Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0601

Kawża C-601/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-17 ta’ Novembru 2015 – J.N., il-parti l-oħra: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

ĠU C 38, 1.2.2016, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/34


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-17 ta’ Novembru 2015 – J.N., il-parti l-oħra: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-601/15)

(2016/C 038/47)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State (kunsill tal-Istat)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: J.N.

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (segretarju tal-Istat għas-sigurtà u għall-ġustizzja)

Domanda preliminari

L-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 96) huwa konformi mal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 1):

1)

f’sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ikun inżamm f’detenzjoni skont l-Artikolu 8(3)(e) ta’ din id-direttiva u għandu d-dritt, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 60) li jibqa’ fi Stat Membru sakemm l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza, u

2)

fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 202) li skont dawn il-limitazzjonijiet li jistgħu leġittimament jiġu imposti fuq id-drittijiet previsti fl-Artikolu 6 ma jistgħux jeċċedu l-limiti permessi mill-KEDB [Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem] fil-formulazzjoni stess tal-Artikolu 5(1)(f), u tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għal din l-aħħar dispożizzjoni, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha, tat-22 ta’ Settembru 2015, Nabil et vs L-Ungerija, 62116/12, li skont din id-detenzjoni ta’ applikant għall-ażil tmur kontra d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tal-KEDB jekk din id-detenzjoni ma kinitx ġiet imposta għall-finijiet ta’ tneħħija?


Top