Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0104

    Kawża C-104/15: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rumanija

    ĠU C 146, 4.5.2015, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.5.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 146/29


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Rumanija

    (Kawża C-104/15)

    (2015/C 146/35)

    Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Nicolae, D. Loma-Osorio Lerena, bħala aġenti)

    Konvenuta: Ir-Rumanija

    Talbiet

    tikkonstata li billi r-Rumanija naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa biex tipprevjeni t-tniġġiż permezz ta’ partiċelli tat-trab ġejjin mill-estensjoni tal-għadira ta’ Bosneag, proprjetà tal-operazzjonijiet tal-minjieri ta’ ram u żingu ta’ Moldomin f’Moldova Noua, ir-Rumanija ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-iskart, li emendat id-Direttiva 2004/35/KE (1).

    tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Il-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Rumanija jirrigwardaw il-falliment tal-miżuri neċessarji imposti fuq l-awtoritajiet Rumeni sabiex jipprevjenu t-tniġġiż minn partiċelli tat-trab li ġejjin minn waħda mill-għadajjar ta’ operazzjoni tal-minjera tar-ram.

    Il-Kummissjoni tissottometti li bin-nuqqas tagħha li tieħu l-miżuri neċessarji biex tevita t-tixrid ta’ partiċelli tat-trab mill-wiċċ tal-estensjoni tal-għadira ta’ Bosneag, li affettwat is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, ir-Rumanija ma kkonformatx ruħha mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/21/KE. Il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija għandha tiżgura l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent minn kull effett negattiv, anki jekk tibbenefika minn ċertu grad ta’ flessibbiltà dwar il-miżuri speċifiċi li għandha tadotta, jekk ir-rekwiżiti ddefiniti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva għandhom jiġu osservati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva jimponi obbligu speċifiku fuq l-awtorità kompetenti, jiġifieri, li għandha tiżgura li l-operatur jadotta miżuri adegwati sabiex jipprevjeni jew inaqqas it-trab.

    Il-Kummissjoni tistrieħ, f’din il-proċedura, fuq ir-rapport tal-awtorità kompetenti Rumena għal protezzjoni ambjentali, informazzjoni mill-istampa u r-risposti pprovduti mir-Rumanija fil-proċedura prekontenzjuża, li juru li fl-inħawi ta’ Moldova Noua hemm tniġġiż kunsiderevoli ta’ trab li ġej mill-estensjoni tal-għadira ta’ Bosneag li għandha, b’mod partikolari, meta jiżdied ir-riħ, effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tar-residenti tal-lokal u fuq l-ambjent.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija ma tistax tistrieħ fuq sitwazzjonijiet purament interni bħall-privatizzazzjoni ta’ Moldomin u l-obbligi ambjentali futuri ta’ xerrej, sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva.


    (1)  ĠU L 102, p 15 (Edizzjoni speċjali, 15/vol. 16, p. 3)


    Top