EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0232

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-11 ta' Novembru 2010.
Dita Danosa vs LKB Līzings SIA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Augstākās Tiesas Senāts - il-Latvja.
Politika soċjali - Direttiva 92/85/KEE - Miżuri intiżi sabiex itejbu s-sigurtà u s-saħħa fuq ix-xogħol ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu - Artikoli 2(a) u 10 - Kunċett ta’ ‘ħaddiema tqila’ - Projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema tqila matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala tagħha sat tmiem tal-leave tal-maternità tagħha - Direttiva 76/207/KEE - Trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa - Membru ta’ bord ta’ diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza t-tkeċċija ta’ tali membru mingħajr ebda restrizzjoni.
Kawża C-232/09.

European Court Reports 2010 I-11405

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:674

Kawża C-232/09

Dita Danosa

vs

LKB Līzings SIA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās Tiesas Senāts)

“Politika soċjali — Direttiva 92/85/KEE — Miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax‑xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu — Artikoli 2(a) u 10 — Kunċett ta’ ‘ħaddiema tqila’ — Projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema tqila matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala tagħha sat-tmiem tal-leave tal-maternità tagħha — Direttiva 76/207/KEE — Trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa — Membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza t-tkeċċija ta’ tali membru mingħajr ebda restrizzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu fuq il-post tax-xogħol — Direttiva 92/85 — Kunċett ta’ “ħaddiem”

(Direttiva tal-Kunsill 92/85)

2.        Politika soċjali — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol — Trattament ugwali — Direttiva 76/207 — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Direttivi 92/85 u 86/613 — Tneħħija ta’ membru tal-bord tad-diretturi minħabba tqala — Inammissibbiltà

(Direttivi tal-Kunsill 76/207, Artikoli 2(1) u (7) u 3(1)(ċ), 92/85, Artikolu 10, u 86/613)

1.        Membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, li jagħti servizzi lil din tal-aħħar u li jifforma parti integrali minnha, għandu jiġi kkunsidrat bħala ħaddiem għall-finijiet tad-Direttiva 92/85, dwar l‑introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax‑xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, jekk il-funzjonijiet tiegħu huma mwettqa, matul ċertu perijodu, taħt id-direzzjoni jew il-kontroll ta’ organu ieħor ta’ din il-kumpannija u jekk, inkambju għal dawn il‑funzjonijiet, huwa jirċievi rimunerazzjoni. Hija l-qorti tar‑rinviju li għandha tivverifika l‑fatti meħtieġa sabiex tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li minnha hija adita.

F’dan ir-rigward, in-natura ġuridika sui generis tar-relazzjoni ta’ impjieg fid-dritt nazzjonali ma jista’ jkollha ebda effett fuq l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Sakemm persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra jew taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li inkambju għalihom tirċievi rimunerazzjoni, in-natura tar‑relazzjoni ġuridika li torbotha mal-parti l-oħra fir-relazzjoni tax‑xogħol ma hijiex rilevanti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 92/85. Barra minn hekk, il-kwalità ta’ membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju ma għandhiex, bħala tali, teskludi li l-persuna kkonċernata tkun sabet ruħha f’rabta ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ din il‑kumpannija. Fil-fatt għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li fihom il-membru tal-bord ġie ingaġġat, in-natura tal-funzjonijiet li ngħatawlu, il-kuntest li fihom dawn tal-aħħar huma eżerċitati, il-portata tas-setgħat tal-persuna kkonċernata u l-kontroll li huwa suġġett għalih fi ħdan il-kumpannija, kif ukoll iċ-ċirkustanzi li taħthom huwa jista’ jitneħħa.

(ara l-punti 39, 40, 47, 56 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tneħħija ta’ membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju mingħajr restrizzjoni meta l-persuna kkonċernata hija kklassifikata bħala “ħaddiema tqila” fis-sens ta’ din id-direttiva u d-deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront tagħha hija essenzjalment ibbażata fuq l-istat ta’ tqala tagħha. Anki jekk il-membru kkonċernat ta’ bord tad-diretturi ma huwiex hekk ikklassifikat, xorta jibqa’ l-fatt li t-tneħħija, minħabba tqala jew minħabba raġuni essenzjalment ibbażata fuq dan l-istat, ta’ membru ta’ bord tad-diretturi li teżerċita funzjonijiet bħala parti integrali minn din il-kumpannija u li tipprovdilha servizzi inkambju għal rimunerazzjoni tista’ tikkonċerna biss in-nisa, u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, kuntrarja għall-Artikoli 2(1) u (7) u 3(1)(ċ) tad-Direttiva 76/207, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2002/73.

Fil-fatt, l-għan segwit mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa tqal jew li jkunu welldu reċentement huwa li jipproteġihom qabel u wara li jwelldu. Dan il-għan, li jispira kemm lid-Direttiva 92/85 kif ukoll lid-Direttiva 76/207, ma jistax jintlaħaq jekk il-protezzjoni kontra t-tkeċċija mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lin-nisa tqal tiddependi mill-klassifikazzjoni formali tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom fid-dritt nazzjonali jew mill-għażla magħmula matul l-impjieg tagħhom ta’ xi tip ta’ kuntratt. Tkun liema tkun id-direttiva applikabbli, dak li huwa importanti hu li l-persuna kkonċernata tingħata l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lin-nisa tqal fil-każ fejn ir-relazzjoni ġuridika li kienet torbotha ma’ persuna oħra nkisret minħabba t-tqala tagħha.

(ara l-punti 68-70, 74 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Novembru 2010 (*)

“Politika soċjali − Direttiva 92/85/KEE − Miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu − Artikoli 2(a) u 10 − Kunċett ta’ ‘ħaddiema tqila’ − Projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema tqila matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala tagħha sat tmiem tal-leave tal‑maternità tagħha − Direttiva 76/207/KEE − Trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa − Membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju − Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza t-tkeċċija ta’ tali membru mingħajr ebda restrizzjoni”

Fil-Kawża C‑232/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Augstākās Tiesas Senāts (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2009, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fil‑25 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura

Dita Danosa

vs

LKB Līzings SIA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal D. Danosa, minn V. Liberte, zvērināta advokāte, u A. Rasa, zvērināta advokāta palīgs,

–        għal LKB Līzings SIA, minn L. Liepa, zvērināts advokāts, u minn S. Kravale u M. Zalāns,

–        għall-Gvern Latvjan, minn K. Drēviņa u Z. Rasnača, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Apessos, S. Trekli u S. Vodina, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn R. Somssich, M. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat‑2 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad‑Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l‑introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Danosa u LKB Līzings SIA (iktar ’il quddiem “LKB”) dwar id-deċiżjoni tal‑laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ din il-kumpannija b’responsabbiltà limitata li tneħħi lil D. Danosa mill-kariga tagħha ta’ membru tal-bord tad-diretturi tal-imsemmija kumpannija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea

 Id-Direttiva 76/207

3        L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall‑impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax‑xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 76/207”) jipprovdi li “[i]l-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni […] fuq bażi ta’ sess sew direttament kif ukoll indirettament b’referenza b’mod partikolari għall-istatus konjugali jew tal-familja”.

4        L-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 76/207 jipprovdi li din id-direttiva “għandha tkun mingħajr preġudizzju għad dispożizzjonijiet relatati mal‑protezzjoni tan-nisa, b’mod partikolari rigward tqala u maternità”. Barra minn hekk, jipprovdi li kull trattament inqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-leave ta’ maternità fis-sens tad‑Direttiva 92/85 jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tad‑Direttiva 76/207.

5        Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 76/207:

“L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi ta’ sess fis‑setturi pubbliċi jew privati, inklużi korpi pubbliċi, fir-rigward ta’:

[...]

ċ)       impjieg u kondizzjonijiet ta’ xogħol, inklużi s-sensji […]”

 Id-Direttiva 86/613/KEE

6        L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE, tal-11 ta’ Diċembru 1986, dwar l-applikazzjoni tal-principju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f’attività, inkluża l-agrikoltura, b’kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta’ nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qegħdin irabbu t-tfal (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 330) jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tassigura, skond id‑dispożizzjonijiet li ġejjin, applikazzjoni fl-Istati Membri tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn irġiel u nisa involuti f’attività li fiha jaħdmu għal rashom, jew li tikkontribwixxi biex tiġi prattikata din l-attività, fir‑rigward ta’ dawk l-aspetti mhux koperti bid-Direttivi [tal‑Kunsill] 76/207/KEE u 79/7/KEE [tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l‑implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal‑irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215)].”

7        Il-ħaddiem li jaħdem għal rasu huwa ddefinit fl-Artikolu 2(a) tad‑Direttiva 86/613 bħala kull persuna li tipprattika attività li trendi għall-kont proprju, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali.

8        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-finijiet tagħha jimplika n-nuqqas ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tas-sess, direttament jew indirettament, b’riferiment b’mod partikolari għall-istatus matrimonjali jew tal‑familja.

9        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat hekk:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu fuqhom li jeżaminaw jekk, u taħt liema kondizzjonijiet, ħaddiema femminili li jaħdmu għal rashom u n‑nisa ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom, waqt interruzzjonijiet fl‑attività tax-xogħol tagħhom minħabba t-tqala jew qegħdin irabbu t‑tfal,

–      jista’ jkollhom aċċess għal servizzi li jfornu sostituzzjonijiet temporanji jew servizzi soċjali nazzjonali eżistenti,

jew

–      ikunu intitolati għal benefiċċji fi flus taħt skema tas-sigurtà soċjali jew taħt kwalunkwe sistema pubblika oħra ta’ protezzjoni soċjali.”

 Id-Direttiva 92/85

10      Il-premessi disa’ u ħmistax tad-Direttiva 92/58 jipprovdu dan li ġej:

“Billi l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu m’għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa;

[…]

Billi r-riskju ta’ tkeċċija għal raġunijiet assoċjati mal-kundizzjoni tagħhom jista’ jkollu effetti li jagħmlu ħsara għall-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu; billi għandha ssir dispożizzjoni biex tiġi pprojbita din it‑tkeċċija”.

11      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 92/85 jiddefinixxi ħaddiema tqila bħala “ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali”.

12      L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jipprovdi dan li ġej:

“Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema [tqal, li welldu reċentament jew li qed ireddgħu] l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:

1)      l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema [tqal, li welldu reċentament jew li qed ireddgħu], matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;

2)      jekk ħaddiema [tqila, li welldet reċentement jew li qed tredda’] tiġi mkeċċa [titkeċċa] waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;

3)       l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema [tqal, li welldu reċentament jew li qed ireddgħu] minn konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija llegali skond il punt 1.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-Kodiċi tax-Xogħol

13      L-Artikolu 3 tal-Kodiċi tax-Xogħol (Darba likums, Latvijas Vēstnesis, 2001, Nru 105) jiddefinixxi ħaddiem bħala persuna fiżika li, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, u għal ħlas miftiehem, tagħmel ċertu xogħol taħt id-direzzjoni tal-persuna li timpjega.

14      L-Artikolu 4 tal-Kodiċi tax-Xogħol jiddefinixxi persuna li timpjega bħala persuna fiżika jew ġuridika, jew soċjetà ta’ persuni b’personalità ġuridika, li timpjega ta’ mill-inqas ħaddiem wieħed abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol.

15      L-Artikolu 44(3) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Għandu jsir kuntratt ta’ xogħol għall-membri ta’ korpi ta’ tmexxija ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, ħlief jekk ikunu impjegati abbażi ta’ kuntratt ieħor taħt il-liġi ċivili. Jekk il-membri tal-korpi ta’ tmexxija ta’ kumpannija jinħatru abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, dan għandu jkun għal perjodu indefinit.”

16      L-Artikolu 109 tal-Kodiċi tax-Xogħol, bit-titolu “Projbizzjonijiet u restrizzjonijiet imposti fuq il-persuna li timpjega fir-rigward ta’ terminazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Huwa pprojbit li l-persuna li timpjega xxolji l-kuntratt ta’ xogħol ta’ mara matul it-tqala tagħha kif ukoll matul is-sena ta’ wara l-ħlas u, f’każ li tkun tredda’, matul dak il-perijodu kollu, ħlief fil-każijiet previsti fl‑Artikolu 101(1) punti 1, 2, 3, 4, 5 u 10.”

 Il-Kodiċi tal-Kummerċ

17      L-Artikolu 221 tal-Kodiċi tal-Kummerċ (Komerclikums, Latvijas Vēstnesis, 2000, Nru 158/160) huwa fformulat hekk:

“1)      Il-bord tad-diretturi huwa l-organu eżekuttiv tal-kumpannija, li jmexxi lill-kumpannija u jirrappreżentaha.

[…]

5)      Il-bord tad-diretturi huwa obbligat jipprovdi informazzjoni lil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti dwar l-atti konklużi bejn il-kumpannija u azzjonist, membru tal-bord superviżorju u membru tal-bord tad diretturi.

6)      Il-bord tad-diretturi huwa obbligat li jipprovdi lill-bord superviżorju, ta’ mill-inqas darba kull trimestru, rapport dwar l-attività u dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija, u li jinforma lill-bord superviżorju mingħajr dewmien dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija jew ċirkustanzi oħrajn essenzjali dwar l‑attività kummerċjali tal-kumpannija.

[…]

8)      Il-membri tal-bord tad-diretturi għandhom dritt għal remunerazzjoni li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet tagħhom u għall-istat tal-finanzi tal-kumpannija. L-ammont tar-remunerazzjoni huwa ddeterminat b’deċiżjoni tal-bord superviżorju jew, jekk dan ma jkunx ikkostitwit, mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti.”

18      L-Artikolu 224 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, bit-titolu “Nomina u revoka tal-membri tal-bord tad-diretturi”, jipprovdi:

“1)      Il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tinnomina u tneħħi lill-membri tal-bord tad-diretturi. Hija għandha tibgħat lir-Reġistru tal kummerċ notifika dwar it-tneħħija tal-mandat tal-membri tal bord, il-modifika tad-drittijiet tagħhom ta’ rappreżentanza jew in-nomina ta’ membri ġodda. Ma’ dik in-notifika għandha tiġi mehmuża kopja tar-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti li tinkludi d-deċiżjoni inkwistjoni.

[…]

3)      Il-membri tal-bord tad-diretturi huma maħtura għal tliet snin, ħlief jekk l-istatut jipprovdi għal perijodu iqsar.

4.      Il-membri tal-bord tad-diretturi jistgħu jitneħħew b’deċiżjoni tal‑laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. Jekk il-kumpannija jkollha bord superviżorju, dan jista’ jissospendi lill-membri tal-bord tad-diretturi mill-funzjonijiet tagħhom sal-laqgħa tal-azzjonisti iżda biss għal terminu ta’ mhux iktar minn xahrejn.

[…]

6)      L-istatut jista’ jipprovdi li l-membri tal-bord tad-diretturi jistgħu jitneħħew biss għal raġuni serja. Raġuni serja tfisser ksur tal-mandat, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, impossibbiltà li titmexxa l-kumpannija, azzjoni kontra l-interessi tal-kumpannija, kif ukoll telf ta’ fiduċja.”

 Il-liġi dwar is-sigurtà soċjali

19      Il-liġi dwar is-sigurtà soċjali (Likums par valsts sociālo apdrošināšanu, Latvijas Vēstnesis, 1997, Nru 274/276), li tistabbilixxi l‑prinċipji essenzjali tas-sigurtà soċjali u li tirregola l-istrutturi finanzjarji u organizzativi tagħha, fl-Artikolu 1(c) tagħha, tirrikonoxxi bħala impjegati lill-membri ta’ bordijiet tad-diretturi ta’ kumpanniji kummerċjali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Latvijas Krājbanka AS, kumpannija b’kapital azzjonarju, permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, dwar l-istabbiliment tal-kumpannija LKB, ħatret lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala membru uniku tal‑bord tad-diretturi (“valde”) tal-imsemmija kumpannija.

21      B’deċiżjoni tal-11 ta’ Jannar 2007, il-bord superviżorju (“padome”) ta’ LKB iffissa r-remunerazzjoni tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ din il‑kumpannija, kif ukoll kundizzjonijiet oħrajn relatati, u inkarigat lill‑president tal-bord superviżorju biex jikkonkludi l-kuntratti meħtieġa sabiex tiġi eżegwita din id-deċiżjoni.

22      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ma ġiex konkluż kuntratt taħt id‑dritt ċivili dwar it-twettiq tal-funzjoni ta’ membru tal-bord tad‑diretturi. LKB tikkontesta din il-konstatazzjoni u ssostni li kien ġie konkluż kuntratt ta’ mandat ma’ D. Danosa. Din tal-aħħar kienet xtaqet tikkonkludi kuntratt ta’ xogħol iżda LKB ippreferiet tagħtiha l-pożizzjoni ta’ membru tal‑bord tad diretturi abbażi ta’ mandat.

23      Il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti (“dalībnieku sapulce”) ta’ LKB iddeċidiet, fit-23 ta’ Lulju 2007, li tneħħi lil D. Danosa mill-kariga tagħha ta’ membru tal-bord tad-diretturi. Hija ngħatat kopja ċċertifikata tal‑minuti ta’ din il-laqgħa fl-24 ta’ Lulju 2007.

24      Peress li ħasset li t-tneħħija tagħha mill‑kariga tagħha kienet illegali, fil‑31 ta’ Awwissu 2007, D. Danosa ppreżentat rikors quddiem ir-Rīgas pilsētas Centra rajona tiesa (qorti distrettwali taċ-ċentru tal-belt ta’ Riga) kontra LKB.

25      Quddiem din il-qorti, D. Danosa sostniet li, wara l-ħatra tagħha, hija wettqet korrettament l-obbligi professjonali tagħha, kif previsti fl-istatut tal‑kumpannija u fir-regolamenti tal-bord tad-diretturi. Hija sostniet ukoll li, peress li kienet irċeviet remunerazzjoni għal xogħlha u ħadet il-leave, kellha tiġi preżunta l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Hi żiedet li t-tneħħija tagħha saret bi ksur tal-Artikolu 109 tal-Kodiċi tax‑Xogħol, dwar il-projbizzjoni tat-tkeċċija ta’ ħaddiema tqal, peress li hija kienet fil-11-il ġimgħa tat-tqala tagħha fil-mument tat-tkeċċija. Skont D. Danosa, jeżisti kunflitt bejn l-Artikolu 224(4) tal‑Kodiċi tal‑Kummerċ, li jawtorizza lil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti biex tneħħi f’kull mument lill-membri tal-bord tad-diretturi, u l-Artikolu 109(1) tal‑Kodiċi tax-Xogħol, li jagħti ċerti garanziji soċjali lin-nisa tqal.

26      Peress li r-rikors ta’ D. Danosa ġie miċħud kemm mill-qorti tal‑ewwel istanza kif ukoll fl-appell, hija ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

27      Quddiem din il-qorti, D. Danosa sostniet li hija kellha titqies bħala ħaddiema fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, irrispettivament minn jekk titqisx hekk jew le taħt id-dritt Latvjan. Barra minn hekk, fid-dawl tal‑projbizzjoni ta’ tkeċċija li tinsab fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 u tal-interess eminenti li dik id-dispożizzjoni timmira li tipproteġi, fir‑relazzjonijiet ġuridiċi ta’ kull tip fejn il-karatteristiċi ta’ relazzjoni ġuridika ta’ xogħol jistgħu jiġu identifikati, l-Istat Latvjan għandu jiżgura, b’kull mezz, inklużi dawk ġudizzjarji, li l-ħaddiema tqal igawdu l‑garanziji ġuridiċi u soċjali previsti favur tagħhom.

28      Min-naħa l-oħra, LKB tikkunsidra li l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju ma jipprovdux servizzi taħt id‑direzzjoni ta’ persuna oħra u b’hekk ma jistgħux jitqiesu bħala ħaddiema fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Hija targumenta li huwa għal kollox iġġustifikat li jkun hemm livell ta’ protezzjoni differenti għall-ħaddiema u għall-membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, fid-dawl tar-relazzjoni ta’ fiduċja li jġib miegħu t‑twettiq tal-missjoni li ġew inkarigati minnha l-membri ta’ tali bord. Id‑dritt tal-Unjoni Ewropea jagħmel distinzjoni ċara bejn il‑persuni li jwettqu d-dmirijiet tagħhom taħt id-direzzjoni tal-persuna li timpjega u dawk li jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali, li fundamentalment huma r‑rappreżentanti tal-persuna li timpjega u mhux is-subordinati tagħha.

29      Il-qorti tar-rinviju tindika li mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ ħaddiem, kif ukoll mill-għan tad-Direttiva 92/85 fir‑rigward tal-protezzjoni ta’ mara tqila kontra t-tkeċċija, jista’ jiġi dedott li meta membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija jkun jaqa’ taħt dan il-kunċett, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 japplika għalih, minkejja l-fatt li l-Artikolu 224(4) tal Kodiċi tal-Kummerċ ma jipprovdi ebda restrizzjoni fir-rigward tat-tneħħija ta’ persuni mill-karigi tagħhom u li l-membru tal-imsemmi kumitat ikollux jew le kuntratt ta’ impjieg. Skont din il-qorti, kemm id-Direttiva 76/207 kif ukoll id‑Direttiva 92/85 jipprojbixxu t-terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ mara tqila.

30      Peress li dehrilha li l-kawża li minnha kienet adita tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, l-Augstākās Tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)      Membru ta’ bord li jmexxi kumpannija b’kapital azzjonarju għandu jitqies bħala ħaddiem skont id-dritt Komunitarju?

2)      Il-fatt li l-Artikolu 224(4) tal-Kodiċi tal-Kummerċ Latvjan jippermetti t-tneħħija ta’ membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju mingħajr ebda restrizzjoni, u b’mod partikolari mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni t-tqala ta’ tali membru, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 10 tad‑Direttiva 92/85 […] u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

31      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, il-fatti fl-isfond tal-kawża prinċipali taw lok għal xi kontestazzjonijiet li essenzjalment jirrigwardaw ir-raġunijiet li wasslu sabiex LKB neħħiet lil D. Danosa mill-kariga tagħha ta’ membru tal‑bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija u dwar il-kwistjoni jekk din tal-aħħar kinitx ġiet informata bl-istat ta’ tqala tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, jekk dan kien il-każ, f’liema data hija ġiet informata dwar dan.

32      Filwaqt li LKB sostniet li l-istat ta’ tqala ta’ D. Danosa bl-ebda mod ma kien influwenza d-deċiżjoni li permezz tagħha l-persuna kkonċernata tneħħiet mill-kariga tagħha, u enfasizzat li din tal-aħħar lanqas kienet allegat hija stess li t-tneħħija tagħha kienet dovuta minħabba l-istat ta’ tqala tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat il-verżjoni tal-fatti kif esposta minn LKB, sostniet li t‑tneħħija tagħha kienet dovuta minħabba l-istat ta’ tqala tagħha, u ppruvat tikkjarifika ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id‑deċiżjoni ta’ tneħħija.

33      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li jkunu taw lok għall-kawża prinċipali u li tiddeduċi konklużjonijiet minnhom għall‑finijiet tad-deċiżjoni li hi mitluba tagħti (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, Ġabra p. I-5613, punt 32).

34      Fil-fatt, fit-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni Ewropea u l‑qrati nazzjonali, hija bħala prinċipju l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet fattwali li jinvolvu l-applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni Ewropea huma miġbura flimkien fil-kawża pendenti quddiemha, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C-424/97, Ġabra p. I‑5123, punt 58 u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, Ġabra p. I‑4585, punt 23).

35      F’din il-kawża, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domandi magħmula huma bbażati fuq il-premessa li t-tneħħija ta’ D. Danosa mill-kariga ta’ membru tal-bord tad-diretturi ta’ LKB seħħet jew setgħet seħħet essenzjalment minħabba l-istat ta’ tqala tal-persuna kkonċernata. Din il-qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprojbixxi tkeċċija minħabba raġunijiet marbutin mat‑tqala, min-naħa l-oħra ma tipprovdi l-ebda restrizzjoni dwar it‑tneħħija ta’ membru mill-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti risposta għad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni Ewropea magħmula mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li tħalli f’idejn din tal-aħħar l-impenn li tivverifika l-elementi konkreti tal‑kawża pendenti quddiemha, u b’mod partikolari li tiddeċiedi l‑kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni ta’ tneħħija kkontestata kinitx essenzjalment motivata mill‑istat ta’ tqala tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

37      Minkejja li l-pożizzjoni meħuda mill-Gvern Latvjan u mill‑Kummissjoni Ewropea dwar il-fatti tal‑kawża prinċipali tikkontesta r-rilevenza tad-domandi preliminari għad-deċiżjoni tal-kawża li minnha hija adita l-qorti nazzjonali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li fid‑deċiżjoni tar-rinviju ma hemm xejn li juri li dawn id-domandi, l-utilità ta’ liema ġiet spjegata mill-qorti tar‑rinviju, huma ipotetiċi jew mingħajr konnessjoni mal-fatti reali jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

 Fuq l-ewwel domanda

38      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li jagħti servizzi lil din tal-aħħar għandux jiġi kkunsidrat bħala ħaddiem fis-sens tad-Direttiva 92/85.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ ħaddiem fis-sens ta’ din id‑direttiva ma għandux jingħata interpretazzjoni differenti skont il‑liġijiet nazzjonali iżda għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol fid-dawl tad-drittijiet u tad‑dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Il-karatteristika essenzjali ta’ relazzjoni ta’ xogħol hija l-fatt li persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi rimunerazzjoni (ara, b’analoġija, fil‑kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal‑prinċipju ta’ rimunerazzjonijiet ugwali ta’ ħaddiema rġiel u ta’ ħaddiema nisa, is‑sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17, u tat-13 ta’ Jannar 2004, Allonby, C‑256/01, Ġabra p. I‑873, punt 67, u fil-kuntest tad-Direttiva 92/85, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski, Ġabra, p. I‑7643, punt 25).

40      In-natura ġuridika sui generis tar-relazzjoni ta’ impjieg fid-dritt nazzjonali ma jista’ jkollha ebda effett fuq l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sakemm persuna tissodisfa r‑rekwiżiti elenkati fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, in-natura tar‑relazzjoni ġuridika li torbotha mal-parti l-oħra fir-relazzjoni tax‑xogħol ma hijiex rilevanti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 92/85 (ara b’analoġija, fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, is‑sentenzi tal-31 ta’ Mejju 1989, Bettray, 344/87, Ġabra p. 1621, punt 16, u tas-26 ta’ Frar 1992, Raulin, C‑357/89, Ġabra p. I‑1027, punt 10).

41      Bl-istess mod, il-klassifikazzjoni formali ta’ ħaddiem indipendenti fid‑dawl tal-liġi nazzjonali ma teskludix li persuna tiġi kklassifikata bħala ħaddiem fis-sens tad-Direttiva 92/85 jekk l-indipendenza tagħha hija fittizja, b’tali mod li taħbi relazzjoni ta’ impjieg fis-sens ta’ din id‑direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Allonby, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

42      Minn dan isegwi li l-klassifikazzjoni, fil-liġi Latvjana, tar-relazzjoni bejn kumpannija b’kapital azzjonarju u l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ din tal-aħħar jew il-fatt li tali kumpannija u l-membri tal-imsemmi bord ma kkonkludewx kuntratt ta’ impjieg ma għandhomx jistabbilixxu, kuntrarjament għal dak li ssostni LKB, il-klassifikazzjoni tal-imsemmija relazzjoni għall-finijiet tad-Direttiva 92/85.

43      Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-kawża ma huwiex ikkontestat li D. Danosa, b’mod regolari u bi ħlas, tat servizzi lil LKB billi wettqet il-funzjonijiet ta’ membru uniku tal-bord tad-diretturi li ngħatawlha permezz tal-istatut ta’ din il‑kumpannija u tar-regolamenti tal-imsemmi bord. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-imsemmija kumpannija, ma huwiex rilevanti, f’dan ir‑rigward, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet inkarigata hija stess mit-tfassil ta’ dawn ir-regolamenti.

44      Min-naħa l-oħra, l-imsemmija osservazzjonijiet ivarjaw fir-rigward tal‑kwistjoni dwar jekk bejn D. Danosa u LKB kienx hemm ir-rabta ta’ subordinazzjoni, jew saħansitra l-grad ta’ subordinazzjoni, rikjest mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali u tad‑Direttiva 92/85 b’mod partikolari.

45      LKB u l-Gvern Latvjan u Elleniku jsostnu li, fir-rigward ta’ membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, ma hijiex meħtieġa r-rabta ta’ subordinazzjoni rikjesta mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ dawn il-membri. LKB u l-Gvern Latvjan isostnu li membru ta’ bord tad-diretturi, bħar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali, jeżegwixxi l-inkarigi tiegħu, bħala regola, abbażi ta’ kuntratt ta’ mandat, b’mod awtonomu u mingħajr ma jirċievi istruzzjonijiet. Huma jsostnu li r-relazzjoni bejn, minn naħa waħda, l‑azzjonisti ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju u/jew, jekk ikun il-każ, il-bord superviżorju, u, min-naħa l-oħra, il-membri tal-bord tad‑diretturi għandha tkun ibbażata fuq il-fiduċja, b’tali mod li r‑relazzjoni ta’ impjieg bejn il-partijet għandha tkun waħda li tista’ tinħall meta din il‑fiduċja tispiċċa.

46      Ir-risposta għad-domanda dwar jekk hemmx rabta ta’ subordinazzjoni fis-sens tad-definizzjoni hawn fuq imsemmija tal-kunċett ta’ ħaddiem għandha tingħata f’kull każ partikolari skont il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-partijiet.

47      Il-kwalità ta’ membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju ma għandhiex, bħala tali, teskludi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabet ruħha f’rabta ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ din il‑kumpannija. Fil-fatt għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li fihom il-membru tal-bord ġie ingaġġat, in-natura tal-funzjonijiet li ngħatawlu, il-kuntest li fihom dawn tal-aħħar huma eżerċitati, il-portata tas-setgħat tal-persuna kkonċernata u l-kontroll li huwa suġġett għalih fi ħdan il-kumpannija, kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom huwa jista’ jitneħħa.

48      L-ewwel nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 77 sa 84 tal‑konklużjonijiet tiegħu, eżami ta’ dawn l-elementi fil-kawża prinċipali jirrileva li D. Danosa inħatret bħala membru uniku tal-bord tad-diretturi ta’ LKB għal terminu fiss ta’ tliet snin, hija ġiet inkarigata biex tamministra l-beni ta’ dik il-kumpannija, tmexxiha u tirrappreżentaha u li hija kienet tifforma parti integrali minnha. Bi tweġiba għal mistoqsija li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, ma kienx possibbli li jiġi stabbilit minn min jew mil-liema korp saret il-ħatra tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

49      Barra minn hekk, anki jekk D. Danosa kellha marġni diskrezzjonali fl‑eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, hija kellha tagħti rendikont tal‑ġestjoni tagħha lill-bord superviżorju u tikkollabora miegħu.

50      Fl-aħħar nett, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont id-dritt Latvjan, membru tal-bord tad-diretturi jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu b’deċiżjoni tal-azzjonisti, jekk ikun il każ, wara li jkun ġie sospiż mill-kariga tiegħu mill-bord superviżorju. Id‑deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront ta’ D. Danosa għalhekk ittieħdet minn organu, li, hija ma kinitx tikkontrolla u li f’kull mument seta’ jiddeċiedi kontra l-volontà tal-persuna kkonċernata.

51      Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-membri ta’ korp li jmexxi kumpannija, bħal bord tad-diretturi, ma jaqax fil-kunċett ta’ ħaddiem kif iddefinit fil‑punt 39 ta’ din is-sentenza – fid-dawl tal-funzjonijiet speċifiċi li ngħatawlhom kif ukoll tal-kuntest li fihom dawn il-funzjonijiet huma eżerċitati u tal-mod li bih jiġu eżerċitati – xotra jibqa’ l-fatt li membru ta’ tali bord li, in kambju għal rimunerazzjoni, jagħti servizzi lill‑kumpannija li ħatritu u li minnha huwa jagħmel parti integrali, li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu taħt id-direzzjoni jew il-kontroll ta’ organu ieħor ta’ din il-kumpannija u li jista’, f’kull mument, jitneħħa mill-kariga tiegħu mingħajr restrizzjonijiet, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jissodisfa r-rekwiżiti sabiex jiġi kklassifikat ħaddiem fis-sens tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq.

52      Fir-rigward tal-kunċett ta’“ħaddiema tqila”, għandu jitfakkar li din hija ddefinita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 92/85 bħala “ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali”.

53      Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal‑Unjoni Ewropea ried jagħti definizzjoni awtonoma fid-dritt tal‑Unjoni Ewropea lill-kunċett ta’ ħaddiema tqila, anki jekk, għal wieħed mill-aspetti ta’ din id-definizzjoni, jiġifieri dak li jirrigwarda l‑mod kif il-ħaddiema tinforma lill-persuna li timpjegaha bil-kundizzjoni tagħha, huwa jirreferi għal-leġiżlazzjoni u/jew prassi nazzjonali (sentenza Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

54      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, fil-kawża prinċipali, LKB kinitx ġiet informata bl-istat ta’ tqala ta’ D. Danosa, għandu jitfakkar l-ewwel nett, li kif jirriżulta wkoll mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-fatti rilevanti tal-kawża.

55      It-tieni nett, anki jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 92/85 jirreferi għal‑leġiżlazzjoni u/jew għall-prassi nazzjonali f’dak li jirrigwarda l‑modalitajiet li permezz tagħhom il-ħaddiema tinforma lill-persuna li timpjegaha dwar l-istat tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-modalitajiet ma jistgħux ixejnu l‑protezzjoni partikolari tal-mara stabbilita bl‑Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva, li tipprojbixxi t-tkeċċija ta’ ħaddiema tqal, li welldu reċentament jew li qed ireddgħu, ħlief f’każijiet eċċezzjonali għal raġunijiet mhux marbuta mal-istat tagħhom. Jekk mingħajr ma kienet formalment informat bit-tqala tal-ħaddiema mill‑persuna kkonċernata nnifisha, il-persuna li timpjega saret taf bl-istat ta’ tqala ta’ din tal-aħħar, ikun kontra l-għan u l-ispirtu tad-Direttiva 92/85 li tinterpreta b’mod ristrett it-termini tal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva u tinnega lill-ħaddiema kkonċernata l-protezzjoni kontra t-tkeċċija stipulata bl-imsemmi Artikolu 10.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, li jagħti servizzi lil din tal-aħħar u li jifforma parti integrali minnha, għandu jiġi kkunsidrat bħala ħaddiem għall-finijiet tad-Direttiva 92/85, jekk il-funzjonijiet tiegħu huma mwettqa, matul ċertu perijodu, taħt id-direzzjoni jew il-kontroll ta’ organu ieħor ta’ din il-kumpannija u jekk, in kambju għal dawn il-funzjonijiet, huwa jirċievi rimunerazzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l‑fatti meħtieġa sabiex tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li minnha hija adita.

 Fuq it-tieni domanda

57      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandux jiġi interpretat bħala li jipprekludi liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tippermetti t-tneħħija ta’ membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju mingħajr restrizzjoni, b’mod partikolari mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-istat ta’ tqala tal‑persuna kkonċernata.

58      Fir-rigward tal-portata tal-projbizzjoni tat-tkeċċija li tinsab fl‑Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 92/85 huwa li ttejjeb is-sigurtà u s-saħħa tal‑ħaddiema tqal, li welldu reċentament jew li qed ireddgħu, fuq ix‑xogħol.

59      Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 92/85, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li, skont il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/207, protezzjoni kontra t-tkeċċija għandha tiġi rrikonoxxuta lill-mara mhux biss waqt il-leave tal-maternità, iżda wkoll tul it-tqala kollha. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tkeċċija f’dawn il-perijodi tista’ tikkonċerna biss in-nisa u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bażata fuq is-sess (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Handels‑ og Kontorfunktionærernes Forbund, C‑179/88, Ġabra p. I‑3979, punt 13; tat-30 ta’ Ġunju 1998, Brown, C‑394/96, Ġabra p. I‑4185, punti 24 sa 27; u Paquay, C‑460/06, Ġabra p. I‑8511, punt 29).

60      Huwa preċiżament fid-dawl tar-riskju li tkeċċija eventwali taffettwa s‑sitwazzjoni fiżika u mentali tal-ħaddiema tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, inkluż fosthom ir-riskju partikolarment serju li jista’ jwassal lill-ħaddiema tqal jinterrompu volontarjament it-tqala tagħhom, li l-leġiżlatur Komunitarju, bis-saħħa tal-Artikolu 10 tad‑Direttiva 92/85, ipprovda protezzjoni partikolari għall-mara billi stipula l-projbizzjoni ta’ tkeċċija fil-perijodu mill-bidu tat-tqala sat‑tmiem tal-leave tal-maternità (ara s-sentenza Payuay, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

61      Matul l-imsemmi perijodu, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 ma pprovda ebda eċċezzjoni jew deroga għall-projbizzjoni ta’ tkeċċija tal‑ħaddiema tqal, ħlief f’każijiet eċċezzjonali mhux marbuta mal-istat tagħhom u bil-kundizzjoni li min iħaddem jiġġustifika bil-miktub ir‑raġunijiet ta’ din it-tkeċċija (sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Webb, C‑32/93, Ġabra p. I‑3567, punt 22; Brown, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18, tal-4 ta’ Ottubru 2001, Tele Danmark, C‑109/00, Ġabra p. I‑6993, punt 27 u Paquay, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

62      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li, f’din il-kawża, D. Danosa taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiema tqila” fis-sens tad-Direttiva 92/85, u li d-deċiżjoni tat-tneħħija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ttieħdet minħabba raġunijiet essenzjalment marbuta mal-istat ta’ tqala tal‑persuna kkonċernata, għandu jiġi rrilevat li tali deċiżjoni, minkejja li meħuda bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jippermettu t-tneħħija ta’ membru ta’ bord tad-diretturi mingħajr restrizzjoni, hija inkompatibbli mal-projbizzjoni tat-tkeċċija stipulata fl‑Artikolu 10 ta’ din id-direttiva.

63      Min-naħa l-oħra, deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda matul il-perijodu mill‑bidu tat-tqala sa tmiem il-leave ta’ maternità għal raġunijiet mhux marbuta mal-istat ta’ tqala tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hijiex kuntrarja għall-imsemmi Artikolu 10, bil-kundizzjoni, madankollu, li min iħaddem jagħti raġunijiet bil-miktub li jiġġustifikaw it-tkeċċija u li t-tkeċċija tal-persuna kkonċernata tkun permissibbli mil-leġiżlazzjoni u/jew mill-prassi nazzjonali kkonċernati, skont id-dispożizzjonijiet tal‑punti 1 u 2 tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva.

64      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi, f’din il-kawża, fid-dawl tan‑natura tal-funzjonijiet eżerċitati minn D. Danosa u fil-kuntest li fih dawn il-funzjonijiet huma eżerċitati, li peress li l-persuna kkonċernata ma għandiex il-kwalità ta’ “ħaddiema tqila” fis-sens tad‑Direttiva 92/85 u li għalhekk ma għandhiex protezzjoni kontra t‑tkeċċija ta’ membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistax tinvoka l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is‑sess, mogħtija permezz tad-Direttiva 76/207, regola li għaliha ma sarx riferiment mill-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha iżda li għaliha rreferew din il-qorti u xi partijiet interessati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 3(1)(a) tad‑Direttiva 76/207, “[l]-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi ta’ sess fis setturi pubbliċi jew privati, inklużi korpi pubbliċi, fir-rigward ta’ [...] impjieg u kondizzjonijiet ta’ xogħol, inklużi s-sensji”.

66      Kif jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza, skont il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 76/207, protezzjoni kontra t-tkeċċija għandha tiġi rikonoxxuta lill-mara mhux biss matul il-leave ta’ maternità, iżda wkoll tul it-tqala kollha. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tkeċċija ta’ ħaddiema minħabba tqala jew minħabba raġuni bbażata essenzjalment fuq l-istat ta’ tqala tista’ tirrigwarda biss in-nisa u għalhekk hija diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess (ara s-sentenza Paquay, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Għandu jiġi kkonstatat li t-tneħħija unilaterali, mill-mandant, ta’ mandat, qabel it-terminu miftiehem, minħabba l-istat ta’ tqala tal‑mandatarju jew minħabba raġuni essenzjalment ibbażata fuq dan l‑istat tirrigwarda biss in-nisa. Anki jekk D. Danosa ma tikkwalifikax bħala “ħaddiema tqila” fis-sens wiesa’ mogħti mid-Direttiva 92/85, l-ammissjoni li kumpannija tista’ tneħħi mill-karigi tagħhom membri tal‑bord tad-diretturi tagħha li jeżerċitaw funzjonijiet bħal dawk deskritti fil-kawża prinċipali jmur kontra l-għan tal-protezzjoni li jagħti l‑Artikolu 2(7) tad-Direttiva 76/207, peress li t-tneħħija hija essenzjalment ibbażata fuq it-tqala tal-persuna kkonċernata.

68      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, l-għan segwit mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil‑qasam tad-drittijiet tan-nisa tqal jew li jkunu welldu reċentement huwa li jipproteġihom qabel u wara li jwelldu (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, McKenna, C-191/03, Ġabra p. I-7631, punt 42).

69      Dan il-għan li jispira kemm lid-Direttiva 92/85 kif ukoll lid‑Direttiva 76/207, ma jistax jintlaħaq jekk il-protezzjoni kontra t‑tkeċċija mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea lin-nisa tqal tiddependi mill-klassifikazzjoni formali tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom fid-dritt nazzjonali jew mill-għażla magħmula matul l-impjieg tagħhom ta’ xi tip ta’ kuntratt.

70      Kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kawża li minnha hija adita u tivverifika jekk, kif jallegaw id-domandi preliminari magħmula, id-deċiżjoni tat-tneħħija kinitx essenzjalment ibbażata fuq l-istat ta’ tqala tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Jekk dan huwa l-każ, ftit jimporta li jkun aċċertat jekk l-imsemmija rikorrenti taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85, tad-Direttiva 76/207, jew, jekk il-qorti tar-rinviju tikkwalifikaha bħala “ħaddiem indipendenti”, f’dak tad‑Direttiva 86/13, li tapplika għal ħaddiema indipendenti u li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, tikkompleta d-Direttiva 76/207 f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-ħaddiema, filwaqt li tipprojbixxi, bħal din l-aħħar direttiva, kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, kemm direttament, kif ukoll indirettament. Tkun liema tkun id-direttiva applikabbli, dak li huwa importanti hu li l-persuna kkonċernata tingħata l-protezzjoni mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea lin-nisa tqal fil-każ fejn ir-relazzjoni ġuridika li kienet torbotha ma’ persuna oħra nkisret minħabba t-tqala tagħha.

71      Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija sostnuta mill-prinċipju ta’ trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewroepa, li jipprovdi li din l‑ugwaljanza għandha tiġi żgurata fis-setturi kollha, inkluż dak tal‑impjieg, tax-xogħol u tar-rimunerazzjoni.

72      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar il-piż [l-oneru] tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni bbażati fuq is-sess (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 264) li, skont l‑Artikolu 3(1)(a) tagħha tapplika għas-sitwazzjonijiet koperti mid‑Direttiva 976/207 u, jekk hemm diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, mid-Direttiva 92/85.

73      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 97/80 jirriżulta li, meta persuna tqis li hija leża mill-innosservanza fil-konfront tagħha tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tipprova, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta, huwa l-konvenut li għandu jressaq il-prova li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li t-tneħħija ta’ membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju mingħajr restrizzjoni meta l-persuna kkonċernata hija kklassifikata bħala “ħaddiema tqila” fis-sens ta’ din id-direttiva u li d-deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront tagħha hija essenzjalment ibbażata fuq l-istat ta’ tqala tagħha. Anki jekk il-membru kkonċernat ta’ bord tad-diretturi ma huwiex hekk ikklassifikat, xorta jibqa’ l-fatt li t-tneħħija ta’ membru ta’ bord tad-diretturi li jeżerċita funzjonijiet bħal dawk deskritti fil-kawża prinċipali minħabba tqala jew minħabba raġuni essenzjalment ibbażata fuq dan l‑istat tista’ tikkonċerna biss in-nisa, u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, kuntrarja għall-Artikoli 2(1) u (7) u 3(1)(ċ) tad-Direttiva 76/207.

 Fuq l-ispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, li jagħti servizzi lil din tal-aħħar u li jifforma parti integrali minnha, għandu jiġi kkunsidrat bħala ħaddiem għall-finijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l‑introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax‑xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), jekk il-funzjonijiet tiegħu huma mwettqa, matul ċertu perijodu, taħt id-direzzjoni jew il-kontroll ta’ organu ieħor ta’ din il-kumpannija u jekk, inkambju għal dawn il‑funzjonijiet, huwa jirċievi remunerazzjoni. Hija l-qorti tar‑rinviju li għandha tivverifika l‑fatti meħtieġa sabiex tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li minnha hija adita.

2)      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis‑sens illi jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li t-tneħħija ta’ membru ta’ bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju mingħajr restrizzjoni meta l-persuna kkonċernata hija kklassifikata bħala “ħaddiema tqila” fis-sens ta’ din id‑direttiva u li d-deċiżjoni ta’ tneħħija meħuda fil-konfront tagħha hija essenzjalment ibbażata fuq l-istat ta’ tqala tagħha. Anki jekk il-membru kkonċernat ta’ bord tad-diretturi ma huwiex hekk ikklassifikat, xorta jibqa’ l-fatt li t-tneħħija ta’ membru ta’ bord tad-diretturi li jeżerċita funzjonijiet bħal dawk deskritti fil-kawża prinċipali minħabba tqala jew minħabba raġuni essenzjalment ibbażata fuq dan l-istat tista’ tikkonċerna biss in-nisa, u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, kuntrarja għall‑Artikoli 2(1) u (7) u 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal‑Kunsill 76/207, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l‑implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall‑irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top