Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0178

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-30 ta’ Ġunju 2016.
Alicja Sobczyszyn vs Szkoła Podstawowa w Rzeplinie.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Wrocławia-Śródmieścia we Wrocławiu X Wydział Pracy i Ubezpieczeń Społecznych.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali mħallas – Għalliema – Leave ta’ konvalexxenza – Leave annwali li jikkoinċidi ma’ leave ta’ konvalexxenza – Dritt li l-leave annwali jittieħed fi żmien ieħor.
Kawża C-178/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:502

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

30 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Direttiva 2003/88/KE — Dritt għal-leave annwali mħallas — Għalliema — Leave ta’ konvalexxenza — Leave annwali li jikkoinċidi ma’ leave ta’ konvalexxenza — Dritt li l-leave annwali jittieħed fi żmien ieħor”

Fil-Kawża C‑178/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Wrocławia-Śródmieścia we Wrocławiu X Wydział Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (qorti distrettwali taċ-ċentru ta’ Wrocław, għaxar diviżjoni tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali, il-Polonja), b’deċiżjoni tal-1 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ April 2015, fil-proċedura

Alicja Sobczyszyn

vs

Szkoła Podstawowa w Rzeplinie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Għaxar Awla)

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herbout-Borczak u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Alicja Sobczyszn u Szkoła Podstawowa w Rzeplinie (skola primarja ta’ Rzeplin, il-Polonja), il-persuna li timpjegaha, dwar it-talba ta’ A. Sobczyszn li tibbenefika mid-dritt tagħha għal-leave annwali mħallas fis-sena li matulha hija bbenefikat minn leave ta’ konvalexxenza.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-direttiva tapplika għal:

a)

il-perjodi minimi [...]ta’ leave annwali [...]

[...]”

4

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leave annwali”, jiddisponi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas [mħallas] ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b'pagament ta' benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta' l-impieg tkun ġiet itterminata.”

5

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Ebda deroga ma hija ammessa fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

Id-dritt Pollakk

6

It-test adottat tal-ustawa - Karta Nauczyciela (liġi li tistabbilixxi l-istatut tal-għalliema), tas-26 ta’ Jannar 1982 (Dz.U.2014, Nru 191, intestatura 1198, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Għalliema”) hija liġi speċifika li tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-għalliema. Il-Kodeks Pracy (Kodiċi tax-Xogħol), adottat permezz tal-Liġi tas-26 ta’ Ġunju 1974 (Dz.U. 1974, Nru 24, intestatura 141), kif emendat, japplika għall-għalliema b’mod sussidjarju biss.

7

L-Artikolu 64 tal-Istatut tal-Għalliema huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-għalliema li huma impjegati fi skola li fiha l-organizzazzjoni tax-xogħol tipprevedi vaganzi tas-sajf u tax-xitwa għandhom dritt għal-leave annwali li jikkorrispondi għat-tul ta’ dawn il-vaganzi, li huma jistgħu jieħdu matul dawn il-vaganzi.

[...]

3.   L-għalliema li huma impjegati fi skola li ma tipprevedix vaganzi tal-iskola għandhom dritt għall-35 ġurnata ta’ xogħol bħala leave annwali matul il-perijodu previst mill-pjan tal-leave.

[...]

5a.   Fil-każ ta’ bidu jew tmiem ta’ relazzjoni ta’ xogħol matul sena kalendarja, l-għalliema li huma impjegati fi skola li ma tipprevedix vaganzi tal-iskola għandhom dritt għal-leave annwali proporzjonali għall-perijodu ta’ impieg.”

8

L-Artikolu 73 ta’ dan l-Istatut jipprovdi:

“1.   Id-direttur tal-iskola għandu jagħti lill-għalliema impjegati full-time għal żmien indeterminat, li jkunu ilhom mill-inqas seba’ snin impjegati fl-iskola, leave ta’ konvalexxenza sabiex isegwu trattament preskritt minn tabib għal perijodu massimu ta’ sena , mogħti f’darba [...].

[...]

5.   Matul il-perijodu ta’ leave ta’ konvalexxenza, l-għalliem għandu d-dritt jirċievi r-remunerazzjoni mensili bażika, miżjud bis-suppliment għall-anzjanità, kif ukoll id-dritt għall-benefiċċji oħra professjonali, inklużi l-vantaġġi soċjali previsti fl-Artikolu 54.

6.   Mhux iktar tard minn ġimgħatejn qabel ma jintemm il-perjodu tal-leave ta’ konvalexxenza, id-direttur tal-iskola għandu jitlob lill-għalliem iwettaq eżamijiet intiżi li jiġi kkonfermat li ma hemmx kontraindikazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu.

[...]

8.   L-għalliema ma għandhomx dritt għal-leave ġdid ta’ konvalexxenza iktar kmieni minn sena wara t-tmiem tal-leave ta’ konvalexxenza preċedenti. Il-perijodu kkumulat ta’ leave ta’ konvalexxenza ma jistax jaqbeż tliet snin tul il-karriera kollha.

[...]

10.   Għall-finijiet tat-trattament preskritt, huwa t-tabib li għandu l-kura tal-għalliem li għandu jiddeċiedi dwar in-neċessità ta’ leave ta’ konvalexxenza. Id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel sentenza tista’ tiġi appellata quddiem l-awtorità ta’ appell stabbilita mid-dispożizzjonijiet adottati skont il-paragrafu 11 u skont il-proċedura prevista minn dawn il-dispożizzjonijiet. [...]”

9

L-Artikolu 14 tal-Kodiċi tax-Xogħol, intitolat “Prinċipji fundamentali tad-dritt għax-xogħol”, jinsab fil-Kapitolu II ta’ dan il-kodiċi. Dan l-Artikolu jiddisponi:

“Kull ħaddiem għandu dritt għall-mistrieħ skont ir-regoli applikabbli għall-ħin tax-xogħol, vaganzi u leave annwali.”

10

L-Artikolu 152(1) tal-imsemmi kodiċi jaqra kif ġej:

“Kull ħaddiem għandu dritt għall-perijodu annwali kontinwu ta’ leave mħallas, iktar ’il quddiem il-‘leave’.”

11

L-Artikolu 165 tal-istess kodiċi jipprevedi:

“Jekk ħaddiem ma jistax jibda l-leave fiż-żmien stipulat għal raġunijiet li jiġġustifikaw l-assenza tiegħu mix-xogħol u, b’mod partikolari, minħabba:

1)

inkapaċità temporanja għax-xogħol wara marda,

2)

iżolament minħabba marda li tittieħed,

3)

konvokazzjoni biex jieħu sehem f’eżerċizzju militari jew f’taħriġ militari sa 3 xhur,

4)

leave tal-maternità,

il-persuna li timpjega hija obbligata tittrasferixxi l-leave għal data iktar tard.”

12

Skont l-Artikolu 166 tal-Kodiċi tax-Xogħol:

“Jekk ġranet ta’ leave ma jkunux ittieħdu minħabba:

1)

inkapaċità temporanja għax-xogħol wara marda,

2)

iżolament minħabba marda li tittieħed,

3)

awtorizzazzjoni biex jieħu sehem f’eżerċizzju militari jew f’taħriġ militari sa 3 xhur,

4)

leave tal-maternità,

il-persuna li timpjega hija obbligata tittrasferixxi l-leave għal data iktar tard.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Sa mis-sena 2008, A. Sobczyszyn hija għalliema fl-iskola tal-kindergarten u primarja “Zespół Szkolno-Przedszkolny n 3” ta’ Rzeplin.

14

Fl-1 ta’ Jannar 2011, skont l-Artikolu 64(3) tal-Istatut tal-Għalliema, A. Sobczyszyn kellha dritt għal 35 ġurnata ta’ leave annwali. Mit-28 ta’ Marzu sat-18 ta’ Novembru 2011, hija ngħatat leave ta’ konvalexxenza mill-persuna li timpjegaha, skont l-Artikolu 73 tal-imsemmi statut, sabiex issegwi trattament preskritt minn tabib.

15

Fis-27 ta’ April 2012, A. Sobczyszyn invokat id-dritt tagħha għall-ġranet ta’ leave annwali għas-sena 2011 li hija ma setgħetx tieħu minħabba l-leave ta’ konvalexxenza tagħha. Il-persuna li timpjegaha rrifjutatilha dan id-dritt peress li, peress li fil-pjan tal-leave għas-sena 2011 kien previst li hija tieħu l-leave annwali tagħha mill-1 sal-31 ta’ Lulju 2011, id-dritt tagħha għal-leave annwali għas-sena 2011 ġie assorbit mill-perijodu tal-leave ta’ konvalexxenza li waqa’ bejn l-istess dati.

16

Il-qorti tar-rinviju, adita b’appell ta’ A. Sobczyszyn, għandha dubji fir-rigward tal-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-leave annwali tal-għalliema fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. F’dan ir-rigward, il-qorti msemmija tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kellha l-opportunità li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni meta perijodu ta’ leave annwali jikkoinċidi ma’ perijodu ta’ leave ta’ konvalexxenza, kif previst fid-dritt Pollakk.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Wrocławia-Śródmieścia we Wrocławiu X Wydział Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (qorti distrettwali taċ-ċentru ta’ Wrocław, għaxar diviżjoni tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bi ħlas [mħallas] ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat, skont il-kundizzonijiet għall-ksib u għall-għoti ta’ leave stabbiliti mil-leġiżlazzjoni u/jew mill-prattiki nazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li għalliem li bbenefika minn leave ta’ konvalexxenza previst mill-Istatut tal-Għalliema jikseb ukoll id-dritt għal-leave annwali previst mid-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt tax-xogħol għas-sena li matulha jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal-leave ta’ konvalexxenza?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li ħaddiem li jinsab fuq leave ta’ konvalexxenza, mogħti skont id-dritt nazzjonali, matul il-perijodu ta’ leave annwali stabbilit fil-kalendarju tal-leave tal-istabbiliment fejn huwa impjegat, jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt li, wara t-tmiem tal-leave tiegħu ta’ konvalexxenza, jibbenefika mil-leave annwali tiegħu fi żmien ieħor.

19

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, dispożizzjoni li d-direttiva ma tippermetti ebda deroga minnha, kull ħaddiem igawdi minn leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. Dan id-dritt għal-leave annwali mħallas għandu jitqies li huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari u li għandu jiġi applikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss fil-limiti stipulati espressament mid-Direttiva 2003/88 stess (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda, C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li d-dritt għal-leave annwali mħallas għandu, fil-kwalità tiegħu ta’ dritt soċjali tal-Unjoni, mhux biss importanza partikolari, iżda huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li lilu l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess saħħa legali bħat-Trattati (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2011, KHSC‑214/10, EU:C:2011:761, punt 37, u tat-3 ta’ Mejju 2012, Neidel, C‑337/10, EU:C:2012:263, punt 40).

21

It-tielet nett, id-dritt għal-leave annwali mħallas ma jistax jiġi interpetat b’mod restrittiv (ara s-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 29).

22

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti espressament minn din id-direttiva li tinkludi anki t-telf tal-imsemmi dritt fl-aħħar tal-perijodu ta’ riferiment, sakemm, madankollu, il-ħaddiem li tilef id-dritt għal-leave annwali mħallas tiegħu kellu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita dan id-dritt (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda, C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas huwa li jippermetti lill-ħaddiem li jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji (ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 25).

24

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, fil-każ ta’ koinċidenza ta’ leave annwali u leave tal-mard, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet jew prassi nazzjonali li jipprevedu li d-dritt għal-leave annwali mħallas jiġi estint mat-terminazzjoni tal-perijodu ta’ referenza u/jew ta’ perijodu għall-ġarr tal-leave stabbilit mid-dritt nazzjonali meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu kollu ta’ referenza u, għaldaqstant, huwa ma setax jeżerċita effettivament l-imsemmi dritt (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 49, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda, C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 19).

25

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, li huwa intiż li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji, huwa differenti minn dak tad-dritt għal-leave tal-mard, li huwa intiż li jippermetti lill-ħaddiem ifiq minn marda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, ANGED, C‑78/11, EU:C:2012:372, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet differenti taż-żewġ tipi ta’ leave, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li mill-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas jirriżulta b’mod partikolari li ħaddiem li jkun bil-leave tal-mard matul perijodu ta’ leave annwali stabbilit bil-quddiem għandu d-dritt, fuq talba tiegħu u sabiex ikun jista’ jibbenefika effettivament mil-leave annwali tiegħu, li jieħu dan il-leave fi żmien differenti minn dak li jikkoinċidi mal-perijodu ta’ leave tal-mard (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda, C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 22 u tal-21 ta’ Ġunju 2012, ANGED, C‑78/11, EU:C:2012:372, punt 20).

27

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jistgħu jiġu applikati b’mod sħiħ għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha leave ta’ konvalexxenza tikkoinċidi ma’ perijodu ta’ leave annwali stabbilit bil-quddiem, li għandu jiġi stabbilit jekk, fid-dawl tal-għan differenti taż-żewġ tipi ta’ leave inkwistjoni, din il-koinċidenza tistax tipprekludi lill-ħaddiem milli jibbenefika mid-dritt għal-leave annwali fi żmien ieħor.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, u għaldaqstant biex tiddeċiedi dwar jekk l-għan tal-leave ta’ konvalexxenza huwiex differenti mill-għan tal-leave annwali mħallas kif stabbilit mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, li hija msejħa biex tipprovdi risposti utli lill-qorti nazzjonali sabiex tiġi deċiża l-kawża li tressqet quddiemha, tista’ tipprovdilha f’dan ir-rigward, indikazzjonijiet abbażi tal-elementi pprovduti minn din il-qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju.

29

Fir-rigward tal-għan tad-dritt għal-leave ta’ konvalexxenza, kif previst mid-dritt Pollakk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 73(1) tal-Istatut tal-Għalliema jistipula li l-imsemmi leave jingħata “sabiex isegwu trattament preskritt minn tabib”, għal perijodu massimu ta’ sena, mogħti f’darba. Skont il-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, huwa t-tabib li għandu l-kura tal-għalliem li għandu jiddeċiedi dwar “il-ħtieġa ta’ leave ta’ konvalexxenza”. Barra minn hekk, l-Artikolu 73(6) ta’ dan l-istatut jipprevedi li ġimagħtejn qabel ma jintemm l-imsemmi leave, l-għalliem għandu jintalab “iwettaq eżamijiet” intiżi li jiġi kkonfermat li ma hemmx kontraindikazzjonijiet għar-ritorn tiegħu għax-xogħol.

30

Issa, bħalma rrilevat il-qorti tar-rinviju stess fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, l-elementi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza huma ta’ natura tali li jsaħħu l-argument li, peress li l-ħaddiema jkollhom isegwu trattament preskritt minn tabib, il-leave ta’ konvalexxenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-għan li jtejjeb is-saħħa tal-ħaddiema li għalihom jiġi preskritt u, kuntrarjament għal-leave annwali mħallas previst mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, ma huwiex intiż li jagħti lill-ħaddiema perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji.

31

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, kif ukoll tal-elementi kollha l-oħra li jirregolaw l-għoti tad-dritt għal-leave ta’ konvalexxenza, fuq livell nazzjonali, li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk l-għan ta’ dan id-dritt tal-aħħar huwiex differenti mid-dritt għal-leave annwali mħallas, kif stabbilit fl-Artikolu 7, tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

32

Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ tali differenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi l-obbligu tal- persuna li timpjega li tagħti lill-ħaddiem perijodu ieħor ta’ leave annwali propost minnu li jkun kompatibbli, jekk ikun hemm bżonn, ma’ raġunijiet validi relatati mal-interessi tal-persuna li timpjega, mingħajr ma jiġi eskluż a priori li l-imsemmi perijodu jkun jinsab f’perijodu differenti minn dak ta’ riferiment għal-leave annwali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda, C‑277/08, EU:C:2009:542, punti 2223).

33

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-effett pożittiv ta’ dan il-leave annwali mħallas għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem jinħass b’mod sħiħ jekk jittieħed fis-sena prevista għal dan il-għan, jiġifieri matul is-sena kurrenti, l-importanza ta’ dan iż-żmien ta’ mistrieħ f’dan ir-rigward ma tintilifx jekk jittieħed matul perijodu sussegwenti (ara s-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C‑124/05, EU:C:2006:244, punt 30, kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 30).

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li ħaddiem li jinsab fuq leave ta’ konvalexxenza, mogħti skont id-dritt nazzjonali, matul il-perijodu ta’ leave annwali stabbilit fil-kalendarju tal-leave tal-istabbiliment fejn huwa impjegat, jista’ jiġi mċaħħad id-dritt li, wara t-tmiem tal-leave tiegħu ta’ konvalexxenza, jibbenefika mil-leave annwali mħallas tiegħu fi żmien ieħor, sakemm l-għan tad-dritt għal-leave ta’ konvalexxenza huwa differenti mill-għan tad-dritt għal-leave annwali, liema fatt għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1), tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li ħaddiem li jinsab fuq leave ta’ konvalexxenza, mogħti skont id-dritt nazzjonali, matul il-perijodu ta’ leave annwali stabbilit fil-kalendarju tal-leave tal-istabbiliment fejn huwa impjegat, jista’ jiġi mċaħħad id-dritt li, wara t-tmiem tal-leave tiegħu ta’ konvalexxenza, jibbenefika mil-leave annwali mħallas tiegħu fi żmien ieħor, sakemm l-għan tad-dritt għal-leave ta’ konvalexxenza huwa differenti mill-għan tad-dritt għal-leave annwali, liema fatt għandu jiġi evalwat mill-qorti nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top