Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0588

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-14 ta’ Settembru 2017.
    LG Electronics, Inc. u Koninklijke Philips Electronics NV vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Akkordji – Suq dinji tat-tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter – Ftehimiet u prattiki miftiehma fir-rigward ta’ prezzijiet, ta’ tqassim tas-swieq u ta’ klijenti u ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni – Drittijiet ta’ difiża – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta biss lill-kumpanniji omm ta’ impriża konġunta u mhux lil din l-aħħar impriża – Multa – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi (2006) – Punt 13 – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ fir-rigward tal-ksur – Bejgħ intragrupp tal-prodott ikkonċernat barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti lesti li jintegraw il-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE – Ugwaljanza fit-trattament.
    Kawżi magħquda C-588/15 P u C-622/15 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:679

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    14 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

    “Appell – Akkordji – Suq dinji tat-tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u għall-moniters tal-kompjuter – Ftehimiet u prattiki miftiehma fir-rigward ta’ prezzijiet, ta’ tqassim tas-swieq u ta’ klijenti u ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni – Drittijiet ta’ difiża – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta biss lill-kumpanniji omm ta’ impriża konġunta u mhux lil din l-aħħar impriża – Multa – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi (2006) – Punt 13 – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ fir-rigward tal-ksur – Bejgħ intragrupp tal-prodott ikkonċernat barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti lesti li jintegraw il-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE – Ugwaljanza fit-trattament”

    Fil-Kawżi magħquda C-588/15 P u C-622/15 P,

    li għandha bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati rispettivament fit-12 u d-19 ta’ Novembru 2015,

    LG Electronics Inc., stabbilita f’Seoul (il-Korea t’Isfel), irrappreżentata minn G. van Gerven u T. Franchoo, avukati,

    Koninklijke Philips Electronics NV, stabbilita f’Eindhoven (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn E. Pijnacker Hordijk, J.K. de Pree u S. Molin, avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan, V. Bottka u I. Zaloguin, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Mejju 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C-588/15 P, LG Electronics Inc. (iktar 'il quddiem, “LGE”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Settembru 2015, LG Electronics vs Il-Kummissjoni (T-91/13, mhux ippubblikata, iktar 'il quddiem is-“sentenza appellata I”, EU:T:2015:609), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 8839, tal-5 ta’ Diċembru 2012, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.437 – Tubi katodiċi għas-settijiet tat-televiżjoni u minters tal-kompjuter (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din tikkonċernahom, u sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom permezz ta’ din id-deċiżjoni.

    2

    Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C-622/15 P, Koninklijke Philips Electronics NV (iktar 'il quddiem “Philips”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il-Kummissjoni (T‑92/13, mhux ippubblikata, iktar 'il quddiem is-“sentenza appellata II”, EU:T:2015:605, li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sa fejn tikkonċernaha, għat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha minn din id-deċiżjoni.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    3

    Mill-punt 9 tas-sentenza appellata I u mill-punt 10 tas-sentenza appellata II (iktar 'il quddiem is-“sentenzi appellati”) jirriżulta li, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li l-produtturi prinċipali fi skala mondjali tat-tubi tar-raġġi katodiċi (cathode ray tubes, iktar 'il quddiem is-“CRT” kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar 'il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), billi pparteċipaw f’żewġ ksur separati, li kull wieħed minnhom jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu. Dan il-ksur jikkonċerna, minn naħa, is-suq tat-tubi katodiċi bil-kulur għal moniters tal-kompjuter (colour display tubes, iktar 'il quddiem is-“CDT”) u, min-naħa l-oħra, is-suq tat-tubi katodiċi bil-kulur għas-settijiet tat-televiżjoni (colour picture tubes, iktar 'il quddiem is-“CPT”).

    4

    Kif indikat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 2 kemm tas-sentenza appellata I kif ukoll tas-sentenza appellata II, is-CRT huma kontenituri tal-ħġieġ vojta li fihom electron gun u moniter fluworexxenti, ġeneralment mgħammra b’apparat intern jew estern sabiex jaċċellera u jiddevja l-elettroni. Meta elettroni sparati mill-electron gun jolqtu l-moniter fluworexxenti, jiġi prodott id-dawl u tinħoloq l-immaġni fuq il-moniter. Is-CDT u s-CPT kienu l-uniċi żewġ tipi ta’ CRT li kienu jeżistu fiż-żmien tal-fatti kkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża.

    5

    Mill-punt 1 tas-sentenza appellata I jiriżulta li LGE hija fornitur ta’ materjal elettroniku tal-konsumatur, tagħmir ta’ komunikazzjoni mobbli u tagħmir tal-elettriku tad-dar. LGE u s-sussidjarja tagħha kompleta, LG Electronics Wales Ltd (ir-Rejnu Unit) kienu jimmanifatturaw u jbigħu CRT sal-1 ta’ Lulju 2001.

    6

    Barra minn hekk, mill-punt 1 tas-sentenza appellata II jirriżulta li Philips hija l-kumpannija holding tal-grupp Philips, li tispeċjalizza fil-prodotti elettroniċi u, b’mod partikolari, fit-tagħmir mediku, is-sistemi tad-dawl u l-elettronika għall-konsumatur. Sal-1 ta’ Lulju 2001, dan il-grupp ipproduċa, b’mod partikolari, is-CRT.

    7

    Fil-punt 3 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali indikat li, mill-1 ta’ Lulju 2001, LGE u Philips amalgamaw l-attivitajiet globali tagħhom fil-qasam tas-CRT f’impriża konġunta, il-grupp LPD, li kien immexxi minn LG Philips Displays Holding BV. LGE u Philips ittrasferixxew l-attivitajiet kollha tagħhom fil-qasam tas-CRT fl-impriża konġunta.

    8

    Mill-punt 15 tas-sentenza appellata I u mill-punt 16 tas-sentenza appellata II jirriżulta li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minn naħa, LGE kif ukoll is-sussidjarji tagħha u, min-naħa l-oħra, is-sussidjarji ta’ Philips kienu pparteċipaw f’akkordji dwar is-CDT u s-CPT sal-mument tat-trasferiment tal-attivitajiet CRT lill-grupp LPD, fl-1 ta’ Lulju 2001. Konsegwentement, LGE u Philips inżammu responsabbli għall-ksur imwettaq relatat mas-CDT, tal-24 ta’ Ottubru 1996, fil-każ ta’ LGE, u tad-29 ta’ Ġunju 1997, fil-każ ta’ Philips, sat-30 ta’ Ġunju 2001 fiż-żewġ każijiet, kif ukoll il-ksur imwettaq relatat mas-CPT, tat-3 ta’ Diċembru 1997, fil-każ ta’ LGE, u tad-29 ta’ Jannar 1997, fil-każ ta’ Philips, sat-30 ta’ Ġunju 2001, fiż-żewġ każijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-appellanti kellhom, bħala kumpanniji omm, jinżammu responsabbli wkoll in solidum għall-parteċipazzjoni tal-grupp LPD fl-akkordji relatati mas-CDT u mas-CPT matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Jannar 2006.

    9

    B’hekk, il-Kummissjoni, fl-Artikolu 1(1)(c) u (d) tad-deċiżjoni kontenzjuża, ikkonstatat li Philips kienet ipparteċipat fl-akkordju dwar is-CDT mit-28 ta’ Jannar 1997 sat-30 ta’ Jannar 2006 u li LGE kienet ipparteċipat fl-istess akkordju mill-24 ta’ Ottubru 1996 sat-30 ta’ Jannar 2006. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fl-Artikolu 1(2)(f) u (g) ta’ din id-deċiżjoni, li Philips kienet ipparteċipat fl-akkordju dwar is-CDT mill-21 ta’ Settembru 1999 sat-30 ta’ Jannar 2006 u li LGE kienet ipparteċipat fl-akkordju tat-3 ta’ Diċembru 1997 sat-30 ta’ Jannar 2006.

    10

    Fir-rigward tal-akkordju relatat mas-CPT, permezz tal Artikolu 2(1)(c) sa (e), rispettivament, tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 73185000 fuq Philips, multa ta’ EUR 116536000 fuq LGE kif ukoll multa ta’ EUR 69048000 fuq dawn iż-żewġ kumpanniji, responsabbli in solidum. F’dak li jirrigwarda l-ksur relatat mas-CPT, permezz tal-Artikolu 2(2)(c) sa (e), rispettivament, ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 240171000 fuq Philips, ta’ EUR 179061000 kif ukoll multa ta’ EUR 322892000 fuq dawn iż-żewġ kumpanniji, responsabbli in solidum.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

    11

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl-14 u fil-15 ta’ Frar 2013, LGE u Philips kull wieħed ippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn kienet tikkonċerna kull waħda minnhom jew, b’mod sussidjarju, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqhom permezz tal-imsemmija deċiżjoni.

    12

    Insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, LGE qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali seba’ motivi, fosthom b’mod partikolari:

    l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn il-grupp LPD tneħħa mill-proċeduri;

    il-ħames motiv, maqsum f’żewġ partijiet, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), tal-prinċipju tar-responsabbiltà personali u d-drittijiet tad-difiża, kif ukoll tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, billi inkludiet fil-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multa tal-bejgħ ta’ CRT integrat fi ħdan l-istess grupp għal prodott finali, sett tat-televiżjoni jew moniter tal-kompjuter u mibjugħ sussegwentement lil klijenti fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (iktar 'il quddiem “il-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati”), il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, għall-iskop tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq LGE, bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati magħmula minn Philips, u

    is-sitt motiv, maqsum fi tliet partijiet, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ unità ekonomika li tinkludi Samsung SDI Co. (iktar 'il quddiem “Samsung”), parteċipant ieħor fl-akkordji kkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża, u Samsung Electronics Co. Ltd (iktar 'il quddiem “SEC”) u, konsegwentement, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa imposta fuq Samsung, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħala bejgħ dirett taż-ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati, il-bejgħ ta’ settijiet tat-televiżjoni u kompjuters li jinkorpora s-CRT immanifatturati minn Samsung, magħmul fiż-ŻEE minn SEC.

    13

    Fil-punti 67 sa 91 tas-sentenza appellata I, il-Qorti Ġenerali analizzat l-ewwel motiv u ċaħditu bħala ineffettiv u, fi kwalunkwe każ infondat. Iż-żewġ partijiet tal-ħames motiv ġew analizzati fil-punti 166 sa 171 u 172 sa 181 tal-istess sentenza, rispettivament, u ġew ukoll miċħuda. Fl-aħħar nett, it-tliet partijiet tas-sitt motiv ġew analizzati fil-punti 183 sa 188, 189 u 190 kif ukoll 191 sa 193, rispettivament, tas-sentenza appellata I u ġew miċħuda kollha.

    14

    Peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi l-oħra kollha invokati minn LGE insostenn kemm tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll tat-talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta, hija ċaħdet ir-rikors ta’ LGE fl-intier tiegħu.

    15

    Philips qajmet, quddiem il-Qorti Ġenerali, tmien motivi, insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, fosthom b’mod partikolari;

    it-tieni motiv, maqsum f’żewġ partijiet u bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, fuq l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fuq l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq id-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt għal smigħ, u fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn il-Kummissjoni ma attribwixxietx ir-responsabbiltà lill-Grupp LPD tal-ksur allegat kontriha;

    il-ħames motiv, maqsum fi tliet partijiet u bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-kalkolu tal-multi”) u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-Kummissjoni inkludiet il-bejgħ li sar barra miż-ZEE fid-dħul mill-bejgħ rilevanti għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi; u

    it-tmien motiv, maqsum f’erba’ partijiet u bbażat, b’mod partikolari, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza tal-istess unità ekonomika, fir-rigward ta’ Samsung u ta’ SEC, u, konsegwentement, ma ħaditx inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta fuq Samsung, il-bejgħ ta’ settijiet tat-televiżjoni u kompjuters li jinkorporaw CRT immanifatturati minn Samsung fiż-ŻEE minn SEC.

    16

    Il-Qorti Ġenerali analizzat l-ewwel parti ta’ dan il-motiv fil-punti 74 u 89 tas-sentenza appellata II u ċaħditha. It-tieni parti tal-istess motiv ġiet analizzata fil-punti 90 sa 99 tal-istess sentenza u ġiet ukoll miċħuda.

    17

    It-tliet partijiet tal-ħames motiv ġew eżaminati fil-punti 144 u 145, 146 sa 180 kif ukoll 181 sa 188 tas-sentenza appellata II rispettivament, u ġew miċħuda kollha.

    18

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-erba’ partijiet tat-tmien aggravju fil-punti 224 sa 226, 227 sa 234, 235 sa 238 u 239 sa 252 tas-sentenza appellata II u ċaħdithom.

    19

    Peress li ċaħdet il-motivi l-oħra invokati minn Philips insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll tat-talbiet tagħha għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha, il-Qorti Ġenerali ċaħad l-appell ta’ Philips fl-intier tiegħu.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    20

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 2017, il-Kawżi C-588/15 P u C-622/15 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

    21

    LGE titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata I;

    tannulla, fl-intier tagħhom jew parzjalment, l-Artikolu 1(1)(d) u (2)(g) kif ukoll l-Artikolu 2(1)(d) u (e), u (2)(d) u (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża;

    tnaqqas il-multi imposti fuqha fl-Artikolu 2(1)(d) u (e) u (2)(d) u (e) ta’ din id-deċiżjoni, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kemm tal-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

    22

    Philips titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla s-sentenza appellata II;

    tannulla, fl-intier tagħhom jew parzjalment, l-Artikolu 1(1)(c) u (2)(f) kif ukoll l-Artikolu 2(1)(c) u (e), u (2)(c) u (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża;

    tnaqqas il-multi imposti fuqha fl-Artikolu 2(1)(c) u (e) u (2)(c) u (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kemm tal-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

    23

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appelli, u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    Fuq l-appelli

    24

    Insostenn tal-appell tagħha, LGE tinvoka erba’ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, it-tieni, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, sa fejn din tal-aħħar ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati mwettqa indipendentement minnha stess u minn Philips għalkemm kienu impriżi indipendenti tal-grupp LPD, it-tielet, żball ta’ liġi kommess mill-Qorti Ġenerali, sa fejn ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati magħmula minn Philips, filwaqt li din l-impriża hija indipendenti minn LGE u, ir-raba’, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    25

    Philips tinvoka, insostenn tal-appell tagħha, tliet aggravji. L-ewwel huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha. Huwa jikkorrispondi għat-tieni u t-tielet aggravji ta’ LGE. It-tieni u t-tielet aggravji ta’ Philips huma, essenzjalment, ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u jikkorrispondu għall-ewwel aggravju ta’ LGE. Fl-aħħar nett, it-tielet aggravju ta’ Philips huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tikkunsidrax, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Samsung, il-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati, imwettqa minn SEC permezz ta’ Samsung u ommissjoni li ssir regola. Dan l-aggravju jikkorrispondi, essenzjalment, għar-raba’ aggravju ta’ LGE.

    Fuq l-ewwel aggravju ta’ LGE u fuq it-tieni aggravju ta’ Philips, ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

    L-argumenti tal-partijiet

    26

    LGE u Philips isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u ma wettqet l-ebda irregolarità proċedurali, meta ddeċidiet li ma tibgħatx id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-grupp LPD.

    27

    Fl-ewwel lok, LGE tikkontesta ċ-ċaħda, fil-punt 83 tas-sentenza appellata I, tal-ewwel motiv tal-ewwel istanza bħala ineffetiv. Hija ssostni li r-raġunijiet spjegati fil-punti 73 sa 82 ta’ din is-sentenza jitrattaw kwistjoni differenti, li ma kinitx tqajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri dik dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żball meta qisitha bħala responsabbli għall-ksur. Skontha, li jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet tattribwixxilha r-responsabbiltà ma jrendix ineffettiv l-aggravju tagħha bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

    28

    LGE tikkritika lill-Qorti Ġenerali li rrikonoxxiet lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali assoluta sabiex tiddeċiedi jekk id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandhiex tiġi indirizzata lill-kumpannija omm jew lis-sussidjarja, filwaqt li, f’ċerti ċirkustanzi, bħal dawk ta’ dan il-każ, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Mis-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C-286/11 P, EU:C:2013:29, punt 39), jirriżulta li, jekk is-sussidjarja tipproduċi provi li jiskaġunawha bbażati fuq ir-reġistri tagħha jew intervisti mal-persunal, il-kumpannija omm tibbenefika awtomatikament minn dawn il-provi. Konsegwentement, il-kapaċità ta’ kumpannija omm li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha tiddependi mill-involviment tas-sussidjarja tagħha fil-proċeduri.

    29

    LGE ssostni, meta tinvoka s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C-109/10 P, EU:C:2011:686, punt 62), li ma jistax jiġi eskluż li, għalkemm il-Kummissjoni kienet bagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-grupp LPD, dan tal-aħħar seta’ jipproduċi provi utli għad-difiża tiegħu.

    30

    Il-prattika li tikkonsisti f’li tintbagħat kemm lis-sussidjarja kif ukoll lill-kumpannija omm tirriżulta wkoll mill-manwal tal-proċeduri tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Il-fatt li l-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-grupp LPD ma kienx rilevanti peress li, bħala sors ta’ elementi li jiskaġunaw, il-kwestjonarji ma humiex ekwivalenti għal dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet. Konvenut għandu jkun jaf l-ilmenti qabel ma jkun jista’ jeżerċita bis-sħiħ id-drittijiet ta’ difiża tiegħu.

    31

    Fit-tieni lok, LGE tikkritika l-motivi tas-sentenza LGE li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad il-motiv bħala infondat.

    32

    Skont LGE, il-fatt li hija setgħet tippreżenta osservazzjonijiet dwar l-elementi adottati mill-Kummissjoni u l-fatt li l-Kummissjoni kisbet informazzjoni mill-Grupp LPD ma huwiex biżżejjed sabiex jiżgura li d-drittijiet ta’ difiża tagħha jiġu rrispettati. Barra minn hekk, LGE tikkritika l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 86 tas-sentenza LGE, li skontha hija kellha tiżgura fil-konservazzjoni tajba tar-reġistri u l-arkivji tagħha elementi li jippermettu li tiġi rrintraċċata l-attività tal-impriża konġunta. Fil-fatt, hija tqis li dan id-dmir jikkonċerna biss il-każ fejn il-kumpannija omm tittrasferixxi sussidjarja lil terz u b’hekk tista’ tiżgura kontinwità ta’ aċċess għad-dokumenti b’kuntratt. Issa, f’dan il-każ, LGE tispjega li tilfet il-kontroll tas-sussidjarja tagħha minħabba l-falliment ta’ din tal-aħħar u li l-kuratur tal-falliment ma huwiex marbut li jagħtiha aċċess kontinwu għad-dokumenti.

    33

    Min-naħa tagħha, Philips ma tikkontestax il-kapaċità tal-Kummissjoni li tattribwixxi r-responsabbiltà għall-ksur lil kumpannija omm li kellha influwenza deċiżiva fuq l-aġir ta’ sussidjarja. Hija ssostni, madankollu, li r-responsabbiltà tagħha hija “dderivata biss” minn dik tas-sussidjarja tagħha u li, fl-assenza ta’ responsabbiltà diretta tal-grupp LPD, ir-responsabbiltà tagħha bħala kumpannija omm “teċċedi” r-responsabbiltà tas-sussidjarja inkwistjoni. Issa, fis-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il-Kummissjoni (C-597/13 P, EU:C:2015:613, punti 35 u 38), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’sitwazzjoni fejn ir-responsabbiltà tal-kumpannija omm tkun purament idderivata minn dik tas-sussidjarja tagħha u li fiha ebda fattur ieħor ma jikkaratterizza individwalment l-aġir ilmentat kontra l-kumpannija omm, ir-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija omm ma tistax teċċedi dik tas-sussidjarja tagħha.

    34

    Bħal LGE, Philips tindika li s-sussidjarja tagħha ma kinitx iktar parti mill-istess impriża matul il-proċedura amministrattiva, peress li kienet suġġetta għall-kontroll ta’ amministratur ġudizzjarju mit-30 ta’ Jannar 2006. Philips tafferma li, minħabba li s-sussidjarja tagħha ma kinitx involuta fil-proċedura amministrattiva u ma rċevietx, b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, la kellha l-opportunità u lanqas l-obbligu li tiddefendi lilha nnifisha kontra l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-falliment tas-sussidjarja tagħha, Philips tafferma li kien impossibbli għaliha li tiżgura aċċess għal din id-dokumentazzjoni sabiex ikollu l-provi meħtieġa sabiex tiddefendi lilha nnifisha. L-amministratur ġudizzjarju tal-grupp LPD biss kellu d-dokumentazzjoni relatata mal-attività ta’ dan il-grupp u kellu aċċess għall-impjegati rilevanti.

    35

    Skont Philips, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet tilfet il-kontroll tas-sussidjarja tagħha u ma kellhiex iktar aċċess għad-dokumentazzjoni tal-grupp LPD. Philips tafferma li, kieku l-Kummissjoni kienet inkludiet il-grupp LPD fil-proċedura amministrattiva, dan tal-aħħar seta’ jiddefendi lilu nnifsu u b’hekk seta’ jiddefendi ruħu aħjar. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teskludi l-grupp LPD mill-proċedura amministrattiva għaldaqstant ipprivat lil Philips mill-effikaċja sħiħa tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

    36

    Il-Kummissjoni tqis, prinċipalment, li kemm l-ewwel aggravju ta’ LPG kif ukoll it-tieni aggravju ta’ Philips huma inammissibbli, peress li, b’dawn l-aggravji, l-appellanti jikkontestaw, fir-realtà, l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, kif jinsabu fil-punti 83 sa 91 tas-sentenza I kif ukoll fil-punti 86, 97 u 98 tas-sentenza II. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-aggravji msemmija iktar 'il fuq tal-appellanti huma infondati.

    37

    Skont il-Kummissjoni, sa fejn kienu l-appellanti stess li kienu sostnew li r-responsabbiltà tagħhom għall-ksur kontenzjuż kienet “idderivata”, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli wieġbet għal dan l-argument. Il-ġurisprudenza invokata mill-appellanti hija irrilevanti. B’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi tal-każ jidhru differenti ħafna minn dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686).

    38

    Fir-rigward tas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C-286/11 P, EU:C:2013:29), il-Kummissjoni tqis li kienet interpretata b’mod korrett mill-Qorti Ġenerali. Hija ssostni, f’dan ir-rigward li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations vs Il-Kummissjoni, C-444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata), sabiex tiġi attribwita lil entità fi ħdan impriża r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn din l-impriża, la hija obbligata li żżomm responsabbli għal dan il-ksur l-entitajiet l-oħra ta’ din l-istess impriża u lanqas li tindirizza dawn l-entitajiet l-oħra.

    39

    Fir-rigward tal-manwal dwar il-proċeduri fil-qasam ta’ akkordji, il-Kummissjoni tippreċiża li ma tikkostitwixxix deċiżjoni, lanqas ma tinkludi struzzjonijiet vinkolanti għall-persunal tal-Kummissjoni u l-proċeduri li huma previsti fiha jistgħu jkunu adattati għaċ-ċirkustanzi ta’ kull speċi. Konsegwentement, diverġenza possibbli tal-proċedura segwita f’kawża partikolari ma’ dan id-dokument ma hijiex biżżejjed sabiex turi żball ta’ liġi.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    40

    Mis-sentenzi appellati jirriżulta li l-grupp LPD, sussidjarja komuni tal-appellanti, immexxija mill-impriża LG Philips Displays Holding BV, ipparteċipa fl-akkordji dwar is-CDT u s-CPT mill-1 ta’ Lulju 2001 sat-30 ta’ Jannar 2006. F’din l-aħħar data LG Philips Displays Holding BV ġiet iddikjarata falluta. Dejjem skont is-sentenzi appellati, il-Kummissjoni la bagħtet lill-grupp LPD dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u lanqas id-deċiżjonijiet ikkontestati u, għaldaqstant, ma attribwixxitlux responsabbiltà tal-fatt tal-aġir tagħha, raġuni bbażata fuq li l-imsemmi grupp kien involut fi proċeduri ta’ falliment.

    41

    Permezz tal-ewwel u t-tieni aggravji tagħhom, LGE u Philips rispettivament isostnu li, sabiex tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom, il-Kummissjoni kienet marbuta, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tibgħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ukoll lill-grupp LPD, is-sussidjarja komuni tagħhom, sa fejn din tal-aħħar kienet involuta wkoll fil-ftehimiet dwar is-CDT u s-CPT.

    42

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, permezz ta’ dawn iż-żewġ aggravji, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali bi żball ta’ liġi u ma jikkontestawx l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula minn din tal-aħħar. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, dawn iż-żewġ aggravji ma jistgħux jiġu miċħuda bħala inammissibbli mill-bidu nett.

    43

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi proċedura quddiem il-Kummissjoni li jkollha l-għan li timponi multa fuq impriża għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jeħtieġ li l-impriża fil-mira titqiegħed f’pożizzjoni li tgħarraf effettivament il-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza tal-ksur. Dawn id-drittijiet jinsabu fl-Artikoli 41(2)(a) u (b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, C-110/10 P, EU:C:2011:687, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    B’hekk, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-Kummissjoni, qabel ma tieħu deċiżjoni li tikkonstata ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni u timponi multa, għandha tagħti lill-persuni li għalihom tapplika l-proċedura l-opportunità li jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar l-ilmenti li hija sostniet u li tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq l-ilmenti li fuqhom il-partijiet ikkonċernati setgħu jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom.

    45

    Minn dan jirriżulta, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha l-għan li tippermetti l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, minn kull persuna ġuridika affettwata mill-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni.

    46

    Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tikkonstata fir-rigward ta’ kumpannija, ksur, id-drittijiet tad-difiża ma jirrikjedux li tintbagħat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lil din il-kumpannija. Fil-fatt, li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil kumpannija speċifika huwa maħsub sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża ta’ din l-istess kumpannija u mhux ta’ terz ikunu rrispettati, għalkemm din l-aħħar persuna tkun ikkonċernata mill-istess proċedura amministrattiva.

    47

    Issa, f’’dan il-każ, il-Kummissjoni għażlet li tieħu passi biss kontra l-appellanti, kumpanniji omm tal-grupp LPD, u mhux lil din tal-aħħar, li kienet is-sussidjarja komuni tagħhom, dak li kienet intitolata li tagħmel.

    48

    Il-ġurisprudenza invokata mill-appellanti ma tistax twassal għal konklużjoni differenti.

    49

    Minn naħa, ma jistax ikun hemm l-ebda parallel bejn iċ-ċirkustanzi tal-dan il-każ u dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686).

    50

    Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-ġurisprudenza tikkonċerna l-aċċess għall-provi li jiskaġunaw li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni. Issa, f’dawn il-kawżi, l-appellanti ma kkontestawx li kellhom aċċess għall-fajl kollu tal-Kummissjoni, inklużi l-provi li din tal-aħħar kisbet mill-grupp LPD wara talbiet għal informazzjoni u spezzjonijiert fil-bini tagħha.

    51

    Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 39 tas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C-286/11 P, EU:C:2013:29) ma jistgħux iwasslu għal konklużjoni differenti. Din is-sentenza tikkonċerna każ fejn il-Kummissjoni kienet ipproċediet kemm kontra l-kumpannija omm u s-sussidjarja tagħha għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u fejn iż-żewġ kumpanniji kkonċernati kienu kkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    52

    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma suffiċjenti sabiex jitwieġeb ukoll l-argument ta’ Philips, imqassar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza u bbażat fuq is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il-Kummissjoni (C-597/13 P, EU:C:2015:613) sa fejn din tal-aħħar tikkonċerna wkoll każ li fih kemm il-kumpannija omm kif ukoll is-sussidjarja tagħha saru proċeduri kontrihom għall-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    53

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti addizzjonali tal-appellanti, li għandhom tendenza li jikkontestaw il-validità tar-raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati sabiex jiġġustifikaw dan ir-rifjut u li juru n-natura allegatament inadegwata tal-imsemmija motivi, għandhom jiġu ddikjarati ineffettivi peress li, kif l-Avukat Ġenerali osserva, essenzjalment, fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-argumenti, jekk huma fondati, ma jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenzi appellati.

    54

    Għaldaqstant, l-ewwel aggravju ta’ LGE u t-tieni aggravju ta’ Philips għandhom jiġi miċħuda.

    Fiq it-tieni u t-tielet aggravji ta’ LGE kif ukoll fuq l-ewwel aggravju ta’ Philips, ibbażati fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, ta’ bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati

    L-argumenti tal-partijiet

    55

    Permezz, tat-tieni u l-ewwel aggravji, rispettivament, LGE u Philips isostnu li huwa wara żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali qieset li l-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati, magħmul b’mod indipendenti minn LGE u minn Philips, seta’ jiġi attribwit lill-grupp LPD, għar-raġuni biss dan tal-aħħar jappartjeni lill-istess unità ekonomika bħala kumpanniji omm.

    56

    L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li injorat dak li għallmet is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, EI du Pont de Nemours vs Il-Kummissjoni (C-172/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:601, punt 47). Minn din il-ġurisprudenza huma jiddeduċu li l-konklużjoni li impriża konġunta u l-azzjonisti li jikkontrollawha jifformaw impriża waħda hija intiża biss li tattribwixxi responsabbiltà in solidum lil dawn l-azzjonisti għall-aġir illegali tal-impriża konġunta. Konsegwentement, skonthom, LGE, Philips u l-grupp LPD għandhom, kull wieħed minnhom, bħala impriża separata għall-iskopijiet barra dawk tar-responsabbiltà tal-kumpanniji omm. Tali approċċ ikun, wara kollox, konformi mas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs il-Kummissjoni (C-231/14 P, EU:C:2015:451, punti 56 u 57). Analiżi abbażi ta’ din il-ġurisprudenza kellha twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li LGE, Philips u l-grupp LPD ma kinux jikkostitwixxu impriża integrata vertikalment, hekk li l-bejgħ bejniethom ma jkunx jista’ jitqies li sar internament fl-istess grupp.

    57

    F’dan ir-rigward, Philips tenfasizza li, bħala impriża konġunta li twettaq fit-tul il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma, il-grupp LPD għandu jitqies bħala unità ekonomika awtonoma fis-suq u, konsegwentement, bħala impriża distinta mill-kumpanniji omm tagħha. Jekk tali impriża konġunta tqieset bħala parti mill-istess impriża miż-żewġ kumpanniji omm tagħha, l-Artikolu 101 TFUE ma kienx japplika għall-ftehimiet bejnha u l-kumpanniji omm tagħha, li jmur kontra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 4) kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar restrizzjonijiet direttament relatati u neċessarji għall-implementazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet (ĠU 2005 C 56, p. 24).

    58

    Philips tiddeduċi minn dak li ntqal hawn fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-klassifikazzjoni tal-bejgħ ta’ CRT b’kartell magħmul mill-grupp LPD lilha stess jew lil LGE ta’ “bejgħ intragrupp”. Issa, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss, fir-rigward tal-bejgħ fiż-ŻEE magħmul permezz ta’ prodotti pproċessati, l-ewwel bejgħ biss fiż-ŻEE ta’ prodotti pproċessati li jikkorrispondi mas-CRT integrati fi ħdan l-istess grupp għal prodott finali.

    59

    LGE, min-naħa tiegħu, tikkritika lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati ma kienx bejgħ ta’ CRT b’kartell, iżda prodotti pproċessati, jiġifieri bejgħ ta’ settijiet tat-televiżjoni u ta’ moniters tal-kompjuter. B’hekk, fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta rreferiet, fil-punt 167 tas-sentenza appellata I, għal “CRT mibjugħa mill-grupp LPD lil kull waħda mill-kumpanniji omm tagħha”. LGE ssostni li l-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati huma bejgħ downstream ta’ prodotti pproċessati, magħmul minn LGE u minn Philips, u ma setax jitħallas mill-grupp LPD. Hija tikkunsidra li, għalkemm tista’ tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mill-grupp LPD, dan tal-aħħar għandu jiġi ttrattat bħala impriża separata.

    60

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, LGE ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret il-prinċipju tal-individwalizzazzjoni tal-pieni u tas-sanzjonijiet billi kkonfermat, fil-punt 171 tas-sentenza appellata I, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li LGU hija responsabbli in solidum tal-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati magħmula mill-grupp LPD, anki meta dan il-bejgħ kien sar permezz ta’ Philips. LGD issostni, f’dan il-kuntest li, anki jekk jiġi ammess li l-bejgħ bejn il-grupp LPD u Philips jikkostitwixxa bejgħ intragrupp, huwa għandu din il-kwalità biss bejn il-grupp LPD u Philips. Anki jekk wieħed jassumi li hemm integrazzjoni vertikali bejn il-grupp LPD u Philips, LGE ma tkunx parti minn din l-impriża integrata vertikalment. Konsegwentement, skont LGE, il-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża għall-inqas sa fejn hija kienet iddikjaratha responsabbli għall-multa, sa fejn kienet ikkalkulata abbażi tal-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati tal-grupp LPD, imwettqa permezz ta’ Philips.

    61

    F’dan ir-rigward, LGE ttenni l-argumentazzjoni mressqa insostenn tat-tieni aggravju tagħha u żżid li, skontha, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u s-sanzjonijiet, irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et (C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 91). Fil-fatt, il-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jirrifletti l-gravità ġenerali tal-ksur. Issa, LGE ma hijiex responsabbli għas-severità riflessa minn dan tali bejgħ magħmul minn Philips. Issa, LGE ġiet imposta fuqha multa li ma tirriflettix sew il-gravità tal-ksur li hija ġiet akkużata bih. F’dan il-kuntest, LGE tipprovdi dettalji b’ċifri dwar il-volum tal-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati magħmula mill-grupp LPD permezz, tagħha stess u ta’ Philips, rispettivament, sabiex turi li l-volum tal-bejgħ miksub permezz ta’ Philips kien 26 darba ikbar.

    62

    Il-Kummissjoni wieġbet li t-tieni u t-tielet aggravji ta’ LGE kif ukoll l-ewwel aggravju ta’ Philips huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn il-grupp LPD u l-kumpanniji omm tagħha hija rilevanti biss għall-iskopijiet tal-attribuzzjoni, lill-imsemmija kumpanniji omm, tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-grupp LPD. Issa, permezz ta’ din l-argumentazzjoni, l-appellanti għandhom it-tendenza li jikkontestaw konstatazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jinvoka ebda distorsjoni tal-provi. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, dawn l-aggravji huma inammissibbli.

    63

    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-imsemmija aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, peress li huma bbażati fuq qari żbaljat tal-punt 47 tas-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, EI du Pont de Nemours vs Il-Kummissjoni (C-172/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:601). Barra minn hekk, il-metodu ta’ kalkolu tal-multa użat fid-deċiżjoni kontenzjuża huwa konformi mat-tagħlimiet tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett.

    64

    Fir-rigward, b’mod partikolari, it-tielet aggravju ta’ LGE, il-Kummissjoni tirrileva li l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha ma jiksrux il-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni u s-sanzjonijiet, hekk li l-kumpannija omm u s-sussidjarja huma parti mill-istess unità ekonomika u jiffurmaw impriża waħda. L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fuq il-bażi tal-valur tal-bejgħ imwettaq f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur tieħu inkunsiderazzzjoni l-bejgħ kollu tal-impriża kkonċernata komposta, f’dan il-każ, kemm mill-kumpanniji omm, jiġifieri LGE u Philips, kif ukoll mis-sussidjarja, jiġifieri l-grupp APD.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    65

    Għandhom jiġu eżaminati flimkien it-tieni u t-tielet aggravji ta’ LGE kif ukoll fuq l-ewwel aggravju ta’ Philips, sa fejn jikkonċernaw, essenzjalment, l-istess kwistjoni, rigward it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, ta’ bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati magħmul mill-grupp LPD.

    66

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, qabel kollox, kif sostnew l-appellanti fir-replika tagħhom, permezz ta’ dawn l-aggravji, huma jikkritikaw, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali, li wettqet żbalji ta’ liġi meta analizzat il-legalità li tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ imsemmi iktar 'il fuq, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa. L-imsemmija aggravji ma humiex intiżi, għaldaqstant, sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, u huma, għalhekk, ammissibbli.

    67

    Insegwitu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-iffissar tal-ammont tal-multa, huwa madankollu jillimita l-eżerċizzju tagħha billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li għandhom jiġu segwiti minnha. B’hekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu li jista’ jiġi kkwantifikat u li huwa assolut, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat ukoll mir-regoli ta’ kondotta li l-Kummissjoni stess imponiet fuqha nnifisha, b’mod partikolari fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il-Kummissjoni, C-231/14 P, EU:C:2015:451, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni użat il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi. Skont il-punt 13 tal-imsemmija linji, “[s]abiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] […]” Dawn l-istess linji gwida jippreċiżaw, fil-punt 6 tagħhom, li “[i]l-fatt li l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur jiġi kkombinat mat-tul [tiegħu] huwa meqjus bħala li jipprovdi valur ta’ sostituzzjoni adatt sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    69

    Minkejja li, ċertament, il-kunċett ta’ “valur tal-bejgħ” previst fil-punt 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi ma jistax jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ imwettaq mill-impriża inkwistjoni li bl-ebda mod ma jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju kkritikat, ikun kuntrarju għall-għan imfittex mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li l-parteċipanti f’akkordju vertikalment integrati jkunu jistgħu, sempliċement minħabba li jkunu integraw il-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur fil-prodotti lesti barra miż-ŻEE, jeskludu mill-kalkolu tal-multa l-parti tal-valur tal-bejgħ tagħhom ta’ dawn il-prodotti lesti fiż-ŻEE li tista’ tikkorrispondi mal-valur tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il-Kummissjoni, C-231/14 P, EU:C:2015:451, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    70

    Fil-fatt, l-impriżi vertikalment integrati jistgħu jieħdu vantaġġ minn ftehim orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet konkluż bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE mhux biss fil-bejgħ lil terzi indipendenti fis-suq tal-prodott li huwa s-suġġett ta’ dan il-ksur, iżda wkoll fis-suq downstream tal-prodotti pproċessati li fil-kompożizzjoni tagħhom jidħlu dawn il-prodotti, u dan fuq żewġ bażijiet differenti. Jew dawn l-impriżi jgħaddu ż-żidiet fil-prezz tal-input li jirriżultaw minħabba l-ksur fuq il-prezz tal-prodotti pproċessati, jew inkella dawn ma jgħadduhomx, fatt li jagħtihom vantaġġ fl-ispiża meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom li jiksbu dan l-istess input fis-suq tal-prodotti li huwa s-suġġett tal-ksur (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il-Kummissjoni, C-231/14 P, EU:C:2015:451, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    71

    Fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni, li l-appellanti kienu flimkien eżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-aġir tal-grupp LPD. Issa, minn din il-konklużjoni, li ma hijiex ikkontestata mill-appellanti fl-appelli tagħhom, jirriżulta li, matul il-perijodu msemmi iktar 'il fuq, l-appellanti u s-sussidjarja konġunta tagħhom kienu jiffurmaw parti mill-istess impriża u, għaldaqstant, iffurmaw unità ekonomika.

    72

    Peress li l-grupp LPD kien intervjena fis-suq tal-prodott ikkonċernat mill-ksur, filwaqt li LGE u Philips kienu attivi f’dak tal-prodotti pproċessati li fil-kompożizzjoni tagħhom jidħlu dawn il-prodotti, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega Philips, il-grupp LPD u l-kumpanniji omm tiegħu kienu jikkostitwixxu impriża integrata vertikalment, fis-sens tas-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il-Kummissjoni (C-231/14 P, EU:C:2015:451, punti 56 u 57).

    73

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien mingħajr żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi, fil-punt 170 tas-sentenza appellata I u fil-punt 164 tas-sentenza appellata II, li l-Kummissjoni kellha dritt li tinkludi, fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq l-appellanti, il-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati magħmula mill-unità ekonomika ffurmata mill-grupp LPD u l-kumpanniji omm tagħha.

    74

    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumentazzjoni tal-appellanti bbażata fuq is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, EI du Pont de Nemours vs Il-Kummissjoni (C-172/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:601, punt 47), li skontha, fejn żewġ kumpanniji omm kull waħda żżomm 50 % tal-impriża konġunta li tkun kisret ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa biss għall-iskop li tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni għall-ksur ta’ dan id-dritt, u biss sa fejn il-Kummissjoni wriet, fuq il-bażi ta’ numru ta’ elementi fattwali, l-eżerċizzju effettiv tal-influwenza determinanti taż-żewġ kumpanniji omm fuq l-impriża konġunta li dawn it-tliet entitajiet jistgħu jitqiesu bħala parti mill-istess unità ekonomika li b’hekk tifforma impriża waħda.

    75

    Għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti fehmu ħażin u barra mill-kuntest tiegħu l-punt 47 tas-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, EI du Pont de Nemours vs Il-Kummissjoni (C-172/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:601), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li huwa biss għall-iskop li tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni fil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li l-Kummissjoni tista’ tiddeduċi mill-eżerċizzju effettiv, minn żewġ kumpanniji omm, ta’ influwenza fuq impriża konġunta, l-eżistenza tal-istess unità waħda.

    76

    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali għamlet din l-affermazzjoni sabiex twieġeb għal argument differenti minn dak inkwistjoni f’dan il-każ, imqassar fil-punt 36 tal-istess sentenza, li jgħid li l-fatt li żewġ kumpanniji li huma indipendenti minn xulxin jeżerċitaw it-tnejn li huma influwenza determinati fuq impriża konġunta ma jfissirx li huma jikkostitwixxu impriża waħda, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni. B’hekk, imqiegħda fil-kuntest tagħha, jidher li l-imsemmija affermazzjoni kienet intiża biss sabiex tenfasizza li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ impriża konġunta li l-Kummissjoni tista’ tkun waslet li tagħmel f’dan il-kuntest, hija valida biss fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni u tas-suq ikkonċernat mill-ksur.

    77

    Lanqas ma jista’ jirnexxi l-argument ta’ LGE, li skontu l-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn jirrigwarda mhux il-bejgħ ta’ CRT, iżda bejgħ ta’ settijiet tat-televiżjoni u moniters tal-kompjuter. Fil-fatt, peress li l-grupp LPD kif ukoll il-kumpanniji omm tiegħu, LGE u Philips, ikkostitwixxew unità ekonomika u għalhekk kellhom jitqiesu bħala li jappartjenu lill-istess impriża fis-swieq ikkonċernati mill-ksur, l-ammont tal-multa għandu jiġi kkalkolat, skont il-punt 13 tal-Linji gwida dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multi, fuq il-bażi tal-valur tal-bejgħ tal-prodotti b’akkordji magħmul minn din l-impriża fl-imsemmija swieq. Issa, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 135 tas-sentenza LGE u fil-punt 148 tas-sentenza appellata I, is-settijiet tat-televiżjoni u l-moniters tal-kompjuter kienu integrati fis-CRT pprovdut mill-grupp LPD għall-kumpanmniji omm tagħha. Barra minn hekk, mill-punt 137 tas-sentenza appellata I u mill-punt 157 tas-sentenza appellata II li dan il-bejgħ ittieħed inkunsiderazzjoni sal-parti tal-valur tiegħu biss li tista’ tikkorrispondi għall-valur tas-CRTs tal-ftehim integrati fis-settijiet ta-televiżjoni u l-moniters tal-kompjuter.

    78

    Għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Philips, imqassar fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, li skontu essenzjalment, għandu jitqies ukoll li impriża konġunta hija parti mill-istess impriża bħall-kumpanniji omm tagħha jwassal sabiex titwarrab l-applikabbiltà, għall-ftehimiet bejn din tal-aħħar u l-kumpanniji omm, tal-Artikolu 101 TFUE, li jkun kuntrarju għar-Regolament Nru 139/2004. Għandu jitfakkar li, f’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(4) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, sa fejn il-ħolqien ta’ impriża konġunta li tammonta għal konċentrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tal-istess regolament ikollu bħala għan jew l-effett tiegħu l-koordinazzjoni tal-aġir kompetittiva tal-impriżi li jibqgħu indipendenti, din il-kordinazzjoni għandha tkun evalwata skont il-kriterji tal-Artikolu 101(1) u (3) TFUE bil-għan li jkun stabbilit jekk il-konċentrazzjoni hijiex kompatibbli mas-suq intern jew le.

    79

    Issa, il-fatt li impriża konġunta u l-kumpanniji omm jitqiesu bħala li jagħmlu parti mill-istess impriża, bl-iskop li jiġi stabbilit ksur f’suq partikolari, ma jipprekludix li iż-żewġ kumpanniji omm jibqgħu indipendenti, fis-sens tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 139/2004, fis-swieq l-oħra.

    80

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju ta’ LGE, ibbażat fuq allegat żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali sa fejn approvat it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq LGE, ukoll tal-valur tal-bejgħ dirett ta’ bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati magħmula minn Philips, ma jistax jirnexxi.

    81

    Konsegwentement, it-tieni u t-tielet aggravji ta’ LGE kif ukoll l-ewwel aggravju ta’ Philips għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq ir-raba’ aggravju ta’ LGE u fuq it-tielet aggravju ta’ Philips, ibbażati fuq żball ta’ liġi, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u fuq ommissjoni ta’ deċiżjoni

    L-argumenti tal-partijiet

    82

    Permezz tar-raba’ u t-tielet aggravji tagħhom, rispettivament, LGE u Philips jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li ċaħdet, wara analiżi mhux kompluta u mhux suffiċjentement motivata, is-sitt aggravju ta’ LGE motiv u l-ewwel tliet partijiet tat-tmien aggravju ta’ Philips u għaldaqstant iddeċidiet, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ appellanti, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tqis il-bejgħ li sar bejn SEC u Samsung bħala bejgħ intragrupp u li tinkludi l-ammont tiegħu fil-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Samsung fir-rigward tal-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati magħmula permezz tas-SEC.

    83

    B’mod partikolari, LGE u Philips jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li sempliċement eżaminat, sabiex teskludi l-possibbiltà li SEC u Samsung setgħu jikkostitwixxu impriża waħda, jekk SEC kinitx f’pożizzjoni li teżerċita influwenza deċiżiva fuq Samsung, mingħajr ma tfittex jekk l-eżistenza ta’ tali impriża waħda ma setgħetx tiġi dedotta mill-fatt jekk dawn iż-żewġ kumpanniji kinux taħt il-kontroll finali tal-istess persuni fiżiċi, li għandu jirriżulta mill-provi li huma invokaw quddiem il-Qorti Ġenerali F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li huma ma jitolbux evalwazzjoni ġdida tal-imsemmija provi mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li għamlet eżami mhux komplut u mhux suffiċjentement motivat.

    84

    Dak l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni kien wassalha sabiex għall-multi imposti, minn naħa, fuq l-appellanti, u min-naħa l-oħra, fuq Samsung, żewġ metodoloġiji differenti, filwaqt li tqis il-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati fil-każ tal-ewwel, iżda mhux tat-tieni. Issa, il-Qorti Ġenerali allegatament naqset milli tissanzjona dan it-trattament diskriminatorju u, b’hekk, wettqet żball ta’ liġi u ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    85

    Philips iżżid li, kuntrarjament għal dak li ġie rrilevat fil-punt 233 tas-sentenza II, il-ġurisprudenza li tgħid li meta impriża kisret l-Artikolu 101 TFUE minħabba l-aġir tagħha, hija ma tistax tevita sanzjoni minħabba li operatur ekonomiku ieħor ma kienx ġie mmultat, anki jekk il-qorti tal-Unjoni ma kinitx adita bis-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar, ma hija applikabbli għal dan il-każ, sa fejn Samsung ma evitatx kwalunkwe sanzjoni, iżda kienet ittrattata biss b’mod iktar favorevoli.

    86

    Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li r-raba’ aggravju ta’ LGE u t-tielet aggravju ta’ Philips huma inammissibbli u ineffettivi sa fejn huma, minn naħa, itendu għal evalwazzjoni ġdida tal-provi mill-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, huma bbażati fuq allegata illegalità mwettqa favur oħrajn, li fl-ebda każ ma jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-appellanti.

    87

    Sussidjarjament, il-Kummissjoni tispjega li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ikkunsidrat li l-bejgħ intragrupp kien biss bejgħ bejn entitajiet, li waħda minnhom eżerċitat influwenza deċiżiva fuq l-oħra. Issa, sa fejn l-appellanti ma invokawx influwenza deċiżiva ta’ Samsung fuq SEC jew viċi versa, huma ma jistgħux jikkritikawha bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-Kummissjoni żżid li hija tista’ tiddeċiedi li tattribwixxi r-responsabbiltà ta’ sussidjarja waħda jew iktar lill-kumpannija omm tagħhom u la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-ġurisprudenza ma jistabbilixxu liema hija l-persuna ġuridika jew fiżika, fi ħdan impriża, li għandha tkun responsabbli għall-ksur u timponi multa.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    88

    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn, permezz, tar-raba’ u t-tielet aggravji tagħhom, rispettivament, LGE u Philips jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, bi żball ta’ liġi, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll b’ommissjoni li tiddeċiedi, dawn l-aggravji ma jistgħux jiġu miċħuda minn qabel bħala inammissibbli, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni.

    89

    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija aggravji huma bbażati fuq il-premessa li tgħid li, kieku l-appellanti kienu waslu li juru, quddiem il-Qorti Ġenerali, li Samsung u SEC kienu parti mill-istess unità ekonomika u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet wettqet illegalità, il-Qorti Ġenerali kellha tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuqhom għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur kontenzjuż, sabiex tingħeleb l-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta min-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, meta tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq Samsung għall-parteċipazzjoni tagħha fl-istess ksur li hija tikkritika lil LGE u lil Philips, il-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti proċessati magħmula minnha permezz ta’ SEC.

    90

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li din il-premessa hija żbaljata.

    91

    Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, invokat mill-appellanti, għandu jiġi kkonċiljat mal-istat tad-dritt, li jistabbilixxi li ħadd ma jista’ jinvoka, għal benefiċċju tiegħu stess, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, C-155/14 P, EU:C:2016:446, punt 58).

    92

    Għaldaqstant, sa fejn dawn invokaw għall-benefiċċju tagħhom, allegati illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq Samsung, l-appellanti, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jibbażaw irwieħhom fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sabiex jikkontestaw l-ammont tal-multi li l-Kummissjoni kienet qalet li għandhom iħallsu.

    93

    Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma tistax issir, permezz tal-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li jkunu pparteċipaw fl-istess ksur tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kuummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    94

    Madankollu, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 135 u 159 tas-sentenza appellata I kif ukoll mill-punti 148 u 187 tas-sentenza appellata II, il-Kummissjoni applikat l-istess metodoloġija għall-impriżi kollha, billi ħadet inkunsiderazzjoni, għal kull waħda minnhom, l-“ewwel bejgħ reali” u billi ddistingwiet, skont l-istess kriterju, tliet kategoriji, jiġifieri l-“bejgħ dirett ŻEE”, li jikkorrispondi għas-CRT mibjugħa direttament lill-klijenti taż-ŻEE minn wieħed mid-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati u l-“bejgħ indirett”, li jikkorrispondi għas-CRT mibjugħa minn wieħed mid-destinatarji tad-deċiżjoni kontenzjuża lil klijenti barra ż-ŻEE li jintegraw CRT għall-prodotti finali, settijiet tat-televiżjoni jew skrins tal-kompjuter u li wara jbigħuhom fiż-ŻEE. Huwa biss il-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati li jittieħed inkunsiderazzjoni għal-kalkolu tal-ammont tal-multa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-kategorija ta’ bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati ġiet applikata biss fir-rigward ta’ wħud mill-parteċipanti fl-akkordju, jiġifieri dawk li għalihom il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li jappartjenu lil impriża integrata vertikalment ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni, peress li l-Kummissjoni evalwat l-applikabbiltà ta’ din il-kategorija għal kull wieħed mill-parteċipanti fuq il-bażi tal-istess kriterji oġġettivi.

    95

    Il-kawżi preżenti huma distinti, għaldaqstant, minn dawk li taw lok għas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363). Fil-fatt, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq parteċipant fi ksur sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, billi applikat b’mod żbaljat il-metodu li għażlet sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni tkun imponiet multa fuq parteċipant ieħor fl-istess akkordju li naqqset il-piż relattiv fil-ksur ta’ dan il-parteċipant l-ieħor (sentenza tat- 12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 70-80).

    96

    Min-naħa l-oħra, dak li l-appellanti jikkritikaw lill-Kummissjoni permezz tal-aggravji tagħhom imsemmija iktar 'il fuq quddiem il-Qorti Ġenerali, ma kienx li applikat għalihom kriterju ġuridiku differenti sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, iżda li kkunsidrat b’mod żbaljat, fis-swieq ikkonċernati mill-ksur kontenzjuż, li Samsung kienet tikkostitwixxi, mas-sussidjarji tagħha, impriża indipendenti u li ma identifikatx unità ekonomika ikbar, li inkludiet mhux biss Samsung u s-sussidjarji tagħha, iżda wkoll SEC u kienet l-unità eknomika li pparteċipat fil-ksur.

    97

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata la bi żball ta’ liġi u lanqas bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minħabba li hija ma naqqsitx l-ammont tal-multi imposti fuq l-appellanti, sabiex tikkumpensa għat-trattament allegatament iktar favorevoli li Samsung allegatament kienet ibbenefikat minnu.

    98

    Dwar l-argument ta’ Philips li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina xi wħud mill-allegazzjonijiet li hija kienet ressqet quddiemha, jiġifieri dawk li permezz tagħhom hija sostniet li, meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-bejgħ intragrupp magħmul minn Samsung sabiex jiġi kkalkulat l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni allegatament kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, b’tali mod li, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid, ugwaljanza fit-trattament ugwali, il-Qorti Ġenerali kellha wkoll teskludi fir-rigward tagħha il-bejgħ dirett ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati, dan huwa ineffettiv, sa fejn jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li dawn l-allegazzjonijiet kienu bbażati fuq premessa żbaljata u, għaldaqstant, kienu fi kwalunkwe każ ddestinati sabiex jiġu miċħuda.

    99

    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ir-raba’ aggravju ta’ LGE u t-tielet aggravju ta’ Philips kif ukoll, konsegwentement, l-appell fl-intier tiegħu.

    Dwar l-ispejjeż

    100

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    101

    Peress li l-appellanti tilfu l-kawża, hemm lok li dawn jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appelli huma miċħuda.

     

    2)

    LG Electronics Inc. u Koninklijke Philips Electronics NV huma kkundannati għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top