EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0098

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2017.
María Begoña Espadas Recio vs Servicio Público de Empleo Estatal (SPEE).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Social de Barcelona.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 97/81/KE – Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC – Klawżola 4 – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Artikolu 4 – Ħaddiem part-time tat-tip vertikali – Benefiċċju tal-qgħad – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi jiem mhux maħduma mill-perijodi ta’ kontribuzzjoni sabiex jiġi stabbilit it-tul tal-benefiċċju.
Kawża C-98/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:833

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 97/81/KE – Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC – Klawżola 4 – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Artikolu 4 – Ħaddiem part-time tat-tip vertikali – Benefiċċju tal-qgħad – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi jiem mhux maħduma mill-perijodi ta’ kontribuzzjoni sabiex jiġi stabbilit it-tul tal-benefiċċju”

Fil-Kawża C-98/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no33 de Barcelona (qorti industrijali Nru 33 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2015, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

María Begoña Espadas Recio

vs

Servicio Público de Empleo Estatal (SPEE),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), li qed jaġixxi bħala President ta’ Awla, A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, E. Levits, A. Borg Barthet u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2016

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Maria Begoña Espadas Recio, minn A. Calvo Calmache, abogado

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u V. Ester Casas kif ukoll minn L. Banciella Rodríguez-Miñón u A. Rubio González, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u A. Szmytkowska kif ukoll minn M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), u min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn María Begoña Espadas Recio u s-Servicio Público de Empleo Estatal (servizz pubbliku għall-impjieg, Spanja) (iktar ’il quddiem “SPEE”), dwar id-determinazzjoni tal-bażi għall-kalkolu tat-tul tal-benefiċċju tal-qgħad għall-ħaddiema part-time tat-tip vertikali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 5 tal-Ftehim Qafas tipprovdi kif ġej:

“Billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Essen enfasizzaw il-bżonn li jittieħdu miżuri biex jippromwovu l-impjieg u l-opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, u talbu li jittieħdu miżuri bl-iskop li fit-tkabbir tiżdied l-intensità ta’ l-impjiegi, b’mod partikolari permezz ta’ organizzazzjoni ta’ xogħol iktar flessibbli b’tali mod li tissodisfa kemm ix-xewqat tal-ħaddiema kif ukoll il-bżonnijiet tal-kompetizzjoni.”

4

Skont il-Klawżola 1(a) tal-Ftehim Qafas, dan għandu l-għan li “jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time”.

5

Skont il-Klawżola 2(1) tal-Ftehim Qafas, dan japplika għal “ħaddiema part-time li jkollhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru”.

6

Il-Klawżola 3(1) tal-Ftehim Qafas tiddefinixxi “ħaddiem part-time” bħala “ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja għal perijodu ta’ impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time ta’ l-istess tip”.

7

Il-Klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim Qafas tipprovdi:

“1.

Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2.

Meta approprjat, il-prinċipju tal-pro rata temporis għandu japplika.”

8

Il-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim Qafas tipprovdi:

“Fil-kuntest tal-Klawżola 1 ta’ dan il-Ftehim u tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni bejn ħaddiema part-time u full-time:

a)

L-Istati Membri, wara konsultazzjonijiet ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali jew prattika, għandhom jidentifikaw u jirrevedu ostakoli ta’ natura legali jew amministrattiva li jistgħu jillimitaw l-oportunitajiet għal xogħol part-time u, meta approprjat, jeliminawhom”.

9

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 79/7, din tapplika, b’mod partikolari, għal ħaddiema li l-attività tagħhom tieqaf minħabba qgħad involontarju.

10

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, skemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra l-qgħad ukoll jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

11

L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom;

l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

Id-dritt Spanjol

12

L-Artikoli 203 sa 234 tal-Ley General de la Seguridad Social (liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali), kif approvata mir-Real Decreto Legislativo 1/1994 (Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/1994) tal-20 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658) (iktar ’il quddiem il-“LGSS”), jirregolaw il-protezzjoni ta’ persuni qiegħda.

13

Skont l-Artikolu 204(1) tal-LGSS, il-protezzjoni fil-każ ta’ qgħad tinkludi element kontributorju u element kumpensatorju, liema żewġ elementi huma t-tnejn pubbliċi u obbligatorji. Il-kawża prinċipali tikkonċerna l-element kontributorju.

14

L-Artikolu 204(2) tal-LGSS jiddefinixxi l-element kontributorju bħala “[li għandu] bħala għan li jipprovdi benefiċċji li jissostitwixxu s-salarju li ma huwiex irċevut iktar minħabba telf ta’ impjieg preċedenti jew tnaqqis tal-ħin tax-xogħol”.

15

Fir-rigward tat-tul tal-benefiċċju tal-qgħad fil-forma kontributorja, l-Artikolu 210(1) tal-LGSS jipprovdi kif ġej:

“It-tul tal-benefiċċju tal-qgħad għandu jkun ibbażat fuq il-perijodi ta’ xogħol li fir-rigward tagħhom tħallsu kontribuzzjonijiet matul is-sitt snin li ppreċedew is-sitwazzjoni legali ta’ qgħad jew meta jkun waqaf l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet, skont l-iskala segwenti:

Perijodu ta’ kontribuzzjoni (f’jiem)/Perijodu ta’ benefiċċju (f’jiem)

Minn 360 sa 539: 120

Minn 540 sa 719: 180

Minn 720 sa 899: 240

Minn 900 sa 1079: 300

Minn 1080 sa 1259: 360

Minn 1260 sa 1439: 420

Minn 1440 sa 1619: 480

Minn De 1620 à 1799: 540

Minn De 1800 à 1979: 600

Minn De 1980 à 2159: 660

Minn 2160: 720”

16

Rigward il-ħaddiema part-time, ġew adottati dispożizzjonijiet regolamentari mir-Real Decreto 625/1985 por el que se desarrolla la Ley 31/1984, de 2 de agosto, de Protección por Desempleo (Digriet Irjali 625/1985 li jimplementa l-Liġi 31/1984, tat-2 ta’ Awwissu, dwar il-protezzjoni tal-qgħad), tat-2 ta’ April 1985 (BOE Nru 109, tas-7 ta’ Mejju 1985, p. 12699, iktar ’il quddiem ir-“RD 625/1985”).

17

L-Artikolu 3(4) tar-RD 625/1985 jipprovdi li, meta l-kontribuzzjonijiet jikkorrispondu għal xogħol part-time jew għal xogħol effettiv fil-każ ta’ tnaqqis tal-ħin tax-xogħol, kull jum maħdum jittieħed inkunsiderazzjoni bħala jum ta’ kontribuzzjoni, irrispettivament mit-tul tal-ħin tax-xogħol.

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

M.B. Espadas Recio ħadmet part-time bħala fattiga kontinwament matul il-perijodu bejn it-23 ta’ Diċembru 1999 u d-29 ta’ Lulju 2013. Is-sigħat tax-xogħol tagħha kienu jinqasmu kif ġej: sagħtejn u nofs it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ħamis kull ġimgħa u erba’ sigħat l-ewwel Ġimgħa ta’ kull xahar.

19

Wara l-waqfien tar-relazzjoni tal-impjieg tagħha, M.B. Espadas Recio applikat għal benefiċċju tal-qgħad. Permezz ta’ deċiżjoni tas-SPEE tat-30 ta’ Settembru 2013, ingħatalha dan il-benefiċċju għal perijodu ta’ 120 jum.

20

Billi qieset li hija kellha dritt għal benefiċċji tal-qgħad għal perijodu ta’ 720 jum, u mhux biss għal 120 jum, M.B. Espadas Recio ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2013, is-SPEE alloka lil M.B. Espadas Recio benefiċċju tal-qgħad għal 420 jum. Sabiex jiġġustifika t-tul ta’ 420 jum, is-SPEE bbaża ruħu fuq il-fatt li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 210 tal-LGSS u tal-Artikolu 3(4) tar-RD 625/1985, fil-każ ta’ xogħol part-time, minkejja li t-tul tal-benefiċċju tal-qgħad huwa ddeterminat abbażi tal-jiem ta’ kontribuzzjoni matul is-sitt snin preċedenti, kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-jiem effettivament maħduma, f’dan il-każ 1387, u mhux is-sitt snin ta’ kontribuzzjoni fl-intier tagħhom.

22

Peress li qieset li hija kienet ħallset kontribuzzjonijiet għall-aħħar sitt snin kollha, M.B. Espadas Recio appellat quddiem il-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (qorti industrijali Nru33 ta’ Barcelona, Spanja) sabiex tikkontesta l-kalkoli individwali li saru mis-SPEE.

23

It-talba ta’ M.B. Espadas Recio tikkonċerna t-tul tal-benefiċċju tal-qgħad li ġie rrikonoxxut lilha mis-SPEE. Hija tqis li, peress li ħadmet matul sitt snin konsekuttivi, u ħallset kontribuzzjonijiet għal 30 jew għal 31 jum fix-xahar (total ta’ 2160 jum), hija kellha dritt għal benefiċċju tal-qgħad għal tul ta’ 720 jum minflok għal 420 jum li ġew irrikonoxxuti lilha, jiġifieri tliet kwinti tat-tul massimu. Skont M.B. Espadas Recio, l-esklużjoni tal-jiem mhux maħduma, għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċju tal-qgħad, tistabbilixxi differenza fit-trattament għad-detriment ta’ ħaddiema part-time tat-tip vertikali. Ix-xogħol part-time jissejjaħ “vertikali” meta l-persuna li twettqu tikkonċentra l-ħinijiet tax-xogħol tagħha fuq ċerti jum tax-xogħol fil-ġimgħa, u “orizzontali” meta l-persuna li twettqu taħdem il-jiem ta’ xogħol kollha tal-ġimgħa. Fil-każ ineżami, il-ħinijiet ta’ xogħol ta’ M.B. Espadas Recio kienu essenzjalment ikkonċentrati fuq tlett ijiem fil-ġimgħa.

24

Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-persuna kkonċernata kienet stabbilixxiet li l-kontribuzzjonijiet kienu tħallsu fl-intier tagħhom matul is-sitt snin li ppreċedew il-waqfien mix-xogħol u li l-kontribuzzjonijiet, fuq bażi mensili, ġew ikkalkolati abbażi tas-salarju rċevut f’xahar fl-intier tiegħu (jiġifieri 30 jew 31 jum), u mhux abbażi ta’ sigħat jew ta’ jiem maħduma. Din l-istess qorti tikkonstata madankollu li, fil-każ ta’ ħaddiem part-time vertikali bħar-rikorrenti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tippermetti biss it-teħid inkunsiderazzjoni tal-jiem maħduma, u mhux tal-perijodu kollu ta’ sitt snin ta’ kontribuzzjoni. Għalhekk, il-jiem ta’ kontribuzzjoni obbligatorja ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-intier tagħhom sabiex jiġi ddeterminat it-tul tal-benefiċċju tal-qgħad.

25

Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, din il-kategorija ta’ ħaddiema hija ppenalizzata doppjament, peress li l-prinċipju ta’ pro rata temporis japplika darbtejn fil-każ ta’ xogħol part-time vertikali: l-ewwel nett, is-salarju mensili inqas ogħli minħabba xogħol part-time jimplika benefiċċju tal-qgħad ta’ ammont proporzjonalment iżgħar u, it-tieni nett, it-tul ta’ dan il-benefiċċju huwa inqas peress li l-jiem maħduma jittieħdu inkunsiderazzjoni, minkejja li l-perijodu ta’ kontribuzzjoni huwa itwal.

26

Kuntrarjament, il-ħaddiema l-oħra, irrispettivament minn jekk jeżerċitawx ix-xogħol part-time tagħhom fuq bażi “orizzontali” (xogħol matul jiem ta’ xogħol) jew full-time (indipendentement mit-tqassim tas-sigħat tax-xogħol matul ġimgħa), jingħataw benefiċċju tal-qgħad għal tul ikkalkolat fuq il-bażi tal-jiem kollha li fir-rigward tagħhom saru kontribuzzjonijiet.

27

Il-qorti tar-rinviju żżid li huwa stabbilit li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa proporzjon ikbar ta’ nisa milli rġiel.

28

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (qorti industrijali Nru°33 ta’ Barcelone) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza [tal-10 ta’ Ġunju 2010,] Bruno et (C-395/08 u C-396/08, EU:C:2010:329) il-klawżola 4 tal-[Ftehim Qafas] għandha titqies li tapplika għal benefiċċju kontributtiv tal-qgħad bħal dak stabbilit mill-Artikolu 210 tal-[LGSS], li huwa ffinanzjat esklużivament mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-ħaddiem u mill-impriżi li impjegawh, u li huwa kkalkolat skont perijodi ta’ impjieg li għalihom tħallsu kontribuzzjonijiet matul is-sitt snin li jippreċedu s-sitwazzjoni legali ta’ qgħad?

2)

Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza [tal-10 ta’ Ġunju 2010,] Bruno et (C-395/08 u C-396/08, EU:C:2010:329), il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik tal-Artikolu 3(4) tal-[RD 625/1985] li tirreferi għaliha r-raba’ regola tal-ewwel paragrafu tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-[LGSS], li – fis-sitwazzjonijiet ta’ xogħol part-time ‘vertikali’ (tlett ijiem fil-ġimgħa biss) – ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ġranet mhux maħduma għall-finijiet tal-kalkolu tat-tul tal-benefiċċju tal-qgħad, minkejja li jkunu tħallsu l-kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għal dawn il-ġranet, ħaġa li għandha l-effett li tnaqqas it-tul tal-benefiċċju tal-qgħad?

3)

Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess stabbilita mill-Artikolu 4 tad-[Direttiva 79/7], għandha tiġi interpretata fis-sens li topponi jew tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 3(4) tal-[RD 625/1985], li, fis-sitwazzjonijiet ta’ xogħol part-time ‘vertikali’ (tlett ijiem fil-ġimgħa biss), ma tiħux inkunsiderazzjoni bħala ġranet ta’ kontribuzzjoni l-ġranet mhux maħduma, ħaġa li għandha l-effett li tnaqqas it-tul tal-benefiċċju tal-qgħad?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas hijiex applikabbli għal benefiċċju tal-qgħad kontributorju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30

F’dan ir-rigward, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas tipprojbixxi li ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema full-time paragunabbli għas-sempliċi raġuni li jaħdmu part-time, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw trattament differenti (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Kleinsteuber, C-354/16, EU:C:2017:539, punt 25).

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, minn naħa, li mill-preambolu tal-Ftehim Qafas jirriżulta li dan jikkonċerna l-“kondizzjonijiet ta’ impjieg għal ħaddiema part-time waqt li jiġi rikonoxxut illi l-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà soċjali jeħtieġu deċiżjoni mill-Istati Membri” (sentenza tal-14 ta’ April 2015, Cachaldora Fernández, C-527/13, EU:C:2015:215, punt 36).

32

Hija kkonstatat, min-naħa l-oħra, li t-terminu “kondizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-imsemmi Ftehim Qafas, jinkludi l-pensjonijiet li jiddependu fuq relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u min iħaddem, bl-esklużjoni ta’ pensjonijiet legali ta’ sigurtà soċjali, li jkunu jiddependu iktar fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali milli fuq tali relazzjoni ta’ impjieg (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno, C-385/11, EU:C:2012:746, punt 21, u tal-14 ta’ April 2015, Cachaldora Fernández, C-527/13, EU:C:2015:215, punt 37).

33

Fil-każ ineżami, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minkejja li l-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ffinanzjat esklużivament minn kontribuzzjonijiet imħallsa mill-ħaddiem u minn min jimpjega, dawn il-kontribuzzjonijiet jitħallsu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u għalhekk ma humiex irregolati minn kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn il-ħaddiem u min jimpjega. Kuntrarjament, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, tali arranġament huwa iktar viċin ta’ skema ta’ sigurtà soċjali amministrata mill-Istat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti. Konsegwentement, l-imsemmija kontribuzzjonijiet ma jistgħux jiġu inklużi taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ impjieg”.

34

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas ma tapplikax għal benefiċċju tal-qgħad kontributorju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq it-tieni domanda

35

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

36

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-każ ta’ xogħol part-time vertikali, teskludi l-jiem mhux maħduma mill-kalkolu tal-jiem li fir-rigward tagħhom tħallsu kontribuzzjonijiet u li għalhekk tnaqqas il-perijodu li matul tiegħu jingħata l-benefiċċju tal-qgħad, fejn ikun stabbilit li l-parti l-kbira tal-ħaddiema part-time vertikali huma nisa li huma affettwati negattivament b’tali miżuri nazzjonali.

37

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa paċifiku li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C-372/04, EU:C:2006:325, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-5 ta’ Novembru 2014, Somova, C-103/13, EU:C:2014:2334, punti 33 sa 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fir-rigward tal-punt dwar jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludix, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, diskriminazzjoni indiretta kontra n-nisa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm diskriminazzjoni indiretta meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li fformolata b’mod newtrali, timplika żvantaġġ għal numru ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel (sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Brachner, C-123/10, EU:C:2011:675, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno, C-385/11, EU:C:2012:746, punt 29).

39

Fil-każ ineżami, hemm lok li jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkonċerna l-grupp ta’ ħaddiema part-time li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jikkostitwixxi maġġoranza kbira ħafna ta’ ħaddiema nisa. Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għandha tkun ibbażata fuq dawn il-konstatazzjonijiet.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-kawża prinċipali hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Cachaldora Fernández, C-527/13, EU:C:2015:215, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, dwar id-determinazzjoni abbażi tal-kalkolu ta’ pensjoni għal invalidità permanenti totali, ma kinitx timplika diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament qieset, minn naħa, li hija ma kellhiex informazzjoni statistikali inkonfutabbli dwar in-numru ta’ ħaddiema part-time li kellhom interruzzjonijiet fil-kontribuzzjonijiet tagħhom jew dwar il-fatt li dan il-grupp ta’ ħaddiema kien prinċipalment kompost minn nisa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Cachaldora Fernández, C-527/13, EU:C:2015:215, punt 30) u, min-naħa l-oħra, li l-miżura inkwistjoni kellha effetti fortuwiti peress li ċerti ħaddiema part-time, grupp li kien allegatament żvantaġġat mill-imsemmija miżura, setgħu anki jibbenefikaw mill-applikazzjoni ta’ din l-istess miżura.

41

Fil-każ ineżami, minbarra li l-informazzjoni statistikali pprovduta mill-qorti tar-rinviju ma hijiex ikkontestata, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-ħaddiema part-time vertikali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kollha affettwati negattivament minn din il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li, minħabba fiha, il-perijodu li matul tiegħu huma jistgħu jibbenefikaw minn benefiċċju tal-qgħad jonqos meta mqabbel ma’ dak irrikonoxxut lil ħaddiema part-time orizzontali. Barra minn hekk, huwa paċifiku li ebda ħaddiem li kien jagħmel parti minn dan il-grupp ma seta’ jikseb vantaġġ mill-applikazzjoni ta’ tali miżura.

42

Barra minn hekk, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ħadet ħsieb tispeċifika li l-informazzjoni statistikali dwar il-ħin tax-xogħol tkopri bl-istess mod il-ħaddiema part-time, indipendentement minn jekk il-ħin tax-xogħol tagħhom kienx strutturat b’mod orizzontali jew vertikali. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, filwaqt li 70 % sa 80 % tal-ħaddiema part-time vertikali huma nisa, hemm l-istess proporzjon fost ħaddiema part-time orizzontali. Din l-informazzjoni tippermetti li jiġi dedott li numru ħafna ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel huwa affettwat negattivament mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43

Għandu jiġi konkluż, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi differenza fit-trattament għad-detriment tan-nisa fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt [38] ta’ din is-sentenza.

44

Miżura ta’ din in-natura tmur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, sakemm ma tkunx iġġustifikata b’fatturi oġġettivi li ma huma relatati ma’ ebda diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Dan ikun il-każ jekk dawn il-miżuri jkunu intiżi għal għan leġittimu ta’ politika soċjali, ikunu adatti sabiex jintlaħaq dan l-għan u jkunu neċessarji għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno, C-385/11, EU:C:2012:746, punt 32).

45

Fil-kawża ineżami, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda riferiment għall-għan persegwit mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Renju ta’ Spanja sostna, waqt is-seduta, li l-prinċipju ta’ “kontribuzzjoni għas-sistema tas-sigurtà soċjali” jiġġustifika l-eżistenza tad-differenza tat-trattament ikkonstatata. Għalhekk, peress li d-dritt għal benefiċċju tal-qgħad u t-tul ta’ dan il-benefiċċju huma bbażati biss fuq il-perijodu li matul tiegħu ħaddiem ikun ħadem jew ikun irreġistrat fis-sistema tas-sigurtà soċjali, hemm lok, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-jiem effettivament maħduma.

46

F’dan ir-rigward, u anki jekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan l-għan huwiex effettivamet dak persegwitat mil-leġiżlatur nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li l-miżura nazzjonali inkwisjtoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li hija adatta sabiex tiżgura l-korrelazzjoni li, skont il-Gvern Spanjol, għandu jkun hemm bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-ħaddiem u d-drittijiet li huwa intitolat għalihom fir-rigward tal-benefiċċju tal-qgħad.

47

Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, ħaddiem part-time vertikali li jkun ikkontribwixxa għal kull jum ta’ kull xahar tas-sena, jirċievi benefiċċju tal-qgħad għal perijodu iqsar minn ħaddiem full-time li jkun għamel l-istess kontribuzzjonijiet. Fir-rigward tal-ewwel minn dawn il-ħaddiema, il-korrelazzjoni invokata mill-Gvern Spanjol għalhekk ċertament ma hijiex iggarantita.

48

Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-korrelazzjoni tista’ tiġi żgurata jekk, fir-rigward ta’ ħaddiema part-time vertikali, l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra, bħal pereżempju, il-perijodu li matul tiegħu dawn il-ħaddiema u min jimpjegahom iħallsu kontribuzzjonijiet, l-ammont totali ta’ kotribuzzjonijiet imħallsa jew is-sigħat kollha maħduma, peress li dawn il-fatturi, skont l-ispjegazzjonijiet mill-qorti tar-rinviju, jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema kollha li l-ħin tax-xogħol tagħhom huwa strutturat orizzontalment, irrispettivament minn jekk jaħdmux full-time jew part-time.

49

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-każ ta’ xogħol part-time vertikali, teskludi l-jiem mhux maħduma mill-kalkolu tal-jiem li fir-rigward tagħhom tħallsu kontribuzzjonijiet u li għalhekk tnaqqas il-perijodu li matul tiegħu jingħata l-benefiċċju tal-qgħad, fejn ikun stabbilit li l-parti l-kbira tal-ħaddiema part-time vertikali huma nisa li huma affettwati negattivament b’tali leġiżlazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, ma tapplikax għal benefiċċju tal-qgħad kontributorju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 

2)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-każ ta’ xogħol part-time vertikali, teskludi l-jiem mhux maħduma mill-kalkolu tal-jiem li fir-rigward tagħhom tħallsu kontribuzzjonijiet u li għalhekk tnaqqas il-perijodu li matul tiegħu jingħata l-benefiċċju tal-qgħad, fejn ikun stabbilit li l-parti l-kbira tal-ħaddiema part-time vertikali huma nisa li huma affettwati negattivament b’tali leġiżlazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top