Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0548

    Kawża C-548/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-21 ta’ Ottubru 2015 – J. J. de Lange vs Staatssecretaris van Financiën

    ĠU C 38, 1.2.2016, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 38/21


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-21 ta’ Ottubru 2015 – J. J. de Lange vs Staatssecretaris van Financiën

    (Kawża C-548/15)

    (2016/C 038/31)

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Hoge Raad der Nederlanden

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: J. J. de Lange

    Konvenut: Staatssecretaris van Financiën

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (1) tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għal konċessjoni li tinsab fil-leġiżlazzjoni tat-taxxa li fuq il-bażi tagħha spejjeż tal-istudji jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli?

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva:

    2)

    Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE, għandu jiġi applikat għal konċessjoni tat-taxxa li fuq il-bażi tagħha spejjeż ta’ taħriġ jitnaqqas biss taħt ċerti ċirkustanzi, anki meta dik il-konċessjoni taqa’ lil hinn mill-kamp materjali tad-Direttiva 2000/78/KE u meta dak l-arranġament ma jimplemetax id-dritt tal-UE?

    Jekk ir-risposta għall-ewwel jew it-tieni domandi magħmula tkun pożittiva:

    3)

    (a)

    Jistgħu differenzi fit-trattament li jmorru kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE jiġu ġġustifikati bil-mod ipprovdut fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78/KE?

    (b)

    Jekk le, liema kriterji huma applikabbli għall-applikazzjoni ta’ dak il-prinċipju jew għall-ġustifikazzjoni ta’ distinzjoni bbażata fuq l-età?

    4)

    (a)

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78/KE u/jew il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont l-età jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jiġġustifikaw differenza fit-trattament skont l-età jekk ir-raġuni għal dik id-differenza tirrigwarda biss xi wħud mill-każijiet affettwati minn din id-distinzjoni?

    (b)

    Tista’ distinzjoni bbażata fuq l-età tiġi ġġustifikata mill-perspettiva tal-leġiżlatur li, lil hinn minn ċerta età, konċessjoni tat-taxxa ma għandhiex bżonn tkun disponibbli għaliex hija “responsabbiltà personali” tal-persuna li titlobha sabiex tikseb l-għan imfittex mill-konċessjoni?


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 4 p. 79.


    Top