This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015TN0245
Case T-245/15: Action brought on 15 May 2015 — Klymenko v Council
Kawża T-245/15: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2015 – Klymenko vs Il-Kunsill
Kawża T-245/15: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2015 – Klymenko vs Il-Kunsill
ĠU C 302, 14.9.2015, p. 54–55
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.9.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 302/54 |
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2015 – Klymenko vs Il-Kunsill
(Kawża T-245/15)
(2015/C 302/70)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Oleksandr Viktorovych Klymenko (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: B. Kennelly u J. Pobjoy, Barristers, u R. Gherson, Solicitor)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364, tal-5 ta’ Marzu 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 62, p. 25) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357, tal- 5 ta’ Marzu 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2015, L 62, p. 1) sa fejn japplikaw għar-rikorrent; |
— |
sussidjarjament, tiddikjara li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendata) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendat), huma inapplikabbli sa fejn japplikaw għar-rikorrent minħabba illegalità; |
— |
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-proċeduri. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill naqas milli jidentifika bażi legali korretta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”) u għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) (flimkien, il-“miżuri kkontestati”). L-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma huwiex bażi legali korretta għad-Deċiżjoni peress li l-ilment li tressaq kontra r-rikorrent ma identifikahx bħala individwu li xekkel id-demokrazija fl-Ukraina jew ċaħħad lill-poplu Ukrain mill-benefiċċji ta’ żvilupp sostenibbli ta’ pajjiżhom (fis-sens tal-Artikolu 23 TUE u d-dispożizzjonijiet ġenerali fl-Artikolu 21(2) TUE). Peress li d-Deċiżjoni kienet invalida, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 215(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex jadotta r-Regolament. |
2. |
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkonstata li l-kriterju għall-elenkar tar-rikorrent fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendata) u fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendat) kien issodisfatt. Ir-rikorrent ma huwiex suġġett għal proċeduri kriminali għall-“miżapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi”, u lanqas ma huwa suġġett għal proċeduri kriminali “għall-abbuż tal-poter minn uffiċjal pubbliku bl-għan li jinkiseb vantaġġ indebitu għalih jew għal terz”. |
3. |
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u d-dritt għal amministrazzjoni tajba u għal rimedju ġudizzjarju effettiv. B’mod partikolari, il-Kunsill naqas milli jeżamina rigorożament u imparzjalment jekk l-allegati raġunijiet li jiġġustifikaw nomina mill-ġdid kinux fondati fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent qabel in-nomina mill-ġdid. |
4. |
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill naqas milli jikkonforma ruħu mal-obbligi ta’ motivazzjoni xierqa għan-nomina mill-ġdid tar-rikorrent. |
5. |
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kunsill kiser, mingħajr ġustifikazzjoni u b’mod sproporzjonat, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inklużi d-dritt tiegħu għal protezzjoni tal-proprjetà u tar-reputazzjoni tiegħu. L-impatt tal-miżuri kkontestati fuq ir-rikorrent huwa detrimentali, kemm għall-proprjetà tiegħu kif ukoll għar-reputazzjoni tiegħu fuq livell dinji. Il-Kunsill naqas milli juri li l-iffriżar tal-assi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent huwa relatat ma’, jew iġġustifikat minn, kwalunkwe għan leġittimu, u wisq inqas li huwa proporzjonat ma’ tali għan. |
6. |
Is-sitt motiv huwa invokat insostenn tad-dikjarazzjoni tal-illegalità, ibbażata fuq il-fatt li jekk, kuntrarjament għall-argumenti invokati fil-kuntest tat-tieni motiv, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendata) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014 (kif emendat) għandhom jiġu interpretati b’mod li jinkludu (a) kull investigazzjoni minn awtorità Ukraina indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk hemmx deċiżjoni jew proċedura ġudizzjarja li ssostniha, li tikkontrollaha jew li tissorveljaha; u/jew (b) kull “abbuż minn uffiċjal pubbliku sabiex jinkiseb vantaġġ indebitu” irrispettivament minn jekk hemmx allegazzjoni ta’ miżapproprijazzjoni ta’ fondi tal-Istat, il-kriterju tan-nomina, fid-dawl tal-portata u tal-kamp ta’ applikazzjoni li jirriżultaw minn interpretazzjoni tant wiesgħa, ikun nieqes minn bażi legali korretta; u/jew spoporzjonat mal-għanijiet tad-Deċiżjoni u tar-Regolament. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni tkun illegali. |