EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0168

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Wahl, ippreżentati l-14 ta’ April 2016.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:260

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-14 ta’ April 2016 ( 1 )

Kawża C‑168/15

Milena Tomášová

vs

Ministerstvo spravodlivosti SR,

Pohotovosť s. r. o.

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Prešov (qorti tad-distrett ta’ Prešov, is-Slovakkja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Kuntratt ta’ kreditu għall-konsum — Eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ — Ommissjoni tal-qorti tal-eżekuzzjoni li tevalwa n-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt — Responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil qorti nazzjonali — Kundizzjonijiet għal stabbiliment — Eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni”

I – Introduzzjoni dwar il-kwistjoni tal-kawża prinċipali, il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

1.

Ir-rikonoxximent fid-dritt tal-Unjoni ta’ obbligu tal-qorti nazzjonali, meta din ikollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan l-għan, li tqajjem ex officio l-eżistenza ta’ klawżola inġusta f’kuntratt li jorbot lil konsumatur ma’ bejjiegħ jew fornitur, skont id-Direttiva 93/13/KEE ( 2 ), jikkostitwixxi avvanz kunsiderevoli fil-protezzjoni tal-konsumaturi.

2.

Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk l-effettività tad-Direttiva 93/13 timplikax neċessarjament li, barra minn hekk, tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat Membru minħabba l-ommissjoni minn qorti nazzjonali, fil-kuntest partikolari ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, li tevalwa ex officio l-eżistenza ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum. B’mod iktar ġenerali tqum il-kwistjoni dwar jekk u f’liema kundizzjonijiet il-ksur mill-qrati nazzjonali tal-obbligu tagħhom li jevalwaw ex officio l-eżistenza ta’ klawżola inġusta f’kuntratt li jorbot lil bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur jistax jiġi ssanzjonat permezz tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat.

3.

Din il-kawża toriġina minn tilwima bejn M. Tomášová u l-Ministerstvo spravodlivosti SR (ministeru tal-ġustizzja tar-Repubblika Slovakka u Pohotovosť s. r. o. dwar l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li permezz tagħha M. Tomášová kienet ġiet ikkundannata għall-ħlas ta’ somom ta’ flus relatati mal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

4.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li M. Tomášová hija persuna rtirata li l-uniku dħul tagħha jikkonsisti f’pensjoni ta’ EUR 347. Fl-2007, hija kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu għall-konsum ma’ Pohotovosť, li magħha hija kkuntrattat self ta’ EUR 232.

5.

Dan il-kuntratt kien fil-forma ta’ kuntratt imfassal minn qabel li jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ li tipprevedi l-obbligu li dak li jkun jaċċetta r-riżoluzzjoni tat-tilwim marbut miegħu minn qorti tal-arbitraġġ li s-sede tagħha kienet tinsab iktar minn 400 km ’il bogħod mir-residenza ta’ M. Tomášová. Barra minn hekk, skont l-imsemmi kuntratt, l-interessi moratorji kienu ta’ 91.25 % fis-sena. Barra minn hekk, il-kuntratt inkwistjoni ma kienx jindika r-rata annwali effettiva globali.

6.

Peress li M. Tomášová damet sabiex tħallas lura l-kreditu u ma setgħetx tħallas l-imsemmija interessi moratorji, hija kkonkludiet kuntratt ta’ self ieħor ta’ EUR 232.36 ma’ Pohotovosť.

7.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tad-9 ta’ April u tal-15 ta’ Mejju 2008 tal-iStálý rozhodcovský súd (qorti permanenti tal-arbitraġġ), M Tomášová ġiet ikkundannata tħallas lil Pohotovosť diversi somom minħabba n-nuqqas ta’ rimbors tal-krediti inkwistjoni, tal-interessi moratorji u tal-ispejjeż tal-proċedura.

8.

Wara li dawn id-deċiżjonijiet kisbu saħħa ta’ res judicata u saru eżekuttivi, Pohotovosť, fit-13 u s-27 ta’ Ottubru 2008, ressqet talbiet għal eżekuzzjoni quddiem l-Okresný súd Prešov (qorti tad-distrett ta’ Prešov, is-Slovakkja), li ġew milqugħa permezz ta’ deċiżjonijiet tal-15 u tas-16 ta’ Diċembru 2008.

9.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni kienu għadhom għaddejjin meta tressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

10.

Fid-9 ta’ Lulju 2010, M. Tomášová ressqet talba kontra l-ministeru tal-ġustizzja tar-Repubblika Slovakka bil-għan li tikseb kumpens ta’ EUR 2000 għal dannu li jirriżulta, fil-fehma tagħha, minn ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Okresný súd Prešov (qorti tad-distrett ta’ Prešov), minħabba li, fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri, din il-qorti laqgħet talbiet għal eżekuzzjoni bbażati fuq klawżola ta’ arbitraġġ inġusta u intiżi għall-irkupru ta’ somom fuq il-bażi ta’ klawżola inġusta.

11.

Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2010, l-Okresný súd Prešov (qorti tad-distrett ta’ Prešov) ċaħdet it-talba ta’ M Tomášová bħala infondata minħabba li din tal-aħħar ma kinitx għamlet użu mir-rimedji ġudizzjarji kollha li kienu għad-dispożizzjoni tagħha, minħabba li l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni kienu għadhom ma ngħalqux b’mod definittiv u minħabba li, konsegwentement, għad ma setax ikun hemm kwistjoni ta’ dannu, b’tali mod li l-imsemmija talba kienet tressqet b’mod prematur.

12.

M. Tomášová appellat minn din is-sentenza.

13.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2012, il-Krajský súd v Prešove (qorti reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja) annullat l-imsemmija sentenza u bagħtet lura l-kawża quddiem l-Okresný súd Prešov (qorti tad-distrett ta’ Prešov). Din qieset li l-argument imressaq mill-Okresný súd Prešov (qorti tad-distrett ta’ Prešov) sabiex timmotiva ċ-ċaħda tat-talba għad-danni mressqa minn M Tomášová ma kienx konvinċenti.

14.

Kien f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Okresný súd Prešov (qorti tad-distrett ta’ Prešov) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-fatt li tiġi rkuprata, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni mwettqa abbażi ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, somma bbażata fuq klawżola inġusta b’kontradizzjoni mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt tal-Unjoni?

2)

Stat Membru jista’ jitqies responsabbli minn ksur tad-dritt [tal-Unjoni] qabel ma l-parti fil-proċedura tagħmel użu mir-rimedji ġudizzjarji kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni; fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ fatt tal-kawża, din ir-responsabbiltà tal-Istat Membru tista’ tinħoloq, f’dan il-każ, qabel l-għeluq stess tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni u qabel ma r-rikorrenti teżawrixxi l-possibbiltà li titlob l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament?

3)

F’każ ta’ risposta affermattiva, l-aġir tal-korp deskritt mir-rikorrenti jikkostitwixxi ksur suffiċjentement manifest u serju tad-dritt [tal-Unjoni] fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali, b’mod partikolari fir-rigward tal-passività assoluta tar-rikorrenti u tal-fatt li hija ma eżawrixxietx ir-rimedji ġudizzjarji kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mid-dritt tal-Istat Membru?

4)

Jekk f’dan il-każ hija kwistjoni ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt [tal-Unjoni], is-somma mitluba mir-rikorrenti tikkorrispondi mad-dannu li għandu jwieġeb għalih l-Istat Membru; jista’ d-dannu hekk mifhum ikun ekwiparabbli mad-dejn irkuprat, jiġifieri l-arrikkiment indebitu?

5)

Il-kawża għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament, inkwantu rikors, tipprevali fuq il-kumpens għad-dannu?”

15.

Ġew issottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Slovakk u mill-Gvern Ċek kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

16.

Fit-18 ta’ Diċembru 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet talba għal kjarifiki lill-qorti tar-rinviju b’applikazzjoni tal-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ din it-talba, il-qorti tar-rinviju kienet mistiedna tippreċiża jekk u f’liema kundizzjonijiet din kienet mitluba tiddeċiedi fl-aħħar istanza fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-qorti wieġbet għal din l-istedina b’ittra li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Frar 2016.

II – Analiżi

17.

Din il-kawża tirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru bl-għan li jintalab kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil qorti nazzjonali. Id-domandi magħmula jaqgħu taħt il-kuntest speċifiku ta’ kawża dwar l-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li oriġinat mill-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li fir-rigward tiegħu huwa allegat li fih klawżoli inġusti, fis-sens tad-Direttiva 93/13.

18.

Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk u f’liema kundizzjonijiet ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja, mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata bbażata fuq deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li tilqa’ talba għal irkupru ta’ somom bl-applikazzjoni ta’ klawżola li għandha titqies bħala inġusta jikkostitwixxi ksur “suffiċjentement serju” ta’ natura li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan il-kuntest, din tistaqsi dwar jekk il-fatt li din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ma tkunx ingħalqet, li l-persuna li hija suġġetta għaliha kienet uriet passività assoluta u li hija ma għamlitx użu mir-rimedji ġudizzjarji u ta’ dritt kollha, bħal kawża għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament, li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħha fl-ordinament ġuridiku kkonċernat, għandhux effett f’dan ir-rigward.

19.

Ir-raba’ u l-ħames domandi jirrigwardaw il-portata ta’ talba possibbli għall-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba li l-qorti nazzjonali ma ħaditx azzjoni, billi din tal-aħħar naqset milli tevalwa n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni, u r-rabta tagħha ma’ azzjonijiet oħra ta’ natura ċivili.

A – Fuq l-ewwel tliet domandi preliminari: opportunità u kundizzjonijiet għal stabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat għal ksur mill-qorti nazzjonali tal-eżekuzzjoni forzata tal-obbligu tagħha li tevalwa ex officio l-eżistenza ta ’ klawżola inġusta skont id-Direttiva 93/13

20.

L-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi preliminari, essenzjalment, iwassluni sabiex nittratta l-punt dwar jekk il-fatt li l-qorti nazzjonali inkarigata mill-eżekuzzjoni kienet naqset milli tevalwa ex officio jekk il-klawżoli tal-kuntratt ta’ konsum inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhomx natura inġusta – u sussegwentement kienet warbithom fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni – huwiex ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat Membru kkonċernat.

21.

Din il-problema, fil-fehma tiegħi, tkopri żewġ aspetti li ser neżamina suċċessivament.

22.

L-ewwel aspett jikkonċerna l-kwistjoni jekk, f’sitwazzjoni bħal dik prevista f’dan il-każ, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni tistax tiġi stabbilita minħabba att jew nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ qorti nazzjonali li fir-rigward tagħha jidher eskluż li din ikollha tiddeċiedi fl-aħħar istanza.

23.

It-tieni aspett jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet l-ommissjoni li titqajjem u titwarrab l-eżistenza ta’ klawżola inġusta tista’ tiġi kklassifikata bħala “ksur suffiċjentement serju” ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

1. Fuq l-ewwel aspett: ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali tal-eżekuzzjoni forzata tista’ tiġi stabbilita qabel l-għeluq tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni u minkejja li l-parti allegatament leża ma għamlitx użu mir-rimedji ġudizzjarji nazzjonali kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha?

24.

F’dan il-każ, mid-domandi preliminari jidher li jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni fejn il-qorti a quo ma hijiex mitluba tiddeċiedi fl-aħħar istanza. Dawn id-domandi, fil-fatt, jidhru li jagħmlu sens biss għall-każ fejn kellu jitqies li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni ma ngħalqitx definittivament. Skont il-fehim tiegħi tal-proċess, jidher li għadha ma tteħditx deċiżjoni fuq il-mertu vinkolanti b’mod definittiv għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li din tal-aħħar ressqet talba għall-kumpens għad-dannu li hija kienet ġarrbet minħabba deċiżjoni ġudizzjarja li setgħet tiġi suġġetta għal rimedju ġudizzjarju ordinarju.

25.

Madankollu, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax biċ-ċar jekk, fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-Okresný súd Prešov (qorti tad-distrett ta’ Prešov) tiddeċidix jew le fl-aħħar istanza.

26.

Il-qorti tar-rinviju, fl-ittra tagħha li ssegwi t-talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma pprovdietx tweġiba definittiva dwar dawn l-aspetti. Mid-dritt nazzjonali applikabbli jirriżulta li d-digriet tal-qorti li jiċħad talba għall-awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors ( 3 ). Bl-istess mod, id-deċiżjoni li tilqa’ l-oġġezzjonijiet tad-debitur tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors ordinarju ( 4 ). Minn dan jirriżulta, hekk kif ippreċiża l-Gvern Slovakk, li, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, il-qorti ta’ eżekuzzjoni li l-proċedura tagħha hija s-suġġett ta’ din il-kawża tista’ tkun, iżda mhux neċessarjament hija ( 5 ), qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza.

27.

Din il-kunsiderazzjoni tal-aħħar madankollu jidhirli li tinsab fiċ-ċentru tal-problema marbuta mal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istati Membri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-qrati li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tagħhom.

28.

Ċertament, huwa stabbilit sew li l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istati Membri għad-danni kkawżati lill-individwi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mis-sentenza Francovich et ( 6 ) u li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tagħha kienu ġew ippreċiżati mis-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame ( 7 ), huwa validu għal kull ipoteżi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, u dan irrispettivament mill-korp tal-Istat Membru li l-azzjoni jew l-ommissjoni tiegħu tkun l-oriġini tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 8 ).

29.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ippreċiżat, fis-sentenza Köbler ( 9 ), li dan il-prinċipju kien applikabbli wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, meta l-ksur tad-dritt tal-Unjoni kien jirriżulta minn deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali.

30.

Għalhekk ma jistax jiġi eskluż mal-ewwel, b’mod ġenerali, li Stat jinżamm responsabbli għal ksur tad-dritt tal-Unjoni li joriġina minn aġir jew ommissjoni ta’ qorti nazzjonali, u dan irrispettivament min-natura tagħha jew mill-pożizzjoni tagħha fl-organizzazzjoni ġudizzjarja inkwistjoni.

31.

Għalkemm, fit-teorija, kull deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tikser id-dritt tal-Unjoni potenzjalment hija ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Istat, din madankollu ma hijiex dejjem suffiċjenti fil-każijiet kollha sabiex tiġi stabbilita din ir-responsabbiltà.

32.

Fil-każ fejn dan l-aġir jew din l-ommissjoni jseħħu fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja u meta huwa possibbli li jiġu kkundannati, skont ir-regoli tal-proċedura applikabbli fil-livell nazzjonali, fil-kuntest ta’ appell jew ta’ appell ippreżentat kontra s-sentenza kkontestata, hija tassew id-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li toħloq, ultima ratio, aġir jew ommissjoni tal-Istat kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

33.

Għalhekk mis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513) kif ukoll mill-ġurisprudenza sussegwenti għaliha ( 10 ) jirriżulta b’mod ċar li, f’tali sitwazzjoni, dan il-prinċipju jidher validu biss fir-rigward tal-qrati li jiddeċiedu fl-aħħar istanza.

34.

Għalhekk, f’din is-sentenza ewlenija, huwa b’mod partikolari abbażi tar-rwol essenzjali li għandha l-awtorità ġudizzjarja fil-protezzjoni tad-drittijiet li jisiltu l-individwi mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni u abbażi tal-fatt li qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tikkostitwixxi, mid-definizzjoni tagħha stess, l-aħħar istanza li quddiemha dawn jistgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonkludiet li l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet tiddgħajjef – u l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jagħtu drittijiet simili tiġi kkontestata – li kieku kien eskluż li l-individwi jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiksbu kumpens għad-danni kkawżati lilhom minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza ( 11 ).

35.

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Traghetti del Mediterraneo ( 12 ) indikat b’mod ċar li, b’rigward għall-ispeċifiċità tal-funzjoni ġudizzjarja kif ukoll għar-rekwiżiti leġittimi taċ-ċertezza legali, ir-responsabbiltà tal-Istat, f’każ simili, ma kinitx illimitata. Skont din is-sentenza, “din ir-responsabbiltà ma tirriżultax ħlief fil-każ eċċezzjonali fejn qorti nazzjonali [tiddeċiedi fl-]aħħar istanza” ( 13 ).

36.

Iktar reċentement, fis-sentenza Târșia ( 14 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien preċiżament minħabba l-fatt li d-deċiżjoni ġudizzjarja li timponi fuq D. C. Târșia l-ħlas ta’ taxxa kienet saret definittiva – deċiżjoni li, essenzjalment, sussegwentement ġiet iddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – li kellha tiġi prevista l-possibbiltà li l-Istat jinżamm responsabbli sabiex il-persuna kkonċernata tikseb protezzjoni legali tad-drittijiet tagħha.

37.

Minkejja li setgħu jinbdew ċerti dibattiti dottrinali fir-rigward ta’ jekk dan l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat setax possibbilment jirriżulta minn deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali li mhux neċessarjament jiddeċiedu fl-aħħar istanza ( 15 ), mill-ġurisprudenza li issa hija stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li jirriżulta li l-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà huwa ristrett b’mod ċar għall-ommissjonijiet tal-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux ikunu suġġetti għal rikors ordinarju.

38.

Fil-fatt, l-idea ġdida introdotta mis-sentenza Köbler ( 16 ), li tirriżulta mill-idea estensiva u unitarja li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tal-kunċett ta’ “Stat” fir-rigward tal-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ ma kinitx tagħmel sens ħlief fil-preżenza ta’ deċiżjoni imputabbli lil qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza – li madankollu ma jimplikax li bilfors tkun ikkonċernata qorti suprema.

39.

Din il-kunsiderazzjoni jidhirli li tirriżulta mingħajr ambigwità minn din is-sentenza. Fil-fatt, f’din is-sentenza, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq in-natura definittiva tad-deċiżjoni tal-qrati li jiddeċiedu fl-aħħar istanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk innotat “li qorti [nazzjonali] ta’ l-aħħar istanza tikkostitwixxi, mid-definizzjoni tagħha stess, l-aħħar istanza li quddiemha l-individwi jistgħu jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt Komunitarju” u li “[p]eress li ksur ta’ dawn id-drittijiet minn deċiżjoni ta’ tali qorti li saret res judicata ma jistax, normalment, iktar jiġi rimedjat, l-individwi ma jistgħux jiċċaħdu mill-possibbiltà li jinvokaw ir-responsabbiltà ta’ l-Istat sabiex b’dan il-mod jiksbu l-protezzjoni legali ta’ drittijiethom” ( 17 ).

40.

Din il-konklużjoni barra minn hekk jidhirli li tiżgura bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jiġu ggarantiti b’mod effettiv id-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni minn naħa, u l-ispeċifiċitajiet li jikkaratterizzaw l-intervent tal-korpi ġudizzjarji f’kull Stat Membru kif ukoll id-diffikultajiet li jistgħu jiffaċċjaw il-qrati nazzjonali fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja min-naħa l-oħra.

41.

Fi kliem ieħor, ikun hemm ksur tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura li tiġi stabbilta r-responsabbiltà tal-Istat minħabba d-dannu kkawżat minn deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja biss f’sitwazzjoni li tirrifletti n-nuqqas ta’ sistema ġudizzjarja meħuda fl-intier tagħha, jiġifieri fil-każ fejn il-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza ma kinitx f’pożizzjoni li tiggarantixxi b’mod effettiv il-protezzjoni ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni. Sabiex tkun kwistjoni ta’ nuqqas tal-Istat li jwettaq obbligu li jkun imputabbli għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġudizzjarju, jidhirli li huwa neċessarju li jkun hemm deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija b’mod definittiv u li tkun ta’ natura li timmobilizza s-sitwazzjonijiet ġuridiċi tal-persuni kkonċernati għall-futur ( 18 ).

42.

Hekk kif turi, fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 19 ), din il-konklużjoni jidhirli li hija valida kemm għas-sitwazzjoni fejn il-qorti tar-rinviju naqset mill-obbligu tagħha ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, huwa impost fuq il-qrati li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux ikunu suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja taħt id-dritt nazzjonali meta dawn iqajmu dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll għall-każ fejn huwa r-rispett tad-dritt sostantiv tal-Unjoni li jinsab inkwistjoni, bħal dak li jobbliga lill-qrati, skont l-effettività tad-Direttiva 93/13 u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 6(1) tagħha, li jevalwaw in-natura inġusta ta’ klawżoli li jinsabu f’kuntratti ta’ konsum u, possibbilment, li jwarrbuhom.

43.

Il-ħtieġa li tingħata lill-konsumaturi, parti tradizzjonalment meqjusa vulnerabbli, protezzjoni partikolari kif ukoll l-istatus ta’ ordni pubbliku mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja lir-regoli li jiżguraw protezzjoni lill-konsumaturi skont id-Direttiva 93/13 ( 20 ), huma ta’ natura li tiġi kkunsidrata mill-ġdid din il-konklużjoni jew li tiġi mmoderata fid-dawl tal-limiti imposti fuq il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali fir-rigward tal-kundizzjonijiet konkreti ta’ implementazzjoni tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat?

44.

Fl-opinjoni tiegħi, le.

45.

L-effettività tad-Direttiva 93/13, fil-fehma tiegħi, hija żgurata mill-possibbiltà, saħansitra l-obbligu f’ċerti sitwazzjonijiet, mogħtija lill-qorti nazzjonali li tindirizza n-natura inġusta u mill-possibbiltà, għall-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, li tipprojbixxi deċiżjoni meħuda bi ksur ta’ dan l-obbligu. Fil-fehma tiegħi ikun eċċessiv li jiġi previst l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat fil-każijiet kollha fejn ikun allegat li qorti, irrispettivament mill-pożizzjoni tagħha fl-istruttura ġudizzjarja nazzjonali u mil-livell ta’ intervent tagħha, naqset mill-obbligu tagħha li tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tinsab f’kuntratt li jorbot lil konsumatur ma’ bejjiegħ jew fornitur u, f’ċerti każijiet, li twarrab din il-klawżola.

46.

Madankollu, għalkemm il-prinċipju ta’ effettività għalhekk ma jitqajjimx inkwistjoni, l-affarijiet jistgħu jkunu differenti mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ ekwivalenza ( 21 ). Fil-fatt, għalkemm il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja huma neċessarji u suffiċjenti sabiex individwi jkollhom dritt jiksbu kumpens, ma jistax jiġi eskluż li l-Istat jista’ jinżamm responsabbli taħt kundizzjonijiet inqas restrittivi fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali. Għalhekk, fil-każ fejn huwa previst, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-qrati li ma jiddeċidux fl-aħħar istanza għal ksur ta’ dispożizzjonijiet legali nazzjonali applikabbli, din il-possibbiltà għandha tingħata wkoll taħt l-istess kundizzjonijiet fis-sitwazzjoni fejn il-qorti nazzjonali tkun kisret id-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13.

47.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, id-dritt tal-Unjoni fih innifsu ma jimponix fuq l-Istat Membru l-obbligu li jikkumpensa dannu li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja li għadha tista’ tiġi suġġetta għal rikors ordinarju.

48.

Bħala konklużjoni, ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal dannu kkawżat lil individwu minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn qorti nazzjonali tista’ tiġi stabbilita biss fil-każ eċċezzjonali fejn din il-qorti tiddeċiedi fl-aħħar istanza, fatt li, fir-rigward tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din it-tilwima.

49.

Fil-każ li l-qorti tar-rinviju għandha titqies, fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, bħala qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, tqum ukoll il-kwistjoni dwar sa fejn din kisret b’mod suffiċjentement serju dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

2. Fuq it-tieni aspett: f’liema kundizzjonijiet in-nuqqas li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi u, jekk ikun meħtieġ, li dawn jitwarrbu jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi?

50.

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ripetut li l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens għad-dannu mġarrab sakemm jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet, li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni jkun suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu mġarrab minn dawn l-individwi ( 22 ). Ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati minn deċiżjoni ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li tikser dispożizzjoni legali tal-Unjoni hija rregolata mill-istess kundizzjonijiet ( 23 ).

51.

L-implementazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu li l-Istati Membri jinżammu responsabbli għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha, fil-prinċipju, titwettaq mill-qrati nazzjonali, skont il-linji gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titwettaq tali implementazzjoni ( 24 ).

52.

Dawn il-linji gwida jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

53.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjoni miksura għandhiex l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Jiena għandi ftit dubji li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u l-obbligi imposti fuq il-qrati nazzjonali bl-għan li tiġi żgurata l-effettività sħiħa joħolqu, fir-rigward tal-individwi, drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom jissalvagwardjaw.

54.

Fit-tieni lok, u fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ ksur “manifest”, huwa għalhekk mifhum tajjeb li, b’kunsiderazzjoni tan-natura speċifika tal-funzjoni ġudizzjarja kif ukoll tar-rekwiżiti leġittimi taċ-ċertezza legali, ir-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni minn deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali ma hijiex illimitata. Għalhekk, minbarra l-fatt, imfakkar preċedentement, li din ir-responsabbiltà tista’ tiġi stabbilita biss fil-każ eċċezzjonali fejn il-qorti nazzjonali inkwistjoni tiddeċiedi fl-aħħar istanza, hemm lok li jiġi evalwat jekk din tal-aħħar kisritx b’mod manifest id-dritt applikabbli ( 25 ).

55.

X’jiġri mill-obbligu tal-qorti nazzjonali li tqajjem ex officio l-eżistenza ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur?

56.

Infakkar li s-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur, għal dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom ( 26 ).

57.

Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni imperattiva li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt b’bilanċ reali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar ( 27 ).

58.

Sabiex tiżgura l-protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll diversi drabi li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt ( 28 ).

59.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qorti nazzjonali kienet marbuta tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ( 29 ).

60.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk qorti wettqitx “ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni” meta naqset milli tikkonstata, f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ konsum, skont il-ġurisprudenza ( 30 ), diversi elementi huma rilevanti, elementi li jiena naħseb li nista’ nikklassifika f’żewġ kategoriji.

61.

L-ewwel kategorija tirrigwarda livell ġenerali ta’ ċarezza u preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura, li, jekk ikun meħtieġ, jimplika li jiġi ddeterminat jekk teżistix ġurisprudenza ċara tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ dritt imressqa quddiem il-qorti nazzjonali. It-tieni kategorija hija marbuta maċ-ċirkustanzi partikolari kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni kkonċernata, bħall-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-korpi nazzjonali mid-dispożizzjoni miksura; in-natura ċara, intenzjonali u/jew skużabbli tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat kif ukoll il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi prodotti quddiem il-qorti nazzjonali b’mod partikolari mill-partijiet fil-kawża. Fuq dan it-tieni aspett, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li hija l-qorti nazzjonali adita b’talba għal kumpens li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni mressqa quddiemha ( 31 ).

62.

L-ewwel nett, fir-rigward ta’ jekk id-dispożizzjoni miksura hijiex suffiċjentement ċara u preċiża, ma jistax jiġi kkontestat li ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa manifestament serju meta jibqa’ jeżisti minkejja li tkun ingħatat sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, minkejja li tkun ingħatat deċiżjoni preliminari jew minkejja l-eżistenza ta’ ġurisprudenza stabbilita sewwa tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam, li minnhom jirriżulta li l-aġir inkwistjoni jikkostitwixxi ksur ( 32 ).

63.

F’dan il-każ, fir-rigward tal-obbligu tal-qorti tal-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tqajjem ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, jiena tal-fehma li din id-dispożizzjoni, li kienet misluta b’mod ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma kinitx neċessarjament ikkaratterizzata mil-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġ fid-data li fiha deċiżjonijiet awtorizzaw l-eżekuzzjoni forzata inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, ma jistax jiġi konkluż b’mod evidenti li din id-dispożizzjoni, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, tal-15 u tas-16 ta’ Diċembru 2008 rispettivament, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet tirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza.

64.

Żewġ raġunijiet prinċipali jwassluni għal din il-konklużjoni.

65.

Fl-ewwel lok, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja, adita fil-kuntest ta’ rinviji preliminari bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 li joriġinaw minn tilwimiet ta’ natura varjata ħafna, mhux dejjem ipprovdiet risposta definittiva dwar il-kwistjoni jekk il-qorti nazzjonali “kellhiex” jew “setgħetx” tqajjem klawżola li hija tqis inġusta u, fl-affermattiv, jekk setgħetx jew kellhiex twarrabha. Għalkemm il-ġurisprudenza l-iktar reċenti bla dubju tiddeċiedi favur obbligu tal-qorti li tqajjem in-natura inġusta ta’ klawżola f’ċerti ċirkustanzi ( 33 ) u, jekk ikun meħtieġ, li tislet minnha l-konsegwenzi kollha, mhux dejjem kien hekk. Il-formuli użati mill-Qorti tal-Ġustizzja għal żmien twil kienu kkaratterizzati minn ċerta ambigwità, li ta’ spiss hija spjegata miċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull każ individwali ( 34 ).

66.

Barra minn hekk, f’diversi kawżi, kienet biss kwistjoni ta’ obbligu għall-qorti li tevalwa n-natura inġusta tal-klawżoli suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha f’ċirkustanzi partikolari ħafna. Skont formula issa stabbilita, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, li tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, meta jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan ( 35 ).

67.

Fit-tieni lok, dan ir-rikonoxximent ta’ “obbligu” jerġa’ huwa inqas evidenti fir-rigward tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li spiss jimplika intervent marġinali ( 36 ), saħansitra ineżistenti ( 37 ), tal-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni. Hekk kif diġà kelli l-okkażjoni li nsemmi, ma huwiex rari li, f’tali proċeduri, li jiżvolġu skont pjan semplifikat, il-qorti ma tkunx f’pożizzjoni li jkollha għarfien tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti.

68.

Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li huwa biss fid-digriet tagħha Pohotovosť ( 38 ) li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u b’mod partikolari ddeċidiet li meta l-qorti nazzjonali adita b’rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ finali jkollha, skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali, tevalwa ex officio jekk klawżola ta’ arbitraġġ tmurx kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, din tkun marbuta wkoll li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ din il-klawżola fir-rigward tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, mill-mument li jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan.

69.

Għalkemm dan id-digriet, ċertament, jirreferi għall-ġurisprudenza żviluppata sa dak iż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 39 ) sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, ma jistax jiġi eskluż li, f’għajnejn il-qorti nazzjonali, l-obbligi b’hekk imposti fuqha setgħu jqajmu ċerti mistoqsijiet.

70.

F’dan ir-rigward, jidhirli li l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qieset xieraq li tirregola l-Kawża C‑76/10, Pohotovost’ ( 40 ), permezz ta’ digriet adottat fuq il-bażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data ta’ din il-kawża ( 41 ), bl-ebda mod ma huwa determinanti sabiex jitqies li l-obbligi imposti fuq il-qorti tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienu jirriżultaw “b’mod ċar u preċiż” mill-ġurisprudenza.

71.

Jiena fil-fatt tal-fehma li l-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk il-qorti nazzjonali kellhiex quddiema dispożizzjoni legali ċara u preċiża ma hijiex marbuta mal-għażla tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikorri għal trattament proċedurali ssemplifikat sabiex tinterpreta tali dispożizzjoni. Il-fatt waħdu li setgħet titressaq talba għal deċiżjoni preliminari jħalli lok sabiex jiġi preżunt li, tal-inqas għal parti mill-qrati nazzjonali, id-dipożizzjoni legali inkwistjoni kienet ta’ natura li tqajjem diffikultajiet ta’ interpretazzjoni.

72.

Hekk kif spjega l-Avukat Ġenerali fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:329) ( 42 ), fir-rigward tar-rabta li setgħet tiġi stabbilita bejn il-kwistjoni tal-evidenza tal-eżistenza ta’ dubju raġonevoli li jobbliga lill-qorti nazzjonali tagħmel rinviju preliminari skont il-ġurisprudenza Cilfit et ( 43 ) u l-kliem tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]l-ewwel każ, fil-fatt, wieħed għandu jqis, sabiex ngħidu hekk, il-kwalità u l-konsistenza tad-dubji li l-qorti nazzjonali għandu jkollha fir-rigward ta’ kwistjoni tad-dritt Komunitarju sabiex tiddeċiedi jekk tressaqhiex jew le quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; fit-tieni każ, għall-kuntrarju, huma kkonċernati d-dubji li r-risposta għad-domanda tista’ eventwalment tqajjem għall-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-għażla tal-proċedura li għandha ssegwi sabiex tagħti risposta għaliha” ( 44 ).

73.

It-tieni nett, u anki jekk jiġi preżunt li d-dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi inkwistjoni hawnhekk titqies li hija stabbilita sew fiż-żmien tal-fatti rilevanti, it-tieni aspett li, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi eżaminat sabiex jiġi ddeterminat jekk effettivament hemmx “ksur manifest” ta’ dispożizzjoni legali, jirrigwarda ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-każ inkwistjoni.

74.

Fil-fatt, il-qorti hija marbuta li tqajjem ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola – u, jekk ikun meħtieġ, li twarrabha – biss fil-każ fejn din ikollha l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha huwa determinanti u huwa r-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li taċċetta li tinterpreta l-kriterji ġenerali użati mil-leġiżlatur Ewropew fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ klawżola inġusta, ġeneralment żammet lura milli tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għal klawżola partikolari ( 45 ).

75.

Jiena nqis li, fost il-punti ta’ fatt li jridu jitqiesu, hemm ir-reattività jew, għall-kuntrarju, il-passività tal-konsumatur previst. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, ippreċiżat li, għalkemm id-Direttiva 93/13 timponi, fit-tilwim li jinvolvi bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, intervent pożittiv, indipendenti mill-partijiet fil-kuntratt, min-naħa tal-qorti nazzjonali adita b’tali tilwim, l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax tasal sabiex tirrimedja għalkollox il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat. Konsegwentement, il-fatt li l-konsumatur ma jistax jinvoka l-protezzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fuq il-klawżoli inġusti ħlief jekk jibda proċedura ġudizzjarja ma jistax jitqies, fih innifsu, li jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività ( 46 ).

76.

Dan ir-rekwiżit tal-aħħar, jiġifieri dak li jimponi li jkunu saru sforzi mill-persuna allegatament leża sabiex tiġi evitata, jew tal-inqas limitata, il-portata tad-dannu mġarrab, ġie stabbilit preċiżament mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 47 ) u jippreżenta rabta assoluta mal-ħtieġa li jkun hemm deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija minn qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza ( 48 ).

77.

B’mod definittiv, wieħed jista’ jikkonstata biss li l-obbligu li tiġi evalwata ex officio n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali b’applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 jeżisti biss fil-każ fejn il-qorti nazzjonali jkollha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għal dan l-għan.

78.

Tali evalwazzjoni hija suġġettiva ħafna u taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali. Sabiex ikun possibbli li jiġi konkluż li l-ommissjoni tal-qorti li tevalwa u, jekk ikun il-każ, li twarrab klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn konsumaturi u bejjiegħa jew fornituri hija ta’ natura evidenti li tista’ tiġi ssanzjonata mill-perspettiva tar-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, għandha titqies in-natura skużabbli jew le ta’ din l-ommissjoni.

79.

Il-fatt li kienet inġibdet l-attenzjoni tal-qorti adita lejn dan l-aspett, irrispettivament minn jekk hux mill-konsumatur innifsu jew minn kwalunkwe sors ieħor ta’ informazzjoni, għandu wkoll importanza kbira.

B – Fuq ir-raba ’ u l-ħames domandi

80.

Hekk kif semmejt preċedentement, ir-raba’ u l-ħames domandi jirrigwardaw il-portata ta’ talba possibbli għall-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tal-qorti u r-rabta ta’ din it-talba ma’ azzjonijiet oħra.

81.

Fil-fatt, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dannu kkawżat mill-ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondix għall-ammont tal-kumpens mitlub minn M. Tomášová u jekk dan l-ammont jistax ikun ekwiparat mad-dejn irkuprat, jiġifieri l-arrikkiment indebitu. Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk kawża għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament inkwantu rikors, tipprevalix fuq il-kumpens għad-dannu.

82.

Jidhirli li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw aspetti li jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

83.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-kundizzjonijiet dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat jiġu ssodisfatti, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qrati nazzjonali, huwa fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà li l-Istat għandu jagħti kumpens għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, sakemm il-kundizzjonijiet, kemm sostantivi kif ukoll proċedurali, stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jkunux tali li jirrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika (prinċipju ta’ effettività) ( 49 ).

84.

Minn dan jirriżulta li r-regoli dwar l-evalwazzjoni ta’ dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni huma ddeterminati mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru, sakemm il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni li jistabbilixxu dawn ir-regoli josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

85.

Bl-istess mod, ir-rabta bejn kawża għall-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba ksur ta’ dispożizzjoni legali u l-azzjonijiet l-oħra disponibbli skont id-dritt nazzjonali, b’mod partikolari l-kawżi għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament li setgħu jitressqu skont id-dritt nazzjonali, hija ddeterminata mid-drittijiet nazzjonali bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

86.

Għalhekk huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li għandu jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jiġi kkonstatat u evalwat id-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni.

III – Konklużjoni

87.

Huwa propost li jingħataw ir-risposti sussegwenti għad-domandi magħmula mill-Okresný súd Prešov (qorti tad-distrett ta’ Prešov, is-Slovakkja):

1)

Stat Membru ma jistax jinżamm responsabbli għall-ommissjoni ta’ qorti nazzjonali, li tintervjeni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata bbażata fuq deċiżjoni ta’ arbitraġġ, li twarrab klawżola kuntrattwali meqjusa inġusta skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, meta l-parti debitriċi fil-proċedura inkwistjoni ma tkunx użat ir-rimedji ġudizzjarji ordinarji kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mid-dritt nazzjonali applikabbli.

2)

Sabiex l-ommissjoni, mill-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, li tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali skont id-Direttiva 93/13 tiġi kklassifikata bħala ksur suffiċjentement serju ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Istat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li ġew magħrufa lil din il-qorti fid-data li fiha tiddeċiedi. Tali ksur tad-dritt tal-Unjoni ma jistax jitqies li huwa suffiċjentement serju meta l-ommissjoni tal-qorti nazzjonali li tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt li jorbot lil bejjiegħ jew fornitur ma’ konsumatur hija ta’ natura skużabbli. Għall-kuntrarju, tali ommissjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala ksur suffiċjentement serju, meta, minkejja l-informazzjoni miġjuba għall-għarfien tagħha, irrispettivament jekk hux mill-konsumatur innifsu jew permezz ta’ mezzi oħra, il-qorti mitluba tiddeċiedi fl-aħħar istanza, tkun naqset milli tqajjem ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tinsab f’tali kuntratt.

3)

Huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li għandu jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jiġi kkonstatat u evalwat id-dannu possibbilment ikkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 3 ) Ara l-Artikoli 44 u 45 tal-Liġi Nru 233/1995 dwar il-marixxalli u l-proċedura ta’ eżekuzzjoni, li temenda u tikkompleta liġijiet oħra.

( 4 ) Ara l-Artikolu 50 tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq u l-Artikolu 202(2) tal-Liġi Nru 99/1993 li tistabbilixxi l-kodiċi tal-proċedura ċivili.

( 5 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Okresný súd Prešov (qorti tad-distrett ta’ Prešov) tat-22 ta’ Ottubru 2010, iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li tiċħad, peress li tressqet b’mod prematur, it-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali b’mod partikolari minħabba li din tal-aħħar ma kinitx għamlet użu mir-rimedji ġudizzjarji kollha għad-dispożizzjoni tagħha, bħal talba għal annullament tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni.

( 6 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991 (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punti 31 sa 37).

( 7 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996 (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 74).

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 34).

( 9 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003 (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 33 sa 36).

( 10 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 31); tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑379/10, EU:C:2011:775); tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 47), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 40).

( 11 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 33 sa 36).

( 12 ) Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2006 (C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 32).

( 13 ) Enfasi miżjuda minni.

( 14 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015 (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 40).

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, Beutler, B., “State Liability for Breaches of Community Law by National Courts: Is the Requirement of a Manifest Infringement of the Applicable Law an Insurmountable Obstacle”Common Market Law Review 46, 2009, Nru 3, p. 773 sa 804 (b’mod partikolari p. 789), u Huglo, J.-G., “La responsabilité des États membres du fait des violations du droit communautaire commises par les juridictions nationales: un autre regard”, Gazette du Palais, 12 ta’ Ġunju 2004, I Jur., p. 34.

( 16 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003 (C‑224/01, EU:C:2003:513).

( 17 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 34).

( 18 ) Hekk kif esprima l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑129/00, EU:C:2003:319, punt 63), b’mod simili għall-bażi tal-istruttura tal-Artikolu 234 KE (li sar l-Artikolu 267 TFUE) fir-rigward tal-obbligu ta’ rinviju preliminari, l-idea hija li d-deċiżjonijiet individwali ta’ qrati nazzjonali inferjuri li japplikaw b’mod inkorrett id-dritt tal-Unjoni jkunu jistgħu jerġgħu jiġu korretti fi ħdan il-ġerarkija ġudizzjarja nazzjonali. Jekk jiġi preżunt li din il-korrezzjoni ma sseħħx, deċiżjoni żbaljata waħda ta’ qorti inferjuri ma twassalx bilfors sabiex jiġi ppreġudikat l-effett utli tad-dispożizzjoni kkonċernata fi ħdan l-Istat Membru. Għall-kuntrarju, tali konsegwenzi huma evidentement probabbli fil-każ ta’ ġurisprudenza nazzjonali kuntrarja tal-qorti nazzjonali suprema, li fil-fatt titqies mill-qrati inferjuri bħala awtorevoli fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.

( 19 ) Għalhekk, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391), u tal-24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑379/10, EU:C:2011:775), in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih kienet akkużata l-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza kien jinsab fl-interpretazzjoni li hija kienet tat tad-dispożizzjonijiet legali.

( 20 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 56).

( 21 ) F’dan ir-rigward, irrid nenfasizza li huwa preċiżament skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, li ġie stabbilit, fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punti 49 sa 59), l-obbligu għall-qorti nazzjonali, adita b’rikors għall-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tkun saret res judicata, li tevalwa n-natura inġusta tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51); tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 51); tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punt 209); tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 47), kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2013, Leth (C-420/11, EU:C:2013:166, punt 41).

( 23 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 52).

( 24 ) Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 100); tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punt 210), u tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 48).

( 25 ) Ara s-sentenzitat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 53), u tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391, punti 32 u 42).

( 26 ) Sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 25), kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 25).

( 27 ) Sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 36), u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 25).

( 28 ) Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 27); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 26); tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 31), kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 41).

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 32), u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 32).

( 30 ) Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Ottubru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 53 sa 55), u tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C-173/03, EU:C:2006:391, punt 32).

( 31 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 54).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punt 214 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46); tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 49); tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 34); tat-30 ta’ April 2014, Barclays Bank (C‑280/13, EU:C:2014:279, punt 34); tas-17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 24); tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C‑348/14, EU:C:2015:447, mhux ippubblikata, punti 43 u 44), kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑539/14, EU:C:2015:508, punti 26 sa 28).

( 34 ) Jidher li, huwa mis-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 32), li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ċar fis-sens ta’ “obbligu” tal-qorti nazzjonali, minbarra l-possibbiltà li kienet ġiet irrikonoxxuta lilha f’kawżi preċedenti.

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Hekk kif kont innotajt fl-opinjoni tiegħi fil-kawża Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2110, punt 53), proċedura ta’ eżekuzzjoni, bħal dik li kienet inkwistjoni f’din il-kawża, li għandha l-għan li tirkupra kreditu kopert b’titolu eżekuttiv preżunt validu, hija, min-natura tagħha stess, differenti ferm mill-proċedura fuq il-mertu.

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637), fir-rigward tal-proċedura semplifikata ta’ eżekuzzjoni forzata notarili li teżisti fl-Ungerija.

( 38 ) Digriet tas-16 ta’ Novembru 2010 (C–76/10, EU:C:2010:685, punt 51).

( 39 ) Sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346); tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C‑473/00, EU:C:2002:705); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675); tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615).

( 40 ) Digriet tas-16 ta’ Novembru 2010 (EU:C:2010:685).

( 41 ) Din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi li, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

( 42 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Lyckeskog (C‑99/00, EU:C:2002:108, punt 74).

( 43 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335).

( 44 ) Enfasi miżjuda minni.

( 45 ) Sentenza tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten (C‑237/02, EU:C:2004:209, punti 22 u 23).

( 46 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 47 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2006, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 84 u 85).

( 48 ) Fis-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 69), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk kienet ippreċiżat li “l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li individwu ma jistax jikseb kumpens għad-danni meta jkun naqas, intenzjonalment jew b’negliġenza, milli jipprevjeni li jseħħu d-danni billi jirrikorri għal rimedju legali, sakemm l-użu ta’ dan ir-rimedju jkun jista’ jiġi raġonevolment rikjest mill-persuna leża, liema ħaġa għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali. Il-probabbiltà li l-qorti nazzjonali tressaq talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, jew l-eżistenza ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux, fihom infushom, jikkostitwixxu raġuni suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li mhuwiex raġonevoli li jiġi eżerċitat rimedju legali”.

( 49 ) Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 42);tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 58); tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 31); tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 62), kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 50).

Top