SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Frar 2012 ( *1 )

“Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Ġbir ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi — Rekwiżit ta’ liċenzja — Konsegwenzi li jinsiltu minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-għoti ta’ liċenzji — Għoti ta’ 16300 liċenzja addizzjonali — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u obbligu ta’ trasparenza — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Protezzjoni tad-detenturi ta’ liċenzji preċedenti — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Distanzi minimi obbligatorji bejn postijiet ta’ ġbir ta’ mħatri — Ammissibbiltà — Attivitajiet transkonfinali simili għal dawk li huma s-suġġett tal-liċenzja — Projbizzjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Ammissibbiltà”

Fil-Kawżi magħquda C-72/10 u C-77/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Novembru 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Frar 2010, fil-proċeduri kriminali kontra

Marcello Costa (C-72/10),

Ugo Cifone (C-77/10),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Costa, minn D. Agnello, avukat,

għal U. Cifone, minn D. Agnello, R. Jacchia, A. Terranova, F. Ferraro, A. Aversa, A. Piccinini, F. Donati u A. Dossena avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u A. Hubert, avukati,

għall-Gvern Spanjol, minn F. Diéz Moreno, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u P. Mateus Calado, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Traversa u S. La Pergola, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra M. Costa u U. Cifone, amministraturi ta’ ċentri ta’ trażmissjoni ta’ data (iktar ’il quddiem iċ-“ĊTD”) marbuta kuntrattwalment mal-kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż Stanley International Betting Ltd (iktar ’il quddiem “Stanley”), għal nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni Taljana li tirregola l-ġbir ta’ mħatri, b’mod partikolari d-Digriet Irjali Nru 773, li japprova t-test uniku tal-liġijiet fil-qasam tas-sigurtà pubblika (Regio decreto n. 773 — Testo unico delle leggi di pubblica sicurezza), tat-18 ta’ Ġunju 1931 (GURI Nru 146, tas-26 ta’ Ġunju 1931), kif emendat bl-Artikolu 37(4) tal-Liġi Nru 388, tat-23 ta’ Diċembru 2000 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 2000, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”). Dawn it-talbiet jaqgħu fil-kuntesti ġuridiċi u fattwali simili għal dawk li wasslu għas-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C-67/98, Ġabra p. I-7289); tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C-243/01, Ġabra p. I-13031); tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891), kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-260/04, Ġabra p. I-7083).

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-leġiżlazzjoni Taljana tipprovdi, essenzjalment, li l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ ġbir u ta’ ġestjoni tal-imħatri jippresupponi l-kisba ta’ liċenzja wara sejħa għal offerti u ta’ awtorizzazzjoni mill-pulizija. Kull ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa suġġett għal sanzjonijiet kriminali.

Il-liċenzji

4

Sakemm il-leġiżlazzjoni applikabbli ġiet emendata fl-2002, l-operaturi kkostitwiti bħala kumpanniji b’kapital azzjonarju li l-azzjonijiet tagħhom huma kkwotati fis-swieq regolati ma setgħux jingħataw liċenzja għal-logħob tal-ażżard. Dawn l-operaturi kienu konsegwentement esklużi mis-sejħiet għal offerti għall-għoti ta’ liċenzji li saru fl-1999. L-illegalità ta’ din l-esklużjoni fid-dawl tal-Artikoli 43 KE u 49 KE ġiet ikkonstatata b’mod partikolari fis-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq.

5

Id-Digriet-Leġiżlattiv Nru 223 tal-4 ta’ Lulju 2006, li jipprovdi dispożizzjonijiet urġenti għall-irpiljar ekonomiku u soċjali, għall-kontroll u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi, u interventi fil-qasam tad-dħul fiskali u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali, mibdul f’liġi bil-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006 (GURI Nru 18, tal-11 ta’ Awwissu 2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Bersani”), għamel riforma fis-settur tal-logħob fl-Italja, intiża sabiex jiżgura li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

6

L-Artikolu 38 tad-Digriet Bersani, intitolat “Miżuri tal-ġlieda kontra l-logħob illegali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-adozzjoni, qabel il-31 ta’ Diċembru 2006, ta’ serje ta’ dispożizzjonijiet “bil-għan tal-ġlieda kontra t-tixrid tal-logħob irregolari u illegali u kontra l-evażjoni u l-frodi fiskali fis-settur tal-logħob, kif ukoll sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-lagħàba”.

7

L-Artikolu 38(2) u (4) tad-Digriet Bersani jistabbilixxi modalitajiet ġodda ta’ distribuzzjoni ta’ logħob tal-ażżard marbut, minn naħa, mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel u, min-naħa l-oħra, mat-tiġrijiet taż-żwiemel. B’mod partikolari:

huwa previst li jinfetħu minn tal-inqas 7 000 postijiet ta’ bejgħ ġodda għal-logħob tal-ażżard marbut mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel u minn tal-inqas 10 000 postijiet ta’ bejgħ ġodda għal-logħob tal-ażżard marbut mat-tiġrijiet taż-żwiemel;

in-numru massimu ta’ postijiet ta’ bejgħ minn lokal huwa stabbilit fid-dawl tan-numru ta’ abitanti u filwaqt li jitqiesu l-postijiet ta’ bejgħ li għalihom diġà ngħatat liċenzja wara s-sejħa għal offerti tal-1999;

il-postijiet ta’ bejgħ ġodda għandhom josservaw distanza minima minn dawk li għalihom diġà ngħatat liċenzja wara s-sejħa għal offerti tal-1999;

l-amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat (iktar ’il quddiem l-“AAMS”), li topera taħt il-patroċinju tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi, hija responsabbli għad-“definizzjoni tal-modalitajiet ta’ protezzjoni” tad-detenturi ta’ liċenzji mogħtija wara s-sejħa għal offerti tal-1999.

L-awtorizzazzjonijiet tal-pulizija

8

Is-sistema ta’ liċenzji hija marbuta ma’ sistema ta’ kontrolli tas-sigurtà pubblika rregolata mid-Digriet Irjali. Skont l-Artikolu 88 tiegħu, awtorizzazzjoni tal-pulizija tista’ tingħata biss lil dawk li jkollhom liċenzja jew awtorizzazzjoni mill-ministru jew entità oħra li lilha l-liġi tirriżerva l-fakultà li torganizza jew tiġġestixxi l-imħatri.

Is-sanzjonijiet kriminali

9

L-organizzazzjoni ta’ logħob, inkluż dak b’mezzi telematiċi jew telefoniċi, mingħajr il-liċenzja jew l-awtorizzazzjoni tal-pulizija obbligatorji tikkostitwixxi fl-Italja reat kriminali punibbli b’detenzjoni li tista’ tilħaq tliet snin skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 401, tat-13 ta’ Diċembru 1989, li tintervjeni fis-settur tal-logħob u tal-imħatri klandestini u tipproteġi l-ġestjoni tajba tal-kompetizzjonijiet sportivi (GURI Nru 294, tat-18 ta’ Diċembru 1989), kif emendata bl-Artikolu 37(5) tal-Liġi Nru 388, tat-23 ta’ Diċembru 2000 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 2000, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 401/89”).

Il-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

Stanley u s-sitwazzjoni tagħha fl-Italja

10

Stanley hija awtorizzata sabiex topera bħala kollettur ta’ mħatri fir-Renju Unit permezz ta’ liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Liverpool. Stanley tirċievi mħatri fissi fuq firxa wiesgħa ta’ avvenimenti, sportivi u mhux sportivi, nazzjonali u internazzjonali.

11

Stanley topera fl-Italja permezz ta’ iktar minn 200 aġenzija, taħt il-forma ta’ ĊTD. Iċ-ĊTD huma postijiet miftuħa għall-pubbliku fejn il-lagħàba jistgħu jagħmlu mħatri sportivi b’mezzi telematiċi billi jaċċedu għal server ta’ Stanley li jinsab fir-Renju Unit jew fi Stat Membru ieħor, iħallsu l-ammonti ta’ flus li jilagħbu u, jekk ikun il-każ, jirċievu l-ammonti ta’ flus mirbuħa. Iċ-ĊTD huma ġestiti minn operaturi indipendenti marbuta kuntrattwalment ma’ Stanley. Fl-Italja, Stanley topera biss permezz ta’ dawn il-postijiet fiżiċi ta’ bejgħ bl-imnut u ma hijiex għalhekk operatur tal-logħob tal-ażżard bl-internet.

12

Huwa paċifiku li, fid-dawl tal-mod kif Stanley topera, huwa fil-prinċipju l-kompitu ta’ Stanley li tikseb liċenzja għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ ġbir u ta’ ġestjoni tal-imħatri fl-Italja, u dan jippermetti liċ-ĊTD jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom.

13

Stanley, li kienet tifforma parti minn grupp ikkwotat fis-swieq regolati, ġiet eskluża, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, mis-sejħa għal offerti li wasslet għall-għoti, fl-1999, ta’ 1000 liċenzja għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ mħatri f’kompetizzjonijiet sportivi li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel, li kienu validi għal perijodu ta’ sitt snin u rinovabbli għal sitt snin oħra.

14

Id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Bersani ġew implementati mill-AAMS permezz ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti li saru matul is-sena 2006. Fit-28 ta’ Awwissu 2006, żewġ avviżi għall-għoti ta’ liċenzji ġew ippubblikati skont l-Artikolu 38(2) u (4) tad-Digriet Bersani, li offrew b’kompetizzjoni liċenzji għal 500 posta ta’ bejgħ speċjalizzat ta’ logħob marbut mat-tiġrijiet taż-żwiemel u 9500 posta ta’ bejgħ mhux speċjalizzat ta’ logħob marbut mat-tiġrijiet taż-żwiemel, minbarra l-ħolqien ta’ netwerks ta’ logħob marbuta mat-tiġrijiet taż-żwiemel mill-bogħod, kif ukoll għal 1900 posta ta’ bejgħ speċjalizzat ta’ logħob sportiv u 4400 posta ta’ bejgħ mhux speċjalizzat ta’ logħob sportiv, minbarra l-ħolqien ta’ netwerks ta’ logħob sportiv mill-bogħod. Dawn l-avviżi ġew ippubblikati wkoll fit-30 ta’ Awwissu 2006 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (Proċeduri Nri 2006/S-163-175655 u 2006/S-164-176680). Id-data finali għall-preżentazzjoni tal-offerti ġiet stabbilita għall-20 ta’ Ottubru 2006 għat-tipi kollha ta’ liċenzji.

15

Id-dokumentazzjoni li tirrigwarda s-sejħiet għal offerti kienet tinkludi b’mod partikolari l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inklużi tmien annessi kif ukoll l-abbozz ta’ ftehim bejn l-AAMS u l-awtorità kontraenti tal-liċenzja dwar logħob tal-ażżard marbut mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ ftehim”).

16

Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jissuġġettaw il-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti, minn naħa, skont l-Artikolu 13 tagħhom, għall-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja provviżorja u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 14 tagħhom, għall-impenn li tiġi kkostitwita garanzija bankarja definittiva li tkopri l-obbligi li jirriżultaw mil-liċenzja.

17

Skont l-Artikolu 23(2)(a) tal-abbozz ta’ ftehim, l-AAMS hija marbuta tiddikjara d-dekadenza tal-liċenzja fil-każ fejn jiġu “adottati fil-konfront tad-detenturi ta’ liċenzja, tar-rappreżentant legali jew tal-amministraturi tagħhom miżuri kawtelatorji jew deċiżjonijiet ta’ rinviju quddiem il-qorti li tiddeċiedi l-mertu għall-każijiet kollha ta’ reati previsti mil-Liġi Nru 55 tad-19 ta’ Marzu 1990, kif ukoll għall-każijiet l-oħra kollha ta’ reati li jistgħu jippreġudikaw ir-relazzjoni ta’ fiduċja mal-AAMS”.

18

L-Artikolu 23(3) tal-abbozz ta’ ftehim jistipula wkoll li l-AAMS “għandu jiddikjara d-dekadenza tal-liċenzja, wara li jkun issospenda immedjatament l-effetti tagħha b’mod kawtelatorju, meta d-detentur ta’ liċenzja jikkummerċjalizza, hu nnifsu jew permezz ta’ kumpannija relatata miegħu — tkun xi tkun din ir-relazzjoni — fit-territorju Taljan jew permezz ta’ siti telematiċi barra mit-territorju nazzjonali, logħob simili għal logħob pubbliku jew għal logħob ieħor ġestit mill-AAMS, jew għal logħob ipprojbit mill-ordinament ġuridiku Taljan”.

19

Skont l-Artikolu 23(6) tal-abbozz ta’ ftehim, il-garanzija bankarja kkostitwita mid-detentur ta’ liċenzja tibqa’ għand l-AAMS fil-każ ta’ dekadenza tal-liċenzja, u dan mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-AAMS li titlob kumpens għad-dannu sussegwenti.

20

Wara l-pubblikazzjoni tal-avviżi għall-għoti ta’ liċenzji, Stanley wriet mill-ġdid l-interess tagħha li tikseb liċenzja għall-ġbir u l-ġestjoni ta’ mħatri u kisbet mingħand l-AAMS id-dokumentazzjoni elettronika neċessarja sabiex tagħmel offerta. Stanley imbagħad talbet lill-AAMS tagħtiha spjegazzjonijiet dwar xi wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet li setgħu possibbilment jikkostitwixxu ostakli għall-parteċipazzjoni tagħha fis-sejħa għal offerti u li l-interpretazzjoni tagħhom ma kinitx ċara għaliha f’ċerti aspetti.

21

B’ittra tal-21 ta’ Settembru 2006, Stanley staqsiet lill-AAMS jekk il-mudell operattiv tagħha, ibbażat fuq iċ-ĊTD affiljati fih, kienx ikkunsidrat mill-AAMS bħala li jikser il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet li jidhru fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti, b’mod partikolari l-Artikolu 23(3) tal-abbozz ta’ ftehim, b’mod li l-parteċipazzjoni f’dawn il-proċeduri u r-riżultat pożittiv possibbli tagħhom jistgħu jipprekluduha milli twettaq din l-attività, u jekk it-twettiq ta’ din l-attività jistax jikkostitwixxi bażi ta’ revoka, ta’ dekadenza jew ta’ sospenzjoni tal-liċenzji li setgħu ngħataw.

22

Fir-risposta tagħha tas-6 ta’ Ottubru 2006, l-AAMS ikkunsidrat li l-parteċipazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ liċenzji kienet suġġetta għar-rinunzja, fl-Italja, għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet transkonfinali, filwaqt li affermat, b’mod partikolari, li s-sistema l-ġdida kienet tippermetti lill-kandidati li jistabbilixxu netwerks ta’ bejgħ li setgħu wkoll ikunu ta’ natura nazzjonali. Madankollu, hija ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li dawn in-netwerks għandhom it-tendenza “li jissostitwixxu naturalment in-netwerks potenzjali preċedenti u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23 tal-abbozz ta’ ftehim [kienu jikkostitwixxu] protezzjoni korretta tal-investimenti magħmula minn dawn l-istess detenturi ta’ liċenzja”.

23

B’risposta għal din l-ittra, Stanley talbet lill-AAMS, fl-10 ta’ Ottubru 2006, tikkunsidra mill-ġdid is-sitwazzjoni tagħha “billi temenda l-klawżoli tas-sejħa għal offerti, u b’mod partikolari l-Artikolu 23 tal-abbozz ta’ ftehim, b’mod li s-sottoskritta tkun tista’ tipparteċipa fis-selezzjoni, mingħajr ma tkun mġiegħla tirrinunzja għall-eżerċizzju tal-libertà fundamentali tagħha li tipprovdi servizzi transkonfinali”.

24

Fit-12 ta’ Ottubru 2006, Stanley bagħtet lill-AAMS ukoll id-domanda supplimentari li ġejja:

“Fil-każ li Stanley tiddeċiedi li tirrinunzja għall-użu tas-servizzi transkonfinali tagħha fl-Italja u milli tipparteċipa fil-proċeduri tas-sejħiet għal offerti, l-operaturi attwali tan-netwerk tagħha — li huma ta’ natura nazzjonali — jistgħu jiġu personalment affettwati bit-telf tal-intitolamenti tagħhom stess; fil-każ ta’ risposta negattiva, dawn l-istess operaturi għandhom jissodisfaw kriterji ta’ intitolament supplementari jew, għall-kuntrarju, jistgħu sempliċement jaderixxu għall-abbozz ta’ ftehim mudell previst mill-AAMS?”

25

Fis-17 ta’ Ottubru 2006, Stanley irrimarkat li hija ma kinitx irċeviet risposta għat-talbiet għal spjegazzjonijiet tagħha tal-10 u tat-12 ta’ Ottubru 2006, liema risposta hija kellha bżonn b’urġenza sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk hija kellhiex tipparteċipa jew le fis-sejħiet għal offerti. Fit-18 ta’ Ottubru 2006, l-AAMS ċaħdet b’mod definittiv it-talbiet għal spjegazzjonijiet ta’ Stanley, li konsegwentement iddeċidiet li ma tipparteċipax fis-sejħa għal offerti.

26

Stanley talbet l-annullament tal-avviżi u tal-atti marbuta mal-proċeduri tas-sejħiet għal offerti quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio bil-Kawża Nru 10869/2006, tas-27 ta’ Novembru 2006, li għadha pendenti.

27

Is-sejħiet għal offerti saru matul ix-xahar ta’ Diċembru 2006 bl-għoti ta’ madwar 14000 liċenzja ġdida.

Il-proċeduri li jinvolvu l-amministraturi taċ-ĊTD ta ’ Stanley

28

Minkejja l-fatt li Stanley ma saritx detentriċi ta’ liċenzja għall-ġbir u l-ġestjoni ta’ mħatri, M. Costa u U. Cifone talbu l-awtorizzazzjoni tal-pulizija prevista fl-Artikolu 88 tad-Digriet Irjali sabiex jeżerċitaw l-attività tagħhom bħala amministraturi taċ-ĊTD.

Il-Kawża Costa (C-72/10)

29

Fiż-żmien rilevanti tal-kawża prinċipali, M. Costa kien amministratur ta’ ĊTD f’Ruma (l-Italja) skont kuntratt datat is-27 ta’ Mejju 2008.

30

Wara t-talba tiegħu għal-awtorizzazzjoni tal-pulizija, il-pulizija tal-Istat ta’ Ruma wettqu, fit-8 ta’ Ottubru 2008, kontrolli fiċ-ĊTD ta’ M. Costa u kkonstataw ir-reat ta’ eżerċizzju abbużiv ta’ mħatri previst fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 401/89, senjatament il-ġbir ta’ mħatri fuq l-avvenimenti sportivi operat mingħajr il-liċenzja neċessarja u l-awtorizzazzjoni tal-pulizija neċessarja.

31

B’deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2009, il-giudice per le indagini preliminari (ġudikant inkwerenti) tat-Tribunale di Roma (Qorti ta’ Ruma) iddeċieda li jillibera lil M. Costa “peress li l-fatti ma għadhomx jikkostitwixxu reat”. Skont din il-qorti, jirriżulta minn sentenza tal-Corte Suprema di Cassazione dwar kawża simili li l-leġiżlazzjoni kriminali Taljana kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u għalhekk ma kellhiex tiġi applikata (sentenza tas-27 ta’ Mejju 2008 fil-Kawża Nru 27532/08).

32

Il-prosekutur pubbliku appella quddiem il-Corte Suprema di Cassazione fejn huwa sostna li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-liċenzji u tal-awtorizzazzjonijiet tal-pulizija hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u rrileva li, fin-nuqqas ta’ miżura ta’ rifjut ta’ liċenzja mill-awtoritajiet Taljani li tista’ tiġi appellata quddiem qorti amministrattiva, M. Costa fl-ebda każ ma jista’ jinvoka okkorrenzi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettqa mir-Repubblika Taljana u jitlob in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li huwa volontarjament injora.

Il-Kawża Cifone (C-77/10)

33

Fiż-żmien rilevanti tal-kawża prinċipali, U. Cifone kien amministratur ta’ ĊTD f’Molfetta fil-provinċja ta’ Bari (l-Italja). Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-Pulizija ġiet ippreżentata fis-26 ta’ Lulju 2007 lill-Kummissarju tal-Pulizija ta’ Bari.

34

Fis-7 ta’ Novembru 2007, saret kwerela lill-prosekutur pubbliku fit-Tribunale di Trani minn kumpannija kompetitriċi, detentriċi ta’ liċenzja maħruġa mill-AAMS taħt id-Digriet Bersani. L-għan ta’ din il-kwerela kien dak li jinbdew proċeduri kriminali kontra diversi intermedjarji li joperaw fil-provinċja ta’ Bari, akkużati bir-reat ta’ eżerċizzju abbużiv ta’ mħatri previst fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 401/89, li fosthom jidher U. Cifone.

35

Fl-20 ta’ Ottubru 2007, il-Guardia di finanza di Molfetta (Pulizija fil-qasam finanzjarju ta’ Molfetta, l-Italja) ipproċediet, fuq inizjattiva tagħha stess, bit-tqegħid taħt sekwestru provviżorju tat-tagħmir u l-bini taċ-ĊTD ta’ U. Cifone.

36

Il-prosekutur pubbliku kkonferma r-regolarità tal-istess sekwestru u talab lill-giudice per le indagini preliminari tat-Tribunale di Trani jordna t-tqegħid taħt sekwestru kriminali preventiv tal-bini u t-tagħmir tal-persuni kollha investigati, fosthom U. Cifone. B’deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2008, din il-qorti ordnat is-sekwestru preventiv għal ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 401/89, deċiżjoni kkonfermata mit-Tribunale del riesame di Bari permezz ta’ digriet tal-10 u tal-14 ta’ Lulju 2008.

37

Fid-9 ta’ Settembru 2008, U. Cifone appella fuq punt ta’ liġi quddiem il-qorti tar-rinviju mid-digriet tal-10 u tal-14 ta’ Lulju 2008. U. Cifone talab li ma tiġix applikata l-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi l-effetti tagħha fil-qasam kriminali, peress li din, inkwantu tikkonferma l-validità tal-liċenzji preċedenti u tipprevedi limiti ta’ lokalizzazzjoni ta’ postijiet ta’ bejgħ ġodda sabiex tiffavorixxi lil dawk eżistenti kif ukoll każijiet ta’ dekadenza tal-liċenzja li huma serjament diskriminatorji, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

Id-domanda preliminari

38

Kemm fil-kawża Costa kif ukoll fil-kawża Cifone, il-Corte Suprema di Cassazione kkonstatat li kien hemm dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-portata tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, b’mod partikolari, “il-possibbiltà li din il-portata tiġi limitata permezz ta’ ordinament ġuridiku intern, li għandu karatteristiċi li huma jew jidhru li huma diskriminatorji u li jinvolvu jew jidhru li jinvolvu effett ta’ esklużjoni”.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte Suprema di Cassazione ddeċidiet li tissospendi ż-żewġ proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“X’inhi l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-provvista ta’ servizzi fis-settur tal-imħatri fuq avvenimenti sportivi sabiex jiġi stabbilit jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat jawtorizzawx jew le leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ monopolju favur l-istat u sistema ta’ liċenzji u ta’ awtorizzazzjonijiet li, fil-kuntest ta’ numru partikolari ta’ liċenzji, tipprevedi:

a)

l-eżistenza ta’ tendenza ġenerali għall-protezzjoni tat-titolari ta’ liċenzji mogħtija fi żmien preċedenti fuq il-bażi ta’ proċedura li b’mod illegali eskludiet parti mill-operaturi;

b)

il-preżenza ta’ dispożizzjonijiet li de facto jiggarantixxu ż-żamma tal-pożizzjonijiet kummerċjali akkwistati fuq il-bażi ta’ proċedura li eskludiet illegalment parti mill-operaturi (bħal […] [l-obbligu] li konċessjonarji ġodda jpoġġu l-kjoskijiet tagħhom f’[distanza minima] minn dawk diġà eżistenti); u

c)

l-iffissar ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni u ta’ akkwist ta’ garanzija ta’ entità għolja ħafna, fosthom l-ipoteżi fejn il-konċessjonarju jmexxi direttament jew indirettament attività transkonfinali ta’ logħob simili għal dawk li huma s-suġġett tal-konċessjoni?”

40

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 2010, il-Kawżi C-72/10 u C-77/10 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

41

Il-Gvern Taljan iqiegħed f’dubju l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari.

42

Fl-ewwel lok, huwa jqis li din il-kwistjoni hija ipotetika. Fil-fehma tiegħu, dikjarazzjoni eventwali tal-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana l-ġdida li toħroġ mid-Digriet Bersani mad-dritt tal-Unjoni ma taffettwax lill-persuni involuti fil-kawżi prinċipali, peress li Stanley ddeċidiet b’mod volontarju li ma tipparteċipax fis-sejħiet għal offerti tal-2006 regolati minn din il-leġiżlazzjoni ġdida. Huwa jagħti x’jifhem li l-karatteristiċi ta’ sistema ta’ liċenzji li fiha Stanley ma pparteċipatx ma jistgħux jaffettwaw is-sitwazzjoni kriminali ta’ M. Costa u U. Cifone.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li Stat Membru ma jistax japplika sanzjoni kriminali għal formalità amministrattiva mhux sodisfatta meta din il-formalità ma tkunx ġiet sodisfatta minħabba li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ippermetta dan jew ikun irrenda dan impossibbli bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69). Ladarba d-domanda preliminari tipprevedi preċiżament li jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet li għalihom l-għoti ta’ liċenzja ġie suġġett taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, u li għandhom bħala konsegwenza l-fatt li Stanley rrinunzjat għall-parteċipazzjoni tagħha fis-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kinux kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, ir-rilevanza ta’ din id-domanda għas-soluzzjoni tal-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju ma tistax titqiegħed f’dubju.

44

Fit-tieni lok, il-Gvern Taljan iqis li d-domanda preliminari hija inammissibbli peress li din hija eċċessivament ġenerali.

45

F’dan ir-rigward, huwa veru li l-preċiżjoni, jew l-utilità, kemm tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-gvernijiet tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kif ukoll tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddependi min-natura suffiċjentement dettaljata tal-informazzjoni dwar il-kontenut u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali. Madankollu, fid-dawl tas-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitqies bħala suffiċjenti l-fatt li s-suġġett tal-kawżi prinċipali kif ukoll l-aspetti ta’ interess prinċipali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirriżultaw fit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura quddiemha (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, Ġabra p. I-7633, punt 41). Fil-kawżi prinċipali, id-deċiżjoni tar-rinviju tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

46

Konsegwentement, l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Gvern Taljan fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu miċħuda.

Fuq id-domanda preliminari

47

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tqajjem żewġ problemi li jeħtieġu eżami separat.

48

Minn naħa, il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar jekk il-miżuri meħuda mil-leġiżlatur sabiex jirrimedja għall-esklużjoni illegali ta’ operaturi, bħalma hija Stanley, mis-sejħa għal offerti tal-1999, humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għalkemm jirriżultalha prima facie li l-għoti ta’ madwar 16000 liċenzja ġdida previst mid-Digriet Bersani huwa konformi mar-rekwiżiti imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 63 tas-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-protezzjoni mogħtija minn ċerti aspetti tas-sistema l-ġdida lill-pożizzjonijiet kummerċjali ta’ operaturi li kisbu liċenzja fit-tmiem tas-sejħa għal offerti tal-1999 fil-konfront tal-kompetizzjoni potenzjali minn operaturi illegalment esklużi minn din is-sejħa għal offerti tal-1999, u li fl-2006 setgħu, għall-ewwel darba, jipparteċipaw f’sejħa għal offerti intiża għall-għoti ta’ liċenzji. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiċċita, b’mod partikolari, l-obbligu previst fl-Artikolu 38(2) u (4) tad-Digriet Bersani li jipprovdi li d-detenturi ta’ liċenzja ġodda għandhom iżommu distanza minima minn dawk diġà stabbiliti.

49

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, filwaqt li l-bażi ta’ esklużjoni tas-sejħa għal offerti tal-1999 ikkritikata fis-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, tneħħiet b’emendi fil-leġiżlazzjoni applikabbli li saru fl-2002, serje ta’ restrizzjonijiet ġodda ġiet introdotta wara l-adozzjoni tad-Digriet Borsari, b’mod partikolari permezz tal-każijiet ta’ dekadenza tal-liċenzja u ta’ ksib tal-garanziji previsti fl-Artikolu 23 tal-abbozz ta’ ftehim. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn ir-restrizzjonijiet ġodda humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

Fuq il-protezzjoni tal-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi li ngħataw liċenzji fit-tmiem tas-sejħa għal offerti tal-1999

50

Permezz tal-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru, li bi ksur tad-dritt tal-Unjoni eskluda kategorija ta’ operaturi mill-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika u li jipprova jirrimedja dan il-ksur billi jagħti permezz ta’ kompetizzjoni numru sostanzjali ta’ liċenzji ġodda, huwa prekluż milli jipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi jipprovdi b’mod partikolari għal distanzi minimi bejn il-postijiet tad-detenturi ġodda ta’ liċenzja u dawk tal-operaturi eżistenti.

51

Qabelxejn għandu jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 63 tas-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku nazzjonali li jipprovdi għal modalitajiet proċedurali li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet tal-operaturi illegalment esklużi mill-ewwel sejħa għal offerti, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

52

Fl-istess punt tas-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ikkunsidrat imbagħad li kemm revoka u d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-liċenzji preċedenti kif ukoll l-għoti taħt kompetizzjoni ta’ numru adegwat ta’ liċenzji ġodda jistgħu jkunu soluzzjonijiet xierqa. Fil-prinċipju, dawn iż-żewġ soluzzjonijiet jistgħu t-tnejn li huma jirrimedjaw, tal-inqas għall-futur, l-esklużjoni illegali ta’ ċerti operaturi billi jippermettulhom jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-suq taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-operaturi eżistenti.

53

Madankollu, dan ma huwiex il-każ jekk il-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti huma protetti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-fatt stess li l-operaturi eżistenti setgħu jibdew l-attività tagħhom xi snin qabel mill-operaturi illegalment esklużi, u għalhekk setgħu jistabbilixxu ruħhom fis-suq b’ċerta reputazzjoni u klijentela leali, jagħtihom vantaġġ kompetittiv indebitu. L-għoti lill-operaturi eżistenti ta’ vantaġġi kompetittivi addizzjonali fil-konfront tad-detenturi ġodda ta’ liċenzja għandu l-konsegwenza li jżomm u jsaħħaħ l-effetti tal-esklużjoni illegali ta’ dawn tal-aħħar mis-sejħa għal offerti tal-1999, u jikkostitwixxi ksur ġdid tal-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, tali miżura trendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni lil operaturi illegalment esklużi mis-sejħa għal offerti tal-1999 u għalhekk ma tissodisfax il-prinċipju ta’ effettività.

54

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu liċenzji fil-qasam tal-logħob tal-ażżard huma marbuta jirrispettaw ir-regoli fundamentali tat-trattati, b’mod partikolari l-Artikoli 43 KE u 49 KE, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi taċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu konsegwenti ta’ trasparenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange, C-203/08, Ġabra p. I-4695, punt 39, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2010, Engelmann, C-64/08, Ġabra p. I-8219, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Mingħajr ma jimplika neċessarjament obbligu li tinżamm sejħa għal offerti, dan l-obbligu ta’ trasparenza, li japplika meta l-liċenzja kkonċernata tkun ta’ natura li tista’ tinteressa impriża stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak li fih tingħata din il-liċenzja, jeżiġi li l-awtorità li tagħti l-liċenzja tiggarantixxi, favur kull offerent potenzjali, livell ta’ pubbliċità adegwat li jippermetti li l-liċenzja tkun miftuħa għall-kompetizzjoni kif ukoll il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri tal-għoti (sentenzi Sporting Exchange, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41, kif ukoll Engelmann, punt 50).

56

L-għoti ta’ dawn il-liċenzji għandu konsegwentement ikun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiċċirkoskrivi l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Engelmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi wkoll li l-offerenti potenzjali kollha jkollhom l-istess possibbiltajiet u jimplika għalhekk li dawn ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet. Dan huwa partikolarment il-każ f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawżi prinċipali fejn ksur tad-dritt tal-Unjoni min-naħa tal-awtorità kontraenti diġà kellu l-konsegwenza ta’ trattament mhux ugwali ta’ ċerti operaturi.

58

Fir-rigward senjatament tal-obbligu tad-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja li jistabbilixxu ruħhom f’distanza minima ’l bogħod minn dawk diġà eżistenti, previst mill-Artikolu 38(2) u (4) tad-Digriet Bersani, din il-miżura għandha l-effett li tipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi stabbiliti qabel bi preġudizzju għad-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja li huma mġiegħla jistabbilixxu ruħhom f’postijiet kummerċjalment inqas interessanti minn dawk okkupati minn dawk stabbiliti qabel. Għalhekk, tali miżura timplika diskriminazzjoni kontra l-operaturi esklużi mis-sejħa għal offerti tal-1999.

59

Bħala ġustifikazzjoni possibbli għal dan it-trattament mhux ugwali, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li raġunijiet ta’ natura ekonomika, bħalma huwa l-għan li l-operaturi li kisbu liċenzji meta saret is-sejħa għal offerti tal-1999 jiġu ggarantiti l-kontinwità, l-istabbiltà finanzjarja jew rendiment ġust tal-investimenti magħmula, ma jistgħux jiġu aċċettati bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, Ġabra p. I-2055, punti 53 sa 56).

60

Barra minn hekk, il-Gvern Taljan ma jistax utilment jipprevalixxi ruħu, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawżi prinċipali, mill-għan invokat li jiżgura distribuzzjoni uniformi ta’ postijiet ta’ bejgħ tal-logħob tal-ażżard fit-territorju nazzjonali sabiex, minn naħa, jevita li l-konsumaturi li jgħixu viċin dawn l-istabbilimenti tal-imħatri jiġu esposti għal offerti eċċessivi u, min-naħa l-oħra, jevita r-riskju li l-konsumaturi li jgħixu f’lokalitajiet b’inqas servizzi jagħżlu li jirrikorru għal logħob klandestin.

61

Huwa veru li dawn l-għanijiet marbuta, minn naħa, mat-tnaqqis tal-okkażjonijiet tal-logħob u, min-naħa l-oħra, mal-ġlieda kontra l-kriminalità billi jissuġġettaw lill-operaturi attivi f’dan is-settur għal kontroll u billi jiġbru l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard fis-sistemi hekk ikkontrollati, huma fost dawk rikonoxxuti mill-ġurisprudenza bħala li huma ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali fis-settur tal-logħob tal-ażżard (sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 u 52).

62

Madankollu, fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet, hekk kif l-Avukat Ġenerali jirrileva fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, u hekk kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 54 tas-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, is-settur tal-logħob tal-ażżard fl-Italja ilu suġġett għal politika ta’ espansjoni intiża sabiex iżżid id-dħul fiskali u għalhekk ebda ġustifikazzjoni ma tista’ tiġi dedotta f’dan il-kuntest mill-għanijiet ta’ limitazzjoni tal-inklinazzjoni għal-logħob tal-konsumaturi jew ta’ limitazzjoni tal-offerta tal-logħob. Sa fejn id-Digriet Bersani kompla żied b’mod sinjifikattiv in-numru ta’ okkażjonijiet ta’ logħob b’paragun maż-żmien eżaminat fil-kawża Placanica et, din il-konklużjoni tapplika b’iktar saħħa fis-sitwazzjoni attwali tas-settur.

63

Imbagħad, fir-rigward tat-tieni wieħed mill-għanijiet invokati, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom jissodisfaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adattata sabiex tiggarantixxi li l-għan invokat jintlaħaq biss kemm-il darba l-mezzi applikati jkunu koerenti u sistematiċi (sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 53).

64

Issa, kif l-Avukat Ġenerali jirrileva fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-regoli dwar id-distanzi minimi ġew imposti biss fuq id-detenturi l-ġodda ta’ liċenzja, bl-esklużjoni ta’ dawk diġà stabbiliti. Għalhekk, anki jekk sistema ta’ distanza minima bejn punti ta’ bejgħ tista’ fiha nfisha tiġi ġġustifikata, ma jistax jiġi aċċettat li tali restrizzjonijiet jiġu applikati f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawżi prinċipali, fejn dawn jiżvantaġġjaw biss lid-detenturi ta’ liċenzja ġodda li jidħlu fis-suq.

65

Fi kwalunkwe każ, sistema ta’ distanza minima bejn postijiet ta’ bejgħ tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk tali regoli, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, ma kellhomx bħala għan reali l-protezzjoni tal-pożizzjonijiet kummerċjali tal-operaturi eżistenti iktar milli dak, invokat mill-Gvern Taljan, li jiġbru d-domanda għal-logħob tal-ażżard f’sistemi kkontrollati. Barra minn hekk, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, fejn xieraq, jekk l-obbligu tal-osservanza ta’ distanzi minimi, li jipprekludi li postijiet tal-bejgħ addizzjonali jiġu stabbiliti f’żoni ffrekwentati ħafna mill-pubbliku, huwiex tassew ta’ natura li jilħaq l-għan invokat u għandux fil-fatt il-konsegwenza li l-operaturi l-ġodda jagħżlu li jistabbilixxu ruħhom f’postijiet inqas iffrekwentati u b’hekk jiżguraw kopertura nazzjonali.

66

Konsegwentement, għall-ewwel parti tad-domanda mressqa għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu Stat Membru, li bi ksur tad-dritt tal-Unjoni eskluda kategorija ta’ operaturi mill-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika u li jfittex li jirrimedja dan il-ksur billi joffri permezz ta’ kompetizzjoni numru sostanzjali ta’ liċenzji ġodda, milli jipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi jipprovdi b’mod partikolari għal distanzi minimi bejn il-postijiet tad-detenturi ġodda ta’ liċenzja u dawk tal-operaturi eżistenti.

Fuq ir-restrizzjonijiet ġodda introdotti wara l-adozzjoni tad-Digriet Bersani

67

Permezz tat-tieni parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu qafas leġiżlattiv nazzjonali, bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jipprevedi d-dekadenza tal-liċenzja għall-attivitajiet ta’ ġbir u ta’ ġestjoni tal-imħatri kif ukoll it-telf tal-garanziji finanzjarji stabbiliti sabiex tingħata tali liċenzja, fil-każ fejn:

jew tinbeda proċedura kriminali fil-konfront tad-detentur ta’ liċenzja, ir-rappreżentant legali tiegħu jew l-amministraturi tiegħu għal reati “li jistgħu jippreġudikaw ir-relazzjoni ta’ fiduċja mal-AAMS”, kif previst fl-Artikolu 23(2)(a) tal-abbozz ta’ ftehim;

jew id-detentur tal-liċenzja jikkummerċjalizza, fit-territorju nazzjonali jew permezz ta’ siti telematiċi li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali, logħob tal-ażżard paragunabbli għal dak ġestit mill-AAMS jew logħob tal-ażżard ipprojbit mill-ordinament ġuridiku nazzjonali, hekk kif ipprovdut fl-Artikolu 23(3) tal-abbozz ta’ ftehim.

68

Mid-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta f’dan ir-rigward li, minkejja li l-imsemmi Artikolu 23 tal-abbozz ta’ ftehim jipprovdi formalment għal każijiet ta’ dekadenza tal-liċenzja, dawn il-każijiet ta’ dekadenza jikkostitwixxu fil-prattika wkoll kundizzjonijiet tal-aċċess għal liċenzja minħabba l-fatt li operatur li ma jkunx jissodisfahom fiż-żmien tal-għoti tal-liċenzja jiddekadi immedjatament mil-liċenzja tiegħu. Ladarba, fid-dawl tal-mod kif Stanley topera, hija Stanley li għandha, fil-prinċipju, l-obbligu li tikseb liċenzja, li tippermetti liċ-ĊTD, bħalma huma dawk ġestiti minn M. Costa u U. Cifone, jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, kull ostakolu għall-għoti ta’ liċenzja lil Stanley jirrestrinġi awtomatikament ukoll l-attivitajiet ta’ dawn tal-aħħar.

Osservazzjonijiet preliminari

69

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikoli 43 KE u 49 KE jeżiġu t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni bejn il-fornituri nazzjonali ta’ servizzi u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din ir-restrizzjoni tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdi legalment servizzi simili (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Huwa paċifiku li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik fil-kawżi prinċipali, li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika għall-ksib ta’ liċenzja u tipprevedi diversi każijiet ta’ dekadenza tal-liċenzja tikkostitwixxi ostakolu għal-libertajiet hekk iggarantiti mill-Artikoli 43 KE u 49 KE.

71

Madankollu, tali restrizzjonijiet jistgħu jiġu aċċettati bħala miżuri derogatorji espressament previsti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE jew iġġustifikati permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm dawn josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proporzjonalità tagħhom. Ċertu numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħalma huma l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, l-għan tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-inċitazzjoni taċ-ċittadini għal nefqa eċċessiva marbuta mal-logħob u kif ukoll l-għan tal-prevenzjoni ta’ problemi ta’ natura soċjali inġenerali ġew aċċettati f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza (sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45, 46 u 48).

72

Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet u mill-prinċipji ċċitati fil-punt 54 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fl-għoti ta’ liċenzji bħalma huma dawk fil-kawżi prinċipali, l-awtorità kontraenti hija marbuta b’obbligu ta’ trasparenza li jinkludi inter alia li jiġi żgurat, għall-benefiċċju ta’ kull offerent potenzjali, livell ta’ pubbliċità adegwat li jippermetti li tinbeda kompetizzjoni għall-ksib tal-liċenzja għal servizzi u kif ukoll kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri għall-għoti tal-liċenzja (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Il-prinċipju ta’ trasparenza, li huwa korollarju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, għandu essenzjalment, f’dan il-kuntest, l-għan li jiżgura li kull operatur ikkonċernat ikun jista’ jiddeċiedi li jagħmel offerti wara sejħiet għal offerti fuq il-bażi tal-informazzjoni rilevanti kollha u li jiggarantixxi n-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, b’mod, minn naħa, li jippermetti lill-offerenti kollha raġonevolment informati u b’diliġenza ordinarja jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, b’mod li jiċċirkoskrivi s-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kontraenti u li jqegħidha f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C-496/99 P, Ġabra p. I-3801, punt 111, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C-250/06, Ġabra p. I-11135, punti 45 u 46).

74

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi żvantaġġużi għall-individwi u għall-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, Ġabra p. I-4983, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li t-tieni parti tad-domanda preliminari għandha tiġi eżaminata.

Fuq id-dekadenza tal-liċenzja minħabba l-ftuħ ta’ proċedura kriminali

76

Kif l-Avukat Ġenerali jirrileva fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-esklużjoni ta’ operaturi li l-amministraturi tagħhom ġew suġġetti għal kundanni kriminali tista’ fil-prinċipju tiġi kkunsidrata bħala miżura ġġustifikata mill-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet, il-logħob tal-ażżard jinvolvi fil-fatt riskji partikolarment għolja ta’ reati u ta’ frodi fid-dawl tal-ammonti kbar ta’ flus li dawn jippermettu li jinġabru u tar-rebħ li dawn jistgħu joffru lil-lagħàba (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

77

Madankollu, id-dekadenza tal-liċenzja tikkostitwixxi miżura partikolarment serja għad-detentur tagħha, a fortiori f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawżi prinċipali, fejn din twassal awtomatikament, skont l-Artikolu 23(6) tal-abbozz ta’ ftehim, għat-telf ta’ garanzija ta’ ammont kbir ta’ flus kif ukoll possibbilment għal obbligi ta’ kumpens għad-danni subiti mill-AAMS.

78

Sabiex kull offerent potenzjali jkun jista’ jevalwa b’ċertezza r-riskju li tali sanzjonijiet jiġu imposti fuqu, sabiex jiġi ggarantit in-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti u, fl-aħħar nett, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, huwa konsegwentement neċessarju li ċ-ċirkustanzi li fihom dawn is-sanzjonijiet jiġu applikati jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku.

79

Ir-riferiment, li jidher fl-Artikolu 23(2)(a) tal-abbozz ta’ ftehim, għar-“reati previsti mil-Liġi Nru 55 tad-19 ta’ Marzu 1990”, dwar reati tal-mafja kif ukoll forom oħra ta’ kriminalità li jinvolvu perikolu serju għas-soċjetà, jidher, mingħajr preġudizzju għal verifika min-naħa tal-qorti tar-rinviju, li jissodisfa dan ir-rekwiżit. Min-naħa l-oħra, u wkoll mingħajr preġudizzju għal verifika min-naħa tal-qorti tar-rinviju, dan ma jidhirx li huwa l-każ għal dak li jirrigwarda r-riferiment ta’ din l-istess dispożizzjoni għall-“każijiet l-oħra kollha ta’ reati li jistgħu jaffettwaw ir-relazzjonijiet ta’ fiduċja mal-AAMS”. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina jekk offerent raġonevolment informat u b’diliġenza ordinarja kienx f’pożizzjoni li jifhem il-portata eżatta ta’ dan ir-riferiment.

80

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li l-offerenti potenzjali kellhom terminu li kien iqsar minn xahrejn sabiex jeżaminaw id-dokumenti marbuta mas-sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, l-attitudni tal-AAMS wara t-talbiet għal kjarifika indirizzata lilha minn Stanley.

81

Fi kwalunkwe każ, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72). Konsegwentement, minkejja li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jista’ jirriżulta ġġustifikat li jittieħdu miżuri preventivi kontra operatur tal-logħob tal-ażżard issuspettat, fuq il-bażi ta’ indizji probatorji, li huwa involut f’attivitajiet kriminali, esklużjoni mis-suq permezz tad-dekadenza tal-liċenzja għandha, bħala prinċipju, tiġi kkunsidrata li hija proporzjonali għall-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità biss jekk din hija bbażata fuq sentenza res judicata li tirrigwarda reat suffiċjentement serju. Leġiżlazzjoni li tipprevedi, anki b’mod temporanju, l-esklużjoni ta’ operaturi mis-suq tista’ tiġi kkunsidrata proporzjonali biss sakemm ikun hemm possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju effikaċi kif ukoll ta’ kumpens għad-danni subiti fejn, sussegwentement, din l-esklużjoni tirriżulta li ma hijiex iġġustifikata.

82

Barra minn hekk, mingħajr preġudizzju għal verifika min-naħa tal-qorti tar-rinviju, jidher li r-raġuni ta’ dekadenza li tidher fl-Artikolu 23(2)(a) tal-abbozz ta’ ftehim ostakolat, fil-prattika, il-parteċipazzjoni fis-sejħiet għal offerti tal-2006 ta’ operaturi, bħal Stanley, li r-rappreżentanti tagħhom kienu dak iż-żmien suġġetti għal proċeduri kriminali mibdija qabel ma ngħatat is-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, li wasslu għal deċiżjonijiet ta’ liberazzjoni fi stadju iktar tard.

83

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li mis-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li r-Repubblika Taljana ma tistax timponi sanzjonijiet kriminali għall-eżerċizzju ta’ attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri mingħajr liċenzja jew awtorizzazzjoni tal-pulizija fuq persuni marbuta ma’ operatur li jkun ġie eskluż minn sejħiet għal offerti rilevanti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (punt 70 tas-sentenza). Din is-sentenza ngħatat fis-6 ta’ Marzu 2007, jiġifieri erba’ xhur wara t-terminu tal-20 ta’ Ottubru 2006 stabbilit għas-sottomissjoni ta’ kandidaturi fis-sejħa għal offerti prevista mid-Digriet Bersani.

84

Konsegwentement, sa fejn proċeduri kriminali mibdija kontra operatur, bħal Stanley, jew rappreżentanti jew amministraturi tiegħu, li, fid-dawl b’mod partikolari tas-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, irriżultaw iktar tard li ma kellhomx bażi legali, kienu pendenti meta saret is-sejħa għal offerti prevista mid-Digriet Bersani, b’mod li jrendu prattikament impossibbli l-parteċipazzjoni ta’ tali operatur f’din is-sejħa għal offerti taħt piena ta’ dekadenza immedjata tal-liċenzja tiegħu minħabba l-imsemmija proċeduri, għandu jiġi kkunsidrat li fil-fatt is-sejħa ġdida għal offerti ma rrimedjatx għall-esklużjoni ta’ dan l-operatur mis-sejħa għal offerti preċedenti kkritikata fis-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq.

85

Għalhekk, u għall-istess raġunijiet bħal dawk stipulati f’dik is-sentenza, sanzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri mingħajr liċenzja jew mingħajr awtorizzazzjoni tal-pulizija ma jistgħux jiġu imposti fuq persuni, bħalma huma M. Costa u U. Cifone, marbuta ma’ operatur, bħal Stanley, li ġie eskluż minn sejħiet għal offerti preċedenti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, anki wara s-sejħa l-ġdida għal offerti prevista mid-Digriet Bersani.

86

Fid-dawl tar-risposta li għandha tingħata għal din il-parti mid-domanda fl-ambitu tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk, u jekk ikun il-każ sa fejn, id-dispożizzjoni kkontestata tippreġudika, kif isostnu M. Costa u U. Cifone, il-preżunzjoni ta’ innoċenza li tagħmel parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni fl-Istati Membri u li hija stipulata fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Fuq id-dekadenza tal-liċenzja minħabba l-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard permezz ta’ siti telematiċi li jinsabu barra mit-territorju nazzjonali

87

Kif turi kemm il-korrispondenza bejn Stanley u l-AAMS, miġbura fil-punti 21 sa 26 ta’ din is-sentenza, kif ukoll il-fatt li l-Avukat Ġenerali kellu jippreżenta, fil-punti 72 sa 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, żewġ soluzzjonijiet alternattivi fondati fuq possibbiltajiet ta’ interpretazzjoni radikalment differenti tal-Artikolu 23(3) tal-abbozz ta’ ftehim, din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija nieqsa mill-kjarezza.

88

Fil-fatt hemm inċertezza fir-rigward tal-għan u l-effett ta’ din id-dispożizzjoni, li jistgħu jkunu kemm li jimpedixxu li detentur ta’ liċenzja jikkummerċjalizza attivament fit-territorju Taljan logħob tal-ażżard ieħor li għalih huwa ma għandux liċenzja, kif ukoll li jimpedixxu kull attività transkonfinali fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, b’mod partikolari attività eżerċitata taħt mod ta’ operat bħalma huwa dak ta’ Stanley bl-użu ta’ ĊTD.

89

F’dan ir-rigward, fl-ambitu tas-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali hija ċertament il-kompitu tal-qrati nazzjonali u mhux tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 72 sa 74 tas-sentenza preżenti jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jitlob li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ sejħa għal offerti bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku. Dan ma huwiex il-każ f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 23(3) tal-abbozz ta’ ftehim, u dan anki fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet addizzjonali pprovduti mill-AAMS wara t-talba ta’ Stanley.

90

Għandu jiġi kkonstatat li operatur, bħalma hija Stanley, ma jistax jiġi kkritikat li rrinunzja għall-preżentazzjoni ta’ kandidatura għal liċenzja fin-nuqqas ta’ ċertezza legali, sakemm baqgħet l-inċertezza fir-rigward tal-konformità tal-mod ta’ kif dan l-operatur jopera mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim li għalihom jissottoskrivi mal-għoti ta’ liċenzja. Sa fejn tali operatur ġie eskluż mis-sejħa għal offerti preċedenti kkritikata fl-imsemmija sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat li fil-fatt is-sejħa l-ġdida għal offerti ma rrimedjatx għall-imsemmija esklużjoni ta’ dan l-operatur.

91

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għat-tieni parti tad-domanda li saret għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri mingħajr liċenzja jew mingħajr awtorizzazzjoni tal-pulizija fuq persuni marbuta ma’ operatur li jkun ġie eskluż minn sejħa għal offerti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, anki wara s-sejħa għal offerti ġdida intiża sabiex tirrimedja dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din is-sejħa għal offerti u l-għoti sussegwenti ta’ liċenzji ġodda ma jirrimedjawx fil-fatt għall-esklużjoni illegali ta’ dan l-operatur mis-sejħa għal offerti preċedenti.

92

Mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, mill-obbligu ta’ trasparenza u kif ukoll mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ sejħa għal offerti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jipprevedu d-dekadenza tal-liċenzji mogħtija fi tmiem tali sejħa għal offerti, bħalma huma dawk li jidhru fl-Artikolu 23(2)(a) u (3) tal-abbozz ta’ ftehim, għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

93

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu Stat Membru li, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, eskluda kategorija ta’ operaturi mill-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, u li jfittex li jirrimedja dan il-ksur billi joffri permezz ta’ kompetizzjoni numru sostanzjali ta’ liċenzji ġodda, milli jipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi jipprovdi b’mod partikolari għal distanzi minimi bejn il-postijiet tad-detenturi ġodda ta’ liċenzja u dawk tal-operaturi eżistenti.

 

2)

L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri mingħajr liċenzja jew mingħajr awtorizzazzjoni tal-pulizija fuq persuni marbuta ma’ operatur li jkun ġie eskluż minn sejħa għal offerti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, anki wara s-sejħa għal offerti ġdida intiża sabiex tirrimedja dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din is-sejħa għal offerti u l-għoti sussegwenti ta’ liċenzji ġodda ma jirrimedjawx fil-fatt għall-esklużjoni illegali ta’ dan l-operatur mis-sejħa għal offerti preċedenti.

 

3)

Mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mill-obbligu ta’ trasparenza u kif ukoll mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ sejħa għal offerti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jipprevedu d-dekadenza tal-liċenzji mogħtija fi tmiem tali sejħa għal offerti, bħalma huma dawk li jidhru fl-Artikolu 23(2)(a) u (3) tal-abbozz ta’ ftehim bejn l-amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat u l-awtorità kontraenti tal-liċenzja dwar logħob tal-ażżard marbut mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel, għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.