EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0626

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-31 ta’ Mejju 2018.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Deċiżjoni tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) – Deċiżjoni li tapprova l-issuġġettar ta’ dokument ta’ riflessjoni lil korp internazzjonali – Ammissibbiltà – Att li jista’ jiġi kkontestat – Kompetenza esklużiva, kondiviża jew komplementari tal-Unjoni Ewropea – Azzjoni tal-Unjoni unikament fi ħdan organu internazzjonali jew parteċipazzjoni tal-Istati Membri flimkien magħha – Konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar – Sajd – Protezzjoni tal-ambjent – Riċerka – Żoni protetti tal-baħar (ŻPB) – Trattat fuq l-Antartiku – Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Marini Ħajjin tal-Antartiku – Baħar ta’ Weddell u Baħar ta’ Ross.
Kawżi magħquda C-626/15 u C-659/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:362

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑31 ta’ Mejju 2018 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑626/15 u C‑659/16

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Għażla tal-bażi legali xierqa – Kompetenza esklużiva, kondiviża jew komplementari tal-Unjoni Ewropea – Preżenza esklużiva tal-Unjoni f’organu internazzjonali jew parteċipazzjoni tal-Istati Membri flimkien mal-Unjoni – Konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar – Sajd – Protezzjoni tal-ambjent – Riċerka – Żoni protetti tal-baħar (ŻPB) – Antartiku – Baħar ta’ Weddell u Baħar ta’ Ross – Deċiżjoni tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) – Att li jista’ jiġi kkontestat”

I. Introduzzjoni

1.

Fuq bażi regolari ħafna jinqalgħu kunflitti fuq livell tal-Unjoni Ewropea, dwar jekk l-Unjoni Ewropea tistax tidher waħedha f’organi internazzjonali jew jekk tistax tagħmel dan biss flimkien mal-Istati Membri tagħha sabiex tipparteċipa fid-dibattiti u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. It-tilwima dejjem tinqala’ minħabba l-kwistjoni tal-bażi legali li fuqha l-azzjoni esterna tal-Unjoni għandha tiġi bbażata skont it-trattati li joħolquha.

2.

Tali kwistjonijiet ta’ kompetenza huma kwistjonijiet ta’ poter li ilhom ikunu s-suġġett ta’ proċedimenti akkumpanjati minn ħerqa kbira għal għexieren ta’ snin. Minn naħa waħda, hija kkonċernata l-kwistjoni tal-kumplessità meħtieġa fir-rigward tal-proċess intern tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell Ewropew, u min-naħa l-oħra min jista’ jpoġġi madwar il-mejda tan-negozjati internazzjonali għall-Ewropa. Sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jidher li l-pożizzjonijiet f’dan ir-rigward saru ħafna iktar fissi mingħajr il-possibbiltà ta’ xi ċaqliq.

3.

F’dan il-każ huma kkonċernati miżuri ta’ protezzjoni tal-ibħra fl-Antartiku, partikolarment l-istabbiliment ta’ diversi żoni protetti tal-baħar (ŻPB) kif ilhom jiġu diskussi għal xi snin fil-kuntest tal-laqgħat annwali tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR).

4.

Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jaqblu bejniethom li għandhom jikkontribwixxu b’mod attiv lejn il-protezzjoni tal-ibħra fl-Antartiku. Madankollu, minn lat formali, il-Kunsill u l-Istati Membri jibqgħu jisħqu fuq il-fatt li l-miżuri għall-protezzjoni tal-ibħra jaqgħu taħt il-politika ambjentali u b’hekk taħt il-qasam tal-kompetenzi kondiviżi (Artikolu 4(2)(e) TFUE), u għalhekk huma tal-fehma li fuq livell internazzjonali hija indispensabbli l-preżenza konġunta tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni adottat il-pożizzjoni li din hija miżura għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd (Artikolu 3(1)(d) TFUE), li taqa’ taħt il-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni u li għaldaqstant fir-relazzjonijiet esterni ma tawtorizzax il-preżenza tal-Istati Membri flimkien mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, qiegħed jiġi diskuss jekk f’dan il-qasam l-Unjoni kisbitx kompetenza esterna esklużiva impliċita skont il-prinċipju ERTA ( 2 ) (Artikolu 3(2) TFUE) u kemm il-politika ta’ riċerka, li tappartjeni għall-kompetenzi komplementari tal-Unjoni (Artikolu 4(3) TFUE), għandha rwol f’dan il-każ.

5.

Speċifikament il-Kummissjoni hawnhekk qiegħda tikkontesta żewġ deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-okkażjoni tal‑34 u l-35 laqgħa annwali tal-CCAMLR fis-snin 2015 u 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”):

Fil-Kawża C‑626/15, il-Kummissjoni tikkontesta deċiżjoni tal‑11 ta’ Settembru 2015 kif tinsab fil-konklużjonijiet tal-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (iktar ’il quddiem il-“Coreper”) u li bihom il-Coreper japprova l-preżentazzjoni, f’isem l-Unjoni u f’isem l-Istati Membri tagħha, ta’ dokument ta’ riflessjoni lill-CCAMLR għall-ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Weddell fl-okkażjoni tal‑34 laqgħa annwali tagħha fl‑2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2015”) ( 3 ).

Fil-Kawża C‑659/16, il-Kummissjoni tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kunsill tal‑10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall‑35 laqgħa annwali tal-CCAMLR fl‑2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2016”) ( 4 ). Din ukoll tirrigwarda l-ħolqien ta’ b’kollox erba’ żoni protetti tal-baħar u żoni speċifiċi tar-riċerka fl-ibħra tal-Antartiku, fosthom żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Weddell diskussa fis-sena ta’ qabel u żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Ross.

6.

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn iż-żewġ kawżi ser tikkostitwixxi biċċa mużajk oħra fl-istampa globali kumplessa tal-kompetenzi esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, kif imfassla fit-Trattat ta’ Lisbona. Partikolarment, dan il-każ iservi bħala opportunità biex jiġi ċċarat jekk l-eżistenza ta’ kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tirrikjedix neċessarjament preżenza konġunta (“imħallta”) tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha f’organi internazzjonali, jew jekk l-Unjoni tistax, anzi tridx bilfors, issir attiva fir-relazzjonijiet esterni anki waħedha. Barra minn hekk, fil-Kawża C‑626/16 ser niddiskuti, preliminarjament, taħt liema ċirkustanzi deċiżjonijiet tal-Coreper jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 263 TFUE. Il-kawża relatata mal-Ftehim ta’ Sħubija mal-Kazakistan (C‑244/17) li fiha llum ser nippreżenta wkoll il-konklużjonijiet tiegħi, tirrigwarda problematiċi kompletament differenti li jikkonċernaw il-maġġoranza meħtieġa fi ħdan il-Kunsill għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jippreżentaw ċerti rabtiet mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

7.

Fl-ewwel lok, il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni ta’ dan il-każ huwa ddefinit mill-Artikoli 2, 3 u 4 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(2) TUE. Sussegwentement, huma ta’ rilevanza wkoll l-Artikoli 191 u 192 TFUE. Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet fundamentali dwar il-politika komuni tas-sajd, kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ( 5 ).

8.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1380/2013 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika komuni tas-sajd:

“1.   Il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) għandha tkopri:

(a)

il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u l-ġestjoni ta’ sajd u flotot li jisfruttaw tali riżorsi,

[…]

2.   Il-PKS għandha tkopri l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 fejn dawn jitwettqu:

[…]

(c)

minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni;

(d)

minn ċittadini tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja tal-Istat tal-bandiera.”

9.

L-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd huma deskritti kif ġej fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1380/2013:

“1.   Il-PKS għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura huma ambjentalment sostenibbli fit-tul […].

2.   Il-PKS għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament ta’ riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirripristina l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom ’il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli.

[…]

3.   Il-PKS għandha timplimenta l-approċċ ibbażat fuq l–ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex tiżgura li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar ikunu minimizzati, u għandha tirsisti sabiex tiżgura li attivitajiet ta’akkwakultura u sajd jevitaw id-degradazzjoni tal-ambjent marittimu.

[…]

5.   Il-PKS għandha, b’mod partikolari:

[…]

(j)

tkun koerenti mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni […].”

10.

L-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 jistabbilixxi dan li ġej dwar l-għanijiet tal-politika tas-sajd esterna tal-Unjoni:

“Sabiex jiġu żgurati sfruttament sostenibbli, ġestjoni u konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u l-ambjent tal-baħar, l-Unjoni għandha tmexxi r-relazzjonijiet esterni tagħha dwar is-sajd f’konformità mal-obbligi internazzjonali u l-objettivi politiċi tagħha, kif ukoll l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2 u 4 [3].”

B.   Id-dritt internazzjonali

11.

Fid-dritt internazzjonali huma rilevanti d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Canberra; u għandu jsir riferiment ukoll għat-Trattat fuq l-Antartiku.

1. Il-Konvenzjoni ta’ Canberra

12.

Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Antartiku ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Canberra”) ġiet iffirmata fl‑20 ta’ Mejju 1980 f’Canberra (l-Awstralja) u daħlet fis-seħħ fis‑7 ta’ April 1982. Minbarra l-Unjoni huma assoċjati magħha wkoll 12-il Stat Membru tagħha ( 7 ) kif ukoll 23 Stat terz.

13.

L-Artikolu I tal-Konvenzjoni ta’ Canberra jipprevedi:

“1.   Din il-Konvenzjoni tapplika għar-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartika fin-nofs in-nhar ta’ 60o tal-latitudini tan-Nofsinhar u għar-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartika taż-żona bejn dik il-latitudini u l-Konverġenza Antartika li tifforma parti mill-ekosistema marittima Antartika.

2.   Ir-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartika jfissru l-popolazzjonijiet tal-hut tal-pinna, molluskoli, krustaċi u speċje oħrajn ta’ organiżmi ħajjin, inkluzi l-għasafar, li jinsabu fin-Nofsinhar ta’ l-Antartika.

3.   L-ekosistema marittima ta’ l-Antarika tfisser il-kumpless tar-relazzjonijiet tar-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartika li għandhom ma xulxin u ma l-ambjent fiżiku tagħhom.

[…]”

14.

L-Artikolu II tal-Konvenzjoni ta’ Canberra jaqra:

“1.   L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa l-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartika.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni, t-terminu ‘konservazzjoni’ jinkludi l-użu razzjonali.

3.   Xi hsad jew attivitajiet assoċjati fiż-żona li dwara din il-Konvenzjoni hija applikabbli għandhom jitwettqu b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni u mal-prinċipji ta’ konservazzjoni li ġejjin:

(a)

il-prevenzjoni tat-tnaqqis tad-daqs ta’ xi popolazzjoni maħsuda lejn livelli aktar baxxi minn dawk li jassiguraw ir-reklutaġġ stabbli tagħha. Għal dan l-iskop id-daqs tagħha m’għandux jitħalla li jaqa’ taħt livell qrib dak li jassigura l-akbar żieda netta annwali;

(b)

iż-żamma tar-relazzjonijiet ekoloġiċi bejn il-popolazzjonijiet maħsuda, dipendenti u relatati tar-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartika u tar-restawr tal-popolazzjonijiet imnaqqsa lejn il-livelli definiti fis-subparagrafu (a) ta’ hawn fuq; u

[…]”

15.

Fl-Artikolu III, il-Konvenzjoni ta’ Canberra tirregola r-relazzjoni tagħha mat-Trattat fuq l-Antartiku:

“Il-Partijiet Kontraenti, kemm jekk jew le humiex Partijiet mat-Trattat ta’ l-Antartika, jaqblu li huma m’għandhomx ikunu nvoluti f’xi attivitajiet fiż-żona tat-Trattat ta’ l-Antartika li huma kuntrarji tal-prinċipji u l-iskopijiet ta’ dak it-Trattat […]”

16.

Barra minn hekk, l-Artikolu V tal-Konvenzjoni ta’ Canberra jistabbilixxi:

“1.   Il-Partijiet Kontraenti li ma humiex Partijiet tat-Trattat ta’ l-Antartika jirrikonoxxu l-obbligi u r-reponsabbiltajiet speċjali tal-Partijiet Konsultattivi tat-Trattat ta’ l-Antartika għall-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent taż-żona tat-Trattat ta’ l-Antartika.

2.   Il-Partijiet Kontraenti li ma humiex Partijiet tat-Trattat ta’ l-Antartika jaqblu li, fl-attivitaiet tagħhom fiż-żona tat-Trattat ta’ l-Antartika, huma għandhom josservaw, kif u meta xieraq, il-miżuri mifthiema għall-konservazzjoni tal-flora u l-fawna ta’ l-Antartika u dawk il-miżuri l-oħrajn hekk kif ikunu irrakkomandati mill-Partijiet Konsultattivi tat-Trattat ta’ l-Antartika fit-twettieq tar-responsabiltajiet tagħhom għall-protezzjoni ta’ l-ambjent ta’ l-Antartika mill-għamliet kollha ta’ interferenza li huma ta’ ħsara.

[…]”

17.

Bl-Artikolu VII tal-Konvenzjoni ta’ Canberra qiegħda tinħatar il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (iktar ’il quddiem il-“CCAMLR”), li fl-Artikolu IX tal-konvenzjoni hija assenjata, inter alia, din il-funzjoni:

“1.   Il-funzjoni tal-Kummissjoni għandha tkun li tagħti effett għall-għanijiet u l-prinċipji kif murija fl-Artikolu II ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dak il-għan, għandha:

[…]

(f)

tifformula […] miżuri ta’ konservazzjoni […]

[…]

2.   Il-miżuri ta’ konservazzjoni referuti fil-paragrafu 1(f) ta’ hawn fuq jinkludu dawn li ġejjin:

[…]

(g)

id-desinjazzjoni tal-ftuħ u ta’ l-għeluq ta’ żoni, reġjuni jew sub-reġjuni għall-iskopijiet ta’ studju xjentifiku jew konservazzjoni, inklużi ż-żoni speċjali għall-protezzjoni u l-istudju xjentifiku;

[…]”

18.

Minbarra l-Unjoni fil-preżent hemm tmienja mill-Istati Membri tagħha li huma membri fil-CCAMLR ( 8 ).

2. It-Trattat fuq l-Antartiku

19.

It-Trattat fuq l-Antartiku ġie ffirmat fl‑1 ta’ Diċembru 1959 f’Washington DC (l-Istati Uniti tal-Amerika). Tliet Stati Membri tal-Unjoni għandhom l-istatus ta’ partijiet kontraenti bħala Stati firmatarji tat-Trattat fuq l-Antartiku ( 9 ). Disa’ Stati Membri oħrajn tal-Unjoni għandhom l-istatus ta’ partijiet konsultattivi fit-Trattat ( 10 ) u tmienja Stati Membri oħra għandhom l-istatus ta’ stat kontraenti mingħajr id-dritt ta’ vot ( 11 ).

20.

Skont l-Artikolu IX(1) tat-Trattat fuq l-Antartiku japplika dan li ġej:

“Ir-rappreżentanti tal-partijiet kontraenti […] jiltaqgħu […] f’intervalli u postijiet xierqa, għall-finijiet tal-iskambju tal-informazzjoni, sabiex jikkonsultaw ma’ xulxin fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni li għandhom x’jaqsmu mal-Antartiku, jistudjaw, jifformulaw u jirrakkomandaw lill-gvernijiet tagħhom, miżuri intiżi li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji u t-twettiq tal-għanijiet ta’ dan it-trattat, u b’mod partikolari miżuri:

[…]

f)

relatati mal-konservazzjoni u mal-protezzjoni tar-riżorsi ħajjin fl-Antartiku”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21.

Fl-Artikolu VI tat-Trattat fuq l-Antartiku, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu huwa ddefinit kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat preżenti japplikaw għaż-żona fin-Nofsinhar ta’ 60° tal-latitudni tan-Nofsinhar, inklużi l-bankijiet ta’ ġlata kollha […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

22.

Il-CCAMLR stabbilixxiet l-għan li tistabbilixxi netwerk ta’ żoni protetti tal-baħar fir-reġjun Antartiku. Dan l-għan huwa sostnut espressament mill-Unjoni Ewropea.

23.

Fid-dawl ta’ dan, fl‑2014 il-Kunsill fassal “pożizzjoni multiannwali” abbażi tal-Artikolu 218(9) TFUE biex tiġi ppreparata l-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’laqgħat annwali futuri tal-CCAMLR, li fiha ġiet stabbilita inter alia“proċedura ssemplifikata” għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill dwar il-pożizzjoni li l-Unjoni għandha tadotta fil-kuntest tal-CCAMLR dwar kwistjonijiet fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd ( 12 ). Abbażi tagħha, qabel kull laqgħa annwali tal-CCAMLR, id-dipartimenti tal-Kummissjoni jippreżentaw id-dokumenti rilevanti lill-korpi preparatorji tal-Kunsill. Fil-prattika, id-dipartimenti tal-Kummissjoni jgħaddu dawn id-dokumenti lill-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill għas-Sajd jew lill-Coreper.

A.   Kawża C‑626/15

24.

Filwaqt li applikaw il-proċedura ssemplifikata, fil‑31 ta’ Awwissu 2015 id-dipartimenti tal-Kummissjoni ppreżentaw dokument informali (imsejjaħ “non-paper”) lill-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill għas-Sajd, li miegħu kien mehmuż l-abbozz għal “dokument ta’ riflessjoni dwar proposta futura għall-ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Weddell” ( 13 ).

25.

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni pproponew li dan id-dokument ta’ riflessjoni jiġi ppreżentat lill-CCAMLR (speċifikament lill-Kumitat Xjentifiku tal-CCAMLR ( 14 )) f’isem l-Unjoni waħedha, peress li fil-fehma tagħhom dan kien jaqa’ taħt il-politika komuni tas-sajd.

26.

Fis-seduta tagħha tal‑5 ta’ Settembru 2015, il-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill approva l-kontenut tad-dokument ta’ riflessjoni, iżda kkunsidra li jaqa’ taħt il-politika tal-ambjent u b’hekk ħass li huwa meħtieġ li dan id-dokument jiġi ppreżentat lill-Kumitat Xjentifiku tal-CCAMLR f’isem l-Unjoni u f’isem l-Istati Membri tagħha. Il-fajl intbagħat lill-Coreper.

27.

Il-Coreper eżamina dan il-fajl waqt il-laqgħa tiegħu tal‑11 ta’ Settembru 2015. Wara li ġew diskussi l-opinjonijiet, il-President tal-Coreper ikkonstata li hemm qbil dwar il-kontenut tad-dokument ta’ riflessjoni u li dan id-dokument kellu jiġi ppreżentat lill-CCAMLR fl-okkażjoni tal‑34 laqgħa annwali tagħha fl‑2015. Barra minn hekk, irrileva li kien ġie deċiż li d-dokument ta’ riflessjoni jiġi ppreżentat lill-CCAMLR f’isem l-Unjoni u f’isem l-Istati Membri tagħha.

28.

Il-Kummissjoni pprotestat kontra l-istipulazzjoni tal-aħħar f’minuti li talbet li tiġi inkluża. Għalkemm iddikjarat li hija lesta taċċetta li d-dokument ta’ riflessjoni jiġi sottomess għand il-CCAMLR f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif kien ġie deċiż mill-Coreper, hija espliċitament irriżervat id-dritt li tieħu miżuri legali.

B.   Kawża C‑659/16

29.

Filwaqt li applikaw il-proċedura ssemplifikata, fit‑30 ta’ Awwissu 2016 id-dipartimenti tal-Kummissjoni għal darba oħra ppreżentaw dokument informali (“non-paper”) lill-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill għas-sajd. Fis‑6 ta’ Settembru 2016, dan id-dokument ġie miżjud b’erba’ abbozzi ta’ proposti għall-ħolqien jew għas-sostenn biex jinħolqu żoni protetti tal-baħar fl-Antartiku, proprju ż-ŻBP diskussa diġà fl‑2015 għall-Baħar ta’ Weddell ( 15 ), sussegwentement ŻBP għall-Baħar ta’ Ross ( 16 ), ŻBP għall-Antartiku tal-Lvant kif ukoll, finalment, aggregazzjoni ta’ żoni speċjali sabiex jiġi rriċerkat b’mod xjentifiku l-irtirar tal-pjattaformi tas-silġ ( 17 ).

30.

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni pproponew li dawn id-dokumenti jiġu ppreżentati lill-CCAMLR f’isem l-Unjoni waħedha, peress li fil-fehma tagħhom dawn kienu jaqgħu taħt il-politika komuni tas-sajd. Sabiex jiġu osservati t-termini applikabbli għat-tressiq ta’ proposti għal-laqgħat annwali tal-CCAMLR, il-Kummissjoni ssottomettiet l-imsemmija dokumenti mal-ewwel mas-Segretarjat tal-CCAMLR, u dan proprju f’isem l-Unjoni waħedha.

31.

Fil-laqgħat tiegħu tal‑15 u tat‑22 ta’ Settembru 2016, il-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill iddiskuta l-kontenut tad-dokument ta’ riflessjoni kif ukoll tal-erba’ proposti u fit‑22 ta’ Settembru 2016 approva l-kontenut tagħhom, iżda kkunsidra li dawn jaqgħu taħt il-politika tal-ambjent u b’hekk huwa meħtieġ li dawn jiġu ppreżentati lill-CCAMLR f’isem l-Unjoni u f’isem l-Istati Membri tagħha. Il-grupp ta’ ħidma kien ukoll tal-fehma li l-proċedura ssemplifikata ma tistax tapplika għal dan il-każ peress li skont is-suġġett tagħha din hija limitata għal kwistjonijiet tal-politika komuni tas-sajd. Il-kwistjoni sussegwentement ġiet imressqa quddiem il-Coreper u mbagħad quddiem il-Kunsill.

32.

Fit-3487 laqgħa tal-Kunsill li saret fil-Lussemburgu fl‑10 ta’ Ottubru 2016, dan approva d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li d-dokument ta’ riflessjoni u l-erba’ proposti jiġu ppreżentati lill-CCAMLR f’isem l-Unjoni. Dan innota wkoll li minn dawn id-dokumenti tirriżulta l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil‑35 laqgħa annwali tal-CCAMLR.

33.

F’dikjarazzjoni inkluża fil-minuti tal-laqgħa, il-Kummissjoni baqgħet tenfasizza li d-dokumenti inkwistjoni kienu jirrigwardaw il-qasam tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. Għalkemm qalet li hija lesta taċċetta li tiċċara fil-konfront tas-Segretarjat tal-CCAMLR li l-imsemmija dokumenti għandhom jitqiesu li ġew sottomessi f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ( 18 ), hija espliċitament irriżervat li tuża rimedji ġudizzjarji.

34.

Fil‑35 laqgħa annwali tagħha fl‑2016 il-CCAMLR iddeċidiet li tadotta tnejn mill-proposti ppreżentati jew sostnuti mill-Unjoni, speċifikament li tiġi stabbilita żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Ross u li jiġu stabbiliti numru ta’ żoni speċifiċi tar-riċerka xjentifika. Iddeċidiet ukoll li tkompli tikkonsulta dwar iż-żewġ proposti tal-Unjoni li kien għad fadal, fosthom l-eventwali stabbiliment ta’ ŻBP fil-Baħar ta’ Weddell.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

35.

Fil-Kawżi C‑626/15 u C‑659/16 il-Qorti tal-Ġustizzja issa hija adita b’żewġ kawżi ta’ rikorsi għal annullament skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fejn il-Kummissjoni u l-Kunsill qegħdin jikkonfrontaw lil xulxin. Il-Kunsill huwa appoġġjat minn għadd ta’ Stati Membri.

A.   Kawża C‑626/15

36.

Fil-Kawża C‑626/15, il-Kummissjoni, permezz ta’ att tat‑23 ta’ Novembru 2015, ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal‑2015.

37.

Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja approva li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jintervjenu f’din il-kawża insostenn tal-Kunsill kif speċifikat fl-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38.

Fil-Kawża C‑626/15, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal‑2015 sa fejn il-Kunsill impona li d-dokument ta’ riflessjoni jiġi ppreżentat f’isem l-Unjoni u f’isem l-Istati Membri tagħha, minflok ma jiġi ppreżentat f’isem l-Unjoni waħedha;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

39.

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill, sostnut mid-disa’ intervenjenti insostenn tiegħu, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors intiż għall-annullament parzjali tad-dokument ta’ riflessjoni bħala inammissibbli, u, fi kwalunkwe każ bħala infondat ( 19 );

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ( 20 ).

B.   Kawża C‑659/16

40.

Fil-Kawża C‑659/16, il-Kummissjoni, permezz ta’ att tal‑20 ta’ Diċembru 2016, ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal‑2016.

41.

Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza li r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jintervjenu f’din il-kawża insostenn tal-Kunsill kif speċifikat fl-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

42.

Fil-Kawża C‑659/16, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal‑2016 sa fejn din tistabbilixxi pożizzjoni li għandha tiġi rrappreżentata f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minflok mill-Unjoni waħedha;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

43.

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill, sostnut mill-għaxar intervenjenti insostenn tiegħu, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata bħala infondat;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ( 21 ).

C.   Proċedura ulterjuri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

44.

Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tressqu noti dwar iż-żewġ rikorsi tal-Kummissjoni. Fl‑10 ta’ Jannar 2017 il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza l-produzzjoni ta’ provi supplimentari mill-Kunsill fil-Kawża C‑626/15. B’deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ssospenda wkoll il-proċedura fil-Kawża C‑626/15 sakemm tiġi konkluża l-proċedura bil-miktub fil-Kawża C‑659/16. Barra minn hekk, b’deċiżjoni tal-President tal-istess jum, iż-żewġ Kawżi C‑626/15 u C‑659/16 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza li ttemm l-istanza.

45.

Is-seduta konġunta li fiha pparteċipaw il-Kummissjoni, il-Kunsill kif ukoll l-intervenjenti insostenn tiegħu, bl-eċċezzjoni tar-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika tal-Finlandja, saret fit‑13 ta’ Marzu 2018.

46.

F’din il-proċedura l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiltaqa’ bħala Awla Manja fuq talba tal-Kunsill imressqa fil-Kawża C‑626/15 skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Kawżi magħquda C‑626/15 u C‑659/16 jiġu assenjati lill-istess kulleġġ ġudikanti.

V. L-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża C‑626/15

47.

Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni tingħata importanza sostanzjali fil-Kawża C‑626/15. Fil-fatt, b’differenza għall-Kawża C‑659/16, il-Kunsill u għadd ta’ intervenjenti tiegħu qegħdin jiċħdu bil-qawwi li d-deċiżjoni tal‑2015 ikkontestata mill-Kummissjoni fil-Kawża C‑626/15 tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 263 TFUE. Essenzjalment iressqu essenzjalment żewġ argumenti insostenn ta’ din l-allegazzjoni: fl-ewwel lok hija inkwistjoni sempliċi deċiżjoni tal-Coreper u mhux deċiżjoni tal-Kunsill; it-tieni nett, din id-deċiżjoni ma ġġibx magħha effetti legali vinkolanti.

A.   L-attribuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata lill-Kunsill

48.

Mingħajr dubju, il-Coreper fih innifsu ma huwiex istituzzjoni tal-Unjoni li ġie ddelegat kompetenzi permezz tat-trattati, iżda huwa organu awżiljari tal-Kunsill li jwettaq kompiti preparatorji u eżekuttivi għalih ( 22 ) (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 240(1) TFUE).

49.

Madankollu, il-fatt li l-Coreper jista’ jieħu biss deċiżjonijiet proċedurali speċifiċi (it-tieni sentenza tal-Artikolu 240(1) TFUE u l-Artikolu 19(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill) u li mill-bqija ma huwiex awtorizzat jeżerċita s-setgħa ta’ deċiżjoni li taqa’ fuq il-Kunsill abbażi tat-trattati ( 23 ), bl-ebda mod ma jeskludi l-verifika tal-azzjonijiet tiegħu mill-qrati tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, l-azzjonijiet tal-Coreper għandhom jiġu attribwiti lill-Kunsill. Jekk il-Coreper jaġixxi b’mod illegali, il-Kunsill irid jerfa’ r-responsabbiltà quddiem il-qrati tal-Unjoni. Din il-perspettiva hija kkorroborata mill-ħsieb tal-protezzjoni ġudizzjarja estensiva u tal-istħarriġ ġudizzjarju estensiv fir-rigward tal-azzjonijiet kollha tal-istituzzjonijiet, korpi u organi oħrajn tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE.

50.

Wieħed irid jikkonċedi li f’ħafna każijiet jeżisti strument legali separat tal-Kunsill li sempliċement ikun ġie ppreparat mill-Coreper. F’dan il-każ, l-istħarriġ ġudizzjarju jorbot ma’ dan l-att tal-Kunsill u l-azzjonijiet preparatorji tal-Coreper ma jkunux ikunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja awtonoma.

51.

Madankollu, ikun każ differenti jekk eċċezzjonalment jaġixxi l-Coreper biss, filwaqt li l-Kunsill jibqa’ inattiv f’livell ministerjali. Tabilħaqq, f’każ bħal dak, il-proċedura rispettiva tiġi konkluża diġà permezz tal-azzjoni tal-Coreper ( 24 ), u l-pożizzjoni tal-Kunsill bħala istituzzjoni tal-Unjoni tiġi definittivament stabbilita bl-azzjoni tal-Coreper ( 25 ). Hekk ġara bl-atti tal‑2015, li fuqhom hija bbażata l-Kawża C‑626/15. Konsegwentement, bħala att ġuridiku li għandu jiġi attribwit lill-Kunsill, id-deċiżjoni tal‑2015 trid tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju mill-qorti tal-Unjoni.

B.   L-effetti legali tad-deċiżjoni tal‑2015

52.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma kkunsidrati bħala “atti li jistgħu jiġu kkontestati” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kull dispożizzjoni adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun il-forma tagħha, li għandhom bħala għan li jipproduċu effetti legali vinkolanti ( 26 ).

53.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-att ikkontestat jipproduċix (jew għandux l-għan li jipproduċi) tali effetti, għandha tiġi studjata s-sustanza tiegħu ( 27 ), li għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi. Ma’ dawn jappartjeni qabelxejn il-kontenut ta’ dan l-istess att, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll tas-setgħat tal-parti li tkun adottatu ( 28 ). L-intenzjoni tal-parti li tkun adottatu wkoll hija importanti ( 29 ), bil-kundizzjoni li din tkun tista’ tiġi ddeterminata b’mod oġġettiv.

54.

B’differenza għal dak li jidher li jemmen il-Kunsill, dan kollu ma jirrigwardax il-kwistjoni ta’ jekk id-dokument ta’ riflessjoni mgħoddi lill-CCAMLR jistax jiġi kkontestat fih innifsu. Pjuttost, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tal-Coreper adottata fl‑2015, jiġifieri li dan id-dokument ta’ riflessjoni jiġi ppreżentat lill-CCAMLR f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, tipproduċix effetti legali vinkolanti bil-konsegwenza li tista’ tikkwalifika bħala att li jista’ jiġi kkontestat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 263 TFUE.

55.

L-ewwel nett, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut tad-deċiżjoni tal‑2015, dan jippreskrivi li d-dokument ta’ riflessjoni għall-ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Weddell ser jiġi ppreżentat lill-CCAMLR f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha b’mod konġunt u mhux f’isem l-Unjoni waħedha. Din il-konstatazzjoni timplika bis-saħħa li d-deċiżjoni tal‑2015 ipproduċiet effetti ġuridiċi, peress li rrestrinġiet l-għażliet ta’ politika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fl-okkażjoni tal‑34 laqgħa annwali tal-CCAMLR fl‑2015. B’mod partikolari, din id-deċiżjoni ċaħdet lill-Kummissjoni milli tagħmel użu mill-kompetenza tagħha tar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni (is-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE) b’mod differenti minn preżenza internazzjonali konġunta flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati Membri.

56.

Fir-rigward tal-kuntest li fih ittieħdet id-deċiżjoni tal‑2015, għandu jsir riferiment għall-pożizzjoni multiannwali adottata mill-Kunsill fl‑2014 ( 30 ). F’din il-pożizzjoni, il-“korpi preparatorji” tal-Kunsill espliċitament huma ddelegati setgħa ta’ eżami u ta’ deċiżjoni, bil-għan li l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar ċerti kwistjonijiet li jkunu ser jiġu diskussi matul il-laqgħat annwali tal-CCAMLR tiġi speċifikata fi “proċedura ssemplifikata”. Id-dokument ta’ riflessjoni kontenzjuż fil-Kawża C‑626/15 kien ġie ppreżentat lill-Coreper speċifikament fil-kuntest ta’ din il-proċedura ssemplifikata. Din iċ-ċirkustanza wkoll tissuġġerixxi l-preżunzjoni li d-deċiżjoni tal‑2015 ipproduċiet effetti legali vinkolanti.

57.

Fl-aħħar nett. l-istess japplika għall-intenzjoni tal-attur tal-att: hemm qbil bejn il-partijiet li bid-deċiżjoni tiegħu tal‑2015 il-Coreper ried jistabbilixxi l-pożizzjoni konkreta li r-rappreżentanti tal-Unjoni kellhom jadottaw b’mod speċifiku f’livell internazzjonali fil-kuntest tal‑34 laqgħa annwali tal-CCAMLR.

58.

Għaldaqstant għandu jiġi preżunt li d-deċiżjoni tal‑2015 kellha tipproduċi, u fil-fatt ipproduċiet, effetti legali vinkolanti.

C.   Fuq l-argumenti kuntrarji tal-Kunsill u ta’ ċerti partijiet intervenjenti

59.

Il-Kunsill u wħud mill-intervenjenti essenzjalment qegħdin jikkontestaw l-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat fil-Kawża C‑626/15 billi jinvokaw żewġ argumenti kuntrarji.

1. Is-setgħat tal-Kummissjoni u tal-Kunsill skont l-Artikoli 16 u 17 TUE

60.

L-ewwel nett, il-partijiet involuti josservaw li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) TUE, il-Kunsill huwa responsabbli għall-istabbiliment tal-politika tal-Unjoni, anki u proprju fir-rigward tal-azzjoni esterna tagħha u tar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni li għandha titwettaq mill-Kummissjoni skont is-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE ( 31 ).

61.

Madankollu, dan l-argument huwa ineffettiv. Dan għaliex l-eżistenza, kompletament mhux ikkontestata, ta’ setgħa tal-Kunsill skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) TUE bl-ebda mod ma teskludi li l-ispeċifikazzjonijiet tal-Kunsill, adottati abbażi ta’ din is-setgħa, fir-rigward tal-azzjoni esterna tal-Unjoni jipproduċu effetti legali u li jkunu jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati tal-Unjoni. B’mod għalkollox kuntrarju, dan jimplika li tali dispożizzjonijiet jipproduċu effetti ġuridiċi għad-deċiżjoni li kull darba tkun inkwistjoni u jagħmluha att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE.

2. L-istabbiliment ta’ pożizzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE

62.

It-tieni nett, il-Kunsill u xi Stati Membri jsostnu li d-deċiżjoni tal‑2015 hija nieqsa minn effetti ġuridiċi peress li fiha ma kinitx ġiet stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 218(9) TFUE. Dawn jiġġustifikaw il-fehma tagħhom bil-fatt li fl‑34 laqgħa annwali tal-CCAMLR kien għadu mhux mitlub li tittieħed deċiżjoni formali dwar żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Weddell, u li d-dokument ta’ riflessjoni kkontestat kellu sempliċiment jiġi ppreżentat lill-CCAMLR biex jiġi ppreparat l-eventwali teħid ta’ deċiżjoni fil-futur.

63.

Din l-argument ukoll ma huwiex konvinċenti, proprju minħabba żewġ raġunijiet.

64.

L-ewwel nett, l-Artikolu 218(9) TFUE għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’ ( 32 ). Pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan it-tifsira tal-imsemmija dispożizzjoni bl-ebda mod ma għandha tiġi stabbilita biss jekk f’organu internazzjonali jkun imminenti l-adozzjoni konkreta ta’ deċiżjoni dwar att li jkollu effetti ġuridiċi, iżda anki meta l-Unjoni tkun trid tagħti bidu għal dibattitu jew tkun trid tipparteċipa f’tali dibattitu fuq livell ta’ dan l-organu internazzjonali, dibattitu li possibbilment jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ att b’effetti ġuridiċi ( 33 ). Tabilħaqq, l-għan tal-Artikolu 218(9) TFUE huwa li jiżgura li l-Unjoni titkellem b’vuċi waħda matul il-proċess sħiħ tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-organu internazzjonali inkwistjoni u li l-kontribuzzjonijiet tagħha fil-kuntest tal-imsemmi proċess ikunu awtorizzati mill-istituzzjonijiet kompetenti tagħha.

65.

Min-naħa l-oħra, il-Kunsill jista’ jqis li, anki lil hinn mill-oqsma rregolati fl-Artikolu 218(9) TFUE, ikun xieraq li tiġi stabbilita pożizzjoni komuni tal-Unjoni għall-preżenza f’organu internazzjonali, sabiex jingħad fuq bażi volontarja. Jekk jagħmel dan il-pass, din il-pożizzjoni tkun vinkolanti u titlob kooperazzjoni leali mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni (it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE) kif ukoll mill-Istati Membri (Artikolu 4(3) TUE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 191(4) TFUE).

66.

Konsegwentement, anki jekk wieħed ma jqisx li d-deċiżjoni tal‑2015 tikkostitwixxi definizzjoni vinkolanti ta’ pożizzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE, iżda biss stabbiliment volontarju ta’ pożizzjoni komuni li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE, b’ħarsa lejn dibattitu li huwa mistenni jibda f’organu internazzjonali, l-effetti legalment rilevanti ta’ din id-deċiżjoni xorta waħda ma jistgħux jiġu miċħuda. Dan japplika wisq iktar sa fejn il-preżentazzjoni konġunta tad-dokument ta’ riflessjoni f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha setgħet tat l-impressjoni, lill-CCAMLR u lill-Istati partijiet l-oħra tal-Konvenzjoni ta’ Canberra, li l-ħolqien possibbli ta’ żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Weddell ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, jew li fi kwalunkwe każ l-Unjoni ma tistax taġixxi waħedha dwar dan is-suġġett. Dan huwa biżżejjed għall-preżunzjoni ta’ effetti legali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 263 TFUE ( 34 ).

D.   Konklużjoni intermedjarja

67.

B’hekk, bħala konklużjoni, id-deċiżjoni tal‑2015 tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 263 TFUE. Minn dan isegwi li r-rikors tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑626/15 huwa ammissibbli.

VI. Fuq il-fondatezza tar-rikorsi fil-Kawżi C‑626/15 u C‑659/16

68.

Iż-żewġ rikorsi fil-Kawżi C‑626/15 u C‑659/16 huma fondati sa fejn jirriżulta li fid-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016, il-Kunsill inġustament obbliga lill-Kummissjoni biex tippreżenta d-dokumenti u l-pożizzjonijiet inkwistjoni dwar żoni protetti tal-baħar previsti lill-CCAMLR f’isem l-Unjoni u f’isem l-Istati Membri tagħha. Għalhekk, fi kliem ieħor, għandu jiġi ċċarat jekk l-Unjoni setgħetx tieħu sehem fid-diskussjonijiet u fit-teħid ta’ deċiżjoni mill-CCAMLR anki waħedha f’isimha stess – jiġifieri mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri tagħha – kif kien ġie propost mill-Kummissjoni.

69.

Il-Kummissjoni takkuża lill-Kunsill li ppreġudika l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni li tieħu azzjoni waħedha fuq livell internazzjonali, billi baqa’ jisħaq fuq azzjoni konġunta tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Kemm fil-Kawża C‑626/15 kif ukoll fil-Kawża C‑659/16, il-Kummissjoni tressaq żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill kiser il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd skont l-Artikolu 3(1)(d) TFUE (l-ewwel motiv), u, fit-tieni lok, dan allegatament ma rrikonoxxiex l-eżistenza ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont it-tielet parti tal-Artikolu 3(2) TFUE minħabba r-riskju li l-miżura ppjanata tista’ taffettwa jew tbiddel il-portata ta’ regoli komuni (prinċipju ERTA, it-tieni motiv).

70.

L-eżitu taż-żewġ motivi, fl-aħħar mill-aħħar, jiddependi mill-bażi legali materjali li kienet rilevanti għad-deċiżjonijiet tal‑2015 u l‑2016 u minn jekk din il-bażi legali tippermettix jew saħansitra titlobx li fil-kuntest tal-CCAMLR l-Unjoni tkun preżenti waħedha. Skont il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi ta’ għoti (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(2) TUE flimkien mal-Artikolu 4(1) TUE), tali bażi legali ma hijiex biss meħtieġa għall-azzjoni interna tal-Unjoni, iżda anki għall-azzjoni esterna tagħha ( 35 ). L-għażla tal-bażi legali xierqa hija ta’ importanza kostituzzjonali ( 36 ).

A.   L-ewwel motiv: Artikolu 3(1)(d) TFUE

71.

Bl-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment qiegħda ssostni li l-Unjoni waħedha kienet kompetenti għad-dokumenti li kellhom jiġu sottomessi għand il-CCAMLR, kif ukoll għall-kwistjonijiet eżaminati dwar iż-żoni protetti tal-baħar previsti li kellhom jiġu diskussi fil-laqgħat annwali tal‑2015 u l‑2016 ta’ dan l-organu, peress li kollha kemm huma jirrigwardaw il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd u b’hekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3(1)(d) TFUE.

72.

Huwa minnu li fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd huma previsti miżuri għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar (Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1380/2013). Dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni mhux neċessarjament iridu jkunu ristretti għall-ilmijiet tal-Unjoni, iżda jistgħu japplikaw ukoll barra minn dawn l-ilmijiet, bħala parti mill-politika estera tas-sajd, sa fejn dawn jikkonċernaw l-attivitajiet ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jew taċ-ċittadini tal-Istati Membri (Artikolu 1(2)(c) u (d) kif ukoll Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1380/2013) ( 37 ).

73.

Madankollu, il-politika komuni tas-sajd bl-ebda mod ma hija l-uniku punt ta’ rbit immaġinabbli fir-rigward ta’ miżuri tal-Unjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. Huwa minnu li minn lenti storika din ta’ spiss kienet is-sedes materiae għall-miżuri ta’ konservazzjoni li kellhom jittieħdu fuq livell Ewropew ( 38 ). Madankollu, kif turi ħarsa lejn l-Artikolu 3(1)(d) TFUE ( 39 ), it-trattati tal-lum espliċitament jagħmlu distinzjoni bejn miżuri li huma intiżi għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar li jittieħdu fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd u miżuri intiżi għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar li jittieħdu fil-qafas ta’ politiki oħrajn tal-Unjoni.

74.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma huwiex sorprendenti li l-Kunsill u l-intervenjenti huma tal-fehma li ż-żoni protetti tal-baħar previsti fil-kuntest tal-CCAMLR ma jaqgħux taħt il-politika komuni tas-sajd, iżda pjuttost taħt il-politika tal-ambjent u possibbilment ir-riċerka, li huma oqsma fejn il-kompetenzi huma kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri (Artikolu 4(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4(2)(e) u mal-Artikolu 4(3) TFUE).

75.

Iż-żewġ naħat jiddefendu l-argumenti rispettivi tagħhom b’entużjażmu liema bħalu. Il-Kunsill u wħud mill-intervenjenti tiegħu qegħdin jakkużaw b’mod sottili lill-Kummissjoni li din qiegħda tagħmel minn kollox biex tipprekludi l-preżenza internazzjonali tal-Istati Membri, filwaqt li l-Kunsill qiegħed jiġi akkużat mill-Kummissjoni li b’mod ossessiv qiegħed ifittex bażijiet legali li dejjem jagħmlu possibbli l-azzjoni tal-Istati Membri flimkien mal-Unjoni.

76.

Nixtieq nosserva li l-għażla tal-bażi legali għandha tiffoka biss fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li jinkludu b’mod partikolari l-għan u l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża ( 40 ), kif ukoll il-kuntest ta’ din id-deċiżjoni ( 41 ).

77.

Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet suġġettivi u l-għanijiet politiċi ġenerali tal-atturi li jkunu qegħdin jaġixxu ma għandhomx rilevanza fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali ( 42 ). Jekk meta jiġi biex jistabbilixxi l-bażi legali għal att tal-Unjoni fil-qasam tal-azzjoni esterna l-Kunsill ikollu l-intenzjoni li jipprevjeni l-preżenza tal-Unjoni waħedha u li jippermetti l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri flimkien mal-Unjoni, dan l-approċċ saħansitra jista’ jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter fi ħdan it-tifsira tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

78.

Bl-istess mod, ma tistax tkun ta’ rilevanza l-bażi legali li ġiet applikata għall-adozzjoni ta’ atti oħrajn tal-Unjoni li possibbilment għandhom karatteristiċi simili jew li huma marbuta mill-qrib mad-deċiżjonijiet kontenzjużi ( 43 ) (pereżempju l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Canberra f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-parteċipazzjoni tal-Komunità jew tal-Unjoni f’deċiżjonijiet preċedenti tal-CCAMLR). Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sempliċi prattika tal-Kunsill ma tistax tidderoga mir-regoli tat-trattati u konsegwentement ma tistax toħloq preċedent li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 44 ).

1. In-neċessità ta’ approċċ ibbażat fuq iċ-ċentru ta’ gravità tal-miżura

79.

Dan il-każ juri partikolarment biċ-ċar li l-ħolqien ippjanat ta’ żoni protetti tal-baħar fl-Antartiku huwa relatat kemm mal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd kif ukoll mal-oqsma speċifiċi tal-ambjent u tar-riċerka rregolati fit-TFUE. Dan għaliex, minn naħa waħda, iż-żoni protetti tal-baħar previsti fil-kuntest tal-CCAMLR għandhom l-għan tal-konservazzjoni u tar-riċerka dwar ir-riżorsi marini ħajjin tal-Antartiku (Artikolu II(1) tal-Konvenzjoni ta’ Canberra), jiġifieri għan ambjentali u possibbilment ta’ riċerka u, min-naħa l-oħra għandhom jagħmlu possibbli użu razzjonali ta’ dawn ir-riżorsi (Artikolu II(2) tal-Konvenzjoni ta’ Canberra), jiġifieri qabda tal-ħut li tieħu kont partikolari tal-aspetti ta’ sostenibbiltà.

80.

Konsegwentement, sabiex tinvolvi ruħha fil-ħolqien taż-żoni protetti tal-baħar previsti, l-Unjoni teoretikament tista’ tinvoka kemm il-kompetenzi tagħha fil-kuntest tal-politika tal-ambjent (Titolu XX tat-Trattat FUE ( 45 )), kif ukoll possibbilment fil-kuntest tal-politika ta’ riċerka (Titolu XIX tat-Trattat FUE), kif ukoll dawk relatati mal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd (Titolu III tat-Trattat FUE), filwaqt li l-kompetenza tal-aħħar għandha tiġi eżerċitata billi jitqiesu bħala determinanti l-bżonnijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent skont il-klawżola trażversali inkluża fl-Artikolu 11 TFUE, u ssegwi approċċ ibbażat fuq l-ekosistema (Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1380/2013).

81.

Il-ġurisprudenza stabbilita dwar l-azzjoni interna kif ukoll dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni tipprovdi li, f’tali sitwazzjoni, fejn jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ bażijiet legali, għandha ssir kunsiderazzjoni ta’ aspett partikolari. Fil-fatt jekk – kif ġara hawnhekk – att ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn huwa identifikabbli bħala dak prinċipali jew predominanti, waqt li l-ieħor ma huwiex għajr aċċessorju, dan l-att irid ikun ibbażat fuq bażi legali waħda biss, jiġifieri dik mitluba mill-iskop jew mill-komponent prinċipali jew predominanti. Eċċezzjonalment biss miżura għandha tkun ibbażata fuq diversi bażijiet legali simultanjament, proprju meta din tfittex li tilħaq diversi skopijiet simultanjament jew għandha diversi komponenti simultanjament li huma marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed huwa anċillari għal ieħor ( 46 ).

82.

Kif diġà spjegajt banda oħra ( 47 ), huwa minnu li dan l-approċċ iffokat fuq iċ-ċentru ta’ gravità tal-miżura ma għandux, fuq il-livell tad-delimitazzjoni vertikali tal-kompetenzi, iwassal għal estensjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni għad-dannu ta’ dawk tal-Istati Membri; inkella jiġi ppreġudikat il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) TUE u Artikolu 5(2) TUE, flimkien mal-Artikolu 4(1) TUE). Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ta’ aspett partikolari awtomatikament tapplika fid-delimitazzjoni orizzontali, jiġifieri fejn huwa stabbilit li l-Unjoni għandha kompetenzi għall-komponenti kollha ta’ att previst minnha u fejn tkun ikkonċernata biss l-għażla korretta bejn dawn is-setgħat.

83.

Dan huwa l-każ hawnhekk: mingħajr ebda dubju l-Unjoni għandha kompetenzi fil-qasam tal-ambjent, tar-riċerka u tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd li, meta kkunsidrati, flimkien, ċertament huma biżżejjed sabiex fil-kuntest tal-CCAMLR tkun tista’ tipparteċipa fil-miżuri kollha li kellhom x’jaqsmu mad-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u l‑2016 – jiġifieri fid-diskussjoni u fit-teħid ta’ deċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-ħolqien ta’ diversi żoni protetti tal-baħar fl-Antartiku. Il-partijiet fil-proċedura sempliċement ma humiex qegħdin jaqblu bejniethom dwar liema minn dawn il-kompetenzi tal-Unjoni kellha tiġi invokata predominantement, bil-konsegwenzi kollha li din setgħet iġġib magħha fir-rigward tal-kwistjoni ta’ preżenza awtonoma tal-Istati Membri fuq livell internazzjonali flimkien mal-Unjoni.

2. Ir-rwol subordinat tar-riċerka fil-kuntest taż-żoni protetti tal-baħar

84.

F’dak li, fl-ewwel lok, jikkonċerna l-aspett tar-riċerka, fil-fehma tiegħi dan kellu biss rwol subordinat fir-rigward tal-miżuri kollha previsti tal-CCAMLR li ġew ittrattati fid-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016.

85.

Huwa minnu li ż-żoni protetti tal-baħar ippjanati fir-reġjun Antartiku kellhom ukoll il-mira li jippermettu riċerka mtejba tal-ekosistemi tal-baħar ta’ hemmhekk. Konsegwentement, ir-riċerka tissemma kemm-il darba fid-dokumenti kontenzjużi ( 48 ). Madankollu, l-attivitajiet ta’ riċerka previsti ma humiex għan fih innifsu, iżda min-naħa tagħhom iservu l-għan ġenerali tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi ħajjin tal-Antartiku, li l-CCAMLR hija impenjata li tirrealizza konformement mar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Canberra u tat-Trattat fuq l-Antartiku. Għalhekk, ir-riċerka fil-kuntest taż-żoni protetti tal-baħar ippjanati għandha orjentazzjoni ġenwinament ambjentali u, fl-aħħar mill-aħħar, għandha titqies biss bħala miżura ta’ sostenn li sservi l-protezzjoni tal-ambjent.

86.

Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata tal‑2016 ma japplika xejn differenti għaż-żoni speċjali previsti sabiex issir riċerka fuq l-irtirar tal-pjattaformi tas-silġ. Wieħed irid jikkonċedi li prima facie d-deskrizzjoni espliċita ta’ dawn iż-żoni bħala “żoni ta’ riċerka” jaf tindika li fi kwalunkwe każ ser ikun dominanti l-aspett ta’ riċerka. Madankollu, meta wieħed jeżamina iktar fil-fond, jinduna li l-intenzjoni f’dawn iż-żoni speċjali pjuttost hija li jiġu rriċerkati l-ekosistemi u d-diżastri naturali b’ħarsa lejn protezzjoni tal-klima mtejba u protezzjoni mtejba tal-flora u l-fawna fl-Antartiku. B’hekk, anki hawnhekk, il-qofol huwa l-protezzjoni tal-ambjent u mhux ir-riċerka fiha nnifisha.

87.

Għalhekk, kollox ma’ kollox, il-komponenti ta’ riċerka tad-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u l‑2016 għandhom jitqiesu bħala sekondarji, b’tali mod li kellhiex tiġi applikata bażi legali ta’ riċerka għall-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, lanqas f’kombinazzjoni ma’ bażijiet legali oħra.

3. Il-predominanza tal-aspett ambjentali fil-konfront tal-aspett tas-sajd

88.

Il-qofol tal-interess ta’ din il-kawża huwa d-delimitazzjoni bejn il-politika ambjentali u l-politika tas-sajd. Dan l-aspett, li bir-raġun qiegħed jingħata l-attenzjoni prinċipali mill-partijiet involuti fil-Kawżi C‑626/15 u C‑659/16, sa issa ġie ttrattat b’mod marġinali biss fil-ġurisprudenza ( 49 ), bil-konsegwenza li sa issa bilkemm ġew żviluppati kriterji ċari u li jistgħu jiġu applikati fil-prattika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet sempliċiment li miżura ma għandhiex titqies bħala att fil-qasam tal-ambjent minħabba s-sempliċi fatt li tieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-protezzjoni tal-ambjent, għax dawn il-bżonnijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-oqsma kollha tal-politika, abbażi tal-klawżola trasversali stabbilita fl-Artikolu 11 TFUE tal-lum ( 50 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-dispożizzjonijiet tat-trattati dwar il-politika ambjentali ma jaffettwawx il-kompetenzi kkonferiti lill-Unjoni abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-trattati ( 51 ).

89.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sa issa ttrattat ħafna iktar spiss il-kwistjoni ta’ kif għandha ssir delimitazzjoni bejn is-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni (Artikolu 207(1) TFUE) u dawk f’oqsma politiċi oħra, l-aħħar u mhux l-inqas il-politika ambjentali (Artikolu 192 TFUE) ( 52 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sempliċi fatt li att tal-Unjoni jista’ jkollu ċerti implikazzjonijiet fuq il-kummerċ ma’ Stat terz wieħed jew iktar ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dan l-att jaqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni; min-naħa l-oħra, tali att huwa ta’ natura kummerċjali jekk jikkonċerna speċifikament dan il-kummerċ sa fejn ikun intiż essenzjalment li jinkoraġġixxih, jiffaċilitah jew jirregolah u jkollu effetti diretti u immedjati fuqu ( 53 ).

90.

Dawn il-kriterji mutatis mutandis jistgħu jservu wkoll ta’ linji gwida għad-delimitazzjoni li għandha ssir hawnhekk bejn il-politika tas-sajd u l-politika tal-ambjent. Jekk wieħed jibbaża fuqhom, is-sempliċi fatt li att tal-Unjoni jista’ jkollu ċerti implikazzjonijiet fuq is-sajd ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li dan l-att jaqa’ taħt il-politika komuni tas-sajd. Tali att pjuttost jista’ jitqies biss bħala miżura ġenwinament relatata mal-qasam tal-politika tas-sajd jekk dan

jirrigwarda speċifikament l-attivitajiet tas-sajd għax essenzjalment għandu l-għan li jinkoraġġiha, jiffaċilitaha jew jirregolaha, u

jipproduċi effetti diretti u immedjati fuq l-attivitajiet tas-sajd.

91.

Mill-banda l-oħra, att tal-Unjoni ma jistax jitqies bħala parti mill-politika ambjentali minħabba s-sempliċi fatt li jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent – kif dejjem għandu jkun il-każ skont l-Artikolu 11 TFUE – iżda biss meta l-protezzjoni tal-ambjent tkun fil-qofol.

92.

Jekk wieħed jikkunsidra l-għanijiet, il-kontenut u l-kuntest ( 54 ) tad-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u l‑2016 fid-dawl tal-imsemmija kriterji, ma jistax jiġi miċħud li ż-żoni protetti tal-baħar previsti fl-Antartiku, bil-projbizzjonijiet u restrizzjonijiet tagħhom relatati mas-sajd, għandhom implikazzjonijiet diretti u immedjati fuq l-attività tas-sajd. Madankollu, fl-ebda waħda minn dawn iż-żoni protetti tal-baħar ma jispikkaw il-promozzjoni, il-faċilitazzjoni jew tal-inqas ir-regolamentazzjoni tas-sajd; għall-kuntrarju, b’konsegwenza ta’ sensiela sħiħa ta’ miżuri ambjentali, is-sajd huwa għalkollox ipprojbit għal numru ta’ deċennji f’subżoni partikolari filwaqt li l-iktar l-iktar huwa ttollerat b’ċerti limiti f’subżoni oħra.

93.

L-għan prinċipali taż-żoni protetti tal-baħar previsti huwa li jiġu kkonservati, irriċerkati u protetti l-ekosistemi, il-bijodiversità u l-habitats fl-Antartiku kif ukoll li jiġu miġġielda l-effetti dannużi tal-bidla fil-klima f’dan ir-reġjun li huwa ta’ importanza kunsiderevoli għall-klima globali ( 55 ). L-ispeċi tal-annimali li għandhom jiġu protetti bl-ebda mod ma huma dawk biss li huma suġġetti għas-sajd kummerċjali, iżda jinkludu pereżempju għasafar (inklużi l-pingwini) u mammiferi tal-baħar (bħal pereżempju l-foki u l-baleni).

94.

Huwa minnu li mil-lat sostantiv huwa minnu li d-dispożizzjonijiet ippjanati tal-CCAMLR għall-ħolqien tad-diversi żoni protetti tal-baħar jittrattaw b’mod intensiv ir-regolamentazzjoni tal-attivitajiet ta’ bastimenti tas-sajd, iżda b’tali mod li s-sajd hemmhekk huwa fil-biċċa l-kbira pprojbit u huwa permess biss eċċezzjonalment f’ċerti subżoni żgħar u taħt obbligi stretti ( 56 ). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni bl-ebda mod ma jillimitaw biss l-attivitajiet relatati mas-sajd, iżda jipprojbixxu wkoll pereżempju d-depożitu jew ir-rimi tal-iskart ( 57 ). Huwa wkoll previst li jiġi rriċerkat kif jiżviluppaw l-ekosistemi li jinsabu f’subżoni ta’ żoni protetti tal-baħar b’attivitajiet ta’ sajd u f’subżoni mingħajr dawn l-attivitajiet ( 58 ); din ma hijiex miżura ġenwinament relatata mal-politika tas-sajd.

95.

Il-kuntest taż-żoni protetti tal-baħar previsti wkoll ma huwiex ikkaratterizzat biss mill-politika tas-sajd, iżda jinkludi wkoll kunsiderazzjonijiet ġenerali għall-protezzjoni tal-ambjent. Huwa minnu li s-sajd għandu rwol ħafna iktar prominenti fil-Konvenzjoni ta’ Canberra milli fir-rigward ta’ ftehimiet internazzjonali oħrajn li għandhom x’jaqsmu mat-Trattat fuq l-Antartiku, pereżempju l-Protokoll ta’ Madrid dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ( 59 ). Kif tosserva korrettament il-Kummissjoni, ir-regolamentazzjoni tas-sajd b’ħarsa lejn użu razzjonali tar-riżorsi marittimi ħajjin tal-Antartiku, anki bħala sors tal-proteini, fil-Konvenzjoni ta’ Canberra tingħata sinjifikat li ma għandux jiġi ssottovalutat (ara Artikolu II(2) u (3) ta’ din il-konvenzjoni ( 60 )). Minkejja dan, anki fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Canberra, il-partijiet kontraenti, u b’hekk il-membri tal-CCAMLR li jiddeċiedu dwar il-ħolqien ta’ żoni protetti tal-baħar fl-Antartiku, iġorru responsabbiltà għall-protezzjoni tal-ambjent Antartiku kontra l-forom kollha ta’ interferenza noċiva umana li tmur lil hinn mid-dimensjoni purament ekonomika (ara l-Artikolu V(2) tal-Konvenzjoni ta’ Canberra moqri flimkien mal-Artikolu IX(1)(f) tat-Trattat fuq l-Antartiku ( 61 )). Bla dubju li tali interferenzi negattivi kkawżati mill-bniedem jistgħu jipproduċu ruħhom mhux biss mis-sajd; il-Kunsill korrettament jinnota t-tħaffir possibbli għall-estrazzjoni tar-riżorsi minerali. Nimmaġina wkoll li f’xi mument jew ieħor jista’ jiġi diskuss it-twaqqif ta’ turbini eoliċi.

96.

Għaldaqstant, iż-żoni protetti tal-baħar previsti għall-Antartiku, li ġew ittrattati fid-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016, jikkostitwixxu proġetti ta’ politika tal-ambjent u mhux miżuri ta’ konservazzjoni fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd.

97.

Jista’ jkun il-każ li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ambjent għandhom rwol sinjifikattiv anki fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd u li, f’dan il-każ, wasslu għall-adozzjoni ta’ approċċ orjentat lejn is-sostenibbiltà u bbażat fuq l-ekosistema (Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1380/2013), kif titlob il-klawżola orizzontali tal-Artikolu 11 TFUE. Fl-istess waqt, abbażi tal-qofol tagħhom, iż-żoni protetti tal-baħar tal-Antartiku, li lilhom kienu ddedikati d-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016 hawnhekk, ma humiex irrappreżentati bħala miżuri ta’ politika settorjali tas-sajd bi ħsieb ambjentali, iżda bħala miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent li jipproduċu effetti – partikolarment sensittivi – fuq is-sajd.

98.

Għaldaqstant, il-Kunsill korrettament ma bbażax id-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016 fuq il-kompetenzi tal-Unjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd, iżda biss fuq il-politika ambjentali.

99.

B’hekk, din il-kawża hija differenti ħafna mill-kawża pendenti Deutscher Naturschutzring ( 62 ), li fiha ma huwiex ikkonċernat il-ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar fit-totalità tagħha, iżda sempliċement miżuri selettivi għall-implimentazzjoni tar-regoli li japplikaw għas-settur tas-sajd f’din iż-żona protetta. Jagħmel sens li tali miżuri speċifiċi ta’ implimentazzjoni jiġu bbażati fuq il-bażijiet legali fil-qasam tal-politika tas-sajd, filwaqt li miżuri ta’ implimentazzjoni oħrajn b’natura ambjentali qawwi jiġu bbażati fuq il-politika ambjentali.

4. L-eżitu tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni f’każ ta’ identifikazzjoni ta’ bażi legali differenti minn dik ippreferuta mill-Kummissjoni

100.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi, l-argument tal-Kummissjoni, sa fejn issostni li l-bażi legali materjali għad-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016 tinsab fil-kompetenza tal-Unjoni li tikkonserva r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd, ma jistax jintlaqa’; għall-kuntrarju, hija kkonfermata l-fehma tal-Kunsill u tal-intervenjenti, jiġifieri li kellu jsir riferiment għall-kompetenzi tal-Unjoni li jiġu applikati fil-qasam ta’ politika ambjentali.

101.

Fl-istess waqt huwa prematur li l-ewwel motiv fil-Kawżi C‑626/15 u C‑659/16 jiġi miċħud minħabba s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni skorrettement tinvoka fih u l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni li tikkonserva r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd (Artikolu 3(1)(d) TFUE). Dan għaliex il-punt attwali u ħafna iktar fundamentali li l-Kummissjoni tqajjem bl-ewwel motiv tagħha huwa wieħed differenti: kif jirriżulta kemm mill-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll dawk orali tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni qiegħda tilmenta li fid-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u l‑2016 il-Kunsill obbligaha tippreżenta d-dokumenti kkontestati lill-CCAMLR f’isem l-Unjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha, għalkemm kien possibbli u suffiċjenti li l-Unjoni tagħmel azzjoni waħedha.

102.

Kif ser nispjega f’dak li ġej, dan il-punt ċentrali tal-Kummissjoni huwa validu wkoll, anki jekk konformement mal-opinjoni legali tal-Kunsill u tal-intervenjenti, id-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u l‑2016 jiġu attribwiti lill-politika ambjentali u mhux lill-politika komuni tas-sajd ippreferuta mill-Kummissjoni. Fil-qafas tal-politika ambjentali la kienet teżisti n-neċessità legali ta’ parteċipazzjoni tal-Istati Membri flimkien mal-Unjoni permezz ta’ azzjoni konġunta fi ħdan il-CCAMLR (ara, f’dan ir-rigward, Taqsima a iktar ’il quddiem) u lanqas ma kien jifdal lok għal parteċipazzjoni volontarja tal-Istati Membri (ara, f’dan ir-rigward, Taqsima b iktar ’il quddiem).

103.

Il-prinċipju ta’ “ne ultra petita” ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tilqa’ l-ewwel motiv invokat fil-Kawżi C‑626/15 u C‑659/16 b’motivazzjoni differenti minn dik imressqa mill-Kummissjoni nnifisha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex “ħalq il-partijiet” ( 63 ). Konsegwentement, hija ma tistax tkun marbuta biss bl-argumenti invokati mill-partijiet insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, għax inkella hija taf tkun qiegħda tibbaża d-deċiżjoni tagħha, jekk ikun il-każ, fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati ( 64 ).

a) L-ebda neċessità legali ta’ parteċipazzjoni tal-Istati Membri

104.

Huwa minnu li, skont l-Artikolu 4(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4(2)(e) TFUE, il-politika ambjentali tappartjeni għall-kompetenzi kondiviżi li la l-Unjoni u lanqas l-Istati Membri ma jistgħu jagħmlu użu esklużiv minnhom. Madankollu, l-eżistenza ta’ kompetenza kondiviża mhux neċessarjament tfisser li fil-qasam estern dejjem irid ikun hemm preżenza mħallta tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fejn l-Unjoni bilfors tkun tiddependi mill-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fl-azzjoni esterna tagħha.

105.

L-Avukat Ġenerali Szpunar ġabar din il-kwistjoni fil-qosor b’mod ferm preċiż ( 65 ): “kompetenza kondiviża” u “ftehim imħallat” (jew, b’analoġija għall-każ ineżami, “preżenza mħallta fuq il-livell estern”) huma żewġ kwistjonijiet differenti ( 66 ).

106.

Jaf huwa minnu li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet li fihom l-Unjoni tidher waħedha fuq livell internazzjonali, din ikollha kompetenza esterna esklużiva skont l-Artikolu 3(1) jew (2) TFUE. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali kompetenza esklużiva ma hijiex kundizzjoni neċessarja sabiex l-Unjoni tkun tista’ tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma’ Stati terzi jew taġixxi f’organi internazzjonali, jiġifieri mingħajr l-Istati Membri maġenbha.

107.

B’mod konformi għalkollox ma’ din il-kunsiderazzjoni, kien biss reċentement li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha dwar it-trasport internazzjonali bil-ferrovija, l-hekk imsejħa sentenza COTIF, espressament irrifjutat l-idea li f’qasam li fih il-kompetenzi huma kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma jistax ikun hemm kompetenzi esterni tal-Unjoni, sakemm dawn il-kompetenzi kondiviżi ma jkunux saru kompetenzi esklużivi skont il-mekkaniżmu tal-Artikolu 3(2) TFUE (jiġifieri essenzjalment skont il-prinċipju ERTA) ( 67 ). Mill-imsemmija sentenza jista’ jiġi dedott ukoll li ftehimiet internazzjonali saħansitra jistgħu jiġu approvati mill-Unjoni waħedha, anki jekk ikunu jaqgħu f’qasam li għandu kompetenza kondiviża, bil-kundizzjoni li fil-Kunsill ikun hemm il-maġġoranza meħtieġa għal tali approċċ ( 68 ).

108.

Irid ikun hemm preżenza konġunta tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fuq livell internazzjonali biss jekk l-Unjoni stess ma jkollhiex biżżejjed kompetenzi ta’ natura esklużiva jew kondiviża sabiex taġixxi waħedha fil-konfront ta’ Stati terzi jew ta’ organi internazzjonali. Huwa biss sa fejn l-Unjoni tkun nieqsa minn kompetenzi proprji suffiċjenti li tkun meħtieġa l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri maġenb l-Unjoni fuq pjattaforma internazzjonali ( 69 ).

109.

Madankollu, din in-neċessità ma kinitx teżisti f’dan il-każ: mingħajr ebda dubju fil-każ ineżami l-Unjoni, abbażi tas-setgħat tagħha fil-politika tal-ambjent, kellha biżżejjed kompetenzi proprji sabiex tipparteċipa waħedha fid-diskussjoni u fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-ħolqien ta’ żoni protetti tal-baħar fl-Antartiku fil-kuntest tal-CCAMLR. Meta ġew mistoqsija, il-Kunsill u l-intervenjenti ma setgħu jsemmu l-ebda miżura b’rabta maż-żoni protetti tal-baħar inkwistjoni li għaliha l-Unjoni ma kellhiex il-kompetenza neċessarja fil-każ ineżami.

110.

Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha raġun targumenta li, anki jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u l‑2016 jiġu attribwiti lill-kompetenzi kondiviżi fil-qasam tal-politika tal-ambjent, xorta waħda ma kinitx teżisti n-neċessità legali għal sottomissjoni tad-dokumenti kontenzjużi quddiem il-CCAMLR u għal preżentazzjoni tal-pożizzjonijiet ikkontestati quddiem il-CCAMLR f’isem l-Unjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha.

b) Il-parteċipazzjoni volontarja ta’ Stati Membri individwali hija eskluża

111.

Jonqos li jiġi diskuss jekk fid-dawl tar-rikors għas-setgħat ambjentali tal-Unjoni jifdalx lok għal azzjoni volontarja tal-Istati Membri maġenb l-Unjoni fil-kuntest tal-CCAMLR. Madankollu, din il-possibbiltà naturalment ma tistax tikkonċerna lill-Istati Membri kollha, iżda lil dawk biss fosthom li huma membri tal-CCAMLR ( 70 ), għax dawn biss jipparteċipaw fid-diskussjonijiet u fit-teħid ta’ deċiżjoni fi ħdan il-CCAMLR.

112.

Il-punt tat-tluq għall-kunsiderazzjonijiet, f’dan ir-rigward, għandu jkun l-Artikolu 2(2) TFUE li jiddeskrivi l-funzjonament tal-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Kif joħroġ biċ-ċar mill-formulazzjoni tagħha, din id-dispożizzjoni ma tapplikax biss għall-attivitajiet leġiżlattivi, iżda b’mod ġenerali ħafna għall-adozzjoni ta’ atti vinkolanti u, konsegwentement, tista’ tibbenefika anki lil deċiżjonijiet fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, bħal dawk inkwistjoni hawnhekk.

113.

Skont l-Artikolu 2(2) TFUE, il-kompetenzi kondiviżi huma kkaratterizzati mill-fatt li l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom biss sa fejn u sakemm l-Unjoni ma tkunx eżerċitat il-kompetenza tagħha (it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) TFUE); l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom mill-ġdid sa fejn u sakemm l-Unjoni tiddeċiedi li ma tibqax teżerċita l-kompetenza tagħha (it-tielet sentenza tal-Artikolu 2(2) TFUE).

114.

Minkejja l-affermazzjonijiet f’sens kuntrarju minn uħud mill-partijiet fil-kawża fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ ma jeżistu l-ebda indikazzjonijiet oġġettivi u verifikabbli li l-Kunsill ma xtaqx jeżerċita l-kompetenzi eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent ( 71 ). Anzi, bil-kontra: permezz ta’ rikors għall-politika ambjentali, id-deċiżjoni kontenzjuża tal‑2015 espliċitament tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex id-dokument ta’ riflessjoni ppreżentat lill-CCAMLR għall‑34 laqgħa annwali tagħha fl‑2015 jiġi ppreżentat (anki) f’isem l-Unjoni. Filwaqt li terġa’ tirrikorri għall-politika ambjentali, id-deċiżjoni kkontestata tal‑2016 formalment tistabbilixxi l-pożizzjoni li l-Unjoni kellha tiddefendi fil‑35 laqgħa annwali tal-CCAMLR tal‑2016. Għalhekk, assolutament ma jistax jiġi argumentat li l-Kunsill ma għamilx użu mill-kompetenza ambjentali tal-Unjoni fiż-żewġ deċiżjonijiet kontenzjużi.

115.

Bl-istess mod, fil-każ ineżami lanqas ma jeżistu indikazzjonijiet oġġettivi u verifikabbli li fid-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u l‑2016 il-Kunsill eżerċita parzjalment biss il-kompetenzi ambjentali tal-Unjoni minħabba kunsiderazzjonijiet politiċi. Huwa minnu li fid-dawl tal-assenza ta’ obbligu legali li tittieħed azzjoni, f’dan il-każ il-Kunsill pjuttost seta’ jistabbilixxi li l-Unjoni ma hijiex ser tagħmel użu komprensiv mis-setgħat tagħha fil-qasam ambjentali. Madankollu, kif jidher biċ-ċar, il-Kunsill ma ħax dan il-pass. Għall-kuntrarju, iż-żewġ deċiżjonijiet kontenzjużi rispettivament kienu jikkonċernaw it-totalità tal-miżuri relatati mal-ħolqien taż-żoni protetti tal-baħar inkwistjoni li kellhom jiġu diskussi jew adottati fil-kuntest tal-laqgħat annwali tal-CCAMLR fl‑2015 u l‑2016. Fl-ebda parti tad-deċiżjonijiet kontenzjużi ma jidher li l-Unjoni kienet ser tirrinunzja l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha fil-politika ambjentali fir-rigward ta’ parti speċifika tal-miżuri previsti fil-kuntest tal-CCAMLR ( 72 ) u li trid tħalli dawn il-miżuri fir-responsabbiltà tal-Istati Membri.

116.

Jidhirli li ċ-ċirkustanza li fid-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016, il-Kunsill, fl-aħħar mill-aħħar, kien favur azzjoni konġunta fil-kuntest tal-CCAMLR f’isem l-Unjoni u f’isem l-Istati Membri tagħha hija sempliċiment dovuta għall-fatt li l-Kunsill, skorrettement ( 73 ), ta’ malajr assimila l-kompetenzi kondiviżi u preżenza mħallta bħala ugwali, iżda mhux għall-eventwali nuqqas ta’ setgħat min-naħa tal-Unjoni għal partijiet speċifiċi tal-miżuri li kellhom jiġu diskussi jew adottati fil-kuntest tal-CCAMLR jew għall-eventwali fatt li l-Unjoni konxjament ma xtaqitx teżerċita aspetti individwali tas-setgħat tagħha.

117.

F’dan il-kuntest għandu jiġi preżunt li l-Unjoni mhux biss kellha l-kompetenza fil-qasam tal-politika ambjentali għall-miżuri kollha li kellhom jiġu diskussi jew adottati fil-kuntest tal-CCAMLR, iżda li din fil-fatt eżerċitata b’mod sħiħ. B’hekk, abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) TFUE, l-Istati Membri kienu mfixkla milli jeżerċitaw il-kompetenzi proprji tagħhom fir-rigward tal-istess kwistjonijiet, anki jekk dan kien ikun ifisser biss preżenza flimkien mal-Unjoni fil-kuntest tal-CCAMLR.

118.

Barra minn hekk, mill-Artikolu 191(4) TFUE ma jirriżulta xejn differenti.

119.

Huwa minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 191(4) TFUE jagħmilha ċara li l-kompetenza tal-Istati Membri li jinnegozjaw f’korpi internazzjonali u li jikkonkludu ftehimiet internazzjonali ma hijiex affettwata. Madankollu, kif tiċċara l-formulazzjoni ta’ din il-klawżola (“Is-subparagrafu preċedenti m’għandux jippreġudika il-kompetenza ta’ l-Istati Membri […]”) ( 74 ), l-Istati Membri huma ggarantiti kompetenza esterna residwa għall-ambjent fir-rigward tal-aspetti rregolati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 191(4) TFUE biss, jiġifieri fir-rigward tal-“arranġamenti dwar il-koperazzjoni” mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-pajjiżi terzi kompetenti. Madankollu, din proprju ma hijiex il-kwistjoni f’dan il-każ. Is-suġġett tad-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u l‑2016 ma huwiex l-“arranġamenti dwar il-koperazzjoni” bejn l-Unjoni u l-CCAMLR, iżda miżuri sostantivi speċifiċi għall-ħolqien ta’ żoni protetti tal-baħar fl-Antartiku.

120.

Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 191(4) TFUE, ma jidhirx li hemm riżerva ta’ kompetenza ġenerali ulterjuri li jgawdu minnha l-Istati Membri fil-qasam ambjentali. Inkella l-kompetenzi ambjentali jitilfu l-karattru tagħhom bħala kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(2) TFUE kif ukoll l-Artikolu 4(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4(2)(e) TFUE, u jispiċċaw jinbidlu f’kompetenzi sempliċiment paralleli li f’kull ħin jistgħu jiġu eżerċitati kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri, u possibbilment mit-tnejn li huma simultanjament. Madankollu, dan ma jkunx kompatibbli mar-rieda tal-awturi tat-trattati li l-prinċipji stabbiliti bil-ġurisprudenza ERTA espliċitament ma għandhomx ikunu affettwati mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 191(4) TFUE (preċedentement it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 130 r(4)) ( 75 ), xi ħaġa li ma tkunx possibbli f’każ ta’ kompetenzi paralleli.

121.

L-iktar l-iktar jista’ jiġi kkunsidrat li, abbażi tal-Artikolu 193 TFUE, uħud mill-Istati Membri għandhom l-intenzjoni li fuq livell internazzjonali jobbligaw ruħhom li jilħqu standards ambjentali iktar stretti minn dawk tal-Unjoni u li minħabba din il-mira jkollhom ix-xewqa li jieħdu sehem f’isimhom stess fid-diskussjonijiet u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet f’organi internazzjonali ( 76 ). Madankollu, f’dan il-każ, ma hemm l-ebda indikazzjonijiet oġġettivi u verifikabbli f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri kien hemm kunsens dwar il-kontenut tal-miżuri għall-ħolqien ta’ żoni protetti tal-baħar previsti fil-kuntest tal-CCAMLR.

122.

Fil-każ ineżami lanqas ma hija ammissibbli parteċipazzjoni volontarja ta’ Stati Membri individwali flimkien mal-Unjoni billi jiġi invokat l-Artikolu 4(3) TFUE. Huwa minnu li d-dispożizzjoni tiċċara li inter alia fis-settur tar-riċerka l-Istati Membri ma humiex ipprojbiti milli jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom, anki jekk l-Unjoni tieħu miżuri proprji. Madankollu, kif diġà spjegajt iktar ’il fuq ( 77 ), id-diskussjonijiet u l-miżuri speċifikament inkwistjoni fil-kuntest tal-CCAMLR għall-ħolqien ta’ żoni protetti tal-baħar ma għandhomx jiġu attribwiti lill-qasam tar-riċerka. Naturalment dan ma jeskludix li l-Istati Membri, waħedhom jew flimkien mal-Unjoni, jinvolvu ruħhom f’miżuri oħrajn li għandhom jiġu diskussi jew adottati fil-kuntest tal-CCAMLR u li l-qofol tagħhom jinsab fis-settur tar-riċerka.

123.

Fl-aħħar nett, ninnota wkoll li Stati Membri individwali fl-Antartiku għandhom interessi territorjali lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-trattati tal-Unjoni Ewropea u tal-politiki tal-Unjoni ( 78 ). Ma għandux jiġi eskluż li, sabiex iħarsu tali interessi, l-Istati Membri inkwistjoni jinvolvu ruħhom f’isimhom stess, flimkien mal-Unjoni, fid-diskussjonijiet u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-kuntest tal-CCAMLR, dejjem sakemm l-interessi rispettivi jiġu konkretament identifikati. Madankollu, fil-każ ineżami ma jeżistux indikazzjonijiet oġġettivi u verifikabbli f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016, li kienu jagħtu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fil-CCAMLR flimkien mal-Unjoni lill-Istati Membri kollha u mhux biss lil Stati Membri individwali, manifestament kienu jmorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ għall-ħarsien tal-interessi territorjali inkwistjoni.

5. Konklużjoni intermedjarja

124.

Għaldaqstant, bħala konklużjoni, l-ewwel motiv tal-Kummissjoni fil-Kawżi C‑626/15 u C‑659/16 għandu jintlaqa’ u d-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016 għandhom jiġu annullati, sa fejn dawn jistabbilixxu li l-Unjoni ma hijiex ser tippreżenta d-dokumenti ta’ riflessjoni u l-pożizzjonijiet waħedha fil-kuntest tal-CCAMLR, iżda biss b’mod konġunt f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

B.   It-tieni motiv: Artikolu 3(2) TFUE

125.

Bit-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni takkuża lill-Kunsill bi ksur tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 3(2) TFUE. Din issostni li d-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016 kienu jwasslu sabiex jaffettwaw ir-regoli komuni kif ukoll għal tibdil fil-portata tagħhom fi ħdan it-tifsira tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) TFUE li tikkodifika l-prinċipju ERTA ( 79 ).

126.

It-tieni motiv huwa invokat biss sussidjarjament. Peress li abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi l-ewwel motiv tal-Kummissjoni diġà jwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016, it-tieni motiv ser nittrattah biss għal raġunijiet ta’ kompletezza.

127.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri għall-ħolqien ta’ żoni protetti tal-baħar previsti fil-kuntest tal-CCAMLR jistgħu jaffettwaw il-pożizzjoni multiannwali tal-Kunsill tal‑2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-kuntest tal-CCAMLR ( 80 ).

128.

Biżżejjed ninnota li, abbażi tal-formulazzjoni tagħha, din il-pożizzjoni multiannwali tapplika biss għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-qasam tal-politika komuni tas-sajd. Madankollu, peress li, kif spjegajt iktar ’il fuq ( 81 ), id-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016 ma għandhomx jiġu attribwiti lill-politika komuni tas-sajd iżda lill-politika ambjentali, preġudizzju tal-pożizzjoni multiannwali tal‑2014 huwa eskluż mill-bidu nett.

129.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-miżuri għall-ħolqien ta’ żoni protetti tal-baħar previsti fil-kuntest tal-CCAMLR jistgħu jaffettwaw ir-Regolamenti (KE) Nru 600/2004 ( 82 ) u Nru 601/2004 ( 83 ).

130.

Huwa minnu li l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ regolamenti jipprevedi miżuri tekniċi u t-tieni wieħed miżuri ta’ kontroll applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar Antartiku (Konvenzjoni ta’ Canberra). Għalhekk, huwa ovvju li l-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet possibbli fir-rigward tas-sajd, li, bħala parti miż-żoni protetti tal-baħar previsti fl-Antartiku, ġew indirizzati fid-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016, setgħu jwasslu għal preġudizzju jew għal tibdil fil-portata tal-imsemmija regolamenti. Kif huwa magħruf abbażi tal-ġurisprudenza rilevanti, sabiex ikun hemm ir-riskju ta’ tali preġudizzju jew tibdil fil-portata diġà huwa biżżejjed li l-miżuri li għandhom jiġu diskussi u adottati fil-livell internazzjonali jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli komuni applikabbli fuq livell tal-Unjoni ( 84 ), mingħajr in-neċessità ta’ kontradizzjoni sostantiva bejniethom ( 85 ).

131.

Madankollu, għandu jitfakkar li fil-kuntest tad-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016 ir-regola tas-sajd għandha biss sinjifikat subordinat u tikkostitwixxi biss parti mill-miżuri previsti tal-CCAMLR għall-ħolqien ta’ żoni protetti tal-baħar fl-Antartiku.

132.

Għaldaqstant, anki jekk skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni jkollha kompetenza esterna esklużiva fir-rigward tal-miżuri rregolati mir-Regolamenti Nru 600/2004 u Nru 601/2004, din il-kompetenza esklużiva xorta waħda tista’ sservi biss bħala bażi legali b’mod selettiv għal ċerti partijiet tad-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u l‑2016, u ma tkunx adattata biex tinkorpora l-miżuri kollha previsti f’dawn id-deċiżjonijiet.

133.

Għalhekk, jekk l-eżitu tal-kawża jkun jiddependi mit-tieni motiv fil-Kawżi C‑626/15 u C‑659/16, dan il-motiv ikollu jiġi miċħud bħala infondat.

C.   Fuq iż-żamma tal-effetti tad-deċiżjonijiet kontenzjużi

134.

Jekk, kif issuġġerit minni fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Qorti tal-Ġustizzja parzjalment tannulla d-deċiżjonijiet kontenzjużi tal‑2015 u tal‑2016, jonqos li jiġi ċċarat jekk l-effetti tal-imsemmija deċiżjonijiet tal-partijiet li ġew annullati għandhomx jinżammu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE.

135.

Il-Kummissjoni korrettament tosserva li tali annullament parzjali jkun jaffettwa d-deċiżjonijiet kontenzjużi biss sa fejn dawn jordnaw preżenza mħallta tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fil-kuntest tal-CCAMLR. La tkun irrevokata l-bażi legali għall-preżenza tal-Unjoni fil-kuntest tal‑34 u l-35 laqgħa annwali tal-CCAMLR u lanqas ma huma ppreġudikati l-kontenut tad-dokumenti ta’ diskussjoni ppreżentati mill-Unjoni u l-pożizzjonijiet adottati minnha.

136.

Madankollu, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, l-annullament parzjali tad-deċiżjonijiet kontenzjużi jċaħħad il-preżenza tal-Istati Membri flimkien mal-Unjoni fil-kuntest tal‑34 u l-35 laqgħa annwali tal-CCAMLR mil-leġittimità tagħha. Minħabba li huwa minnu li xi Stati Membri tal-Unjoni kienu pparteċipaw f’deċiżjonijiet tal-CCAMLR fil-kuntest tal-laqgħat annwali inkwistjoni, l-aħħar u mhux l-inqas fid-deċiżjoni għall-ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Ross, fuq pjattaforma internazzjonali jistgħu jqumu dubji dwar il-portata tal-obbligi internazzjonali li daħlu għalihom l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha rispettivament.

137.

Għaldaqstant, sabiex tiġi evitata kwalunkwe inċertezza ġuridika, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-effetti tal-partijiet annullati tad-deċiżjonijiet kontenzjużi għandhom jinżammu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE.

D.   Fuq l-ispejjeż

138.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li, skont is-soluzzjoni proposta minni, bl-argumenti tiegħu l-Kunsill, fl-aħħar mill-aħħar, tilef iż-żewġ kawżi u peress li l-Kummissjoni kull darba ressqet talba speċifika f’dan ir-rigward, il-Kunsill għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż taż-żewġ kawżi. Madankollu, b’deroga minn dan, skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fit-tilwimiet insostenn tal-Kunsill ibatu l-ispejjeż tagħhom stess f’kull waħda mill-kawżi li fiha kienu involuti.

VII. Konklużjoni

139.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)

Fil-Kawża C‑626/15, id-deċiżjoni tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal‑11 ta’ Settembru 2015 li tapprova l-preżentazzjoni ta’ dokument ta’ riflessjoni dwar żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Weddell għall‑34 Sessjoni Annwali tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku għandha tiġi annullata sa fejn din tistabbilixxi li dan id-dokument ta’ riflessjoni għandu jiġi ppreżentat f’isem l-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha minflok unikament f’isem l-Unjoni.

2)

Fil-Kawża C‑659/16, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Ottubru 2016 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata waqt il-35 Sessjoni Annwali tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku għandha tiġi annullata sa fejn din tistabbilixxi li din il-pożizzjoni għandha tiġi ppreżentata f’isem l-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u mhux unikament f’isem l-Unjoni.

3)

L-effetti tal-partijiet annullati tad-deċiżjonijiet kontenzjużi għandhom jinżammu.

4)

Fiż-żewġ kawżi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kull darba huwa kkundannat għall-ispejjeż rispettivi tiegħu u għall-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

5)

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom f’kull waħda miż-żewġ kawżi li kienu involuti fiha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.

( 2 ) Il-prinċipju ERTA jmur lura għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (ERTA, 22/70, EU:C:1971:32, punti 15 sa 19); sommarju iktar reċenti jinsab pereżempju fl-Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano), tas‑7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punti 114 sa 133).

( 3 ) Il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni ġie riprodott fir-rendikont sommarju tat‑23 ta’ Settembru 2015 tal-2554 laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Dokument tal-Kunsill 11837/15, punt 65, paġni 19 u 20 kif ukoll id-Dokument tal-Kunsill 11644/1/15/REV).

( 4 ) Din id-deċiżjoni ġiet adottata permezz tan-Nota punt “I/A” (Dokument tal-Kunsill 12523/16). Il-kontenut attwali tal-pożizzjoni li kellha tittieħed mill-Unjoni joħroġ mid-Dokument tal-Kunsill 12445/16.

( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1380/2013”).

( 6 ) Approvata f’isem dik li kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/691/KEE tal‑4 ta’ Settembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 251).

( 7 ) Dawn huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

( 8 ) Dawn huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit.

( 9 ) Dawn huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit.

( 10 ) Dawn huma r-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja.

( 11 ) Dawn huma r-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka.

( 12 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tal‑11 ta’ Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata fil-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Marittimi Ħajjin tal-Antartiku (CCAMLR) (Dokument tal-Kunsill 10840/14). Il-“proċedura ssemplifikata” hija stipulata fl-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni.

( 13 ) Il-Baħar ta’ Weddell issemma għall-esploratur Brittaniku tiegħu James Weddell u filwaqt li huwa fond sa 5000 m għandu erja ta’ ferm iktar minn 2.5 miljun km2.

( 14 ) Skont l-Artikolu XIV tal-Konvenzjoni ta’ Canberra, il-Kumitat Xjentifiku huwa korp konsultattiv tal-CCAMLR.

( 15 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Il-Baħar ta’ Ross issemma għall-esploratur Brittaniku tiegħu James Clark Ross u filwaqt li huwa fond sa 1200 m għandu erja ta’ madwar 1.55 miljun km2.

( 17 ) Għal raġunijiet ta’ semplifikazzjoni iktar ’il quddiem dawn iż-żoni kollha ser nirreferi għalihom bħala żoni protetti tal-baħar.

( 18 ) Fit‑12 ta’ Ottubru 2016 il-Kummissjoni għamlet l-adattamenti rilevanti għad-dokumenti sottomessi għand is-Segretarjat tal-CCAMLR.

( 19 ) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit qegħdin jitolbu li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi miċħud bħala inammissibbli u sussidjarjament bħala infondat. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Portugiża qegħdin jitolbu li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi miċħud bħala infondat.

( 20 ) Ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit ma ħadux pożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-ispejjeż.

( 21 ) Ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit ma ħadux pożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-ispejjeż.

( 22 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (FAO, C‑25/94, EU:C:1996:114, punt 26).

( 23 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (FAO, C‑25/94, EU:C:1996:114, punt 27).

( 24 ) F’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 11), b’rabta mal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni.

( 25 ) F’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni (60/81, EU:C:1981:264, punt 10) u tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 42), it-tnejn li huma b’rabta mal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni.

( 26 ) Sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ERTA, 22/70, EU:C:1971:32, punt 42), tat‑2 ta’ Marzu 1994, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Regolament finanzjarju AKP, C‑316/91, EU:C:1994:76, punt 8), tad‑19 ta’ Marzu 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (FAO, C‑25/94, EU:C:1996:114, punt 29), tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 36), u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni (Riżorsi proprji, C‑593/15 P u C‑594/15 P, EU:C:2017:800, punt 46).

( 27 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 42), u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni (Riżorsi proprji, C‑593/15 P u C‑594/15 P, EU:C:2017:800, punt 47).

( 28 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni (Riżorsi proprji, C‑593/15 P u C‑594/15 P, EU:C:2017:800, punt 47).

( 29 ) Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 42).

( 30 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Fuq id-delimitazzjoni bejn dawn iż-żewġ kompetenzi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Konfederazzjoni tal-Isvizzera, C‑660/13, EU:C:2016:616).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il‑Kunsill (Dwieli u Nbejjed, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punt 63), fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE jinkludi wkoll ir-rakkomandazzjonijiet ta’ korp internazzjonali, sa fejn dawn ikollhom l-effett li jinfluwenzaw il-kontenut tal-atti li għandhom jiġu adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (Dwieli u Nbejjed, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punt 65), li tipprovdi li l-Artikolu 218(9) TFUE japplika “indipendentement mill-punt jekk l-atti kkonċernati […] jiġux, finalment, effettivament imressqa għall-votazzjoni fi ħdan il-korp kompetenti”.

( 34 ) F’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (FAO, C‑25/94, EU:C:1996:114, punti 35 u 37).

( 35 ) Opinjoni 2/94 tat‑28 ta’ Marzu 1996(Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB, EU:C:1996:140, punt 24) u s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (COTIF, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 44, lejn l-aħħar).

( 36 ) Opinjoni 2/00 tas‑6 ta’ Diċembru 2001(Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà, EU:C:2001:664, punt 5), kif ukoll is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill (Tanzanija, C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 42), u tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (COTIF, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 80).

( 37 ) Ara, f’dan ir-rigward ukoll, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1976, Kramer et (3/76, 4/76 u 6/76, EU:C:1976:114, punt 31), u tal‑24 ta’ Novembru 1993, Mondiet (C‑405/92, EU:C:1993:906, punt 12).

( 38 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza li għadni kemm semmejt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 kif ukoll is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1981, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Miżuri ta’ konservazzjoni fil-qasam tas-sajd marittimu, 804/79, EU:C:1981:93).

( 39 ) Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(d) TFUE, il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tapplika biss “fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd”. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4(2)(d) TFUE jiċċara li teżisti kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-agrikoltura u s-sajd, “eskluża l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar”.

( 40 ) Sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Diossidu tat-titanju, C‑300/89, EU:C:1991:244, punt 10), u tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il‑Kunsill (Tanzanija, C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 43), kif ukoll l-Opinjoni 1/15 tas‑26 ta’ Lulju 2017(Ftehim ippjanat mal-Kanada fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-passiġġieri, EU:C:2017:592, punt 76).

( 41 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (Estensjoni tar-regolamenti soċjali għaż-ŻEE, C‑431/11, EU:C:2013:589, punt 48), tas‑27 ta’ Frar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (Estensjoni tar-regolamenti soċjali għall-Isvizzera, C‑656/11, EU:C:2014:97, punt 50), u tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill (Estensjoni tar-regolamenti soċjali għat-Turkija, C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 38).

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, inter alia l-Opinjoni 2/00 tas‑6 ta’ Diċembru 2001(Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà, EU:C:2001:664, punt 22).

( 43 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Konvenzjoni ta’ Rotterdam, C‑94/03, EU:C:2006:2, punt 50), tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Mawrizju, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 48), u Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (Estensjoni tar-regolamenti soċjali għat-Turkija, C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 36).

( 44 ) Sentenza tat‑23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (Sustanzi li jkollhom azzjoni ormonika, 68/86, EU:C:1988:85, punt 24), Opinjoni 1/94 (Ftehim tal-WTO, EU:C:1994:384, punt 52), u sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni tal‑2015, C‑687/15, EU:C:2017:803, punt 42).

( 45 ) Il-ġurisprudenza dwar il-lokalizzazzjoni eżatta tal-kompetenza esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-politika ambjentali ma hijiex għalkollox uniformi. Fl-Opinjoni 2/00 tas‑6 ta’ Diċembru 2001(Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà, EU:C:2001:664, punt 44) il-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-Artikolu 175 TKE, li llum huwa l-Artikolu 192 TFUE. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza li ngħatat reċentement fil‑5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (COTIF, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 65), din spjegat li fil-qasam tal-ambjent l-Unjoni għandha “kompetenza esterna espliċita, skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 191(1) TFUE”. Fis-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Fabbrika MOX ta’ Sellafield, C‑459/03, EU:C:2006:345, punti 90 sa 92) ġiet espliċitament irrikonoxxuta kompetenza esterna tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu, li allegatament tirriżulta minn sinopsi tal-Artikolu 175 u r-raba’ inċiż tal-Artikolu 174(1) TKE, li llum huma l-Artikolu 192 u r-raba’ inċiż tal-Artikolu 191(1) TFUE. Jekk fil-każ ineżami huwiex rilevanti l-Artikolu 191 TFUE jew l-Artikolu 192 TFUE jew kombinazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet, fl-aħħar mill-aħħar, ma għandux għalfejn jiġi stabbilit, peress li, skont l-Artikolu 4(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4(2)(e) TFUE, il-kompetenza f’kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hija kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

( 46 ) Opinjoni 2/00 tas‑6 ta’ Diċembru 2001(Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà, EU:C:2001:664, punt 23), kif ukoll sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Ftehim qafas mal-Filippini, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 34), u tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill (Tanzanija, C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 44).

( 47 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Vjetnam, C‑13/07, EU:C:2009:190, punt 113).

( 48 ) Ara, b’mod eżemplari, il-premessa 14 tal-preambolu tal-abbozz għall-miżura ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR għall-ħolqien ta’ żona tal-baħar protetta fil-Baħar ta’ Weddell (WSMPA), ippreżentat bħala Anness A.2-B mar-rikors fil-Kawża C‑659/16: “research and monitoring related to the objectives of the WSMPA form an integral part of the management of the WSMPA”. Barra minn hekk, fid-dispożizzjonijiet S 11 u S 12 tat-Taqsima 3 tal-imsemmi abbozz huma fformulati miri speċifiċi tar-riċerka, u fid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 7 huwa deskritt iktar fid-dettall kif għandhom jiġu approvati u jitwettqu l-attivitajiet ta’ riċerka.

( 49 ) Ara, partikolarment, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1993, Mondiet (C‑405/92, EU:C:1993:906), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża pendenti Deutscher Naturschutzring, Dachverband der deutschen Natur- und Umweltschutzverbände e.V. (C‑683/16, EU:C:2018:38).

( 50 ) Sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 1990, Il-Greċja vs Il-Kunsill (Chernobyl, C‑62/88, EU:C:1990:153, punt 20), u tal‑24 ta’ Novembru 1993, Mondiet (C‑405/92, EU:C:1993:906, punt 27).

( 51 ) Sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 1990, Il-Greċja vs Il-Kunsill (Chernobyl, C‑62/88, EU:C:1990:153, punt 19), u tal‑24 ta’ Novembru 1993, Mondiet (C‑405/92, EU:C:1993:906, punt 26).

( 52 ) Ara, speċjalment dwar id-delimitazzjoni bejn il-politika kummerċjali komuni u l-politika ambjentali, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 1990, Il-Greċja vs Il-Kunsill (Chernobyl, C‑62/88, EU:C:1990:153), Opinjoni 2/00 tas‑6 ta’ Diċembru 2001(Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà, EU:C:2001:664), kif ukoll is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Energy Star, C‑281/01, EU:C:2002:761), u tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Konvenzjoni ta’ Rotterdam, C‑94/03, EU:C:2006:2).

( 53 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland (C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 51), u tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Servizzi b’aċċess kundizzjonali, C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 57), Opinjoni 2/15 tas‑16 ta’ Mejju 2017(Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor, EU:C:2017:376, punt 36), kif ukoll is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Ftehim ta’ Lisbona rivedut, C‑389/15, EU:C:2017:798, punt 49).

( 54 ) Fuq ir-rilevanza tal-għan, kontenut u kuntest tal-att inkwistjoni, erġa’ ara l-punt 76 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Ara, b’mod eżemplari, il-premessa 8 tal-preambolu tal-abbozz għall-miżura ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR għall-ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Weddell (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48), fejn hija espressa x-xewqa “to ensure that areas vulnerable to the effects of climate change and impacts by human activities are protected in recognition of their global and regional environmental and scientific importance”. Barra minn hekk, fil-premessa 9 tal-istess abbozz qiegħed jiġi enfasizzat “that the Weddell Sea has largely pristine ecosystems and diverse marine living resources and that it is crucial for global ocean circulation and the world’s climate, and is also an ideal area for studying ecosystem effects, resilience and adaptive capacity to climate change and ocean acidification separate from the impacts of human activities, such as fishing”. Fid-dispożizzjonijiet G 1 sa G 6 tat-Taqsima 3 ta’ dan l-abbozz dwar l-għanijiet ġenerali taż-żoni protetti tal-baħar jerġgħu jissemmew b’mod predominanti l-protezzjoni tal-ekosistemi, tal-bijodiversità, tal-habitats u l-effetti tal-bidla fil-klima.

( 56 ) Ara, b’mod eżemplari, it-Taqsima 5 tal-abbozz għall-miżura ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR għall-ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Weddell (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48) fejn huma elenkati r-“Restricted, prohibited and managed activities”, filwaqt li l-punt 4 jistabbilixxi r-regola ġenerali: “fishing activities are prohibited”.

( 57 ) Ara, b’mod eżemplari, il-punt 5 tat-Taqsima 5 tal-abbozz għall-miżura ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR għall-ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Weddell (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48): “Dumping or discharging of any waste or other matter and the introduction of any sewage […] is prohibited”.

( 58 ) Ara, b’mod eżemplari, it-Taqsima 2.3 tal-abbozz għal “Weddell Sea Marine Protected Area Management Plan” fl-anness tal-abbozz għall-miżura ta’ konservazzjoni tal-CCAMLR għall-ħolqien ta’ żona protetta tal-baħar fil-Baħar ta’ Weddell (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48): “The Fisheries Research Zone includes both fished areas and unfished reference areas to advance our understanding about the ecosystem effects of longline fishing […]”.

( 59 ) Protokoll dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tat-Trattat fuq l-Antartiku, iffirmat f’Madrid fl‑4 ta’ Ottubru 1991.

( 60 ) Ara wkoll it-tieni premessa tal-Konvenzjoni ta’ Canberra fejn huma enfasizzati l-ġabra ta’ riżorsi marittimi ħajjin li teżisti fl-ilmijiet Antartiċi kif ukoll l-interess li qiegħed jikber fil-possibbiltajiet li jġib miegħu l-użu ta’ dawn ir-riżorsi bħala sors tal-proteini.

( 61 ) Ara mill-ġdid il-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Canberra, fejn fl-ewwel lok hija enfasizzata f’post pjuttost prominenti “l-importanza tal-ħarsien ta’ l-ambjent u l-protezzjoni ta’ l-integrità ta’ l-ekosistema ta’ l-ibħra li jiċċirkondaw l-Antartiku” (l-ewwel premessa) u fit-tieni lok huma enfasizzati “r-responsabbilitajiet primarji tal-Partijiet Konsultattivi għat-Trattat ta’ l-Antartiku għall-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent ta’ l-Antartiku u, b’mod partikolari, ir-responsabbilitajiet tagħhom taħt l-Artikolu IX, paragrafu 1 (f) tat-Trattat ta’ Antartiku dwar il-preservazzjoni u l-konservazzjoni tar-risorsi ħajjin fl-Antartiku” (is-sitt premessa).

( 62 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża pendenti Deutscher Naturschutzring, Dachverband der deutschen Natur- und Umweltschutzverbände e.V. (C‑683/16, EU:C:2018:38).

( 63 ) Kif sostna l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Parlament vs Gutiérrez de Quijano y Lloréns (C‑252/96 P, EU:C:1998:157, punt 36).

( 64 ) F’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Settembru 2004, UER vs M6 et (C‑470/02 P, EU:C:2004:565, punt 69), u s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L‑Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 65).

( 65 ) Il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (COTIF, C‑600/14, EU:C:2017:296, punt 83 u l-intestatura li tippreċedih).

( 66 ) Ara, bl-istess sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Fabbrika MOX ta’ Sellafield, C‑459/03, EU:C:2006:345, punt 93).

( 67 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (COTIF, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 61).

( 68 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (COTIF, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 68). Hemmhekk il-Qorti tal-Ġustizzja rrelattivat id-dikjarazzjoni li kienet għamlet ftit qabel fl-Opinjoni 2/15 tas‑16 ta’ Mejju 2017(Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor, EU:C:2017:376, punt 244 flimkien mal-punt 243), fejn din kienet għadha tal-fehma li impenji ta’ ftehim internazzjonali, li jaqgħu taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, ma jistgħux jiġu “approvat[i] mill-Unjoni waħedha”.

( 69 ) Dan kien il-każ, pereżempju, meta kienu qegħdin jiġu konklużi oqsma ta’ regolamentazzjoni individwali fil-ftehimiet annessi mal-Ftehim tal-WTO, li għalihom il-politika kummerċjali komuni dak iż-żmien ma kinitx tipprovdi bażi legali suffiċjenti (ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 1/94 tal‑15 ta’ Novembru 1994, Ftehim tal-WTO, EU:C:1994:384). Illum il-ġurnata l-istess japplika għall-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ippjanat ma’ Singapor (ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 2/15 tas‑16 ta’ Mejju 2017, Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor, EU:C:2017:376).

( 70 ) Dwar id-dettalji ara l-punt 18 ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 71 ) Mis-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Fabbrika MOX ta’ Sellafield, C‑459/03, EU:C:2006:345, partikolarment punt 96), u tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (COTIF, C‑600/14, EU:C:2017:935, it-tieni sentenza tal-punt 68) jista’ jiġi konkluż li f’każijiet individwali l-Unjoni tista’ tiddeċiedi li ma tagħmilx użu sħiħ mis-setgħat eżistenti tagħha f’qasam tal-kompetenzi kondiviżi, u li teżerċita dawn il-kompetenzi b’mod parzjali biss sabiex tħalli lok għal involviment awtonomu tal-Istati Membri.

( 72 ) Wieħed jista’ jimmaġina, pereżempju, l-protezzjoni ta’ speċijiet tal-annimali individwali li ssemmew b’mod speċifiku jew l-eżekuzzjoni ta’ miżuri individwali sabiex tiġi rriċerkata l-problema tal-irtirar tal-pjattaformi tas-silġ.

( 73 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 104 sa 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 74 ) Il-korsiv miżjud minni.

( 75 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-Dikjarazzjoni Nru 10 annessa mal-Att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Maastricht, iffirmat fis‑7 ta’ Frar 1992 (Dikjarazzjoni dwar l-Artikoli 109, 130 r u 130 y tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ĠU 1992, C 191, p. 100): “Il-Konferenza tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 109(5), tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 130 r(4), u tal-Artikolu 130 y ma jaffettwawx il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ERTA.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 76 ) Fir-rigward taż-żoni protetti tal-baħar inkwistjoni hawnhekk ikun konċepibbli, pereżempju, li Stati Membri individwali jkunu jixtiequ jorbtu ruħhom, permezz ta’ ftehim internazzjonali, li jtemmu għalkollox kwalunkwe attività tal-bniedem fl-ilmijiet tal-Antartiku, minflok ma jiġu suġġetti biss għar-restrizzjonijiet ippjanati mill-Unjoni.

( 77 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 84 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 78 ) Speċifikament ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit.

( 79 ) Sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Protezzjoni tad-drittijiet ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punti 64 sa 67), u tas‑26 ta’ Novembru 2014, Green Network (C‑66/13, EU:C:2014:2399, punti 2728).

( 80 ) Ara l-punt 23 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 81 ) Ara, iktar ’il fuq, partikolarment il-punti 88 sa 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 82 ) Ir-Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Marzu 2004 li jelenka certi miżuri tekniċi applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fl-inħawi koperti mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar ta’ l-Antartiku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 7, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 600/2004”).

( 83 ) Ir-Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi ċerti miżuri ta’ kontroll applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin ta’ l-Antartiku u jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 3943/90, (KE) Nru 66/98 u (KE) Nru 1721/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 51, p. 52) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 601/2004”).

( 84 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 1/13 tal‑14 ta’ Ottubru 2014(Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag, EU:C:2014:2303, punt 71), is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Green Network (C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 29), kif ukoll l-Opinjonijiet 3/15 tal‑14 ta’ Frar 2017(Trattat ta’ Marrakech fuq l-aċċess għax-xogħlijiet ippubblikati, EU:C:2017:114, punt 105), u 2/15 tas‑16 ta’ Mejju 2017(Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor, EU:C:2017:376, punt 181).

( 85 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjonijiet 2/91 tad‑19 ta’ Marzu 1993(Konvenzjoni Nru 170 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), EU:C:1993:106, punti 25 u 26), 1/13 tal‑14 ta’ Ottubru 2014(Adeżjoni ta’ Stati terzi għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag, EU:C:2014:2303, punt 86), 3/15 tal‑14 ta’ Frar 2017(Trattat ta’ Marrakech fuq l-aċċess għax-xogħlijiet ippubblikati, EU:C:2017:114, punt 113), u 2/15 tas‑16 ta’ Mejju 2017(Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor, EU:C:2017:376, punt 201).

Top