EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0527

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ April 2015.
Lourdes Cachaldora Fernández vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS).
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tas-sigurtà soċjali — Direttiva 79/7/KEE — Artikolu 4 — Direttiva 97/81/KE — Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC — Kalkolu tal-benefiċċji — Sistema ta’ integrazzjoni ta’ lakuni ta’ kontribuzzjoni — Ħaddiema part-time u ħaddiema full-time.
Kawża C-527/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:215

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ April 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tas-sigurtà soċjali — Direttiva 79/7/KEE — Artikolu 4 — Direttiva 97/81/KE — Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC — Kalkolu tal-benefiċċji — Sistema ta’ integrazzjoni ta’ lakuni ta’ kontribuzzjoni — Ħaddiema part-time u ħaddiema full-time”

Fil-Kawża C‑527/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

Lourdes Cachaldora Fernández

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, A. Ó Caoimh u J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, A. Prechal, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Settembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u għat-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), minn A. Lozano Mostazo u I. Pastor Merino, avukati,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez‑Miñón, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215) u, min-naħa l-oħra, tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, L. Cachaldora Fernández u, min-naħa l-oħra, l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (Istitut nazzjonali tas-sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem, l-“INSS”) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) (it-Teżor ġenerali tas-sigurtà soċjali) dwar id-determinazzjoni tal-bażi għall-kalkolu tal-pensjoni tagħha tal-invalidità permanenti totali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 79/7, din id-direttiva tapplika għall-popolazzjoni li taħdem, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tieqaf għal xi żmien minħabba mard, inċident jew qgħad involontarju u l-persuni li qed ifittxu x-xogħol, kif ukoll għall-ħaddiema rtirati jew invalidi u persuni li jaħdmu għal rashom.

4

Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, hija tapplika, b’mod partikolari, għall-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra l-invalidità.

5

L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjugi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

6

It-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas huwa fformulat b’dan il-mod:

“Dan il-Ftehim għandu x’jaqsam ma’ kondizzjonijiet ta’ impjieg għal ħaddiema part-time waqt li jiġi rikonoxxut illi l-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà soċjali jeħtieġu deċiżjoni mill-Istati Membri. Fil-kuntest tal-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni, il-partijiet għal dan il-Ftehim innutaw li d-Dikjarazzjoni ta’ l-Impjieg tal-Kunsill Ewropew ta’ Dublin ta’ Diċembru 1996, fejn il-Kunsill inter alia enfasizza l-bżonn li s-sistemi għal sigurtà soċjali isiru iktar favorevoli għall-impjieg billi jiżviluppa sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jkunu kapaċi li jadattaw irwieħhom għal mudelli differenti ta’ xogħol u li jipprovdu protezzjoni lil persuni li jkunu jagħmlu dan ix-xogħol. Il-partijiet għal dan il-Ftehim jikkunsidraw li din id-Dikjarazzjoni għandha tingħata effett.”

7

Skont il-Klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas, dan “japplika għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.”

8

Il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tipprevedi:

“Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol [ta’ impjieg], ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.”

9

Il-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas tipprevedi:

“Fil-kuntest tal-Klawżola 1 ta’ dan il-Ftehim u tal-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni bejn ħaddiema part-time u full-time:

a)

L-Istati Membri, wara konsultazzjonijiet ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali jew prattika, għandhom jidentifikaw u jirrevedu ostakoli ta’ natura legali jew amministrattiva li jistgħu jillimitaw l-oportunitajiet għal xogħol part-time u, meta approprjat, jeliminawhom.”

Id-dritt Spanjol

10

L-Artikolu 140(1)(a) tal-Liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali (ley general de la seguridad social), approvata permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1994, tal-20 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658, iktar ’il quddiem il-“LGSS”), fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Il-bażi għall-kalkolu tal-pensjonijiet tal-invalidità permanenti li tirriżulta minn marda għajr mard ikkaġunat mix-xogħol, hija stabbilita skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)

jintuża l-kwozjent li jirriżulta mid-diviżjoni b’112 tal-bażijiet tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuna kkonċernata matul is-96 xahar immedjatament qabel dak tal-fatt ġenerattiv.”

11

Ir-regola 3(b) tal-ewwel paragrafu tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS tipprevedi, fir-rigward tal-bażi għall-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar u tal-invalidità applikabbli għall-ħaddiema part-time:

“Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar u tal-invalidità permanenti li jirriżultaw minn mard mhux ikkaġunat mix-xogħol, il-perijodi li matulhom ma kien hemm l-ebda obbligu ta’ kontribuzzjoni għandhom jiġu integrati billi tintuża l-bażi minima ta’ kontribuzzjoni minn fost il-bażijiet applikabbli għal kull perijodu, korrispondenti għan-numru ta’ sigħat imwettqa fl-aħħar lok.”

12

L-Artikolu 7(2) tad-Digriet Irjali 1131/2002 li jirregola s-sigurtà soċjali tal-ħaddiema part-time u l-irtirar parzjali (Real Decreto 1131/2002 por el que se regula la Seguridad Social de los trabajadores contratados a tiempo parcial, así como la jubilación parcial), tal-31 ta’ Ottubru 2002 (BOE Nru 284, tas-27 ta’ Novembru 2002, p. 41643, iktar ’il quddiem, id-“Digriet Irjali 1131/2002”), li implementa d-dispożizzjonijiet tar-regola 3(b) tal-ewwel paragrafu tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS jipprevedi:

“Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjonijiet tal-irtirar u tal-invalidità permanenti li jirriżultaw minn mard mhux ikkaġunat mix-xogħol jew minn inċident mhux ikkaġunat mix-xogħol, il-perijodi li matulhom ma kien hemm l-ebda obbligu ta’ kontribuzzjoni għandhom jiġu integrati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-bażi minima ta’ kontribuzzjoni minn fost dawk applikabbli għal kull perijodu, korrispondenti għan-numru ta’ sigħat imwettqa skont il-kuntratt fid-data meta dan l-obbligu ta’ kontribuzzjoni ġie interrott jew intemm.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

L. Cachaldora Fernández ikkontribwixxiet għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Spanjola mill-15 ta’ Settembru 1971 sal-25 ta’ April 2010, jiġifieri total ta’ 5523 jum li matulhom wettqet xogħol full-time, ħlief bejn l-1 ta’ Settembru 1998 u t-28 ta’ Frar 1999, bejn l-1 ta’ Marzu 1999 u t-23 ta’ Marzu 2001, kif ukoll bejn l-24 ta’ Marzu 2001 u t-23 ta’ Jannar 2002, meta din tal-aħħar kienet impjegata part-time. Min-naħa l-oħra, hija ma ħallset l-ebda kontribuzzjoni matul il-perijodu bejn it-23 ta’ Jannar 2002 u t-30 ta’ Novembru 2005.

14

Fil-21 ta’ April 2010, L. Cachaldora Fernández talbet lill-INSS l-għoti ta’ pensjoni tal-invalidità.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2010, ingħatatilha pensjoni minħabba inkapaċità totali permanenti li twettaq ħidma abitwali. L-ammont bażiku mensili ta’ din il-pensjoni ġie ffissat għal EUR 347.03 u r-rata applikabbli għal 55 %. Dan l-ammont ġie stabbilit billi ttieħdu bħala perijodi ta’ referenza t-tmien snin qabel id-data tal-fatt ġenerattiv, jiġifieri l-perijodu mix-xahar ta’ Marzu 2002 sax-xahar ta’ Frar 2010, u billi ttieħdu inkunsiderazzjoni, għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Marzu 2002 sax-xahar ta’ Novembru 2005, il-bażijiet minimi tal-kontribuzzjonijiet ta’ kull waħda minn dawn is-snin, bażijiet li għalihom ġie applikat il-koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time li ta lok għall-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet qabel ix-xahar ta’ Marzu tas-sena 2002.

16

L. Cachaldora Fernández ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni fejn sostniet li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni tagħha, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Marzu 2002 u x-xahar ta’ Novembru 2005, l-ammont sħiħ tal-bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni għal kull sena u mhux l-ammont imnaqqas tagħhom li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent relatat max-xogħol part-time. Skont dan il-metodu ta’ kalkolu, l-ammont bażiku tal-pensjoni tagħha — li ma huwiex ikkontestat mill-INSS — jammonta għal EUR 763.76.

17

L-INSS ċaħdet dan l-ilment għar-raġuni li l-metodu ta’ kalkolu propost ma kienx konformi mal-Artikolu 7(2) tad-Digriet Irjali 1131/2002. Għalhekk, L. Cachaldora Fernández ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Social 2 de Ourense. Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2010, din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha u kkonfermat id-deċiżjoni amministrattiva tal-INSS billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 7(2) tad-Digriet Irjali 1131/2002 u fuq is-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS.

18

L. Cachaldora Fernández, għalhekk, appellat minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia. Din il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Spanjola mad-dritt tal-Unjoni.

19

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk, fil-kawża prinċipali, teżistix diskriminazzjoni indiretta tal-ħaddiema nisa fis-sens tad-Direttiva 79/7. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn jikkonċernaw fil-parti l-kbira l-ħaddiema nisa, għandhom effetti sfavorevoli fuq numru ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel u ma huwiex ċert li l-ġustifikazzjoni mressqa, jiġifieri li“l-integrazzjoni tal-interruzzjonijiet [ta’ kontribuzzjoni] fi propozjon max-xogħol part-time magħmul huwa konsistenti mal-prinċipju ta’ loġika u ta’ ekwilibriju tal-missjoni ta’ protezzjoni tas-sigurtà soċjali li jiddetermina li l-protezzjoni li toffri din l-iskema ma tista’ qatt teċċedi l-kontribuzzjoni mħallsa qabel lil din tal-aħħar, konformement mal-prinċipji ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet u ta’ proporzjonalità bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa u l-kopertura pprovduta”, hija konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

20

Għaldaqstant, minn naħa, kriterju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat ikun jirrikjedi li jiġi kkalkolat il-koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time, applikat għall-bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni meħuda inkunsiderazzjoni għall-perijodi ta’ interruzzjoni ta’ kontribuzzjoni, abbażi tal-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa minn dan il-ħaddiem matul il-karriera tiegħu. Madankollu d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jipprevedux b’mod speċifiku tali metodu ta’ kalkolu, għaliex jirrikjedu li jintuża l-koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time li jikkorrispondi għall-kuntratt qabel l-interruzzjoni ta’ kontribuzzjoni, li jista’ jagħti lok, kif turi l-kawża prinċipali, għal riżultati totalment sproporzjonati meta x-xogħol part-time jkun jirrappreżenta biss parti żgħira mill-karriera professjonali sħiħa tal-ħaddiem ikkonċernat.

21

Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi applikat b’mod validu kriterju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-kontribuzzjoni għall-mekkanżimu ta’ kopertura tal-interruzzjonijiet ta’ kontribuzzjoni sa fejn dan ma jsegwix loġika bbażata fuq il-kontribuzzjonijiet, kif juri l-fatt li l-interruzzjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni abbażi ta’ kontribuzzjonijiet fissi li ma jiddependux mill-kontribuzzjonijiet imwettqa, iżda huwa intiż sabiex jindirizza anomaliji li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu ta’ referenza ffissat minn qabel. F’dan il-każ, il-fatt li ħadmet fuq bażi part-time u li ħallset kontribuzzjonijiet, minflok baqgħet inattiva u ma ħallsitx kontribuzzjonijiet, ippreġudika lil L. Cachaldora Fernández għaliex il-pensjoni tagħha tal-invalidità tnaqqset.

22

Il-qorti tar-rinviju tqis, fit-tieni lok, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu wkoll jiksru l-Ftehim qafas. Huwa minnu li l-pensjoni tal-invalidità inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija salarju u ma tikkostitwixxix għaldaqstant kundizzjoni ta’ impjieg, suġġetta għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema part-time previst fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas. Madankollu, il-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas tobbliga lill-Istati Membri jidentifikaw u jeżaminaw l-ostakoli ta’ natura legali jew amministrattiva li jistgħu jillimitaw l-opportunitajiet għal xogħol part-time u, fejn xieraq, jeliminawhom. F’dan il-każ, jista’ jitqies li l-kundizzjonijiet li fihom l-interruzzjonijiet ta’ kontribuzzjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-leġiżlazzjoni Spanjola jikkostitwixxu “ostakolu ta’ natura legali” għax-xogħol part-time sa fejn il-ħaddiema li, wara li jkunu tilfu impjieg full-time, aċċettaw xogħol part-time huma fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ dawk li ma aċċettawx tali xogħol. Dan jikkostitwixxi, fil-fatt, impediment sinjifikattiv milli wieħed jaċċetta impjieg part-time.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Regola interna [bħall-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS], li tikkonċerna fil-parti l-kbira tagħha kategorija femminili u li tgħid li l-kopertura tal-interruzzjonijiet tal-kontribuzzjoni [inklużi] fil-perijodu ta’ referenza ta’ pensjoni ta’ invalidità permanenti kontributtiva u posterjuri għal xogħol part-time hija kkalkulata skont bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni fis-seħħ imnaqqsa [skont il]-koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time ta’ dan l-impjieg li jippreċedi l-interruzzjoni tal-kontribuzzjoni, filwaqt li, kieku dan kien xogħol full-time ma kienx ikun hemm tnaqqis, hija kuntrarja għall-Artikolu 4 tad-Direttiva [79/7]?

2)

Regola interna [bħall-punt (b) tat-tielet regola tal-paragrafu 1 tas-seba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS] li tikkonċerna fil-parti l-kbira tagħha kategorija femminili u li tgħid li l-kopertura tal-interruzzjonijiet tal-kontribuzzjoni inklużi fil-perijodu ta’ referenza ta’ pensjoni ta’ invalidità permanenti kontributtiva u posterjuri għal xogħol part-time hija kkalkulata skont bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni fis-seħħ imnaqqsa [skont il]-koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time ta’ dan l-impjieg li jippreċedi l-interruzzjoni ta’ kontribuzzjoni, filwaqt li, kieku dan kien xogħol full-time ma kienx ikun hemm tnaqqis, hija kuntrarja għall-Klawżola 5(1)(a) [tal-Ftehim qafas]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

24

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fid-dawl tal-provi deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-interruzzjonijiet ta’ kontribuzzjoni, li huma inklużi fil-perijodu ta’ referenza għall-finijiet tal-kalkolu ta’ pensjoni tal-invalidità kontributtiva u li jiġu wara impjieg part-time, jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni fis-seħħ imnaqqsa skont il-koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat ma’ dan ix-xogħol filwaqt li, jekk dawn l-interruzzjonijiet jiġu wara impjieg full-time, tali tnaqqis ma huwiex previst.

25

F’dan ir-rigward, minkejja li huwa stabbilit li d-dritt tal-Unjoni jirrispetta s-setgħa tal-Istati Membri li jorganizzaw l-iskemi tagħhom ta’ sigurtà soċjali u li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali, jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, l-Istati Membri għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Watts, C‑372/04, EU:C:2006:325, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Somova, C‑103/13, EU:C:2014:2334, punti 33 sa 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax, bħala prinċipju, l-għażla tal-leġiżlatur Spanjol li juża, bħala bażi għall-kalkolu tal-pensjoni tal-invalidità inkwistjoni fil-kawża prinċipali, perijodu ta’ referenza limitat għal tmien snin u li japplika koeffiċjent ta’ tnaqqis meta interruzzjoni ta’ kontribuzzjoni tiġi immedjatament wara perijodu ta’ xogħol part-time. Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-kawża prinċipali, din l-għażla hijiex konformi mad-Direttiva 79/7.

27

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinvolvix direttament diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, peress li hija tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema rġiel u għall-ħaddiema nisa. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk hija tikkostitwixxix diskriminazzjoni indirettament ibbażata fuq dan il-kriterju.

28

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinvolvix, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, diskriminazzjoni indiretta, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li teżisti diskriminazzjoni indiretta meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li fformulata b’mod newtru, tqiegħed fil-fatt fi żvantaġġ numru ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Brachner, C‑123/10, EU:C:2011:675, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Elbal Moreno, C‑385/11, EU:C:2012:746, punt 29).

29

F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq il-premessa doppja li tgħid li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirreferi għall-grupp ta’ ħaddiema part-time, li huwa, fil-parti l-kbira, ikkostitwit minn ħaddiema nisa.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex applikabbli għall-ħaddiema part-time kollha, iżda biss għall-ħaddiema li kellhom interruzzjoni fil-kontribuzzjoni tagħhom matul il-perijodu ta’ referenza ta’ tmien snin qabel id-data tal-fatt ġenerattiv meta din l-interruzzjoni tiġi wara impjieg part-time. Għaldaqstant, id-data statistika ġenerali dwar il-grupp tal-ħaddiema part-time, meħuda fl-intier tagħha, ma hijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit li numru ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel huwa milqut minn din id-dispożizzjoni.

31

Imbagħad għandu jiġi speċifikat li anki jekk jidher li ħaddiema bħal L. Cachaldora Fernández hija mqiegħda fi żvantaġġ għaliex ħadmet fuq bażi part-time matul il-perijodu immedjatament qabel l-interruzzjoni tal-kontribuzzjonijiet tagħha, ma huwiex eskluż li, kif osservaw l-INSS, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea, ċerti ħaddiema part-time jistgħu wkoll jitqiegħdu f’vantaġġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fil-każijiet kollha fejn l-aħħar kuntratt li jippreċedi l-inattività professjonali jkun kuntratt ta’ xogħol full-time, iżda fejn il-ħaddiema, matul il-bqija tal-perijodu ta’ referenza, jew saħansitra matul il-karriera kollha tagħhom, ħadmu biss fuq bażi part-time, dawn jitqiegħdu f’vantaġġ għaliex jirċievu pensjoni sopravvalutata meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-data statistika li fuqha l-qorti tar-rinviju bbażat l-evalwazzjonijiet tagħha ma tippermettix li jitqies li l-grupp ta’ ħaddiema mqiegħda fi żvantaġġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa magħmul fil-parti l-kbira minn ħaddiema part-time u, b’mod partikolari, minn ħaddiema nisa.

33

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, abbażi tal-provi deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, titqies li tqiegħed fi żvantaġġ b’mod predominanti kategorija partikolari ta’ ħaddiema, f’dan il-każ dawk li jaħdmu fuq bażi part-time u, a fortiori, in-nisa. Din id-dispożizzjoni ma tistax, għaldaqstant, tiġi kklassifikata bħala miżura indirettament diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

34

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-interruzzjonijiet ta’ kontribuzzjoni, li huma inklużi fil-perijodu ta’ referenza għall-finijiet tal-kalkolu ta’ pensjoni tal-invalidità kontributtiva u li jiġu wara impjieg part-time, jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni fis-seħħ imnaqqsa skont il-koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat ma’ dan l-impjieg filwaqt li, jekk dawn l-interruzzjonijiet jiġu wara impjieg full-time, tali tnaqqis ma huwiex previst.

Fuq it-tieni domanda

35

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-interruzzjonijiet ta’ kontribuzzjoni, li huma inklużi fil-perijodu ta’ referenza għall-finijiet tal-kalkolu ta’ pensjoni tal-invalidità kontributtiva u li jiġu wara impjieg part-time, jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni fis-seħħ imnaqqsa skont il-koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat ma’ dan ix-xogħol filwaqt li, jekk dawn l-interruzzjonijiet jiġu wara impjieg full-time, tali tnaqqis ma huwiex previst.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li mill-preambolu tal-Ftehim qafas jirriżulta li dan jirrigwarda l-“kondizzjonijiet ta’ impjieg għal ħaddiema part-time waqt li jiġi rikonoxxut illi l-kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà soċjali jeħtieġu deċiżjoni mill-Istati Membri”.

37

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg” fis-sens tal-imsemmi ftehim qafas, il-pensjonijiet li jiddependu fuq relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjegah, bl-esklużjoni tal-pensjonijiet legali ta’ sigurtà soċjali, li jkunu iktar jiddependu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali milli fuq tali relazzjoni ta’ impjieg (sentenza Elbal Moreno C‑385/11, EU:C:2012:746, punt 21).

38

F’dan il-każ, mill-informazzjoni li għandha fid-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pensjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi pensjoni legali ta’ sigurtà soċjali. Għaldaqstant, din il-pensjoni ma tistax, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, titqies li tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ impjieg, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, u ma taqax għaldaqstant taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

39

Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni tal-kliem “ostakoli ta’ natura legali” li jinsab fil-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, li skontha l-Istati Membri jkunu mġiegħla jadottaw, barra mill-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, miżuri marbuta ma’ pensjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tammonta għal impożizzjoni fuq l-imsemmija Stati Membri ta’ obbligi fil-qasam tal-politika soċjali fir-rigward ta’ miżuri li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim qafas.

40

Barra minn hekk, kif ġie osservat fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa mhux il-ħaddiema kollha part-time, iżda biss il-ħaddiema li kellhom interruzzjoni ta’ kontribuzzjoni immedjatament wara perijodu ta’ xogħol part-time. Minbarra dan, din id-dispożizzjoni tqiegħed f’vantaġġ il-ħaddiema li, minkejja li kienu impjegati part-time matul parti kbira mis-servizz professjonali tagħhom, kienu impjegati full-time immedjatament qabel interruzzjoni ta’ kontribuzzjoni. Fid-dawl tan-natura fortuwita tal-impatt tal-imsemmija dispożizzjoni fuq il-ħaddiema part-time, din l-istess dispożizzjoni ma tistax titqies li hija ostakolu legali tali li jillimita l-possibbiltajiet ta’ xogħol part-time.

41

Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-interruzzjonijiet ta’ kontribuzzjoni, li huma inklużi fil-perijodu ta’ referenza għall-finijiet tal-kalkolu ta’ pensjoni tal-invalidità kontributtiva u li jiġu wara impjieg part-time, jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni fis-seħħ imnaqqsa skont il-koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat ma’ dan ix-xogħol filwaqt li, jekk dawn l-interruzzjonijiet jiġu wara impjieg full-time, tali tnaqqis ma huwiex previst.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-interruzzjonijiet ta’ kontribuzzjoni, li huma inklużi fil-perijodu ta’ referenza għall-finijiet tal-kalkolu ta’ pensjoni tal-invalidità kontributtiva u li jiġu wara impjieg part-time, jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni fis-seħħ imnaqqsa skont il-koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat ma’ dan ix-xogħol filwaqt li, jekk dawn l-interruzzjonijiet jiġu wara impjieg full-time, tali tnaqqis ma huwiex previst.

 

2)

Il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-interruzzjonijiet ta’ kontribuzzjoni, li huma inklużi fil-perijodu ta’ referenza għall-finijiet tal-kalkolu ta’ pensjoni tal-invalidità kontributtiva u li jiġu wara impjieg part-time, jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-bażijiet minimi ta’ kontribuzzjoni fis-seħħ imnaqqsa skont il-koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat ma’ dan ix-xogħol filwaqt li, jekk dawn l-interruzzjonijiet jiġu wara impjieg full-time, tali tnaqqis ma huwiex previst.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top