This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CJ0641
Judgment of the Court (Second Chamber) of 16 February 2017.#Verwertungsgesellschaft Rundfunk GmbH v Hettegger Hotel Edelweiss GmbH.#Request for a preliminary ruling from the Handelsgericht Wien.#Reference for a preliminary ruling — Intellectual property — Directive 2006/115/EC — Article 8(3) — Exclusive right of broadcasting organisations — Communication to the public — Places accessible to the public against payment of an entrance fee — Communication of broadcasts by TV sets installed in hotel rooms.#Case C-641/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Frar 2017.
Verwertungsgesellschaft Rundfunk GmbH vs Hettegger Hotel Edelweiss GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(3) – Dritt esklużiv tal-organizzazzjonijiet tax-xandir – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul – Komunikazzjoni tax-xandiriet permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda.
Kawża C-641/15.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Frar 2017.
Verwertungsgesellschaft Rundfunk GmbH vs Hettegger Hotel Edelweiss GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(3) – Dritt esklużiv tal-organizzazzjonijiet tax-xandir – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul – Komunikazzjoni tax-xandiriet permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda.
Kawża C-641/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:131
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
tas-16 ta’ Frar 2017 ( 1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali — Direttiva 2006/115/KE — Artikolu 8(3) — Dritt esklużiv tal organizzazzjonijiet tax-xandir — Komunikazzjoni lill-pubbliku — Postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul — Komunikazzjoni tax-xandiriet permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda”
Fil-Kawża C‑641/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura
Verwertungsgesellschaft Rundfunk GmbH
vs
Hettegger Hotel Edelweiss GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Verwertungsgesellschaft Rundfunk GmbH, minn S. Korn, Rechtsanwalt, |
— |
għal Hettegger Hotel Edelweiss GmbH, minn G. Kucsko, Rechtsanwalt, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u J. Samnadda, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Verwertungsgesellschaft Rundfunk GmbH u Hettegger Hotel Edelweiss GmbH rigward il-komunikazzjoni minn din tal-aħħar ta’ xandiriet tat-televiżjoni u tar-radju permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar tal-lukanda tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
Il-Konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-artisti, tal-produtturi tal-fonogrammi u tal-organizzazzjonijiet tax-xandir, iffirmata f’Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), fl-Artikolu 13 tagħha, intitolat “Protezzjoni minima tal-organizzazzjonijiet tax-xandir”, tipprevedi: “L-organizzazzjonijiet tax-xandir għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw jew jipprojbixxu: […]
|
Id-dritt tal-Unjoni
4 |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230): “L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.” |
5 |
Il-premessa 7 tad-Direttiva 2006/115 tipprevedi: “Il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri għandha tiġi approssimata b’tali mod li ma tmurx kontra l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati d-drittijiet ta’ l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati ta’ bosta Stati Membri.” |
6 |
Skont il-premessa 16 ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jipprovdu għal protezzjoni aktar vasta għal sidien ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur minn dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet stabbiliti b’din id-Direttiva rigward xandir u kommunikazzjoni lill-pubbliku.” |
7 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-artisti d-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir b’mezzi mingħajr fili u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-wirjiet tagħhom, ħlief fejn il-wirja tkun fiha nnifisha diġà wirja mxandra jew tkun saret minn iffissar. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk jintuża fonogramm ippubblikat għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom. 3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom b’mezzi mingħajr fili, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom jekk din il-komunikazzjoni ssir f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul.” |
Id-dritt Awstrijak
8 |
L-Artikolu 76a tal-Urheberrechtsgesetz (liġi dwar id-dritt tal-awtur, iktar ’il quddiem, l-“UrhG”), intitolat “Xandiriet trażmessi”, li huwa intiż sabiex jittrasponi fid-dritt Awstrijak l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115, jipprevedi: “1. Kull min jittrażmetti, bix-xandir jew b’mod simili, ħsejjes jew immaġni (organizzazzjoni tax-xandir fis-sens tal-Artikolu 17) għandu, fil-limiti stabbiliti mil-liġi, id-dritt esklużiv li jagħmel simultanjament ix-xandir permezz ta’ korp ieħor li jxandar u li juża x-xandir għall-finijiet ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 18(3), f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul […] […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 |
Verwertungsgesellschaft Rundfunk hija kumpannija ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li l-benefiċjarji tagħha huma bosta organizzazzjonijiet tax-xandir stabbiliti fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija jew fi Stati Membri oħra. Hija awtorizzata sabiex teżerċita ċerti drittijiet tal-proprjetà intelletwali tal-benefiċjarji tagħha, b’mod partikolari fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku permezz tax-xandir. |
10 |
Hettegger Hotel Edelweiss, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Awstrijak, topera l-lukanda Edelweiss li tinsab fi Grossarl (l-Awstrija), li għandha konnessjoni mat-televiżjoni bil-cable li minnha diversi programmi tat-televiżjoni u tar-radju, fosthom dawk prodotti u mxandra mill-benefiċjarji ta’ Verwertungsgesellschaft Rundfunk, jiġu trażmessi mill-ġdid simultanjament, mingħajr bdil u integralment, permezz tal-cable, lis-settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar tal-lukanda. |
11 |
Verwertungsgesellschaft Rundfunk adixxiet lill-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) sabiex Hettegger Hotel Edelweiss tiġi ordnata, minn naħa, tipprovdilha informazzjoni dwar il-programmi tar-radju u tat-televiżjoni li jistgħu jiġu rċevuti kif ukoll dwar in-numru ta’ kmamar ta’ lukanda kkonċernati u, min-naħa l-oħra, tħallasha d-danni. |
12 |
Hija ssostni, quddiem din il-qorti, li Hettegger Hotel Edelweiss twettaq, billi tqiegħed għad-dispożizzjoni settijiet tat-televiżjoni fil-kmamar tal-lukanda tagħha u billi tikkomunika x-xandir bit-televiżjoni u bir-radju permezz ta’ dawn is-settijiet, att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 76a tal-UrhG u tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115. Fil-fehma tagħha, il-prezz tal-kamra għandu jitqies bħala miżata għad-dħul fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn l-offerta ta’ televiżjoni fil-lukanda tinfluwenza dan il-prezz. Hija ssostni, konsegwentement, li din il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandir tal-benefiċjarji li hija tirrappreżenta għandha tiġi suġġetta għall-awtorizzazzjoni minn dawn tal-aħħar kif ukoll għall-ħlas ta’ tariffi. |
13 |
Hettegger Hotel Edelweiss opponiet dawn l-allegazzjonijiet billi sostniet li l-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 76a tal-UrhG tippreżupponi komunikazzjoni f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata u li din l-espressjoni tirreferi għal miżata għad-dħul mitluba speċifikament għal din il-komunikazzjoni. Għaldaqstant, il-prezz li klijent ta’ lukanda għandu jħallas b’korrispettiv tal-lejl akkomodazzjoni ma jistax jitqies, fil-fehma tagħha, bħala miżata għad-dħul. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115 hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li din l-interpretazzjoni ma hijiex tant ovvja li ma tħalli post għal ebda dubju raġonevoli. |
15 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domanda preliminari li ġejja: “Il-kriterju tal-‘ħlas ta’ miżata għad-dħul’, li jinsab fl-Artikolu 8(3) tad-[Direttiva 2006/115] huwa ssodisfatt meta:
|
Fuq id-domanda preliminari
16 |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni ta’ xandir bit-televiżjoni u bir-radju permezz ta’ settijiet ta’ televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda tikkostitwixxi komunikazzjoni magħmula f’post aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul. |
17 |
Għandu jitfakkar li, fis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punti 47 u 54), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-distribuzzjoni ta’ sinjal permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni minn lukanda lill-klijenti li jinsabu fil-kmamar tagħha, tkun xi tkun it-teknika ta’ trażmissjoni tas-sinjal użata, tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, u li n-natura privata tal-kmamar ta’ tali lukanda ma tipprekludix li l-komunikazzjoni ta’ xogħol b’dan il-mezz tkun tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
18 |
Fir-rigward tad-Direttiva 2006/115 li tagħha hija mitluba l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll, fis-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland) (C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 47), li l-operatur ta’ lukanda li jipprovdi fil-kmamar tal-klijenti tiegħu settijiet tat-televiżjoni u/jew tar-radju lejn liema huwa jiddistribwixxi sinjal imxandar iwettaq att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva. |
19 |
Peress li l-kunċetti użati minn dawn id-direttivi għandhom l-istess tifsira, sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma esprimiex intenzjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 188, kif ukoll tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 33), il-provvista ta’ sinjal permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni u tar-radju installati fil-kmamar ta’ lukanda tikkostitwixxi wkoll, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandiriet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115. |
20 |
Madankollu, b’mod differenti, fost l-oħrajn, mid-dritt esklużiv tal-artisti u mid-dritt tal-produtturi tal-fonogrammi previsti, rispettivament, fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115, id-dritt esklużiv tal-organizzazzjonijiet tax-xandir previst fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu huwa limitat għall-każijiet ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku f’postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul. |
21 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul”, għandu jiġi osservat li mill-premessa 7 tad-Direttiva 2006/115 jirriżulta li din hija intiża sabiex tapprossima l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’osservanza, b’mod partikolari, tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Għalhekk, minkejja li din il-konvenzjoni ma tagħmilx parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ din li għandhom jiġu interpretati l-kunċetti li jinsabu fid-Direttiva 2006/115, b’tali mod li jibqgħu kompatibbli mal-kunċetti ekwivalenti li jinsabu fl-imsemmija konvenzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-kuntest li jagħmlu parti minnu dawn il-kunċetti u l-għan segwit permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C-135/10, EU:C:2012:140, punti 53 sa 56). |
22 |
F’dan il-każ, il-portata tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku previst fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115 hija ekwivalenti għal dik tad-dritt previst fl-Artikolu 13(d) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li, skont il-formola riprodotta fl-imsemmi Artikolu 8(3), jillimitaha għall-“postijiet aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punti 94 sa 96). Fil-fatt, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet, kif tikkonferma l-proposta emendata ta’ direttiva, bid-data tat-30 ta’ April 1992 [COM (92) 159 finali, p. 12)], li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120), li tħassret u ġiet ikkodifikata permezz tad-Direttiva 2006/115, li jsegwi fil-biċċa l-kbira d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ruma li jistabbilixxu protezzjoni minima sabiex tinkiseb protezzjoni minima uniformi fl-Unjoni u, billi bbaża l-Artikolu 6a(3) tad-direttiva proposta skont l-Artikolu 13(d) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li jipprevedi dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandir ta’ televiżjoni fil-kundizzjonijiet imsemmija f’din il-konvenzjoni. |
23 |
Rigward il-kundizzjoni tal-pagament ta’ miżata għad-dħul prevista fl-Artikolu 13(d) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandu jiġi osservat li, skont il-Gwida tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u skont il-Konvenzjoni Fonogrammi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), dokument imfassal mill-WIPO li, mingħajr ma għandu saħħa vinkolanti, jipprovdi spjegazzjonijiet dwar l-oriġini, l-għan, in-natura u l-portata tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, u li l-punti 13.5 u 13.6 tiegħu jirrigwardaw dan l-artikolu, din il-kundizzjoni tippreżupponi pagament mitlub speċifikament b’korrispettiv għal komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandir bit-televiżjoni u li, b’dan il-mod, il-fatt tal-ħlas għal ikla jew għal xorb f’ristorant jew f’bar fejn huma trażmessi xandiriet bit-televiżjoni ma jitqiesx bħala pagament ta’ miżata għad-dħul fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
24 |
Għandu jiġi kkonstatat li, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 26 sa 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prezz ta’ kamra f’lukanda ma huwiex, bħall-prezz ta’ servizz tal-ikel, miżata għad-dħul mitluba speċifikament b’korrispettiv għal komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandir bit-televiżjoni jew bir-radju, iżda jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ servizz ta’ akkomodazzjoni prinċipalment, li miegħu jiżdiedu, skont il-kategorija tal-lukanda, ċerti servizzi addizzjonali, bħall-komunikazzjoni ta’ xandiriet bit-televiżjoni jew bir-radju permezz ta’ tagħmir ta’ riċezzjoni fil-kmamar, li normalment huma inklużi mingħajr distinzjoni fil-prezz tal-lejl akkomodazzjoni. |
25 |
Għaldaqstant, jekk id-distribuzzjoni ta’ sinjal permezz ta’ tagħmir tat-televiżjoni u tar-radju installati fil-kmamar ta’ lukanda tikkostitwixxi provvista ta’ servizz addizzjonali li għandha influwenza fuq l-istanding tal-lukanda u, għalhekk, fuq il-prezz tal-kamra, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 44), u tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland) (C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 44), fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, ma jistax jitqies li din il-provvista addizzjonali hija offruta f’post aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul fis-sens tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva. |
26 |
Għaldaqstant, il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xandiriet bit-televiżjoni u bir-radju permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni u tar-radju installati fil-kmamar ta’ lukanda ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt esklużiv tal-organizzazzjonijiet tax-xandir previst fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115. |
27 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni ta’ xandiriet bit-televiżjoni u bir-radju permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda ma tikkostitwixxix komunikazzjoni magħmula f’post aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul. |
Fuq l-ispejjeż
28 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni ta’ xandiriet bit-televiżjoni u bir-radju permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni installati fil-kmamar ta’ lukanda ma tikkostitwixxix komunikazzjoni magħmula f’post aċċessibbli għall-pubbliku fuq ħlas ta’ miżata għad-dħul. |
Firem |
( 1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.