Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0524

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2017.
    Proċeduri kriminali kontra Luca Menci.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Bergamo.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Nuqqas ta’ ħlas tal-VAT dovuta – Sanzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali għall-istess fatti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Natura kriminali tas-sanzjoni amministrattiva – Eżistenza tal-istess ksur – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem – Kundizzjonijiet.
    Kawża C-524/15.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:667

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2017 ( 1 )

    Kawża C-524/15

    Luca Menci

    bl-intervent ta ’:

    Procura della Repubblica

    [talba għal deċiżjoni preliminari
    mressqa mit-Tribunale di Bergamo (qorti ta’ Bergamo, l-Italja)]

    “Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi sanzjoni amministrattiva u sanzjoni kriminali għall-istess fatti, relatati mal-ommissjoni tal-ħlas tal-VAT - Ksur tal-prinċipju ne bis in idem - Identiċità tal-fatti - Repetizzjoni tal-proċeduri jew tas-sanzjonijiet - Eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni tal-prinċipju ne bis in idem - Rabta ratione materiae u ratione temporis suffiċjentement strett bejn il-proċeduri”

    1. 

    F’liema kundizzjonijiet japplika l-prinċipju ne bis in idem meta l-liġijiet ta’ ċerti Stati jippermettu l-akkumulazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi u dawk kriminali sabiex jiġu kkastigati l-ommissjonijiet tal-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, “VAT”) ta’ ammont kbir? Din, fil-qosor, hija l-problema li, għal darb’oħra, qiegħda taffaċċja l-Qorti tal-Ġustizzja.

    2. 

    Din il-qorti, permezz tas-sentenza tagħha tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, (iktar ’il quddiem, is-“sentenza Åkerberg Fransson”) ( 2 ), immarkat il-linja li kellhom isegwu l-qrati nazzjonali fuq id-dritt ta’ persuna li ma tiġix ipproċessata darbtejn għall-istess ksur tal-obbligu ta’ ħlas tal-VAT. Dan għamlitu billi inkorporat soluzzjonijiet żviluppati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “QEDB”), iżda r-risposta mogħtija f’din is-sentenza ħolqot diffikultajiet u tilwim bejn il-qrati f’xi Stati Membri, bħall-Italja.

    3. 

    Barra minn hekk, il-QEDB, biddlet b’mod kunsiderevoli l-ġurisprudenza tagħha dwar il-prinċipju ne bis in idem fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In‑Norveġja ( 3 ). Il‑Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddeċiedi jekk tadottax din id-direzzjoni l-ġdida, iktar restrittiva, tan-ne bis in idem jew jekk għandhiex iżżomm livell ta’ protezzjoni ikbar. Għalhekk, fil-kjarifika tagħha tas-sentenza Åkerberg Fransson, hija ser ikollha tiddeċiedi jekk il-limitazzjoni ta’ ne bis in idem reċentement ivvalidata mill-QEDB għandhiex tiġi applikata fid-dritt tal-Unjoni.

    4. 

    Dawn il-konklużjonijiet qed jiġu fformulati simultanjament mal-Kawżi Garlsson Real State (C‑537/16), Di Puma (C‑596/16) u Consob (C-597/16), ġaladarba dawn huma konnessi.

    I. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-1950 (iktar ’il-quddiem, il-“KEDB”)

    5.

    Il-Protokoll Nru 7 anness mal-KEDB, iffirmat fi Strasbourg fit‑22 ta’ Novembru 1984 (iktar ’il quddiem, il-“Protokoll Nru 7”), jirregola fl-Artikolu 4 tiegħu id-“dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, f’dawn it-termini:

    “1.   Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

    2.   Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

    3.   Ebda deroga minn dan l-Artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni.”

    B.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

    6.

    Konformement mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”):

    “L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

    7.

    L-Artikolu 51 tal-Karta jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha:

    “1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

    2.   Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni jew ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.”

    8.

    L-Artikolu 52 jirregola l-portata u l-interpretazzjoni tad-drittijiet u prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta skont kif ġej:

    “1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

    […]

    3.   Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

    4.   Safejn din il-Karta tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, dawk id-drittijiet għandhom ikunu interpretati f’armonija ma’ dawk it-tradizzjonijiet.

    […]

    6.   Għandha tittieħed kunsiderazzjoni sħiħa tal-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali kif speċifikat f’din il-Karta.”

    C.   Id-dritt Taljan

    9.

    L-Artikolu 13(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 471, tat-18 ta’ Diċembru 1997 ( 4 ), jipprovdi:

    “Min jevadi, totalment jew parzjalment, fil-limiti ta’ żmien regolamentarji, il-pagamenti bħala akkont, perijodiċi, ta’ ammonti pendenti jew bilanċ tat-taxxa li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni, wara t-tnaqqis, f’dan il-każ, tal-ammonti tal-pagamenti perijodiċi jew akkont, anki jekk ma jkunux saru, għandu jkun suġġett għal sanzjoni amministrattiva ta’ ammont ekwivalenti għal 30 % ta’ kull ammont mhux imħallas, anki f’każ li, wara l-korrezzjoni tal-iżbalji materjali jew ta’ kalkolu misjuba matul il-verifika tad-dikjarazzjoni annwali, jirriżulta li l-ammont dovut huwa ogħla jew li t-tnaqqis applikabbli huwa iktar baxx. Għall-ħlas magħmul b’dewmien li ma jaqbiżx ħmistax-il jum, is-sanzjoni prevista fl-ewwel sentenza, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 472, tat-18 ta’ Diċembru 1997, għandha titnaqqas f’ammont daqs parti waħda minn ħmistax għal kull ġurnata ta’ dewmien. L-istess sanzjoni għandha tapplika fil-każijiet ta’ kalkolu tat-taxxa biż-żieda skont l-Artikoli 36a u 36b tad-Digriet Nru 600 tal-President tar-Repubblika, tad-29 ta’ Settembru 1973, u l-Artikolu 54a tad-Digriet Nru 633 tal-President tar-Repubblika, tas-26 ta’ Ottubru 1972” ( 5 ).

    10.

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000, tal-10 ta’ Marzu 2000, fuq ir-reati relatati mat-taxxi diretti u l-VAT ( 6 ), (iktar ’il quddiem, id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000”), fl-Artikolu 10b tiegħu jirregola l-“Evażjoni tal-ħlas tal-VAT”, kif ġej:

    “Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 10a għandha tapplika fil-limiti previsti wkoll għal dawk li ma jħallsux it-taxxa fuq il-valur miżjud, li tirriżulta fid-dikjarazzjoni annwali, fil-limitu ta’ żmien regolatorju għall-ħlas bħala akkont li jikkorrispondi għall-perijodu taxxabbli suċċessiv”.

    11.

    Skont l-Artikolu 10a tad-Digriet Leġiżlattiv:

    “Il-persuna taxxabbli li sal-limitu ta’ żmien ipprovdut għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni annwali bħala aġent tal-kontribwent ma tipprovdix it-taxxa f’ras il-għajn li tirriżulta miċ-ċertifikat maħruġ lill-aġenti, għal ammont ikbar minn EUR 50000 għal kull perijodu tat-taxxa, għandha tiġi ssanzjonata b’sentenza ta’ priġunerija minn sitt xhur sa sentejn.”

    12.

    L-Artikoli 19 sa 21 tad-Digriet Leġiżlattiv 74/2000, li huma inklużi taħt l-intestatura “Relazzjonijiet mas-sistema dixxiplinarja amministrativa u bejn il-proċeduri”, jiddeterminaw, fil-qosor: a) li r-regola speċjali għandha tapplika biss meta l-istess fatt ikun issanzjonat minn dispożizzjoni tat-titolu II u minn dispożizzjoni li tipprovdi sanzjoni amministrattiva; b) li l-proċedura kriminali u l-proċedura amministrattiva huma pproċessati separatament, jiġifieri, ebda waħda minnhom ma għandha tiġi sospiża sakemm tiġi riżolta l-oħra; c) li l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi s-sanzjonijiet amministrattivi relatati mal-ksur rigward it-taxxa suġġett ta’ reat kriminali; u d) li, minkejja dan kollu, tali sanzjonijiet ma jistgħux jiġu infurzati, sakemm il-proċedura kriminali ma tiġix konkluża permezz ta’ arkivjar jew sentenza irrevokabbli ta’ liberazzjoni jew assoluzzjoni li teskludi r-rilevanza kriminali tal-azzjoni, u f’dan it-tieni każ it-terminu għall-ġbir għandu jibda jingħadd mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ liberazzjoni.

    13.

    Wara d-dati ta’ twettiq tal-atti li wasslu għar-rinviji preżenti, il-leġiżlazzjoni Taljana ġiet emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 158, tal‑24 ta’ Settembru 2015 ( 7 ) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 158/2015”), li affettwa l-Artikoli 10a u 10b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000 u introduċa raġuni oħra għall-esklużjoni tar-responsabbiltà kriminali permezz tal-Artikolu 13 il-ġdid tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000.

    14.

    Konformement mal-Artikolu 7 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 158/2015, l-Artikolu 10a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000 issa huwa fformulat kif ġej:

    “Min ma jħallasx taxxa f’ras il-għajn, fiż-żmien ipprovdut għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni annwali tat-tnaqqis tat-taxxa li jirriżulta miċ-ċertifikat maħruġ lil dawk li jipprattikaw it-taxxi f’ras il-għajn, għal ammont ogħla minn mija u ħamsin elf Euro għal kull perijodu fiskali, għandu jiġi kkastigat b’sentenza ta’ priġunerija ta’ bejn sitt xhur u sentejn.”

    15.

    Skont l-Artikolu 8 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 158/2015, l-Artikolu 10b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000 biddel il-kontenut tiegħu, b’effett mit-22 ta’ Ottubru 2015:

    “Min ma jħallasx, fil-perijodu ta’ żmien ipprovdut għall-ħlas bħala akkont fuq il-perijodu fiskali li jmiss, it-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta skont id-dikjarazzjoni annwali, għal ammont ikbar minn mitejn u ħamsin elf Euro għal kull perijodu fiskali, għandu jiġi kkastigat b’sentenza ta’ priġunerija ta’ bejn sitt xhur u sentejn.”

    II. Il-kawża nazzjonali u d-domanda preliminari

    16.

    Luca Menci, fil-kapaċità tiegħu bħala proprjetarju tal-impriża individwali li ġġib l-istess isem, kien suġġett għal spezzjoni mill-awtorità fiskali Taljana, minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-VAT dovuta għall-perijodu taxxabbli 2011, li kienet tammonta għal EUR 282495.76. L-ispezzjoni wasslet għal likwidazzjoni fiskali fis-6 ta’ Novembru 2013 u għall-impożizzjoni ta’ multa ta’ EUR 84748.74 lil L. Menci. L-amministrazzjoni fiskali laqgħet it-talba ta’ L. Menci li l-ħlas jinqasam f’partijiet, u dan tal-aħħar ħallas l-ewwel partijiet.

    17.

    Ladarba ġiet konkluża l-proċedura amministrattiva ta’ sanzjoni, u ladarba l-imsemmija sanzjoni saret definittiva, il-Prosekutur Pubbliku ressaq proċeduri kriminali kontra L. Menci, fit-13 ta’ Novembru 2014, inkwantu kien meqjus li n-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT kien ksur iddefinit fl-Artikolu 10b tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74/2000.

    18.

    Fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti kriminali, it-Tribunale di Bergamo (qorti ta’ Bergamo, l-Italja) għamlet id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 50 tal-[Karta], interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-[Protokoll] Nru 7 tal-[KEDB] u tal-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tipprekludi l-possibbiltà ta’ proċeduri kriminali rigward fatt (in-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT) li għalih il-persuna suġġetta għal proċeduri kriminali diġà ġiet imposta fuqha sanzjoni amministrattiva definittiva?”

    19.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għaqdet dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mal-Kawżi Orsi (C‑217/15) u Baldetti (C‑350/15). L. Menci, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ressqu osservazzjonijiet bil-miktub, u s-seduta (magħquda għat-tliet kawżi) seħħet fit-8 ta’ Settembru 2016.

    20.

    Qabel ma ngħataw il-konklużjonijiet, li d-data prevista tagħhom kienet is-17 ta’ Novembru 2016, ġiet ippubblikata s-sentenza tal-QEDB tal-15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In‑Norveġja. Fuq il-bażi ta’ din is-sentenza, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit-30 ta’ Novembru 2016, li tissepara l-kawża Menci miż-żewġ kawżi l-oħra u ssuġġeriet li din il-kawża tiġi attribwita lill-Awla Manja ( 8 ).

    21.

    Permezz tad-digriet tagħha tal-25 ta’ Jannar 2017, l-Awla Manja ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali, fejn is-seduta seħħet fit-30 ta’ Mejju 2017 konġuntament ma’ dik tal-kawżi Garlsson Real State (C‑537/16), Di Puma (C‑596/16) u Consob (C-597/16) ( 9 ). Waqt is-seduta, ġew ifformulati osservazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati ma’ dan ir-rinviju minn L. Menci, il-Kummissjoni u l-Gvern Taljan u dak Ġermaniż.

    III. Analiżi tad-domanda preliminari

    22.

    It-tqarrib metodoloġiku adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti ( 10 ), meta analizzat l-Artikolu 50 tal-Karta fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 huwa riflessa b’dan il-mod fil-punti 15 u 24 tagħha:

    “[L]-eżami tad-domanda magħmula għandha titwettaq unikament fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta”.

    Fi tmiem dan l-eżami, “skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn l-Artikolu 50 ta’ din tal-aħħar jipprovdi għal dritt li jikkorrispondi ma’ dak previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, għandu jiġi żgurat li l-interpretazzjoni hawn fuq imsemmija tal-Artikolu 50 ta’ din tal-aħħar ma tiksirx il-livell ta’ protezzjoni ggarantit mill-KEDB.”

    23.

    Madankollu, anki sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 50 tal-Karta, ma għandux jitwarrab il-fatt li, skont l-Artikolu 52(3) tagħha, “[s]afejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija” ( 11 ).

    24.

    Għalhekk fl-ewwel lok se nittratta l-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Artikolu 50 tal-Karta, bħala riferiment meħtieġ għall-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem għall-każijiet ta’ akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-VAT.

    25.

    Sussegwentement, se nesprimi l-fehma tiegħi dwar l-effett li jista’ jkollha fuq din il-ġurisprudenza d-duttrina li toħroġ mill-QEDB, inkluża dik li tirriżulta mis-sentenza A u B vs In‑Norveġja. Barra minn hekk ser nesplora l-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa duttrina awtonoma għall-analiżi tal-proċeduri mħallta (kriminali u amministrattivi) b’rabta ratione materiae u ratione temporis suffiċjenti.

    26.

    Fl-aħħar lok, ladarba jsiru dawn l-analiżi, ser immur lura fuq il-fatti ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sabiex nipproponi risposta li tippermetti lill-qorti nazzjonali tiddeċiedi t-tilwima.

    A.   Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta għall-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali

    27.

    Il-prinċipju ne bis in idem jidher fid-dritt tal-Unjoni b’diversi varjanti ( 12 ) li t-trattament tagħhom għadu ma ġiex omoġenizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja t-talbiet f’dan is-sens ta’ xi avukati ġenerali ( 13 ). Mhux ser niddiskuti l-analiżi tal-ġurisprudenza iktar restrittiva li tinterpretah fil-qafas tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-libertà tal-kompetizzjoni u mhux ser niddiskuti l-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li tapplika l-Ftehim ta’ Schengen, li għandha portata usa’ u li tipproteġi iżjed id-drittijiet tal-persuni misjuba ħatja f’dan il-kuntest.

    28.

    Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem għall-akkumulazzjoni tas-sanzjonijiet fiskali u kriminali bħala risposta tal-Istat għan-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxi (b’mod partikolari l-VAT) ġiet stabbilita fis-sentenza Åkerberg Fransson. Wara li użat il-kriterji Engel sabiex tidentifika meta sanzjoni fiskali jkollha realment “natura kriminali”, minkejja li l-mod kif tissejjaħ jindikaha bħala ta’ natura amministrattiva, il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet riferiment espliċitu għall-effettività tas-sanzjonijiet, li r-rabta tagħhom mal-ġurisprudenza tal-QEDB tista’ tkun diffiċli biex tiġi stabbilita.

    29.

    Fis-sentenza Åkerberg Fransson, ( 14 ) wara li aċċettat il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari ( 15 ), il-Qorti tal-Ġustizzja żgurat li l-prinċipju ne bis in idem“ma jipprekludix lil Stat Membru milli jimponi suċċessivament, għall-istess fatti ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi dikjarattivi fil-qasam tal-VAT, sanzjoni fiskali u sanzjoni kriminali sakemm l-ewwel sanzjoni ma tkunx ta’ natura kriminali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali” ( 16 ). Il-libertà ta’ għażla tas-sanzjonijiet min-naħa tal-Istati Membri hija ġġustifikata bil-ħtieġa li jiġi ggarantit il-ġbir tad-dħul kollu li ġej mill-VAT u, b’dan il-mod, li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ( 17 ).

    30.

    Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet limitu għall-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali: “meta s-sanzjoni fiskali tkun ta’ natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, u meta din tkun saret definittiva li l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi t-teħid ta’ azzjonijiet kriminali kontra l-istess persuna għall-istess fatti”. Għalhekk, filwaqt li s-sanzjonijiet fiskali u kriminali jistgħu jkunu simultanji, ma tistax tiġi imposta sanzjoni nominalment amministrattiva li, fil-verità, tkun ta’ natura ta’ infurzar, flimkien ma’ sanzjoni kriminali ( 18 ).

    31.

    Sabiex tiddetermina, min-naħa tagħha, meta sanzjoni fiskali tkun ta’ natura kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja użat il-“kriterji Engel” li qabel kienet adottat fis-sentenza Bonda ( 19 ). Madankollu, minflok ma applikathom hija stess għal leġiżlazzjoni bħal dik Svediża, hija għaddiet dan il-kompitu lill-qorti nazzjonali ta’ rinviju, ( 20 ), bil-premessa li hija tista’ tikkonkludi li l-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali tmur kontra l-Artikolu 50 tal-Karta biss jekk il-kumplament tas-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi ( 21 ).

    32.

    L-effikaċja fil-prosekuzzjoni tal-frodi u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni jidhru, għalhekk, bħala kontrobilanċ biex tiġi evalwata l-inkompatibbiltà tal-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali mal-prinċipju ne bis in idem, meta jkun każ ta’ taxxi li jaffettwaw l-imsemmija interessi.

    33.

    Ir-rekwiżit ta’ effettività tas-sanzjonijiet isir kundizzjoni, skont is-sentenza Taricco et ( 22 ), li jadatta l-libertà ta’ għażla tal-Istat Membri, ġaladarba “sanzjonijiet kriminali jistgħu madankollu jkunu indispensabbli għall-ġlieda effettiva u dissważiva kontra ċerti każijiet ta’ frodi serja tal-VAT”. Din il-limitazzjoni hija barra minn hekk ibbażata fuq l-Artikolu 325 TFUE, li skontu l-Istati Membri għandhom jiġġieldu l-attivitajiet illegali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi u b’mod partikolari, għandhom jadottaw l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal dawk li huma jadottaw sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess ( 23 ).

    34.

    B’mod definittiv, permezz tas-sentenzi Bonda ( 24 ) u Åkerberg Fransson, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 50 tal-Karta konformement ( 25 ) mal-ġurisprudenza li sa dak il-mument kienet dominanti tal-QEDB dwar il-prinċipju ne bis idem ( 26 ). Din il-konverġenza kienet loġika, fid-dawl tax-xebh bejn ir-regolamentazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 u tal-Artikolu 50 tal-Karta ( 27 ).

    B.   Il-ġurisprudenza tal-QEDB dwar il-prinċipju ne bis in idem u l-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali

    35.

    Il-protezzjoni tal-prinċipju ne bis in idem fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa ma hijiex nieqsa minn kumplikazzjonijiet. Dan id-dritt ma ddaħħalx fil-KEDB, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u l-protezzjoni tiegħu seħħet a posteriori permezz tal-Protokoll Nru 7, irratifikat minn 44 mis-47 Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa. Ir-Renju Unit ma ffirmahx filwaqt li l-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi qed joqgħodu lura milli jirratifikawh. Meta ġiet biex tiffirma, il-Ġermanja flimkien ma’ numru ta’ pajjiżi oħra meta ġie konkluż (l-Awstrija, Franza, il-Portugall jew l-Italja) ifformulaw riżervi jew dikjarazzjonijiet fl-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, sabiex jillimitaw il-kompetenza tal-QEDB għal ambitu strettament kriminali, b’tali mod li tkun tista’ tinżamm duwalità ta’ sanzjonijiet amministrattivi u kriminali għall-istess fatti ( 28 ).

    36.

    Il-ġurisprudenza tal-QEDB illimitat l-effetti ta’ dawn ir-riżervi jew dikjarazzjonijiet għar-rekwiżit, konformement mal-Artikolu 57 tal-KEDB, tal-osservanza tal-kundizzjonijiet li ġejjin sabiex dawn jitqiesu validi: formulazzjoni fil-mument tal-firma tal-Protokoll; riferiment għal regoli fis-seħħ fid-data tar-ratifika; ikunu ta’ natura ġenerali u inklużjoni ta’ espożizzjoni fil-qosor tar-regoli kkontemplati ( 29 ). Fid-deċiżjoni tagħha li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux ġew sodisfatti, is-sentenza tal-QEDB Grande Stevens et vs L‑Italja ( 30 ) ikkunsidrat bħala invalida d-dikjarazzjoni tal-Italja fl-istrument ta’ ratifikazzjoni tal-Protokoll Nru 7, li kellha l-intenzjoni li tnaqqas l-applikazzjoni tagħha biss għas-sanzjonijiet u proċeduri kkwalifikati bħala kriminali mid-dritt Taljan.

    37.

    Skont il-ġurisprudenza tal-QEDB, il-prinċipju ne bis in idem jipprojbixxi l-ftuħ ta’ żewġ proċeduri jew iktar ta’ natura kriminali (akkuża doppja) u l-applikazzjoni ta’ żewġ kundanni kriminali definittivi jew iktar (inkriminazzjoni doppja) kontra l-istess persuna għall-istess fatti. L-għan ta’ dan il-prinċipju huwa li tiġi prekluża r-ripetizzjoni ta’ proċeduri kriminali li diġà jkunu ġew konklużi, kif ukoll li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali tal-individwu, billi jiġi protett kontra l-inċertezza li tirriżulta mill-issuġġettar għal prosekuzzjoni doppja, proċeduri doppji jew kundanna doppja. Parti kbira minn din il-ġurisprudenza tal-QEDB tittratta, b’mod partikolari, id-duplikazzjoni ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali.

    38.

    L-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem mill-QEDB tirrikjedi li jiġu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet: 1) l-identiċità tal-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni jew sanzjoni, 2) l-identiċità tal-fatti li jaqgħu taħt il-proċeduri (idem), 3) in-natura doppja tal-proċeduri ta’ sanzjonijiet (bis) u 4) in-natura definittiva ta’ waħda miż-żewġ deċiżjonijiet. Il-kundizzjonijiet rilevanti għal din il-kawża, li taw lok għal ġurisprudenza tal-QEDB ikbar u iktar kontroversa, huma l-identiċità tal-fatti (idem) u n-natura doppja tal-proċeduri (bis).

    1. L-identiċità tal-fatti (kunċett ta’ idem)

    39.

    Dan l-element tal-prinċipju ne bis in idem jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-proċeduri li jiġu rripetuti għandhomx jirrigwardaw l-istess aġir (idem factum) jew jekk huwiex neċessarju, ukoll, li tiġi applikata l-istess klassifikazzjoni legali (idem crimen) għal dan l-aġir.

    40.

    Il-ġurisprudenza inizzjali tal-QEDB kienet varjata ħafna u, f’ċerti każijiet ta’ akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali u fiskali, hija qieset li ċerti fatti identiċi jistgħu jkunu suġġetti għal sanzjoni kriminali u għal sanzjoni amministrattiva, inkwantu dawn iż-żewġ sanzjonijiet ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni l-istess elementi ( 31 ).

    41.

    Fuq influwenza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen ( 32 ), il-QEDB irrevediet u organizzat il-ġurisprudenza tagħha fis-sentenza kruċjali Zolotoukhin vs Ir‑Russja ( 33 ), li fiha ddikjarat li l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 jipprojbixxi li ksur ulterjuri jiġi ssanzjonat fuq il-bażi ta’ atti identiċi, jew sostanzjalment ugwali, għal dawk li servew bħala bażi għall-ewwel sanzjoni, tkun liema tkun il-klassifikazzjoni legali tagħhom (għażla ċara tal-idem factum u esklużjoni tal-idem crimen). Il-QEDB tiddeskrivi l-identiċità tal-fatti bħala għaqda ta’ ċirkustanzi fattwali konkreti li jinvolvu l-istess persuna li twettaq il-ksur u li jkunu inseparabbilment marbuta bejniethom fiż-żmien u fl-ispazju ( 34 ).

    42.

    Fil-ġurisprudenza ulterjuri tagħha ( 35 ), il-QEDB żammet din il-pożizzjoni, favorevoli għall-garanziji tal-individwi, li tikkonsisti f’li tiffavorixxi l-idem factum meta mqabbel mal-idem crimen. Fis-sentenza tagħha tal-Awla Manja A u B vs In‑Norveġja ( 36 ), hija mill-ġdid ikkonfermat din il-pożizzjoni.

    2. Ir-repetizzjoni tal-proċeduri ta’ sanzjonijiet (kunċett ta’ bis)

    43.

    Id-duplikazzjoni ta’ proċeduri ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali hija element li l-iktar iġġenera diffikultà fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7. Meta jiġu magħduda proċeduri jew kundanni fuq azzjonijiet identiċi, imressqa minn qrati ta’ natura kriminali, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma jqajjimx diffikultajiet ikbar. Madankollu, jeżistu regoli ta’ natura ta’ infurzar li l-leġiżlaturi nazzjonali jistgħu jikkonfiguraw bħala liġi amministrattiva li tissanzjona, u mhux liġi kriminali, biex jevitaw l-applikazzjoni tas-salvagwardji u l-garanziji marbuta mal-proċeduri kriminali ( 37 ).

    a) Il-ġurisprudenza tal-QEDB

    44.

    Il-proliferazzjoni ta’ regoli ta’ sanzjoni ta’ infurzar taħt id-dritt amministrattiv hija r-raġuni għalfejn il-QEDB żviluppat kriterji speċifiċi u awtonomi, sa mis-sentenza tagħha Engel et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi ( 38 ), biex tikkjarifika l-kunċett ta’ “akkuża kriminali” tal-Artikolu 6 tal-KEDB u l-kunċett ta’ “piena” tal-Artikolu 7 tal-KEDB. B’mod speċifiku, sabiex tinterpreta l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, hija rrikorriet ukoll għall-kriterji magħrufa bħala “kriterji Engel” ( 39 ), jiġifieri, il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali, in-natura tal-ksur u n-natura u l-intensità jew il-gravità tas-sanzjoni applikata fil-konfront tal-persuna li twettaq il-ksur. L-aħħar żewġ kriterji huma alternattivi, madankollu l-QEDB tista’, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, tevalwahom b’mod kumulattiv ( 40 ).

    45.

    Fis-sentenza A u B vs In‑Norveġja, il-QEDB reġgħet tenniet l-użu l-esklużiv tal-kriterji Engel, minkejja li ċerti Stati intervenjenti f’dik il-kawża pproponew kriterji addizzjonali oħra sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tagħha, iżda lil hinn mill-fruntieri stretti tad-dritt kriminali ( 41 ).

    46.

    L-ewwel kriterju “Engel” jirrigwarda l-kwalifika tal-ksur skont id-dritt nazzjonali, liema fatt il-QEDB tikkunsidra biss bħala punt ta’ tluq sabiex tiddetermina jekk sanzjoni hijiex ta’ “natura kriminali”. Din hija regola mhux determinanti, ħlief jekk id-dritt nazzjonali nnifsu jikkataloga ż-żewġ sanzjonijiet bħala kriminali, fejn f’dan il-każ ikun japplika l-prinċipju ne bis in idem mingħajr kunsiderazzjonijiet ulterjuri. Jekk, għall-kuntrarju, is-sistema interna tikkwalifika s-sanzjoni bħala amministrattiva, hija għandha tipproċedi bl-analiżi tagħha fid-dawl taż-żewġ kriterji l-oħra, fejn skont ir-riżultat tagħhom għandu jiġi deċiż jekk, minkejja kollox, din is-sanzjoni hijiex ta’ “natura kriminali” skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7.

    47.

    It-tieni kriterju “Engel” jirrigwarda n-natura tal-ksur. Fil-ġurisprudenza tal-QEDB, biex jiġi ddeterminat jekk ksur fiskali ta’ natura amministrattiva huwiex, fil-verità, ta’ natura kriminali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi bħal: a) id-destinatarji tar-regola li timponi sanzjoni, fejn jekk din tkun diretta lejn il-pubbliku b’mod ġenerali, u mhux lejn grupp ta’ destinatarji speċifikat, din tkun normalment ta’ “natura kriminali” ( 42 ); b) l-għan tal-imsemmija regola li timponi sanzjoni, inkwantu l-ksur ma jkunx ta’ natura kriminali jekk is-sanzjoni prevista jkollha biss l-għan li jiġu kkumpensati d-danni ta’ natura patrimonjali ( 43 ) u tkun ta’ natura kriminali meta l-karatterizzazzjoni tagħha tkun konformi ma’ għanijiet ta’ infurzar u ta’ prevenzjoni ( 44 ); u ċ) l-interess ġuridiku protett mid-dispożizzjoni nazzjonali li timponi sanzjoni, jkun ta’ natura kriminali jekk l-għan tiegħu ikun is-salvagwardja tal-interessi ġuridiċi li l-protezzjoni tagħhom normalment tkun iggarantita permezz ta’ regoli ta’ dritt kriminali ( 45 ).

    48.

    It-tielet kriterju “Engel” jirrigwarda n-natura u l-livell ta’ gravità tas-sanzjoni. Il-pieni li jċaħħdu l-libertà huma, fihom infushom, ta’ natura kriminali ( 46 ), bħal ma huma s-sanzjonijiet pekunjarji li jekk ma jiġux onorati jiġu kkonvertiti f’arrest jew jiġu rreġistrati fil-kondotta kriminali ( 47 ).

    49.

    Billi applikat dawn il-kriterji għal sanzjonijiet fiskali akkumulati għas-sanzjonijiet kriminali, il-QEDB qieset, f’numru mhux daqstant żgħir ta’ okkażjonijiet, li tal-ewwel huma ta’ “natura kriminali”, fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB u, b’estensjoni, tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tagħha ( 48 ). B’mod speċifiku hija esprimiet lilha nnifisha f’dan is-sens f’każijiet ta’ sanzjonijiet pekunjarji imposti fi proċeduri amministrattivi dovuti għal nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxi, anki meta dawn jinvolvu kwantitajiet żgħar ( 49 ). Biex tasal għal din il-konklużjoni, il-qorti għandha teżamina n-natura u s-severità tas-sanzjoni billi tevalwa l-possibbiltà tal-applikazzjoni sħiħa tagħha, jiġifieri, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont finali li jirriżulta minn tnaqqis eventwali mogħti mill-amministrazzjoni fiskali ( 50 ). F’dan is-sens, il-QEDB iddikjara li huwa rrilevanti l-fatt li l-ewwel sanzjoni tkun tneħħiet mit-tieni sabiex ma jkunx hemm sanzjoni doppja ( 51 ).

    50.

    Għall-kuntrarju, il-QEDB qalet li l-proċeduri u l-miżuri fiskali intiżi sabiex jiġu rkuprati t-taxxi mhux imħallsa jew sabiex jinġabru l-interessi moratorji indipendentement mill-ammont tagħhom, ma humiex ta’ natura kriminali ( 52 ).

    51.

    F’sentenzi oħra, il-QEDB kkonfermat li l-garanzija inerenti għall-prinċipju ne bis in idem ma hijiex applikabbli biss għall-każijiet ta’ kundanna doppja, iżda wkoll għal dawk ta’ inkriminazzjoni doppja, jiġifieri, għal dawk li kienu suġġetti għal akkużi li ma wasslux għal kundanna. Hija kkonfermat, ukoll, li ma tagħmilx differenza jekk il-proċeduri amministrattivi jkunux ippreċedew jew issussegwew il-proċeduri kriminali, jekk ikunx hemm tpaċija bejn l-ewwel sanzjoni u t-tieni sanzjoni, jew jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx instabet ħatja fi tmiem it-tieni jew l-ewwel proċeduri ( 53 ).

    52.

    Il-ġurisprudenza estensiva tal-QEDB iffavorixxiet il-protezzjoni tal-individwi quddiem is-setgħa ta’ infurzar tal-awtoritajiet nazzjonali. Forsi din iċ-ċirkustanza tista’ tispjega r-reazzjoni ta’ ċerti Stati, perċepibbli fil-pożizzjonijiet li sostnew fil-kawża A u B vs In‑Norveġja ( 54 ), li għalihom din il-qorti kienet sensittiva.

    b) L-eċċezzjoni fil-każijiet ta’ proċeduri mħallta b’rabta ratione temporis u ratione materiae suffiċjentement stretta: is-sentenza A u B vs In‑Norveġja

    53.

    Fis-sentenza A u B vs In‑Norveġja, il-QEDB taċċetta li, fil-preżenza ta’ sanzjonijiet formalment amministrattivi li huma ta’ natura kriminali, l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 ma jinkisirx minħabba l-akkumulazzjoni ta’ proċedimenti kriminali u amministrattivi ta’ sanzjoni, dejjem bil-kundizzjoni li jkun hemm rabta ratione materiae u ratione temporis suffiċjentement stretta bejniethom. Jekk l-Istat Membru juri li dawn il-proċeduri għandhom din ir-rabta ratione temporis u ratione materiae, ma tkunx teżisti “repetizzjoni ta’ proċeduri u ta’ pieni (bis)” ( 55 ).

    54.

    Skont il-QEDB, sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat jekk hemmx konnessjoni materjali suffiċjentement stretta bejn il-proċeduri kriminali u dawk amministrattivi ta’ sanzjoni, jeħtieġ li jiġu eżaminati b’mod partikolari l-kriterji li ġejjin: ( 56 )

    L-għanijiet kumplimentari tal-proċeduri u r-rabtiet tagħhom ma’ aspetti differenti tal-att li jikkawża preġudizzju lis-soċjetà. In-natura kumplimentari u l-koerenza jkunu wisq ikbar kemm-il darba jkunu mbiegħda mill-“għadma iebsa tad-dritt kriminali” is-sanzjonijiet tal-proċeduri kriminali u viċeversa ( 57 ).

    Id-duwalità, ġuridika u fil-prattika, tal-proċeduri meta din tikkostitwixxi konsegwenza prevedibbli tal-istess aġir issanzjonat.

    In-natura kumplimentari fl-iżvolġiment tal-proċeduri li tevita, meta jkun possibbli, repetizzjonijiet fil-ġbir u fl-evalwazzjoni tal-provi, permezz tal-interazzjoni bejn l-awtoritajiet distinti, b’tali mod li l-konstatazzjoni tal-fatti mwettqa f’waħda mill-proċeduri tkun inkorporata fil-proċedura l-oħra.

    Il-kalkolu u t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sanzjoni deċiża fl-ewwel proċeduri, fil-mument li tiġi imposta t-tieni sanzjoni, b’tali mod li s-sanzjoni fuq l-individwu ma tkunx tinvolvi oneru eċċessiv, fejn l-eżistenza ta’ proċedura ta’ tpaċija għandha tkun adegwata biex jiġi evitat dan ir-riskju.

    55.

    Fir-rigward tal-metodoloġija li għandha tiġi segwita biex tintwera r-rabta ratione temporis suffiċjenti bejn il-proċeduri, il-QEDB hija inqas preċiża. Hija tillimita lilha nnifisha sabiex tindika li ma huwiex neċessarju li l-proċeduri kriminali u amministrattivi jiżvolġu simultanjament, mill-bidu sal-aħħar, u żżid li iktar ma jkun wiesa’ d-distakk ratione temporis bejn iż-żewġ proċeduri, iktar tkun diffiċli għall-Istat biex juri din ir-rabta ( 58 ).

    56.

    Il-paragun bejn il-fatti deċiżi fis-sentenza A u B vs In‑Norveġja, minn naħa, u dawk fis-sentenza ulterjuri tat-18 ta’ Mejju 2017, Jóhannesson et vs L‑Islanda ( 59 ), min-naħa l-oħra, juri l-ostakli kważi impossibbli li l-qrati nazzjonali jkollhom jaffrontaw sabiex jiddeterminaw a priori, b’minimu ta’ ċertezza u prevedibbiltà, meta jkun hemm din ir-rabta’ ratione temporis.

    C.   L-effett tas-sentenza A u B vs In‑Norveġja fuq id-dritt tal-Unjoni

    57.

    Konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, is-sens u l-portata tal-Artikolu 50 tagħha għandhom ikunu “l-istess bħal dawk stabbiliti” mill-artikolu korrispondenti tal-KEDB. Ma għandux jiġi sseparat, fl-interpretazzjoni tiegħu, id-dritt protett mill-Artikolu 50 tal-Karta mill-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, fejn in-nuqqas ta’ ratifika jew ir-riżervi u d-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri ( 60 ) fir-rigward ta’ dan tal-aħħar ma humiex rilevanti għall-Qorti tal-Ġustizzja.

    58.

    Din hija d-direzzjoni impliċitament segwita mis-sentenza Åkerberg Fransson, li fiha ma ġiex aċċettat li l-livell ta’ ratifikazzjonijiet ta’ protokoll tal-KEDB ikollu effett fuq l-użu tiegħu bħala għodda għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, minkejja r-riżervi espressi f’dan is-sens ( 61 ).

    59.

    In-nota ta’ spjegazzjoni tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tindika li “[i]r-referenza għall-KEDB tkopri kemm il-Konvenzjoni kif ukoll il-Protokolli tagħha.” Hija ma tagħmel ebda distinzjoni skont jekk dawn tal-aħħar jorbtux lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni jew le ( 62 ). Barra minn hekk, din id-distinzjoni tkun tista’ tagħti lok għal interpretazzjoni u applikazzjoni mhux uniformi tal-Karta ( 63 ), skont jekk l-Istat ikunx marbut minn protokoll anness mal-KEDB jew le.

    60.

    Madankollu, il-bidla fil-ġurisprudenza mwettqa mill-QEDB fis-sentenza tagħha A u B vs In‑Norveġja tippreżenta sfida importanti għall-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rispett istituzzjonali bejn iż-żewġt iqrati jipprekludi kull kumment li jikkritika ( 64 ), iżda dan ma jwaqqafx l-osservazzjoni li, permezz ta’ dan l-approċċ ġdid, il-QEDB biddlet b’mod sinjifikattiv il-portata li sa dak il-mument kienet tat lill-prinċipju ne bis in idem.

    61.

    F’dan il-kuntest, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħżel waħda mill-possibbiltajiet li ġejjin:

    taċċetta, mingħajr eċċezzjoni, il-limitazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem stabbilita permezz tas-sentenza A u B vs In‑Norveġja, u tapplikaha fil-kuntest tal-Artikolu 50 tal-Karta, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 52(3) tagħha;

    tiċħad din il-limitazzjoni u żżomm il-livell ta’ protezzjoni stabbilit fis-sentenza Åkerberg Fransson b’riferiment għall-ġurisprudenza (preċedenti) ġenerali tal-QEDB. B’hekk tiġi applikata l-klawżola tal-Artikolu 52(3), in fine, li skontha l-obbligu li titwettaq interpretazzjoni omoġenea tal-artikoli tal-Karta ta’ kontenut simili għal dawk tal-KEDB “ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli tipprevedi protezzjoni aktar estensiva”.

    62.

    Irrispettivament minn dawn iż-żewġ possibbiltajiet fid-dawl tas-sentenza A u B vs In‑Norveġja, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, kif inhu loġiku, tiżviluppa ġurisprudenza speċifika biex tiġi ddeterminata l-kompatibbiltà mal-Artikolu 50 tal-Karta ta’ “proċeduri mħallta (amministrattivi u kriminali) b’rabtiet suffiċjenti”.

    1. Allinjament mal-ġurisprudenza l-ġdida tal-QEDB

    63.

    Din is-soluzzjoni hija, ċertament, konformi mad-dmir ta’ interpretazzjoni armonjuża tad-dispożizzjonijiet tal-Karta u dawk tal-KEDB (u tal-protokolli tagħha), fuq il-bażi tal-Artikolu 52(3) tal-Karta.

    64.

    Numru ta’ gvernijiet li intervjenew fil-proċeduri jappoġġjaw dan l-allinjament billi jinvokaw, barra minn hekk, ir-regoli ta’ interpretazzjoni tal-Karta miġbura fl-Artikolu 52(4) u (6) tagħha. L-ewwel waħda tindika li “[s]afejn din il-Karta tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, dawk id-drittijiet għandhom ikunu interpretati f’armonija ma’ dawk it-tradizzjonijiet.” Skont it-tieni waħda, “[g]ħandha tittieħed kunsiderazzjoni sħiħa tal-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali kif speċifikat f’din il-Karta.”

    65.

    Dawn il-gvernijiet jenfasizzaw li l-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali jvarjaw ħafna fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu akkumulati sanzjonijiet kriminali u amministrattivi għall-istess fatti. Quddiem din ir-realtà varjata, huma jissuġġerixxu interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 50 tal-Karta, sabiex tiġi ggarantita setgħa ta’ infurzar adegwata lill-Istati Membri, hekk kif kienet għamlet il-QEDB permezz tas-sentenza tagħha A u B vs In‑Norveġja.

    66.

    Jien ma naqbilx ma’ dawn l-argumenti. Ir-regola interpretattiva tal-Artikolu 52(6) ma hijiex applikabbli għall-Artikolu 50 tal-Karta peress li, kif sostniet il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma tikkontempla ebda riferiment għal-leġiżlazzjonijiet u għall-prattiki nazzjonali (b’differenza ta’ oħrajn, bħall-Artikoli 16, 27, 28, 30, 34, 35 jew 36 tal-Karta).

    67.

    Ir-regola tal-Artikolu 52(4) lanqas ma hija rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 50 tal-Karta. Minn naħa, l-istess gvernijiet jaċċettaw li ma hemmx tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni dwar il-kontenut ta’ dan id-dritt ( 65 ). Min-naħa l-oħra, it-tradizzjonijiet ta’ dawk l-Istati li jillimitaw l-effettività tal-prinċipju ne bis in idem esklużivament għad-dritt kriminali jaslu għal interpretazzjoni tal-Artikolu 50 iktar restrittiva, inkluż, minn dik tal-QEDB b’rabta mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7.

    68.

    Dan ir-riżultat huwa inkompatibbli mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, b’tali mod li kieku kienu jeżistu f’dan is-sens tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni, dawn ikunu jistgħu joperaw biss bħala kriterju ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta meta jwasslu għal livell ta’ protezzjoni ogħla tad-dritt ( 66 ).

    69.

    Min-naħa tiegħi, ma narax raġunijiet, iżda nara inkonvenjenti, f’li l-Qorti tal-Ġustizzja tingħaqad mal-QEDB fid-deċiżjoni tagħha li tnaqqas il-kontenut tad-dritt iggarantit lill-individwi bil-prinċipju ne bis in idem, fir-rigward ta’ sanzjonijiet tal-istess natura (materjalment kriminali) imposti darbtejn għall-istess fatti. Inqis li huwa diffiċli li jiġi rrinunzjat il-livell ta’ protezzjoni diġà miksub permezz tas-sentenza Åkerberg Fransson sempliċement għaliex il-QEDB biddlet l-interpretazzjoni tagħha ( 67 ), fil-qasam li jikkorrispondi lilha, l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7.

    70.

    Fl-ewwel lok, il-QEDB innifisha tirrikonoxxi ( 68 ) li l-aqwa mod biex jiġi osservat il-prinċipju ne bis in idem, previst mill-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, huwa permezz tal-approċċ ta’ sanzjoni, b’tali mod li hija tikkonċepixxi l-binarju doppju f’każijiet ta’ proċeduri mħallsa bħala eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali. Jekk ikun hemm proċeduri doppji, anki jekk dawn ikunu mħallta, normalment il-konsegwenza tkun li jkun hemm ksur tal-prinċipju ne bis in idem.

    71.

    Fit-tieni lok, il-bidla fil-ġurisprudenza biex jiġu protetti l-“proċeduri mħallta b’rabta ratione temporis u ratione materiae suffiċjenti” tispira lilha nnifisha minn pożizzjoni simili għal dik tal-Istati partijiet fil-KEDB ( 69 ). Il-QEDB tagħti rilevanza għall-fatt li l-prinċipju ne bis in idem ma ġiex inkluż fil-KEDB u kien biss fil-1984 li sar jagħmel parti minnha (permezz tal-Protokoll Nru 7), b’riżervi u dikjarazzjonijiet minn ċerti partijiet firmatarji. Ir-riżervi ta’ ċerti Stati biex jaċċettaw il-prinċipju ne bis in idem u d-diverġenzi fid-drittijiet nazzjonali jidhru li kellhom effett fuq l-inklużjoni ta’ din l-eċċezzjoni notevoli għall-applikazzjoni tiegħu (mhux prevista, minn tal-inqas espliċitament, fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7) ( 70 ).

    72.

    Nirrepeti li ma nemminx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssegwi l-approċċ QEDB. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tiddependi mil-livell ta’ predispożizzjoni tal-Istati li josservaw il-kontenut tiegħu, ġuridikament vinkolanti. Issa, jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonsolidat duttrina li skontha żewġ proċeduri, paralleli jew suċċessivi, li jagħtu lok għal żewġ sanzjonijiet materjalment kriminali, għall-istess fatti, ikomplu bħala żewġ proċeduri (bis) u mhux waħda, ma narax raġunijiet issostanzjati għalfejn din għandha tiġi abbandunata.

    73.

    Barra minn hekk, l-introduzzjoni fid-dritt tal-Unjoni ta’ kriterju ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta li jistrieħ fuq il-livell ta’ rabta ratione temporis u ratione materiae bejn ċerti proċeduri (dawk kriminali) u oħrajn (dawk amministrattivi ta’ sanzjoni), tkun iżżid inċertezza u kumplessità notevoli fuq id-dritt tal-persuni li ma jiġu la ġġudikati u lanqas ikkundannati darbtejn għall-istess fatti. I-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta għandhom jinftiehmu faċilment minn kulħadd u l-eżerċizzju tagħhom jirrikjedi prevedibbiltà u ċertezza li, fil-fehma tiegħi, ma humiex kompatibbli ma’ dan il-kriterju.

    2. Protezzjoni ogħla tal-prinċipju ne bis in idem fid-dritt tal-Unjoni

    74.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet mill-ġdid li, minkejja li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jirrikjedi li d-drittijiet miġbura fiha li jikkorrispondu ma’ drittijiet iggarantiti mill-KEDB jingħataw l-istess sens u l-istess portata bħal dawk iggarantiti mill-imsemmi KEDB, dan ma jikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma tkunx aderixxiet lilha nnifisha magħha, strument legali integrat formalment fis-sistema legali tal-Unjoni ( 71 ).

    75.

    Din il-ġurisprudenza tenfasizza l-awtonomija tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, li huma l-uniċi applikabbli fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li wieħed iressaq mal-ġenb il-ġurisprudenza tal-QEDB meta, fir-rigward ta’ drittijiet tal-Karta ta’ kontenut simili għal dawk tal-KEDB u tal-protokolli tagħha, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi livell ta’ protezzjoni ogħla, dejjem sakemm ma jippreġudikax drittijiet oħrajn protetti mill-Karta ( 72 ).

    76.

    Fl-eżerċizzju ta’ din l-awtonomija, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 50 tal-Karta, li tkun tali li żżomm il-pożizzjoni li adottat preċedentement u li tkun diverġenti mil-linja ta’ ġurisprudenza rrappreżentata mis-sentenza tal-QEDB A u B vs In‑Norveġja. Ikun meħtieġ sempliċement li jiġi żgurat li din l-interpretazzjoni tosserva ( 73 ) u taqbeż il-livell ta’ protezzjoni ggarantit għall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, hekk kif intiż mill-QEDB.

    77.

    Hekk kif is-sentenza A u B vs In‑Norveġja tnaqqas il-garanziji għall-individwi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, billi tawtorizza l-akkumulu ta’ proċeduri, pieni u sanzjonijiet amministrattivi ta’ kontenut materjalment kriminali, fiċ-ċirkustanzi diġà indikati, il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura livell ta’ protezzjoni ogħla, fil-kuntest tal-Artikolu 50 tal-Karta, billi żżomm mingħajr riżervi l-ġurisprudenza preċedenti tagħha konformement mas-sentenza Åkerberg Fransson.

    D.   Approċċ awtonomu biex tiġi attenwata l-portata tal-Artikolu 50 tal-Karta?

    78.

    L-Artikolu 50 tal-Karta, l-istess bħall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, jistabbilixxi l-prinċipju ne bis in idem bħala dritt fundamentali tal-persuna, mhux suġġett għal eċċezzjonijiet. Xi drabi din il-kwalità ma tittiħidx suffiċjentement inkunsiderazzjoni u jiġri li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika (is-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi, pereżempju) jipprevalu fuq dan id-dritt, għalkemm, minkejja li huma leġittimi ħafna f’oqsma oħrajn, ma jirriżultawx li huma suffiċjenti biex jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tagħha ( 74 ).

    79.

    Madankollu, fis-sentenza Spasic ( 75 ), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ċerti limitazzjonijiet għall-protezzjoni tal-prinċipju ne bis in idem fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta. Konkretament, hija ddikjarat li l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen (li jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għall-kundizzjoni li, fil-każ ta’ kundanna, is-sanzjoni “ġiet eżegwita”, “qed tiġi eżegwita”, jew ma tistax tiġi eżegwita iżjed) hija kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta.

    80.

    F’dan l-istess sens, għandha tiġi aċċettata duwalità ta’ sanzjonijiet kriminali u fiskali ta’ kontenut materjalment kriminali għall-istess fatti, meta dan ikun każ ta’ proċeduri paralleli? Skont il-klawżola orizzontali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-limitazzjoni tad-dritt għal invokazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem għandha tiġi stabbilita permezz ta’ liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali tiegħu. B’riferiment għat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1), fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jiġu introdotti limitazzjonijiet għall-prinċipju ne bis in idem biss meta jkunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn ( 76 ).

    81.

    Mill-erba’ rekwiżiti indispensabbli biex il-limitazzjoni tad-dritt fundamentali tkun leġittima, l-ewwel u l-aħħar, f’dan il-każ, ma jippreżentawx diffikultajiet partikolari. Id-dritt nazzjonali ikopri l-inkriminazzjoni doppja u din tissodisfa għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni nnifsu (jiġifieri, ir-rekwiżit li s-sanzjonijiet kontra l-frodi serja tal-VAT ikunu effettivi u dissważivi, kif indikat fis-sentenza Åkerberg Fransson u kif ġie mtenni mill-ġdid sussegwentement fis-sentenza Taricco et ( 77 )).

    82.

    Madankollu niddubita li f’dan il-kuntest il-kontenut essenzjali tad-dritt li individwu ma jiġix iġġudikat jew ikkundannat kriminalment darbtejn għall-istess ksur ġie osservat. Fi kwalunkwe każ, u dan huwa l-fattur essenzjali, ma jidhirlix li l-limitazzjoni li ġiet analizzata f’dan il-każ hija neċessarja, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

    83.

    Il-fatt li r-regolamentazzjoni tal-Istati Membri tikkontempla soluzzjonijiet differenti għal din is-sitwazzjoni juri fih innifsu, fil-fehma tiegħi, in-natura mhux neċessarja ta’ din il-limitazzjoni. Li kieku kienet realment indispensabbli, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, din tkun tali għall-Istati Membri kollha u mhux biss għal uħud minnhom.

    84.

    L-eżami tal-leġiżlazzjoni ta’ numru ta’ Stati Membri tal-Unjoni jqiegħed fid-dawl l-eżistenza ta’ mill-inqas żewġ sistemi differenti ta’ sanzjoni tal-frodi minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ VAT.

    85.

    Fl-ewwel lok, is-sistemi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala ta’ binarju doppju (is-sistema Taljana tad-“doppio binario penale-amministrativo in materia tributaria” jew dik Svediża eżaminata fis-sentenza Åkerberg Fransson) jippermettu l-iżvilupp parallel ta’ proċeduri amministrattivi ta’ sanzjoni, taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet fiskali, u ta’ proċeduri kriminali, taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċċju tal-prosekutur u tal-organi ġudizzjarji, u jippermettu l-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali (inklużi l-pieni ta’ ċaħda tal-libertà, is-sanzjonijiet pekunjarji u pieni oħra ta’ ċaħda ta’ drittijiet) fil-każijiet ta’ frodi li jinvolvu kwantitajiet kbar ta’ flus.

    86.

    Fit-tieni lok, is-sistemi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala sistema ta’ binarju uniku jawtorizzaw, fid-dawl ta’ VAT mhux imħallsa li tinvolvi ammonti kbar, it-tressiq ta’ proċeduri u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fiskali jew kriminali, iżda jipprekludu l-akkumulazzjoni tagħhom. Jekk l-ammont tal-frodi jkun ogħla minn ċertu limitu, id-drittijiet nazzjonali normalment iqisu dan l-aġir bħala ta’ natura kriminali u jipprevedu l-infurzar tiegħu biss permezz ta’ sanzjonijiet kriminali (mill-ġdid, pieni ta’ ċaħda ta’ libertà, multi u oħrajn) ( 78 ), fejn, loġikament, l-amministrazzjoni tikkwantifika, fil-każ tagħha, l-ammont li l-persuna li tħallas il-VAT tkun naqset milli tħallas.

    87.

    Bis-sistemi ta’ binarju uniku, il-prinċipju ne bis in idem tal-Artikolu 50 tal-Karta jiġi osservat u l-persuna taxxabbli jkollha l-garanzija li ma tiġix iġġudikata jew ikkundannata kriminalment darbtejn għall-istess ksur. Iċ-ċertezza li, fl-aħħar nett, l-iktar frodi serja tiġi miġġielda b’mod effettiv permezz ta’ sanzjonijiet kriminali li jistgħu jinvolvu priġunerija lill-persuna li twettaq il-ksur tagħtihom is-saħħa dissważiva dovuta, meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Fl-opinjoni tiegħi, dan ma jseħħx fil-każ tas-sistemi ta’ binarju doppju.

    88.

    Għalhekk, id-duwalità ta’ proċeduri paralleli (amministrattivi u kriminali), li jkunu ftit jew wisq viċini fiż-żmien, u tas-sanzjonijiet korrelattivi ta’ natura kriminali ma’ tmiem dawn il-proċeduri, applikati minn żewġ awtoritajiet ta’ infurzar tal-Istat li jagħtu deċiżjoni fuq l-istess fatti ta’ natura illegali, ma hijiex rekwiżit neċessarju li tippermetti r-restrizzjoni tad-dritt protett mill-prinċipju ne bis in idem, anki jekk għandha l-għan lodevoli li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li tevita l-impunità tal-frodi gravi.

    89.

    Xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jimponu sanzjonijiet kriminali, flimkien ma’ dawk amministrattivi, għall-istess fatti, meta dawn tal-aħħar ikunu nieqsa minn natura kriminali. Fil-fehma tiegħi, dan għandu jkun fiċ-ċentru tal-kwistjoni. Iktar milli tiġi ddisturbata l-kjarezza li għandu jkollu d-dritt protett mill-prinċipju ne bis in idem, billi jiġi sottomess għal konstatazzjonijiet ta’ kumplessità kbira, huwa meħtieġ sempliċement li wieħed jirreverti lura l-proċess li wassal sabiex tiġi attribwita n-natura kriminali lis-sanzjonijiet pekunjarji imposti mill-amministrazzjonijiet fiskali.

    90.

    Jekk, għall-kuntrarju, tinżamm in-natura materjalment kriminali ta’ dawn is-sanzjonijiet, bħal ma nħoss li huwa adegwat, il-garanzija tal-Artikolu 50 tal-Karta għandha tiġi ssalvagwardjata bis-sħiħ meta l-istess fatt jikser, fl-istess waqt, regoli fiskali li magħhom hemm assoċjati risposta materjalment kriminali u regoli proprjament kriminali (jiġifieri, dawk li jikklassifikaw ir-reati).

    91.

    Li jseħħ f’dawn is-sitwazzjonijiet hija ħaġa magħrufa fid-dritt ta’ natura punittiva: kumulu ta’ liġijiet, jew ta’ regoli (mhux ta’ reati), li għandhom jiġu riżolti b’mod unitarju. B’hekk, meta l-istess fatt jaqa’ taħt żewġ (jew iktar) regoli li jissanzjonawh, l-infurzar għandu jirriżulta minn waħda minnhom, dik li l-applikazzjoni tagħha tipprevali ( 79 ).

    92.

    Ir-risposta unika ta’ infurzar quddiem l-istess fatt ma tnaqqasx, mill-bqija, il-kapaċità wiesgħa leġiżlattiva tal-leġiżlatur nazzjonali li jġib fis-seħħ il-kontenut tiegħu. Xejn ma jipprekludi li din ir-risposta, li għandha tingħata darba biss sabiex jiġi rrispettat id-dritt li joħroġ mill-prinċipju ne bis in idem, tipprevedi pieni ta’ ċaħda ta’ libertà, multi u miżuri ta’ ċaħda ta’ drittijiet (interdizzjonijiet, projbizzjoni milli persuna tikkuntratta jew milli teżerċita attivitajiet speċifiċi, eċċ) ( 80 ). Barra minn hekk, biex jintlaħaq l-għan ta’ dissważjoni, li għalih irreferejt preċedentement, l-iktar frodi fiskali serju jkun jista’ jiġi infurzat b’għaqda ta’ dawn is-sanzjonijiet, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    93.

    Jekk, kif nissuġġerixxi, il-possibbiltà li jiġu integrati f’risposta unika diversi tipi ta’ miżuri ta’ infurzar tneħħi l-biżgħa ta’ impunità tal-persuni li jwettqu frodi fiskali, ma huwiex neċessarju, fis-sens li diġà ġie espost, li jiġi llimitat il-prinċipju ne bis in idem billi jiġu esklużi mill-qasam protett minn dan id-dritt is-sanzjonijiet (doppji) imposti wara (żewġ) proċeduri (jew iktar), li jistgħu jissejħu paralleli, mħallta jew konkorrenti, li permezz tagħhom jiġu infurzati l-istess fatti.

    94.

    Fil-qosor, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta li tkun skont il-ġurisprudenza preċedenti tagħha, iżda li ma tillimitax il-kontenut ta’ dan id-dritt fis-sens tas-sentenza A u B vs In‑Norveġja jew skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

    E.   Risposta għad-domanda preliminari

    95.

    Wara din l-analiżi twila, iżda inevitabbli, tal-ġurisprudenza tal-QEDB u tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-prinċipju ne bis in idem, ser nirritorna fuq il-każ Menci biex tiġi eżaminata d-domanda tal-qorti tar-rinviju.

    96.

    Fuq il-bażi tas-sentenza Åkerberg Fransson, nista’ nipproponi li tingħata risposta sempliċi ħafna, iżda ċertament mhux daqstant effettiva, lill-qorti tar-rinviju: ikun biżżejjed li tiġi mfakkra b’din is-sentenza u li din tintalab tapplika hi stess il-kriterji Engel, mingħajr ma jiġuha pprovduti elementi oħra ta’ evalwazzjoni.

    97.

    Madankollu, inqis li fil-kuntest ta’ diverġenzi bejn il-qrati Taljani ( 81 ), fir-rigward tar-riperkussjonijiet tas-sentenza Åkerberg Fransson u tal-ġurisprudenza tal-QEDB fuq dan is-suġġett, speċjalment wara l-bidla fil-ġurisprudenza mwettqa mis-sentenza A u B vs In‑Norveġja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel pass ulterjuri li jiffaċilita lill-qrati nazzjonali l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta.

    98.

    Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, nipproponi li neżamina suċċessivament jekk fid-domanda preliminari magħmula jirriżultawx: a) l-identiċità tal-fatti li huma s-suġġett tal-kawża; u b) żewġ proċeduri ta’ sanzjoni. L-identità tal-persuna u n-natura definittiva tas-sanzjoni huma kkonstatati b’mod ċar bħal fil-każ ta’ din il-kawża u ma jirrikjedux preċiżazzjonijiet ulterjuri. Fl-aħħar nett, nittratta l-possibbiltà li jiġu aċċettati eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni magħmula mill-Artikolu 50 fis-sens indikat mill-QEDB fis-sentenza tagħha A u B vs In‑Norveġja jew mill-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-ġurisprudenza tagħha Spasic ( 82 ).

    1. L-identiċità tal-fatti (idem)

    99.

    Għal dak li jirrigwarda l-idem, jiġifieri, l-identiċità tal-fatti, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (b’mod partikolari, dik dwar l-Artikolu 54 tal-Ftehim ta’ Shengen, imsemmi iktar ’il fuq) u fil-ġurisprudenza tal-QEDB wara s-sentenzi Zolotukhin vs Ir‑Russja ( 83 ) hemm soluzzjonijiet suffiċjenti li jistgħu jiġu estrapolati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta meta jakkumulaw sanzjonijiet fiskali u kriminali minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-VAT.

    100.

    Skont it-teżi prominenti f’din il-ġurisprudenza, il-projbizzjoni tal-piena doppja tirreferi għall-istess fatti materjali (idem factum), fis-sens ta’ għaqda ta’ ċirkustanzi konkreti indissolubbilment marbuta bejniethom, indipendentement mill-klassifikazzjoni legali tagħhom (idem crimen) jew tal-interess ġuridiku protett.

    101.

    Il-qorti tar-rinviju għandha tagħti soluzzjoni, konformement mar-regola esposta, dwar jekk is-sanzjonijiet fiskali minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-VAT u s-sanzjonijiet kriminali minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-VAT dovuta kull sena japplikawx għal fatti identiċi.

    102.

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-gvern tar-Repubblika Ċeka jqis li l-imsemmija identiċità għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, meta jkun każ ta’ akkumulu ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali, skont l-approċċ segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni ( 84 ). Dan il-gvern jirreferi konkretament għar-rekwiżit triplu ta’ identiċità tal-fatti, tal-persuna li twettaq il-ksur u tal-interess ġuridiku protett ( 85 ).

    103.

    Minkejja li, bħall-avukat ġenerali l-oħra, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tomoġenizza l-ġurisprudenza tagħha dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem fil-qasam tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni ( 86 ) ma’ dik li żviluppat fir-rigward tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ta’ Schengen u ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (liema fatt huwa iktar urġenti sa mill-iżvilupp iddefinit bis-sentenza tal-QEDB Zolotoukhin vs Ir‑Russja ( 87 )), ma nemminx li d-differenza sottili mqajma mill-gvern tar-Repubblika Ċeka hija sinjifikattiva f’din il-kawża. Fil-fehma tiegħi, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li l-interess ġuridiku protett għas-sanzjonijiet fiskali previsti minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-VAT għandu jikkoinċidi mal-interess tas-sanzjonijiet kriminali previsti għal dan l-istess kunċett.

    104.

    Huma iktar id-diffikultajiet dovuti għall-allegazzjoni tal-Gvern Taljan li jinvoka, insostenn tal-argumenti tiegħu, il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni) li skontha ma hemmx identiċità ta’ fatti jekk il-ksur amministrattiv jissanzjona n-nuqqas ta’ ħlas perjodiku tal-VAT kull xhar, jew kull tliet xhur, wara d-data meta t-taxxa tiġi dovuta, u l-ksur fiskali jissanzjona l-evitar ta’ ħlas (għal ammont ogħla minn EUR 50000 jew 250000, skont il-liġi applikabbli f’kull mument) li jikkorrispondi għall-perijodu annwali. Fil-qosor, għal din il-qorti, taħt l-imsemmija ċirkustanzi l-kundizzjoni tal-identiċità ma hijiex sodisfatta ( 88 ), u l-Gvern Taljan iżid li l-prinċipju ne bis in idem jaffettwa biss il-proċeduri kriminali u, għaldaqstant ma jistax jiġi applikat għall-impożizzjoni konġunta ta’ sanzjonijiet kriminali u sanzjonijiet amministrattivi fiskali, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni Taljana ma tiksirx l-Artikolu 50 tal-Karta u lanqas l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7.

    105.

    Min-naħa tagħha, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tiddefendi pożizzjoni kuntrarja, li magħha naqbel, inkwantu hija adattata għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-QEDB dwar il-kriterju tal-identiċità tal-fatti.

    106.

    Quddiem in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ ħlas tad-dejn fiskali fir-rigward tal-VAT, huwa l-kollettiv ta’ ċirkustanzi fattwali konkreti, magħquda indissoċjabbilment fiż-żmien u fl-ispazju, u li jinvolvu l-istess persuna li tikkostitwixxi ksur li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Issa, kemm fil-każ tal-ksur fiskali bħal fil-każ ta’ dak kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-differenzi li, skont il-Gvern Taljan, joriġinaw mill-applikazzjoni taż-żewġ tipi ta’ sanzjonijiet ma humiex ta’ natura fattwali iżda ta’ natura legali ( 89 ). Il-fatt materjali huwa dejjem l-istess, jiġifieri, in-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT għal ammont għoli; u minbarra r-rekwiżiti dovuti għal dan in-nuqqas ta’ ħlas, il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tal-VAT, b’limitu minimu u terminu ta’ referenza huma prerekwiżiti legali u mhux fattwali.

    107.

    Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (u tal-QEDB) li semmejt preċedentement ( 90 ) tenfasizza li l-klassifikazzjoni legali tal-fatti ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-identiċità tagħhom. Huwa l-idem factum u mhux l-idem crimen li huwa rilevanti. Filwaqt li l-Gvern Taljan għandu raġun billi jsostni, bil-ħsieb tar-raġunament tas-sentenzi tal-Corte di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni), li għandha tingħata attenzjoni għal “evalwazzjoni konkreta” tal-fatti, l-ipoteżi tagħha dwar il-“progressjoni tal-illegalità” fl-aġir dovut għan-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT, bħala bażi għall-interpretazzjoni tagħha li, f’dawn il-każijiet, ma hemmx identiċità tal-fatti doppjament issanzjonati, ma jikkonvinċinix. Għalhekk, fir-rigward ta’ L. Menci, iċ-ċirkustanzi fattwali konkreti li taw lok għall-impożizzjoni tas-sanzjoni fiskali u li jistgħu jagħtu lok, barra minn hekk, għal sanzjoni kriminali fil-konfront tiegħu, huma l-istess: in-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT korrispondenti għall-perijodu ta’ tassazzjoni inkluż bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2011, għal ammont ta’ EUR 282495.76. Is-sanzjoni fiskali tapplika għal dawn il-fatti billi jintużaw kriterji legali, filwaqt li s-sanzjoni kriminali titlob evalwazzjoni ta’ kriterji legali oħra, iżda ċ-ċirkustanzi fattwali, nerġa’ ntenni, ma humiex differenti.

    108.

    Hija meħtieġa li ssir osservazzjoni aħħarija fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-interpretazzjoni li nipproponi mal-obbligu li għandhom l-Istati Membri li japplikaw sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati, li jiggarantixxu l-irkupru tal-VAT u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Kif indikajt, l-użu ta’ sistema ta’ binarju doppju għall-infurzar tal-frodi li jirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT ma għandhiex tkun iktar effikaċi mill-adozzjoni ta’ sistema ta’ binarju uniku. Li kieku l-ħtieġa li wieħed jirrikorri għal proċeduri doppji u sanzjonijiet doppji kienet tirriżulta, fl-aħħar mill-aħħar, min-nuqqasijiet tal-istrutturi amministrattivi jew ġudizzjarji fl-infurzar tal-frodi li jirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT, dawn l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu wkoll billi jittejbu dawn il-proċeduri u mhux billi jiġi ssagrifikat id-dritt fundamentali li individwu ma jiġix iġġudikat jew ikkundannat kriminalment għall-istess fatti.

    2. Ir-repetizzjoni tal-proċeduri jew tas-sanzjonijiet (bis)

    109.

    Kif diġà sostnejt, l-Artikolu 50 tal-Karta, skont is-sentenza Åkerberg Fransson:

    Huwa kompatibbli mal-eżistenza ta’ sistema ta’ binarju doppju (amministrattiv u kriminali) biex jiġi ssanzjonat il-frodi li jirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT, fid-dawl tal-libertà tal-Istati Membri li jagħżlu l-modalitajiet ta’ infurzar tal-frodi għall-VAT.

    Madankollu, dan l-artikolu huwa inkompatibbli mas-sanzjoni doppja, fir-rigward tas-sanzjoni (jew proċeduri) kriminali, minn naħa, u fir-rigward tas-sanzjoni (jew proċeduri) fiskali, min-naħa l-oħra, meta jkun jista’ jiġi sostnut li s-sanzjoni fiskali tkun realment ta’ natura kriminali, minkejja l-klassifikazzjoni tagħha, mid-dritt nazzjonali, bħala waħda amministrattiva biss. F’din l-ipoteżi, nerġa’ ntenni, “[h]uwa biss meta s-sanzjoni fiskali tkun ta’ natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, u meta din tkun saret definitiva [ ( 91 )] li l-imsemmija dispożizzjoni tipprekludi t-teħid ta’ azzjonijiet kriminali kontra l-istess persuna għall-istess fatti” ( 92 ).

    110.

    Skont din l-istess sentenza, għandhom ikunu l-qrati ta’ rinviju li għandhom jiddeċiedu jekk is-sanzjonijiet fiskali imposti mill-amministrazzjoni fiskali Taljana humiex, fil-verità ta’ natura kriminali. Huma għandhom jieħdu ħsieb, hekk kif intqal iktar ’il fuq, li japplikaw huma stess il-“kriterji Engel”, soluzzjoni li fiha loġika (ġaladarba l-qorti nazzjonali taf id-dritt nazzjonali tagħha aħjar mill-Qorti tal-Ġustizzja), iżda wkoll riskji ( 93 ). Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi konċess lil dawn il-qrati ċerti metodi ta’ interpretazzjoni addizzjonali li għandhom jgħinuhom jidentifikaw aħjar, fil-kawżi rispettivi tagħhom, il-profil ta’ dawn il-kriterji, b’mod speċjali tat-tieni u tat-tielet.

    111.

    L-ewwel kriterju Engel (il-klassifikazzjoni legali tal-ksur fid-dritt nazzjonali) huwa wisq ftit rilevanti f’dan il-każ, ġaladarba, kif spjega l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet tiegħu, is-sanzjonijiet fiskali minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-VAT, igawdu, nominalment, minn natura amministrattiva skont id-dritt Taljan, kemm minħabba d-denominazzjoni tagħhom kif ukoll minħabba l-korpi li jimponuhom u l-proċedura li huma jsegwu. Madankollu dan ma għandux jipprekludi l-analiżi ulterjuri tagħhom fid-dawl taż-żewġ kriterji l-oħra ( 94 ).

    112.

    It-tieni kriterju Engel jirrigwarda n-natura ġuridika tal-ksur, li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika, fejn hija tista’ tiġi ggwidata, billi tispira lilha nnifisha mill-ġurisprudenza tal-QEDB li semmejt preċedentement ( 95 ), minn numru ta’ elementi ta’ paragun, fosthom il-qasam suġġettiv, jiġifieri, in-numru ta’ destinatarji tar-regola li tikklassifika l-ksur. Fir-rigward tal-ksur fiskali minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-VAT, ikkastigat b’mod amministrattiv permezz ta’ multi, id-destinatarji huma l-persuni taxxabbli li għandhom obbligu jħallsu din it-taxxa, u mhux grupp speċifiku jew ristrett ta’ frodisti potenzjali.

    113.

    F’dan il-kuntest, huwa iktar rilevanti l-għan tar-regola ta’ sanzjoni ġaladarba, kif diġà rriżulta, huwa invokat ukoll mill-QEDB ( 96 ) u mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda ( 97 ). Il-fatt li l-piena tkun intiża għall-infurzar u għall-prevenzjoni tal-aġir illegali, u mhux biss il-ħlas tad-danni patrimonjali jsaħħaħ in-natura kriminali tal-ksur. Issa, ikun diffiċli li wieħed jiċħad il-fatt li r-regoli ta’ sanzjoni fid-dritt fiskali jkollhom l-għan simultanju li jikkastigaw lill-persuni taxxabbli li l-frodi tagħhom ġiet identifikata u li jservu bħala avviż jew prevenzjoni għall-kumplament tal-persuni taxxabbli, biex jiġi evitat li dawn jaqgħu għat-tentazzjoni li ma jħallsux it-taxxi tagħhom. Barra minn hekk, ċertament, ġaladarba s-sanzjonijiet amministrattivi u kriminali huma rifless tal-ius puniendi tal-Istat, ma narax kif (ħlief fil-kuntest ta’ kostruzzjoni artifiċjali, sempliċement ta’ natura dommatika) għandha tiġi miċħuda n-natura doppja preventiva u ta’ infurzar fil-każ tal-ewwel, u li tagħmilhom analogi għas-sanzjonijiet strettament kriminali ( 98 ). Barra minn hekk, nemmen li kull sanzjoni għandha, fil-verità, komponenti ta’ infurzar u l-effett preventiv jew dissważorju tagħha tirriżulta, preċiżament, mill-punizzjoni li tirriżulta minnha ( 99 ).

    114.

    Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-argument tal-Gvern Taljan, l-effett ta’ infurzar tas-sanzjonijiet kriminali ma jitlaqx għar-raġuni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti, f’ċerti każijiet, li jitnaqqas l-ammont tagħhom minħabba l-ħlas ulterjuri tat-taxxa jew li tawtorizza lill-amministrazzjoni tirrinunzja għal dawn is-sanzjonijiet taħt ċerti kundizzjonijiet jew tikkonkludi ftehim u tranżazzjonijiet mal-frodisti li jirrikonoxxu t-tort tagħhom u li ma jikkontestawx dan it-tort. Dawn l-aħħar miżuri, u oħrajn simili, jistgħu jirriżultaw ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ( 100 ), mingħajr ma jitqiegħed inkwistjoni għaldaqstant il-fatt li s-sanzjonijiet previsti fil-kodiċi kriminali (jew f’liġijiet speċjali) għar-reati fiskali jkollhom din in-natura. L-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali jistgħu jikkontemplaw, pereżempju, li r-regolarizzazzjoni a posteriori tas-sitwazzjoni fiskali timplika, taħt ċerti kundizzjonijiet, jew it-tmiem tan-natura illegali inerenti għall-ksur inizzjali tal-obbligu fiskali (li sussegwentement itemm ir-reat kriminali), jew l-attenwazzjoni tar-risposta punittiva.

    115.

    L-aħħar element li għandu jiġi evalwat, fis-sekwenza ta’ interpretazzjoni ispirata mill-ġurisprudenza tal-QEDB, huwa l-interess ġuridiku protett mir-regola nazzjonali li tissanzjona l-ksur. Dan ikun, bħala prinċipju, ta’ natura kriminali, jekk l-għan tiegħu jkun is-salvagwardja tal-interessi ġuridiċi li d-difiża tagħhom tkun normalment iggarantita permezz ta’ regoli ta’ dritt kriminali ( 101 ).

    116.

    L-għan tas-sanzjonijiet fiskali minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-VAT huwa preċiżament li jiġi ggarantit il-ġbir adegwat ta’ din it-taxxa u d-difiża simultanja tal-interessi finanzjarji tal-Istati u tal-Unjoni. Għaldaqstant dan huma interessi ġuridiċi li, fl-iktar każijiet gravi, għandhom jiġu protetti wkoll mid-dritt kriminali, hekk kif reġgħet tenniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et ( 102 ), fejn l-Istati kellhom jinfurzaw, b’mod effikaċi, l-frodi fiskali f’dan il-qasam.

    117.

    Quddiem dan l-obbligu, ikun hemm lok li wieħed jistaqsi jekk l-aħjar opzjoni tkunx li jiġu akkumulati sanzjonijiet fiskali u sanzjonijiet kriminali għall-istess fatti, li, probabbilment, ikun jinkrementa l-effikaċja fl-infurzar tal-frodi li jirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT (minn tal-inqas, il-każijiet gravi). Simmetrikament, din l-inkriminazzjoni doppja tnaqqas il-vantaġġ li jimplika l-prinċipju ne bis in idem għall-persuni taxxabbli bl-ikbar setgħa ekonomika, li kieku kellu jiġi konkluż li s-sanzjoni amministrattiva tipprekludi s-sanzjoni kriminali ulterjuri għall-istess fatti ( 103 ).

    118.

    Madankollu, ma naħsibx li din l-oġġezzjoni hija konvinċenti. Mingħajr il-ħtieġa li jiġu akkumulati l-proċeduri ta’ sanzjoni, amministrattiva u kriminali u għall-istess fatti, klassifikazzjoni adegwata tar-reat fir-rigward tal-aġir frawdolenti jew frodi fiskali l-iktar gravi, flimkien mal-azzjoni diliġenti tal-qrati kriminali f’kull Stat, jiżgura b’mod suffiċjenti l-ikbar effikaċja dissważiva għall-infurzar tagħhom, filwaqt li tevita fl-istess waqt li tiġi prekluża garanzija daqstant importanti għall-persuna taxxabbli bħal ma huwa d-dritt li ma jiġix ikkundannat jew iġġudikat darbtejn għall-istess ksur.

    119.

    It-tielet kriterju Engel jirrigwarda n-natura u l-livell ta’ severità tas-sanzjoni. Ispirati mill-ġurisprudenza tal-QEDB, li għandha tiġi riflessa fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta, il-qrati nazzjonali għandhom jiftakru li, skont l-imsemmija qorti, il-fatt li l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji impost fi proċeduri amministrattivi minħabba nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa jkun żgħir ma jipprekludix in-natura kriminali tagħhom ( 104 ). Fil-fatt, id-digriet għal rinviju għal deċiżjoni preliminari jiżgura li s-sanzjoni fiskali tal-Artikolu 13 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 471, tat‑18 ta’ Diċembru 1997 (30 % tal-ammont tal-VAT mhux imħallas), tkun, minħabba n-natura u l-kobor tagħha, ta’ natura kriminali, mingħajr ma dan jipprekludi li sanzjonijiet oħra jinkrementaw din il-perċentwali sa 100 % jew saħansitra għal ammonti ogħla ( 105 ).

    3. Ir-restrizzjonijiet eventwali għall-projbizzjoni tal-prinċipju ne bis in idem f’dan il-każ

    120.

    Fid-dawl tal-elementi ta’ fatt deskritti mill-qorti tar-rinviju fid-digriet tagħha, liema elementi għandhom jiġu evalwati b’mod definittiv minn din tal-aħħar, iż-żewġ proċeduri mressqa kontra L. Menci għall-istess aġir (in-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT) jistgħu jiksru d-dritt tiegħu li ma jiġix iġġudikat u kkundannat darbtejn għall-istess fatti.

    121.

    Ġaladarba ġie eskluż l-argument li hemm lok li tintlaqa’, b’rabta mal-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem għal każijiet ta’ frodi fiskali rregolati mid-dritt tal-Unjoni, il-limitazzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (sentenza Spasic) ( 106 ), wieħed jista’ ma jżidx iżjed.

    122.

    Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tesplora din l-opzjoni, inqis, sussidjarjament, li l-applikazzjoni eventwali tagħha għal din il-kawża ma tkunx possibbli. Minn naħa, il-limitazzjoni ma hijiex neċessarja, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, u min-naħa l-oħra, l-akkumulazzjoni ta’ proċeduri jew ta’ sanzjonijiet prevista mid-dritt nazzjonali ma tgħaddix mit-test ta’ proporzjonalità biex tkun tista’ taqa’ taħt id-dispożizzjoni msemmija.

    123.

    Fir-rigward tal-proporzjonalità, tkun tista’ tiġi evalwata l-koordinazzjoni bejn il-proċeduri differenti, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet matul l-iżvolġiment tagħhom u t-tpaċija tas-sanzjonijiet eventwali. Madankollu, dawn l-elementi jidhru li jmorru kontra leġiżlazzjoni bħal dik Taljana, applikata fil-konfront ta’ L. Menci, li: i) ma tistabbilixxix koordinazzjoni bejn il-proċeduri kriminali u amministrattivi, ii) ma timponix kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet involuti fi proċeduri jew oħra minn dawn, bil-għan li jiġu evitati perturbazzjonijiet imdaqqsa għall-individwu, u iii) ma tistabbilixxix mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni jew ta’ tpaċija tas-sanzjonijiet, inkwantu tipprevedi biss li s-sanzjonijiet amministrattivi ma jsirux eżiġibbli qabel ma jintemmu l-proċeduri kriminali.

    124.

    Ulterjorment b’mod sussidjarju, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li ssegwi l-opzjoni ddefinita mill-QEDB fis-sentenza tagħha A u B vs In‑Norveġja biex tinterpreta l-Artikolu 50 tal-Karta, inqis li każ bħal dak ta’ L. Menci ma jirrigwardax id-duttrina li tirriżulta minn dik is-sentenza.

    125.

    Biex tiġi kkorroborata din l-evalwazzjoni, jeħtieġ sempliċement li jiġi indikat li skont l-informazzjoni tal-proċess inkwistjoni, jidher li l-proċeduri (kriminali u amministrattivi) f’dan il-każ ma huma la kumplimentari u lanqas istruttorja magħquda. Minkejja li l-evalwazzjoni finali tal-fatti li seħħew għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, kollox jindika li kien hemm separazzjoni netta bejn il-proċeduri amministrattivi ta’ sanzjoni u l-proċeduri kriminali. Lanqas ma tista’ tiġi pperċepita rabta ratione temporis bejn iż-żewġ proċeduri (hemm differenza ta’ iktar minn sena bejniethom u l-proċeduri kriminali nbdew wara ntemmu dawk amministrattivi, meta saret definittiva s-sanzjoni imposta f’dawn l-aħħar proċeduri).

    IV. Konklużjoni

    126.

    Fid-dawl tar-raġunamenti esposti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunale di Bergamo (qorti ta’ Bergamo, l-Italja):

    “L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea:

    jirrikjedi għall-applikazzjoni tiegħu is-sussistenza tal-identiċità tal-fatti materjali li, indipendentement mill-klassifikazzjoni legali tagħhom, iservu bħala bażi għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet fiskali u kriminali.

    jinkiser jekk jitressqu proċeduri kriminali jew tiġi imposta piena kriminali lil persuna li, għall-istess fatt, tkun ġiet issanzjonata preċedentement b’mod definittiv, permezz ta’ sanzjoni fiskali, meta din is-sanzjoni, minkejja isimha, fil-verità tkun ta’ natura kriminali. Il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina din iċ-ċirkustanza billi tuża l-kriterji li ġejjin: il-klassifikazzjoni legali tal-ksur tad-dritt intern, in-natura tiegħu, li għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tar-regola, id-destinatarji tagħha u l-interess ġuridiku protett, kif ukoll in-natura u l-livell ta’ severità tas-sanzjoni.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105).

    ( 3 ) CE:ECHR:2016:1115JUD002413011 (iktar ’il quddiem, “sentenza A u B vs In‑Norveġja”).

    ( 4 ) Decreto Legislativo Nru 471 – Riforma delle sanzioni tributarie non penali in materia di imposte dirette, di imposta sul valore aggiunto e di riscossione dei tributi, a norma dell’articolo 3, comma 133, lettera q), della legge 23 dicembre 1996, n. 662 [Digriet Leġiżlattiv Nru 471 li jirriforma s-sanzjonijiet fiskali mhux kriminali fil-qasam tat-taxxi diretti, tal-VAT u tal-ġbir tat-taxxi, konformement mal-punt q tal-Artikolu 13(133) tal-Liġi Nru 662, tat-23 ta’ Diċembru 1996] (GURI n.o 5, tat-8 ta’ Jannar 1998 – Suppliment Ordinarju Nru 4).

    ( 5 ) Decreto Legislativo 18 dicembre de 1997, n. 472, Disposizioni generali in materia di sanzioni amministrative per le violazioni di norme tributarie, a norma dell’articolo 3, comma 133, della legge 23 dicembre 1996, n. 662 [Digriet Leġiżlattiv Nru 472 li jipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali fil-qasam ta’ sanzjonijiet amministrattivi minħabba l-ksur ta’ regoli fiskali, konformement mal-Artikolu 3(133) tal-Liġi Nru 662 tat-23 ta’ Diċembru 1996] (GURI Nru 5, tat-8 ta’ Jannar 1998 – Suppliment Ordinarju Nru 4), li fl-Artikolu 13 tiegħu jipprevedi l-possibbiltà ta’ tnaqqis fis-sanzjonijiet imposti minħabba nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa.

    ( 6 ) Decreto Legislativo 10 marzo 2000, n.o 74, Nuova disciplina dei reati in materia di imposte sui redditi e sul valore aggiunto, a norma dell’art. 9 della legge 25 giugno 1999, n. 205 [Digriet Leġiżlattiv Nru 74 li jipprovdi dispożizzjonijiet ġodda fil-qasam ta’ ksur relatat mat-taxxa fuq id-dħul u mal-VAT] (GURI Nru 76, tal‑31 ta’ Marzu 2000).

    ( 7 ) Decreto Legislativo 24 settembre 2015, n. 158, Revisione del sistema sanzionatorio, in attuazione dell’articolo 8, comma 1, della legge 11 marzo 2014, n. 23 [Digriet Leġiżlattiv Nru 158 li jirrevedi s-sistema ta’ sanzjonijiet, konformement mal-Artikolu 8(1) tal-Liġi Nru 23 tal-11 ta’ Marzu 2014] (GURI Nru 233, tas-7 ta’ Ottubru 2015 – Suppliment Ordinarju Nru 55).

    ( 8 ) Is-sentenza fir-rigward taż-żewġ kawżi l-oħra ngħatat fil-5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti (C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264).

    ( 9 ) Dawn it-tliet kawżi jirrigwardaw ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem għal sitwazzjonijiet ta’ akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali u amministrattivi, iżda fil-qasam ta’ aġir abbużiv fis-suq.

    ( 10 ) Sentenza tal-5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti (C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264).

    ( 11 ) In-nota ta’ spjegazzjoni ta’ dan l-artikolu tiddikjara li “[i]l-paragrafu 3 huwa intiż sabiex jiżgura l-koerenza meħtieġa bejn il-Karta u l-KEDB billi jistabbilixxi r-regola li, safejn id-drittijiet stipulati f’din il-Karta jikkorrispondu wkoll għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet, inklużi l-limitazzjonijiet awtorizzati, huma l-istess bħal dawk stabbiliti mill-KEDB.”

    ( 12 ) Nirreferi għax-xogħlijiet ta’ Van Bockel, B., The ne bis in idem principle in EU Law, Kluwer, 2010, u Van Bockel, B. (ed.), Ne Bis in Idem in EU Law, Cambridge University Press, 2016. Ara wkoll Oliver, P. u Bombois, T., “Ne bis in idem en droit européen: un principe à plusieurs variantes”, Journal de droit européen, 2012, p. 266 sa 272; u Tomkin, J., “Article 50, Right not to be tried or punished twice in criminal proceedings for the same criminal offence”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J. u Ward, A., The EU Charter of Fundamental Rights: a Commentary, Hart Publishing, Oxford, 2014, p. 1373 sa 1412.

    ( 13 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-15 ta’ Diċembru 2011 fil-Kawża Bonda (C‑489/10, EU:C:2011:845, punt 33) u l-konklużjonijiet l-oħra li huma ċċitati fl-imsemmija konklużjonijiet.

    ( 14 ) Il-kwistjoni diskussa kienet kważi identika għal din: Åkerberg Fransson kien ġie ssanzjonat amministrattivament talli naqas milli jħallas ammonti għolja ta’ VAT, u fi tmiem dawn il-proċeduri, kienu nfetħu proċeduri ġodda kontrih, din id-darba kriminali, għall-istess fatti.

    ( 15 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kienet kompetenti ġaladarba kienu jirriżultaw applikabbli l-Artikoli 2, 250(1) u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1), u l-Artikolu 325 TFUE, inkwantu kien każ ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-applikazzjoni tal-Karta f’dawn il-kawżi ma hijiex ikkontestata. Min-naħa l-oħra, is-sanzjonijiet fiskali u kriminali deċiżi fl-Italja minħabba nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq id-dħul ma jinvolvux l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat lilha nnifisha manifestament mhux kompetenti sabiex tagħti risposta għal domanda preliminari fid-digriet tal-15 ta’ April 2015, Burzio (C‑497/14, EU:C:2015:251).

    ( 16 ) Sentenza Åkerberg Fransson, punt 37.

    ( 17 ) Ibidem, punt 34.

    ( 18 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), jinkludi fl-Artikolu 6 tiegħu dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipju ne bis in idem bil-għan li jevitaw l-akkumulazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi tal-Unjoni ma’ sanzjonijiet kriminali tal-Istati Membri.

    ( 19 ) Sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 35), u tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319, punt 37). Dan l-aħħar każ kien jirrigwarda l-akkumulazzjoni ta’ proċeduri kriminali, fil-Polonja, ma’ sanzjonijiet amministrattivi tal-Unjoni Ewropea fil-konfront ta’ persuni li kienu qed jirċievu sussidji għall-agrikoltura.

    ( 20 ) Awtur ikkritika d-differenza fil-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Bonda u Åkerberg Fransson, fejn, f’dik tal-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha applikat il-kriterji Engel sabiex tirrikonoxxi li s-sanzjoni amministrattiva imposta fuq l-agrikolturi li kienu qed jirċievu l-għajnuna illegali kienet ta’ natura kriminali; filwaqt li f’dik tat-tieni, kuntrarjament, għaddiet lill-qorti Svediża l-kompitu li tapplika dawn il-kriterji. Ara Vervaele, J.A.E., “Ne bis in idem: ¿un principio transnacional de rango constitucional en la Unión Europea?” [prinċipju transnazzjonali ta’ livell kostituzzjonali fl-Unjoni Ewropea?], Indret: Revista para el Análisis del Derecho, 2014, Nru 1, p. 28.

    ( 21 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 36). Abbażi ta’ din is-sentenza, il-qorti suprema Svediża bidlet il-ġurisprudenza tagħha u, fis-sentenzi segwenti ta’ Ġunju u Lulju 2013, ikkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Svediża li kienet tippermetti l-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet fiskali u kriminali minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ VAT kienet tikser il-prinċipju ne bis in idem.

    ( 22 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 39).

    ( 23 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 37); u s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26) kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fiha. Dan l-istess obbligu jinsab fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni stabbilita fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fil-Lussemburgu fis-26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, VoL. 1, p. 9). Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-kontenut tagħha għandu jiġi kkomunitarizzat u l-adozzjoni tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali, COM(2012) 363 finali, tal-11 ta’ Lulju 2012, għadha pendenti. Wara l-ftehim politiku tal-Kunsill, tas-7 ta’ Frar 2017, jidher li l-adozzjoni ta’ dan it-test importanti hija imminenti.

    ( 24 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012 (C‑489/10, EU:C:2012:319).

    ( 25 ) Lenaerts, K. u Gutiérrez Fons. J. A., “The place of the Charter in the EU institutional edifice”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J. u Ward, A., The EU Charter of Fundamental Rights: a commentary, Hart Publishing, Oxford, 2014, p. 1600.

    ( 26 ) Preċedentement, l-influwenza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen inħasset fid-duttrina tal-QEDB, speċjalment fis-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Zolotoukhin vs Ir-Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903), li għaliha ser nirreferi iktar ’il quddiem.

    ( 27 ) Il-QEDB, b’riferiment espliċitu għas-sentenza Åkerberg Fransson, semmiet ukoll il-konverġenza taż-żewġt iqrati Ewropej fuq l-evalwazzjoni tan-natura kriminali ta’ proċedura fiskali u, a fortiori, l-użu tal-prinċipju ne bis in idem fl-oqsma fiskali u kriminali. Ara s-sentenza tagħha tat-30 ta’ April 2015, Kapetanios et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2015:0430JUD000345312, § 73).

    ( 28 ) Garin, A., “Non bis in idem et Convention européenne des droits de l’homme. Du nébuleux au clair-obscur: état des lieux d’un principe ambivalent”, Revue trimestrielle de droits de l’homme, 2016, p. 402 sa 410.

    ( 29 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2005, Põder et vs L‑Estonja (CE:ECHR:2005:0426DEC006772301) ikkonfermata permezz tas-sentenza tat-2 ta’ Novembru 2010, Liepãjnieks vs Il‑Latvija (CE:ECHR:2010:1102DEC003758606, § 45).

    ( 30 ) QEDB, sentenza tal-4 ta’ Marzu 2014 (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010, §§ 204 sa 211). B’mod retroattiv, il-QEDB ukoll qieset li kienet invalida r-riżerva Awstrijaka fis-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1995, Gradinger vs L‑Awstrija (CE:ECHR:1995:1023JUD001596390).

    ( 31 ) QEDB, sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Ponsetti u Chesnel vs Franza, (CE:ECHR:1999:0914DEC003685597).

    ( 32 ) Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9). Ara, ukoll, is-sentenzi tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C-187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87); tal-10 ta’ Marzu 2005, Miraglia (C-469/03, EU:C:2006:156); tad-9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165); tat-28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten (C‑150/05, EU:C:2006:614); u tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586).

    ( 33 ) QEDB, sentenza tal-10 ta’ Frar 2009 (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903).

    ( 34 ) QEDB, sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Zolotukhin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, §§ 82 u 84).

    ( 35 ) QEDB, sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L‑Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010, §§ 219 sa 228); tal-20 ta’ Mejju 2014, Nykänen vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2014:0520JUD001182811, § 42); tas-27 ta’ Jannar 2015, Rinas vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2015:0127JUD001703913, §§ 44 u 45); u tat-30 ta’ April 2015, Kapetanios et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2015:0430JUD000345312, §§ 62 sa 64).

    ( 36 ) QEDB, sentenza A u B vs In‑Norveġja, § 108.

    ( 37 ) Hemm duttrina li ssemmi “criministrative law”. Ara, perżempju, Bailleux, A., “The Fiftieth Shade of Grey. Competition Law, ‘criministrative law’ and ‘Fairly Fair Trials’”, f’Galli, F.; Weyembergh, A. (eds), Do labels still matter? Blurring boundaries between administrative and criminal law — The influence of the EU, editions de l’ULB, Brussell, 2014, p. 137.

    ( 38 ) QEDB, sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1976 (CE:ECHR:1976:0608JUD000510071, § 82).

    ( 39 ) QEDB, sentenza tal-10 ta’ Frar 2015, Kiiveri vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2015:0210JUD005375312, § 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 40 ) Ara, fost oħrajn, QEDB, sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2016, Sismanidis u Sitaridis vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2016:0609JUD006660209, § 31); u tat-23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, §§ 30 u 31).

    ( 41 ) QEDB, sentenza A u B vs In‑Norveġja, §§ 105 sa 107.

    ( 42 ) QEDB, sentenza tat-2 ta’ Settembru 1998, Lauko vs Is‑Slovakkja (CE:ECHR:1998:0902JUD002613895, § 58).

    ( 43 ) QEDB, sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, § 38).

    ( 44 ) QEDB, sentenzi tal-10 ta’ Frar 2009, Zolotukhin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, § 55); u tal-25 ta’ Ġunju 2009 Maresti vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2009:0625JUD005575907, § 59).

    ( 45 ) QEDB, sentenzi tal-10 ta’ Frar 2009, Zolotukhin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, § 55); u tal-25 ta’ Ġunju 2009 Maresti vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2009:0625JUD005575907, § 59).

    ( 46 ) QEDB, sentenza Engel et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, tat-8 ta’ Ġunju 1976 (CE:ECHR:1976:1123JUD000510071, § 82).

    ( 47 ) QEDB, sentenza tal-31 ta’ Mejju 2011, Žugić vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2011:0531JUD000369908, § 68).

    ( 48 ) Ara, fost oħrajn, QEDB, sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2014, Nykänen vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2014:0520JUD001182811); tal-20 ta’ Mejju 2014, Häkkä vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2014:0520JUD000075811); tal-10 ta’ Frar 2015, Kiiveri vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2015:0210JUD005375312); u tat-30 ta’ April 2015, Kapetanios et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2015:0430JUD000345312).

    ( 49 ) QEDB, sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, §§ 37 u 38); tal-20 ta’ Mejju 2014, Nykänen vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2014:0520JUD001182811, § 40); u tal-10 ta’ Frar 2015, Kiiveri vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2015:0210JUD005375312, § 31).

    ( 50 ) QEDB, sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L‑Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010, § 98); tal-11 ta’ Settembru 2009, Dubus S.A. vs Franza (CE:ECHR:2009:0611JUD000524204, § 37); u tat-30 ta’ April 2015, Kapetanios et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2015:0430JUD000345312, § 55).

    ( 51 ) QEDB, sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Tomasovic vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2011:1018JUD005378509, § 23).

    ( 52 ) QEDB, sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2001, Finkelberg vs Il‑Latvja (CE:ECHR:2001:1018DEC005509100).

    ( 53 ) Il-QEDB tqis li nkiser il-prinċipju ne bis in idem ġaladarba l-awtoritajiet fiskali kienu imponew multi jew żiediet fit-taxxi meta l-qorti kriminali ma sabitx ħatja lil persuni akkużati fi proċeduri paralleli jew sussegwenti (sentenzi tat-30 ta’ April 2015, Kapetanios et vs Il‑Greċja, CE:ECHR:2015:0430JUD000345312; u tad-9 ta’ Ġunju 2016, Sismanidis u Sitaridis vs Il‑Greċja, CE:ECHR:2016:0609JUD006660209).

    ( 54 ) QEDB, sentenza A u B vs In‑Norveġja § 119.

    ( 55 ) QEDB, sentenza A u B vs In‑Norveġja, § 130.

    ( 56 ) Sentenza A u B vs In‑Norveġja, § 132: “Les éléments pertinents (…) sont notamment les suivants” [L-elementi rilevanti (...) huma b’mod partikolari dawn li ġejjin]” (il-korsiv huwa tiegħi). Għaldaqstant l-elenkar tal-kriterji ma huwiex eżawrjenti, hekk kif jindika l-Gvern tar-Repubblika Ċeka fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 57 ) QEDB, sentenza A u B vs In‑Norveġja, § 133.

    ( 58 ) QEDB, sentenza A u B vs In‑Norveġja, § 134.

    ( 59 ) CE:ECHR:2017:0518JUD002200711.

    ( 60 ) Kif indikajt preċedentement, il-ġurisprudenza tal-QEDB innewtralizzat, fil-parti l-kbira, l-effetti tar-riżervi jew id-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti Stati (l-Italja, fost oħrajn) dwar l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7.

    ( 61 ) Infakkar li l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón kien sostna, fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2012:340) interpretazzjoni parzjalment awtonoma tal-Artikolu 50 tal-Karta, wara li sostna li “l-obbligu ta’ interpretazzjoni tal-Karta fid-dawl tal-KEDB għandu jkun ikkwalifikat meta d-dritt fundamentali inkwistjoni, jew xi aspett tiegħu (bħal ma huwa l-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Protokoll [Nru 7] tal-KEDB għas-sanzjoni amministrattiva u penali doppja), ma jkunx ġie adottat b’mod sħiħ mill-Istati Membri.” Ara, f’dan l-istess kuntest, Bas van Bockel, Peter Wattel, “New wine into old wineskins: the scope of the Charter of Fundamental Rights of the EU after Åkerberg Fransson”, European Law Review, 2013, p. 880.

    ( 62 ) Ċertament, Stat Membru jista’ jħoss, b’dan il-mod, li għandu josserva r-regoli ta’ protokoll (flimkien mal-ġurisprudenza tal-QEDB li tinterpretah), iżda dan biss sa fejn dawk ir-regoli jiġu “integrati” fil-kontenut tad-dritt protett mill-Karta, fl-oqsma koperti mill-Artikolu 51 tagħha. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jinvoka n-nuqqas ta’ ratifika jew ir-riżervi minn protokoll anness mal-KEDB, bħala ġustifikazzjoni biex ma japplikax dritt irregolat mill-Karta, li l-kontenut tiegħu jkun simili għad-dritt korrispondenti protett skont dan il-protokoll.

    ( 63 ) Din l-opinjoni ġiet ukoll sostnuta mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:739, punt 63).

    ( 64 ) Is-sentenza A u B vs In‑Norveġja, adottata b’maġġoranza kbira tal-Imħallfin tal-Awla Manja tal-QEDB (16 minn 17), tinkludi l-opinjoni dissidenti tal-Imħallef Pinto de Alburquerque, li jikkritikaha bi kliem partikolarment iebes.

    ( 65 ) Liema fatt jispjega r-riżervi ppreżentati fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7.

    ( 66 ) In-nota ta’ spjegazzjoni tal-Artikolu 52 tindika li, skont ir-regola interpretattiva tal-paragrafu 4, “minflok ma jiġi segwit approċċ riġidu ta’ ‘l-iżgħar denominatur komuni’, wieħed għandu jinterpreta d-drittijiet konċernati fil-Karta b’mod li joffri livell għoli ta’ protezzjoni, li huwa adegwat għal-liġi ta’ l-Unjoni u f’armonija mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni.”

    ( 67 ) Il-QEDB tagħmel riferiment, fis-sentenza A u B vs In‑Norveġja, għal ċerti preċedenti (b’mod partikolari l-kawża Nilsson vs L‑Isvezja, sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2015, CE:ECHR:2005:1213DEC007366101) li fihom kien sar riferiment għar-rabta ratione materiae u ratione temporis bejn diversi proċeduri ta’ sanzjoni. Madankollu nemmen li huwa fis-sentenza A u B vs In‑Norveġja li verament isseħħ il-bidla fil-ġurisprudenza.

    ( 68 ) QEDB, sentenza A u B vs In‑Norveġja, § 130.

    ( 69 ) QEDB, sentenza A u B vs In‑Norveġja, §§ 119 sa 124. Fuq il-bażi tal-awtonomija tal-Istati fl-organizzazzjoni tas-sistema legali tagħhom, il-QEDB issostni li dawn għandhom igawdu minn libertà biex jagħtu soluzzjonijiet legalment kumplimentari għall-istess fatt illegali, permezz ta’ proċeduri differenti ġestiti minn awtoritajiet separati, bil-kundizzjoni li jiffurmaw kollettiv koerenti u ma joħolqux oneru eċċessiv għall-individwu. B’hekk, hija taċċetta li l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 ma għandux jipprekludi lill-Istati milli jirreaġixxu quddiem illegalitajiet fiskali permezz ta’ proċeduri amministrattivi ta’ sanzjoni u proċeduri kriminali minħabba frodi fiskali, jekk l-iżvilupp tagħhom u s-sanzjonijiet imposti fihom ikunu suffiċjentement integrati.

    ( 70 ) F’dan l-aspett, il-QEDB tibbaża r-raġunament tagħha fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2012:340, punt 70), li kienu jindikaw differenzi fid-drittijiet nazzjonali u kienu jagħmlu riferiment għar-raġuni fid-drittijiet interni ta’ ħafna Stati tal-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi u kriminali.

    ( 71 ) Sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 44); tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45); tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑543/14, EU:C:2016:605, punt 23); tas-6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 21); u tal-5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti (C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punt 15).

    ( 72 ) L-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 52 tal-Karta jindikaw li l-Artikolu 52(3) tagħha huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn il-Karta u l-KEDB, “mingħajr ma dan jaffetwa b’mod negattiv l-awtonomija tal-liġi ta’ l-Unjoni u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea” (sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47). Kif tipprovdi t-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) ma tipprekludix li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni usa’ mill-KEDB (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑689/15, EU:C:2016:970, punt 129).

    ( 73 ) Sentenza tal-5 ta’ April 2017, Orsi u Baldetti (C‑217/15 u C‑350/15, EU:C:2017:264, punt 24); u, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 77).

    ( 74 ) Lanqas ma huwa possibbli li wieħed jidderoga mill-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 b’applikazzjoni tal-klawżola ġenerali tal-istat ta’ eċċezzjoni skont l-Artikolu 15 tal-KEDB, li jikkontempla sitwazzjoni ta’ gwerra jew ta’ perikolu ieħor li jhedded il-ħajja tan-nazzjon.

    ( 75 ) Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 55).

    ( 76 ) Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 56).

    ( 77 ) Sentenza Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 40).

    ( 78 ) F’dawn il-każijiet, normalment jiġi kkontemplat ir-rinviju tal-fajl mill-amministrazzjoni fiskali lejn l-uffiċċju tal-prosekutur, sabiex dan iressaq il-proċeduri kriminali, u l-proċeduri amministrattivi ta’ sanzjoni jintemmu mingħajr l-impożizjoni ta’ sanzjonijiet fiskali.

    ( 79 ) Il-kriterji biex jintgħażel liema dispożizzjoni għandha tiġi applikata għandhom jiddependu mill-kodiċijiet kriminali korrispondenti jew mil-liġijiet nazzjonali li jirriflettuhom. Fost dawn il-kriterji hemm dik tal-ispeċjalità (ir-regola speċjali għandha tingħata preferenza fuq dik ġenerali), ta’ sussidjarjetà (ir-regola sussidjarja għandha tapplika fil-każ ta’ nuqqas ta’ dik prinċipali) u dik tal-assorbiment (l-iktar ksur issanzjonat jassorbi l-inqas ksur issanzjonat).

    ( 80 ) Kważi ma huwiex neċessarju li jingħad li r-risposta ta’ infurzar – jew l-assoluzzjoni tal-akkużat – ma tħallix effett fuq il-fakultà tal-amministrazzjoni fiskali li tikkwantifika t-taxxa dovuta, billi żżid ma’ dan l-ammont, jekk ikun il-każ, l-interessi moratorji jew interessi oħra li ma jkunux ta’ natura materjalment kriminali.

    ( 81 ) Din is-sitwazzjoni tissemma, fost ħafna oħrajn, minn Dova, M., “Ne bis in idem e reati tributari: a che punto siamo?”, Diritto penale contemporaneo, 9 ta’ Frar 2016; Viganò, F., “Omesso versamento di IVA e diretta applicazione delle norme europee in materia di ne bis in idem?”, Diritto penale contemporaneo, 11 ta’ Lulju 2016.

    ( 82 ) Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2014 (C-129/14 PPU, EU:C:2014:586).

    ( 83 ) QEDB, sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903).

    ( 84 ) Il-prinċipju ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni u jipprojbixxi li impriża tiġi kkundannata, jew li jitressqu proċeduri ġodda ta’ sanzjoni kontriha, minħabba aġir kuntrarju għall-kompetizzjoni li għalih diġà tkun ġiet issanzjonata jew li għalih tkun ġiet iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li ma hijiex suġġetta għal appell (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 59).

    ( 85 ) Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 338); u tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 97).

    ( 86 ) Waqt is-seduta, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix deċiżjoni dwar ir-rekwiżit tal-idem, billi imponiet l-eżami tal-idem factum b’mod ġenerali għall-oqsma kollha tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tagħha, f’oqsma bħal dawk tad-dritt tal-kompetizzjoni, li fihom jistgħu jikkoeżistu proċedura amministrattiva nazzjonali ta’ sanzjoni u proċeduri mressqa mill-Kummissjoni, ikun hemm lok li jiġi applikat il-kriterju idem crimen biex tiġi evalwata l-identiċità tal-fatti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem. L-identiċità tal-interess ġuridiku protett huwa, konsegwentement, rilevanti u l-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tastjeni f’din il-kawża milli tbiddel il-ġurisprudenza tagħha msemmija fin-nota preċedenti, sa meta jaslu kawżi oħra iktar xierqa biex tiġi diskussa din il-kwistjoni.

    ( 87 ) QEDB, sentenza tal‑10 ta’ Frar 2009, (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903).

    ( 88 ) Corte di cassazione, Kassazzjoni Kriminali Plenarja, Nru 37424, tat-12 ta’ Settemru 2013. Skont ir-raġunament tal-Corte di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni), “fir-rigward tal-ksur amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 471, tat-18 ta’ Diċembru 1997, huwa meħtieġ li jkun hemm it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli li jġibu magħhom l-obbligu li jsir il-ħlas perjodiku tal-VAT, in-nuqqas li jikkostitwixxi ksur huwa kkostitwit mill-assenza ta’ ħlas perjodiku tal-VAT, fejn it-terminu għall-iskadenza ta’ tali obbligu huwa ffissat għas-16 tax-xahar (jew kull tliet xhur) wara dak li fih il-VAT tkun dovuta […]. Fir-rigward tal-ksur fiskali rregolat fl-Artikolu 10 ter tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 74 tal-10 ta’ Marzu 2000, huwa effettivament meħtieġ li jkun hemm it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli li jġibu magħhom l-obbligu li jsir il-ħlas perjodiku tal-VAT […], iżda wkoll il-preżentazzjoni […] tad-dikjarazzjoni annwali tal-VAT korrispondenti għas-sena preċedenti; in-nuqqas li jikkostitwixxi ksur huwa kkostitwit mill-assenza ta’ ħlas, għal ammont ogħla minn EUR 50000, tal-VAT dovut fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni annwali, fejn it-terminu ta’ skadenza huwa dak previst mill-ħlas bil-quddiem tal-VAT korrispondenti għall-perijodu ta’ taxxa suċċessiv”.

    ( 89 ) Għall-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni), parti mill-kundizzjonijiet (twettiq tat-tranżazzjonijiet taxxabbli li minnhom jirriżulta l-obbligu ta’ ħlas perjodiku tal-VAT) u mill-aġir (evitar ta’ wieħed jew numru ta’ ħlasijiet perjodiċi dovuti) jikkoinċidu, madankollu l-elementi li jikkostitwixxu ż-żewġ tipi ta’ ksur huma differenti taħt aspetti oħrajn, li hija tikkwalifika bħala essenzjali (il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tal-VAT u l-limitu minimu tan-nuqqas, rikjesti biss fil-każ ta’ reat fiskali, u l-perijodu ta’ referenza). Għal din ir-raġuni, hija tqis li relazzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ ksur hija artikolata f’termini ta’ “progressjoni tal-illegalità”, b’tali mod li l-ksur kriminali sostanzjalment jikkostitwixxi ksur ħafna iktar serju minn dak amministrattiv u, filwaqt li jinkludi neċessarjament dan il-ksur tal-aħħar (mingħajr ksur tat-terminu perjodiku ma tkunx ġiet sodisfatta waħda mit-termini tar-reat), jikkompletah b’elementi essenzjali, bħal-limitu u l-estensjoni tat-terminu, li ma jaqgħux perfettament taħt il-kategorija tal-kriterju ta’ speċjalità (fil-każ li tapplika din tal-aħħar, jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-ksur kriminali).

    ( 90 ) Ara l-punti 39 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 91 ) Fil-kawża li tat lok għal din id-domanda preliminari ma jidhirx li hemm dubji dwar in-natura definittiva tas-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Taljani. Minkejja dan, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, konformement mad-dritt nazzjonali tiegħu, id-deċiżjonijiet tal-awtorità tat-taxxa Taljana għandhomx karattru definittiv u jekk iddeċidewx il-kawża fuq il-mertu.

    ( 92 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 34).

    ( 93 ) L-imħallfin tal-istess Stat Membru jistgħu jaslu għal soluzzjonijiet differenti u anki kontradittorji. Fl-Italja, kif diġà fakkart, il-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni) iddeċidiet li s-sentenza Åkerberg Fransson u l-kriterji Engel huma kompatibbli mas-sistema ta’ binarju doppju (amministrattiv u kriminali) ta’ sanzjoni għal frodi minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT, filwaqt li l-qorti tar-rinviju tidher li għandha pożizzjoni kuntrarja.

    ( 94 ) Ara punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 95 ) Ara punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 96 ) Ara s-sentenzi tal-QEDB iċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 43 u 44.

    ( 97 ) Kawża tal-5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319, punti 39 sa 42).

    ( 98 ) Ara, fost oħrajn, QEDB, sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2014, Nykänen vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2014:0520JUD001182811, §§ 39 u 40); tal-10 ta’ Frar 2015, Häkkä vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2014:0520JUD000075811, §§ 38 u 39); tal-10 ta’ Frar 2015, Kiiveri vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2015:0210JUD005375312); u tat‑30 ta’ April 2015, Kapetanios et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2015:0430JUD000345312). Id-duttrina tikkwalifika dawn il-miżuri bħala “punitive administrative sanctions”, fejn tindika li huma jikkondividu l-għan tagħhom ta’ punizzjoni mas-sanzjonijiet kriminali, fis-sens wiesa’, kif ukoll il-kontenut tagħhom, fil-forma ta’ ħlas ta’ somma flus jew ta’ ċaħda ta’ drittijiet bħall-eżerċizzju ta’ professjoni jew il-parteċipazzjoni f’kuntratti pubbliċi. (Weyembergh, A. u Joncheray, N., “Punitive Administrative Sanctions and Procedural Safeguards”, New Journal of European Criminal Law, 2016, Nru 2, p. 194 sa 199; Caeiro, P., “The influence of the EU on the blurring between administrative and criminal law”, f’Galli, F. u Weyembergh, A. (eds), Do labels still matter? Blurring boundaries between administrative and criminal law – The influence of the EU, editions de l’ULB, Brussell, 2014, p. 174).

    ( 99 ) Id-diskussjoni akkademika (xi drabi, filosofika) dwar il-bażi, il-ġustifikazzjoni u l-għan, jew l-għanijiet, tal-pieni ilha għaddejja sekli, b’teoriji diverġenti, li wħud minnhom jenfasizzaw fuq l-elementi retributtivi tagħhom filwaqt li oħrajn fuq l-effetti preventivi (prevenzjoni ġenerali jew prevenzjoni speċjali) jew intimidatorji tagħhom. Kontroversja analoga, iktar reċenti fl-istorja, iżda wkoll inkonkluża, inħolqot dwar jekk hemmx kriterji kwalitattivi li jaslu jagħmlu distinzjoni bejn l-illegalitajiet kriminali u dawk sempliċement amministrattivi, li fir-rigward tagħhom ukoll ma hemmx kunsens. Id-distinzjoni bejn dawn il-kriterji kwalitattivi hija realment diffiċli meta, għall-ksur u r-reati fiskali bħal dawk tal-kawżi kkonċernati, in-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT għal ammont ogħla minn EUR 250000 għandu natura ta’ reat u l-istess nuqqas ta’ ħlas, iżda għal ammont ta’ EUR 249000, ma għandux.

    ( 100 ) Il-Gvern Taljan dan irrikonoxxih fil-minuti tas-seduta, peress li d-dritt tiegħu jirrikonoxxi r-rinunzja (totali jew parzjali) għall-eżerċizzju tal-azzjoni kriminali f’ċerti każijiet, taħt ċirkustanzi speċifiċi, u l-adozzjoni ta’ “deċiżjonijiet miftiehma” bejn l-uffiċċju tal-prosekutur u l-akkużat li jevitaw iż-żamma ta’ proċeduri. F’ċerti Stati Membri jeżistu mekkaniżmi biex titnaqqas il-piena lil dawk l-imputati li, ladarba jkunu nbdew il-proċeduri kriminali, iħallsu d-dejn fiskali tagħhom jew jikkollaboraw fl-investigazzjoni ġudizzjarja.

    ( 101 ) Ara s-sentenzi tal-QEDB iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 102 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 40).

    ( 103 ) L-applikazzjoni ta’ sanzjoni fiskali, definittiva, għall-frodi trendi mhux vijabbli s-sanzjoni kriminali posterjuri, u għalhekk, il-persuni taxxabbli bl-ikbar poter ekonomiku jkollhom it-tentazzjoni li jonqsu milli jħallsu l-VAT, peress li jkunu jafu li ser jesponu ruħhom biss għall-ħlas ta’ multa, iżda mhux għal sanzjonijiet kriminali, jekk l-amministrazzjoni fiskali tiskopri l-aġir illegali tagħhom.

    ( 104 ) QEDB, sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, §§ 37 sa 38); tal-20 ta’ Mejju 2014, Nykänen vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2014:0520JUD001182811, § 40); u tal-10 ta’ Frar 2015, Kiiveri vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2015:0210JUD005375312, § 31).

    ( 105 ) Barra minn hekk diġà fakkart li n-natura u l-livell ta’ gravità tas-sanzjoni għandhom jiġu evalwati billi titqies il-possibbiltà tal-applikazzjoni sħiħa tagħha, jiġifieri, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont finali li jista’ jirriżulta li kieku, f’każ speċifiku, dan l-ammont jitnaqqas b’riżultat ta’ tnaqqis mogħti mill-amministrazzjoni fiskali. Ara, QEDB, sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2014, Grande Stevens et vs L‑Italja (CE:ECHR:2014:0304JUD001864010, § 98); tal-11 ta’ Settembru 2009, Dubus S.A. vs Franza (CE:ECHR:2009:0611JUD000524204, § 37); u tat-30 ta’ April 2015, Kapetanios et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2015:0430JUD000345312, § 55).

    ( 106 ) Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2014, (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586).

    Top