Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0044

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-26 ta’ Novembru 2015.
    Hauptzollamt Frankfurt am Main vs Duval GmbH & Co. KG.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali u Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Intestatura 9025 – Kunċett ta’ ‘termometru’ – Indikaturi ta’ espożizzjoni għal temperatura ta’ reazzjoni predeterminata li jintużaw darba biss.
    Kawża C-44/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:783

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    26 ta’ Novembru 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali u Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestatura 9025 — Kunċett ta’ ‘termometru’ — Indikaturi ta’ espożizzjoni għal temperatura ta’ reazzjoni predeterminata li jintużaw darba biss”

    Fil-Kawża C‑44/15,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi, il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

    Hauptzollamt Frankfurt am Main

    vs

    Duval GmbH & Co. KG,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn J. Malenovský, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Hauptzollamt Frankfurt am Main, minn A. Vieth, bħala aġent,

    għal Duval GmbH & Co. KG, minn F.‑F. Casper, avukat,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestatura 9025 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [...] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006 (ĠU L 301, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Hauptzollamt Frankfurt am Main (awtorità doganali ta’ Frankfurt am Main, iktar ’il quddiem l-“awtorità doganali”) u Duval GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Duval”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ indikaturi tat-temperatura ambjentali.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    3

    Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha, tal-24 ta’ Ġunju 1986 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”) ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1).

    4

    Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tat-tariffi u l-istatistiċi jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li tiġi segwita l-ordni numerika ta’ din is-sistema. L-istess dispożizzjoni tistipula li kull parti kontraenti tintrabat ukoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma tiġix b’hekk immodifikata l-portata tagħhom.

    5

    Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (WCO), stabbilit permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali li tistabbilixxi l-imsemmi Kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, approva, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega adottati mill-Kumitat tas-SA, istanza li l-organizzazzjoni tagħha hija rregolata mill-Artikolu 6 tagħha.

    6

    Skont in-nota ta’ spjega dwar ir-regola ġenerali 3(a) għall-interpretazzjoni tas-SA li tinsab fin-noti ta’ spjega adottati mill-imsemmi kumitat, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“noti ta’ spjega tas-SA”):

    “[...]

    IV)

    Ma huwiex possibbli li jiġu stabbiliti prinċipji rigorużi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk intestatura hijiex iktar speċifika minn oħra fir-rigward tal-merkanzija ppreżentata; madankollu jista’ jingħad ġeneralment:

    a)

    li intestatura li tindika speċifikament artikolu partikolari hija iktar speċifika milli intestatura li tinkludi familja ta’ artikoli: [...]

    b)

    li għandha titqies li hija iktar speċifika l-intestatura li tidentifika b’mod iktar ċar l-merkanzija inkwistjoni u li tagħti deskrizzjoni iktar preċiża u iktar kompleta tagħha.

    [...]”

    7

    In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9025 tas-SA jinkludu b’mod partikolari l-informazzjoni segwenti:

    “[...]

    B.

    Termometri u pirometri, li jirrekordjaw jew le

    Fost l-apparati ta’ dan il-grupp, hemm inklużi:

    1)

    It-termometri mimlija b’likwidu, b’tubi tal-ħġieġ, li t-tipi ewlenin huma: [...] Ċerti termometri mimlija b’likwidu huma magħrufa bħala ta’ massimu u ta’ minimu, fis-sens li huma intiżi sabiex jirrekordjaw it-temperaturi estremi li għalihom huma esposti.

    2)

    It-termometri tal-metall, u b’mod partikolari [...]

    3)

    It-termometri b’sistema ta’ espansjoni jew ta’ pressjoni, b’elementi tal-metall, [...]

    4)

    It-termometri b’kristalli likwidi [...]

    5)

    It-termometri u l-pirometri elettriċi, li jinkludu: [...]

    6)

    Il-pirometri b’kubu fotometriku [...]

    7)

    Il-pirometri ottiċi b’filament li jisparixxi [...]

    8)

    It-teleskopji pirometriċi bbażati fuq il-fenomenu tal-polarizzazzjoni rotatorja [...]

    9)

    Il-pirometri bbażati fuq il-kontrazzjoni ta’ sustanza solida (pereżempju t-tafal) [...]

    [...]

    D.

    Igrometri, li jirrekordjaw jew le

    L-igrometri jkejlu l-umdità fl-arja, f’gassijiet oħra jew f’sustanzi solidi (stat igrometriku). It-tipi ewlenin huma:

    [...]

    L-igrometri fantażjużi, magħrufa bħala igrometri, li jikkonsistu partikolarment minn oġġetti dekorattivi (chalets, torrijiet, etc.), b’figurini li jidħlu jew joħorġu skont jekk it-temp ser ikunx sabiħ jew ikrah, għandhom jiġu kklassifikati wkoll hawnhekk. Min-naħa l-oħra, il-karti mimlija b’sustanzi kimiċi, li l-kulur tagħhom ivarja skont l-umdità atmosferika, jaqgħu taħt l-intestatura 38.22.

    [...]”

    In-NM

    8

    In-NM fiha, fl-Ewwel Parti, Taqsima 1, A, numru ta’ regoli ġenerali għall-interpretazzjoni ta’ din in-nomenklatura. Din it-taqsima tipprevedi li:

    “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

    1.

    It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli [intestaturi] u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

    [...]

    3.

    Meta [...] l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt titlu waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

    a)

    it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. [...]

    [...]”

    9

    Il-Kapitolu 90 tan-NM huwa intitolat “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, ta’ kejl, ta’ verifika, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; bċejjeċ u aċċessorji tagħhom”. Dan il-kapitolu fih b’mod partikolari l-intestatura 9025 li hija fformulata u strutturata kif ġej:

    “9025

    Idrometri u strumenti simili li jżommu fil-wiċċ, termometri, pirometri, barometri, igrometri u psikrometri, li jirreġistraw jew le, u kull taħlita ta’ dawn l-istrumenti:

     

    ‑ Termometri u pirometri, mhux imħalltin ma’ strumenti oħrajn:

    9025 11

    ‑ ‑ Mimlijin b’ikwidu, għal qari dirett:

    9025 11 20

    ‑ ‑ ‑ Termometri kliniċi jew veterinarji

    9025 11 80

    ‑ ‑ ‑ Oħrajn

    9025 19

    ‑ ‑ Oħrajn:

    9025

    19 20

    ‑ ‑ ‑ Elettroniċi

    9025 19 80

    ‑ ‑ ‑ Oħrajn

    [...]

    [...]”

    10

    Il-Kapitolu 38 tan-NM huwa intitolat “Diversi prodotti kimiċi”. Dan il-kapitolu jinkludi, b’mod partikolari, l-intestatura 3822, intitolata “Reaġenti dijagnostiċi jew ta’ laboratorju fuq rinforz, reaġenti ppreparati dijagnostiċi jew ta’ laboratorju fuq rinforz jew le, ħlief dawk ta’ titlu [intestatura] 3002 jew 3006; materjali ta’ referenza ċertifikati”. L-intestatura 3824 tan-NM hija intitolata “Materjali li jgħaqqdu ppreparati għal forom jew ċentri ta’ funderija; prodotti u preparazzjonijiet kimiċi ta’ l-industriji kimiċi jew li għandhom x’jaqsmu magħhom (inklużi dawk li jikkonsistu f’taħlitiet ta’ prodotti naturali), mhux speċifikati jew inklużi band’ oħra”. Is-subintestatura 3824 90 98 tan-NM hija subintestatura residwa li tkopri l-prodotti li ma jissemmewx u li ma humiex inklużi xi mkien ieħor fl-intestatura 3824 tan-NM.

    11

    In-nota 3(e) tal-Kapitolu 38 tan-NM tippreċiża b’mod partikolari li:

    “Titlu [intestatura] 3824 jinkludi dawn l-oġġetti li m’għandhomx ikunu kklassifikati taħt xi titlu ieħor tan-nomeklatura:

    [...]

    e)

    apparat taċ-ċeramika għall-prova tan-nar, fużibbli (per eżempju, koni Seger).”

    12

    Il-Kapitolu 48 tan-NM huwa intitolat “Karta u kartun; oġġetti ta’ polpa tal-karta, tal-karta jew tal-kartun”. L-intestatura 4823 tan-NM hija intitolata “Karta oħra, kartun, materjal artab taċ-ċelluloża u insiġ ta’ fibri ċellulożi, maqtugħin għal qies jew għamla; oġġetti oħrajn ta’ polpa tal-karta, karta, kartun, materjal artab ta’ ċelluloża jew insiġ ta’ fibri cellulożi”. Is-subintestatura 4823 90 85 tan-NM hija subintestatura residwa li tkopri l-prodotti li ma jissemmewx u li ma humiex inklużi xi mkien ieħor fl-intestatura 4823 tan-NM.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    Iż-żewġ tipi ta’ prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma deskritti, rispettivament, bil-kliem “thermopapers” u “thermo labels”. L-ewwel prodott huwa kkostitwit minn strixxi tal-karta b’naħa bajda li fuqha hemm indikata temperatura u miksija, fuq in-naħa l-oħra, b’saff iswed sensittiv għat-temperatura. Meta tintlaħaq it-temperatura indikata fuq in-naħa bajda, l-istrixxa indikatriċi tbiddel il-kulur tagħha b’mod irreversibbli minn abjad għal iswed. It-tieni tip ta’ prodott huwa kkostitwit minn strixxi indikaturi li għandhom ħames punti għall-kejl tat-temperatura u miksija b’film tal-plastik. Il-punti ta’ kejl, li fuq kull wieħed minnhom hemm indikazzjoni ta’ temperatura speċifika, ibiddlu l-kulur tagħhom b’mod irreversibbli meta tintlaħaq dik it-temperatura.

    14

    Il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew importati minn Duval matul is-sena 2007. L-awtorità doganali ħarġet avviż tat-taxxa li fih ikklassifikat dawn il-prodotti fis-subintestatura 3824 90 98 tan-NM u applikat ir-rata korrispondenti ta’ 6.5 %.

    15

    Peress li t-“thermopapers” kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 4823 90 85 tan-NM u, għalhekk, ikunu eżenti minn dazji doganali, filwaqt li t-“thermo labels” kellhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 9025 19 80 tan-NM u, għalhekk, ikunu suġġetti għal rata ta’ taxxa ta’ 2.1 %, Duval ippreżentat rikors kontra l-avviż tat-taxxa msemmi iktar ’il fuq quddiem il-Finanzgericht (qorti tal-finanzi).

    16

    Billi l-imsemmija qorti ddeċidiet li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu “termometri” fis-sens tal-intestatura 9025 tan-NM u billi, konsegwentement, hija kkundannat lill-awtorità doganali sabiex tirrimborsa lil Duval l-ammonti żejda tad-dazji doganali mħallsa, din l-awtorità ppreżentat appell għar-“Reviżjoni” minn din is-sentenza quddiem il-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi).

    17

    Billi ssostni li l-kunċett ta’ termometru ma huwiex iddefinit fin-NM u li n-noti ta’ spjega tas-SA jinkludu lista enumerata, li ma tingħatax bħala eżempju, tal-istrumenti li jappartjenu għall-grupp tat-termometri u tal-pirometri, li fiha la ma huma inklużi l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas ebda strument ieħor paragunabbli magħmul mill-karta jew b’indikatur tat-temperatura li jintuża darba biss, il-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi) tistaqsi jekk il-kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali u ta’ sempliċità tal-proċess ta’ klassifikazzjoni għandhomx iwasslu sabiex jitqies li l-imsemmija lista enumerata hija eżawrjenti u għandha natura vinkolanti.

    18

    Jekk tali interpretazzjoni ma għandhiex tipprevali, l-imsemmija qorti tosserva, f’dan il-każ, li t-titolu tal-Kapitolu 90 tan-NM jirreferi għal “strumenti ta’ kejl”, li l-kelma “termometru” tinftiehem, kemm fis-sens letterali kif ukoll f’dak kunċettwali, bħala strument ta’ kejl tat-temperatura u li l-kunċett ta’ kejl jinftiehem komunement bħala paragun kwantitattiv bejn il-kwantità mkejla u valur ta’ riferiment.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà eventwali li fin-noti ta’ spjega tas-SA tinstab definizzjoni iktar stretta ta’ “termometru” li tkun tirrikjedi li l-apparat ikkonċernat jissodisfa kundizzjonijiet addizzjonali, meħuda minn varji karatteristiċi komuni, li jidhru li huma preżenti fl-apparati ta’ kejl ikklassifikati mill-imsemmija noti fl-intestatura 9025 tas-SA jew f’intestaturi oħra tal-istess kapitolu tagħhom, bħal manifattura bir-reqqa u grad għoli ta’ preċiżjoni, il-kapaċità li jiġi rriprodott ir-riżultat tal-kejl, l-indikazzjoni kontinwa tal-iżvolġiment tal-kejl, jew, ukoll, il-possibbiltà li l-istrument jintuża diversi drabi.

    20

    Din il-qorti tistaqsi, bl-istess mod, jekk il-fatt li n-nota 3(e) tal-Kapitolu 38 tan-NM tippreċiża li apparati fużibbli għall-kontroll tat-temperatura ta’ kalkari jaqgħu taħt l-intestatura 3824 tan-NM jew iċ-ċirkustanza li min-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-igrometri jirriżulta li apparati li jiffunzjonaw b’mod simili għall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma esklużi mill-intestatura 9025 tan-NM, humiex ta’ natura li jaffettwaw il-klassifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni astratta tal-kunċett ta’ termometru fis-sens tal-intestatura 9025 tan-NM, għandhom jiġu eċċezzjonalment ikklassifikati taħt l-intestatura 9025 tan-NM (“termometri”) biss l-apparati li huma elenkati fin-Noti ta’ Spjega tas-Sistema Armonizzata dwar l-intestatura 9025, Taqsima B (termometri u pirometri, li jirrekordjaw jew le [...])?

    Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

    2)

    L-elenkar tal-apparati inklużi fin-Noti ta’ Spjega tas-Sistema Armonizzata dwar l-intestatura 9025 tan-NM jimplika li l-apparati li ma jiffunzjonawx bil-metodi inkorporati f’dawn l-apparati (indikazzjoni tat-temperatura, pereżempju, permezz tal-espansjoni mekkanika ta’ likwidi jew ta’ metalli, ta’ bidliet fiżiċi jew ta’ impulsi elettriċi) ma jistgħux jiġu kklassifikati fl-intestatura 9025 tan-NM?

    Fil-każ li t-tieni domanda wkoll tingħata risposta fin-negattiv:

    3)

    Apparat li jindika li t-temperatura ta’ oġġett li ser jitkejjel laħqet valur li ġie ddeterminat (valur limitu) huwa termometru fis-sens tal-intestatura 9025 tan-NM, minkejja li ma jkunx jissodisfa kriterji bħall-kapaċità li jirriproduċi r-riżultat tal-kejl, l-indikazzjoni kontinwa ta’ bidliet fit-temperatura u l-possibbiltà li l-apparat jintuża diversi drabi?”

    Fuq id-domandi preliminari

    22

    Permezz ta’ dawn it-tliet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-intestatura 9025 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tinkludi indikaturi tat-temperatura ambjentali magħmula mill-karta, f’ċerti każijiet miksija b’film tal-plastik, li, bħall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jindikaw, permezz ta’ bidla fil-kulur, b’mod irreversibbli u mingħajr il-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid sussegwenti, jekk tkun intlaħqet temperatura limitu waħda jew iktar.

    23

    Għandu jiġi osservat li hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità ta’ kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Douane Advies Bureau Rietveld, C‑541/13, EU:C:2014:2270, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li n-noti ta’ spjega għan-NM kif ukoll dawk tas-SA jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madankollu, ma huma legalment vinkolanti. Il-kontenut tal-imsemmija noti għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax jemenda l-portata tagħhom. Jekk jidher li jmorru kontra l-formulazzjoni tal-intestaturi tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu, in-noti ta’ spjega għan-NM għandhom jiġu mwarrba (ara, b’mod partikolari, is-sentenza JVC France, C‑312/07, EU:C:2008:324, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-użu intiż tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, liema inerenza għandha tkun tali li tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Douane Advies Bureau Rietveld, C‑541/13, EU:C:2014:2270, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    Għal dak li jirrigwarda l-intestatura 9025 tan-NM, mill-formulazzjoni tagħha jirriżulta li hija tkopri b’mod partikolari t-“termometri”.

    27

    Għalkemm in-NM ma tiddefinixxix dan il-kunċett, għandu jiġi osservat li, fis-sens komuni tal-kelma, din tirreferi, hekk kif tindika barra minn hekk, f’numru kbir ta’ verżjonijiet lingwistiċi tan-NM, il-kombinazzjoni tal-kliem ta’ oriġini Griega li jikkaratterizzawha, għall-istrumenti ta’ kejl tat-temperatura.

    28

    Fil-punt 34 tas-sentenza Raytek u Fluke Europe (C‑134/13, EU:C:2015:82), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda regolament tal-Kummissjoni Ewropea li kklassifika kameras termali li jaħdmu bl-infrared taħt il-kodiċi 9025 19 20 tan-NM, li din l-istituzzjoni setgħet validament tqis li billi l-imsemmija apparati setgħu jkejlu t-temperatura u jirrappreżentaw l-valuri mkejla f’ċifri, dawn wettqu funzjoni li hija koperta mill-intestatura 9025 tan-NM u kellhom jiġu kklassifikati bħala termometri fis-sens ta’ din l-intestatura.

    29

    Fil-punt 35 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet enfasizzat li s-sempliċi kejl tat-temperatura kien jikkostitwixxi l-karatteristika speċifika koperta mill-imsemmija intestatura.

    30

    Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, permezz tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, intiżi sabiex jintużaw esklużivament bħala strumenti ta’ kejl tat-temperatura. Fil-fatt, billi l-uniku skop tagħhom huwa li jindikaw, permezz tal-kejl tat-temperatura ambjentali, jekk ikun intlaħaqx livell ta’ temperatura speċifiku u predeterminat, billi juru, f’dan il-każ, permezz ta’ bidla fil-kulur, ir-riżultat f’dan is-sens ta’ dak il-kejl, tali prodotti għandhom, għalhekk, jiġu kklassifikati bħala termometri taħt il-kodiċi 9025 tan-NM.

    31

    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din il-konklużjoni ma tistax tiġi affettwata min-nota 3(e) li tinsab fil-Kapitolu 38 tan-NM, li tipprevedi li “apparat taċ-ċeramika għall-prova tan-nar, fużibbli (per eżempju, koni Seger)” huwa inkluż fl-intestatura 3824 tan-NM u mhux f’intestatura oħra tan-NM. Fil-fatt, minbarra ċ-ċirkustanza li l-imsemmija nota tkopri biss il-kategorija ta’ merkanzija speċifika ħafna li għaliha għalhekk tirreferi u li għaliha ma jikkorrispondux manifestament prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, għad-differenza ta’ dawn il-prodotti tal-aħħar, u, b’mod iktar ġenerali, ta’ termometri, il-funzjoni ta’ tali apparati fużibbli ma tikkonsistix fis-sempliċi kejl preċiż tat-temperatura ambjentali. Fil-fatt, dawn l-apparati fużibbli, imsejħa wkoll “koni pirometriċi”, li jintużaw fil-kalkari taċ-ċeramika, għandhom il-funzjoni li jippermettu, billi jdubu u jitgħawġu gradwalment taħt l-effett tas-sħana, il-kontroll tal-iżvilupp tal-ħami ta’ oġġetti taċ-ċeramika u li jiġi ddeterminat meta dawn tal-aħħar ikunu waslu fl-istat ta’ ħami mixtieq.

    32

    Għal dak li jirrigwarda l-fatt li l-enumerazzjoni tal-istrumenti li jaqgħu taħt il-grupp ta’ merkanzija kklassifikata bħala termometri u pirometri li hija inkluża, fit-Taqsima B, fin-noti ta’ spjega tas-SA relatati mal-intestatura 9025 tagħha ma ssemmix prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess ta’ dawn in-noti u mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija enumerazzjoni ma hija bl-ebda mod eżawrjenti. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, tali noti ta’ spjega ma jistgħux, f’kull każ, ikollhom l-effett li jirrestrinġu l-portata ta’ intestatura tan-NM kif stabbilita mill-kliem ta’ dik l-intestatura.

    33

    Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li l-prodotti hekk enumerati fl-imsemmija taqsima tan-noti ta’ spjega tas-SA għandhom, minbarra l-karatteristika komuni speċifika msemmija fil-punti 27 sa 29 ta’ din is-sentenza u li tikkonsisti fil-kejl tat-temperatura, karatteristiċi oħra komuni b’mod partikolari li jirrigwardaw il-mod tekniku tal-funzjonament tagħhom, il-fatt li jistgħu jintużaw diversi drabi u b’mod irrepetut jew il-fatt li jippermettu indikazzjoni kontinwa tal-iżvilupp tat-temperatura, ma tistax twassal għal interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ termometru li jinsab fl-intestatura 9025 tan-NM billi jiġu stabbiliti tali karatteristiċi addizzjonali bħala parti mill-elementi li jikkostitwixxu l-imsemmi kunċett.

    34

    Għal dak li jirrigwarda l-kriterju dwar il-possibbiltà ta’ indikazzjoni kontinwa tal-iżvilupp tat-temperatura, għandu jiġi osservat ukoll, barra minn hekk, li, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 9025 tagħha jippreċiżaw espressament fit-Taqsima B1 li t-termometri mimlija b’likwidu magħrufa bħala “ta’ massimu” u “ta’ minimu” intiżi sabiex jirrekordjaw it-temperaturi estremi li għalihom huma esposti jaqgħu taħt l-imsemmija intestatura.

    35

    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni li tinsab fit-Taqsima D tal-istess noti ta’ spjega tas-SA li tipprevedi li l-karti mimlija b’sustanzi kimiċi li l-kulur tagħhom ivarja skont l-umdità atmosferika jaqgħu taħt l-intestatura 3822 tan-NM, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li l-imsemmija informazzjoni tirrigwarda l-grupp ta’ merkanzija kklassifikat bħala igrometri u mhux dak tat-termometri, billi dan il-grupp ma fihx informazzjoni korrispondenti għal dak li jikkonċerna prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. It-tieni nett, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Douane Advies Bureau Rietveld (C‑541/13, EU:C:2014:2270), li kienet tirrigwarda prodotti analogi għal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-intestatura 3822 tan-NM kellha tiġi interpretata fis-sens li tali prodotti ma jaqgħux taħt din l-intestatura.

    36

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li ċ-ċirkustanza li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma magħmula mill-karta, eventwalment miksija b’film tal-plastik, u li għandhom funzjoni iktar sempliċi minn ċerti strumenti ta’ kejl oħra li jużaw mekkaniżmi iktar sofistikati, jew il-fatt li jippermettu biss il-kejl ta’ ċerti temperaturi limiti predeterminati, jew ukoll iċ-ċirkustanza li ma jistgħux jintużaw diversi drabi fid-dawl tan-natura irreversibbli tal-indikazzjoni li sseħħ meta jintlaħqu tali temperaturi limiti ma jipprekludux li tali prodotti jiġu kklassifikati fl-intestatura 9025 tan-NM.

    37

    Barra minn hekk, u għal dak li jirrigwarda s-subintestatura 3824 90 98 tan-NM imsemmija mill-awtorità doganali fl-avviż tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, skont il-formulazzjoni tagħha, l-intestatura 3824 tan-NM tirrigwarda b’mod partikolari l-“prodotti u preparazzjonijiet kimiċi ta’ l-industriji kimiċi jew li għandhom x’jaqsmu magħhom [...] mhux speċifikati jew inklużi band’oħra” u li s-subintestatura 90 98 hija, fi ħdan l-intestatura 3824, subintestatura residwa li tkopri l-prodotti kimiċi li ma jissemmewx u li ma humiex inklużi xi mkien ieħor fl-imsemmija intestatura.

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, biżżejjed jiġi osservat li, anki fil-każ li prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma a priori ta’ natura li jistgħu jiġu kklassifikati wkoll fl-intestatura 3824 tan-NM, xorta jibqa’ l-fatt li, skont ir-regola ġenerali 3(a) tan-NM, l-intestatura l-iktar speċifika għandha tingħata prijorità fuq l-intestaturi ta’ portata iktar ġenerali. Issa, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punti 28 sa 30 ta’ din is-sentenza, il-kejl tat-temperatura jikkostitwixxi l-karatteristika speċifika tal-merkanzija indikata bħala termometri fl-intestatura 9025 tan-NM u l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom din il-karatteristika speċifika. Min-naħa l-oħra, l-intestatura 3824 tan-NM, li tirrigwarda l-prodotti u l-preparazzjonijiet kimiċi mhux speċifikati jew inklużi band’oħra, għandha portata ħafna iktar ġenerali.

    39

    L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għal dak li jirrigwarda s-subintestatura 4823 90 85 tan-NM li fuqha bbażat ruħha Duval, għal dak li jikkonċerna t-“thermo labels”, insostenn tar-rikors tagħha kontra l-avviż tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-formulazzjoni tagħha, l-intestatura 4823 tan-NM tirrigwarda “karta oħra, kartun, materjal artab taċ-ċelluloża u insiġ ta’ fibri ċellulożi, maqtugħin għal qies jew għamla; oġġetti oħrajn ta’ polpa tal-karta, karta, kartun, materjal artab ta’ ċelluloża jew insiġ ta’ fibri cellulożi” u li s-subintestatura 90 85 hija, fi ħdan l-intestatura 4823, subintestatura residwa li tkopri l-prodotti li ma jissemmewx u li ma humiex inklużi xi mkien ieħor fl-imsemmija intestatura.

    40

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari magħmula hija li l-intestatura 9025 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi indikaturi tat-temperatura ambjentali magħmula mill-karta, f’ċerti każijiet miksija b’film tal-plastik, li, bħall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jindikaw, permezz ta’ bidla fil-kulur, b’mod irreversibbli u mingħajr il-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid sussegwenti, jekk tkun intlaħqet temperatura limitu waħda jew iktar.

    Fuq l-ispejjeż

    41

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-intestatura 9025 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni [...], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi indikaturi tat-temperatura ambjentali magħmula mill-karta, f’ċerti każijiet miksija b’film tal-plastik, li, bħall-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jindikaw, permezz ta’ bidla fil-kulur, b’mod irreversibbli u mingħajr il-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid sussegwenti, jekk tkun intlaħqet temperatura limitu waħda jew iktar.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top