Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0235

    Kawża T-235/15: Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2015 – Pari Pharma vs EMA

    ĠU C 221, 6.7.2015, p. 26–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 221/26


    Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2015 – Pari Pharma vs EMA

    (Kawża T-235/15)

    (2015/C 221/35)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Pari Pharma GmbH (Starnberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Epping u W. Rehmann, avukati)

    Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

    Talbiet

    tannulla d-Deċiżjoni ASK-11351 (Vantobra) mogħtija mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fl-24 ta’ April 2015 sa fejn din id-deċiżjoni tagħti lil terz l-aċċess għar-rapport ta’ evalwazzjoni mis-CHMP tax-xebh tal-VANTOBRA mal-Cayston u mat-TOBI Podhaler (EMA/CHMP/702525/2014) u għar-rapport ta’ evalwazzjoni mis-CHMP tas-superjorità klinika tat-TOBI Podhaler (EMA/CHMP/778270/2014) skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1);

    tordna lill-EMA sabiex ma tiżvelax id-dokumenti ċċitati fil-punt preċedenti;

    sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni ASK-11351 (Vantobra) mogħtija mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fl-24 ta’ April 2015, sa fejn din id-deċiżjoni tagħti lil terz l-aċċess (i) għar-rapport ta’ evalwazzjoni mis-CHMP tas-superjorità klinika tat-TOBI Podhaler (EMA/CHMP/778270/2014) mingħajr tħassir supplimentari fil-paġni 9 (Tolleranza respiratorja superjuri tal-Vantobra meta mqabbel mat-Tobi Podhaler), 11, 12 u 14 (Estrapolazzjoni tat-tolleranza għall-Vantobra mit-TOBI), 17 sa 19 (Osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-ewwel mistoqsija u evalwazzjoni tar-riposta) u 19 sa 23 (Osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-tieni mistoqsija, Evalwazzjoni tar-riposta, 3. Konklużjoni u Rakkomandazzjoni), kif stabbilit fl-Anness A 1, u (ii) għar-rapport ta’ evalwazzjoni mis-CHMP tax-xebh tal-VANTOBRA mal-Cayston u mat-TOBI Podhaler (EMA/CHMP/702525/2014) mingħajr tħassir supplimentari fil-paġni 9 sa 10, Taqsima 2.3 (Indikazzjonijiet terapewtiċi, 1) Data minn stħarriġ fil-qasam), u fil-paġni 11 u 12, Taqsima 2.3 (Indikazzjonijiet terapewtiċi, 2) Intervista mat-tobba fiċ-ċentri CF), kif stabbilit fl-Anness A 2, u tordna lill-EMA sabiex ma tiżvelax id-dokumenti ċċitati iktar ’il fuq mingħajr it-tħassir li jirriżulta mill-Annessi A 1 u A 2, u

    tikkundanna lill-EMA għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed.

    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-EMA tikser ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u għalhekk tippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħha fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħajja privata u ta’ informazzjoni kunfidenzjali taħt l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), taħt l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta’ Novembru 1950 u taħt l-Artikolu 339 TFUE, il-libertà tagħha ta’ intrapriża taħt l-Artikolu 16 tal-Karta u d-dritt tagħha għall-proprjetà intellettwali taħt l-Artikolu 17(2) tal-Karta. Ir-rikorrenti ssostni li (i) l-iżvelar tad-dokumenti jippermetti lil kull kompetitur juża sempliċement id-data u l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti sabiex jikseb awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq għal prodott tiegħu ta’ tobramiċina mingħajr investiment addizzjonali, b’mod li jiġu ppreġudikati l-interessi kummerċjali tar-rikorrenti, u (ii) ma teżisti l-ebda raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali għall-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti.


    (1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


    Top