija kollettiva u dwar sospensjoni ta’ kuntratti u tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol ta’ kuljum) jirrifletti d-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji tal-għażla għall-impjegati f’każijiet ta’ tkeċċija kollettiva. L-Artikolu 13(3) jiddikjara li d-deċiżjoni finali dwar tkeċċija kollettiva trid tistipula r-raġunijiet għaliex ċerti impjegati jingħataw prijorità fir-rigward taż-żamma tal-pożizzjoni tagħhom fi ħdan l-impriża kkonċernata.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

16.

Fit-18 ta’ April 2006, Porras Guisado ġiet impjegata minn Bankia S.A. (“Bankia”). Fid-9 ta’ Jannar 2013, Bankia fetħet perijodu ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema bil-għan li twettaq tkeċċija kollettiva. Fit-8 ta’ Frar 2013, il-kumitat ta’ negozjar laħaq ftehim (il-“ftehim tal-kumitat ta’ negozjar”) li jistabbilixxi l-kriterji li għandhom jiġu applikati fl-għażla ta’ dawk il-ħaddiema li għandhom jitkeċċew u dawk li għandhom jinżammu fl-impjieg ma’ Bankia. Żewġ kategoriji ta’ ħaddiema ngħataw status ta’ prijorità. Dawn kienu koppji miżżewġin jew koppji de facto u impjegati b’diżabbiltà li d-diżabbiltà tagħhom ġiet ivvalutata bħala ikbar minn 33 %.

17.

Fit-13 ta’ Novembru 2013, Bankia bagħtet ittra lil Porras Guisado (l-“ittra ta’ tkeċċija”) billi tatha avviż dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-impjieg tagħha skont il-ftehim tal-kumitat ta’ negozjar. L-ittra tat-tkeċċija ddikjarat dan li ġej:

“[…] Fil-każ speċifiku tal-Provinċja ta’ Barcelona fejn taħdem, wara li tlestiet il-proċedura għall-aċċettazzjoni tal-programm ta’ tkeċċijiet li jattiraw kumpens, mingħajr ma tingħata attenzjoni lill-persuni milquta minn proċeduri ta’ mobbiltà ġeografika u bidliet fil-pożizzjoni tax-xogħol, aġġustament iktar estensiv għall-forza tax-xogħol sar neċessarju, li jeħtieġ it-terminazzjoni tal-kuntratti tal-impjieg ta’ persuni indikati direttament mill-impriża, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu II-B tal-[ftehim tal-kumitat ta’ negozjar] […]

F’dan ir-rigward, bħala riżultat tal-proċess ta’ valutazzjoni mwettaq fl-impriża matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni, u dan huwa fattur rilevanti fl-adozzjoni tal-[ftehim tal-kumitat ta’ negozjar] […], il-punteġġ tiegħek huwa ta’ 6 punti, li jfisser li l-pożizzjoni tiegħek hija fost l-iktar punteġġi baxxi tal-Provinċja ta’ Barcelona, fejn taħdem int.

Għalhekk, bl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti u għar-raġunijiet imsemmijin, nixtieq ninformak li ġie deċiż li jiġi tterminat il-kuntratt tal-impjieg tiegħek b’effett mill-10 ta’ Diċembru 2013” ( 22 ).

18.

Fl-istess jum, is-somma ta’ EUR 11 782.05 ġiet ittrasferita fil-kont bankarju ta’ Porras Guisado bħala kumpens. Skont il-ftehim tal-kumitat ta’ negozjar, it-tkeċċija tagħha daħlet fis-seħħ mill-10 ta’ Diċembru 2013.

19.

Porras Guisado kienet tqila meta tkeċċiet.

20.

Porras Guisado talbet proċedura ta’ konċiljazzjoni fid-9 ta’ Jannar 2014. Dik il-proċedura saret, mingħajr suċċess, fl-1 ta’ April 2014. Sadanittant, fit-3 ta’ Frar 2014, Porras Guisado ppreżentat rikors sabiex tikkontesta t-tkeċċija tagħha quddiem il-Juzgado Social No 1 de Mataró (qorti soċjali Nru 1 ta’ Mataró) li ddeċidiet favur Bankia fil-25 ta’ Frar 2015.

21.

Porras Guisado ppreżentat appell minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“(1)

Il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-[Direttiva dwar il-Maternità] għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza ta’ ‘każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali’, bħala eċċezzjoni għall-projbizzjoni tat-tkeċċija ta’ [ħaddiema tqal], hija ċirkustanza li ma hijiex ekwivalenti għal dik ta’ ‘raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati’ li għaliha jirreferi l-Artikolu 1(1)(a) tad-[Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi], inkwantu hija iktar ristretta?

(2)

Fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ każijiet eċċezzjonali, li jiġġustifikaw it-tkeċċija ta’ [ħaddiema tqal] konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-[Direttiva dwar il-Maternità], għandu jkun impost li l-ħaddiema affetwata ma tistax tiġi ttrasferita mill-ġdid f’post tax-xogħol ieħor [f’pożizzjoni tax-xogħol oħra], jew huwa suffiċjenti li jintużaw bħala ġustifikazzjoni raġunijiet ekonomiċi, tekniċi u produttivi li jaffettwaw il-post tax-xogħol tagħha?

(3)

Hija konformi mal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-[Direttiva dwar il-Maternità], leġiżlazzjoni, bħal dik Spanjola, li tittrasponi l-imsemmija projbizzjoni billi tistabbilixxi garanzija li skontha jekk ikun hemm nuqqas ta’ prova tar-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tkeċċija tagħha din it-tkeċċija tiġi ddikjarata nulla (protezzjoni riparattiva) mingħajr ma tistabbilixxi projbizzjoni mit-tkeċċija (protezzjoni preventiva)?

(4)

Hija konformi mal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-[Direttiva dwar il-Maternità], leġiżlazzjoni, bħal dik Spanjola, li fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva ma tikkontemplax prijorità għaż-żamma fl-impriża tal-[ħaddiema nisa tqal]?

(5)

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-[Direttiva dwar il-Maternità], hija konformi leġiżlazzjoni nazzjonali li tqis bħala suffiċjenti ittra ta’ tkeċċija bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża li ma tagħmel ebda riferiment għall-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, minbarra għall-dawk li jimmotivaw it-tkeċċija kollettiva, sabiex il-ħaddiema tiġi affettwata bid-deċiżjoni ta’ terminazzjoni kollettiva?”

22.

Bankia, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2017 l-istess partijiet ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali.

Evalwazzjoni

Ammissibbiltà

23.

Bankia tissottometti li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li Porras Guisado ma invokatx id-Direttiva dwar il-Maternità meta ressqet it-talba tagħha għall-ewwel darba quddiem il-Juzgado Social No 1 de Mataró (qorti soċjali Nru 1 ta’ Mataró), u r-regoli tal-proċedura nazzjonali jipprekluduha milli tagħmel dan iktar tard. Hija ssostni wkoll li Porras Guisado ma għandhiex locus standi, skont il-ġurisprudenza Spanjola, sabiex tippreżenta rikors li jikkontesta l-kriterji għall-għażla tal-impjegati li għandhom jinżammu fl-impriża miftiehma bejn Bankia u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.

24.

Fir-rigward ta’ dawk iż-żewġ argumenti, jien nosserva li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata sabiex tikkunsidra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni biss. Fid-dawl “tat-tqassim tal-funzjonijiet bejn il-[Qorti tal-Ġustizzja] u l-qorti nazzjonali, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ rinviju hijiex konformi mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u proċedura ġudizzjarja” ( 23 ).

25.

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Applikabbiltà tad-Direttiva dwar il-Maternità

26.

Bankia ssostni li d-Direttiva dwar il-Maternità ma hijiex applikabbli għal Porras Guisado peress li hija ma informatx lill-persuna li timpjegaha dwar it-tqala tagħha. L-Artikolu 2(a) ta’ dik id-direttiva jipprovdi espliċitament li hija biss “ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali” li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva.

27.

Ma huwiex ċar mill-fatti stabbiliti fid-digriet tar-rinviju preċiżament meta Porras Guisado informat lill-persuna li timpjegaha dwar it-tqala tagħha. Matul is-seduta, Bankia ddikjarat li ma kinitx konxja dwar dan il-fatt fil-mument tat-tkeċċija ( 24 ).

28.

Fit-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni Ewropea u l-qrati nazzjonali, hija bħala prinċipju l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet fattwali li jiskattaw l-applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni Ewropea huma miġbura flimkien fil-kawża pendenti quddiemha, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha ( 25 ).

29.

F’din il-kawża, hija għalhekk il-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina meta Porras Guisado informat lill-persuna li timpjegaha dwar it-tqala tagħha. Madankollu, hija din il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi gwida dwar it-tifsira tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Maternità u b’mod partikolari dwar jekk mara tqila li ma tkunx informat lill-persuna li timpjegaha dwar il-kundizzjoni tagħha qabel titkeċċa tistax tibbenefika mill-protezzjoni tal-Artikolu 10 ta’ dik id-direttiva.

30.

Dak l-Artikolu jipprojbixxi t-tkeċċija tal-ħaddiema nisa tqal “fis-sens ta’ l-Artikolu 2” tad-Direttiva dwar il-Maternità.

31.

Dik id-definizzjoni hija magħmula minn żewġ elementi. L-ewwel wieħed, il-ħaddiema trid tkun tqila ( 26 ) u, it-tieni wieħed, trid tkun informat lill-persuna li timpjegaha dwar il-kundizzjoni tagħha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew il-prattika nazzjonali. Iż-żewġ elementi jridu jkunu preżenti sabiex il-ħaddiema tkun tista’ titqies bħala “ħaddiema tqila” fis-sens tad-Direttiva dwar il-Maternità.

32.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti definizzjoni awtonoma fid-dritt tal-Unjoni lill-kunċett ta’ “ħaddiema tqila”, anki jekk wieħed mill-elementi ta’ din id-definizzjoni, jiġifieri dak li jirrigwarda l-mod kif il-ħaddiema tinforma lill-persuna li timpjegaha bil-kundizzjoni tagħha, jirreferi għal-leġiżlazzjoni u/jew prattika nazzjonali ( 27 ).

33.

Fil-kuntest tal-projbizzjoni tat-tkeċċija, din il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ir-rekwiżit tal-informazzjoni b’mod liberu. Għalhekk, fil-kawża Danosa hija ddeċidiet li r-rekwiżiti proċedurali ma jistgħux ixejnu l-protezzjoni partikolari tan-nisa pprovduta mill-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità. “Jekk mingħajr ma kienet formalment informat bit-tqala tal-ħaddiema mill-persuna kkonċernata nnifisha, il-persuna li timpjega saret taf bl-istat ta’ tqala ta’ din tal-aħħar, ikun kontra l-għan u l-ispirtu tad-[Direttiva dwar il-Maternità] li tinterpreta b’mod ristrett it-termini tal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva u tinnega lill-ħaddiema kkonċernata l-protezzjoni kontra t-tkeċċija stipulata bl-imsemmi Artikolu 10” ( 28 ).

34.

Hawnhekk, niġbed l-attenzjoni għal tensjoni fit-tfassil tad-Direttiva dwar il-Maternità. Filwaqt li dispożizzjonijiet oħrajn tad-direttiva (notevolment, l-Artikoli 5, 6 u 7) jipprovdu protezzjoni fuq bażi kontinwa waqt li l-ħaddiem ikun qiegħed jaħdem, l-Artikolu 10 jispikka peress li fih projbizzjoni inekwivoka dwar it-tkeċċija ta’ “ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1)”. L-unika deroga minn dik il-projbizzjoni hija dik marbuta ma’ “każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom”, li se niddiskuti iktar ’il quddiem. Issa, fil-bidu nett tat-tqala, il-ħaddiema nnifisha ma tkunx taf li hija tqila. Ladarba tiskopri dan, huwa neċessarju li jgħaddi ftit żmien qabel tinforma lill-persuna li timpjegaha dwar dan il-fatt, u għalhekk tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet sabiex taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “ħaddiema tqila” kif stipulat fl-Artikolu 2(a). U madankollu l-projbizzjoni fil-punt 1 tal-Artikolu 10 hija espliċitament iddikjarata li tapplika “mill-bidu tat-tqala” – jiġifieri, minn punt li fih ma huwiex possibbli li tikkonforma mar-rekwiżit li tinforma lill-persuna li timpjegaha dwar il-kundizzjoni tagħha.

35.

Kif għandha tiġi riżolta din it-tensjoni? Jien naħseb li hemm żewġ għażliet possibbli.

36.

L-ewwel waħda hija li jintqal li, sakemm mara tqila ma tinformax lill-persuna li timpjegaha dwar it-tqala tagħha, u sa dak il-mument, il-projbizzjoni ta’ tkeċċija ma tapplikax. Dik l-interpretazzjoni (promossa minn Bankia) hija waħda li tiffavorixxi lill-persuna li timpjega. Sakemm din ma tkunx ġiet informata, jew ma tkunx taf b’mod ieħor ( 29 ), dwar it-tqala, hija libera li tkeċċi lill-ħaddiema inkwistjoni. Tingħata prijorità lill-kliem “ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2”, għad-detriment li tingħata protezzjoni iktar estensiva lil ħaddiema nisa tqal. Din l-interpretazzjoni tipproteġi lil ħaddiema tqila li antiċipat dan (jew kellha x-xorti tajba) u laħqet informat lill-persuna li timpjegaha dwar il-kundizzjoni tagħha qabel ma tkeċċiha (jew tagħmilha bla xogħol bħala parti minn tkeċċija kollettiva). Jekk hija tkun għadha ma tafx li hija tqila, jew tkun għadha ma qalitx lill-persuna li timpjegaha dwar il-fatt, meta ssir it-tkeċċija, ma tkunx protetta. Il-perijodu protett għalhekk ikun neċessarjament iqsar minn dak speċifikat fit-test sempliċi tal-punt 1 tal-Artikolu 10.

37.

L-alternattiva hija li tingħata prijorità lill-protezzjoni tal-ħaddiema nisa “matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità”, anki jekk dawn ma jkunux għadhom informaw lill-persuna li timpjegahom bil-kundizzjoni tagħhom. Dik l-interpretazzjoni (kif nifhimha jien, l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tqis li hija korretta) tiffavorixxi lill-ħaddiema tqila. Fl-opinjoni tiegħi, din hija l-aħjar interpretazzjoni.

38.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ripetutament li, “[h]uwa preċiżament fid-dawl tar-riskju li tkeċċija eventwali taffettwa s-sitwazzjoni fiżika u mentali tal-ħaddiema tqal […], inkluż fosthom ir-riskju partikolarment serju li jista’ jwassal lill-ħaddiema tqal jinterrompu volontarjament it-tqala tagħhom, li l-leġiżlatur [tal-UE] ipprovda protezzjoni partikolari għall-mara billi stipula l-projbizzjoni ta’ tkeċċija fil-perijodu mill-bidu tat-tqala sat-tmiem tal-leave tal-maternità” ( 30 ). Hija kompliet tiddikjara (b’mod daqstant ieħor kategoriku) li, “[m]atul l-imsemmi perijodu, l-Artikolu 10 tad-[Direttiva dwar il-Maternità] ma pprovda ebda eċċezzjoni jew deroga għall-projbizzjoni ta’ tkeċċija tal‑ħaddiema tqal, ħlief f’każijiet eċċezzjonali mhux marbuta mal-istat tagħhom u bil-kundizzjoni li min iħaddem jiġġustifika bil-miktub ir-raġunijiet ta’ din it-tkeċċija” ( 31 ). Dawk l-istqarrijiet repetuti jindikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja, għal għexur ta’ snin, irrikonoxxiet li n-nisa tqal huma fil-fatt grupp vulnerabbli u li l-leġiżlazzjoni li tipproteġihom fuq il-post tax-xogħol għandha tinqara b’kunsiderazzjoni ta’ dak il-fatt.

39.

Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa issa ma tindirizzax it-tensjoni li identifikajt jien. Għalhekk, fil-kawża Webb u fil-kawża Tele Danmark, il-persuna li timpjega kienet taf b’mod ċar li l-impjegati rispettivi tagħha kienu tqal meta keċċiethom ( 32 ). Is-sentenza fil-kawża Webb teżamina jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207/KEE (id-direttiva bikrija dwar it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fl-impjieg) ( 33 ) meta jinqara flimkien mal-Artikolu 5(1) tagħha, ipproteġiex impjegata minn tkeċċija meta dik l-impjegata, maħtura sabiex tissostitwixxi impjegata oħra assenti fuq leave tal-maternità, inqabdet tqila hija stess. Is-sentenza fil-kawża Tele Danmark tiffoka fuq jekk il-protezzjoni kontra t-tkeċċija mogħtija mill-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità tibqax tapplika meta impjegata b’kuntratt għal żmien qasir tkun tqila fil-mument li fih ġiet impjegata imma tkun ħbiet dak il-fatt. Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet id-domanda fl-affermattiv ( 34 ). Fil-kawża Danosa, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li kien hemm “xi kontestazzjonijiet” dwar jekk, inter alia, il-kumpannija konvenuta kinitx ġiet informata dwar it-tqala ta’ D. Danosa: hija ddeċidiet li dawk il-fatti kellhom jiġu ddeterminati mill-qorti nazzjonali ( 35 ).

40.

Għandu jsir riferiment ukoll għad-deċiżjoni fil-kawża Pontin ( 36 ). F’dik il-kawża, il-persuna li timpjega (T-Comalux) keċċiet lil V. Pontin b’effett immedjat permezz ta’ ittra rreġistrata tal-25 ta’ Jannar 2007. V. Pontin informat lil T-Comalux li hija kienet tqila permezz ta’ ittra rreġistrata fis-26 ta’ Jannar 2007 (jiġifieri l-għada) u sostniet li, bħala riżultat ta’ dan, it-tkeċċija nnotifikata lilha minn T-Comalux kienet nulla ( 37 ). B’risposta għall-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat fit-tul id-domandi kumplessi li jinvolvu l-ekwivalenza u l-effett utli tar-rimedji nazzjonali disponibbli għal V. Pontin rigward it-tkeċċija tagħha. Jiena naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja bilfors li għamlet dan fuq il-bażi li V. Pontin kienet koperta mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija mogħtija mill-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità kif trasposta fid-dritt nazzjonali, anki jekk ma kinitx informat lill-persuna li timpjegaha dwar il-kundizzjoni tagħha qabel tkeċċiet. Madankollu, dak il-punt ma huwiex indirizzat fis-sentenza.

41.

Jekk ir-rekwiżit li l-persuna li timpjega tiġi nnotifikata jista’ jiġi ssodisfatt ex post, isegwi li ladarba l-persuna li timpjega tiġi nnotifikata dwar dan, it-tkeċċija inkwistjoni ssir tkeċċija illegali fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità (sakemm ma tkunx tapplika l-eċċezzjoni ta’ “każijiet eċċezzjonali”). Il-ħaddiema kkonċernata, wara li tkun innotifikat lill-persuna li timpjega, hija bla dubju “ħaddiema tqila” skont id-definizzjoni fl-Artikolu 2(a). Peress li, fuq din l-ipoteżi, hija diġà tkeċċiet, il-punt 3 tal-Artikolu 10 jopera għalhekk sabiex jipprovdi rimedju billi jitlob lill-Istati Membri “jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1”.

42.

Huwa veru li fuq din l-interpretazzjoni il-persuna li timpjega, b’mod mhux intenzjonat tista’ tkeċċi ħaddiema li ma kellhiex tkeċċi. Madankollu, jekk tiġi informata dwar l-iżball tagħha ftit wara t-tkeċċija ( 38 ), hija jkollha l-opportunità li tħassar id-dannu li tkun ikkawżat involontarjament meta keċċietha. Dan ir-riżultat huwa kompletament konformi mal-għanijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità.

43.

Wieħed jista’ jistaqsi jekk hemmx limitu fuq kemm għandu jgħaddi żmien wara t-tkeċċija sabiex il-ħaddiema tkun tista’ tinnotifika lill-persuna li timpjegaha dwar il-kundizzjoni tagħha u tagħmel użu mill-protezzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità. Minħabba t-tensjoni li diġà identifikajt, ma huwiex sorprendenti li l-Artikolu 10 ma jipprovdix risposta ċara għal dik id-domanda. Jiena naħseb li, sabiex ikun ġust għall-persuna li timpjega, l-impjegata mkeċċija hija obbligata li tinforma lill-persuna li timpjegaha u tagħmel it-talba tagħha fi żmien raġonevoli; u li l-possibbiltà tagħha li tagħmel dak tal-ewwel bħala preludju għal dak tal-aħħar għandha titqies li tiskadi fi tmiem il-perijodu ta’ protezzjoni stabbilit mill-punt 1 tal-Artikolu 10 – jiġifieri fi “tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1)”. Iż-żmien preċiż għal dan se jkun jiddependi minn kif l-Istat Membru inkwistjoni jkun għażel li jittrasponi d-Direttiva dwar il-Maternità. Għal mara tqila li tkun tkeċċiet, id-data tista’ tkun ipotetika fis-sens li, peress li tkun tkeċċiet, jista’ jkun li ma bbenefikatx minn xi wħud mill-ġranet tal-leave tal-maternità tagħha jew possibbilment mill-ebda ġurnata ( 39 ). Madankollu, il-qorti nazzjonali tkun tista’ tivverifika d-data li fiha l-leave tal-maternità tagħha kien ikun intemm u għalhekk tkun tista’ tiddetermina jekk tkunx innotifikat lill-persuna li timpjegaha dwar il-kundizzjoni tagħha qabel dik id-data.

44.

Rigward din il-kwistjoni, jiena konxja kemm li hija l-qorti nazzjonali li għandha ssib il-fatti meħtieġa kif ukoll li l-liġi nazzjonali Spanjola (speċifikament, il-Liġi Nru 39/1999) tidher li toffri forma ta’ protezzjoni irrispettivament minn jekk il-persuna li timpjega kinitx taf dwar it-tqala tal-ħaddiema ( 40 ). Il-mod kif taħdem preċiżament din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali huwa wkoll kwistjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali. Madankollu huwa possibbli li, sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha, il-qorti tar-rinviju jista’ jkollha bżonn tkun taf speċifikament jekk il-protezzjoni kontra t-tkeċċija mogħtija mill-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità tkoprix impjegata li, meta tkeċċiet bħala parti minn tkeċċija kollettiva, ma kinitx informat lill-persuna li timpjegaha dwar il-kundizzjoni tagħha. Għal dik ir-raġuni u fl-interessi taċ-ċertezza legali, nixtieq inħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara dan il-punt fis-sens li indikajt.

45.

F’dan il-kuntest, nirrikorri għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

L-ewwel domanda

46.

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-frażi “każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali” li tippermetti t-tkeċċija tal-ħaddiema nisa tqal [il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità] għandhiex tiġi interpretata bħala li hija eżattament ekwivalenti għall-espressjoni “[…] raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati […]” li għaliha jirreferi l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi, jew jekk dik tal-ewwel hijiex iktar restrittiva.

47.

Bankia, Spanja u l-Kummissjoni rrispondew fl-affermattiv.

48.

Jien m’iniex tal-istess fehma.

Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva dwar il-Maternità u d-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi

49.

L-ewwel domanda tikkonċerna l-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu t-tkeċċijiet fid-Direttiva dwar il-Maternità u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-tkeċċijiet fid-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi. Għalhekk huwa importanti li l-ewwel tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn iż-żewġ strumenti.

50.

Il-kwistjonijiet koperti minn dawk iż-żewġ direttivi ġew indirizzati b’mod parallel u fl-istess dokument mill-Kummissjoni sa mill-1973 ( 41 ). Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill li segwiet fl-1974 adottat l-istess approċċ ( 42 ). Kien f’dak il-kuntest li ġiet adottata l-ewwel direttiva dwar tkeċċijiet fl-1975 ( 43 ). B’kuntrast ma’ dan, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Maternità, każijiet li jikkonċernaw ħaddiema nisa tqal ġew solvuti b’riferiment għall-Artikolu 119 tat-Trattat KEE u d-Direttiva 75/117/KEE dwar paga ndaqs ( 44 ), jew għad-Direttiva 76/207/KEE dwar trattament ugwali għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol ( 45 ).

51.

Kemm id-Direttiva dwar il-Maternità kif ukoll id-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi huma bbażati fuq il-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet fundamentali soċjali tal-ħaddiema ( 46 ). Din tal-aħħar tirreferi speċifikament kemm għall-miżuri li għandhom jiġu żviluppati sabiex jippermettu lill-irġiel u n-nisa jirrikonċiljaw l-obbligi professjonali u familjari tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa li jiġu żviluppati informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni għall-ħaddiema f’każijiet ta’ tkeċċijiet kollettivi ( 47 ).

52.

Madankollu, b’kunsiderazzjoni ta’ dan, huwa ovvju li l-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ direttivi huwa differenti. Id-Direttiva dwar il-Maternità tipproteġi lill-ħaddiema nisa li huma tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu u li s-sigurtà u s-saħħa tagħhom huma kkunsidrati li huma f’riskju ( 48 ). Id-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi tipproteġi ħaddiema li jistgħu jkunu suġġetti għal tkeċċija kollettiva u għalhekk iridu jingħataw protezzjoni ikbar ( 49 ).

53.

Ħaddiema li tinsab involuta fi proċedura ta’ tkeċċija kollettiva waqt li tkun tqila tappartjeni għal żewġ gruppi protetti differenti, għal raġunijiet differenti, u għandha tibbenefika mill-protezzjoni taż-żewġ direttivi. Jekk mara tqila titkeċċa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tkeċċija kollettiva, il-garanziji kemm tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità kif ukoll dawk stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi huma għalhekk applikabbli. Naqbel mas-sottomissjoni orali tal-partijiet kollha li ż-żewġ strumenti legali, f’dak ir-rigward, jikkomplementaw lil xulxin.

Il-projbizzjoni fuq it-tkeċċija ta’ ħaddiema nisa tqal fid-Direttiva dwar il-Maternità

54.

L-għan tad-Direttiva dwar il-Maternità, li ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 118a tat-Trattat KEE (il-prekursur tal-Artikolu 153 TFUE), huwa li tinkoraġġixxi titjib fis-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema nisa tqal ( 50 ). F’dak il-kuntest, l-iskop tal-projbizzjoni ta’ tkeċċija stipulata fl-Artikolu 10 huwa li tipproteġi lill-ħaddiema nisa tqal mill-effetti li jagħmlu ħsara li jista’ jkollu r-riskju ta’ tkeċċija minħabba raġunijiet assoċjati mal-kundizzjoni tagħhom fuq l-istat fiżiku u mentali tagħhom ( 51 ).

55.

Jidher mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10 li l-protezzjoni mit-tkeċċija hija oġġettiva. Hija relatata mal-fatt li tkun tqila u mhux mar-raġunijiet tat-tkeċċija. Dawk ir-raġunijiet isiru rilevanti biss meta tiġi applikata d-deroga mill-prinċipju tal-projbizzjoni tat-tkeċċija prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 10 in fine. L-għan ta’ dak l-Artikolu għalhekk huwa “li jenfasizza n-natura eċċezzjonali tat-tkeċċija” ta’ nisa tqal ( 52 ).

56.

Skont ġurisprudenza stabbilita, derogi minn prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 53 ). Dan huwa minnu a fortiori meta prinċipju jkollu natura protettiva (bħal hawn) u jservi sabiex jipproteġi s-sigurtà u s-saħħa ta’ grupp ta’ ħaddiema vulnerabbli.

57.

Id-deroga mill-projbizzjoni tat-tkeċċija fil-punt 1 tal-Artikolu 10 hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, it-tkeċċija ta’ ħaddiema nisa tqal tista’ sseħħ biss f’każijiet eċċezzjonali li ma humiex konnessi mat-tqala. It-tieni nett, dawk il-każijiet iridu jkunu permessi skont il-leġiżlazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali ( 54 ). It-tielet nett, u fejn applikabbli, l-awtorità kompetenti trid tagħti l-kunsens tagħha. F’din il-kawża, hija l-ewwel kundizzjoni li hija inkwistjoni. Huwa ovvju mill-formulazzjoni tagħha li żewġ elementi jridu jkunu preżenti. Il-każijiet fejn it-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila ma tkunx ipprojbita jridu jkunu kemm (i) eċċezzjonali kif ukoll (ii) mhux konnessi mat-tqala.

58.

It-terminu “każijiet eċċezzjonali” ma jridx jiġi interpretat biss b’mod restrittiv: irid jiġi interpretat ukoll skont is-sens normali tat-termini inkwistjoni ( 55 ). Is-sens normali ta’ “eċċezzjonali” huwa “mhux tas-soltu” jew “straordinarju”. Hekk se ninterpreta dan it-terminu.

59.

It-terminu “mhux konnessi [mat-tqala]” ifisser li t-tkeċċija trid tkun ibbażata fuq raġunijiet oġġettivi li ma humiex relatati mal-kundizzjoni tal-ħaddiema tqila.

Il-projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema nisa tqal u d-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi

60.

Bl-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli għat-tkeċċijiet kollettivi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni kemm li jiżgura protezzjoni simili għad-drittijiet tal-ħaddiema fl-Istati Membri differenti kif ukoll li jarmonizza l-ispejjeż li dawn ir-regoli ta’ protezzjoni jikkawżaw għall-impriżi tal-Unjoni ( 56 ).

61.

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet, tkeċċijiet kollettivi huma ddefiniti bħala “tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati”. Fil-kuntest ta’ dik id-direttiva, il-kunċett ta’ “redundancy [tkeċċija]” ġie interpretat minn din il-Qorti tal-Ġustizzja “fis-sens li huwa jinkludi kull terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol mhux mixtieqa mill-ħaddiem, u għaldaqstant mingħajr il-kunsens tiegħu. Mhuwiex neċessarju li r-raġunijiet li kkawżaw it-terminazzjoni juru r-rieda ta’ min iħaddem” ( 57 ). Għalhekk huwa evidenti li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dik id-definizzjoni b’mod wiesa’ ( 58 ).

62.

Dik id-definizzjoni u b’mod iktar preċiż l-espressjoni “raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati” hija eżattament ekwivalenti għar-raġunijiet li jippermettu t-tkeċċija ta’ ħaddiema nisa tqal, jiġifieri “każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom”?

63.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta hija “le”.

64.

Huwa veru li hemm korrispondenza bejn l-espressjoni “raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati” fid-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi, u t-tieni element tal-eċċezzjoni li tippermetti t-tkeċċija ta’ ħaddiema nisa tqal fil-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità, jiġifieri każijiet “mhux konnessi [mat-tqala]”. Madankollu, fil-fehma tiegħi, tkeċċijiet fil-kuntest ta’ tkeċċijiet kollettivi ma jissodisfawx neċessarjament dejjem l-ewwel element tal-eċċezzjoni fil-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità, jiġifieri li l-każijiet iridu jkunu “eċċezzjonali”, għar-raġunijiet li ġejjin.

65.

L-ewwel nett, fid-definizzjoni ta’ tkeċċijiet kollettivi stabbilita fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi ma hemmx terminu ekwivalenti għal “eċċezzjonali”. Dik id-dispożizzjoni hija tabilħaqq definizzjoni u mhux eżenzjoni. Minn dan isegwi li, filwaqt li dik tal-ewwel tista’ legalment tiġi interpretata b’mod wiesa’, dik tal-aħħar trid tiġi interpretata b’mod ristrett.

66.

It-tieni nett, l-istruttura u l-formulazzjoni tad-definizzjoni ta’ tkeċċijiet kollettivi ma humiex ekwivalenti għal każijiet “eċċezzjonali”. Pjuttost, dawn jinkludu sitwazzjonijiet li sfortunatament jistgħu jitqiesu li jseħħu b’ċertu grad ta’ regolarità. Għal dik ir-raġuni dawn it-tkeċċijiet ġew identifikati permezz ta’ definizzjoni wiesgħa u tliet limiti differenti ta’ tkeċċijiet għal tkeċċijiet li jseħħu fuq perijodu ta’ 30 ġurnata, skont in-numru ta’ ħaddiema impjegati mill-istabbiliment ikkonċernat, flimkien ma’ limitu separat għal tkeċċijiet li jseħħu fuq perijodu ta’ 90 ġurnata. Din id-delineazzjoni bir-reqqa stess tissuġġerixxi li t-tkeċċijiet kollettivi jseħħu spiss biżżejjed sabiex ikun xieraq li jiġu kkategorizzati skont il-perijodi ta’ żmien, id-daqs tal-istabbiliment u n-numru ta’ tkeċċijiet matul il-perijodu kkonċernat.

67.

It-tielet nett, il-bidu u l-evoluzzjoni storika tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi bl-istess mod jissuġġerixxu li t-tkeċċijiet kollettivi ma humiex “eċċezzjonali”. Il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva ġiet sottomessa lill-Kunsill sa mill-1972 ( 59 ). Fiha, il-Kummissjoni enfasizzat li leġiżlazzjoni differenti dwar tkeċċijiet kollettivi bejn l-Istati Membri kellha effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq komuni. Dawk id-diverġenzi fil-leġiżlazzjoni kienu qed joħolqu differenzi fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li influwenzaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-impriżi, speċjalment il-kumpanniji multinazzjonali, dwar id-distribuzzjoni tal-postijiet li għandhom jimtlew. Għalhekk, kienu ta’ preġudizzju għal żvilupp ġenerali u reġjonali bbilanċjat u impedixxew it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema ( 60 ). Id-Direttiva 75/129, il-predeċessur tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi, ġiet ippromulgata kif suppost kmieni fl-1975. Fid-delineazzjoni bir-reqqa tagħha ta’ meta jseħħu tkeċċijiet kollettivi koperti mid-dispożizzjonijiet tagħha, dik id-direttiva turi xebh impekkabbli mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ bħalissa ( 61 ).

68.

Għalhekk jidher ċar li d-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi kienet maħsuba sabiex tindirizza sitwazzjonijiet li jseħħu spiss biżżejjed sabiex ikollhom impatt fuq il-funzjonament tas-suq komuni u li jkollhom konsegwenzi ovvji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema.

69.

Naturalment, jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn tkeċċija kollettiva partikolari tista’ tiġi deskritta sewwa bħala “każ eċċezzjonali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità: pereżempju, meta l-attivitajiet tal-istabbiliment jintemmu jew meta settur sħiħ tal-attivitajiet tiegħu jieqaf. Fil-fatt, id-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi nnifisha tagħmel dispożizzjoni speċjali għal tkeċċijiet li jirriżultaw mit-tmiem tal-attivitajiet tal-istabbiliment bħala riżultat ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, f’liema każ ma japplikawx il-perijodi ta’ stennija stabbiliti fl-Artikolu 4 ( 62 ). Dik id-dispożizzjoni turi li fil-kuntest ta’ dik id-direttiva hemm sitwazzjonijiet li huma, fil-fatt, meqjusa bħala eċċezzjonali. Fl-opinjoni tiegħi, dan ma jfissirx li kull tkeċċija kollettiva hija “każ eċċezzjonali” għall-finijiet tad-deroga mill-projbizzjoni tat-tkeċċija fil-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità ( 63 ).

70.

Għaldaqstant nikkonkludi li l-kundizzjonijiet li fihom il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità jippermetti li ħaddiema tqila titkeċċa, jiġifieri “każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni [tagħha] li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali”, ma għandhomx jiġu interpretati bħala eżattament ekwivalenti għall-espressjoni “raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati” fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi. Sitwazzjoni partikolari li twassal għal tkeċċija kollettiva tista’, fejn iċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw dan, tiġi kklassifikata bħala “każ eċċezzjonali” fis-sens tal-ewwel dispożizzjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi.

It-tieni domanda

71.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar jekk il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità jeħtieġx li, f’każ ta’ tkeċċija kollettiva, sabiex tiġi invokata l-eċċezzjoni ta’ “każijiet eċċezzjonali” li tippermetti t-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila, ma jrid ikun hemm l-ebda possibbiltà li din il-ħaddiema tiġi ttrasferita mill-ġdid f’pożizzjoni oħra. Din id-domanda hija marbuta mal-ewwel waħda sa fejn tikkonċerna l-portata tal-kunċett ta’ “każijiet eċċezzjonali” skont il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità.

72.

F’dak ir-rigward, jirriżulta mill-analiżi li diġà pprovdejt tat-terminu “każijiet eċċezzjonali” fil-kuntest tal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità u d-definizzjoni ta’ tkeċċijiet kollettivi ( 64 ), li sabiex ħaddiema tqila titkeċċa b’mod legali, ma huwiex biżżejjed li jiġu invokati raġunijiet li jaffettwaw il-pożizzjoni tagħha f’każ ta’ tkeċċija kollettiva (jew fil-fatt barra minn dak il-kuntest). Ma jrid ikun hemm ebda possibbiltà plawżibbli li l-ħaddiema tqila tiġi ttrasferita mill-ġdid f’pożizzjoni oħra xierqa. Jekk, pereżempju, il-pożizzjonijiet segretarjali kollha ħlief waħda kellhom jitneħħew f’impriża u dik il-pożizzjoni waħda tkun mimlija, il-persuna li timpjega tista’ raġonevolment tkun mistennija li tittrasferixxi mill-ġdid lill-ħaddiema tqila bħala assistenta amministrattiva, iżda mhux bħala xufiera jew welder. Jew settur komplut tal-attivitajiet ta’ dik l-impriża jista’ jkun waqaf, bir-riżultat li s-sett ta’ ħiliet tagħha ma jkunux għadhom meħtieġa ( 65 ).

73.

Għaldaqstant nikkonkludi li l-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ħaddiema tqila tkun tista’ tiġi ttrasferita mill-ġdid b’mod plawżibbli għal pożizzjoni tax-xogħol xierqa oħra fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, id-deroga mill-projbizzjoni tat-tkeċċija li tinsab f’dik id-dispożizzjoni ma tapplikax. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan ikunx il-każ.

It-tielet, ir-raba’ u l-ħames domandi

74.

Id-domandi 3, 4 u 5 kif imfassla mill-qorti tar-rinviju jidhru li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk diversi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

75.

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni ( 66 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bil-gwida kollha dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meħtieġa sabiex dik il-qorti tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dawk ir-regoli tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni ( 67 ). Għal dak il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha ( 68 ). Għalhekk, se nagħmel dan.

It-tielet domanda

76.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità jobbligax lill-Istati Membri jipprovdu lill-ħaddiema nisa tqal kemm protezzjoni kontra tkeċċija illegali nnifisha (protezzjoni preventiva) kif ukoll protezzjoni kontra l-konsegwenzi ta’ tkeċċija illegali (protezzjoni reparattiva).

77.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Spanjola tagħti biss protezzjoni reparattiva lill-ħaddiema nisa tqal. Madankollu hija tqis li l-punt 1 tal-Artikolu 10 jikkonċerna protezzjoni preventiva filwaqt li l-punt 3 tal-Artikolu 10 ikopri protezzjoni reparattiva.

78.

Bankia, Spanja u l-Kummissjoni jsostnu li l-leġiżlazzjoni Spanjola hija konformi mad-Direttiva dwar il-Maternità.

79.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat li “fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tad-[Direttiva dwar il-Maternità], l-Istati Membri ma jistgħux jibdlu l-portata tal-kunċett ta’ ‘tkeċċija’ u b’hekk jiċħdu l-effetti mixtieqa ta’ protezzjoni li huma mogħtija minn din id-dispożizzjoni u li jikkompromettu l-effett utli tagħha” ( 69 ). Minn dan isegwi li l-Istati Membri jridu jittrasponu kif xieraq il-protezzjoni kontra t-tkeċċija stipulata mid-Direttiva dwar il-Maternità fid-dritt nazzjonali.

80.

Ir-rekwiżiti tal-punt 1 tal-Artikolu 10 kif ukoll tal-punt 3 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità huma ssodisfatti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li toffri protezzjoni kontra l-konsegwenzi ta’ tkeċċija illegali (protezzjoni reparattiva) iżda ma tipprovdix dispożizzjoni speċifika separata għal protezzjoni kontra t-tkeċċija illegali nnifisha (protezzjoni preventiva)?

81.

Fil-fehma tiegħi, kemm l-iskop kif ukoll il-formulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Maternità jindikaw li r-risposta hija “le”.

82.

L-għan ta’ dik id-direttiva huwa li tipproteġi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema nisa tqal. It-tkeċċija mill-impjieg jista’ jkollha effetti li jagħmlu ħsara għall-istat fiżiku u mentali tagħhom ( 70 ). Jirriżulta ċar ukoll mill-formulazzjoni tal-ħmistax-il premessa, mit-titolu tal-Artikolu 10 (“Il-Projbizzjoni ta’ Tkeċċija”) u l-formulazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 10, li b’mod inekwivoku jeħtieġ li l-Istati Membri “jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema [nisa tqal]”, li l-għan primarju tal-leġiżlatur tal-Unjoni fl-abbozzar ta’ dak l-artikolu kien li jipproteġi lill-ħaddiema nisa tqal milli jitkeċċew. Jekk, minkejja dik il-projbizzjoni, tinqala’ sitwazzjoni fejn ħaddiema tqila fil-fatt tkun tkeċċiet (illegalment), il-punt 3 tal-Artikolu 10 imbagħad jeħtieġ li l-Istat Membru jiżgura li l-ħaddiema tkun “[protetta] minn konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija llegali skond [il-punt 1 tal-Artikolu 10]”.

83.

Huwa veru li l-premessa titkellem (pjuttost b’mod kurjuż) sempliċement dwar ir-“riskju ta’ tkeċċija għal raġunijiet assoċjati mal-kundizzjoni tagħhom” li jkollhom effetti avversi bħal dawn. Madankollu, huwa r-riskju ta’ tkeċċija stess li jista’ jipproduċi dawn ir-riżultati. It-tkeċċija, l-interruzzjoni tal-karriera u l-qgħad iqiegħdu lill-ħaddiema tqila f’sitwazzjoni ta’ diżappunt, stress u nuqqas ta’ sigurtà. Dawn b’mod plawżibbli jista’ jkollhom effetti li jagħmlu ħsara għall-istat fiżiku u mentali tagħha, inkluż dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet bħala “riskju partikolarment serju” li jista’ jwassalha tinterrompi volontarjament it-tqala tagħha ( 71 ).

84.

Ir-rimedji possibbli ex post miksuba wara perijodu ta’ litigazzjoni, bħal ordni sabiex ħaddiema tqila terġa’ tiddaħħal fil-pożizzjoni tagħha, il-ħlas ta’ arretrati ta’ salarju dovut u/jew għoti ta’ kumpens, ċertament se jgħinu sabiex itaffu l-konsegwenzi ta’ tkeċċija illegali. Huwa intrinsikament improbabbli, madankollu, li dawn se jneħħu għalkollox l-effetti mentali u fiżiċi avversi kkawżati mill-att illegali inizjali.

85.

Hawnhekk, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat b’mod wiesa’ l-projbizzjoni attwali tat-tkeċċija. Għalhekk, fil-kawża Paquay, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[f]ir-rigward ta’ l-għanijiet imfittxija mid-[Direttiva dwar il-Maternità] u, b’mod aktar partikolari, ta’ dawk imfittxija mill-Artikolu 10 tagħha, jinħtieġ li jingħad li l-projbizzjoni tat-tkeċċija tal-mara tqila, li welldet reċentement u li qed tredda’ fil-perijodu ta’ protezzjoni mhijiex limitata għan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni tat-tkeċċija. Il-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni lil dawk il-ħaddiema teskludi kemm it-teħid ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija kif ukoll l-adozzjoni ta’ preparattivi ta’ tkeċċija bħat-tfixxija u l-previżjoni ta’ sostitut definittiv ta’ l-impjegat ikkonċernat minħabba t-tqala u/jew it-twelid ta’ tarbija” ( 72 ). Huwa ċar minn dik is-sentenza li għandu jkun hemm projbizzjoni wiesgħa fuq it-tkeċċija stess sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-punt 1 tal-Artikolu 10.

86.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 10 fih żewġ rekwiżiti separati, wieħed preventiv [il-punt 1 tal-Artikolu 10] u l-ieħor restorattiv [il-punt 3 tal-Artikolu 10]. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jindirizzaw biss l-element restorattiv, minkejja li jagħmlu dan b’mod effettiv, ma jistgħux jinjoraw l-obbligu li jkollhom fis-seħħ, bħala l-ewwel linja ta’ protezzjoni, projbizzjoni fuq it-tkeċċija ta’ ħaddiema nisa tqal ħlief fil-“każijiet eċċezzjonali” koperti mid-deroga fil-punt 1 tal-Artikolu 10.

87.

Jiena nżid biss li l-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli tidher li tipprovdi li tkeċċija illegali hija “nulla ipso jure” ( 73 ). Il-konsegwenzi preċiżi li se jsegwu huma kwistjoni għad-dritt nazzjonali u għall-qorti nazzjonali. Jidher, madankollu, mid-deskrizzjoni tal-qorti tar-rinviju dwar kif jaħdem id-dritt nazzjonali u l-mod li bih ifformulat it-tielet domanda tagħha li dak ir-rimedju jipprovdi protezzjoni reparattiva iktar milli protezzjoni preventiva. Jekk dan huwa korrett, għalkemm jista’ jissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 3 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità, ma jidhirx li jindirizza r-rekwiżiti tal-punt 1 tal-Artikolu 10.

88.

Għaldaqstant nikkonkludi li l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-ħaddiema nisa tqal kemm protezzjoni kontra t-tkeċċija stess [sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-punt 1 tal-Artikolu 10] kif ukoll protezzjoni kontra l-konsegwenzi ta’ tkeċċija pprojbita mill-punt 1 tal-Artikolu 10 li madankollu tkun seħħet [sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-punt 3 tal-Artikolu 10].

Ir-raba’ domanda

89.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità jeħtieġx li l-Istati Membri jilleġiżlaw sabiex jiżguraw li l-ħaddiema nisa tqal igawdu minn prijorità għaż-żamma fl-impriża fejn ikunu impjegati f’każ ta’ tkeċċija kollettiva.

90.

Bankia, Spanja u l-Kummissjoni jirrispondu fin-negattiv.

91.

Din id-domanda tikkonċerna l-possibbiltà ta’ “żamma fl-impriża”, filwaqt li t-tieni domanda magħmula staqsiet dwar “trasferiment mill-ġdid għal pożizzjoni tax-xogħol oħra”. Iż-żewġ kunċetti ma humiex sinonimi. Jekk il-pożizzjoni li l-ħaddiema tqila bħalissa qiegħda tokkupa tisparixxi, hija tista’ tiġi ttrasferita mill-ġdid lejn pożizzjoni oħra biss jekk dik il-pożizzjoni tkun vojta (jew jekk tista’ tinħoloq pożizzjoni vojta permezz tat-trasferiment ta’ ħaddiem ieħor għal pożizzjoni oħra u mbagħad tiġi ttrasferita hi fil-pożizzjoni l-vojta). “Żamma fl-impriża” tfisser li, jiġri x’jiġri, dik il-ħaddiema tqila se tibqa’ fl-impjieg. Jista’ jkun possibbli li dak ir-riżultat jinkiseb billi tiġi ttrasferita mill-ġdid f’pożizzjoni oħra vakanti; iżda jista’ jfisser ukoll li tiġi ttrasferita mill-ġdid lejn pożizzjoni oħra u l-ħaddiem li jkollu dik il-pożizzjoni jitkeċċa minflokha; jew inkella li tinżamm fl-istess pożizzjoni, filwaqt li titneħħa pożizzjoni oħra u b’hekk il-ħaddiem li jokkupa dik il-pożizzjoni jitkeċċa minflokha. Obbligu ta’ “żamma fl-impriża” għalhekk jagħti protezzjoni ikbar lill-ħaddiema tqila milli obbligu fuq il-persuna li timpjega sabiex sempliċement tipprova twettaq “trasferiment mill-ġdid għal pożizzjoni oħra”. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva dwar il-Maternità teħtieġx li l-Istati Membri jilleġiżlaw sabiex jagħtu “prijorità” lill-ħaddiema tqila fuq kategoriji oħrajn ta’ ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva. Hija ma tistaqsix jekk hemmx obbligu assolut ta’ żamma; u jien ngħid minnufih li, minħabba l-preżenza tad-deroga għal “każijiet eċċezzjonali” fil-punt 1 tal-Artikolu 10, huwa ċar li d-Direttiva dwar il-Maternità ma timponix obbligu assolut bħal dan.

92.

Bħala punt tat-tluq sabiex nirrispondi din id-domanda se nuża l-għan protettiv tad-Direttiva dwar il-Maternità, il-projbizzjoni tat-tkeċċija fil-punt 1 tal-Artikolu 10 tagħha u d-deroga limitata li fiha li tippermetti li jitkeċċew ħaddiema nisa tqal biss f’“każijiet eċċezzjonali”. Jekk wieħed jassumi li dawk l-elementi ġew trasposti b’mod korrett fid-dritt nazzjonali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta normalment għandha tiżgura li ħaddiema tqila fil-fatt tinżamm f’impjieg f’każ ta’ tkeċċija kollettiva.

93.

F’dak ir-rigward, meta l-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali tagħmel dispożizzjoni ċara – fl-arranġamenti li jirregolaw it-tkeċċijiet kollettivi – sabiex tingħata prijorità għaż-żamma fl-impriża lil gruppi oħra identifikati ta’ ħaddiema (bħal ħaddiema b’responsabbiltajiet tal-familja jew b’diżabbiltà), jista’ jkun hemm riskju fejn jirriżulta li kemm il-persuna li timpjega kif ukoll ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jinjoraw involontarjament ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali “ordinarja” li tipproteġi lill-ħaddiema nisa tqal mit-tkeċċija ħlief f’każijiet eċċezzjonali. Jekk jagħmlu dan u jekk ħaddiema tqila titkeċċa bħala riżultat biss tal-applikazzjoni tal-kriterji ġenerali miftiehma għall-ħaddiema kollha tal-impriża fejn għandha sseħħ it-tkeċċija kollettiva, it-tkeċċija ta’ dik il-ħaddiema se tkun illegali.

94.

B’kunsiderazzjoni ta’ dan, ma hemm ebda rekwiżit separat fid-Direttiva dwar il-Maternità li joffri bażi għal obbligu min-naħa ta’ Stat Membru sabiex jadotta leġiżlazzjoni speċifika separata li tagħti lill-ħaddiema nisa tqal “prijorità għal żamma fl-impriża” fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva. Lanqas (mingħajr sorpriża) ma jinsab tali obbligu fid-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi.

95.

Hawnhekk, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tittratta domanda simili fil-kawża Jiménez Melgar, li kienet tikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt għal żmien determinat ta’ ħaddiema tqila ( 74 ). F’dak il-każ, waħda mill-kwistjonijiet involuti kienet jekk “fl-għoti ta’ derogi mill-projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema nisa tqal […] f’każijiet ‘mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali’, il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-[Direttiva dwar il-Maternità] jeħtieġx li l-Istati Membri jispeċifikaw ir-raġunijiet għat-tkeċċija ta’ dawn il-ħaddiema”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt 1 tal-Artikolu 10 ma kienx jeħtieġ lill-Istati Membri jispeċifikaw ir-raġunijiet partikolari li għalihom dawn il-ħaddiema jistgħu jitkeċċew; imma peress li d-Direttiva dwar il-Maternità stabbilixxiet id-dispożizzjonijiet minimi, bl-ebda mod ma żammet lill-Istati Membri milli jipprovdu protezzjoni ogħla għal dawk il-ħaddiema b’dan il-mod jekk xtaqu jagħmlu dan ( 75 ).

96.

Bl-applikazzjoni tal-istess raġunament hawnhekk, nikkonkludi li l-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità ma jeħtieġx li l-Istati Membri jipprovdu dispożizzjoni speċifika sabiex il-ħaddiema nisa tqal jingħataw prijorità għaż-żamma f’impriża fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva. L-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprovdu dan permezz ta’ protezzjoni addizzjonali jew fl-interessi taċ-ċertezza legali jekk jixtiequ hekk.

Il-ħames domanda

97.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ittra ta’ tkeċċija bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn ħaddiema tqila titkeċċa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tkeċċija kollettiva, tissodisfax il-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità minkejja li ma tagħmel ebda riferiment għall-eżistenza ta’ raġunijiet eċċezzjonali għat-tkeċċija tagħha minbarra dawk li hija bbażata fuqhom it-tkeċċija kollettiva.

98.

Spanja u l-Kummissjoni rrispondew fl-affermattiv. Waqt is-seduta, Bankia sostniet li huwa biżżejjed li l-ħaddiema tiġi informata dwar ir-raġunijiet għat-tkeċċija tagħha bil-miktub.

99.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi jipprovdi li t-tkeċċijiet kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti ma jidħlux fis-seħħ qabel 30 ġurnata wara n-notifika tagħhom lil dik l-awtorità, u dan bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward tal-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.

100.

Il-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità jintroduċi preċiżament dan id-dritt individwali għall-ħaddiema nisa tqal. Sabiex ikun validu, avviż tat-tkeċċija mix-xogħol lil ħaddiema bħal dawn irid (i) ikun bil-miktub u (ii) jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija. Il-ħames domanda preliminari tikkonċerna t-tieni element.

101.

Fil-fehma tiegħi, l-espressjoni “motivi ġġustifikati” tfisser li, l-ewwel nett, l-avviż tat-tkeċċija jrid jagħti r-raġunijiet għat-tkeċċija u, it-tieni nett, dawk ir-raġunijiet iridu jkunu skont ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Maternità.

102.

Ir-rekwiżiti rilevanti tad-Direttiva dwar il-Maternità jinsabu fid-deroga mill-projbizzjoni tat-tkeċċija fil-punt 1 tal-Artikolu 10. L-avviż tat-tkeċċija għalhekk irid jipprovdi l-fatti u r-raġunament li tuża l-persuna li timpjega sabiex il-ħaddiema tqila li beħsiebha tkeċċi tkun taqa’ taħt “każijiet eċċezzjonali mhux konnessi [mat-tqala]” li jippermettu t-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila.

103.

Fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, avviż tat-tkeċċija li huwa limitat għall-għoti ta’ raġunijiet ġenerali għat-tkeċċijiet u l-kriterji tal-għażla iżda ma jispjegax għalfejn it-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila hija permessa minħabba li ċ-ċirkustanzi speċifiċi tat-tkeċċija kollettiva inkwistjoni tagħmlu “każ eċċezzjonali” ma huwiex se jgħaddi minn dak it-test.

104.

X’jiġri jekk il-persuna li timpjega tiskopri li l-ħaddiema inkwistjoni hija ħaddiema tqila biss wara li tkun innotifikatha li se titkeċċa? Fl-opinjoni tiegħi, ladarba ssir taf b’dak il-fatt, il-persuna li timpjega mbagħad għandha teżamina mill-ġdid it-tkeċċija fid-dawl tal-projbizzjoni fil-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità, kif trasposta fid-dritt nazzjonali. Huwa biss jekk tikkonkludi li t-tkeċċija kollettiva inkwistjoni taqa’ fil-kategorija ta’ “każijiet eċċezzjonali” fil-punt 1 tal-Artikolu 10 li l-persuna li timpjega tista’ żżomm id-deċiżjoni tat-tkeċċija. F’dawk iċ-ċirkustanzi, hija se tkun meħtieġa li tibgħat avviż ġdid ta’ tkeċċija li josserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità.

105.

Għaldaqstant nikkonkludi li, sabiex avviż tat-tkeċċija jissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità, irid ikun kemm bil-miktub kif ukoll jipprovdi motivi ġġustifikati dwar il-każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mat-tqala li jippermettu t-tkeċċija. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan ikunx il-każ.

Konklużjoni

106.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja) kif ġej:

Il-kundizzjonijiet li fihom il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, jippermetti li ħaddiema tqila titkeċċa ma humiex eżattament ekwivalenti għall-espressjoni “raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati” fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi. Sitwazzjoni partikolari li twassal għal tkeċċija kollettiva tista’, fejn iċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw dan, tiġi kklassifikata bħala “każ eċċezzjonali” fis-sens tal-ewwel dispożizzjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi.

Il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ħaddiema tqila tkun tista’ tiġi ttrasferita mill-ġdid b’mod plawżibbli għal pożizzjoni tax-xogħol xierqa oħra fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, id-deroga mill-projbizzjoni tat-tkeċċija li tinsab f’dik id-dispożizzjoni ma tapplikax. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan ikunx il-każ.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-ħaddiema nisa tqal kemm protezzjoni kontra t-tkeċċija stess [sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-punt 1 tal-Artikolu 10] kif ukoll protezzjoni kontra l-konsegwenzi ta’ tkeċċija pprojbita mill-punt 1 tal-Artikolu 10 li madankollu tkun seħħet [sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-punt 3 tal-Artikolu 10].

Il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 ma jeħtieġx li l-Istati Membri jipprovdu dispożizzjoni speċifika sabiex il-ħaddiema nisa tqal jingħataw prijorità għaż-żamma f’impriża fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva. L-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprovdu dan permezz ta’ protezzjoni addizzjonali jew fl-interessi taċ-ċertezza legali jekk jixtiequ hekk.

Sabiex avviż tat-tkeċċija jissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, irid ikun kemm bil-miktub kif ukoll jipprovdi motivi ġġustifikati dwar il-każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mat-tqala li jippermettu t-tkeċċija. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan ikunx il-każ.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327) (id-“Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi”).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu [l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110), (id-“Direttiva dwar il-Maternità”). Fiż-żmien applikabbli, kienet tapplika l-verżjoni ta’ dik id-direttiva kif emendata bid-Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewoprew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ġunju 2007 (ĠU 2007 L 165, p. 21).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349). Dik id-direttiva stabbilixxiet il-qafas ġenerali għal leġiżlazzjoni li tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Direttivi individwali oħrajn ikopru suġġetti bħar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, l-użu ta’ tagħmir tax-xogħol, l-użu ta’ tagħmir personali ta’ protezzjoni, l-immaniġġjar manwali ta’ tagħbijiet jew rekwiżiti minimi ta’ saħħa u sigurtà rigward l-espożizzjoni tal-ħaddiema għal karċinoġeni jew mutaġeni, asbestos, radjazzjoni jonizzanti, storbju jew vibrazzjoni. Grupp protett ieħor huwa dak tal-ħaddiema żgħażagħ (Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE, tat-22 ta’ Ġunju 1994, dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 213).

( 5 ) Ara l-ewwel, is-seba’ u t-tmien premessi tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar il-Maternità.

( 6 ) Id-disa’ premessa.

( 7 ) Il-ħmistax‑il premessa.

( 8 ) Artikolu 3(1). Kif meħtieġ skont dak l-artikolu, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-Linji gwida dwar l-istima tal-aġenti kimiċi, fiżiċi u bijoloġiċi u l-proċessi industrijali kkunsidrati bħala perikolużi għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema nisa tqal u l-ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu (COM(2000) 466 final/2).

( 9 ) Artikolu 4.

( 10 ) Artikolu 5.

( 11 ) Premessa 2.

( 12 ) Premessi 3, 4 u 6.

( 13 ) Hemm qbil li Porras Guisado taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi, peress li ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1(2).

( 14 ) Artikolu 2(1) u (3).

( 15 ) Artikolu 3(1).

( 16 ) Artikolu 3(2).

( 17 ) Artikolu 4(1).

( 18 ) Artikolu 4(4).

( 19 ) Il-qorti tar-rinviju, fid-domandi preliminari tagħha (ara l-punt 21 iktar ’il quddiem) tiddikjara li l-effett li t-tkeċċija tiġi ddikjarata nulla ipso jure huwa deskritt fil-liġi Spanjola bħala “tutela reparativa” (“protezzjoni reparattiva”), li hija differenti minn “tutela preventiva” (“protezzjoni preventiva”). Dik il-qorti tqabbel il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità ma’ “tutela preventiva” u l-punt 3 tal-Artikolu 10 tagħha ma’ “tutela reparativa”.

( 20 ) Ara wkoll il-punt 27 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.

( 21 ) Għalkemm il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li, bħala kwistjoni ta’ dritt nazzjonali, “dawk b’responsabbiltajiet tal-familja” jistgħu jiġu interpretati bħala li jinkludu ħaddiema nisa tqal, il-ftehim tal-kumitat ta’ negozjar deskritt fil-punt 16 iktar ’l isfel u applikat f’dan il-każ ma tax status ta’ prijorità lil dawn tal-aħħar.

( 22 ) Il-ftehim tal-kumitat ta’ negozjar kien stabbilixxa dik bħala d-data li fiha kellhom jidħlu fis-seħħ it-tkeċċijiet kollettivi.

( 23 ) Sentenza tal-14 ta’ Jannar 1982, Reina,65/81, EU:C:1982:6, punt 7. Ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Promociones y Construcciones BJ 200, C‑125/12, EU:C:2013:392, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mad-deċiżjoni minn qorti ta’ Stat Membru li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari sakemm ma tkunx ġiet imħassra permezz ta’ proċeduri tal-appell previsti mil-liġi nazzjonali: ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Burtscher, C‑213/04, EU:C:2005:731, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 24 ) Jekk, kif issostni Bankia, ma kinitx taf dwar il-kundizzjoni ta’ Porras Guisado fil-ħin applikabbli (u għalhekk ma jistax ikun li keċċietha għax kienet tqila), jidher li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2006 L 204, p. 23) u l-leġiżlazzjoni nazzjonali deskritta fil-punt 13 iktar ’il fuq fil-fatt ma jkollhom ebda effett fuq il-kawża quddiem il-qorti nazzjonali.

( 25 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 34.

( 26 ) Wieħed jista’ jaħseb li definizzjoni li tibda “ħaddiema tqila għandha tfisser ħaddiema tqila” hija kemxejn tawtoloġika. Spjegazzjoni iktar benevolenti hija li l-leġiżlatur kien qed jiffoka fuq ir-rekwiżit li hija għandha tinforma lill-persuna li timpjegaha dwar il-kundizzjoni tagħha “skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali”.

( 27 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 53.

( 28 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 55.

( 29 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 53.

( 30 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 60. Ara wkoll is-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay, C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 30, tat-8 ta’ Settembru 2005, McKenna, C‑191/03, EU:C:2005:513, punt 48, tal-4 ta’ Ottubru 2001, Tele Danmark, C‑109/00, EU:C:2001:513, punt 26, tat-30 ta’ Ġunju 1998, Brown, C‑394/96, EU:C:1998:331, punt 18, u tal-14 ta’ Lulju 1994, Webb, C‑32/93, EU:C:1994:300, punt 21.

( 31 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 61. Ara wkoll is-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay, C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 31, tal-4 ta’ Ottubru 2001, Tele Danmark, C‑109/00, EU:C:2001:513, punt 27, tat-30 ta’ Ġunju 1998, Brown, C‑394/96, EU:C:1998:331, punt 18 u tal-14 ta’ Lulju 1994, Webb, C‑32/93, EU:C:1994:300, punt 22.

( 32 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Webb, C‑32/93, EU:C:1994:300, punt 4, u tal-4 ta’ Ottubru 2001, Tele Danmark, C‑109/00, EU:C:2001:513, punt 12.

( 33 ) Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187).

( 34 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Tele Danmark, C‑109/00, EU:C:2001:513, punt 34.

( 35 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punti 31 sa 37.

( 36 ) Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C‑63/08, EU:C:2009:666.

( 37 ) Sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C‑63/08, EU:C:2009:666, punti 2122.

( 38 ) Fil-kawża Pontin (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, C‑63/08, EU:C:2009:666), l-impjegata informat lill-persuna li timpjegaha dwar il-kundizzjoni tagħha l-għada li rċeviet l-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

( 39 ) Fil-każ li hija tkun assenti fuq leave tal-maternità meta titkeċċa, insibha diffiċli kif il-persuna li timpjegaha tista’ targumenta b’mod kredibbli li ma kinitx taf bil-kundizzjoni tagħha.

( 40 ) Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.

( 41 ) Programm ta’ azzjoni soċjali, COM(73) 1600, 24 ta’ Ottubru 1973. Ara b’mod partikolari p. 15, 19, 20 u 23.

( 42 ) Riżoluzzjoni tal-Kunsill, tal-21 ta’ Jannar 1974, dwar programm ta’ azzjoni soċjali (ĠU 1974 C 13, p. 1).

( 43 ) Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE, tas-17 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar tkeċċijiet kollettivi (ĠU 1975 L 48, p. 29).

( 44 ) Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, tal-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 179).

( 45 ) Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187). Kemm id-Direttiva 75/117 u d-Direttiva 76/207 ġew imħassra mid-Direttiva 2006/54. Għal ħarsa ġenerali lejn il-ġurisprudenza rilevanti f’dak il-punt, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’Boyle et, C‑411/96, EU:C:1998:74, punt 26.

( 46 ) Il-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet fundamentali soċjali tal-ħaddiema, adottata fil-Kunsill Ewropew ta’ Strasbourg, fid-9 ta’ Diċembru 1989, mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern ta’ 11-il Stat Membru. Ara l-ħames premessa tad-Direttiva dwar il-Maternità u l-premessa 6 tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi.

( 47 ) Ara l-paragrafi 16, 17 u 18 tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet fundamentali soċjali tal-ħaddiema.

( 48 ) Ara t-tmien premessa u l-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Maternità.

( 49 ) Ara l-premessa 2 tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi.

( 50 ) Ara l-Artikolu 1 u l-ewwel, is-seba’, it-tmien u d-disa’ premessi tad-Direttiva dwar il-Maternità.

( 51 ) Ara l-ħmistax-il premessa tad-Direttiva dwar il-Maternità, il-punt 38 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 52 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Jiménez Melgar, C-438/99, EU:C:2001:316, punt 38.

( 53 ) Sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2016, Baštová, C‑432/15, EU:C:2016:855, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-185/10, EU:C:2012:181, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 54 ) Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, din il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta jippermetti derogi mill-projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema nisa tqal, ħaddiema nisa li welldu reċentement jew ħaddiema nisa li qed ireddgħu f’każijiet “mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali”, il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Maternità ma jeħtieġx li l-Istati Membri jispeċifikaw ir-raġunijiet partikolari li fuqhom dawn il-ħaddiema jistgħu jitkeċċew. Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Jiménez Melgar, C-438/99, EU:C:2001:509, punt 38.

( 55 ) Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Baštová, C‑432/15, EU:C:2016:855, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 56 ) Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 57 ) Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑55/02, EU:C:2004:605, punt 50. Hawnhekk nenfasizza l-użu tal-espressjoni “kull terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol mhux mixtieqa mill-ħaddiem” (enfasi miżjuda minni). Kif fhimtha jien, il-Qorti tal-Ġustizzja użat dik il-frażi sabiex tagħti tifsira wiesgħa lill-kunċett ta’ “redundancy [tkeċċija]”, u għalhekk issaħħaħ il-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi.

( 58 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, Rodríguez Mayor et, C‑323/08, EU:C:2009:770, punt 34.

( 59 ) Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-tkeċċijiet (sottomessa mill-Kummissjoni lill-Kunsill), COM(72) 1400.

( 60 ) Ara t-tieni premessa tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-tkeċċijiet (sottomessa mill-Kummissjoni lill-Kunsill), COM(72) 1400.

( 61 ) Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi.

( 62 ) Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar Tkeċċijiet Kollettivi.

( 63 ) Hawnhekk, differenti mis-soltu, ma naqbilx mal-fehma espressa obiter mill-kollega tiegħi li huwa mejjet u li nirrispetta ħafna l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Tele Danmark, C‑109/00, EU:C:2001:267 (kawża li ma kinitx tinvolvi tkeċċija kollettiva). L-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer issuġġerixxa (fil-punt 44) li “tkeċċija kollettiva għal raġunijiet finanzjarji, tekniċi, organizzazzjonali jew ta’ produzzjoni li jaffettwaw impriża” tissodisfa r-rekwiżit ta’ “każijiet eċċezzjonali mhux konnessi [mat-tqala]”.

( 64 ) Ara l-punti 58 u 64 sa 68 iktar ’il fuq.

( 65 ) Ara l-punt 69 iktar ’il fuq.

( 66 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Lahorgue, C‑99/16, EU:C:2017:391, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 67 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, Rodríguez Mayor et, C-323/08, EU:C:2009:770, punt 30.

( 68 ) Sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C-429/15, EU:C:2016:789, punt 36.

( 69 ) Sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay, C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 32.

( 70 ) Artikolu 1 u l-ħmistax-il premessa tad-Direttiva dwar il-Maternità.

( 71 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata. Il-Qorti tal-Ġustizzja hemm tagħmilha ċara ħafna li dawn il-konsegwenzi jistgħu jirriżultaw mir-riskju tat-tkeċċija stess.

( 72 ) Sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 33.

( 73 ) Ara l-punt 12 iktar ’il fuq.

( 74 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Jiménez Melgar, C‑438/99, EU:C:2001:509. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja (fil-punt 47) pprovdiet li “filwaqt li l-projbizzjoni ta’ tkeċċija stabbilita fl-Artikolu 10 tad-[Direttiva dwar il-Maternità] tapplika kemm għall-kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat kif ukoll għall-kuntratti għal żmien determinat, in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ tali kuntratt, meta jintemm kif stipulat, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tkeċċija pprojbita minn dik id-dispożizzjoni. Madankollu, meta n-nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat ikun iġġustifikat mill-istat ta’ tqala tal-ħaddiema, dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, kontra l-Artikolu 2(1) u 3(1) tad-Direttiva 76/207”.

( 75 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Jiménez Melgar, C‑438/99, EU:C:2001:509, punti 3738.

Top