EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0042

Kawża C-42/15: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Dunajská Streda (is-Slovakkja) fit-2 ta’ Frar 2015 – Home Credit Slovakia a. s. vs Klára Bíróová

ĠU C 155, 11.5.2015, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Dunajská Streda (is-Slovakkja) fit-2 ta’ Frar 2015 – Home Credit Slovakia a. s. vs Klára Bíróová

(Kawża C-42/15)

(2015/C 155/10)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Okresný súd Dunajská Streda

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Home Credit Slovakia a. s.

Konvenuta: Klára Bíróová

Domandi preliminari

1)

Il-kliem “fuq karta” u “fuq mezz durabbli ieħor” li jinsabu fl-Artikolu 10(1), [moqri flimkien mal-Artikolu 3(m),] tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66, iktar 'il quddiem id-“Direttiva 2008/48”) għandhom jinftiehmu bħala li jindirizzaw:

mhux biss it-test ta’ dokument (fiżiku, “hard copy”) iffirmat mill-partijiet kontraenti, li jkunu jinkludu l-elementi (informazzjoni) rikjesta mill-Artikolu 10(2)(a) sa (v) tad-Direttiva, iżda wkoll

kull dokument ieħor li dan it-test jagħmel riferiment għalih u li, skont id-dritt nazzjonali, jifforma parti integrali mill-kuntratt (pereżempju dokument li jinkludi “kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt”, “kundizzjonijiet ta’ self”, “tariffi”, “skeda ta’ żmien”, stabbilit mill-kreditur), anki jekk dan id-dokument ma jkunx jissodisfa huwa stess ir-rekwiżit tal-“forma bil-miktub” fis-sens tad-dritt nazzjonali kkonċernat (pereżempju peress li ma jkunx iffirmat mill-partijiet kontraenti)?

2)

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, li jistabbilixxi li l-għan tad-direttiva jikkonsisti fl-armonizzazzjoni sħiħa fil-qasam ikkonċernat, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li:

teżiġi li l-elementi kollha rikjesti mill-Artikolu 10(2)(a) sa (v), għandhom ikunu kontenuti f’dokument li jissodisfa r-rekwiżit tal-“forma bil-miktub” fis-sens tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat (jiġifieri, bħala prinċipju, f’dokument iffirmat mill-partijiet kontraenti) u

ma jirrikonoxxux l-effetti legali kollha ta’ kuntratt ta’ kreditu lill-konsumaturi sempliċiment peress li parti mill-elementi rikjesti ma jkunux inklużi fid-dokument iffirmat, anki meta dawn l-elementi jkunu (totalment jew parzjalment) inklużi f’dokument partikolari (li jinkludi, pereżempju, “kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt”, “kundizzjonijiet ta’ self”, “tariffi”, “skeda ta’ żmien”, stabbiliti mill-kreditur), fejn i) il-kuntratt bil-miktub ikun jagħmel huwa stess riferiment għal dan id-dokument, ii) il-kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni ta’ dan id-dokument fil-kuntratt, previsti mid-dritt nazzjonali, ikunu ssodisfatti u iii) il-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumaturi hekk maqbul ikun jissodisfa fl-intier tiegħu r-rekwiżit ta’ kuntratt stabbilit “fuq mezz durabbli ieħor” fis-sens tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva?

3)

L-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni rikjesta minn din id-dispożizzjoni (b’mod iktar preċiż il-“frekwenza tal-ħlasijiet”):

għandha tkun adattata individwalment għall-klawżoli ta’ kuntratt partikolari [bħala prinċipju billi jiġu indikati b’mod preċiż l-iskadenzi għar-rimbors (jum, xahar, sena) tas-self] jew

li huwa suffiċjenti li l-kuntratt jinkludi riferiment ġenerali għal elementi oġġettivament identifikabbli, li minnhom tista’ tiġi dedotta din l-informazzjoni (pereżempju bil-klawżoli li jipprevedu li “il-pagamenti mensili huma pagabbli mhux iktar tard mill-15-il jum ta’ kull xahar”, li “l-ewwel ħlas għandu jsir sa mhux iktar tard minn xahar mill-iffirmar tal-kuntratt u [li] kull ħlas ieħor għandu jsir dejjem xahar wara l-ħlas tal-pagament mensili preċedenti” jew bl-użu ta’ xi formulazzjoni oħra ta’ dan it-tip?

4)

Jekk l-interpretazzjoni li tinsab fit-tieni inċiż tat-tielet domanda hija korretta:

L-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni rikjesta minn din id-dispożizzjoni (jiġifieri il-“frekwenza tal-ħlasijiet”) tista’ tkun tinsab ukoll f’dokument partikolari, li jagħmel riferiment għalih il-kuntratt li jissodisfa r-rekwiżit tal-forma bil-miktub (fis-sens tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva), iżda li ma huwiex huwa stess suġġett għal dan ir-rekwiżit (li jfisser li, bħala prinċipju, huwa ma għandux neċessarjament ikun iffirmat mill-partijiet kontraenti; din l-informazzjoni tista’ tkun, pereżempju, “kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt”, “kundizzjonijiet ta’ self”, “tariffi”, “skeda ta’ żmien”, stabbiliti mill-kreditur)?

5)

L-Artikolu 10(2)(i) moqri flimkien mal-punt (h) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens:

li l-kuntratt ta’ kreditu għal żmien determinat, li jistabbilixxi li l-kapital għandu jiġi rrimborsat/imħallas lura b’pagamenti differenti, ma għandux neċessarjament, fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, jindika b’mod preċiż liema parti minn kull ħlas tkun qiegħda tiġi allokata għar-rimbors tal-kapital u liema parti għall-ħlas tal-interessi ordinarji u tal-ispejjeż (jiġifieri ma huwiex neċessarju li skeda ta’ żmien/tabella ta’ pagamenti tkun tifforma parti integrali mill-kuntratt), iżda li din l-informazzjoni tista’ tkun inkluża fi skeda ta’ żmien/tabella ta’ pagamenti li l-kreditur jippreżenta lid-debitur fuq talba ta’ dan tal-aħħar jew

li l-Artikolu 10(2)(h), jiggrantixxi lid-debitur dritt addizzjonali li jitlob, fi kwalunkwe mument matul il-validità tal-kuntratt ta’ kreditu, estratt tat-tabella ta’ pagamenti li tirrigwarda jum speċifiku, mingħajr dan id-dritt ma jkun jeżenta lill-partijiet kontraenti mill-obbligu li jindikaw, fil-kuntratt stess, l-allokazzjoni tal-ħlasijiet differenti previsti (li għandom, skont il-kuntratt ta’ kreditu, jitwettqu matul il-perijodu ta’ validità tiegħu) għar-rimbors tal-kapital u għall-ħlas tal-interessi ordinarji u tal-ispejjeż, skont modalitajiet adattati individwalment għall-kuntratt partikolari?

6)

Jekk l-interpretazzjoni li tinsab fl-ewwel inċiż tal-ħames domanda hija korretta:

din id-domanda taqa’ fil-qasam tal-armonizzazzjoni sħiħa segwita mid-Direttiva 2008/48, sabiex, skont l-Artikolu 22(1), Stat Membru ma jistax jeżiġi li kuntratt ta’ kreditu jindika preċiżament liema parti minn kull ħlas jiġi allokat għar-rimbors tal-kapital u liema parti għall-ħlas tal-interessi ordinarji u tal-ispejjez (jiġifieri li dan ma jistax jeżiġi li skeda ta’ żmien/tabella ta’ pagamenti preċiżi jkunu jifformaw parti integrali mill-kuntratt)?

7)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/48, li jistabbilixxi li d-Direttiva għandha l-għan li tarmonizza b’mod sħiħ il-qasam ikkonċernat, jew tal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, li jeżiġu li s-sanzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jistabbilixxu li l-assenza tal-maġġoranza tal-elementi tal-kuntratt ta’ kreditu rikjesti mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 twassal sabiex il-kreditu mogħti jitqies bħala eżentat mill-interessi u mill-ispejjeż, b’tali mod li d-debitur ikun obbligat jirrimborsa biss lill-kreditur l-ammonti pprovduti lilu skont il-kuntratt?


Top