Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TO0584(01)

    Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Settembru 2016.
    Pagkyprios organismos ageladotrofon (POA) Dimosia Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Rikors għal annullament – Applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta (‘Halloumi’ jew ‘Hellim’) – Deċiżjoni ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, Serje C, ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 – Att preparatorju – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà.
    Kawża T-584/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:510

    DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

    14 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

    “Rikors għal annullament — Applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta (‘Halloumi’ jew ‘Hellim’) — Deċiżjoni ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, Serje C, ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 — Att preparatorju — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Inammissibbiltà”

    Fil-Kawża T-584/15,

    Pagkyprios organismos ageladotrofon Dimosia Ltd (POA), stabbilita f’Latsia (Ċipru), irrappreżentata minn N. Korogiannakis, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Lewis u J. Guillem Carrau, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, C 246, p. 9) l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni CY/PDO/0005/01243, imressqa mir-Repubblika ta’ Ċipru, sa fejn qieset li din l-applikazzjoni kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1), kif previsti fl-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

    komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    Il-kuntest ġuridiku

    1

    Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1), jistabbilixxi, fi kliem l-Artikolu 4 tiegħu, skema ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, li minnha jistgħu jibbenefikaw ċerti prodotti agrikoli u ċerti oġġetti tal-ikel.

    2

    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 jiddefinixxi “denominazzjoni tal-oriġini” bħala denominazzjoni li tidentifika prodott bħala li joriġina minn post speċifiku, minn reġjun jew, f’każijiet eċċezzjonali, minn pajjiż, li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu joriġinaw essenzjalment jew esklużivament mill-ambjent ġeografiku inklużi l-fatturi naturali u umani u li l-istadji kollha tal-produzzjoni tiegħu jsiru fiż-żona ġeografika ddelimitata.

    3

    Ir-reġistrazzjoni bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) tad-denominazzjoni ta’ prodott agrikolu jew ta’ oġġett tal-ikel, li għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati mir-Regolament Nru 1151/2012 u, b’mod partikolari, għandha tkun konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott iddefinita fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, tagħti lil din id-denominazzjoni protezzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Din il-protezzjoni hija ddefinita fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament.

    4

    Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni ssir f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, l-applikazzjoni għal registrazzjoni ta’ denominazzjonijiet hija suġġetta għal eżami fil-livell nazzjonali. Din il-fażi hija rregolata mill-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1151/2012, li jipprovdi dan li ġej:

    “1.   L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet taħt l-iskemi tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 48 jistgħu jiġu ppreżentati biss minn gruppi li jaħdmu bil-prodotti bl-isem li għandu jiġi rreġistrat. […]

    2.   […L]-applikazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru.

    L-Istat Membru għandu jiskrutinja bir-reqqa l-applikazzjoni b’mezzi adatti sabiex jivverifika li din hija ġġustifikata u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-iskema rispettiva.

    3.   Bħala parti mill-iskrutinju msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jagħti bidu għal proċedura ta’ oppożizzjoni nazzjonali li tiżgura pubblikazzjoni adegwata tal-applikazzjoni u li tipprovdi għal perijodu raġonevoli taż-żmien li matulu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tiegħu tkun tista’ tressaq oppożizzjoni għall-applikazzjoni.

    L-Istat Membru għandu jeżamina l-ammissibbiltà tal-oppożizzjonijiet [...].

    4.   Jekk, wara li jivvaluta kull oppożizzjoni li jkun irċieva, l-Istat Membru jqis bħala li ġew sodisfatti r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, huwa jista’ jieħu deċiżjoni favorevoli u jippreżenta dossier ta’ applikazzjoni lill-Kummissjoni. F’tali każ huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni bl-oppożizzjonijiet ammissibbli riċevuti minn xi persuna naturali jew ġuridika li tkun legalment ikkummerċjalizzat il-prodotti inkwistjoni, bl-użu tal-ismijiet ikkonċernati b’mod kontinwu għal mill-anqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

    L-Istat Membru għandu jiżgura li d-deċiżjoni favorevoli tiegħu tiġi ppubblikata u li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu jkollha opportunità biex tagħmel appell.

    L-Istat Membru għandu jiżgura li l-verżjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni favorevoli tiegħu tiġi ppubblikata, u għandu jipprovdi aċċess elettroniku għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

    B’referenza għad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, l-Istat Membru għandu jiżgura wkoll il-pubblikazzjoni adegwata tal-verżjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li dwarha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 50(2).”

    5

    Fit-tieni fażi, l-applikazzjoni hija suġġetta għal eżami mill-Kummissjoni Ewropea u, jekk il-kundizzjonijiet iddefiniti mir-Regolament Nru 1151/2012 ikunu ssodisfatti, din tiġi ppubblikata għal finijiet ta’ oppożizzjoni. Din il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, prevista minn dan ir-rikors, hija rregolata mill-Artikolu 50, intitolat “Skrutinju mill-Kummissjoni u pubblikazzjoni għal oppożizzjoni”, li jipprovdi dan li ġej:

    “1.   Il-Kummissjoni għandha tiskrutinja b’mezzi adatti kwalunkwe applikazzjoni li tirċievi taħt l-Artikolu 49, sabiex tivverifika li din tkun iġġustifikata u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-iskema rispettiva [...]

    2.   Meta, abbażi tal-iskrutinju li jsir taħt l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tqis bħala li ġew sodisfatti li l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, hi għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

    (a)

    għall-applikazzjonijiet taħt l-iskema stabbilita fit-Titolu II [Denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti], id-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott;

    […]”

    6

    Il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jagħti bidu għal “[p]roċedura ta’ oppożizzjoni”, konformement mal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1151/2012, li jispeċifika dan li ġej:

    “1.   Fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita f’pajjiż terz jistgħu jippreżentaw avviż ta’ oppożizzjoni lill-Kummissjoni.

    Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, li tkun stabbilita jew residenti fi Stat Membru ieħor għajr dak minn fejn tkun saret l-applikazzjoni, tista’ tippreżenta avviż ta’ oppożizzjoni lill-Istat Membru li fih tkun stabbilita fil-limiti ta’ perijodu taż-żmien li jippermetti li tiġi ppreżentata oppożizzjoni taħt l-ewwel subparagrafu.

    Avviż ta’ oppożizzjoni għandu jkun fih dikjarazzjoni li l-applikazzjoni tista’ tikser il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament [...]

    Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-avviż ta’ oppożizzjoni lill-awtorità jew korp li għamlu l-applikazzjoni mingħajr dewmien.

    2.   Jekk jiġi ppreżentat avviż ta’ oppożizzjoni lill-Kummissjoni u jiġi segwit fi żmien xahrejn minn dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-ammissibbiltà ta’ din id-dikjarazzjonji motivata ta’oppożizzjoni.

    3.   Fi żmien xahrejn wara li tirċievi dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni ammissibbli, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-awtorità jew persuna li ppreżentaw l-oppożizzjoni u lill-awtorità jew korp li ppreżentaw l-applikazzjoni sabiex jidħlu f’konsultazzjonijiet adegwati ma’ xulxin għal perijodu raġonevoli li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur.

    L-awtorità jew persuna li ppreżentaw l-oppożizzjoni u l-awtorità jew korp li ppreżentaw l-applikazzjoni għandhom jibdew dawn il-konsultazzjonijiet adegwati mingħajr dewmien żejjed. Huma għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni rilevanti biex jivvalutaw jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tikkonformax mal-kondizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Jekk ma jintlaħaqx qbil, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta wkoll lill-Kummissjoni.

    […]

    4.   Fejn, wara li jsiru l-konsultazzjonijiet adegwati msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, id-dettalji ppubblikati f’konformità mal-Artikolu 50(2) ikunu ġew emendati b’mod sostanzjali, il-Kummissjoni għandha tirripeti l-iskrutinju msemmi fl-Artikolu 50 [...]”

    7

    L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1151/2012, intitolat “Deċiżjoni dwar ir-resġistrazzjoni”, jipprovdi dan li ġej:

    “1.   Fejn, abbażi tal-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni mill-iskrutinju li jsir taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50(1), il-Kummissjoni tqis bħala mhux sodisfatti l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrifjutaw l-applikazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2).

    2.   Jekk il-Kummissjoni ma tirċievi l-ebda avviż ta’ oppożizzjoni jew l-ebda dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni ammissibbli taħt l-Artikolu 51, hija għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 57(2), li jirreġistraw l-isem.

    3.   Jekk il-Kummissjoni tirċievi dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni ammissibbli, hija għandha, wara li jsiru l-konsultazzjonijiet adegwati msemmija fl-Artikolu 51(3), u b’kont meħud tar-riżultati tagħhom, jew:

    (a)

    jekk ikun intlaħaq qbil, tirreġistra l-isem permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 57(2), u, jekk ikun meħtieġ, temenda l-informazzjoni ppubblikata taħt l-Artikolu 50(2) sakemm dawn l-emendi ma jkunux sostanzjali; jew

    (b)

    jekk ma jintlaħaqx qbil, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeċiedu dwar ir-reġistrazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2).

    4.   L-atti ta’ reġistrazzjoni u d-deċiżjonijiet ta’ rifjut għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

    8

    L-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1151/2012 jipprovdi kif ġej:

    “1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”

    9

    L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implementazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13), jispeċifika dan li ġej:

    “1.   Fejn tapplika l-proċedura ta’ eżami, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz tal-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, fejn applikabbli, l-Artikolu 238(3) tat-TFUE, għal atti li għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikunu ppeżati bil-mod stipulat f’dawk l-Artikoli.

    2.   Fejn il-kumitat jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, jekk il-kumitat jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta dak l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. Fejn jitqies li att ta’ implementazzjoni huwa neċessarju, il-president jista’ jew jippreżenta verżjoni emendata tal-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni lill-istess kumitat, fi żmien xahrejn mill-għoti tal-opinjoni negattiva, jew jippreżenta l-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni fi żmien xahar minn tali għoti lill-kumitat ta’ appell għal deliberazzjoni ġdida.

    4.   Fejn ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, ħlief fil-każijiet previsti fit-tieni subparagrafu. Fejn il-Kummissjoni ma tadottax l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, il-president jista’ jippreżenta lill-kumitati verżjoni emendata tiegħu.

    […]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    10

    Ir-rikorrenti, Pagkyprios organismos ageladotrofon Dimosia Ltd (POA), hija organizzazzjoni ta’ persuni li jrabbu l-baqar li jipproduċu l-ħalib tal-baqar u l-laħam. Hija ġiet ikkostitwita u rreġistrata fl-2004 u għandha 157 membru, jiġifieri madwar 75 % tan-numru totali ta’ produtturi Ċiprijotti tal-ħalib tal-baqar. Bħala medja, 54 miljun litru minn dan il-ħalib huwa użat f’Ċipru, per annum, fil-proċess ta’ produzzjoni tal-ġobon iddenominat “halloumi”. Dan huwa tip partikolari ta’ ġobon Ċiprijott, prodott b’ċertu mod u li għandu togħma, konsistenza u proprjetajiet kulinari partikolari. Ir-rikorrenti hija l-produttur Ċiprijott prinċipali tal-ħalib tal-baqar użat fil-produzzjoni tal-halloumi. Hija teżerċita wkoll attività ta’ produzzjoni tal-ġobon halloumi taħt it-trade marks tagħha stess u għal trade marks ta’ distributuri, permezz ta’ sussidjarja miżmuma 100 %, Papouis Dairies Ltd.

    11

    Fil-5 ta’ April 2012, diversi kumpanniji u organizzazzjonijiet Ċiprijotti li joperaw fis-settur tal-produzzjoni tal-ġobon, partikolarment dak tal-halloumi, ippreżentaw, quddiem l-awtoritajiet Ċiprijotti, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-halloumi bħala DOP. Din l-applikazzjoni kienet ibbażata fuq l-istandard ta’ produzzjoni Ċiprijott tal-1985 (iktar ’il quddiem l-“istandard tal-1985”) u kienet tipprevedi li dan l-istandard kien interpretat bħala li jobbliga lill-produtturi tal-halloumi jużaw iktar minn 50 % mill-ħalib tan-nagħaġ jew tal-mogħoż. Fi kliem ieħor, meta l-ħalib tal-baqar jiżdied mal-ħalib tan-nagħaġ jew tal-mogħoż jew ma’ taħlita tat-tnejn, għall-produzzjoni tal-halloumi ma setgħetx tintuża kwantità ta’ ħalib tal-baqar li tkun ikbar mill-kwantità tal-ħalib tal-mogħoż jew tan-nagħaġ jew tat-taħlita tat-tnejn.

    12

    F’dan il-każ, peress li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fit-30 ta’ Novembru 2012 fl-Episimi Efimerida tis Kypriakis Dimokratias, ir-rikorrenti, konformement mal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 1151/2012, qajmet oġġezzjonijiet fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali, filwaqt li kkontestat il-projbizzjoni tal-użu, għall-produzzjoni tal-halloumi, ta’ kwantità ta’ ħalib tal-baqar li tkun ikbar mill-kwantità tal-ħalib tal-mogħoż jew tan-nagħaġ. Ir-rikorrenti sostniet, f’dan ir-rigward, li, skont l-istandard tal-1985, il-halloumi seta’ jkun prodott bi proporzjon preponderanti ta’ ħalib tal-baqar, sakemm ikunu użati kwantitajiet mhux negliġibbli ta’ ħalib tan-nagħaġ jew tal-mogħoż.

    13

    Fl-14 ta’ Novembru 2013, saret laqgħa bejn l-awtoritajiet Ċiprijotti u l-entitajiet li qajmu oġġezzjoni, mingħajr ma seta’ jintlaħaq ftehim.

    14

    Fid-9 ta’ Lulju 2014, il-Ministeru tal-Agrikoltura Ċiprijott ċaħad l-oġġezzjonijiet imqajma u ppubblika, fl-istess jum, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-halloumi bħala DOP fl-Episimi Efimerida tis Kypriakis Dimokratias.

    15

    Fis-17 ta’ Lulju 2014, l-awtoritajiet Ċiprijotti ppreżentaw quddiem il-Kummissjoni l-applikazzjoni CY/PDO/0005/01243 intiża sabiex tinkiseb ir-reġistrazzjoni tal-halloumi bħala DOP (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni”), filwaqt li ġie speċifikat li l-kompożizzjoni tal-ħalib meħtieġa mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott kienet tirreferi għal predominanza tal-ħalib tan-nagħaġ jew tal-mogħoż jew ta’ taħlita tat-tnejn.

    16

    Fit-22 ta’ Lulju 2014, wara ċ-ċaħda tal-oġġezzjonijiet tagħha mill-Ministeru tal-Agrikoltura Ċiprijott, ir-rikorrenti adixxiet lill-Anatato Dikastirio tis Kypriakis Dimokratias (qorti suprema tar-Repubblika ta’ Ċipru, Ċipru).

    17

    Permezz ta’ ittri tal-25 ta’ Marzu u tal-25 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti kkomunikat il-preokkupazzjonijiet tagħha lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Agrikoltura u Żvilupp rurali” tal-Kummissjoni. Fl-ittra tagħha tal-25 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti enfasizzat li l-interpretazzjoni tal-istandard tal-1985 fl-applikazzjoni kienet inkorretta, sa fejn din kienet ibbażata fuq provi xjentifiċi żbaljati u mhux sostnuti.

    18

    Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li din setgħet tintervjeni fil-proċedimenti ta’ reġistrazzjoni biss permezz tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni nazzjonali u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni tagħha fil-livell nazzjonali ma setgħetx tiġi eżaminata mill-Kummissjoni.

    19

    Permezz ta’ att tat-28 ta’ Lulju 2015 (ĠU 2015, C 246, p. 9, iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”), wara li eżaminat l-applikazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippubblika l-applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012, filwaqt li ppreżentat sunt tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ippreżentata mill-awtoritajiet Ċiprijotti għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-halloumi bħala DOP. Permezz ta’ din il-pubblikazzjoni, ingħata bidu għat-tieni stadju tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, jiġifieri l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni transkonfinali previsti fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1151/2012.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    20

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni. Hija talbet lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-att ikkontestat;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    21

    Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji, fejn talbet, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu jissospendi l-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat, inkluż il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni previsti fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1151/2012, jew kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti dwar ir-reġistrazzjoni tal-halloumi bħala DOP, skont l-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament, u jirriżerva l-ispejjeż.

    22

    Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Diċembru 2015, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji minħabba nuqqas ta’ urġenza. L-ispejjeż ġew irriżervati.

    23

    B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    24

    Permezz ta’ att tad-9 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors ammissibbli;

    teżamina r-rikors fil-mertu;

    tannulla l-att ikkontestat;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    25

    Skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti titlob permezz ta’ att separat li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mingħajr ma tagħti bidu għad-dibattitu fil-mertu, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tkompli bil-proċedura, tiddeċiedi b’digriet motivat.

    26

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u tqis, għalhekk, li hemm lok li tittieħed deċiżjoni mingħajr ma tkompli bil-proċedura.

    27

    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti huwa inammissibbli, peress li, minn naħa, l-att ikkontestat ma huwiex att li jista’ jiġi kkontestat, minħabba li huwa ta’ natura preparatorja u ma jistabbilixxix b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, ma jaffettwax, suffiċjentement skont il-liġi, is-sitwazzjoni ġuridika jew id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti.

    28

    Ir-rikorrenti tikkontesta n-natura preparatorja tal-att ikkontestat. Hija ssostni li l-att ikkontestat huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju ladarba dan jikkostitwixxi miżura li tinkludi “deċiżjoni” tal-Kummissjoni li skontha l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni Halloumi tissodisfa l-kriterji kollha ta’ reġistrazzjoni bħala DOP, stabbiliti fir-Regolament Nru 1151/2012, u għandu effetti legali obbligatorji.

    29

    Sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni, għandu, qabelxejn, jiġi ddeterminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-att ikkontestat huwiex ta’ natura preparatorja meta mqabbel mad-deċiżjoni finali, b’tali mod li ma huwiex kontestabbli.

    30

    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

    31

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri kkontestati jikkostitwixxux atti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija s-sustanza tagħhom li għandha tiġi eżaminata (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9).

    32

    F’dan ir-rigward, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti, b’mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom (ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, T-355/04 u T-446/04, EU:T:2010:15, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Fil-każ ta’ atti li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’diversi fażijiet ta’ proċedura interna, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati biss, fil-prinċipju, dawk il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, bl-esklużjoni ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali u li l-illegalità tagħhom tista’ titqajjem b’mod validu fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat fil-konfront tagħha (ara d-digriet tat-3 ta’ Settembru 2015, Spanja vs Il-Kummissjoni, T-676/14, EU:T:2015:602, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    F’dan il-każ, minn naħa, skont l-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, id-deċiżjoni ta’ “pubblikazzjoni għal oppożizzjoni” għandha l-għan, kif jindika t-titolu ta’ dan l-artikolu, li tagħti bidu għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni previsti fl-Artikolu 51 ta’ dan ir-regolament u, għalhekk, li tipprepara d-“[d]eċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni”, prevista fl-Artikolu 52 tal-istess regolament, li tibqa’ d-deċiżjoni finali.

    35

    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni ta’ “pubblikazzjoni għal oppożizzjoni”, prevista fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, hija ta’ natura preparatorja meta mqabbla mad-“[d]eċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni”, b’tali mod li hija biss din id-deċiżjoni tal-aħħar li tista’ tipproduċi effetti legali ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent u, għaldaqstant, li tkun suġġetta għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Settembru 2014, Zentralverband des Deutschen Bäckerhandwerks vs Il-Kummissjoni, T-354/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:775, punt 30).

    36

    Min-naħa l-oħra, l-eventwali illegalitajiet li jivvizzjaw tali att preparatorju huma ta’ natura li jiġu utilment imqajma insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra l-att definittiv li tiegħu huwa jikkostitwixxi stadju ta’ elaborazzjoni (ara, f’ dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 12), sa fejn ir-rikorrent juri, konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors huma ssodisfatti.

    37

    Fid-dawl tal-premess, id-deċiżjoni ta’ “pubblikazzjoni għal oppożizzjoni”, prevista fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat.

    38

    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argumenti tar-rikorrenti.

    39

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-att ikkontestat jipproduċi effetti legali vinkolanti kif ukoll effetti ekonomiċi negattivi ħafna kontra tagħha. Hija tenfasizza li, minn perspettiva ġuridika, l-att ikkontestat irendi immedjatament il-prodotti tagħha inkompatibbli mal-istandard tal-1985, sa fejn, sa mill-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni inkwistjoni, dawn ma jitqisux iktar “tollerati” fis-suq u ma jitqisux iktar bħala prodotti “tradizzjonali” mill-konsumaturi. F’dan ir-rigward, hija tindika li, anki jekk il-Kummissjoni ma tirreġistrax id-denominazzjoni Halloumi bħala DOP, l-att ikkontestat ikkawżalha preġudizzju, sa fejn dan jikkonstata li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni inkwistjoni tissodisfa l-kriterji ddefiniti mir-Regolament Nru 1151/2012. Barra minn hekk, hija ssostni dannu finanzjarju sinjifikattiv marbut, partikolarment, mat-telf tal-ishma mis-suq, ta’ klijenti u ta’ kuntratti relatati mal-bejgħ tal-ħalib tal-baqar użat għall-produzzjoni tal-ġobon halloumi. Hija tindika li, jekk l-att ikkontestat ma jiġix annullat, hemm kważi 30 miljun litru ħalib prodott mill-membri tagħha li jsir immedjatament eċċessiv, li inevitabbilment iwassal għat-telf tiegħu.

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effetti legali ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha. Fil-fatt, minn naħa, l-att ikkontestat, fid-dawl tan-natura preparatorja tiegħu, ma għandu ebda effett legali li jista’ jaffettwa l-konformità, fid-dritt, tal-prodotti tagħha fir-rigward tal-istandard tal-1985. B’mod partikolari, huwa la għandu l-għan u lanqas l-effett li jagħti, bħala tali, saħħa vinkolanti lill-interpretazzjoni ta’ dan l-istandard li hija ssostni. Barra minn hekk, id-dannu finanzjarju invokat mir-rikorrenti, anki jekk jitqies stabbilit, jista’ biss jibqa’ mingħajr effett fuq l-analiżi tan-natura legali tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tat-3 ta’ Settembru 2015, Spanja vs Il-Kummissjoni, T-676/14, EU:T:2015:602, punt 18).

    41

    It-tieni nett, għandha tiġi injorata bħala infondata l-analoġija ssuġġerita mir-rikorenti bejn, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, li tingħata wara l-eżami previst mill-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament u li hija ta’ natura definittiva, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ “pubblikazzjoni għal oppożizzjoni”, prevista mill-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament, li tingħata, ukoll, wara dan l-eżami.

    42

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 u mill-Artikolu 50(2) tal-istess regolament, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni prevista mill-ewwel artikolu tagħlaq il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, filwaqt li, għall-kuntrarju, id-deċiżjoni ta’ “pubblikazzjoni għal oppożizzjoni”, prevista mit-tieni artikolu, tagħti bidu għal fażi ġdida ta’ din il-proċedura.

    43

    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-eżami li jsir mill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, huwa definittiv, sa fejn il-Kummissjoni tista’, konformement mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, tirrifjuta r-reġistrazzjoni, wara l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, biss fuq il-bażi ta’ informazzjoni addizzjonali rċevuta fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti, b’tali mod li d-deċiżjoni meħuda wara dan l-eżami, skont l-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament, tkun hija stess definittiva. Ir-rikorrenti tislet argument, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni mogħtija fuq il-bażi tal-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 ma tistax tiġi emendata mill-Kummissjoni nnifisha.

    44

    Madankollu, minn naħa, dawn l-elementi ma jaffettwawx il-konstatazzjoni li saret fil-punt 35 iktar ’il fuq, li d-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 hija biss ta’ natura preparatorja. Min-naħa l-oħra, xejn, f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni, ma jeskludi li l-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012, tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, fit-tmiem tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, fl-ambitu tal-proċedura tal-opinjoni tal-Kumitat għall-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli, stabbilita mill-Artikolu 57(2) tal-istess regolament.

    45

    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti ssostni, l-obbligu li wieħed jistenna d-deċiżjoni finali sabiex jikkontesta l-eventwali illegalitajiet li jivvizzjaw att preparatorju ma jikkostitwixxix “telf ta’ ħin u ta’ riżorsi”. L-aċċettazzjoni ta’ rikors kontra tali att preparatorju tkun inkompatibbli mas-sistemi ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni u r-rimedji, previsti mit-Trattat, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ żvolġiment regolari tal-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-463/10 P u C-475/10 P, EU:C:2011:656, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Finalment, il-fatt li l-Kummissjoni ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 jew tal-Artikolu 52(3)(a) tal-istess regolament sabiex tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u hija marbuta tirreġistra d-denominazzjoni mitluba ma jħassarx in-natura kontestabbli tal-att ta’ reġistrazzjoni u ma jċaħħadx lir-rikorrenti mid-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-eventwali illegalitajiet li jivvizzjaw att preparatorju bħall-att ikkontestat huma ta’ natura li jiġu utilment imqajma insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra l-att definittiv, b’mod li tiġi żgurata, minħabba f’hekk, protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Novembru 2013, MAF vs EIOPA, T-23/12, mhux ippubblikat, EU:T:2013:632, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Ir-raba’ nett, sa fejn ir-rikorrenti tafferma, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 11), li l-att ikkontestat huwa “distint” mill-atti li jistgħu jiġu adottati skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1151/2012, sa fejn dan huwa preċedenti għall-imsemmija atti adottati wara l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u independenti minnhom, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għar-rekwiżiti stipulati mill-punt 11 tal-imsemmija sentenza, l-att ikkontestat ma jikkostitwixxix it-“tmiem aħħari ta’ proċedura speċjali distinta”, iżda, għall-kuntrarju, it-tmiem ta’ stadju tal-proċedura, jiġifieri l-fażi ta’ “skrutinju mill-Kummissjoni u [ta’] pubblikazzjoni għal oppożizzjoni”, prevista mill-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1151/2012 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq).

    48

    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni raġuni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    49

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

    tordna:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Pagkyprios organismos ageladotrofon Dimosia Ltd (POA) għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi l-ispejjeż relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

    Magħmul fil-Lussemburgu, fil-14 ta’ Settembru 2016 .

     

    E. Coulon

    Reġistratur

    M. E. Martins Ribeiro

    President


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top