Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0185

    Kawża T-185/15: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ April 2015 – Buonotourist vs Il-Kummissjoni

    Information about publishing Official Journal not found, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 190/27


    Rikors ippreżentat fl-14 ta’ April 2015 – Buonotourist vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-185/15)

    (2015/C 190/31)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Buonotourist Srl (Castel San Giorgio, l-Italja) (rappreżentanti: G. Capo u L. Visone, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-19 ta’ Jannar 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat Sa.35843 (2014/c) (ex 2012/NN), innotifikata lir-rikorrenti fl-20 ta’ Frar 2015, implementata mill-Italja;

    tiddikjara, skont l-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura dwar għajnuna mill-Istat Sa.35843 (2014/c) (ex 2012/NN) (għal EUR 1 1 11  572,00), hija kompletament nulla u mingħajr effett sa fejn tqis li l-ammonti rrikonoxxuti bħala kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, kumpens taħt l-Artikolu 11 għal obbligu marbut ma’ tariffa fis-settur tat-Trasport Pubbliku Lokali, għandha titqies li hija miżura mhux innotifikata li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, li hija inkompatibbli mas-suq intern;

    tiddikjara, skont l-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-19 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura dwar għajnuna mill-Istat Sa. 35843 (2014/c) (ex 2012/NN) (għal EUR 1 1 11  572,00) hija kompletament nulla fil-parti fejn tadotta miżuri operattivi għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat Taljan;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minn Buonotourist s.r.l..

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża, il-Kummissjoni ddikkjarat li l-ħlasijiet mogħtija lil Buonotourist, kemm bħala kumpens kif ukoll għar-riżarċiment tad-danni, bl-impożizzjoni unilaterali illegali ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku (OSP), għas-snin 1996-2002, safejn ma humiex innotifikati, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, li hija inkompatibbli mas-suq intern. Iddisponiet, b’hekk, miżuri operattivi għall-irkupru tal-għajnuna.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 93, 107, 108 u 263 TFUE fir-rigward tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Volum 001, p. 19-25).

    Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-għoti ta’ kumpens irrikonoxxut mill-OSP ta’ tariffa b’applikazzjoni tar-Regolament (KEE) 1191/69 kellha tiġi evalwata skont id-dispożizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament u mhux b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni b’hekk wettqet żball ta’ liġi meta mxiet mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Kapitolu 08, Volum 001, p. 339-347), b’relazzjoni mal-Artikoli 107 u 108 TFUE.

    Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ttrattat l-għoti ta’ kumpens irrikonoxxut lil Buonotourist mill-OSP bħala miżura li ma hijiex innotifikata. Kuntrarjament għal dak li ntqal, il-ħlas tal-istess għoti ta’ kumpens sar wara n-notifika tal-miżura lill-Kummissjoni. B’hekk, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u ta’ proċedura meta adottat id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura erbatax-il xahar wara li rċeviet in-notifika.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 93, 107 u 108 TFUE fir-rigward tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) 1191/69 u tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70.

    Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi bil-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li l-każ huwa rregolat mir-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

    4.

    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(f) fir-rigward tal-Artikoli 1(g), 4, 7 u 15, tar-Regolament (KEE) Nru 659/1999. Fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) 1191/69.

    Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-kumpens li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-istess regolament huwa eżentat mill-proċedura ta’ informazzjoni preliminari; u li l-ammonti rrikonoxxuti lil Buonotourist jerġgħu jidħlu għalhekk fl-ambitu tal-għajnuna eżistenti. Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi bil-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, peress li ma tistax tordna l-irkupru tal-ammonti mħallsa minħabba l-klassifikazzjoni tal-għajnuna mogħtija bħala illegali.

    5.

    Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 267 TFUE u tal-Artikoli 6 u 13 KEDB, u tal-Artikoli 93, 107 u 108 TFUE.

    Hija ssostni f’dan ir-rigward li Il Consiglio di Stato kien diġà għamel evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 u 17 tar-Regolament (KEE) 1191/69, u b’hekk ħa pożizzjoni għall-inklużjoni, fl-għajnuna eżistenti, tal-ammonti rrikonoxxuti. Il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa peress li ma tistax tannulla d-deċiżjonijiet tal-qrati, anki nazzjonali, meta tapplika d-dritt Komunitarju.

    6.

    Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 6, 7 u 13 KEDB; tal-Artikoli 93 – 107 u 108 fir-rigward tal-Artikoli 258 et seq TFUE, fir-rigward tal-Artikolu 101 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana; u tal-Artikolu 2909 c.c.

    Hija ssostni f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni kkontestata tolqot ir-res judicata tal-Consiglio di Stato, fl-interpretazzjoni u applikazzjoni tan-normi Komunitarji. Il-Kummissjoni b’hekk għal darba oħra marret lil hinn mis-setgħa peress li ma tistax tannulla r-res judicata, iżda kellha ssegwi s-sens tal-Artikolu 258 TFUE.

    7.

    Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 11 u 17 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/19691, tal-Artikoli 93, 107 u 108 TFUE, u fuq l-eżistenza f’dan il-każ ta’ abbuż ta’ poter.

    Hija ssostni f’dan ir-rigward li miżura tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat meta tolqot b’mod reali u konkret il-kummerċ u l-kompetizzjoni libera, fis-sens li dan l-effett għandu jintwera b’mod konkret u reali. Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma wriet din iċ-ċirkustanza. Tant huwa hekk, li fir-Reġjun ta’ Campania, is-suq intern tat-traspost pubbliku lokali (TPL) qatt ma nfetaħ għall-kompetizzjoni.

    8.

    It-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1, 11 u 17 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, u tal-Artikoli 93, 107 u 108 TFUE.

    Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt għaliex sostniet li l-kumpens irrikonoxxut ġie stabbilit permezz ta’ metodu ta’ kalkolu stabbilit ex post. Mid-dokumenti annessi qed jidher, minflok, il-kontra.


    Top