Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0560

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2017.
    Europa Way Srl u Persidera SpA vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet – Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/77/KE – Attribuzzjoni tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju ta’ trażmissjoni diġitali terrestri għar-radju u għat-televiżjoni – Annullament ta’ proċedura ta’ selezzjoni gratwita (“konkors ta’ sbuħija”) pendenti u sostituzzjoni ta’ din il-proċedura bi proċedura ta’ rkant – Intervent tal-leġiżlatur nazzjonali – Indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Konsultazzjoni minn qabel – Kriterji ta’ għoti – Aspettattivi leġittimi.
    Kawża C-560/15.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:251

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

    Kawża C‑560/15

    Europa Way Srl u

    Persidera SpA

    vs

    Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni et

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato [Kunsill tal-Istat, l-Italja])

    “Talba għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/77/KE – Tranżizzjoni minn televiżjoni analoga għal televiżjoni diġitali – Attribuzzjoni ta’ frekwenzi diġitali lill-operaturi tan-netwerk – Frekwenzi diġitali ġodda (‘dividend diġitali’) – Annullament ta’ proċedura ta’ attribuzzjoni pendenti u sostituzzjoni bi proċedura ta’ selezzjoni ġdida oneruża bl-irkant – Obbligu ta’ organizzazzjoni ta’ konsultazzjoni pubblika minn qabel – Awtorità regolatorja nazzjonali indipendenti – Intervent mil-leġiżlatur nazzjonali fi proċedura pendenti quddiem l-awtorità regolatorja”

    I. Introduzzjoni

    1.

    It-tranżizzjoni minn televiżjoni analoga għal televiżjoni diġitali kienet qabża teknoloġika kbira, li fil-biċċa l-kbira tad-djar privati Ewropej ġiet implementata mingħajr wisq diffikultajiet. Min-naħa l-oħra, għal operaturi tan-netwerk f’ċerti postijiet, id-dimensjoni legali ta’ din il-konverżjoni ma kinitx daqshekk faċli. Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, is-sitwazzjoni fl-Italja speċjalment wasslet għal ilmenti kontinwi, fir-rigward tal-pluraliżmu tal-midja u l-kompetizzjoni fis-suq tat-televiżjoni, liema ilmenti diġà wasslu għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Taljana ( 2 ) u għal sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża ta’ rinviju preliminari ( 3 ).

    2.

    Dan il-każ ma jikkonċernax l-attribuzzjoni tal-frekwenzi kollha li kellhom jitqassmu waqt it-tranżizzjoni minn televiżjoni analoga għal televiżjoni diġitali, iżda biss l-attribuzzjoni ta’ frekwenzi ġodda disponibbli minħabba l-progress fit-teknoloġija u li ma kinux irriżervati minn qabel għall-operaturi tan-netwerk li kienu diġà attivi fis-suq. Żewġ operaturi tan-netwerk Taljani, Europa Way u Persidera ( 4 ), ħadu passi legali fid-dawl tal-fatt li l-proċedura nazzjonali għad-distribuzzjoni ta’ dan id-“dividend diġitali” ( 5 ) kienet l-ewwel ġiet sospiża fuq ordni tal-ministeru Taljan għall-iżvilupp ekonomiku ( 6 ), sussegwentement annullata mil-leġiżlatur Taljan u fl-aħħar nett implementata mill-ġdid taħt kundizzjonijiet fundamentalment differenti.

    3.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja issa qiegħda tintalab tikkjarifika jekk, u sa fejn, dawn il-miżuri jikkostitwixxux indħil fil-kompetenzi u fl-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Italja, l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni ( 7 ) (iktar ’il quddiem l-“AGCOM”). Barra minn hekk, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk il-proċedura ta’ attribuzzjoni ġdida oneruża kinitx konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u jekk, peress li l-ewwel proċedura ma ġietx konkluża, l-impriżi kkonċernati kellhomx aspettattivi leġittimi għal eżitu proċedurali partikolari, li sfaxxaw fix-xejn minħabba l-intervent tal-ministeru u tal-leġiżlatur.

    4.

    Ir-regoli determinanti għall-evalwazzjoni ta’ din is-sitwazzjoni huma l-“qafas leġiżlattiv ġdid komuni”, applikabbli b’effett mill-2002, li jikkonsisti f’diversi direttivi adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    5.

    Din il-proċedura fil-kawża C‑560/15 hija marbuta mill-qrib mat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża C‑112/16, li fir-rigward tagħha ser nippreżenta wkoll il-konklużjonijiet tiegħi llum. Minkejja li l-kwistjonijiet legali mqajma f’dik il-kawża jirreferu essenzjalment għall-istess regoli u prinċipji tal-Unjoni, dawn ma jikkonċernawx id-dividend diġitali u evidentement iqajmu punti legali oħra sostanzjalment differenti.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    6.

    Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni għal din il-kawża huwa stabbilit permezz ta’ tliet direttivi tas-sena 2002 dwar netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li kollha jappartjenu għall-qafas regolatorju komuni ġdid għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi kif ukoll faċilitajiet u servizzi assoċjati: id-Direttiva Kwadru (Direttiva 2002/21/KE) ( 8 ), id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni (Direttiva 2002/20/KE) ( 9 ) u d-Direttiva tal-Kompetizzjoni (Direttiva 2002/77/KE) ( 10 ). L-ewwel żewġ direttivi japplikaw kif emendati bid-Direttiva 2009/140/KE.

    A. Id-Direttiva Kwadru (Direttiva 2002/21)

    7.

    Jeħtieġ l-ewwel nett issir referenza għall-premessi 6 u 21 tad-Direttiva 2002/21, li jipprovdu s-segwenti:

    “(6)

    Il-politika awdjoviżwali u r-regolament tal-kontenut huma mwettqa lejn il-ksib ta’ miri ta’ interess ġenerali, bħal-libertà ta’ l-espressjoni, il-pluraliżmu tal-midja, l-imparzjalità, id-diversità kulturali u lingwistika, l-inklużjoni soċjali, l-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-minuri. […]

    […]

    (21)

    L-Istati Membri jistgħu jużaw, fost ħwejjeġ oħra, proċeduri ta’ għażla kompetittivi jew komparattivi għall-assenjament ta’ frekwenzi tar-radju kif ukoll tan-numri b’valur ekonomiku eċċezzjonali. […]”

    8.

    Barra minn hekk, għandha ssir referenza għall-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140 li, fost l-oħrajn, emendat id-Direttiva 2002/21. Din il- premessa tipprovdi:

    “(13)

    L-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandha tissaħħaħ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni iktar effettiva tal-qafas regolatorju u biex tiżdied l-awtorità tagħhom u l-prevedibbiltà fid-deċiżjonijiet tagħhom. Għal dan il-għan, għandha ssir dispożizzjoni espressa fil-liġi nazzjonali biex jiġi żgurat li, fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali responsabbli għar-regolament tas-suq ex ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet bejn impriżi tkun protetta mill-interventi esterni jew pressjoni politika li jistgħu jipperġudikaw l-evalwazzjoni indipendenti tagħha ta’ materji li jiġu quddiemha. Din l-influwenza esterna tirrendi l-entità leġiżlattiva nazzjonali mhux adatta biex taġixxi bħala awtorità regolatorja nazzjonali taħt il-qafas regolatorju. […]”

    9.

    Konformement mad-definizzjoni fl-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2002/21, għall-finijiet tad-Direttiva:

    “‘awtorità nazzjonali regolatorja’ tfisser il-korp jew kopri fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva jew fid-Direttivi Speċifiċi”.

    10.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/21, intitolat “Awtoritajiet nazzjonali regolatorji”, jipprevedi, inter alia, dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mix-xogħlijiet assenjati lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji f’din id-Direttiva u fid-Direttiva Speċifiċi jitwettaq minn korp kompetenti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u tempestiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jkollhom ir-riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex iwettqu d-dmirijiet assenjati lilhom.

    3a.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, awtoritajiet regolatorji nazzjonali responsabbli għal regolazzjoni tas-suq ex-ante jew għar-riżoluzzjoni ta’ disputi bejn impriżi skont l-Artikolu 20 jew 21 ta’ din id-Direttiva għandhom jaġixxu indipendentement u m’għandhom jitolbu jew jieħdu struzzjonijiet minn ebda korp fir-rigward tal-eżerċitar ta’ dawn il-kompiti assenjati lilhom taħt il-liġi nazzjonali li timplimenta l-liġi Komunitarja. Dan ma għandux ifixkel is-superviżjoni skont il-liġi kostituzzjonali nazzjonali. Korpi ta’ appell biss stabbiliti skont l-Artikolu 4 għandu jkollhom is-setgħa jissospendu jew idawru deċiżjonijiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

    […]”

    11.

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21 jistabbilixxi dan li ġej taħt it-titolu “Mekkaniżmu għall-konsultazzjoni u għat-trasparenza”:

    “Għajr f’każijiet li jaqgħu taħt l-Artikoli 7(9), 20, jew 21, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom l-intenzjoni li jieħdu miżuri skont din id-Direttiva jew id-Direttivi Speċifiċi, jew fejn jkollhom l-intenzjoni jipprovdu għal restrizzjonijiet skont l-Artikolu 9(3) u 9(4), li għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq rilevanti, huma jagħtu lill-partijiet ikkonċernati l-opportunità li jikkummentaw fuq l-abbozz ta’ miżura fi żmien raġonevoli.

    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippubblikaw il-proċeduri ta’ konsultazzjoni nazzjonali tagħhom.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jistabbilixxu punt uniku ta’ informazzjoni li permezz tiegħu l-konsultazzjonijiet kollha għaddejjin jkunu aċċessibbli.

    L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħmel ir-riżultati tal-proċedura ta’ konsultazzjoni disponibbli għall-pubbliku, ħlief fil-każ tal-informazzjoni kunfidenzjali skont il-liġi tal-Komunità u nazzjonali dwar il-kunfidenzjalita’ tan-negozju.”

    12.

    Sussegwentement, taħt it-titolu “Miri politiċi u prinċipji regolatorji”, l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2002/21 jipprevedi, inter alia, is-segwenti:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

    […]

    2.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

    […]

    (b)

    jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, anke fit-trażmissjoni tal-kontenut

    […]

    (d)

    jinkoraġġixxu l-użu effiċjenti u jassiguraw l-amministrazzjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju u r-riżorsi tan-numerazzjoni.”

    13.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21 jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar “[i]l-ġestjoni ta’ frekwenzi tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika”:

    “1.   B’kont debitu meħud tal-fatt li l-frekwenzi tar-radju huma beni pubbliċi li għandhom valur soċjali, kulturali u ekonomiku importanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġestjoni effettiva ta’ frekwenzi tar-radju għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fit-territorju tagħhom skont l-Artikolu 8 u 8a. Huma għandhom jiżguraw li l-allokazzjoni tal-[…] [ispettru] użat għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet individwali ta’ użu ta’ tali frekwenzi tar-radju minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.

    Bl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jkunu qegħdin jirrispettaw il-ftehimiet internazzjonali relevanti, inklużi r-Regolamenti tal-ITU tar-Radju, u jkunu jistgħu jqisu l-prospettivi tal-politika pubblika.

    […]

    3.   Sakemm ma jipprovdux mod ieħor it-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi kollha ta’ teknoloġija użati għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jkunu jistgħu jintużaw fil-meded ta’ frekwenzi tar-radju dikjarati disponibbli għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fil-Pjan ta’ Allokazzjoni ta’ Frekwenzi Nazzjonali tagħhom skont il-liġi Komunitarja.

    Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq it-tipi ta’ teknoloġija tan-network tar-radju jew tal-aċċess bla wajer użati għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, fejn dan ikun iġġustifikat biex:

    (a)

    tiġi evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara;

    […]

    (e)

    ikun issalvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru, jew

    (f)

    jiġi żgurat li jinkiseb għan ta’ interess ġenerali taħt il-paragrafu 4.

    4.   Sakemm ma jipprovdux mod ieħor fit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi kollha ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jistgħu jkunu provduti fil-meded tal-frekwenzi tar-radju u dikjarati disponibbli għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Pjan ta’ Allokazzjoni ta’ Frekwenzi Nazzjonali tagħhom skont il-liġi Komunitarja. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq it-tipi ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li se jkunu pprovduti, inklużi, fejn hu meħtieġ, biex jiġi ssodisfatt rekwiżit skont ir-Regolamenti tal-ITU dwar ir-Radju.

    […]”

    B. Id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni (Direttiva 2002/20)

    14.

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/20 jinkludi l-leġiżlazzjoni li ġejja dwar l-“[a]wtorizzazzjoni ġenerali ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”:

    “L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-libertà ta’ forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bla ħsara għall-kondizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva. […]”

    15.

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/20 jinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar “[i]d-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju u tan-numri”:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-użu ta’ frekwenzi tar-radju taħt awtorizzazzjonijiet ġenerali. Fejn hu neċessarju, l-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet individwali ta’ użu sabiex:

    tkun evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara;

    tkun żgurata l-kwalità teknika tas-servizz;

    ikun issalvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru; jew

    jiġu issodisfati għanijiet oħrajn ta’ interess ġenerali kif definiti mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja.

    2.   Fejn huwa meħtieġ li jingħataw drittijiet individwali ta’ użi ta’ frekwenzi tar-radju u numri, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet, meta mitluba, lil kull impriża għall-provvista ta’ netwerks jew servizzi taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 3, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7 u 11(1)(c) ta’ din id-Direttiva u kull regola oħra li tiżgura l-użu effiċjenti ta’ dawk ir-riżorsi skont id-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

    Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lil fornituri ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni bil-għan li jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali skont il-liġi Komunitarja, id-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħa, oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali, u, fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). Tista’ tapplika eċċezzjoni għall-ħtieġa ta’ proċeduri miftuħa f’każijiet fejn l-għoti ta’ drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lill-fornuturi ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja.

    […]

    4.   […]

    Fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għażla kompetittivi jew komparattivi għall-frekwenzi tar-radju, l-Artikolu 7 għandu japplika.

    5.   L-Istati Membri ma għandhom jillimitaw l-għadd ta’ drittijiet ta’ użu li jingħataw, għajr fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-frekwenzi tar-radju skont l-Artikolu 7.

    6.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-frekwenzi tar-radju jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv […]”

    16.

    Rigward il-“[p]roċedura biex jiġi limitat in-numru ta’ drittijiet ta’ użu li għandhom jingħataw għall-frekwenzi tar-radju”, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/20 jipprevedi s-segwenti:

    “1.   Fejn Stat Membru jkun qed jikkunsidra jillimitax in-numru tad-drittijiet għall-użu li jridu jingħataw għall-frekwenzi tar-radju, jew jekk iġeddidx il-validità ta’ drittijiet eżistenti jekk mhux skont it-termini speċifikati f’dawk id-drittijiet, għandu inter alia:

    […]

    (b)

    jagħti lill-partijiet kollha nteressati, nklużi utenti u konsumaturi, l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar kull limitazzjoni skond Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru);

    […]

    3.   Fejn l-għoti ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jeħtieġ li ma jkunx limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawn id-drittijiet fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla li jridu jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. Kull wieħed minn dawn il-kriterji tal-għażla jrid jagħti l-importanza li tistħoqq lill-kisba tal-għanijiet li jidhru fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u tar-rekwiżiti li jidhru fl-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva.

    4.   Fejn proċeduri ta’ għażla kompetittivi jew komparattivi għandhom jintużaw, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu ta’ sitt ġimgħat imsemmi f’Artikolu 5(3) sakemm ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li dawk il-proċeduri jkunu ġusti, raġonevoli, miftuħa u trasparenti għall-partijiet kollha nteressati, iżda b’mhux aktar minn tmien xhur.

    […]”

    C. Id-Direttiva tal-Kompetizzjoni (Direttiva 2002/77/KE)

    17.

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/77 intitolat “Drittijiet esklussivi u speċjali għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” jinkludi, inter alia, id-dispożizzjonijiet segwenti:

    “[…]

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li kull impriża hija intitolata biex tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew li tistabbilixxi, testendi jew tipprovdi n-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    […]

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija lil impriża biex tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u biex tistabbilixxi u/jew tipprovdi networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll il-kondizzjonijiet mehmuża magħha, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, proporzjonali u trasparenti.

    […]”

    18.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/77 jinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti dwar id-“[d]rittijiet ta’ l-użu tal-frekwenzi”:

    “Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri biex jagħtu drittijiet ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju lil min jipprovdi s-servizzi tal-kontenut tax-xandir tar-radju jew tat-televiżjoni bil-ħsieb li jfittxu għanijiet ta’ interess ġenerali konformi mal-liġi tal-Komunità:

    […]

    2.

    L-assenjament tal-frekwenzi tar-radju għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali.”

    III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

    19.

    It-tranżizzjoni minn televiżjoni analoga għal televiżjoni diġitali fl-Italja kienet teħtieġ l-impementazzjoni ta’ proċedura għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tax-xandir diġitali ġodda, li huma iktar effiċjenti minn frekwenzi tax-xandir analogi ( 11 ). Għal din ir-raġuni, fis-7 ta’ April 2009, l-AGCOM adottat id-Deċiżjoni 181/09/CONS ( 12 ), li permezz tagħha stabbilixxiet kriterji għad-diġitalizzazzjoni integrali tan-netwerks terrestri u, fl-istess waqt, stabbilixxiet mekkaniżmu għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi attribwiti għal dan l-għan. Din id-deċiżjoni ttieħdet fil-kuntest ta’ proċedura pendenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 13 ), fejn il-Kummissjoni Ewropea wissiet lill-Italja li, fl-attribuzzjoni tal-frekwenzi diġitali tagħha, hija ma tistax tiffavorixxi lill-fornituri tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni analoga li huma diġà attivi fis-suq.

    20.

    Sussegwentement, din id-deċiżjoni pprevediet l-attribuzzjoni ta’ frekwenzi diġitali fil-forma ta’ 21 “multiplex” għat-trażmissjoni terrestri nazzjonali ( 14 ). Multiplex jippermetti l-iggruppar ta’ sinjali awdjo, vidjo u data varji fi fluss ta’ data komuni, li permezz tiegħu jitjieb l-użu tal-frekwenzi u tal-linji disponibbli.

    21.

    Sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta ta’ dawn il-multiplexes diġitali, li jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-operaturi eżistenti ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi iżda wkoll dawk li diġà investew fil-ħolqien ta’ netwerks diġitali kif ukoll, barra minn hekk, l-operaturi ġodda li jixtiequ jidħlu fis-suq, il-21 unità ġew diviżi fi tliet gruppi li kellhom jitqassmu skont kriterji ta’ attribuzzjoni differenti. Barra minn hekk, ġie stabbilit il-limitu massimu fejn ebda operatur tan-netwerk waħdu ma seta’ jkun fil-pussess ta’ iktar minn ħames multiplexes b’kollox; tali ċifra massima ta’ ħames multiplexes kienet ġibdet l-attenzjoni għaliha wkoll il-Kummissjoni fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    22.

    Speċifikament, l-allokazzjoni tal-21 multiplex inkwistjoni kellha ssir bil-mod segwenti:

    Fl-ewwel grupp inżammu tmien multiplexes għall-konverżjoni tan-netwerks tat-televiżjoni analoga eżistenti f’netwerks tat-televiżjoni diġitali. Dan kellu jseħħ abbażi ta’ attribuzzjoni ġusta fejn tittieħed inkunsiderazzjoni l-kontinwità tal-offerta tat-televiżjoni. Għaldaqstant, kull fornitur preċedenti tat-televiżjoni analoga kellu jiġi attribwit mill-inqas multiplex wieħed. Fornituri b’diversi stazzjonijiet analogi kellhom ilkoll jingħataw multiplex inqas miċ-ċifra korrispondenti ta’ stazzjonijiet analogi tagħhom. B’dan il-mod, Rai u Mediaset, li sa dak il-punt kienu jiġġestixxu tliet stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi kull wieħed, ingħataw żewġ multiplexes kull wieħed, filwaqt li TIMB, li sa dak il-punt kellha żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi fil-portafoll tagħha, min-naħa tagħha kisbet multiplex wieħed. Rete A u żewġ operaturi tan-netwerk oħra wkoll ingħataw multiplex wieħed.

    Fit-tieni grupp kellhom jitqassmu tmien multiplexes lil dawk l-operaturi tan-netwerk li kienu investew fil-ħolqien ta’ netwerks diġitali. B’dan il-mod, Rai, Mediaset u TIMB ingħataw żewġ multiplexes addizzjonali kull wieħed, filwaqt liRete A u operatur tan-netwerk ieħor kisbu multiplex kull wieħed.

    Fit-tielet grupp, il-ħames multiplexes li kien għad fadal, magħrufa wkoll bħala “dividend diġitali” ( 15 ), kellhom fl-aħħar nett jitqassmu bħala frekwenzi ġodda addizzjonali abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji.

    23.

    F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tikkonċerna biss parti minn dawn il-multiplexes, speċifikament dawk tat-tielet grupp. Oriġinarjament, l-attribuzzjoni tagħhom kellha ssir gratwitament u lill-operaturi tas-suq l-iktar xierqa fi proċedura ta’ selezzjoni, magħrufa bħala “beauty contest” ( 16 ). Wara li ġiet organizzata konsultazzjoni pubblika, ir-regoli għal din il-proċedura ta’ selezzjoni ġew adottati b’mod konklużiv mill-AGCOM bid-Deċiżjoni 497/10/CONS tat-22 ta’ Settembru 2010.

    24.

    Il-proċedura ta’ selezzjoni proprja tnediet finalment bl-avviż tat-8 ta’ Lulju 2011 u kienet tipprevedi perijodu sas-7 ta’ Settembru 2011 għas-sottomissjoni tal-kandidaturi. Europa Way issottomettiet applikazzjoni għal multiplex li fir-rigward tiegħu ebda impriża oħra ma kienet ippreżentat applikazzjoni. Min-naħa tiegħu, Persidera (preċedentement TIMB) applikat kemm waħedha kif ukoll f’kompetizzjoni ma’ operaturi tas-suq oħra ( 17 ), għal total ta’ tliet multiplexes.

    25.

    Madankollu, anki qabel l-attribuzzjoni tal-kuntratti, il-ministeru Taljan għall-iżvilupp ekonomiku ssospenda din il-proċedura ta’ selezzjoni gratwita bid-Digriet tal-20 ta’ Jannar 2012. Sussegwentement, ġie adottat id-Digriet-Leġiżlattiv (Decreto-legge) Nru 16/2012 ( 18 ), li l-Artikolu 3d ( 19 ) tiegħu, minn naħa, annulla s-selezzjoni gratwita diġà sospiża, u min-naħa l-oħra, ippreveda attribuzzjoni ta’ frekwenzi ġdida permezz ta’ selezzjoni pubblika oneruża fi żmien 120 jum abbażi ta’ proċedura li kellha tiġi organizzata mill-AGCOM. Barra minn hekk, kellhom jiġu kkumpensati l-parteċipanti tal-proċedura ta’ selezzjoni gratwita li ma ġietx konkluża.

    26.

    Sussegwentement, fil-11 ta’ April 2013 – wara konsultazzjoni pubblika u wara li ġiet ikkonsultata l-Kummissjoni Ewropea – AGCOM adottat id-Deċiżjoni 277/13/CONS bir-regoli għall-proċedura ta’ selezzjoni ġdida. F’din id-deċiżjoni, inter alia, in-numru ta’ multiplexes diġitali li kellhom jitqassmu ġie stabbilit għal tlieta, filwaqt li ġie stabbilit li l-operaturi tan-netwerk li diġà kienu detenturi ta’ tliet multiplexes jew iktar kellhom jiġu esklużi mill-parteċipazzjoni fis-selezzjoni.

    27.

    Il-proċedura l-ġdida finalment tnediet bl-avviż tat-12 ta’ Frar 2014. Cairo Network ( 20 ) kien l-uniku operatur tas-suq li pparteċipa, u fil-31 ta’ Lulju 2014 ingħata wieħed mill-multiplexes. La Europa Way u lanqas Persidera ma pparteċipaw fil-proċedura ta’ selezzjoni ġdida. Kif jirriżulta mill-fajl, fil-każ ta’ Persidera dan kien dovut għall-fatt li din l-impriża diġà kienet fil-pussess ta’ iktar minn tliet multiplexes.

    28.

    Europa Way u Persidera ppreżentaw rikors kontra l-annullament tal-ewwel proċedura ta’ selezzjoni quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio ( 21 ) (TAR), madankollu ma kellhomx suċċess ( 22 ). Il-kawża hija preżentement pendenti quddiem il-Consiglio di Stato ( 23 ), il-qorti tar-rinviju li quddiemha Europa Way u Persidera ressqu appell.

    IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    29.

    B’deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2015, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ottubru 2015, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi għal deċiżjoni preliminari segwenti:

    “1)

    Id-dispożizzjoni leġiżlattiva kkontestata u l-atti ta’ implementazzjoni sussegwenti kisru r-regoli li skonthom il-funzjonijiet ta’ regolamentazzjoni tas-suq televiżiv jispettaw lil awtorità amministrattiva indipendenti [l-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva 2002/21/KE, (Direttiva Kwadru), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE]?

    2)

    Id-dispożizzjoni leġiżlattiva kkontestata u l-atti ta’ implementazzjoni sussegwenti kisru d-dispożizzjonijiet [l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/20/KE, (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru)] li jipprevedu l-organizzazzjoni minn qabel ta’ konsultazzjoni pubblika mill-awtorità amministrattiva [regolatorja] nazzjonali indipendenti kompetenti għal dan is-settur?

    3)

    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u b’mod iktar preċiż l-Artikolu 56 TFUE, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), u l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2002/77/KE (Direttiva tal-Kompetizzjoni), kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà tal-kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ effettività u ta’ pluraliżmu tal-informazzjoni, jipprekludu l-annullament tal-konkors tas-sbuħija, li kien tniehed bħala rimedju għall-esklużjoni illegali ta’ operaturi tas-suq fis-sistema ta’ attribuzzjoni tal-frekwenzi diġitali televiżivi u sabiex jiġi permess l-aċċess tal-operaturi minuri, kif ukoll għas-sostituzzjoni tagħha minn proċedura ta’ selezzjoni oħra, oneruża, li tobbliga lill-parteċipanti jissodisfaw kundizzjonijiet u jwettqu obbligi li l-operaturi preżenti fis-suq ma kinux obbligati jwettqu qabel, b’mod li t-tressiq ta’ offerta kompetittiva jsir oneruż u ekonomikament żvantaġġuż?

    4)

    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u b’mod iktar preċiż l-Artikolu 56 TFUE, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE […], l-Artikoli 3, 5, u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE […], l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2002/77/KE […], u l-Artikolu 258 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ liberta tal-kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ effettività u ta’ pluraliżmu tal-informazzjoni, jipprekludu l-konfigurazzjoni mill-ġdid tal-pjan ta’ attribuzzjoni tal-frekwenzi li tipprevedi t-tnaqqis minn 25 stazzjon [netwerk] għal 22 stazzjon [netwerk] nazzjonali (fejn l-operaturi preżenti fis-suq iżommu n-numru ta’ multiplexes li huma għandhom), it-tnaqqis ta’ lottijiet suġġett tal-proċedura ta’ selezzjoni għal 3 mutliplexes u l-attribuzzjoni tal-frekwenzi fil-band VHF-III bir-riskju ta’ interferenzi qawwija?

    5)

    Il-protezzjoni tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, kif spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija kompatibbli mal-annullament tal-konkors tas-sbuħija li ma ppermettiex lill-appellanti, li kienu diġà ġew ammessi għall-proċedura ta’ selezzjoni mingħajr ħlas, li jkunu ċerti li ser jingħataw xi lottijiet li kienu s-suġġett tal-proċedura ta’ selezzjoni?

    6)

    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-attribuzzjoni tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi [l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru), l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), l-Artikoli 2 u 4 tad-Diretiva 2002/77/KE (Direttiva tal-Kompetizzjoni)] hija kompatibbli mal-adozzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 3 quinquies tad-Digriet-Leġiżlattiv Nru 16 tal-2012, li ma tissodisfax il-karatteristiċi tas-suq tar-radju u tat-televiżjoni?”

    30.

    Europa Way, Persidera, RAI, Elettronica Industriale ( 24 ), Cairo Network, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn l-istess partijiet ġew irrappreżentati wkoll fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2017 li nżammet direttament qabel dik fil-kawża C‑112/16.

    V. Analiżi

    A. Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    31.

    Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ma hemmx bżonn ta’ trattazzjoni fil-fond tal-kritika ta’ Elettronica Industriale peress li l-qorti tar-rinviju ressqet direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi relatati mal-kompatibbiltà tal-liġi nazzjonali – partikolarment tal-Artikolu 3d tad-Digriet-Leġiżlattiv Nru 16/2012 – mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti li tevalwa l-kompatibbiltà tar-regoli ta’ dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni jew tinterpreta leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari, ma hemm xejn li jipprekludiha, fil-każ ta’ domandi preliminari fformulati b’dan il-mod, milli tagħti lill-qorti tar-rinviju l-gwida rilevanti kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tippermettilha taqta’ l-kawża prinċipali ( 25 ).

    32.

    Fil-punti segwenti, ser nindirizza wħud mill-oġġezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Dawn kollha jikkonċernaw l-informazzjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tipprovdi fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha.

    33.

    Kif speċifikat fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 26 ), minbarra d-domanda preliminari, it-talba għal deċiżjoni preliminari trid tinkludi wkoll l-informazzjoni meħtieġa dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha turi r-rabta bejn ir-regoli tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati u l-kawża prinċipali, filwaqt li għandha tindika r-raġunijiet li għalihom għandha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont il-ġurisprudenza, l-informazzjoni dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tingħata importanza speċjali fi proċeduri relatati mad-dritt tal-kompetizzjoni ( 27 ).

    1.  Assenza ta’ rilevanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju

    34.

    L-ewwel nett, f’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda spjegazzjoni dwar kif id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Artikolu 56 u l-Artikolu 258 TFUE huma rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

    35.

    Fir-rigward b’mod speċifiku tal-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi nnotat li l-aspetti tal-kawża prinċipali huma kollha llimitati għal Stat Membru wieħed u li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju – kuntrarjament għall-kawża Centro Europa 7 – ma tixtieqx tirrikorri għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni taċ-ċittadini inkluża fil-kostituzzjoni Taljana ( 28 ). Għalhekk, ma huwiex ċar sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkontribwixxi għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali permezz tal-interpretazzjoni mixtieqa minnha tal-Artikolu 56 TFUE.

    36.

    Fir-rigward tal-Artikolu 258 TFUE, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li dan huwa dispożizzjoni purament proċedurali applikabbli għall-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, eżegwiti mill-Kummissjoni kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha ma għandhom jiġu dedotti ebda regoli proċedurali jew sostantivi għall-attribuzzjoni tal-frekwenzi televiżivi permezz tal-qrati nazzjonali. Filwaqt li teoretikament l-obbligu tal-Istati Membri li jimplementaw is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(1) TFUE jista’ jkun rilevanti, għadha madankollu ma ngħatat ebda sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu marbut mal-attribuzzjoni tal-frekwenzi televiżivi fl-Italja.

    37.

    Sa fejn bir-referenza tagħha għall-Artikolu 258 TFUE, il-qorti tar-rinviju talludi għal obbligi li jistgħu jiġu imposti fuq ir-Repubblika Taljana għall-ħolqien ta’ sitwazzjoni fis-suq televiżiv li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sentenza Centro Europa 7 ( 29 ) ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindirizza dawn suffiċjentement fil-qafas tal-argumentazzjoni tagħha dwar id-Direttivi 2002/20, 2002/21 u 2002/77. Ma hemmx ebda bżonn ta’ interpretazzjoni separata tal-Artikoli 258 jew tal-Artikolu 260 TFUE għal dan l-għan.

    38.

    Konsegwentement, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli sa fejn jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 258 TFUE.

    2.  Nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar id-domandi preliminari individwali

    39.

    Barra minn hekk, għandu jiġi diskuss ukoll jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari għandhiex tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba l-fatt li ma tinkludix biżżejjed informazzjoni dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku kif ukoll dwar ir-rilevanza ta’ wħud mid-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju. Fil-fehma tal-Italja, hemm nuqqas ta’ informazzjoni fil-każ tat-tielet, tar-raba’ u tas-sitt domanda. Min-naħa tagħha, Elettronica Industriale tqis li t-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda ma humiex spjegati suffiċjentement.

    40.

    Fil-fehma tiegħi, dawn l-ilmenti dwar l-inammissibbiltà jeżiġu approċċ irfinat.

    41.

    Minn naħa, huwa ċar li fil-kawża prinċipali, il-Consiglio di Stato għandu jevalwa l-leġittimità tal-intervent min-naħa tal-leġiżlatur Taljan fi proċedura pendenti tal-AGCOM, dwar id-distribuzzjoni tad-dividend diġitali fis-suq televiżiv. Din il-problema hija rrappreżentata b’mod komprensibbli fid-deċiżjoni tar-rinviju; f’dan ir-rigward, partikolarment tingħata stampa sostanzjalment preċiża tal-kuntest fattwali u ġuridiku, u r-rilevanza tad-domandi preliminari relatati (l-ewwel sat-tielet domanda) ma hijiex ikkontestata. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk tista’ tipprovdi l-informazzjoni kollha rilevanti lill-qorti tar-rinviju li tippermettilha taqta’ l-kawża prinċipali mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

    42.

    Min-naħa l-oħra, fid-domandi preliminari, hemm referenza għal ċirkustanzi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tesprimi ruħha dwarhom b’mod validu, lanqas fil-każ ta’ qari benevolenti, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi l-ebda ħjiel ta’ spjegazzjoni f’dan ir-rigward. L-ewwel nett, dan huwa l-każ tar-riferiment mill-Consiglio di Stato għall-“attribuzzjoni tal-frekwenzi fil-band VHF-III bir-riskju ta’ interferenzi qawwija” (ir-raba’ domanda) kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tiegħu li l-kontenut tal-Artikolu 3d tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 16/2012 “ma [j]issodisfax il-karatteristiċi tas-suq tar-radju u tat-televiżjoni” (is-sitt domanda).

    43.

    Dan premess, nikkunsidra li r-raba’ domanda għandha tiġi miċħuda parzjalment u li s-sitt domanda għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

    3.  Konklużjoni intermedjarja

    44.

    Għaldaqstant, fil-qosor, it-tielet u r-raba’ domanda huma parzjalment inammissibbli; barra minn hekk, is-sitt domanda hija inammissibbli fl-intier tagħha. Fir-rigward tal-kumplament, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala ammissibbli.

    B. Evalwazzjoni fuq il-mertu tad-domandi preliminari

    45.

    Il-lista estensiva tad-domandi tal-Consiglio di Stato essenzjalment tikkonċerna tema waħda biss: l-għan huwa li jiġi ċċarat jekk kienx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li l-ministeru Taljan għall-iżvilupp ekonomiku u l-leġiżlatur Taljan jintervjenu fi proċedura pendenti quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali li tirrigwarda l-attribuzzjoni gratwita ta’ frekwenzi televiżivi, flimkien mal-ordni għall-eżekuzzjoni ta’ proċedura ta’ attribuzzjoni ġdida u oneruża. Il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk il-leġiżlatur Taljan kisirx diversi rekwiżiti proċedurali u sostantivi tal-qafas regolatorju komuni ġdid, partikolarment il-prinċipju, stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, tal-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

    46.

    F’dan ir-rigward, ser nindirizza, l-ewwel nett, il-problema tal-intervent min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi fi proċedura pendenti, li kienet iċ-ċentru tal-attenzjoni kemm matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura kif ukoll matul il-fażi orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan ir-rigward, Taqsima 1 iktar ’il quddiem). It-tieni nett, ser nindirizza wħud mill-kwistjonijiet proċedurali oħra imqajma mill-qorti tar-rinviju u mill-partijiet (ara, f’dan ir-rigward, Taqsima 2 iktar ’il quddiem). Fit-tielet u l-aħħar lok, ser nindirizza r-rekwiżiti sostantivi marbuta mat-tieni selezzjoni (ara, f’dan ir-rigward, Taqsima 3 iktar ’il quddiem).

    1.  Fuq l-intervent mill-awtoritajiet pubbliċi fi proċedura pendenti tal-awtorità regolatorja nazzjonali (l-ewwel u l-ħames domanda preliminari)

    47.

    Żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw il-problema tal-intervent min-naħa ta’ awtoritajiet pubbliċi fi proċedura pendenti tal-awtorità regolatorja nazzjonali, AGCOM: minn naħa, il-ħames domanda tikkonċerna l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi (ara, f’dan ir-rigward, Taqsima b iktar ’il quddiem) u, min-naħa l-oħra, l-ewwel domanda tikkonċerna l-kompetenzi ta’ awtorità regolatorja nazzjonali (ara, Taqsima a iktar ’il quddiem,). Nixtieq ngħid qabelxejn li l-aġir tal-ministru Taljan għall-iżvilupp ekonomiku kif ukoll tal-leġiżlatur Taljan f’dan il-każ huwa dubjuż mhux mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi iżda pjuttost mill-perspettiva tal-indipendenza li tgawdi l-awtorità regolatorja taħt id-dritt tal-Unjoni.

    a)  Il-ksur tal-indipendenza tal-awtorità nazzjonali regolatorja (l-ewwel domanda)

    48.

    Il-prinċipju tal-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, jingħata importanza prominenti fil-qafas regolatorju komuni ġdid, li ssaħħaħ iktar wara l-emendi li saru fit-testi leġiżlattivi tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2009/140. Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ awtoritajiet nazzjonali regolatorji indipendenti huwa intiż li jiżgura l-ħolqien permanenti, fil-qasam tan-netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ta’ suq intern ġenwin, li huwa miftuħ u kkaratterizzat b’kompetizzjoni ġusta u li fih il-pluraliżmu tal-midja, bħala wieħed mill-valuri fundamentali għall-għajxien flimkien f’soċjetà demokratika, jissaħħaħ (ara wkoll l-Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).

    49.

    Għaldaqstant, l-Istati Membri huma espressament obbligati jiżguraw l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom ( 31 ) (Artikolu 3(2) u (3a) tad-Direttiva 2002/21 kif ukoll il-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140). Din l-indipendenza hija riflessa, mhux b’inqas, bil-fatt li, filwaqt li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jkunu suġġetti għal superviżjoni (it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3a)), dawn ma jistgħux jirċievu struzzjonijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3a)) u d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jiġu sospiżi jew revokati esklużivament mill-organi ta’ appell kompetenti permezz ta’ rimedji legali konkreti (it-tielet sentenza tal-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva 2002/21).

    50.

    Is-sospensjoni li ġiet ordnata mill-ministeru għall-iżvilupp ekonomiku, tal-ewwel proċedura gratwita tal-AGCOM rigward l-attribuzzjoni tal-frekwenzi, u l-kanċellazzjoni sussegwenti ta’ din il-proċedura bil-mandat tal-leġiżlatur Taljan permezz tal-Artikolu 3d tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 16/2012, jikkostitwixxu intervent minn żewġ korpi statali fi proċedura pendenti tal-awtorità regolatorja nazzjonali, minkejja l-fatt li ma għandhomx is-setgħa jagħmlu dan skont il-qafas regolatorju komuni ġdid. Partikolarment, f’dan il-każ, la l-ministeru u lanqas il-leġiżlatur ma kienu qegħdin jaġixxu bħala awtorità superviżorja (it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva 2002/21) jew bħala organu ta’ appell kompetenti bis-saħħa ta’ rimedju legali konkret (it-tielet sentenza tal-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva 2002/21). Għall-kuntrarju, jidher li ż-żewġ korpi eżerċitaw influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura minħabba kunsiderazzjonijiet purament politiċi. Madankollu, skont l-ispirtu tal-qafas regolatorju komuni ġdid, l-attività ta’ awtorità regolatorja nazzjonali għandha tiġi protetta speċifikament fir-rigward ta’ tali intervent għal motivi politiċi minn partijiet esterni (ara, f’dan ir-rigward, mill-ġdid, it-tieni sentenza tal-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140).

    51.

    B’mod marġinali biss insemmi li dan il-każ bl-ebda mod ma huwa komparabbli mal-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà li tiġi rtirata selezzjoni, mingħajr ir-restrizzjoni ta’ din il-possibbiltà għal każijiet eċċezzjonali jew għall-eżistenza ta’ raġunijiet gravi ( 32 ). Dan għaliex fil-każ ta’ dawn is-sentenzi, li kollha kemm huma jappartjenu għall-qasam tal-kuntratti pubbliċi, is-selezzjonijiet inkwistjoni kienu ġew irtirati mill-offerent innifsu rispettivament, jiġifieri proprju mill-awtorità li kienet responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-proċedura kkonċernata u mhux – bħalma ġara hawnhekk – minn awtorità esterna oħra.

    52.

    Għaldaqstant, kollox ma’ kollox, aġir bħal dak tal-ministeru Taljan għall-iżvilupp ekonomiku u tal-leġiżlatur Taljan, li permezz tiegħu proċedura pendenti tal-awtorità nazzjonali regolatorja tiġi l-ewwel sospiża u sussegwentement ikkanċellata, iwassal għal ksur tal-indipendenza ta’ din l-awtorità regolatorja.

    b)  Il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni dwar l-aspettattivi leġittimi (il-ħames domanda)

    53.

    Flimkien mal-ewwel domanda, li għadni kemm indirizzajt, il-ħames domanda hija intiża li tiċċara jekk l-Istat Taljan kisirx il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni dwar l-aspettattivi leġittimi bil-kanċellazzjoni tal-ewwel proċedura mhux konkluża għall-attribuzzjoni tal-frekwenzi tat-televiżjoni mid-dividend diġitali.

    54.

    Kif diġà enfasizzat kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi jappartjeni mal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni ( 33 ). Madankollu, dan il-prinċipju jista’ jiġi invokat b’suċċess biss minn min ikun irċieva assigurazzjonijiet ċari, inkundizzjonati u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli ( 34 ).

    55.

    Huwa ċar li tali assigurazzjonijiet ma ngħatawx f’dan il-każ. Fil-fatt, l-impriżi fl-ewwel proċedura ta’ selezzjoni, li sussegwentement ġiet annullata, ma ngħataw ebda assigurazzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani kompetenti li minnhom setgħu jiddeduċu li l-kuntratti kienu ser jingħatawlhom għal ċerti frekwenzi tat-televiżjoni li joriġinaw mid-dividend diġitali. Speċifikament, u kuntrarjament għall-fehma espressa fis-seduta, is-sempliċi fatt li l-offerta magħmula minn parteċipant ġiet iddikjarata ammissibbli ma tinkludix indikazzjoni affidabbli dwar jekk il-parteċipant huwiex ser jiġi jingħata l-kuntratt fi tmiem il-proċedura.

    56.

    Numru mill-partijiet ikkonċernati – partikolarment Europa Way, li kienet l-uniku operatur li applikat għal wieħed mill-multiplexes inkwistjoni – seta’ kellhom aspettattivi serji li jingħataw kuntratt. Madankollu, sakemm il-proċedura ta’ selezzjoni ma kinitx konkluża u sakemm ma kinux ġew attribwiti kuntratti, dawn is-sempliċi tamiet ma setgħux iwasslu għal aspettativa leġittima ta’ eżitu proċedurali partikolari. Dan peress li, fiha nfisha, il-parteċipazzjoni fi proċedura ma tipprovdi l-ebda garanzija u ma tiġġustifika l-ebda aspettattivi leġittimi ta’ suċċess fil-proċedura.

    57.

    Konsegwentement, f’każ bħal dak inkwistjoni, ma jistgħux jiġu invokati b’suċċess ilmenti bbażati fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi skont id-dritt tal-Unjoni.

    2.  Fuq numru ta’ problemi proċedurali oħra (it-tieni domanda preliminari)

    58.

    Fit-tieni domanda tiegħu, u sa ċertu estent fl-ewwel domanda tiegħu, il-Consiglio di Stato jistaqsi dwar numru ta’ rekwiżiti proċedurali tal-qafas regolatorju komuni ġdid. Permezz tagħhom, għandu jiġi ċċarat jekk miżura leġiżlattiva bħall-Artikolu 3d tad-Digriet-Leġiżlattiv Nru 16/2012 ma tosservax ir-rekwiżit, skont id-dritt tal-Unjoni, li tiġi organizzata konsultazzjoni pubblika minn qabel (ara, f’dan ir-rigward, Taqsima a iktar ’il quddiem), kif ukoll jekk, bl-adozzjoni ta’ din il-miżura, il-leġiżlatur Taljan wettaqx funzjonijiet ta’ regolamentazzjoni li l-qafas regolatorju komuni ġdid jirriżerva lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ara, sussegwentement, Taqsima b).

    a)  Ir-rekwiżit ta’ konsultazzjoni pubblika minn qabel

    59.

    Kif speċifikat fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2002/20, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21, il-konsultazzjoni pubblika li jirreferi għaliha l-Consiglio di Stato fit-tieni domanda preliminari tiegħu hija meħtieġa meta Stat Membru jikkunsidra li jillimita n-numru tad-drittijiet għall-użu li għandhom jingħataw għall-frekwenzi tar-radju. Għandhom jiġu kkonsultati l-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-utenti u l-konsumaturi.

    60.

    Huwa paċifiku li, meta mqabbla mal-ewwel selezzjoni li ġiet annullata, it-tieni selezzjoni fl-aħħar mill-aħħar kienet tkopri inqas frekwenzi tat-televiżjoni; fil-fatt kienet tikkonċerna biss tliet multiplexes diġitali minflok il-ħamsa li kien hemm oriġinarjament. Għaldaqstant, dan fisser restrizzjoni numerika fid-drittijiet ta’ użu li kienu ser jingħataw għall-frekwenzi tar-radju fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2002/20, li kien jirrikjedi li tiġi organizzata konsultazzjoni pubblika kif stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21.

    61.

    Madankollu, kif jirriżulta mil-fajl, u kif ġie kkonfermat fis-seduta, din il-limitazzjoni fin-numru tal-multiplexes previsti għall-allokazzjoni ma kinitx toriġina mil-leġiżlatur Taljan innifsu bl-Artikolu 3d tad-Digriet-Leġiżlattiv Nru 16/2012, iżda saret biss min-naħa tal-AGCOM fl-eżekuzzjoni konkreta tat-tieni proċedura ta’ selezzjoni.

    62.

    Kuntrarjament għall-fehma li tidher li għandha l-Kummissjoni, l-ordni min-naħa tal-leġiżlatur li l-attribuzzjoni tal-frekwenzi li għandha tiġi implementata għandha tkun suġġett għal ħlas, ma tippreżentax limitazzjoni fin-numru tal-frekwenzi disponibbli, li hija l-unika sitwazzjoni li fir-rigward tagħha l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2002/20 jipprevedi obbligu ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21.

    63.

    Għaldaqstant, hawnhekk l-obbligu ta’ konsultazzjoni skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2002/20, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21, ma kienx id-dmir tal-leġiżlatur, iżda biss tal-AGCOM, u – sa fejn huwa evidenti mill-ispjegazzjoni tal-fatti fid-deċiżjoni tar-rinviju – din fil-fatt issodisfat dan l-obbligu fl-istadju preliminari tad-Deċiżjoni 277/13/CONS tagħha ( 35 ).

    64.

    Għalhekk, ma hemm xejn li jindika ksur tal-obbligu ta’ konsultazzjoni previst mid-dritt tal-Unjoni.

    b)  L-allegat eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ regolamentazzjoni min-naħa tal-leġiżlatur nazzjonali

    65.

    Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat, fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, jekk l-ordni ta’ proċedura ta’ attribuzzjoni oneruża ġdida tfissirx li l-leġiżlatur Taljan stess wettaq il-kompiti tal-awtorità nazzjonali regolatorja.

    66.

    Tali approċċ ikun ammissibbli biss f’konfini ristretti ħafna, kif ippreżentat fid-dettall il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Base et ( 36 ). Il-marġni mogħti bid-dritt tal-Unjoni għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ regolamentazzjoni mil-leġiżlatur nazzjonali aktarx huwa ħafna iżgħar, possibbilment saħansitra ineżistenti, b’effett minn meta d-Direttiva 2009/140 emendatorja daħlet fis-seħħ, li l-preambolu tagħha jispeċifika li “l-entità leġiżlattiva nazzjonali mhux adatta biex taġixxi bħala awtorità regolatorja nazzjonali taħt il-qafas regolatorju”, għaliex inkella jeżisti r-riskju ta’ pressjoni politika u influwenza esterna fuq it-twettiq tal-funzjonijiet ta’ regolamentazzjoni ( 37 ).

    67.

    Il-kunċett tal-funzjonijiet ta’ regolamentazzjoni, li għandhom jitwettqu minn awtorità regolatorja nazzjonali waħda jew iktar (ara l-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2002/21) ( 38 ), ma huwiex iddefinit b’mod ġenerali fid-direttivi tal-qafas regolatorju komuni ġdid. Madankollu, huwa ċar li bl-ebda mod ma għandhom jiġu ttrasferiti fuq l-awtoritajiet regolatorji neċessarjament il-kompiti u l-obbligi kollha, li għandhom jitwettqu fuq livell nazzjonali skont dan il-qafas regolatorju.

    68.

    Huwa minnu li fid-direttivi hemm diversi dispożizzjonijiet li s-suġġett tagħhom huwa speċifikament l-attività tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-kompiti rriżervati lilhom (ara, inter alia, l-Artikolu 3(1), (3) u (3a), l-Artikolu 6(1) u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/21). Madankollu, bl-istess mod, jeżistu diversi dispożizzjonijiet li jindirizzaw b’mod ġenerali lill-“Istati Membri” li fil-kuntest tal-awtonomija istituzzjonali tagħhom ( 39 ) jistgħu jiddeċiedu huma stess lil liema awtorità nazzjonali ser jittrasferixxu t-twettiq tal-kompiti kkonċernati.

    69.

    B’rabta ma’ dan, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2002/21 jistħoqqilha referenza speċjali. B’mod ġenerali ħafna, din tobbliga lill-Istati Membri – u mhux speċifikament lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti – jiżguraw li jipprovdu amministrazzjoni effiċjenti tal-frekwenzi tar-radju, filwaqt li jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-frekwenzi tar-radju huma beni pubbliċi li għandhom valur soċjali, kulturali u ekonomiku importanti (ara wkoll il-premessa 21 tad-Direttiva 2002/21).

    70.

    Filwaqt li l-leġiżlatur nazzjonali għandu jieħu ħsieb jiddefinixxi l-qafas ġenerali għall-kreazzjoni u l-operat tan-netwerk u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, billi jieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni, għandhom ikunu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li, f’dan il-kuntest, jieħdu deċiżjonijiet individwali, isibu soluzzjoni għat-tilwim u jistabbilixxu d-dettalji meħtieġa għall-funzjonament ta’ dawn in-netwerks u servizzi permezz tar-regolamentazzjoni ex ante (ara, fl-istess sens, l-Artikolu 3(3a) tad-Direttiva 2002/21 kif ukoll it-tieni sentenza tal-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140).

    71.

    Madankollu, id-determinazzjoni dwar jekk fi Stat Membru l-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tat-televiżjoni diġitali hijiex gratwita jew oneruża, ma hijiex deċiżjoni individwali u lanqas ma hija aspett dwar il-funzjonament tan-netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet, iżda pjuttost deċiżjoni politika li permezz tagħha l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni mhux b’inqas il-valur ekonomiku għoli ta’ dawn il-frekwenzi (ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(1) u l-premessa 21 tad-Direttiva 2002/21).

    72.

    Kif jenfasizzaw ġustament il-Gvern Taljan u Cairo Network, din id-deċiżjoni fundamentali ma tappartjenix mal-funzjonijiet ta’ regolamentazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2002/21. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni setgħet tittieħed mil-leġiżlatur nazzjonali u ma kellhiex għalfejn tkun neċessarjament irriżervata għall-awtorità regolatorja nazzjonali AGCOM.

    3.  Ir-rekwiżiti sostantivi applikabbli għat-tieni proċedura ta’ selezzjoni (it-tielet, ir-raba’ u s-sitt domanda preliminari)

    73.

    Bit-tielet, bir-raba’ u bis-sitt domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tiċċara jekk l-annullament tal-ewwel proċedura ta’ selezzjoni min-naħa tal-leġiżlatur Taljan u partikolarment l-eżekuzzjoni sussegwenti tat-tieni proċedura ta’ selezzjoni, b’kundizzjonijiet fundamentalment differenti, kinux kompatibbli ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt sostanzjali u mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

    74.

    Kif spjegajt hawn fuq ( 40 ), uħud minn dawn id-domandi huma parzjalment jew kompletament inammissibbli. Għalhekk, ser nindirizzahom iktar ’il fuq b’mod sussidjarju biss. Barra minn hekk, fid-dawl tas-sovrappożizzjoni estensiva bejn dawn id-domandi, jiena tal-fehma li huwa xieraq li neżaminahom flimkien u li niffoka l-analiżi tagħhom fuq l-aspetti ewlenin tal-punti legali li jqajmu.

    75.

    Il-Consiglio di Stato essenzjalment jixtieq jikseb informazzjoni dwar jekk l-Istat Taljan kisirx ir-regoli inkwistjoni meta implementa proċedura ta’ selezzjoni oneruża ġdida għad-distribuzzjoni tad-dividend diġitali, u, b’dan il-mod, naqqas l-ammont tal-multiplexes diġitali li kellhom jitqassmu minn ħamsa għal tlieta meta mqabbla mal-ħames multiplexes previsti fil-proċedura ta’ selezzjoni li ġiet annullata.

    76.

    Regoli sostantivi li jirregolaw l-attribuzzjoni tal-frekwenzi tat-televiżjoni joriġinaw, qabelxejn, minn leġiżlazzjoni sekondarja diversa tal-qafas regolatorju komuni ġdid, jiġifieri l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2002/21, l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva 2000/20 kif ukoll l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2002/77. Dawn id-dispożizzjonijiet ilkoll jipprovdu li, fl-attribuzzjoni tal-frekwenzi, l-Istati Membri jgawdu minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, li madankollu jrid jiġi applikat filwaqt li jitħarsu l-prinċipji ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li għandhom josservaw l-amministrazzjoni u l-użu effiċjenti tal-frekwenzi kif ukoll jieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ kompetizzjoni u tal-pluraliżmu tal-midja.

    a)  Fuq in-natura oneruża tal-attribuzzjoni fil-kuntest tat-tieni proċedura ta’ selezzjoni

    77.

    Il-qofol tat-tilwima bejn il-partijiet fil-proċedura huwa l-fatt, inkwistjoni fit-tieni, fit-tielet u fis-sitt domanda, li l-attribuzzjoni ta’ frekwenzi skont it-tieni proċedura ta’ selezzjoni ġdida saret oneruża wara li l-leġiżlatur Taljan annulla l-ewwel proċedura ta’ selezzjoni preċedenti qabel ma din setgħet tiġi konkluża. Filwaqt li Europa Way u Persidera jqisu li l-attribuzzjoni oneruża tal-frekwenzi tat-televiżjoni li issa hija fis-seħħ, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-partijiet l-oħra fil-proċedura huma tal-fehma opposta.

    – Assenza, fil-prinċipju, ta’ rekwiżit li l-għoti għandu jkun gratwitu

    78.

    Kif tenfasizza korrettament il-Kummissjoni b’mod partikolari, ebda dispożizzjoni tal-qafas regolatorju komuni ġdid ma tippreskrivi li l-attribuzzjoni tal-frekwenzi televiżivi tingħata gratwitament u biss abbażi tal-idoneità tal-applikanti (pereżempju permezz ta’ “konkors tas-sbuħija”). Għall-kuntrarju, ir-referenza għall-“proċeduri ta’ għażla kompetittivi jew komparattivi” fl-Artikolu 5(4) u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/20 hija fformulata b’mod suffiċjentement miftuħ, sabiex ikun jista’ jkopri kemm sistemi ta’ attribuzzjoni gratwiti kif ukoll sistemi ta’ attribuzzjoni onerużi.

    79.

    Attribuzzjoni ta’ frekwenzi oneruża b’ebda mod ma hija inkonċepibbli, fid-dawl tal-fatt, barra minn hekk, tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2002/21, li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-frekwenzi tar-radju huma beni pubbliċi li għandhom valur soċjali, kulturali u ekonomiku ( 41 ).

    80.

    Ċertament, għandu jiġi ddefinit il-kuntest li fih tista’ ssir l-attribuzzjoni oneruża tal-frekwenzi billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjonijiet tal-valuri l-oħra tal-leġiżlatur tal-Unjoni, partikolarment il-prinċipju tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, fost l-għanijiet fundamentali tal-qafas regolatorju komuni ġdid, hemm il-promozzjoni tal-kompetizzjoni (ara, partikolarment, l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2002/20 kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/21) ( 42 ) u l-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-qasam tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ara, partikolarment, l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2002/20 u l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2002/21), flimkien mal-isforzi għall-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-midja (ara, f’dan ir-rigward, l-ittra (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(3) u l-premessa 6 tad-Direttiva 2002/21 kif ukoll l-Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali). Il-prinċipju tal-kompetizzjoni u l-pluraliżmu tal-midja huma riflessi b’mod konkret ħafna fil-libertà ggarantita bid-dritt tal-Unjoni li jiġu pprovduti netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/20 u Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/77).

    81.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal,, it-tariffa li għandha titħallas għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tat-televiżjoni diġitali kif ukoll kwalunkwe prezz ta’ riżerva fil-każ ta’ irkant ta’ tali frekwenzi, għandhom ikunu moderati, sabiex l-impriżi li diġà huma attivi fis-suq tat-televiżjoni u dawk li għandhom l-intenzjoni jidħlu fis-suq għall-ewwel darba ikun fadlilhom biżżejjed riżorsi finanzjarji għall-investimenti fit-teknoloġiji neċessarji u għall-forniment ta’ kontenut bi kwalità għolja, irrispettivament mid-daqs tagħhom ( 43 ). Barra minn hekk, l-awtorità regolatorja nazzjonali trid tiżgura li f’tali proċess ta’ attribuzzjoni jipparteċipaw biss dawk l-impriżi li – b’kunsiderazzjoni għal kriterji li jridu jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji – joffru kull garanzija li f’suq tal-midja kkaratterizzat mill-kompetizzjoni u mill-pluraliżmu, ikunu operaturi adattati u affidabbli tan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

    82.

    Madankollu, ma jistax jiġi preżunt li l-kompetizzjoni u l-pluraliżmu fis-suq televiżiv jistgħu jiġu żgurati biss meta l-attribuzzjoni tal-frekwenzi tkun gratwita ( 44 ).

    83.

    Partikolarment, mill-qafas regolatorju komuni ġdid ma jista’ jiġi dderivat ebda tip ta’ obbligu min-naħa tal-Italja li tirrifjuta ħlas għall-attribuzzjoni tal-frekwenzi diġitali. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt, invokat mill-qorti nazzjonali u minn diversi partijiet fil-proċedura, li d-distribuzzjoni kontenzjuża inkwistjoni tad-dividend diġitali fl-aħħar mill-aħħar isservi bħala korrezzjoni ta’ sitwazzjoni irregolari fl-Italja kif kienet ikkundannata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Centro Europa 7 ( 45 ) kif ukoll mill-Kummissjoni fil-proċedura pendenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 46 ). Dan minħabba l-fatt li sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom tal-eliminazzjoni tas-sitwazzjoni irregolari ( 47 ), l-awtoritajiet kompetenti fl-Italja ngħataw marġni ta’ diskrezzjoni ( 48 ) li kien jinkorpora iktar minn għażla waħda ta’ azzjoni, u għalhekk għażliet oħra minbarra l-attribuzzjoni tal-frekwenzi gratwita.

    – Ebda diskriminazzjoni kontra operaturi tan-netwerk ġodda meta mqabbla mal-qodma

    84.

    Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll it-tħassib tagħha li l-impożizzjoni ta’ tariffa speċifikament għall-frekwenzi televiżivi kontenzjużi inkwistjoni,lijagħmlu parti mit-tielet grupp tal-multiplexes diġitali ( 49 ) tista’ tiddiskrimina kontra operaturi tan-netwerk ġodda meta mqabbla mal-impriżi diġà attivi fis-suq (l-operaturi preżenti fis-suq), partikolarment fil-konfront ta’ Rai u Mediaset bħala l-operaturi dominanti fis-suq. Dan peress li tal-aħħar, kif isostnu wkoll Europa Way u Persidera, kisbu l-frekwenzi tat-televiżjoni tagħhom mill-ewwel u mit-tieni grupp, mingħajr ma pprovdew korrispettiv finanzjarju fil-mument tal-akkwist tad-drittijiet ta’ użu.

    85.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament indaqs jew ta’ nondiskriminazzjoni skont id-dritt tal-UE ( 50 ), li fil-frattemp ġie stabbilit ukoll fl-Artikolu 20 u fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, barra minn hekk, huwa rifless f’diversi dispożizzjoni tal-qafas regolatorju ġdid ( 51 ), jipprovdi li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat ( 52 ).

    86.

    In-natura komparabbli ta’ sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-iskop tal-miżura rispettiva. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni ( 53 ).

    87.

    F’dan il-każ, l-attribuzzjoni gratwita tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali mill-ewwel u mit-tieni grupp lil Rai u lil Mediaset serviet l-għan doppju li tiġi żgurata l-kontinwità tal-offerta tat-televiżjoni fl-Italja kif ukoll li jiġu onorati investimenti li diġà saru fit-teknoloġija diġitali ( 54 ). Fir-rigward ta’ dan l-għan, l-impriżi li diġà huma attivi fis-suq tat-televiżjoni u l-impriżi ġodda li ser jidħlu f’dan is-suq ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli.

    88.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jeżistux indikazzjonijiet suffiċjenti għal diskriminazzjoni bejn dawn iż-żewġ gruppi ta’ impriżi, minn tal-inqas abbażi tal-informazzjoni disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    89.

    Nixtieq inżid li l-garanzija, inter alia, tal-kontinwità tal-offerta tat-televiżjoni, barra minn hekk, tikkostitwixxi għan li jinsab fl-interess tal-pubbliku ġenerali, li prinċipalment jidher li huwa adatt sabiex jiġġustifika inugwaljanza eventwali fit-trattament, sa fejn din l-inugwaljanza fit-trattament tiġi kkonfinata strettament għal dak li huwa indispensabbli meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-kompetizzjoni u l-pluraliżmu tal-midja għall-ksib koerenti u sistematiku tal-għan inkwistjoni ( 55 ).

    90.

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li fl-Italja jinġabru tariffi annwali għall-użu tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali kollha ( 56 ). Għaldaqstant, anki dawk l-impriżi li diġà kienu attivi fis-suq (l-operaturi preżenti fis-suq) qabel it-tranżizzjoni għat-televiżjoni diġitali, fil-verità ma jistgħux jużaw il-frekwenzi diġitali tagħhom gratwitament, iżda għandhom jagħmlu pagamenti perijodiċi lill-Istat għal dan l-għan. Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ operatur tan-netwerk li permezz tal-irkant ikun xtara frekwenzi diġitali ġodda mit-tielet grupp – id-dividend diġitali – il-ħlas li jkun sar minnu għandu jiġi kkalkolat fuq it-tariffi tiegħu tas-snin segwenti ( 57 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi preżunt li n-natura oneruża tal-attribuzzjoni tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali mit-tielet grupp ma twassal għal ebda ksur eċċessiv tal-prinċipju tal-kompetizzjoni jew tal-pluraliżmu tal-midja.

    b)  Fuq il-limitazzjoni tal-ammont tal-frekwenzi diġitali li għandhom jitqassmu

    91.

    Minbarra n-natura oneruża tal-attribuzzjoni tal-frekwenzi, fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġie diskuss marġinalment il-fatt li, meta mqabbla mal-ewwel sejħa għall-offerti li ġiet annullata, fit-tieni sejħa għall-offerti kienu previsti inqas multiplexes għall-attribuzzjoni, peress li kienu tlieta biss minflok il-ħamsa oriġinali. Dan l-aspett jissemma fir-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju.

    92.

    Il-limitazzjoni tal-frekwenzi disponibbli hija ammissibbli sakemm din tkun neċessarja għall-użu effiċjenti tal-ispettru tal-frekwenzi, issir skont kriterji oġġettivi u trasparenti kif ukoll tissodisfa l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità (ara partikolarment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(3) u l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2002/21 kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4), l-Artikolu 5(5) u (6) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/20 ( 58 )).

    93.

    Skont l-informazzjoni konsistenti ta’ diversi partijiet, f’dan il-każ it-tnaqqis bi tnejn tal-frekwenzi li għandhom jitqassmu mid-dividend diġitali għal dawk li issa huma tliet multiplexes huwa dovut għal żewġ fatturi: minn naħa, abbażi ta’ konsultazzjonijiet fil-kuntest tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT), ċerti frekwenzi fil-futur ma kellhomx jibqgħu disponibbli għat-televiżjoni, iżda kellhom jinżammu għat-telekomunikazzjoni. Min-naħa l-oħra, ċerti frekwenzi kienu vvizzjati bir-riskju serju ta’ interferenzi dannużi ( 59 ).

    94.

    Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda dak tal-qorti tar-rinviju, li tivverifika jekk dawn l-allegazzjonijiet humiex minnhom u jekk ġewx ippreżervati l-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, meta proprju fit-tielet grupp, li huwa inkwistjoni fil-kawża ineżami, tal-frekwenzi tat-televiżjoni li għandhom jiġu ddistribwiti – jiġifieri speċifikament fil-qafas tad-dividend diġitali – sar tnaqqis tal-multiplexes diġitali disponibbli minn ħamsa għal tlieta.

    95.

    Għall-finijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari hija biżżejjed il-konstatazzjoni li l-imsemmi tħassib (teħid inkunsiderazzjoni tal-konsultazzjonijiet tal-UIT u prevenzjoni tal-interferenzi dannużi) huwa fl-interess ġenerali u jista’ jwassal għal tnaqqis fl-offerta tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali (ara wkoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2002/21 kif ukoll l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/20), bil-kundizzjoni li l-frekwenzi li għadhom disponibbli mid-dividend diġitali jkunu suffiċjenti sabiex jiġi osservat il-prinċipju tal-kompetizzjoni u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll li tingħata possibbiltà li jkun hemm dħul ġdid fis-suq ta’ natura sostanzjali.

    96.

    Waqt il-verifika tal-proporzjonalità tal-miżuri għat-tnaqqis tal-multiplexes diġitali disponibbli minn ħamsa għal tlieta, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tivverifika fid-dettall jekk, minflok tnaqqis tad-dividend diġitali (hawnhekk jiġifieri l-frekwenzi diġitali kontenzjużi tat-tielet grupp ( 60 )), kinitx tkun daqstant adatta bħal restrizzjoni fl-ammont tal-multiplexes mogħtija mod ieħor (jiġifieri l-frekwenzi diġitali tal-ewwel jew it-tieni grupp) – jekk mhux saħansitra aħjar – sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsultazzjonijiet tal-UIT u sabiex jiġu evitati interferenzi. Kif nispjega iktar fid-dettall fil-kawża C‑112/16 ( 61 ), fil-fatt ma huwiex inkonċepibbli li Rai u Mediaset ingħataw ħafna frekwenzi diġitali, l-iktar mill-ewwel grupp, li jfisser li t-tnaqqis tal-multiplexes imqassma minn dan il-grupp seta’ kellu impatt inqas sinjifikattiv għall-kompetizzjoni fis-suq tat-televiżjoni u għall-pluraliżmu tal-midja milli fil-kuntest tat-tielet grupp, id-dividend diġitali.

    VI. Konklużjoni

    97.

    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato:

    1)

    Ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 3(2) u (3a) tad-Direttiva 2002/21/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE, li proċedura pendenti mmexxija mill-awtorità regolatorja nazzjonali, għall-attribuzzjoni tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali, l-ewwel tiġi sospiża u sussegwentement tiġi kkanċellata kompletament fuq ordni minn korpi statali oħra li ma jaġixxux bħala awtorità superviżorja jew bħala korpi ta’ appell kompetenti.

    2)

    Il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi stabbilit fid-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix li tiġi kkanċellata proċedura pendenti tal-awtorità regolatorja nazzjonali għall-attribuzzjoni gratwita tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali, u li minflok tiġi implementata proċedura ġdida quddiem l-istess awtorità għall-attribuzzjoni oneruża tat-tali frekwenzi.

    3)

    Il-leġiżlatur nazzjonali ma jwettaqx funzjonijiet ta’ regolamentazzjoni u ma huwiex suġġett għall-obbligi li tiġi organizzata konsultazzjoni skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2002/20/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/21, meta dan jippreskrivi l-attribuzzjoni oneruża tal-frekwenzi televiżivi diġitali.

    4)

    L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21, l-Artikolu 3, l-Artikolu 5 u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/20 kif ukoll l-Artikolu 2 u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/77/KE ma jipprekludux il-miżuri li ġejjin:

    a)

    limitazzjoni tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali previsti speċifikament għal operaturi tan-netwerks żgħar u għal operaturi tas-suq ġodda, jekk din timplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni stipulazzjonijiet jew rakkomandazzjonijiet fl-interess ġenerali abbażi tal-ftehimiet internazzjonali rilevanti jew jekk għandhom jiġu evitati interferenzi fil-frekwenza, bil-kundizzjoni li jinżamm il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-dħul fis-suq ma jkunx eċċessivament diffiċli għal operaturi tas-suq ġodda;

    b)

    attribuzzjoni oneruża tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali, sa fejn, f’din l-attribuzzjoni u partikolarment fl-iffissar tal-ħlas, jiġu osservati l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità u sa fejn jiġi żgurat li din l-attribuzzjoni ser tippromwovi kif xieraq il-kompetizzjoni fis-suq tat-televiżjoni kif ukoll il-pluraliżmu tal-midja.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu Nru 2005/5086 (ara, f’dan ir-rigward, l-istqarriji għall-istampa tal-Kummissjoni IP/06/1019 tad-19 ta’ Lulju 2006 u IP/07/1114 tat-18 ta’ Lulju 2007); din il-proċedura, li fiha f’Lulju tal-2007 il-Kummissjoni ppreżentat opinjoni motivata fis-sens tal-Artikolu 258(1) TFUE (preċedentement l-Artikolu 226(1) KE), għadha ma ġietx konkluża sal-lum.

    ( 3 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59).

    ( 4 ) Persidera hija s-suċċessur fid-dritt ta’ Telecom Italia Media Broadcasting (TIMB). Qabel ma saret it-tranżizzjoni definittiva għat-televiżjoni diġitali, fl-Italja TIMB kienet tiġġestixxi żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi (“La 7” u “MTV”) u tnejn diġitali (“TIMB1” u “MBONE”).

    ( 5 ) Fir-rigward tal-kunċett tad-dividend diġitali, ara l-premessa 26 tad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU 2009, L 337, p. 37); ara, barra minn hekk, il-punt 1 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Novembru 2007, “Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew: Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali”, KUMM(2007) 700 finali.

    ( 6 ) Ministero dello sviluppo economico (MiSE).

    ( 7 ) Aġenzija regolatorja tal-komunikazzjoni.

    ( 8 ) Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).

    ( 9 ) Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337).

    ( 10 ) Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE, tas-16 ta’ Settembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva tal-Kompetizzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178).

    ( 11 ) Wieħed mill-vantaġġi kbar tat-televiżjoni diġitali huwa li, kuntrarjament għat-televiżjoni analoga, jistgħu jiġu trażmessi diversi programmi bl-istess medda ta’ frekwenza.

    ( 12 ) Din id-deċiżjoni saret liġi permezz tad-Digriet-Leġiżlattiv (Decreto-legge) Nru 59/2008, moqri flimkien mal-Liġi Nru 101/2008.

    ( 13 ) Ara, iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    ( 14 ) Xi wħud mill-partijiet li pparteċipaw fil-proċedura jsemmu total ta’ 22 multiplex, fir-raba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju (ara, iktar ’il quddiem, il-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet) saħansitra tirreferi għal 25 jew 22 “stazzjon [netwerk]”. Madankollu, għall-finijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti dawn id-diverġenzi ma humiex rilevanti. Fis-sottomissjonijiet tiegħi, ser nibqa’ nsostni ċ-ċifra 21, mhux l-inqas minħabba raġunijiet ta’ koerenza mal-fatti kif ġew ikkomunikati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C‑112/16.

    ( 15 ) Fir-rigward tal-kunċett tad-dividend diġitali, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.

    ( 16 ) “Konkors tas-sbuħija”.

    ( 17 ) Kif jirriżulta mill-fajl, Persidera ppreżentat applikazzjonijiet konġunti ma’ Rai u Elettronica Industriale (Mediaset) għal żewġ lottijiet fil-kuntest tas-selezzjoni.

    ( 18 ) Dan id-digriet-leġiżlattiv sar definittivament liġi bil-Liġi Nru 44/2012.

    ( 19 ) Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 3d, b’mod partikolari, ġiet introdotta mill-Parlament Taljan stess, u dan proprju fil-kuntest tal-proċedura ta’ konverżjoni ta’ dan id-digriet-leġiżlattiv f’liġi.

    ( 20 ) Illum il-ġurnata Cairo Network topera l-istazzjon televiżiv “La 7” fl-Italja.

    ( 21 ) Qorti amministrattiva reġjonali ta’ Lazio.

    ( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Nri 9981/2014 u 9982/2014 tat-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio tal-25 ta’ Settembru 2014.

    ( 23 ) Kunsill tal-istat.

    ( 24 ) Elettronica Industriale tappartjeni mal-grupp ta’ impriżi Mediaset. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-impriża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha rigward it-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari biss.

    ( 25 ) Ġurisprudenza stabbilita; ara, inter alia, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05 EU:C:2008:59, punti 49 sa 51).

    ( 26 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-bżonn li jiġi osservat l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura eż. fid-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Security Service et (C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 18). Fil-ġurisprudenza stabbilita preċedenti diġà kienu fformulati rekwiżiti ta’ ammissibbiltà għal talbiet għal deċiżjoni preliminari bl-istess kontenut; vide, inter alia, is-sentenzi tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 42), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punti 5657).

    ( 27 ) Fl-istess sens, id-digriet tat-8 ta’ Ottubru 2002, Viacom (C‑190/02, EU:C:2002:569, punti 2122), kif ukoll is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et (C‑320/90 sa C‑322/90, EU:C:1993:26, punt 7), tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59, punt 58), tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 20), u tat-13 ta’ Frar 2014, Airport Shuttle Express et (C‑162/12 u C‑163/12, EU:C:2014:74, punt 38).

    ( 28 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59, punti 64 sa 71, partikolarment il-punt 69).

    ( 29 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59).

    ( 30 ) Proċedura pendenti tal-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq) ma tiġġustifikax obbligu ġuridiku tal-Istat Membru li jadotta miżuri nazzjonali, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx ikkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’sentenza jew tkun stabbilixxiet miżuri provviżorji b’deċiżjoni.

    ( 31 ) L-estent tal-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jintwera, pereżempju, fis-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑424/07, EU:C:2009:749, partikolarment il-punti 83, 91, 94, 99 u 106), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza ripetutament id-diskrezzjoni tal-awtoritajiet u s-setgħa tagħhom li jqiegħdu f’bilanċ il-miri regolatorji varji.

    ( 32 ) Sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, Fracasso u Leitschutz (C‑27/98, EU:C:1999:420, punt 25), kif ukoll tat-18 ta’ Ġunju 2002, HI (C‑92/00, EU:C:2002:379, punt 40), u tal-11 ta’ Diċembru 2014, Croce Amica One Italia (C‑440/13, EU:C:2014:2435, punt 31).

    ( 33 ) Sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck (112/80, EU:C:1981:94, punt 48), u tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et (C‑369/09 P, EU:C:2011:175, punt 122).

    ( 34 ) Sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 77), tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 62); vide, barra minn hekk, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 147), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punti 8186).

    ( 35 ) Ara, iktar ’il fuq, punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 36 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et (C‑389/08, EU:C:2010:584, punti 26 sa 30).

    ( 37 ) It-tielet sentenza tal-premessa 13 tad-Direttiva 2009/140.

    ( 38 ) Rigward il-possibbiltà tat-trasferiment tal-funzjonijiet ta’ regolamentazzjoni fuq diversi awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-awtonomija istituzzjonali tal-Istati Membri, ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2008, Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (C‑82/07, EU:C:2008:143, punti 18, 19 u 24), tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et (C‑389/08, EU:C:2010:584, punt 26), tas-17 ta’ Settembru 2015, KPN (C‑85/14, EU:C:2015:610, punt 53), u tad-19 ta’ Ottubru 2016, Ormaetxea Garai u Lorenzo Almendros (C‑424/15, EU:C:2016:780, punt 30).

    ( 39 ) Rigward l-awtonomija istituzzjonali tal-Istati Membri ara l-premessa 11 tad-Direttiva 2002/21.

    ( 40 ) Ara l-punti 33 sa 44 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Telefónica Móviles España (C‑85/10, EU:C:2011:141, punt 27).

    ( 42 ) Ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑376/13, EU:C:2015:266, punt 69).

    ( 43 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Telefónica Móviles España (C‑85/10, EU:C:2011:141, punt 28), u tal-21 ta’ Marzu 2013, Belgacom et (C‑375/11, EU:C:2013:185, punti 5051).

    ( 44 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Telefónica Móviles España (C‑85/10, EU:C:2011:141, punt 29), li tipprovdi li sottovalutazzjoni tal-ammont tat-tariffa jista’ jkun ta’ detriment għall-użu effiċjenti tal-frekwenzi tar-radju bl-istess mod tar-riżorsi skarsi.

    ( 45 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59).

    ( 46 ) Rigward din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ara iktar ’il fuq in-noti ta’ qiegħ il-paġni 2 u 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 47 ) Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et (C‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punti 3738).

    ( 48 ) Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-liċenzji tal-logħob tal-ażżard, kemm l-irtirar u d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-liċenzji qodma kif ukoll il-proċedura ta’ selezzjoni ta’ ammont adatt ta’ liċenzji ġodda jistgħu joffru soluzzjonijiet adattati sabiex tiġi rrimedjata l-esklużjoni illegali ta’ ċerti operaturi tas-suq, għall-inqas fil-futur; ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punt 63), tas-16 ta’ Frar 2012, Costa (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 52), u tat-22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting u Stanleybet Malta (C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 35).

    ( 49 ) Rigward il-klassifikazzjoni tal-frekwenzi li għandhom jitqassmu fi tliet gruppi vide, iktar ’il fuq, punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 50 ) Rigward din it-terminoloġija, ara pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, EU:C:2006:545, punt 57).

    ( 51 ) Ara, partikolarment, it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) u l-premessa 19 tad-Direttiva 2002/21, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/20, kif ukoll l-Artikolu 2(4) u l-punt 2 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/77.

    ( 52 ) Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23), tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 5455), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 74).

    ( 53 ) Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 2526), tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2011:100, punt 29), tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 167), u tas-6 ta’ Novembru 2014, Feakins (C‑335/13, EU:C:2014:2343, punt 51).

    ( 54 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq. Dan il-fatt ġie enfasizzat ukoll fis-seduta minn diversi partijiet.

    ( 55 ) Din il-problema ser nindirizzaha fid-dettall fil-konklużjonijiet li ser nippreżenta llum fil-kawża paralleli Persidera (C‑112/16, punti 63 sa 72).

    ( 56 ) Dan il-fatt ġie enfasizzat kemm fil-proċedura bil-miktub kif ukoll dik fil-proċedura orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn diversi partijiet involuti fil-proċedura, mingħajr ma saret oppożizzjoni minn Europa Way u Persidera.

    ( 57 ) Skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; il-qorti tar-rinviju ser ikollha tivverifika jekk din l-informazzjoni hijiex minnha.

    ( 58 ) Ara wkoll is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59, punt 100).

    ( 59 ) Fl-osservazzjonijiet tagħha, anki s-Slovenja ġibdet l-attenzjoni bis-sħiħ għal din il-problema fil-Kawża C‑112/16.

    ( 60 ) Fuq il-klassifikazzjoni tal-frekwenzi li għandhom jitqassmu fi tliet gruppi, ara mill-ġdid il-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.

    ( 61 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi tal-lum fil-kawża Persidera (C‑112/16, partikolarment il-punti 67 sa 71).

    Top