EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0486

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-30 ta’ Novembru 2016.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża u Orange.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Miżuri finanzjarji favur France Télécom – Offerta bil-quddiem ta’ azzjonist – Dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ rappreżentanti tal-Istat Franċiż – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Kunċett ta’ ‘għajnuna’ – Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ – Kriterju ta’ investitur privat avżat – Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali – Limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju – Żnaturament tad-deċiżjoni kontenzjuża.
Kawża C-486/15 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:912

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

30 ta’ Novembru 2016 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Miżuri finanzjarji favur France Télécom — Offerta bil-quddiem ta’ azzjonist — Dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ rappreżentanti tal-Istat Franċiż — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Kunċett ta’ ‘għajnuna’ — Kunċett ta’ ‘vantaġġ ekonomiku’ — Kriterju ta’ investitur privat avżat — Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali — Limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju — Żnaturament tad-deċiżjoni kontenzjuża”

Fil-Kawża C‑486/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istat tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-14 ta’ Settembru 2015,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, B. Stromsky, D. Grespan u T. Rusche, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. De Bergues u D. Colas kif ukoll minn J. Bousin, bħala aġenti,

rikorrenti fil-kawża T‑425/04 RENV,

Orange, li qabel kienet Franza Télécom, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn S. Hautbourg u S. Cochard-Quesson, avukati,

rikorrenti fil-kawża T‑444/04 RENV,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

intervenjenti fil-Kawża T-425/04 RENV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Lulju 2015, Franza u Orange vs Il-Kummissjoni (T‑425/04 RENV u T‑444/04 RENV, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:450), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/621/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur France Télécom (ĠU 2006, L 257, p. 11, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma miġbura fil-qosor fil-punti 1 sa 98 tas-sentenza appellata: L-elementi neċessarji għall-eżami ta’ dan l-appell huma dawn li ġejjin:

Il-kuntest ġenerali tal-kawża

3

France Télécom, li sussegwentement saret Orange (iktar ’il quddiem “FT”), operatur u fornitur ta’ netwerks u ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, kienet ġiet stabbilita matul is-sena 1991 fil-forma ta’ persuna ġuridika taħt id-dritt pubbliku u għandha, sa mill-31 ta’ Diċembru 1996, l-istatus ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata. Sa mix-xahar ta’ Ottubru 1997, FT ġiet ikkwotata fil-Borża. Matul is-sena 2002, is-sehem tal-Istat Franċiż fil-kapital ta’ FT kien jammonta għal 56.45 %, il-kumplament tal-ishma kien diviż bejn il-pubbliku (32.25 %), FT infisha (8.26 %) u l-impjegati tal-impriża (3.04 %).

4

Matul l-ewwel trimestru tas-sena 2002, FT ippubblikat il-kontijiet tagħha għas-sena 2001. Dawn indikaw dejn nett ta’ EUR 63.5 biljun u telf ta’ EUR 8.3 biljuni.

5

Matul il-perijodu dekorribbli mix-xahar ta’ Marzu sax-xahar ta’ Ġunju 2002, l-aġenziji tar-rating Moody’s u Standard & Poor’s (iktar ’il quddiem “S & P”) naqsu l-livell tar-rating ta’ FT u naqsu wkoll il-perspettiva tagħha għal waħda negattiva. B’mod partikolari, fl-24 ta’ Ġunju 2002, Moody’s naqset ir-rating tal-credit ratings għal żmien qasir u għat-tul ta’ FT għall-aħħar pożizzjoni tal-klassifika ta’ investiment ċert. Fl-istess waqt, il-prezz tal-ishma ta’ FT waqa’ b’mod sinjifikattiv.

6

Fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT, il-Ministru Franċiż tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija (iktar ’il quddiem il-“Ministru tal-Ekonomija”) iddikjara, waqt intervista ppubblikata fit-12 ta’ Lulju 2002 fil-gazzetta ta’ kuljum Les Echos (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002”), dan li ġej:

“Aħna l-azzjonist b’maġġoranza, b’55 % tal-kapital […] L-Istat, fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist, se jġib ruħu bħala investitur avżat u jekk [FT] ikollha xi diffikultajiet, aħna se nieħdu l-passi xierqa […] Nerġa’ ngħid li jekk [FT] ikollha xi problemi ta’ finanzjament, li ma huwiex il-każ illum, l-Istat se jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex dawn ikunu megħluba. Intom erġajtu bdejtu l-għajdut ta’ żieda tal-kapital… Le, żgur li le! Insostni biss li, meta jasal iż-żmien, se nieħdu l-miżuri xierqa. Jekk dan ikun neċessarju […]”

7

F’din l-istess data, S & P ippubblikat stqarrija għall-istampa redatta f’dawn it-termini:

“FT tista’ tiffaċċja ċerti diffikultajiet biex tiffinanzja mill-ġdid l-obbligi ta’ dejn tagħha li għandhom jitħallsu lura fl-2003. Madankollu, id-dikjarazzjoni tal-Istat [Franċiż] issostni l-klassifikazzjoni ta’ FT fuq il- [livell] ta’ investiment [sigur] […] [L]-Istat Franċiż – li għandu 55 % ta’ [FT] – indika b’mod ċar lil [S & P] li huwa se jġib ruħu bħala investitur avżat u li se jieħu l-miżuri xierqa jekk FT jkollha xi diffikultajiet. Il-grad ta’ klassifikazzjoni għal żmien twil ta’ [FT] tniżżel għal BBB- […]”

8

Fit-12 ta’ Settembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi ħabbru li kienu aċċettaw ir-riżenja tal-president u kap eżekuttiv ta’ FT.

9

Fit-13 ta’ Settembru 2002, FT ippublikat il-kontijiet semestrali tagħha, li kkonfermaw li, fit-30 ta’ Ġunju 2002, il-fondi kkonsolidati proprji ta’ FT kienu saru negattivi f’ammont ta’ EUR 440 miljun u li dan id-dejn nett kien jitla’ għal EUR 69.69 biljun, li minnu EUR 48.9 biljun ta’ obbligi ta’ dejn kellhom jitħallsu matul is-snin 2003 sal-2005. Skont dawn il-kontijiet semestrali, id-dħul mill-bejgħ ta’ FT kien juri żieda ta’ 10 % meta pparagunat mal-istess perijodu tas-sena finanzjarja 2001, riżultat tad-dħul/telf operattiv qabel id-deprezzament li tela’ għal EUR 6.87 biljuni, jiġifieri żieda ta’ 13.3 % f’data storika u ta’ 9.8 % f’data pro forma. Ir-riżultati wara l-ispejjeż finanzjarji (EUR 1.75 biljuni), imma qabel it-taxxi, l-ishma u l-interessi minoritarji, minbarra elementi eċċezzjonali, kienu ta’ EUR 718 miljun b’kuntratt ma’ EUR 271 miljun fit-30 ta’ Ġunju 2001. Il-flus ta’ likwidità libera operattiva tela’ għal EUR 3.6 biljuni, jiġifieri żieda ta’ 15 % meta pparagunat mal-ewwel semestru tal-2001.

10

Fi stqarrija għall-istampa dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT tat-13 ta’ Settembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw dan li ġej:

“Wara t-telf eċċezzjonali kkonstatat matul l-ewwel nofs tas-sena, [FT] qed tiffaċċja nuqqas kbir ta’ fondi proprji. Tali sitwazzjoni finanzjarja qed iddgħajjef il-potenzjal ta’ [FT]. Il-Gvern [Franċiż] għaldaqstant huwa deċiż li jeżerċita r-responsabbiltajiet kollha tiegħu […] Filwaqt li ħa nota tas-sitwazzjoni l-ġdida li nħolqot bid-deterjorament qawwi fil-kontijiet, [il-Kap Eżekuttiv ta’ FT] ippreżenta r-reżenja tiegħu lill-Gvern [Franċiż] u dan aċċettaha. Din ir-reżenja se tidħol fis-seħħ waqt il-laqgħa tal-bord tad-diretturi li se ssir fil-[…] ġimgħat li ġejjin u li matulha se jiġi ppreżentat kap eżekuttiv ġdid […] Il-kap eżekuttiv il-ġdid għandu jissuġġerixxi lill-bord tad-diretturi mill-iktar fis possibbli pjan sabiex jittejbu l-kontijiet, li se jippermetti li jitnaqqas id-dejn [ta’ FT] u li tiġi stabbilita mill-ġdid l-istruttura finanzjarja tagħha, filwaqt li jinżammu l-assi strateġiċi tagħha. L-Istat [Franċiż] se jagħti s-sostenn tiegħu lil [FT] fl-implementazzjoni ta’ dan il-pjan u min-naħa tiegħu se jagħti kontribuzzjoni għal tisħiħ ferm sostanzjali tal-fondi proprji ta’ [FT], skont skeda u modalitajiet li għandhom jiġu ddeterminati skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Sa dan iż-żmien, l-Istat [Franċiż] se jieħu, jekk dan ikun neċessarju, il-miżuri li jippermettu li jiġi evitat li [FT] ikollha kwalunkwe problema ta’ finanzjament.”

11

Fl-istess jum, Moody’s bidlet il-perspettiva tad-dejn ta’ FT minn negattiva għal stabbli, fi stqarrija għall-istampa li kienet tindika inter alia dan li ġej:

“Il-fiduċja ta’ Moody’s issaħħet bid-dikjarazzjoni tal-Gvern [Franċiż], li, għal darb’oħra, ikkonferma s-sostenn qawwi tiegħu fil-konfront ta’ [FT]. Anki jekk it-tħassib ta’ Moody’s dwar il-livell globali tar-riskju finanzjarju u b’mod iktar partikolari dwar is-sitwazzjoni dgħajfa tal-likwidità ta’ [FT] baqgħet hemm, Moody’s saret iktar fiduċjuża minħabba l-fatt li l-Gvern Franċiż [se jsostni lil FT] jekk [din] issib xi diffikultajiet biex tħallas lura d-dejn li għandha.”

12

Fit-2 ta’ Ottubru 2002, inħatar president u kap eżekuttiv ġdid ta’ FT. L-istqarrija għall-istampa li tħabbar din il-ħatra kienet redatta kif ġej:

“Fuq proposta tal-[b]ord tad-diretturi ta’ [FT], il-Kunsill tal-Ministri ddeċieda li jinnomina [Kap Eżekuttiv ġdid ta’ FT] […] Għal dan il-għan, il-[k]ap eżekuttiv il-ġdid se jibda immedjatament inventarju ta’ [FT] li r-riżultati tiegħu se jkunu kkomunikati lill-[b]ord tad-diretturi fil-ġimgħat li ġejjin u li fuq il-bażi tiegħu se jkun imsejjes pjan ta’ rkupru finanzjarju u ta’ żvilupp strateġiku li se jippermetti li jitnaqqas id-dejn ta’ [FT] filwaqt li jissaħħu l-assi tagħha. F’dan il-kuntest, [il-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ FT] se jkollu s-sostenn tal-Istat fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist, li huwa deċiż li jeżerċita r-responsabbiltajiet kollha tiegħu. L-Istat [Franċiż] se jagħti l-għajnuna tiegħu għall-implementazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rkupru u se jagħti kontribuzzjoni, min-naħa tiegħu, sabiex jissaħħu l-fondi ta’ [FT] skont modalitajiet li għandhom jiġu deċiżi f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kap Eżekuttiv ta’ [FT] u mal-[b]ord tad-diretturi. Kif diġà ntqal, sa dan iż-żmien, l-Istat [Franċiż] se jieħu, jekk dan ikun neċessarju, miżuri li jippermettu li jiġi evitat li [FT] ikollha kwalunkwe problema ta’ finanzjament.”

13

Fid-19 ta’ Novembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej “nota ta’ informazzjoni”, li, minn naħa, kienet tiddeskrivi s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT filwaqt li enfasizzat li “l-prestazzjonijiet operattivi tagħha [kienu] eċċezzjonali” u, min-naħa l-oħra, kienet tikkonstata l-intenzjoni tagħhom li jieħdu sehem f’rikapitalizzazzjoni ta’ FT skont il-kundizzjonijiet tas-suq filwaqt li spjegat il-modalitajiet tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-pjan ta’ rkupru ta’ FT. F’din in-nota, l-awtoritajiet Franċiżi ppreċiżaw, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Sabiex [FT] tingħata l-marġni ta’ manuvrar neċessarja ħalli tavviċina s-suq fl-aħjar kundizzjonijiet u fl-iktar mument xieraq, l-Istat [Franċiż] lest li jantiċipa s-sehem tiegħu fiż-żieda tal-kapital fil-forma ta’ self minn azzjonist li jiġi kkonvertit f’kapital fil-mument li joħorġu titoli ġodda. L-ammont ta’ dan is-self ser jikkorrispondi għas-sottoskrizzjoni kollha tal-Istat [Franċiż] fiż-żieda futura tal-kapital jew għal parti minnha, u jista’ jitla’ sa [EUR] 9 [biljun]. Dan is-self ser ikun temporanju u l-konverżjoni tiegħu f’titoli se tkun obbligatorja. Dan se jkun ibbażat biss fuq il-ħtiġijiet ta’ [FT]. Huwa se jiġi wkoll irremunerat skont il-kundizzjonijiet tas-suq li jkunu fis-seħħ f’dak iż-żmien u l-interessi se jkunu inkorporati fil-kapital.

Biex ikun implementat is-sehem tiegħu fil-pjan ta’ rkupru ta’ [FT], l-Istat [Franċiż] biħsiebu juża lil ERAP, entità industrijali u kummerċjali pubblika tal-Istat [Franċiż], li se tagħti self minn azzjonist lil [FT] u se jkun hemm l-intenzjoni li ssir azzjonista importanti ta’ [FT] ladarba dan is-self ikun ġie kkonvertit f’kapital. Dwar is-sehem pubbliku f’[FT] fl-attiv tagħha, din l-entità pubblika se jkollha fil-passiv tagħha bonds. Din l-għażla ta’ ERAP tirrifletti r-rieda tal-Istat [Franċiż] li jidentifika b’mod ċar l-isforz patrimonjali permess filwaqt li jisseparah fi struttura apposta.”

14

Matul il-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ FT tal-4 ta’ Diċembru 2002, id-diriġenti l-ġodda ta’ FT ippreżentaw pjan ta’ azzjoni intitolat “Ambition France Télécom 2005” (iktar ’il quddiem il-“pjan Ambition 2005”), li essenzjalment għandu l-għan li jerġa’ jibbilanċja l-karta tal-bilanċ tal-impriża b’tisħiħ tal-fondi tagħha sal-ammont ta’ EUR 15-il biljun.

15

Il-preżentazzjoni tal-pjan Ambition 2005 ġiet akkumpanjata minn stqarrija għall-istampa tal-Ministru tal-Ekonomija tal-4 ta’ Diċembru 2002 (iktar ’il quddiem l-“avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002”), li jipprovdi dan li ġej:

“[Il]-Ministru tal-[E]konomija […] jikkonferma s-sostenn tal-Istat [Franċiż] għall-pjan ta’ azzjoni approvat mill-bord tad-diretturi ta’ [FT] fl-4 ta’ Diċembru [2002]. 1) Il-grupp [FT] jikkostitwixxi grupp industrijali koerenti li l-prestazzjonijiet tiegħu huma notevoli. Madankollu, [FT] illum għandha tiffaċċja struttura finanzjarja żbilanċjata, bżonnijiet ta’ fondi u finanzjament mill-ġdid għal terminu medju. Din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-falliment tal-investimenti li kien hemm fl-imgħoddi, li ġew ġestiti ħażin u saru fl-agħar żmien tal-‘bużżieqa’ finanzjarja u, b’mod iktar ġenerali, meta s-swieq kienu fl-iktar livelli baxxi tagħhom. Il-fatt li [FT] ma tistax tiffinanzja l-iżvilupp tagħha ħlief bid-dejn iggrava din is-sitwazzjoni. 2) L-Istat [Franċiż], fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist b’maġġoranza, talab lid-diriġenti l-ġodda sabiex jistabbilixxu mill-ġdid il-bilanċi finanzjarji ta’ [FT], filwaqt li jżommu l-integrità tal-grupp […] 3) Fid-dawl tal-pjan ta’ azzjoni mfassal mid-diriġenti u tal-perspettivi ta’ qligħ mill-investiment, l-Istat [Franċiż] se jieħu sehem fit-tisħiħ tal-fondi ta’ FT b’EUR 15-il biljun pro rata, jiġifieri investiment ta’ EUR 9 biljuni. L-Istat [Franċiż] fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist biħsiebu jġib ruħu għaldaqstant bħala investitur avżat. Għandha tkun [FT] li tiddefinixxi l-modalitajiet u l-iskeda preċiża tat-tisħiħ tal-fondi tagħha. Il-Gvern [Franċiż] jixtieq li din l-operazzjoni ssir filwaqt li tittieħed sew inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-azzjonisti individwali u tal-impjegati azzjonisti ta’ [FT]. Biex [FT] tingħata l-possibbiltà li tniedi operazzjoni tas-suq fl-iktar mument xieraq, l-Istat [Franċiż] lest li jantiċipa s-sehem tiegħu fit-tisħiħ tal-fondi tagħha, permezz ta’ self minn azzjonist temporanju, li se jiġi rremunerat skont il-kundizzjonijiet tas-suq u li se jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ [FT]. 4) Is-sehem kollu tal-Istat [Franċiż] f’[FT] se jiġi ttrasferit f’ERAP. Hija se tiddejjen mas-swieq finanzjarji sabiex tiffinanzja l-parti tal-Istat [Franċiż] fit-tisħiħ tal-fondi ta’ [FT].”

16

Fil-11 u fit-12 ta’ Diċembru 2002, FT ħarġet żewġ settijiet ta’ bonds suċċessivi li kienu jlaħħqu total ta’ EUR 2.9 biljuni.

17

Fl-20 ta’ Diċembru 2002, l-ERAP ikkomunikat lil FT abbozz inizjalat u ffirmat ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist (iktar ’il quddiem is-“self minn azzjonist”). Din tal-aħħar ma ffirmatx dan l-abbozz ta’ kuntratt u l-offerta ta’ self minn azzjonist qatt ma ġie eżegwit.

18

Fil-15 ta’ Jannar 2003, FT ħadet xi self fil-forma ta’ ħruġ ta’ bonds li jammonta għal total ta’ EUR 5.5 biljuni. Dan is-self ma kienx kopert b’sigurtà jew b’garanzija statali.

19

Fl-10 ta’ Frar 2003, FT ġeddet parti minn kreditu sindikalizzat li fid-data ta’ skadenza kellu jammonta għal EUR 15-il biljun.

20

Fl-4 ta’ Marzu 2003, tnediet l-operazzjoni ta’ tisħiħ tal-fondi prevista mill-pjan Ambition 2005. Fl-24 ta’ Marzu 2003, FT għamlet żieda ta’ kapital ta’ EUR 15‑il biljun. L-Istat Franċiż ħa sehem f’din l-operazzjoni b’EUR 9 biljuni pro rata tas-sehem tiegħu fil-kapital ta’ FT. Ammont ta’ EUR 6 biljuni ġie ggarantit minn konsorzju bankarju magħmul minn 21 bank. Din l-operazzjoni ngħalqet fil-11 ta’ April 2003.

21

FT għalqet is-sena finanzjarja 2002 b’telf ta’ madwar EUR 21 biljun u b’dejn finanzjarju nett ta’ madwar EUR 68 biljun. Il-kontijiet għas-sena finanzjarja 2002, ippubblikati minn FT fil-5 ta’ Marzu 2003, kienu juru żieda fid-dħul mill-bejgħ ta’ 8.4 %, riżultat ta’ dħul/telf operattiv qabel id-deprezzament ta’ 21.1 % u riżultat ta’ dħul/telf operattiv ta’ 30.9 %. Fl-14 ta’ April 2003, l-Istat Franċiż kellu 58.9 % mill-kapital ta’ FT, li minnu 28.6 % permezz tal-ERAP.

Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kontenzjuża

22

Fl-4 ta’ Diċembru 2002, ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni l-miżuri finanzjarji previsti mill-pjan Ambition 2005, inkluża l-offerta ta’ self minn azzjonist, skont l-Artikolu 88(3) KE u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

23

Fit-22 ta’ Jannar 2003, Bouygues SA u Bouygues Télécom SA (iktar ’il quddiem, meqjusa flimkien, il-“kumpanniji Bouygues”), żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Franċiż, fejn tal-aħħar hija attiva fis-suq Franċiż tat-telefonija ċellulari, ressqu lment quddiem il-Kummissjoni dwar ċerta għajnuna mogħtija mill-Istat Franċiż lil FT fil-kuntest tar-rifinanzjament ta’ din tal-aħħar. Dan l-ilment kien jipprevedi, senjatament, minn naħa, l-avviż ta’ investiment mill-Istat Franċiż fl-ammont ta’ EUR 9 biljuni u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002”).

24

Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali pevista fl-Artikolu 88(2) KE dwar, b’mod partikolari, il-miżuri finanzjarji stabbiliti mill-Istat Franċiż insostenn ta’ FT (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura” (ĠU 2003, C 57, p. 5). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

25

Fit-3 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Franċiżi bid-deċiżjoni kontenzjuża.

26

Fil-premessa 185 tal-imsemmija deċiżjoni, li tinsab taħt it-Titolu 6 tagħha u intitolat “Suġġett ta’ din id-deċiżjoni”, il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li l-miżuri nnotifikati ma setgħux jiġu eżaminati “mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern [Franċiż] minn Lulju sa Diċembru 2002” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, b’dawn id-dikjarazzjonijiet, l-awtoritajiet Franċiżi wrew ir-rieda tagħhom li jieħdu l-miżuri adatti biex isolvu d-diffikultajiet finanzjarji ta’ FT. L-offerta ta’ self minn azzjonist kien jikkostitwixxi t-twettiq tal-intenzjonijiet tagħhom li ġew espressi qabel.

27

Fil-premessa 186 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni esponiet dan li ġej:

“F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonstata li qabel il-miżuri ta’ Diċembru 2002, li kienu s-suġġett tan-notifika, kien hemm diversi dikjarazzjonijiet u miżuri tal-awtoritajiet Franċiżi minn Lulju [2002]. Minn naħa, dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn il-miżuri jagħtu l-possibbiltà li r-raġunijiet u l-portata tal-miżuri ta’ Diċembru [2002] jinftiehmu aħjar. Min-naħa l-oħra, dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn il-miżuri preċedenti żgur li kellhom effett fuq il-perċezzjoni li kellhom is-swieq u l-atturi ekonomiċi tas-sitwazzjoni ta’ FT fix-xahar ta’ Diċembru [2002]. Billi l-aġir tal-atturi ekonomiċi kien huwa stess influwenzat mill-aġir tal-Istat, dan ma jikkostitwixxix parametru oġġettiv biex sussegwentement ikun iġġudikat l-aġir tal-Istat. Dawn l-interventi preċedenti, għalhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-analiżi tal-preżenza ta’ għajnuna fil-miżuri ta’ Diċembru [2002].”

28

Fil-premessa 187 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrilevat li, fil-fatt, kien possibbli li d-dikjarazzjonijiet u l-miżuri suċċessivi tal-awtoritajiet Franċiżi minn Lulju 2002 jiġu eżaminati bħala “ġabra ta’ miżuri li l-mument ta’ konkretizzazzjoni tagħhom huwa dak tal-miżuri ta’ Diċembru [2002]”.

29

Madankollu, fil-premessi 188 sa 191 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“(188)

Mal-ewwel daqqa t’għajn, l-analiżi ta’ dan il-każ tissuġġerixxi differenza temporanja bejn il-vantaġġi għall-impriża, li kienu partikolarment evidenti fix-xahar ta’ Lulju [2002], u l-impenn potenzjali tar-riżorsi tal-Istat, li jidher li huwa stabbilit b’mod iktar ċar fix-xahar ta’ Diċembru [2002]. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet tal-Ministru tal-Ekonomija […] jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna, sa fejn deher ċar li tali dikjarazzjonijiet kellhom effett fuq is-swieq u taw vantaġġ lil [FT]. Madankollu, ma huwiex se jkun faċli li jiġi ddeterminat mingħajr l-ebda dubju jekk id-dikjarazzjoni [tat-12] ta’ Lulju 2002 kinitx tali li tinvolvi mill-inqas potenzjalment ir-riżorsi tal-Istat. […]

(189)

Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma għandhiex elementi suffiċjenti biex tipprova b’mod inkontestabbli l-preżenza ta’ għajnuna fuq il-bażi ta’ dan l-argument il-ġdid. Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li tista’ tistabbilixxi l-preżenza ta’ elementi ta’ għajnuna billi ssegwi approċċ iktar tradizzjonali li jibda bil-miżuri ta’ Diċembru li kienu s-suġġett tan-notifika.

(190)

Fil-fatt, minn naħa, il-preżenza ta’ impenn ta’ riżorsi tal-Istat hija ċara fix-xahar ta’ Diċembru [2002]. Min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ vantaġġ għal [FT] fix-xahar ta’ Diċembru hija wkoll evidenti meta wieħed jikkunsidra l-effett fuq is-swieq tad-dikjarazzjonijiet u tal-miżuri preċedenti.

(191)

F’dan ir-rigward, il-‘prinċipju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq’ ma għandux rwol fil-ġustifikazzjoni ta’ dan l-intervent ta’ Diċembru [2002] kif qed isostnu l-awtoritajiet Franċiżi, għaliex l-aġir tal-atturi ekonomiċi f’Diċembru kien influwenzat b’mod ċar mill-azzjonijiet u mid-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Gvern minn Lulju [2002]. Għalkemm jistgħu jinxteħtu dubji dwar jekk id-dikjarazzjoni [ta’] Lulju [2002] kin[itx] suffiċjentement konkret[a] biex [t]ikkostitwixx[i] għajnuna fih[a] infish[a], ma hemm kważi l-ebda dubju li tali dikjarazzjoni[…] kien[et] iktar minn suffiċjenti biex ‘[tikkontamina]’ il-perċezzjoni tas-swieq u [tinfluwenza] l-aġir sussegwenti tal-atturi ekonomiċi. Jekk dan huwa l-każ, wieħed ma jistax iqis dan l-aġir tal-atturi ekonomiċi bħala punt ta’ paragun newtrali biex sussegwentement ikun iġġudikat l-aġir tal-Istat [Franċiż]. Il-preżunzjoni bbażata fuq il-‘prinċipju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq’ għalhekk ma tistax tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni tas-suq kif kienet f’Diċembru [2002] imma loġikament għandha tkun ibbażata fuq sitwazzjoni tas-suq mhux ikkontaminata bl-effett tad-dikjarazzjonijiet preċedenti.”

30

Wara li kkonstatat li l-vantaġġ mogħti lil FT kien joħloq jew kien jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u li kien jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (premessi 198 sa 201 tad-deċiżjoni kontenzjuża), il-Kummissjoni, taħt it-Titolu 8 tad-deċiżjoni kontenzjuża, intitolat “Prinċipju ta’ investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq”, eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi prinċipju kienx ġie osservat meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet kollha li għamlu l-awtoritajiet Franċiżi matul ix-xhur ta’ qabel l-offerta ta’ self minn azzjonist (premessi 203 sa 230 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Fil-fatt, il-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u l-effett tagħhom fuq is-suq juru li l-Istat Franċiż kien iddeċieda, sa minn Lulju, li jsostni lil FT (premessa 203 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

31

Billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq ir-rapport tat-28 ta’ April 2004, li kien jikkonstata żieda anormali u mhux negliġibbli tal-valur tal-azzjonijiet u tal-obbligi ta’ FT wara d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, fuq l-istqarrija għall-istampa ta’ S & P tal-istess jum u kif ukoll fuq rapport tad-Deutsche Bank tat-22 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni kkonkludiet li “s-suq [kien] qies [id-]dikjarazzjonijiet [tal-awtoritajiet Franċiżi] bħala strateġija ta’ impenn kredibbli tal-Istat [Franċiż] sabiex isostni lil FT” (premessi 220 u 221 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

32

Il-Kummissjoni żiedet, fil-premessa 222 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li dawn id-dikjarazzjonijiet kellhom effett ferm sinjifikattiv fuq is-suq. Fil-fatt, dawn ikkontribwixxew sabiex jagħtu mill-ġdid fiduċja lis-swieq finanzjarji u kienu determinanti għaż-żamma tal-klassifikazzjoni ta’ FT fil-klassifika tal-investiment. Degradazzjoni ta’ din il-klassifikazzjoni ta’ FT kienet trendi l-offerta ta’ self minn azzjonist improbabbli u ċertament ħafna iktar oneruża.

33

Skont il-Kummissjoni, “[i]l-fatt li l-miżuri nnotifikati f’Diċembru [2002], meħuda separatament, jistgħu jagħtu l-illużjoni ta’ operazzjonijiet għal kollox razzjonali ma jneħħi xejn mill-fatt li l-aġir tal-atturi ekonomiċi f’Diċembru kien b’mod ċar influwenzat mill-azzjonijiet u mid-dikjarazzjonijiet li saru mill-Istat [Franċiż] preċedentement, u senjatament minn Lulju 2002, li jindikaw l-intenzjoni tal-Istat [Franċiż] li jegħleb il-problemi ta’ finanzjament ta’ [FT]” (premessa 225 tad-deċiżjoni kontenzjuża). F’dan is-sens, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Franċiżi li jantiċipaw ir-rikapitalizzazzjoni ta’ FT bl-għoti ta’ faċilità ta’ kreditu kienet tikkostitwixxi twettiq tad-dikjarazzjonijiet tagħhom (premessa 226 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

34

Skont il-Kummissjoni, ma huwiex determinanti li l-operazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ FT, imwettqa f’April 2003, kienet suċċess u li s-self minn azzjonist qatt ma ġie eżegwit. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat avżat, wieħed għandu, fil-fatt, jibbaża ruħu fuq l-elementi li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-investitur fil-mument li ħa d-deċiżjoni li jinvesti. Barra minn hekk, sa fejn id-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi kellhom influwenza fuq is-suq u fuq l-aġir tal-atturi ekonomiċi, il-Kummissjoni ma kinitx “f’pożizzjoni li tibbaża ruħha fuq l-aġir ta’ atturi ekonomiċi oħrajn biex tiġġudika l-aġir tal-Istat u b’hekk tapplika t-test tal-konkomitanza”. Skont il-Kummissjoni, “[f]il-fatt, id-dikjarazzjonijiet tal-Istat [Franċiż] jiġifieri li se jagħmel dak kollu li huwa neċessarju biex [FT] tkun tista’ tegħleb il-problemi ta’ finanzjament tagħha, li saru f’Lulju u li mbagħad ġew ripetuti, jivvizzjaw it-test tal-konkomitanza peress li f’dik is-sitwazzjoni l-investituri privati ma jistgħux jitqiesu li kienu ddeċidew biss fuq il-bażi tas-sitwazzjoni ta’ [FT], u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn id-dikjarazzjonijiet [kinux jinvolvu jew le] għajnuna mill-Istat”. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ investitur privat avżat ma tistax tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni tas-suq kif kienet f’Diċembru 2002, imma loġikament għandha tkun ibbażata “fuq s-sitwazzjoni ta’ suq mhux ikkontaminat mid-dikjarazzjonijiet u mill-interventi preċedenti” (premessa 227 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

35

Issa, “jidher” li, meta dawn jiġu eżaminati fil-kuntest tas-sitwazzjoni qabel Lulju 2002, id-deċiżjonijiet ta’ investiment inkwistjoni ma josservawx dan il-prinċipju (premessa 228 tad-deċiżjoni kontenzjuża). F’dak il-mument, FT kienet tinsab f’ambitu ekonomiku diffiċli u tilfet il-fiduċja tas-swieq, u l-awtoritajiet Franċiżi ma kienu għadhom ħadu ebda miżura intiża sabiex ittejjeb il-ġestjoni ta’ FT u r-riżultati tagħha, ma kinux ordnaw awditu fid-dettall, ma kinux stabbilixxew tim ta’ direzzjoni ġdid, u lanqas ma kienu ppreparaw pjan ta’ rkupru tal-impriża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa “improbabbli li investitur privat, minn Lulju 2002, ikun għamel dikjarazzjonijiet [bħal] dawk li għamel il-Gvern Franċiż, li jistgħu, mil-lat purament ekonomiku, jaffettwaw serjament il-kredibbiltà u r-reputazzjoni tiegħu u, mil-lat ġuridiku, anki jobbligawh biex minn dik id-data, jiġri x’jiġri, isostni finanzjarjament lil [FT]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’tali modus operandi, tali investitur ikun assuma huwa stess u bla ebda kumpens riskju ferm kbir fil-konfront ta’ FT. Issa, anki azzjonist ta’ referenza, li għandu l-istess informazzjoni li kellhom l-awtoritajiet Franċiżi f’dak iż-żmien, ma kienx jagħmel dikjarazzjoni ta’ sostenn favur FT f’Lulju 2002 mingħajr ma qabel ikun għamel awditu fid-dettall tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u tal-miżuri ta’ rkupru neċessarji biex tkun tista’ tiġi evalwata l-portata tar-riskju li jimplika tali pass. Kien x’kien il-każ, tali azzjonist ta’ referenza kien ikollu bżonn tal-parteċipazzjoni tas-swieq finanzjarji biex jirkupra s-sitwazzjoni ta’ FT. Issa, l-imsemmija swieq “ma jidhirx li, f’dak iż-żmien, kienu lesti jinvestu jew jagħtu wisq kreditu lil FT” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 229 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

36

B’hekk, skont il-Kummissjoni, “[h]uwa ftit li xejn probabbli li investitur privat avżat imqiegħed fl-istess sitwazzjoni tal-Istat Franċiż [ikun] għamel dikjarazzjonijiet ta’ sostenn favur FT f’Lulju 2002 fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ FT u tal-assenza ta’ informazzjoni ċara u sħiħa għad-dispożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward”. Iktar minn hekk, huwa inqas probabbli li investitur privat avżat “[ikun] ta self minn azzjonist filwaqt li jkun assuma waħdu riskju finanzjarju sinjifikattiv ħafna” (premessa 229 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

37

Minn dan kollu premess, il-Kummissjoni kkonkludiet li “l-[kriterju] tal-investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq ma [ġiex] issodisfatt” u li, “[k]onsegwentement, il-vantaġġ mogħti lil FT bl-offerta ta’ għotja ta’ self minn azzjonist – eżaminat fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet u tal-interventi preċedenti tal-awtoritajiet Franċiżi – [kien] għajnuna mill-Istat anki jekk [huwa] diffiċli li tiġi kkalkolata l-portata tal-vantaġġ” (premessa 230 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

38

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li “s-self minn azzjonist mogħti mir-[Repubblika Franċiża] lil [FT] f’Diċembru 2002 fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni, imqiegħed fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet […] [maħruġa sa mix-xahar ta’] Lulju 2002 jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni”.

Il-proċeduri ġudizzjarji preċedenti

39

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-13 ta’ Ottubru 2004 (Kawża T‑425/04), fil-5 ta’ Novembru 2004 (Kawża T‑444/04) u fid-9 ta’ Novembru 2004 (Kawża T‑450/04), ir-Repubblika Franċiża, FT u l-kumpanniji Bouygues, rispettivament, ressqu, kull waħda minnhom, azzjoni intiża għall-annullament totali tad-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Novembru 2004 (Kawża T-450/04), l-Association française des opérateurs de réseaux et services de télécommunications (AFORS Télécom) ressqet azzjoni intiża għall-annullament tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni.

40

Permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, Franza vs Il-Kummissjoni (T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04, EU:T:2010:216), il-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, iddikjarat li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni.

41

Barra minn hekk, fil-punt 298 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx weriet li l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 kien jinkludi trasferiment tar-riżorsi tal-Istat.

42

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ self minn azzjonist, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 299 ta’ din is-sentenza, li, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti vantaġġ riżultanti, ma huwiex, a fortiori, possibbli għall-Qorti Ġenerali li tikkonkludi favur l-eżistenza ta’ trasferiment tar-riżorsi tal-Istat konness ma’ dan il-vantaġġ.

43

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-4 u fit-3 ta’ Awwissu 2010, il-kumpanniji Bouygues (Kawża C‑399/10 P) u l-Kummissjoni (Kawża C‑401/10 P), ippreżentaw, rispettivament, appell mis-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, Franza vs Il-Kummissjoni (T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04, EU:T:2010:216).

44

Permezz tas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et (C‑399/10 P u C‑401/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bouygues, EU:C:2013:175), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, Franza vs Il-Kummissjoni (T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04, EU:T:2010:216), bagħtet il-Kawżi T‑425/04, T‑444/04 u T‑450/04 lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi l-motivi ssollevati u t-talbiet imressqa quddiemha u li fir-rigward tagħhom hija ma kinitx ippronunzjat ruħha, u rriżervat l-ispejjeż.

45

F’dan ir-rigward, qabelxejn, fil-punt 76 tas-sentenza Bouygues, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet pożizzjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, dwar l-argument issollevat mill-kumpanniji Bouygues fl-ilment tagħhom tat-22 ta’ Jannar 2003, li skontu d-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 kienu jikkostitwixxu, fihom infushom, għajnuna mill-Istat. Hija rrilevat b’mod partikolari, fil-punti 73 sa 75 ta’ din is-sentenza, li dawn id-dikjarazzjonijiet kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn dawn kienu oġġettivament rilevanti għall-evalwazzjoni tal-offerta ta’ self minn azzjonist u li l-Kummissjoni kienet, għalhekk, eżaminathom biss sa fejn dawn kienu jifformaw il-kuntest tal-għajnuna kkonstatata.

46

Għaldaqstant, fil-punt 77 tas-sentenza Bouygues, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ġġudikat, fil-punti 128 u 131 tas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2010, Franza vs Il-Kummissjoni (T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04, EU:T:2010:216), li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża kien jirrigwarda r-rifjut tal-Kummissjoni milli tikklassifika d-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat. Assenza min-naħa tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fihom infushom bħala għajnuna mill-Istat sussegwentement għall-ilment tal-kumpanniji Bouygues ma tistax, fil-fatt, tiġi assimilata fiha nfisha ma’ deċiżjoni li tiċħad il-pretensjonijiet ta’ dawn il-lanjanti.

47

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat, fil-punti 103 u 104 tas-sentenza Bouygues, li, billi l-interventi tal-Istat jieħdu diversi forom u jeħtieġu li jiġu analizzati skont l-effetti tagħhom, ma jistax ikun eskluż li diversi interventi konsekuttivi mill-Istat għandhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jitqiesu bħala intervent wieħed. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-interventi konsekuttivi jkollhom, b’mod partikolari fid-dawl tal-kronoloġija tagħhom, l-għan tagħhom u s-sitwazzjoni tal-impriża fiż-żmien ta’ dawn l-interventi, rabtiet tant mill-qrib bejniethom li jkun impossibbli li dawn jiġu sseparati minn xulxin.

48

B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 105 tas-sentenza Bouygues, li, billi kkunsidrat li kien neċessarju li jiġi identifikat tnaqqis tal-baġit tal-istat jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ piżijiet li jaqgħu fuq dan il-baġit marbut mill-qrib u li jikkorrispondi għal, jew li jagħmel tajjeb, għal vantaġġ speċifiku riżultanti kemm mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 kif ukoll mis-self minn azzjonist, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat kriterju ta’ natura li jeskludi mill-ewwel li dawn l-interventi statali jistgħu, abbażi tar-rabtiet bejniethom u tal-effetti tagħhom, jitqiesu intervent wieħed.

49

Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament, minn naħa, fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat fil-Kawża T-450/04 u, min-naħa l-oħra, fuq it-tieni parti tat-tieni motiv u t-tielet motiv issollevati mir-Repubblika Franċiża u minn FT insostenn tar-rikorsi tagħhom fil-Kawżi T-425/04 u T-444/04, sa fejn din il-parti u dan il-motiv huma diretti kontra l-konstatazzjoni, imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lil FT mill-Istat Franċiż.

50

Fir-rigward tal-ewwel parti, fil-punt 118 tas-sentenza Bouygues, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-motivi tar-rikors fil-Kawża T‑450/04 intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat kienu ineffettivi.

51

Fir-rigward tat-tieni parti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punti 129 sa 131 tas-sentenza Bouygues, minn xi partijiet tal-premessi 194 u 196 tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-Kummissjoni kienet qieset li l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist, meħuda flimkien, kienu pprovdew vantaġġ li jimplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li din l-istituzzjoni kienet korretta meta eżaminat flimkien dawn iż-żewġ miżuri, ladarba kien manifest li l-ewwel waħda ma setgħetx tiġi sseparata mit-tieni.

52

Min-naħa l-oħra, fil-punti 140 u 141 tas-sentenza Bouygues, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-tilwima ma kinitx fi stat li tiġi ġġudikata fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tieni u t-tielet motivi invokati mir-Repubblika Franċiża u minn FT, sa fejn dawn il-motivi kienu indirizzati kontra l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat avżat li saret mill-Kummissjoni.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

53

Wara li ngħatat is-sentenza Bouygues, il-Kawżi T‑425/04 RENV, T‑444/04 RENV u T‑450/04 RENV ġew assenjati mill-ġdid lis-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

54

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2013, France Télécom informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet bidlet isimha fl-1 ta’ Lulju 2013 sabiex issir Orange.

55

Permezz ta’ digrieti tal-President tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ġunju 2014, minn naħa, il-kumpanniji Bouygues tneħħew mill-Kawża T‑444/04 RENV bħala intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-Kawża T‑450/04 RENV ġiet ikkanċellata mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, billi dawn il-kumpanniji rtiraw l-intervent tagħhom u rrinunzjaw għall-azzjoni tagħhom.

56

Permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2014, il-Kawżi T‑425/04 RENV u T‑444/04 RENV ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

57

Fil-Kawża T‑425/04 RENV, ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u, fil-Kawża T‑444/04 RENV, Orange talbu lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

58

F’dawn il-kawżi, il-Kummissjoni talbet iċ-ċaħda tar-rikorsi bħala infondati u l-kundanna tar-Repubblika Franċiża u ta’ Orange għall-ispejjeż. Fis-seduta tal-24 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni talbet ukoll iċ-ċaħda tar-rikors fil-Kawża T‑444/04 RENV bħala inammissibbli.

59

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ssollevata mill-Kummissjoni fil-Kawża T‑444/04 RENV, minħabba li Orange kien għad għandha interess eżistenti u attwali fir-rigward tal-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

60

Sussegwentement, hija eżaminat it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ċaħdet l-ewwel motivi tar-rikorsi, sa fejn dawn kienu bbażati fuq ksur tar-rekwiżiti proċedurali u tad-drittijiet tad-difiża. Min-naħa l-oħra, hija analizzat flimkien u laqgħet it-tieni u t-tielet motivi tar-rikorsi, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat avżat. Għaldaqstant, hija annullat l-Artikolu 1.

61

Il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx għad hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet tar-Repubblika Franċiża u ta’ Orange intiżi għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

62

Finalment, fid-dawl ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll għal tmienja minn disa’ partijiet tal-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika Franċiża u minn Orange.

It-talbiet tal-partijiet

63

Il-Kummissjoni titlob, prinċipalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn din annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal tmien parti minn kull għaxar partijiet tal-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika Franċiża u minn Orange fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04;

tiċħad ir-rikorsi tar-Repubblika Franċiża u ta’ Orange fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04, u

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża u lil Orange għall-ispejjeż.

64

Sussidjarjament, din l-istituzzjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat lura l-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04 quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

65

Orange u, prinċipalment, ir-Repubblika Franċiża jitolbu ċ-ċaħda tal-appell u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

66

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla s-sentenza appellata, ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Kawża T‑425/04 tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi l-ewwel parti tat-tieni motiv tar-rikors kif ukoll it-tielet u r-raba’ motivi tiegħu.

67

Iktar sussidjarjament, dan l-Istat Membru jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ din il-parti u dawn il-motivi tar-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

68

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tressaq erba’ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq seba’ okkorrenzi ta’ ksur distinti tal-Artikolu 107(1) TFUE, it-tielet wieħed, fuq qbiż tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju u, ir-raba’ wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata, jew żnaturament, tad-deċiżjoni kontenzjuża.

69

Orange tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell.

Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell

L-argumenti ta’ Orange

70

Orange tirrileva li, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, minn naħa, l-uniċi interventi tal-Istat Franċiż li jistgħu jitqiesu intervent uniku kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat huma l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 ittieħdu inkunsiderazzjoni biss bħala element ta’ kuntest. Dan kien ukoll, matul id-diversi proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, l-argument tal-Kummissjoni.

71

B’mod partikolari, kif jirriżulta wkoll mill-punt 259 tas-sentenza appellata, anki meta ġiet espressament u speċifikament mistoqsija dwar dan il-punt mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni qatt ma marret sal-punt li tafferma li d-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 kienu, bħall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u l-offerta ta’ self ta’ azzjonist, elementi li jikkostitwixxu intervent uniku kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat.

72

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Orange tqis li l-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, peress li l-Kummissjoni tinvoka, fl-aggravji tagħha, argumenti ġodda li jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma ppronunzjatx ruħha fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn id-dikjarazzjonijiet kellhomx jiġu inklużi fil-parametri tal-intervent uniku.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73

Huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat, kif jirriżulta kemm mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż u kif ukoll mill-punt 255 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ressqet, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-argument li d-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 kellhom jiġu inklużi fil-parametri tal-intervent uniku insostenn ta’ FT, u li din tal-aħħar wieġbet espressament għal dan l-argument fil-punti 256 sa 261 tal-istess sentenza.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ssollevata minn Orange, ibbażata fuq il-premessa li dan l-argument huwa ġdid fl-ambitu tal-appell, għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta ’ motivazzjoni

L-argumenti tal-Kummissjoni

75

Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali injorat il-prinċipji stabbiliti mis-sentenza Bouygues, fit-tieni lok, ma weġbitx suffiċjentement għall-argumenti li hija kienet ressqet fl-ambitu tal-proċedura ta’ rinviju u, fl-aħħar lok, ivvizzjat ir-raġunament tagħha b’kontradizzjonijiet.

76

Fil-fatt, meta l-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punti 185 sa 196 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza li hija tqis li hija rilevanti fir-rigward tal-kriterju ta’ investitur privat avżat, hija ma semmietx is-sentenza Bouygues u għalhekk naqset milli tittratta l-kwistjoni ta’ jekk din is-sentenza kinitx ġabet preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-portata ta’ dan il-kriterju.

77

Il-Kummissjoni żżid, sussegwentement, li, fl-osservazzjonijiet tagħha wara r-rinviju, hija kienet spjegat kif id-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 kienu oġġettivament jagħmlu parti mill-kuntest ta’ analiżi tal-offerta ta’ self minn azzjonist u kienu marbuta magħha kronoloġikament, ekonomikament u funzjonalment, b’mod li kienu jikkostitwixxu, ma’ din l-offerta, intervent uniku. Issa, minkejja li l-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 255 sa 258 tas-sentenza appellata, ċerti aspetti tal-kunċett ta’ intervent uniku, hija ttrattat biss kwistjonijiet semantiċi sabiex tevita milli tagħmel eżami veru tal-argumenti tal-Kummissjoni.

78

Finalment, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet ruħha meta affermat, minn naħa, fil-punti 219 u 222 tas-sentenza appellata, li kien hemm lok li tqiegħed lilha nfisha, sabiex tfittex jekk l-Istat Franċiż adottax aġir ta’ investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq, fil-kuntest tax-xahar ta’ Diċembru 2002, li matulu l-miżuri ta’ sostenn finanzjarju ttieħdu, u b’hekk teskludi minn dan il-kuntest id-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002, u, min-naħa l-oħra, fil-punti 227 u 228 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tevalwa r-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-Istat Franċiż, l-elementi kollha li jikkaratterizzaw lil dan il-kuntest, inklużi fih tali dikjarazzjonijiet.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

79

Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni,C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jeħtieġx li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha mfissra mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 38).

81

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni li tidher fil-punti 185 sa 196, 219, 222, 227, 228 u 255 sa 258 tas-sentenza appellata tippermetti lill-persuni kkonċernati, u lill-Kummissjoni b’mod partikolari, li jagħrfu r-raġunijiet li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest ta’ dan l-appell.

82

Fil-fatt, kif ġustament isostnu l-Gvern Franċiż u Orange, ma jistgħux jikkostitwixxu, fihom infushom, nuqqas ta’ motivazzjoni la l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma semmietx, fir-riferiment għall-ġurisprudenza li sar fil-punti 185 sa 196 tas-sentenza appellata, is-sentenza Bouygues, u lanqas il-fatt li hija ċaħdet, wara eżami ddettaljat li sar fil-punti 255 sa 258 ta’ din is-sentenza, il-pretensjonijiet tal-Kummissjoni.

83

Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li hemm kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-punti 219 sa 222 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, il-punti 227 u 228 tagħha huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ dawn il-punti. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sempliċement, f’dawn il-punti, irrilevat li l-Kummissjoni ma setgħetx tillimita lilha nfisha għat-teħid inkunsiderazzjoni biss tad-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002, bl-esklużjoni ta’ elementi oħra li kienu rilevanti għall-analiżi.

84

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala nieqes minn kull bażi.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq qbiż tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju

L-argumenti tal-Kummissjoni

85

Permezz tat-tielet aggravju tal-appell, li għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-kriterju ta’ investitur privat avżat jimplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa, li fil-kuntest tagħha hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Konsegwentement, f’dan il-qasam, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu fil-prinċipju jiġi llimitat għall-verifika ta’ jekk hemmx żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti. B’mod partikolari, il-qorti tal-Unjoni Ewropea ma tistax, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni ekonomika tagħha.

86

Issa, billi affermat, fil-punti 235 u 236 tas-sentenza appellata, li l-perċezzjoni mis-suq tad-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 ma kinitx rilevanti fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-analiżi tal-Kummissjoni b’dik tagħha, meta hija kellha teżamina biss jekk il-kunsiderazzjonijiet 210, 217 u 229 tad-deċiżjoni kontenzjuża kinux ivvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit fit-Trattat FUE, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola u fid-dawl sew tal-elementi konkreti tat-tilwima mressqa quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, BNP Paribas u BNL vs Il-Kummissjoni, C‑452/10 P, EU:C:2012:366, punt 100).

88

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa llimitat, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, BNP Paribas u BNL vs Il-Kummissjoni, C‑452/10 P, EU:C:2012:366, punt 103).

89

F’dan ir-rigward, meta jkun hemm lok, għall-Kummissjoni, sabiex tivverifika jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, li tapplika l-kriterju ta’ investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq, l-użu ta’ dan il-kriterju jimplika, b’mod ġenerali, min-naħa tal-Kummissjoni evalwazzjoni ekonomika kumplessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs ScottC‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 68).

90

F’dan il-każ, kif il-Gvern Franċiż u Orange ġustament jirrilevaw, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni tikkritika ma jirrigwardawx l-applikazzjoni stess tal-kriterju ta’ investitur privat avżat, iżda l-mument li fih il-Kummissjoni kellha tagħmel din l-evalwazzjoni u, għaldaqstant, il-provi li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward.

91

Min-naħa l-oħra, jekk stess jitqies li l-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali kellha l-kompetenza li teżerċita f’dan ir-rigward kellu jkun ristrett, kif issostni l-Kummissjoni, dan ma jimplikax li l-Qorti Ġenerali kienet marbuta tastjeni milli tistħarreġ il-klassifikazzjoni ġuridika, minn din l-istituzzjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha, minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li llum hija stabbilita jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha titqies fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet dedotti minnhom (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni,C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 46).

92

Issa, fil-punti 235 sa 248 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet speċifikament eżami tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tqis li kellu jiġi applikat il-kriterju ta’ investitur privat avżat fix-xahar ta’ Lulju 2002 u mhux fix-xahar ta’ Diċembru 2002. F’dan ir-rigward, hija qieset li din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq teħid inkunsiderazzjoni selettiv ta’ provi disponibbli u li dawn il-provi ma kinux ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni siltet minnhom. Għaldaqstant, hija qieset li l-evalwazzjoni li saret mill-Kummissjoni kienet ivvizzjata minn żball manifest.

93

B’hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 91 ta’ din is-sentenza u kuntrarjament għal dak allegat mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma eċċedietx, meta għamlet tali analiżi, il-limiti tal-istħarriġ li huwa l-kompitu tagħha li teżerċita.

94

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata, jew żnaturament, tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll fuq żnaturament tal-fatti

L-argumenti tal-Kummissjoni

95

Permezz tar-raba’ aggravju tal-appell, li għandu jiġi eżaminat fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni kontenzjuża meta kkunsidrat, fil-punti 246 sa 248 tas-sentenza appellata, minn naħa, li sempliċi stennija mis-swieq ma setgħetx toħloq obbligu sabiex tittieħed azzjoni u li l-Kummissjoni ma kinitx weriet li n-nuqqas ta’ osservanza min-naħa tal-Istat tad-dikjarazzjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ FT seta’ jipperikola r-reputazzjoni tagħha fis-swieq finanzjarji. Fil-fatt, il-premessa 217 ta’ din id-deċiżjoni tinkludi tali prova, elementi konkreti insostenn.

96

Min-naħa l-oħra, din l-istituzzjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat ukoll il-fatti meta kkunsidrat li investitur privat avżat seta’ jagħmel dikjarazzjonijiet simili għad-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002, meta, sal-bidu tax-xahar ta’ Diċembru 2002, la l-Gvern Franċiż u lanqas FT ma kellhom pjan ta’ rkupru u ta’ stima tal-kapital neċessarju. Fil-fatt, il-Kummissjoni tispjega li, fl-assenza ta’ informazzjoni dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-operazzjoni tiegħu, Stat ma jistax jippretendi li jkun qed jaġixxi bħala investitur privat avżat.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

97

Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija unikament kompetenti, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess lilha sottomessi, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti (sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni,C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punt 51, u tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni,C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 179).

98

Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, EU:C:2006:328, punt 85, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 180).

99

Meta jallega żnaturament ta’ provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika preċiżament il-provi allegatament żnaturati minnha u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni,C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

F’dan il-każ, qabelxejn, mill-punt 246 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-premessa 217 tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif korrettament isostni l-Gvern Franċiż.

101

Sussegwentement, ġie rrilevat fil-punt 92 ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 235 sa 248 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-provi li fuqhom din l-istituzzjoni bbażat ruħha sabiex tqis li l-kriterju tal-investitur privat avżat kellu jiġi applikat għax-xahar ta’ Lulju 2002 u mhux għax-xahar ta’ Diċembru 2002, li hija qieset li din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq teħid inkunsiderazzjoni selettiv tal-provi disponibbli u li dawn il-provi ma kinux ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni siltet minnhom.

102

Finalment, għandu jiġi kkonstatat li, bl-argumenti tagħha, il-Kummissjoni ma tindikax preċiżament il-provi li ġew manifestament żnaturati mill-Qorti Ġenerali, iżda kkontestat l-evalwazzjoni tal-fatti li saret mill-Qorti Ġenerali li skontha l-konklużjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni kontenzjuża ma kinux suffiċjentement sostnuti skont il-liġi bi provi invokati insostenn tagħhom.

103

B’hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma tistax tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat id-deċiżjoni kontenzjuża u l-provi.

104

Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq okkorrenzi ta ’ ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

L-argumenti tal-Kummissjoni

105

Permezz tat-tieni aggravju tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, wara li iżolat id-dikjarazzjonijiet maħruġa sa minn Lulju 2002 mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u mill-offerta ta’ self minn azzjonist, isseparat ir-riassigurazzjoni tas-swieq permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, minn banda, miż-żieda fil-mezzi ta’ finanzjament, mill-banda l-oħra, u b’hekk żammet approċċ diviżiv ibbażat fuq seba’ żbalji ta’ liġi distinti li jikkostitwixxu daqstant okkorrenzi ta’ ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dawn l-argumenti jinqasmu f’seba’ partijiet.

106

Permezz tal-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta pproċediet, fil-punti 219 sa 248 tas-sentenza appellata, bl-identifikazzjoni ta’ mument preċiż li fih il-kriterju ta’ investitur privat avżat kellu japplika. Skont din l-istituzzjoni, dan l-approċċ imur kontra l-punt 103 tas-sentenza Bouygues, li jipprovdi li ma jistax jiġi eskluż li diversi interventi konsekuttivi tal-Istat għandhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jitqiesu intervent wieħed.

107

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss iġġudikat li diversi avvenimenti li ma humiex simultanji jistgħu jiġu evalwati flimkien, iżda aċċettat ukoll li ma huwiex neċessarju li kull wieħed minn dawn l-avvenimenti jinvolvi kemm l-għoti ta’ vantaġġ u kif ukoll trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Ikun suffiċjenti jekk dawn l-elementi jkunu ssodisfatti minn xi wieħed minn dawn l-avvenimenti jew kombinazzjoni tagħhom.

108

Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-kriterju ta’ investitur privat avżat huwa marbut ma’ mument speċifiku u lanqas li l-preżenza ta’ vantaġġ li jirriżulta minn riżorsi statali tikkostitwixxi kundizzjoni li tippreċedi l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, kif il-Qorti Ġenerali ġġudikat b’mod żbaljat fil-punti 202, 203 u 226 tas-sentenza appellata.

109

Issa, il-Kummissjoni spjegat, b’mod partikolari fil-premessi 222 u 225 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li ż-żamma, permezz tad-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002, tal-klassifikazzjoni ta’ FT fil-livell ta’ investiment kellha influwenza determinanti fuq, b’mod partikolari, il-miżuri ta’ Diċembru 2002. Dan huwa proċess kontinwu ta’ sostenn ta’ FT li beda fix-xahar ta’ Lulju 2002 u ġie kkonkretizzat fix-xahar ta’ Diċembru 2002.

110

Permezz tat-tieni parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, meta qieset, fil-punt 205 tas-sentenza appellata, li l-kriterju ta’ investitur privat avżat kellu jiġi applikat biss għall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u għall-offerta ta’ self minn azzjonist, meħuda flimkien, injorat kemm ir-rabta mill-qrib eżistenti bejn il-vantaġġ identifikat u l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju u kif ukoll il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Bouygues.

111

Fil-fatt, billi l-kriterju ta’ investitur privat avżat iservi sabiex jiskwalifika miżura li, prima facie, tikkostitwixxi vantaġġ, il-kamp ta’ eżami kemm materjali kif ukoll ratione temporis tal-miżuri li jikkostitwixxu l-vantaġġ għandu jikkoinċidi ma’ dak li għalih japplika dan il-kriterju. Għaldaqstant, jekk il-vantaġġ iħalli l-effetti tiegħu fuq perijodu partikolari, dan il-kriterju ma jkunx jista’ jiġi applikat biss għal parti minn dan il-perijodu.

112

Issa, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat, fil-punti 132 sa 139 tas-sentenza Bouygues, il-vantaġġ mogħti lil FT bħala li jinkludi żewġ partijiet, jiġifieri ż-żieda fil-mezzi ta’ finanzjament ta’ FT u r-riassigurazzjoni tas-swieq fir-rigward tal-kapaċità tagħha li tosserva l-iskadenzi tagħha, b’din ir-riassugirazzjoni deduċibbli mid-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002.

113

Permezz tat-tielet parti, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali, billi operat, fil-punti 227 sa 232 u 255 sa 261 tas-sentenza appellata, differenza semantika bejn il-miżuri statali eżaminati u l-elementi kuntestwali, kisret il-prinċipju li skontu l-analiżi tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat għandha ssir fid-dawl tal-effetti u mhux tal-forma jew tas-semantika. Skont il-Kummissjoni, fil-fatt, hemm biss differenza semantika sempliċi waħda bejn l-eżami ta’ miżura statali fil-kuntest ta’ miżura statali oħra li magħha hija marbuta b’mod inseparabbli u l-eżami konġunt ta’ dawn iż-żewġ miżuri.

114

Issa, f’dan il-każ, id-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist huma marbuta ma’ xulxin b’mod inseparabbli, peress li, fix-xahar ta’ Diċembru 2002, il-kundizzjonijiet tas-suq kienu distorti b’dawn id-dikjarazzjonijiet u peress li, mingħajr dawn tal-aħħar, din l-offerta ma setgħetx tiġi fis-seħħ u lanqas tipproduċi l-effetti tagħha.

115

Barra minn hekk, l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, minn naħa, li minn dawn id-dokumenti ma jirriżultax li d-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 u l-offerta ta’ self minn azzjonist kienu jifformaw intervent wieħed u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex is-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża, tas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni u tas-sentenza Bouygues.

116

Permezz tar-raba’ parti, il-Kummissjoni qieset li l-Qorti Ġenerali tat importanza determinanti lill-preċiżazzjoni tal-modalitajiet eżatti tas-sostenn li l-Istat Franċiż ta lil FT u injorat minħabba f’hekk l-effetti tad-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002, meta dawn tal-aħħar kienu ta’ importanza essenzjali. Il-Kummissjoni tosserva f’dan ir-rigward li ma kienx neċessarju li l-miżuri eżaminati jkunu tal-istess natura sabiex jitqiesu marbuta b’mod inseparabbli. Fil-fatt, fil-punti 132 sa 136 tas-sentenza Bouygues, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal dawn id-dikjarazzjonijiet u għall-effetti tagħhom sabiex tistabbilixxi l-preżenza ta’ vantaġġ marbut mal-offerta ta’ self minn azzjonist, li juri li dawn kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kamp tal-analiżi.

117

Fil-kuntest tal-ħames parti, il-Kummissjoni tfakkar li, fil-punti 103 u 104 tas-sentenza Bouygues, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, diversi interventi konsekuttivi tal-Istat għandhom jitqiesu intervent wieħed meta dawn l-interventi jkollhom, fid-dawl tal-kronoloġija tagħhom, l-għan tagħhom u s-sitwazzjoni tal-impriża fiż-żmien ta’ dawn l-interventi, rabtiet tant mill-qrib bejniethom li jkun impossibbli li dawn jiġu sseparati minn xulxin.

118

Hija tfakkar, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġerixxiet, fil-punti 132 sa 136 ta’ din is-sentenza, li d-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 kienu oġġettivament jagħmlu parti mill-kuntest tal-analiżi tal-offerta ta’ self minn azzjonist.

119

Issa, skont il-Kummissjoni, il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 103 u 104 tas-sentenza Bouygues kienu ssodisfatti f’dan il-każ, u dan fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib u inseparabbli eżistenti bejn dawn id-dikjarazzjonijiet u din l-offerta. Fil-fatt, kif jista’ jiġi dedott minn dawn il-punti, dawn l-interventi konsekuttivi kollha kellhom jitqiesu bħala l-istess intervent uniku.

120

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li hija applikat, fil-premessi 203 sa 230 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-kriterju ta’ investitur privat avżat għall-proċess kollu ta’ salvataġġ ta’ FT, u dan b’mod partikolari sa mill-bidu ta’ dan il-proċess, jiġifieri sa mid-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, billi din tal-aħħar kkundizzjonat il-kumplament kollu ta’ dan il-proċess. Il-Kummissjoni żżid li hija kienet stabbilixxiet, fil-premessi 215 sa 218 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li d-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 kienu ħolqu riskju ekonomiku u ġuridiku li seta’ jipperikola r-riżorsi tal-Istat Franċiż.

121

Permezz tas-sitt parti, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 230 sa 232 u 249 sa 254 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li kien hemm interruzzjoni, li seħħet fix-xahar ta’ Diċembru 2002, fis-suċċessjoni tal-miżuri statali inkwistjoni, billi bbażat ruħha, minn naħa, fuq il-loġika żbaljata li torbot l-eżami tal-kriterju ta’ investitur privat avżat ma’ mument speċifiku, jiġifieri l-4 ta’ Diċembru 2002, u, min-naħa l-oħra, fuq fatti li ma kinux jikkonstataw tali interruzzjoni u li kienu influwenzati mid-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002.

122

Issa, minħabba l-influwenza determinanti tad-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002, anki deċiżjoni awtonoma tal-operaturi privati kienet insuffiċjenti sabiex tħassar ir-rabta eżistenti bejn dawn id-dikjarazzjonijiet u l-offerta ta’ self minn azzjonist.

123

Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tidher fil-punti 249 sa 254 tas-sentenza appellata, li kien hemm interruzzjoni sinjifikattiva fix-xahar ta’ Diċembru 2002, peress li l-impenn inizjalment iddikjarat sar konkret, tikkontradixxi kemm il-konstatazzjoni fattwali li l-istess qorti aċċettat fil-punti 212 sa 215 tal-istess sentenza, li d-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002 kienu taw lil FT vantaġġ li baqa’ jitgawda tal-inqas sas-17 ta’ Diċembru 2002, kif ukoll il-konstatazzjonijiet fattwali definittivi tal-Qorti tal-Ġustizzja stipulati fil-punt 133 tas-sentenza Bouygues.

124

Permezz tas-seba’ parti, il-Kummissjoni tirrileva li, fil-punti 246 sa 247 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni s-sekwenza kollha ta’ interventi tal-Istat Franċiż matul il-perijodu dekorribbli minn Lulju sa Diċembru 2002, il-passi kollha ta’ dan il-proċess setgħu jsiru b’mod simili minn operatur privat avżat f’ekonomija tas-suq, li jiżgura li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa jkunu ssodisfatti qabel jieħu impenn irrevokabbli ta’ investiment. Skont il-Qorti Ġenerali, l-Istat Franċiż ried għalhekk jinfluwenza s-swieq, billi uża r-reputazzjoni tiegħu, sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-fiduċja tagħhom u, b’mod partikolari, fittex li jikseb iż-żamma tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT bl-għan li jipprepara finanzjament mill-ġdid solidu u inqas oneruż ta’ din l-impriża fi stadju sussegwenti.

125

Issa, skont il-Kummissjoni, b’dan ir-raġunament, il-Qorti Ġenerali injorat ir-riskju għar-reputazzjoni li dikjarazzjoni li ma tiġix onerata tinvolvi u s-sitwazzjoni partikolari tal-Istat li jagħmel tali dikjarazzjoni. Fil-fatt, iktar ma dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ sostenn tal-Istat ikkonċernat lill-impriżi pubbliċi ma jiġux segwiti inqas l-operaturi jagħtu kreditu lil dawn id-dikjarazzjonijiet. Il-Kummissjoni żżid li, minkejja li hija fil-fatt irrinunzjat, fil-premessa 219 tad-deċiżjoni kontenzjuża, għall-istabbiliment tal-preżenza ta’ għajnuna biss fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002, dan ma jfissirx li hija kellha dubji fir-rigward tal-ħsara għar-reputazzjoni tal-Istat Franċiż li kienet tirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tad-dikjarazzjonijiet tiegħu.

126

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta eżiġiet li t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat isir flimkien mal-għoti tal-vantaġġ u meta qieset li jista’ jkun hemm riskju ta’ reputazzjoni biss jekk jintużaw riżorsi tal-Istat.

127

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li dikjarazzjonijiet li jinvolvu impenn tal-Istat għandhom il-karatteristika li dawn ma jinvolvux biss il-kredibbiltà tal-Istat azzjonist, iżda wkoll dik tal-Istat bħala awtorità pubblika, u dan anki jekk jiddikjara li jkun qed jesprimi ruħu għan-nom tal-Istat azzjonist, peress li l-osservanza tad-dikjarazzjonijiet hija wkoll kwistjoni ta’ kredibbiltà politika.

128

Finalment, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tiġġustifika suffiċjentement skont il-liġi r-raġunament tagħha li jinsab fil-punt 247 tas-sentenza appellata, li hemm lok li l-Istat azzjonist jiġi pparagunat ma’ attur globali tal-ekonomija. Fil-fatt, ma huwiex possibbli li l-kriterju ta’ investitur privat avżat jiġi applikat għall-Istat attur globali mingħajr ġustifikazzjoni minn ċirkustanzi partikolari.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

129

Permezz tal-argumenti li hija tressaq taħt is-seba’ partijiet tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tfittex, essenzjalment, li tistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-mument li fih hija kellha tadotta sabiex tevalwa l-kriterju ta’ investitur privat avżat. Fil-fatt, il-Kummissjoni tispjega li dan il-mument kien jikkorrispondi għax-xahar ta’ Lulju 2002, u mhux, kif iġġudikat b’mod żbaljat il-Qorti Ġenerali, għax-xahar ta’ Diċembru 2002.

130

Fl-ewwel lok, sa fejn il-Kummissjoni ssostni, fil-kuntest tat-tieni sal-ħames partijiet, li l-vantaġġ identifikat mis-sentenza Bouygues jestendi għad-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002, għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti jmorru kontra l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja stess tat, fil-punti 70 sa 75 u 126 sa 129 tas-sentenza Bouygues, tad-deċiżjoni kontenzjuża.

131

Fil-fatt, f’dawn il-punti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-vantaġġ identifikat minn din id-deċiżjoni kien ikkostitwit biss mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, flimkien mal-offerta ta’ self minn azzjonist. Mill-banda l-oħra, mill-punti 132, 134, 136 u 139 ta’ din is-sentenza jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament li l-Qorti Ġenerali ma intendietx testendi dan il-vantaġġ għad-dikjarazzjonijiet maħruġa sa mix-xahar ta’ Lulju 2002, peress li dawn kienu jaqgħu biss fil-kuntest tal-miżura ta’ għajnuna hekk identifikata.

132

Għaldaqstant, peress li l-argumenti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza u dawn lanqas ma jikkorrispondu mal-kontenut stess tad-deċiżjoni kontenzjuża, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bouygues, punt 79).

133

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti mressqa taħt l-ewwel parti, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma wkoll ibbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata, billi l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 219 sa 222 tagħha, li l-kriterju ta’ investitur privat avżat kellu jiġi applikat “għaż-żmien li matulu ttieħdu l-miżuri ta’ sostenn finanzjarju” u għalhekk, f’dan il-każ, “għall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, flimkien mal-offerta ta’ self minn azzjonist”.

134

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali pprevediet iż-żewġ avvenimenti li jifformaw, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Bouygues, il-vantaġġ inkwistjoni u bl-ebda mod ma eskludiet, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tallega, li jista’ jkun neċessarju li l-eżami meħtieġ isir b’riferiment għal perijodu iktar milli b’riferiment għal mument speċifiku.

135

Isegwi li l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

136

Is-sitt parti għandha wkoll tiġi miċħuda, ladarba din, minn naħa, hija bbażata fuq l-istess qari żbaljat tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, turi li l-Kummissjoni sempliċement tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti li saret mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk iċ-ċirkustanzi fattwali prevalenti bejn ix-xahar ta’ Lulju 2002 u dak ta’ Diċembru 2002 kinux juru jew le interruzzjoni fis-suċċessjoni tal-miżuri statali.

137

Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni taħt is-seba’ parti huma inammissibbli, peress li dawn huma intiżi sabiex jikkonfutaw l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li skontha ma jistax jiġi eskluż li investitur privat ikun adotta, bejn ix-xahar ta’ Lulju u dak ta’ Diċembru 2002, aġir analogu għal dak adottat mill-Istat Franċiż.

138

Fir-raba’ lok, sa fejn l-argumenti tal-Kummissjoni, meħuda fl-intier tagħhom, għandhom jinftiehmu fis-sens li, skont din l-istituzzjoni, hemm rabta inseparabbli bejn il-miżura ta’ għajnuna mogħtija u fatturi li jaqgħu fil-kuntest tagħha, filwaqt li din ir-rabta għandha l-konsegwenza li, minkejja l-fatt li dawn il-fatturi huma distinti minn din il-miżura, il-konformità ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-kriterju ta’ investitur privat avżat kellha tiġi evalwata fil-mument li fih seħħu dawn il-fatturi u mhux fil-mument li din l-istess miżura ġiet adottata, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

139

Qabelxejn, mis-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 85) jirriżulta li elementi li jseħħu wara l-mument li fih il-miżura kkonċernata tiġi adottata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat avżat.

140

Sussegwentement, mill-istess sentenza jirriżulta li din l-evalwazzjoni għandha ssir b’rabta mal-elementi disponibbli fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni li jsir l-investiment (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF,C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 105).

141

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-mument li fih id-deċiżjoni li jsir l-investiment tkun ittieħdet u dak li fih il-miżura tkun ġiet adottata ma jikkoinċidux neċessarjament, peress li din id-deċiżjoni tista’ tittieħed qabel ma l-miżura tiġi adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF,C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 105).

142

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fi tmiem ta’ evalwazzjoni indipendenti tal-fatti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 222 sa 232 tas-sentenza appellata, li l-offerta ta’ self minn azzjonist kienet saret biss fix-xahar ta’ Diċembru 2002, fil-punti 234 sa 245 ta’ din is-sentenza, li l-Gvern Franċiż ma kien ħa ebda impenn definittiv fix-xahar ta’ Lulju 2002 u, fil-punti 249 sa 254 ta’ din is-sentenza, li d-deċiżjoni li FT tiġi sostnuta finanzjarjament permezz tal-offerta ta’ self minn azzjonist ma kinitx ittieħdet matul ix-xahar ta’ Lulju 2002 iżda fil-bidu tax-xahar ta’ Diċembru 2002.

143

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-antiċipazzjoni għax-xahar ta’ Lulju 2002 tal-mument li fih il-kriterju ta’ investitur privat avżat kellu jiġi evalwat neċessarjament wasslet għall-esklużjoni minn din l-evalwazzjoni ta’ fatturi rilevanti li seħħew bejn ix-xahar ta’ Lulju 2002 u x-xahar ta’ Diċembru 2002, kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 230 tas-sentenza appellata.

144

Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali riżultat kien inkompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha, il-fatturi rilevanti kollha.

145

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

146

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

147

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

148

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

149

Peress li l-Kummissjoni tilfet fl-aggravji tagħha u Orange kif ukoll il-Gvern Franċiż talbu l-kundanna tagħha, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top