Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015TN0156

    Kawża T-156/15: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2015 – Franza vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 190, 8.6.2015, p. 23–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 190/23


    Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2015 – Franza vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-156/15)

    (2015/C 190/28)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: F. Alabrune, G. de Bergues, D. Colas u C. Candat, aġenti)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2015) 53 finali, tas-16 ta’ Jannar 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn, fil-kuntest tal-għajnuna diretta, hija bbażata fuq konstatazzjonijiet li ma ġewx indikati fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u sa fejn is-sistema ta’ kontroll ma tippermettix l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet agrikoli tajbin u ambjentali għas-snin mitluba 2011 u 2012;

    tannulla parzjalment id-Deċiżjoni C (2015) 53 finali sa fejn hija teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq kollu mwettaq fis-settur tal-għajnuna fuq is-superfiċji fil-Korsika ta’ Fuq għas-snin mitluba 2010 et seq;

    tannulla parzjalment id-Deċiżjoni C (2015) 53 finali sa fejn hija teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq imwettaq mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tal-għajnuna bħala indennizz kumpensatorju tal-ostakoli naturali dwar it-taqsima 2 tal-programm rurali eżagonali bħala eżerċizzji finanzjarji 2010, 2011, 2012, u 2013. Sussidjarjament, tannulla parzjalment din id-deċiżjoni sa fejn teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea dik il-parti tal-infiq imwettaq mir-Repubblika Franċiża fil-kuntest tal-għajnuna ICHN għal ovini li kienu suġġetti għal kontrolli fil-post bħala kontrolli tal-identifikazzjoni tal-annimali;

    tannulla parzjalment id-Deċiżjoni C(2015) 53 finali sa fejn hija teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq imwettaq mir-Repubblika Franċiża fis-settur tar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor sa limitu ta’ 25 % tal-infiq imħallas lill-produtturi taz-zokkor li bbenefikaw minn għajnuna għaż-żarmar sħiħ u miżmuma bħala silos ta’ ħażna; sussidjarjament, tannulla parzjalment din id-deċiżjoni għar-raġuni li l-korrezzjoni finanzjarja imposta sa’ limitu ta’ 25 % tal-infiq bħala għajnuna mħallsa lill-produtturi taz-zokkor li bbenefikaw minn għajnuna għaż-żarmar sħiħ u miżmuma bħala silos ta’ ħażna hija sproporzjonata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi li jikkonċernaw tliet aspetti tad-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq il-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna s-settur tal-għajnuna diretta, l-ewwel taqsima, taħt l-eżerċizzji finanzjarji 2011, 2012, u 2013

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) 885/2006 (1) u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, sa fejn il-korrezzjoni fissa imposta fuq il-pagamenti kollha tal-għajnuna fis-settur indikat qabel, ħlief għall-Korsika ta’ Fuq, hija bbażata fuq nuqqasijiet mhux ikkomunikati lir-rikorrenti.

    2.

    It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 73/2009 (2) u tal-Anness III tal-imsemmi regolament.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) 885/2006 u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, sa fejn il-korrezzjoni finanzjarja applikata f’dan is-settur għall-infiq kollu bħala għajnuna fil-Korsika ta’ Fuq hija bbażata fuq nuqqasijiet mhux ikkomunikati lir-rikorrenti.

    4.

    Ir-raba’ motiv, imqajjem parzjalment fuq bażi sussidjarja, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dokument Nru VI/5330/97 tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji direttriċi dwar il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ verifika tal-kontijiet tal-FAEG-Garanzija”.

    Fuq il-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-kumpensi għall-ostakoli naturali dwar it-taqsima 2 tal-programm rurali eżagonali – FAEŻR

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(2) u (4), u tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) 1975/2006 (3), peress li l-Kummissjoni qieset bi żball li r-rikorrenti kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha fil-qasam tal-kontrolli għar-raġuni li hija ma kinitx wettqet l-għadd tal-annimali matul il-kontrolli fil-post.

    6.

    Is-sitt motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq estensjoni illegali tal-applikazzjoni tal-korrezzjoni fissa għall-ovini mhux eliġibbli għall-primjum tan-nagħaġ.

    Fuq il-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna l-korrezzjoni finanzjarja applikata fis-settur tar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor

    7.

    Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament 320/2006 (4), u tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) 968/2006 (5), peress li l-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq imwettaq mir-rikorrenti fis-settur indikat iktar ’il quddiem għar-raġuni li s-silos ta’ ħażna taz-zokkor miżmuma f’erba’ siti Franċiżi huma installazzjonijiet ta’ produzzjoni.

    8.

    It-tmien motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.


    (1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M , 2.12.2008, p. 162).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16).

    (3)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006 tas-7 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali (ĠU L 330M, 9.12.2008, p. 455).

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 tal-20 ta’ Frar 2006 li jistabilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 29).

    (5)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006 tas-27 ta’ Ġunju 2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità (ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 183).


    Top